This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011AE0072
Opinion of the European Economic and Social Committee on the Green Paper — Towards adequate, sustainable and safe European pension systems COM(2010) 365 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Green Paper – Lejn sistemi ta’ pensjonijiet Ewropej adegwati, sostenibbli u siguri COM(2010) 365 finali
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Green Paper – Lejn sistemi ta’ pensjonijiet Ewropej adegwati, sostenibbli u siguri COM(2010) 365 finali
ĠU C 84, 17.3.2011, p. 38–44
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
17.3.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 84/38 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Green Paper – Lejn sistemi ta’ pensjonijiet Ewropej adegwati, sostenibbli u siguri
COM(2010) 365 finali
2011/C 84/08
Relatur: is-Sur DANDEA
Korelatur: is-Sur PATER
Nhar id-9 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Green Paper – Lejn sistemi ta’ pensjonijiet Ewropej adegwati, sostenibbli u siguri
COM(2010) 365 finali.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha fis-16 ta’ Diċembru 2010.
Matul l-468 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-19 u l-20 ta’ Jannar 2011 (sessjoni tal-20 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’185 vot favur, 9 voti kontra u 8 astensjonijiet.
1. Rakkomandazzjonijiet prinċipali
1.1 |
Kif imsemmi fil-Green Paper – Lejn sistemi ta’ pensjonijiet Ewropej adegwati, sostenibbli u siguri, l-Istati Membri huma liberi li jiddefinixxu l-prinċipji fundamentali tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom, u għalhekk il-forma u l-prestazzjoni tas-sistemi tal-pensjonijiet tagħhom, u huma kompletament responsabbli għal din id-definizzjoni. Madankollu, il-KESE jemmen li approċċ li jkun kkoordinat fil-livell tal-UE jista’ jikkontribwixxi għall-koerenza u jiggarantixxi li s-sistemi tal-pensjonijiet nazzjonali jkunu konsistenti mal-pilastri soċjali u tal-impjieg tal-istrateġija Ewropa 2020 peress li l-kwistjoni tal-impjiegi hija kruċjali għas-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet. Il-kummenti tal-KESE għandhom jitqiesu f’daqqa, mhux individwalment. |
1.2 |
Ir-riforma tas-sistemi tal-pensjonijiet hija kwistjoni li tiġi deċiża fil-livell nazzjonali, li għandha tqis il-kondizzjonijiet u l-kuntest li huma speċifiċi għall-pajjiżi u tiggarantixxi sistema tal-pensjoni adegwata u sostenibbli. L-ebda riforma ta’ dan it-tip m’għandha tiġi promossa jew ikkastigata – direttament jew indirettament – mir-regolamenti tal-UE. Fl-opinjonijiet tiegħu adottati fl-2000 u fl-2004 (1), il-KESE enfasizza li dan il-qasam għandu jitħalla f’idejn l-imsieħba soċjali. Minkejja d-differenzi kbar fis-sistemi tal-pensjonijiet nazzjonali, il-KESE huwa tal-fehma li hemm biżżejjed elementi komuni li jistgħu jiġu ttrattati fil-livell tal-UE, minn koordinazzjoni tal-politiki għal regolamenti, mingħajr ma jiġu ssuperati l-kompetenzi tal-UE fil-qasam tal-iskemi tal-pensjoni ffinanzjati. |
1.3 |
Il-proposti fil-Green Paper għandhom jiġu kkunsidrati mill-ġdid fil-kuntest usa’ tal-ekonomija soċjali tas-suq. Il-kriżi hija ta’ detriment għat-tkabbir, l-impjieg u l-pensjonijiet. L-UE tkun qed taqdi r-rwol tagħha ta’ appoġġ billi fl-istess ħin tistabbilixxi politika strutturata ta’ rkupru, intiża biex iżżid it-tkabbir orjentat lejn il-kwalità bis-saħħa ta’ politika attiva tax-xogħol, taħriġ vokazzjonali, investimenti u innovazzjoni u b’hekk tkun qed tippromovi l-ħolqien ta’ iktar postijiet tax-xogħol u postijiet tax-xogħol deċenti u tistabbilizza l-iskemi Pay-As-You-Go li jeżistu fl-Istati Membri. Dawn l-iskemi huma “shock absorbers” qawwija fi żmien ta’ kriżi. Qabel ma jipproponi li jinfetħu skemi tal-pensjoni solidari għall-fondi tal-pensjoni u sistemi ffinanzjati, għar-raġuni li l-iskemi Pay-as-You-Go bbażati fuq is-solidarjetà jżidu d-defiċit pubbliku fir-rigward tal-Patt ta’ Stabbiltà, l-Istati Membri għandhom jiftakkru li l-iskemi tal-pensjoni ffinanzjati ma jgħinux lill-persuni jegħlbu l-effetti tal-kriżijiet ekonomiċi, anzi, dawn l-iskemi stess issirilhom il-ħsara minn kull kriżi finanzjarja u dik tal-Borża. |
1.4 |
