This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009IP0111
Restrictive measures affecting the rights of individuals following the entry into force of the Lisbon Treaty European Parliament resolution of 16 December 2009 on restrictive measures directed against certain persons and entities associated with Usama bin Laden, the Al-Qaida network and the Taliban, in respect of Zimbabwe and in view of the situation in Somalia
Miżuri restrittivi li jaffettwaw id-drittijiet tal-individwi wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 16 ta' Diċembru 2009 dwar miżuri restrittivi mmirati kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama Bin Laden, in-netwerk Al-Qaeda u t-Taliban, fir-rigward taż-Żimbabwe, u fid-dawl tal-qagħda fis-Somalja
Miżuri restrittivi li jaffettwaw id-drittijiet tal-individwi wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 16 ta' Diċembru 2009 dwar miżuri restrittivi mmirati kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama Bin Laden, in-netwerk Al-Qaeda u t-Taliban, fir-rigward taż-Żimbabwe, u fid-dawl tal-qagħda fis-Somalja
ĠU C 286E, 22.10.2010, pp. 5–12
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
22.10.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CE 286/5 |
L-Erbgħa, 16 ta’ Diċembru 2009
Miżuri restrittivi li jaffettwaw id-drittijiet tal-individwi wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona
P7_TA(2009)0111
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2009 dwar miżuri restrittivi mmirati kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama Bin Laden, in-netwerk Al-Qaeda u t-Taliban, fir-rigward taż-Żimbabwe, u fid-dawl tal-qagħda fis-Somalja
2010/C 286 E/02
Il-Parlament Ewropew,
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-konvenzjonijiet kollha tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u ż-żewġ protokolli fakoltattivi tiegħu, il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u speċifikament l-Artikoli 1 u 25 u, fil-Kapitolu VII, l-Artikoli 39 u 41 tiegħu,
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem) u l-protokolli tiegħu, u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta), b’mod partikulari t-Titlu VI, Ġustizzja, tagħha, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009,
wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat ta’ Liżbona, li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TEU) u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (KE), u b’mod partikulari l-Artikoli 75, 215 u 275 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u d-dispożizzjonijiet dwar il-prinċipji demokratiċi mniżżla fit-Titlu II tat-Trattat TEU,
wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat TUE preċedenti (l-Artikoli 3, 6, 11, 13, 19, 21, 29 u 39) u tat-Trattat Trattat KE (l-Artikoli 60, 133, 296, 297, 301 u 308),
wara li kkunsidra d-dokumenti tal-Kunsill fuq dan is-suġġett (1),
wara li kkunsidra l-Pożizzjonijiet Komuni tal-Kunsill 2001/930/PESK dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (2), u 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi għall-ġlieda kontra t-terroriżmu (3), it-tnejn tas-27 ta' Diċembru 2001, u r-Regolamemt tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 tas-27 ta’ Diċembru 2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (4),
wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2002/402/CFSP dwar miżuri restrittivi kontra Usama bin Laden, membri tal-organizzazzjoni Al-