Il-popolazzjoni fl-Ewropa qed tixjieħ b’riżultat ta’ rati baxxi tat-twelid u stennija tal-għomor itwal. Il-KESE jaqbel li t-tbassir demografiku għandu jiġi analizzat u ssorveljat fuq bażi regolari biex ikun jista’ jsir tibdil adegwat u f’waqtu fis-sistemi tal-pensjonijiet skont kondizzjonijiet ġodda. Madankollu, dan it-tbassir, inkluża n-nefqa pubblika futura fuq il-pensjonijiet, għandu jintuża u jitqies bir-reqqa peress li dan jista’ jinkludi bosta ipotesi li huma diffiċli tbassarhom fuq perijodu twil ta’ żmien (2). Għalkemm hija bbażata fuq l-aħjar għarfien tal-esperti,l-ipotesi tal-Eurostat li l-istennija tal-għomor ser tiżdied b’seba’ snin fl-UE tul l-40 sena li jmiss ma tistax tkun ċerta. Aktar titjib fit-tul tal-għomor jista’ jiġi influwenzat minn bidliet fil-kondizzjonijiet tax-xogħol u ta’ għajxien. Il-KESE huwa tal-fehma li l-proposti li l-Kummissjoni ressqet fil-Green Paper, li huma essenzjalment ibbażati fuq id-demografija u projezzjonijiet ta’ 50 sena, ma jqisux il-fatt li l-effetti tal-kriżi fuq l-iskemi tal-pensjoni iktar jinħolqu minħabba n-nuqqas ta’ impjiegi u investiment milli d-demografija. |
1.5 |
Il-KESE jiddubita li sempliċiment żieda fl-età legali tal-irtirar tista’ ssolvi l-problemi marbuta mal-isfidi demografiċi. Għall-kuntrarju, huwa jemmen li din tista’ titfa’ miljuni ta’ persuni anzjani taħt il-linja tal-faqar, speċjalment in-nisa. Li huwa meħtieġ huwa li tiżdied l-età effettiva tal-irtirar sal-età bil-liġi eżistenti billi jintużaw inizjattivi relatati li jippromovu l-estensjoni tal-ħajja tax-xogħol, li jkunu appoġġjati wkoll minn politiki effettivi tat-tkabbir u l-impjieg. Hija biss politika ġenwina ta’ “tixjiħ attiv”, maħsuba għal parteċipazzjoni miżjuda fit-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja, li tista’ tipproduċi żieda sostenibbli fir-rata tal-impjieg ta’ nies imdaħħla fiż-żmien li jieqfu mix-xogħol kmieni minħabba problemi ta’ saħħa, intensità tax-xogħol, tkeċċija mix-xogħol qabel iż-żmien, u nuqqas ta’ opportunitajiet għal taħriġ jew dħul mill-ġdid fis-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, żieda fl-età legali tal-irtirar tista’ żżid pressjoni fuq il-pilastri l-oħra tas-sigurtà soċjali (3), bħalma huma l-pensjonijiet tal-invalidità jew id-dħul minimu, kif ġara f’xi wħud mill-Istati Membri, tant li l-progress li jkun sar lejn finanzi pubbliċi b’saħħithom ikun falz u għalhekk għandha tiġi kkunsidrata fuq bażi volontarja. |
1.6 |
Il-mekkaniżmi ta’ aġġustament awtomatiku għall-età tal-pensjoni, ibbażati jew fuq l-istennija ta’ tul ta’ ħajja itwal jew fuq il-bidliet demografiċi, huma meqjusa bħala xi ħaġa perikoluża għas-soċjetà kollha kemm hi u għaldaqstant mhumiex appoġġjati mill-KESE. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-mekkaniżmi jżidu awtomatikament l-età tal-irtirar korelatati mal-estensjoni tal-istennija tal-ħajja u parametri oħra tas-suq ekonomiku jew tax-xogħol. Deċiżjonijiet daqshekk fundamentali dwar il-kondizzjonijiet tal-għajxien għandhom jittieħdu mill-parlamenti, u mhux mill-kompjuters, wara dibattitu pubbliku wiesa’, li jinkludi l-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħra importanti. Barra minn hekk, kwalunkwe Stat Membru li jintroduċi dan il-mekkaniżmu għandu jqis il-fatt li minkejja li dan inaqqas il-pressjoni pubblika kontra r-riformi, fl-assenza ta’ opportunitajiet reali tax-xogħol għall-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien, dan jista’ jċaqlaq l-appoġġ finanzjarju għal dawn il-ħaddiema lejn pilastri oħra tas-sigurtà soċjali. Għalhekk, jista’ jagħti l-każ li l-implimentazzjoni krudili ta’ dan il-mekkaniżmu fl-iskemi tal-pensjoni sabiex il-pensjonijiet isiru adegwati u sostenibbli jista’ ma jirnexxilhiex tagħti l-benefiċċji mwiegħda. |
1.7 |
Kemm l-iskemi Pay-As-You-Go kif ukoll dawk iffinanzjati huma affettwati mill-kriżi ekonomika attwali, iżda b’mod differenti. Għandu jiġi enfasizzat li l-introduzzjoni tal-iskemi tal-pensjoni ffinanzjati obbligatorji f’ċerti Stati Membri fis-snin disgħin kienet meqjusa bħala mod kif wieħed jevita r-riskji tal-pensjoni, bħalma huma s-sostenibbiltà jew l-adegwatezza, li huma kkawżati mit-tixjiħ tal-popolazzjoni. Il-kriżi finanzjarja u l-konsegwenzi tagħha juru li l-iskemi tal-pensjoni obbligatorji ffinanzjati huma esposti għal riskji finanzjarji partikolari. Madankollu, l-iskemi ta’ pensjoni Pay-As-You-Go jintlaqtu wkoll mill-kriżi ekonomika u t-tixjiħ, minħabba t-tnaqqis fis-somma aggregata tal-pagi. Issa huwa ċar li l-iskemi tal-pensjoni kollha, irrispettivament mill-metodu ta’ finanzjament, jistgħu jiġu milquta, iżda b’modi differenti, kemm mill-kriżijiet ekonomiċi kif ukoll mit-tixjiħ. Għalhekk, hemm bżonn ġestjoni u monitoraġġ tajbin ta’ dawn l-iskemi u politika ekonomika tajba biex jitnaqqsu sew ir-riskji li jheddu s-sostenibbiltà tagħhom. Minkejja l-varjetà ta’ sistemi ta’ pensjoni madwar l-UE, kull tentattiv biex jiżguraw li dawn is-sistemi huma adegwati u sostenibbli jrid ikollu aproċċ olistiku. Il-KESE jemmen li l-iskemi obbligatorji Pay-As-You-Go għandhom ikomplu jaqdu rwol fundamentali fl-iżgurar ta’ pensjonijiet futuri u għalhekk għandha tingħatalhom attenzjoni speċjali sabiex tinqaleb it-tendenza osservata ta’ rati ta’ sostituzzjoni mnaqqsa f’ħafna pajjiżi tal-UE. |
1.8 |
Fi żmien meta l-popolazzjoni qed tixjieħ, is-suċċess li jkunu żgurati finanzi pubbliċi sostenibbli ser jiddependi fuq l-isforzi tal-UE fl-oqsma prinċipali li ġejjin: l-appoġġ għall-kwantità u l-kwalità tal-impjiegi, iż-żieda fil-produttività u l-prestazzjoni ekonomika, it-titjib tal-flessigurtà fis-suq tax-xogħol, it-tagħlim tul il-ħajja, l-immigrazzjoni u l-integrazzjoni tal-migranti. Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni għandha tirrakkomanda li jsir xogħol fuq kunċett ta’ impjieg għal kulħadd, b’xogħol deċenti f’kull fażi tal-ħajja, b’enfasi partikolari fuq id-dħul taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, it-tħeġġiġ tat-tixjiħ f’saħħtu u l-parteċipazzjoni fit-taħriġ u tagħlim tul il-ħajja. Dak li jridu n-nies huwa li kulħadd jaħdem u jaħdem aħjar, minn issa. Dan ifisser li huwa kruċjali li jinħolqu l-kondizzjonijiet tajba biex jinħolqu impjiegi ġodda. |
1.9 |
Il-KESE jenfasizza li sistema tal-pensjoni trid tkun kredibbli u adegwata, li jfisser li trid issir tfittxija u implimentazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji ġodda sabiex jiġi garantit bilanċ bejn il-ġenerazzjonijiet. b’hekk biss il-ġenerazzjonijiet futuri ser jikkkontribwixxu lejn skema tal-pensjoni, kondizzjoni essenzjali biex l-iskemi tal-pensjoni ikunu sostenibbli. Is-sistemi tal-pensjonijiet jridu jkunu trasparenti, u l-informazzjoni u l-istatistika dwar it-tħaddim tagħhom iridu jkunu disponibbli u jinftiehmu. It-taħriġ fil-litteriżmu finanzjarju għandu jsir parti mill-kurrikuli tal-iskejjel |
1.10 |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex l-ugwaljanza bejn is-sessi ssir realtà. Għandha tiġi evalwata d-differenza fl-etajiet tal-irtirar għall-irġiel u n-nisa. Meta tiġi kkombinata mal-età tal-irtirar aktar baxxa tan-nisa, ir-rabta bejn il-livell tal-benefiċċji u l-fatturi demografiċi titfa’ lin-nisa f’riskju akbar ta’ faqar f’età avvanzata. Dan iżid mar-riskju diġà ogħla tan-nisa li jaqilgħu pensjonijiet aktar baxxi bħala riżultat ta’ salarji aktar baxxi (minħabba d-differenza fil-pagi bejn is-sessi), waqfiet itwal meta jkollhom it-tfal u riskju ogħla ta’ qgħad iktar fit-tul. Il-karrieri tan-nisa huma wkoll inqas stabbli. F’dan is-sens huwa importanti li jiġu evitati perijodi twal barra mis-suq tax-xogħol. Pereżempju titjib fil-provvista tal-kura għat-tfal u l-anzjani jista’ jgħin sew lil ħafna nisa biex jidħlu u jibqgħu fis-suq tax-xogħol. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimplimentaw politiki reali li jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet. |
1.11 |
Il-KESE jafferma mill-ġdid li l-pensjonijiet mhumiex, kif hemm imniżżel fil-Green Paper, “premju” iżda forma ta’ paga diferita jew ta’ tfaddil, irrispettivament mit-tip ta’ sistema. Il-pensjonanti huma kategorija soċjoekonomika importanti ħafna u m’għandhiex titqies bħala piż iżda bħala attur ekonomiku ewlieni, li jħaddan medja ta’ 25 % tal-popolazzjoni, li jixprunaw id-domanda globali. |
1.12 |
Wieħed għandu jiftakar li anki fl-Istati Membri fejn jeżistu l-iskemi Pay-As-You-Go, l-iskemi volontarji tal-pensjoni ffinanzjati ma jistgħux jimtlew biss minn impjegati li jistgħu jfaddlu. Fil-każ tas-sistemi obbligatorji tal-pensjonijiet iffinanzjati, jekk dawn is-sistemi jsiru prattika standard u l-iskemi Pay-As-You-Go jiċċaqilqu parzjalment lejn l-iskemi tal-pensjoni ffinanzjati, ir-riżultat għandu jevita li joħloq inugwaljanzi u li jipperikola d-dħul tal-pensjonanti fil-ġejjieni. |
1.13 |
L-adegwatezza u s-sostenibbiltà tal-pensjonijiet għandhom jitqiesu bħala prijorità kemm mil-lat makroekonomiku kif ukoll dak soċjali. Din hija kwistjoni kruċjali għall-ekonomija, u b’hekk l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw li jfittxu sorsi ta’ finanzjament jew modi kif jikkomplementawhom, apparti mit-taxxi fuq is-salarji, biex jgħinu jiffinanzjaw is-sistemi tal-pensjonijiet. |
1.14 |
Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirriformaw l-iskemi tal-pensjoni nazzjonali għal raġunijiet ta’ adegwatezza, sostenibbiltà u sigurtà, bil-parteċipazzjoni u l-involviment mill-imsieħba soċjali. |
2. Tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni Ewropea
2.1 |
Kif tista’ l-UE tappoġġja l-isforzi tal-Istati Membri biex ittejjeb l-adegwatezza tas-sistemi tal-pensjoni? Għandha l-UE tfittex li tiddefinixxi aħjar x’ikun dħul adegwat meta wieħed jirtira? |
2.1.1 |
L-ewwel pass li għandha tieħu l-Kummissjoni huwa li tiddefinixxi l-prinċipji gwida tal-adegwatezza fil-livell tal-UE. Il-pensjonijiet għandhom joffru s-sigurtà materjali u d-dinjità. Hemm bosta strumenti tal-UE li jipprovdu appoġġ għall-Istati Membri. Dawn jinkludu l-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni, il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u t-tliet pilastri tal-Istrateġija ta’ Stokkolma (4). Bl-istess mod, skont it-TFUE, ir-regolamenti dwar l-iskemi tas-sigurtà soċjali u l-pensjonijiet jistgħu jiġu approvati fil-livell tal-UE. Il-KESE jirrikonoxxi kemm hu diffiċli biex ir-regolazzjoni ssir fil-livell tal-UE, iżda il-Kummissjoni tista’ tanalizza u, jekk hemm bżonn, tirrevedi l-qafas regolatorju eżistenti b’mod speċjali rigward l-iskemi ta’ pensjoni ffinanzjati, tal-anqas fl-oqsma li ġejjin:
|
2.1.2 |
L-analiżi għandha teżamina, b’mod partikolari, l-iżvilupp tal-iskemi tal-pensjoni ffinanzjati obbligatorji amministrati minn istituzzjonijiet privati b’għażla individwali, li ddaħħlu f’xi Stati Membri lejn l-aħħar tas-snin disgħin. Ir-regolamentazzjoni eżistenti tal-UE hija bbażata fuq l-esperjenzi ta’ pajjiżi li ma inkludewx soluzzjoni ta’ dan it-tip fis-sistemi tal-pensjonijiet tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tiffoka b’mod speċjali fuq is-sistema tal-pensjoni ffinanzjati obbligatorji, b’ħarsa lejn:
Il-KESE jirrakkomanda kawtela fir-riforma, peress li t-trasferiment ta’ parti mill-kontribuzzjonijiet li attwalment ġejjin minn sistemi Pay-As-You-Go fis-sistemi ffinanzjati m’għandux idgħajjef is-sistemi Pay-As-You-Go, sabiex jiġi garantit benefiċċju reali għall-pensjonanti futuri. In-nuqqas ta’ regolamentazzjoni effettiva jwassal għal żieda tar-riskju finanzjarju, b’mod speċjali fi żminijiet ta’ kriżi ekonomika. L-investimenti tal-fond tal-pensjoni għandhom iqisu l-bżonn tal-allokazzjoni tal-assi tul iċ-ċiklu tal-ħajja. |
2.1.3 |
Il-KESE jikkunsidra li, bil-Metodu Miftuħ tal-Koordinazzjoni, il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali u s-sottogrupp tiegħu tal-Indikaturi, appoġġjat mill-Kumitat tal-Politika Ekonomika u l-Grupp ta’ Ħidma dwar il-popolazzjonijiet li qed jixjieħu, jistgħu jiżviluppaw u jtejbu l-istrumenti biex jivvalutaw l-impatt potenzjali tat-tixjiħ fuq is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u pensjoni deċenti. Il-kalkoli tar-riskju tal-faqar għall-familji tal-pensjonanti bbażat fuq il-metodu ġenerali tal-Eurostat ma jirnexxilux jitfa’ dawl biżżejjed fuq kemm pensjonant huwa espost għall-faqar, minħabba l-istruttura differenti tad-dħul u tal-infiq ta’ dawn il-familji. Għandu jiġi żviluppat metodu aħjar biex jistabbilixxi kemm pensjonant huwa espost għar-riskju tal-faqar. Huwa jista’ josserva kemm hu adegwat id-dħul tal-pensjonanti. Għandhom jitwettqu iktar stimi ta’ statistika biex jiġi vvalutat kemm huma adegwati l-pensjonijiet fid-dawl tal-kapaċità tagħhom li jevitaw il-faqar fost l-anzjani u li jiżguraw livelli ta’ għajxien deċenti għall-pensjonanti, biex dawn ikunu jistgħu jipparteċipaw fil-ħajja pubblika, soċjali u kulturali (5). Madankollu, l-adegwatezza tal-pensjonijiet trid tiġi definita fil-livell nazzjonali. |
2.2 |
Il-qafas tal-pensjonijiet eżistenti fil-livell tal-UE huwa biżżejjed biex jiżgura finanzi pubbliċi sostenibbli? |
2.2.1 |
Il-qafas Ewropew tal-pensjoni jiffoka fuq il-monitoraġġ tal-infiq futur fuq il-bażi ta’ regoli aċċettati. Dan il-metodu jħeġġeġ lil dawk li jfasslu l-politiki biex jiffokaw fuq il-punt finali tat-tbassir tagħhom. Il-KESE jenfasizza li l-monitoraġġ tal-livell ġenerali tal-obbligi marbutin mas-sistemi tal-pensjonijiet huwa ta’ importanza fundamentali. B’hekk, il-qafas attwali jista’ jiġi komplut permezz ta’ monitoraġġ u rappurtaġġ dwar l-obbligi ta’ pensjoni impliċiti bl-użu ta’ metodoloġija approvata. |
2.2.2 |
Tista’ tingħata konsiderazzjoni għal reviżjoni tar-regoli tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir biex ikun żgurat li r-riżultat tar-riformi (inkluż il-bidla minn sistemi ta’ pensjoni Pay-As-You-Go għal dawk iffinanzjati parzjalment) li jwassal għal bidla fil-finanzjament tas-sistemi tal-pensjoni – li żżid l-obbligazzjonijiet espliċiti u tnaqqas dawk impliċiti – jiġi rifless b’mod adatt. Jekk isir dan, dawn ir-riformi, immirati li jsolvu sfidi ta’ sostenibbiltà fit-tul, ma jiġux ippenalizzati f’qasir żmien minħabba dejn pubbliku espliċitu ogħla. |
2.2.3 |
Madankollu, il-promozzjoni attwali ta’ riformi effettivi fuq il-bażi ta’ projezzjonijiet tal-2060 tista’ twassal biex ma tintlaħaqx il-mira tal-adegwatezza u s-sostenibbiltà tal-pensjonijiet. Il-KESE jirrakkomanda li s-sistemi ta’ pensjoni Pay-As-You-Go, jiġu ssupplimentati b’fondi ta’ lqugħ fuq il-bażi ta’ każ b’każ sabiex jiġu evitati r-riskji ta’ aġġustamenti rapidi li jistgħu jaffettwaw lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli. |
2.2.4 |
Il-KESE jqis li l-mistoqsija tal-Kummissjoni tiżvija l-pubbliku ġenerali. Huwa essenzjali li jkun hemm garanzija ta’ finanzi pubbliċi sostenibbli. Dan irid isir fil-livell nazzjonali u jirrikjedi ħafna aktar milli sempliċiment wieħed jagħti ħarsa ġdida lis-sistemi tal-pensjonijiet. |
2.3 |
Kif jistgħu jintlaħqu l-aħjar etajiet ta’ rtirar effettivi u kif jistgħu ż-żidiet fl-etajiet tal-pensjoni jikkontribwixxu? Għandhom jiġu introdotti mekkaniżmi ta’ aġġustament awtomatiku relatati mal-bidliet demografiċi fis-sistemi tal-pensjoni biex jiġi bbilanċjat iż-żmien li wieħed iqatta’ jaħdem u dak li jagħmel bħala rtirat? Xi rwol jista’ jkollu l-livell Ewropew f’dan ir-rigward? |
2.3.1 |
Sal-2020, l-età legali għall-irtirar fil-maġġoranza tal-Istati Membri se tkun ta’ 65. Skont id-data tal-Eurostat, l-età medja effettiva tal-irtirar fil-livell tal-UE fl-2008 kienet ta’ 61,4 (6). Madankollu, ir-rata tal-impjieg tal-persuni bejn il-55 u l-64 sena għadha baxxa, madwar 40 %. Hemm bżonn inizjattivi sabiex jinħoloq xogħol għal ħaddiema mdaħħlin fiż-żmien, biex jinbidel l-approċċ ta’ min iħaddem lejn dan il-grupp ta’ età u biex tinbidel l-attitudini tal-impjegati stess li huma mdaħħlin fiż-żmien, kif ukoll inizjattivi biex jinħolqu l-kondizzjonijiet għat-tixjiħ attiv, peress li l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ aġġustament awtomatiku għall-età tal-irtirar li twassal għal żieda fl-età tal-irtirar bil-liġi tista’ titfa’ miljuni ta’ ħaddiema f’pilastri oħra tas-sistema tal-protezzjoni soċjali (jiġifieri benefiċċji tal-qgħad, pensjoni tal-invalidità jew dħul minimu garantit), bir-riskju li jiżdied sew il-faqar f’din il-kategorija. Il-KESE jemmen li l-politiki li jappoġġjaw l-impjieg għandhom ikunu ta’ prijorità fl-UE. Ir-risposta ewlenija għall-isfida demografika għandha tkun immirata lejn il-politika tat-tkabbir u żieda fl-impjieg. |
2.3.2 |
Huwa essenzjali li jiġu promossi l-inizjattivi fil-livell tal-UE li jaqgħu taħt l-istrateġija attwali Ewropa 2020 sabiex il-ħaddiema jingħataw l-opportunità li jaħdmu. L-Istati Membri għandhom iżidu l-kapaċità għall-impjieg u jistabbilixxu l-kondizzjonijiet meħtieġa biex in-negozji joħolqu l-impjiegi u biex l-impjegati jibqgħu jaħdmu jekk ikunu jixtiequ. Il-promozzjoni ta’ ħajja tax-xogħol itwal teħtieġ sforz konġunt min-naħa tal-Istat, min iħaddem u l-individwi. Min iħaddem jeħtieġ appoġġ vigoruż biex jipprovdi aktar impjiegi għal ħaddiema mdaħħla fiż-żmien li jkunu waqfu mix-xogħol kmieni minħabba problemi ta’ saħħa u l-kondizzjonijiet tax-xogħol, l-intensità tax-xogħol, it-tkeċċija mix-xogħol qabel iż-żmien, kif ukoll minħabba nuqqas ta’ opportunitajiet għal taħriġ jew għad-dħul mill-ġdid fis-suq tax-xogħol. L-anzjani għandhom jitħeġġu u jiġu stimulati biex itejbu l-kapaċità tagħhom għall-impjieg u biex jibqgħu attivi fis-suq tax-xogħol. Peress li d-dritt għall-irtirar huwa dritt fundamentali, mhi se tiġi kkunsidrata l-ebda żieda awtomatika fl-età legali tal-irtirar. Il-KESE jinnota li l-kwistjoni tal-età legali tal-irtirar hija kwistjoni separata, distinta minn dik tat-tul ta’ żmien li fih saru kontribuzzjonijiet u ħlasijiet. |
2.3.3 |
Huwa dibattibbli kemm sempliċiment żieda fl-età legali tal-irtir tista’ żżid l-età effettiva tal-irtirar. Dan ċertament kien ikun il-każ li kieku ma ġewx implimentati politiki attivi tas-suq tax-xogħol, relazzjonijiet industrijali adegwati, strateġiji għal tixjiħ attiv, u miżuri għaż-żieda tas-solidarjetà fis-sistema tal-pensjoni. Hija biss politika konxja ta’ “tixjiħ attiv”, li tippromovi t-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja, li tista żżid l-impjieg ta’ nies imdaħħla fiż-żmien. |
2.3.4 |
Il-KESE huwa konvint li l-mekkaniżmi ta’ aġġustament awtomatiku ma jistgħux jissostitwixxu deċiżjoni politika regolari. Deċiżjonijiet fundamentali dwar il-kondizzjonijiet tal-għajxien tal-persuni għandhom jittieħdu mill-parlamenti wara dibattitu pubbliku wiesa’. Li kieku dawn ġew implimentati, l-aġġustamenti awtomatiċi kienu jirriskjaw taħlita mhux adatta ta’ estensjonijiet tal-perijodi tal-impjieg u l-irtirar. Fil-passat it-tibdiliet fl-istennija tal-għomor kienu jiġu akkumpanjati minn perijodi itwal ta’ edukazzjoni u rtirar u tnaqqis fiż-żmien li wieħed kien iqatta’ f’impjieg attiv. Iż-żieda fl-età tal-irtirar m’għandhiex tkun miżura li tittieħed waħidha iżda għandha tittieħed flimkien ma’ miżuri li jtejbu l-opportunitajiet tal-impjieg għal persuni li jkunu waslu biex jirtiraw. |
2.4 |
Kif tista’ l-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 tintuża biex tippromwovi impjiegi iktar fit-tul, il-benefiċċji tagħha għan-negozji u fl-indirizz tad-diskriminazzjoni fl-età fis-suq tax-xogħol? |
2.4.1 |
L-estensjoni tal-impjieg hija rilevanti għall-għanijiet kollha tal-istrateġija Ewropa 2020. L-imsieħba soċjali għandhom jiġu inklużi fl-inizjattivi orjentati lejn iż-żieda fir-rata tal-impjieg għall-75 % tal-popolazzjoni attiva. Il-KESE jemmen li jinħtieġ approċċ speċjali sabiex tintlaqa’ l-isfida li tiżdied ir-rata tal-impjieg fil-grupp tal-età ta’ bejn 55–64 sena. Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jistabbilixxu mira negozjata mal-imsieħba soċjali għal dan il-grupp ta’ età fil-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali tagħhom. |
2.4.2 |
Fil-passat, il-KESE ressaq rakkomandazzjonijiet dettaljati għall-UE u l-Istati Membri (7) dwar politiki li jħeġġu impjieg iktar għat-tul. Flimkien mat-taħriġ vokazzjonali tul il-ħajja, miżuri attivi tas-suq tax-xogħol, inċentivi finanzjarji biex l-impjegati jibqgħu fl-impjieg, inklużi l-ħaddiema indipendenti, u biex jinbidel l-approċċ tal-intrapriżi lejn impjegati mdaħħlin fiż-żmien, għandhom jiġu promossi wkoll dawn il-miżuri li ġejjin sabiex il-ħaddiema mdaħħlin fiż-żmien jiġu offruti għażliet ġodda:
|
2.4.3 |
Politiki li jiffavorixxu impjieg aktar fit-tul għandhom jindirizzaw ukoll il-kwistjoni taż-żgħażagħ li qed jidħlu fis-suq tax-xogħol aktar tard minn ġenerazzjonijiet preċedenti. L-estensjoni tal-ħajja tax-xogħol tfisser ukoll li jiġu ttrattati kemm il-qgħad, b’mod partikolari l-qgħad fit-tul, kif ukoll waqfiet tul il-karriera minħabba t-trobbija tat-tfal, il-kura ta’ membri tal-familja dipendenti, jew diżabbiltà temporanja. |
2.5 |
B’liema mod għandha d-Direttiva IORP tiġi emendata biex ittejjeb il-kundizzjonijiet għall-attività transkonfinali? |
2.5.1 |
Il-Kummissjoni, fir-rapport (9) tagħha dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Istituzzjonijiet għall-Provvista ta’ Irtirar Okkupazzjonali (IORP), tgħid li bħalissa m’hemm l-ebda raġuni għalfejn għandhom jiġu emendati r-regoli. Jekk wara analiżi tat-tħaddim tagħha tinħtieġ reviżjoni tad-direttiva, il-KESE jemmen li l-ambigwità li teżisti madwar l-espressjoni “swieq ta’ kapital ta’ riskju” għandha tiġi indirizzata billi tista’ twassal għal riskji għall-fondi tal-pensjoni u l-membri tagħhom. L-aspetti ta’ prudenza għandhom jiġu ċċarati, u għandu jiġi limitat id-dritt li l-fondi jinvestu l-assi fi strumenti finanzjarji riskjużi. |
2.5.2 |
Il-KESE jieħu nota tal-possibbiltà ta’ skemi ta’ pensjoni privati individwali supplimentari volontarji, li jaħdmu flimkien mas-sistemi ta’ pensjoni attwali. F’dan il-kuntest tista’ tiġi studjata l-possibbiltà ta’ garanziji Ewropej għall-benefiċċju tal-ħaddiema transkonfinali. Jistgħu jiġu studjati d-domanda u l-possibbiltà tal-iżvilupp ta’ kontijiet individwali ta’ pensjoni pan-Ewropej (simili għal dawk tal-Kontijiet Individwali tal-Irtirar (Individual Retirement Accounts) fl-Istati Uniti jew sistema simili (IKE) fil-Polonja) għal ħaddiema mobbli, inklużi l-prinċipji tat-tħaddim, is-superviżjoni u l-monitoraġġ ta’ din is-sistema. Hawnhekk il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra wkoll l-użu tat-28 Reġim, kif ġie propost fir-Rapport Monti u rrakkomandat mill-KESE (10). |
2.6 |
X’għandu jkun l-iskop ta’ skemi koperti mill-azzjoni fuq livell tal-UE dwar it-tneħħija ta’ ostakoli għall-mobbiltà?
Għandha l-UE terġa’ tħares lejn il-kwistjoni tat-trasferimenti jew l-standards minimi fuq l-akkwist u l-preservazzjoni flimkien ma’ servizz ta’ intraċċar għal kull tip ta’ drittijiet għall-pensjoni jistgħu jkunu soluzzjoni aħjar? |
2.6.1 |
Ir-regolamenti tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali wrew li huma estremament utli għall-ħarsien tal-ħaddiema mobbli. Dawn appoġġjaw il-prinċipju tal-akkumulazzjoni tad-drittijiet tal-pensjoni għal perijodi ta’ assigurazzjoni li tqattgħu fi Stat Membru ieħor. Għandha tiġi investigata l-applikazzjoni tal-istess prinċipju, adattata għal kull skema ta’ pensjoni ffinanzjata supplementari – okkupazzjonali jew individwali. Il-KESE jemmen li għandha tiġi kkunsidrata l-għażla tal-akkumulazzjoni ta’ drittijiet tal-pensjoni fl-iskemi ta’ pensjoni ffinanzjati. |
2.6.2 |
Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex tevalwa l-possibbiltà li jiġi definit qafas bażiku fil-livell tal-UE għall-akkumulazzjoni transkonfinali u l-preservazzjoni tad-drittijiet kollha tal-pensjoni. Madankollu, jemmen li jkun diffiċli tikkombina dan mal-libertà tal-għażla tal-Istati Membri. Servizz ta’ traċċar għal dawn id-drittijiet koordinat fil-livell tal-UE jkun utli. Bl-istess mod, il-mobbiltà Ewropea tas-suq tax-xogħol bejn il-pajjiżi teħtieġ il-mobbiltà tad-drittijiet tal-pensjoni bejn l-impjegaturi. Kull regolament tal-UE għandu jirrifletti d-diversità akbar tal-forniment ta’ pensjoni. Il-mobbiltà transkonfinali tal-ħaddiema għandha titħeġġeġ permezz tat-tneħħija tal-ostakli għall-mobbiltà, b’mod partikolari l-piż fiskali u amministrattiv, għad-drittijiet tal-pensjoni akkumulati fl-iskemi tal-pensjoni ffinanzjati volontarji. |
2.7 |
Il-leġislazzjoni attwali tal-UE għandha bżonn tkun riveduta sabiex tiżgura regolamentazzjoni konsistenti u superviżjoni ta’ skemi ffinanzjati (jiġifieri sostnuti minn fond ta’ assi) ta’ pensjoni u ta’ prodotti? Jekk iva, liema huma l-elementi?
Kif jista’ r-regolament Ewropew jew il-kodiċi ta’ prattika tajba jgħin lill-Istati Membri jiksbu bilanċ aħjar għal dawk li jfaddlu għall-pensjoni u l-fornituri ta’ pensjoni bejn ir-riskji, is-sigurtà u l-affordabbiltà? |
2.7.1 |
Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li r-regolamenti tal-UE dwar l-iskemi tal-pensjoni ffinanzjati huma inkonsistenti u inadegwati. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tevalwa, u jekk hemm bżonn, tqis il-possibbiltà li jiġu rregolati l-fażijiet tal-akkumulazzjoni u l-ħlas ta’ dawn l-iskemi fil-livell tal-UE, filwaqt li jitqiesu l-aspetti li ġejjin:
|
2.7.2 |
Fil-każ ta’ bosta skemi ta’ pensjoni ffinanzjati b’kontribuzzjonijiet definiti, ir-riskji jaqgħu l-aktar fuq il-parteċipanti. L-ispejjeż amministrattivi ta’ dawn l-iskemi huma għoljin ukoll. Il-KESE jħoss li wħud mill-aspetti tal-iskemi ta’ pensjoni ffinanzjati jridu jiġu valutati u, jekk hemm bżonn, regolati fil-livell tal-UE. Skont ir-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika (KPE) għall-2010, dawn l-iskemi tal-pensjoni ser ikollhom rwol importanti f’uħud mill-Istati Membri biex jiggarantixxu dħul deċenti għall-pensjonanti tal-futur. Il-prinċipji komuni Ewropej jistgħu b’hekk jgħinu lill-Istati Membri sabiex ikun żgurat li dawn l-iskemi tal-pensjoni, amministrati mill-istituzzjonijiet finanzjarji, ikunu effiċjenti u li joperaw fl-aħjar interess tal-pensjonanti. Il-profitti tal-amministraturi tal-fond ta’ pensjoni għandhom ikunu relatati mal-prestazzjoni u għandhom ikunu marbutin mal-profitti tal-membri tal-fond ta’ pensjoni. Kodiċi ta’ prattika tajba hija utli, iżda mhijiex biżżejjed. Sistemi ta’ ħlas minn skemi ffinanzjati obbligatorji huma wkoll ta’ sfida li għandhom jiġu diskussi u analizzati aktar fi ħdan il-qafas tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni. |
2.8 |
Kif għandu jkun reġim ta’ solvenza ekwivalenti għal fondi tal-pensjonijiet? |
2.8.1 |
Id-Direttiva Solvenza II tiffoka fuq l-assigurazzjoni ġenerali u l-assigurazzjoni fuq il-ħajja u għalhekk ma setgħatx tiġi applikata għall-prodotti tal-pensjoni. Madankollu, il-KESE jemmen li tista’ tkun eżempju tajjeb għat-tfassil ta’ sistema simili għall-pensjonijiet iffinanzjati, minħabba n-natura speċifika tal-prodotti ta’ pensjoni u dak li jagħmilhom differenti mill-prodotti tal-assigurazzjoni. |
2.8.2 |
Sistema ġenerali għas-solvenza tas-sistemi ta’ pensjonijiet fil-livell nazzjonali, ikkoordinata fil-livell tal-UE, tkun l-aħjar soluzzjoni sabiex tiġi żgurata s-solvenza tal-iskemi kollha ta’ pensjoni ffinanzjati, minkejja l-istruttura tagħhom. Tip simili tal-iskema ta’ solvenza għandu jkopri mill-inqas l-aspetti li ġejjin:
|
2.9 |
Għandha tiġi msaħħa l-protezzjoni mogħtija mil-leġislazzjoni tal-UE fil-każ ta’ insolvenza ta’ pensjoni li tisponsorja lil min iħaddem u jekk iva, kif? |
2.9.1 |
L-iskemi tal-pensjoni okkupazzjonali u s-sistemi ffinanzjati obbligatorji, fejn jeżistu, għandhom, jew se jkollhom, rwol importanti biex jiżguraw dħul deċenti ta’ rtirar. Il-KESE huwa tal-fehma li l-UE għandha titlob lill-Istati Membri jirregolaw it-twaqqif ta’ mekkaniżmi ta’ garanzija (fil-forma ta’ fondi speċjali) għall-protezzjoni tad-dħul tal-irtirar tal-ġejjieni. |
2.10 |
Hemm każ għall-immodernizzar tal-ħtiġijiet attwali tal-informazzjoni minima ta’ żvelar għall-prodotti ta’ pensjoni (eż. f’termini ta’ tqabbil, standardizzazzjoni u ċarezza)?
Għandha l-UE tiżviluppa approċċ komuni għall-għażliet standard (“default options”) dwar il-parteċipazzjoni u l-għażla tal-investiment? |
2.10.1 |
Il-prodotti ta’ pensjoni ffinanzjati huma kumplessi u l-għażla u r-responsabbiltà huma aktar u aktar f’idejn l-individwu. F’dan il-kuntest il-KESE jemmen li l UE għandha tiżgura li l-qafas regolatorju fil-livell nazzjonali jittejjeb biex ikopri l-iskemi tal-pensjoni kollha. Huwa imperattiv li jkun hemm approċċ komuni permezz ta’ linji gwida fil-livell tal-UE lejn l-għażla ta’ investiment u l-obbligi minimi ta’ informazzjoni (b’mod partikolari dwar ir-riskji għall-parteċipanti) għall-fornituri tal-pensjoni. |
2.10.2 |
Il-Kummissjoni tammetti li d-deċiżjonijiet infurmati sew li jsiru mill-individwi huma fattur fil-forniment adegwat ta’ pensjonijiet. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi inizjattiva tal-UE sabiex iċ-ċittadini jsiru jifhmu aħjar fil-prodotti tal-pensjoni. Minħabba l-kumplessità ta’ din il-kwistjoni, ir-responsabbiltà kbira għal għażliet strateġiċi ma tistax tintrefa’ minn individwi waħidhom, u filwaqt li din tibqa’ r-responsabbiltà prinċipali tal-gvern, din għandha kemm jista’ jkun tinvolvi lill-imsieħba soċjali. |
2.11 |
Għandu jissaħħaħ il-qafas ta’ koordinazzjoni politika fuq livell ta’ UE? Jekk iva, liema elementi għandhom bżonn jissaħħu sabiex jittejjbu d-disinn u l-implimentazzjoni tal-politika ta’ pensjoni permezz ta’ approċċ integrat? Jista’ l-ħolqien ta’ pjattaforma għall-monitoraġġ tal-aspetti kollha tal-politika tal-pensjoni b’mod integrat ikun parti minn dan? |
2.11.1 |
Il-qafas tal-koordinazzjoni tal-politika fil-livell tal-UE bħalissa huwa relattivament ifframmentat. Il-KESE jilqa’ l-idea tal-Kummissjoni ta’ pjattaforma ta’ monitoraġġ komuni għall-aspetti kollha tal-pensjonijiet li ġġib flimkien l-awtoritajiet pubbliċi, l-imsieħba soċjali, is-soċjetà ċivili u s-settur tal-pensjoni. Din il-pjattaforma għandha twassal sabiex ikunu jistgħu jitqabblu s-sitwazzjonijiet tal-Istati Membri u l-istandards ta’ għajxien tal-persuni rtirati bl-użu ta’ firxa ta’ indikaturi. |
2.11.2 |
Pjattaforma komuni għall-monitoraġġ tal-aspetti kollha tal-politika tal-pensjoni, inklużi l-adegwatezza, il-kopertura, ir-riskju tal-faqar, l-istabbiltà finanzjarja, l-investimenti, ir-riskju u s-solvenza, teħtieġ data aġġornata ta’ min joqgħod fuqha. Għalhekk jeħtieġ li tiġi żviluppata metodoloġija tal-UE dwar l-istatistika tal-pensjonijiet li tinvolvi lill-imsieħba soċjali u partijiet interessati ewlenin oħrajn. Jeħtieġ ukoll li jiġu żviluppati strumenti simili għall-monitoraġġ tar-responsabbiltajiet impliċiti tal-iskemi tal-pensjoni li joperaw fil-livell nazzjonali. |
Brussell, 20 ta’ Jannar 2011.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) Opinjonijiet tal-KESE: ĠU C 14, 16.1.2001, p. 50 u ĠU C 157, 28.6.2005, p. 120.
(2) It-tbassir li sar fl-2000 għall-2010 mill-OECD, il-Eurostat jew anke n-Nazzjonijiet Uniti ma rriflettwex l-iżviluppi reali.
(3) Dan il-fenomenu seħħ tul dawn l-aħħar 10 snin f’xi Stati Membri: Eurostat: Population and social conditions; Statistics in focus 40/2009.
(4) Konklużjonijiet tal-Kunsill – Marzu 2001.
(5) Skemi tal-Pensjoni Privati, Kummissjoni Ewropea, 2009, paġna 5.
(6) Eurostat, MISSOC, Rapport dwar it-Tixjiħ, 2010, Rapport Interim Konġunt dwar il-Pensjonijiet mill-Kumitat tal-Politika Ekonomika u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali.
(7) Opinjoni tal-KESE, (ĠU C 157 28.6.2005, p. 120).
(8) Opinjonijiet tal-KESE ĠU C 256, 27.10.2007, p. 93 u ĠU C 228, 22.09.2009, p. 24.
(9) COM(2009) 203 finali.
(10) ĠU C 21, 21.01.2011, p. 26.
(11) Fuq linji simili għall-PBGC (Pension Benefit Guaranty Corporation) li titħaddem fl-Istati Uniti.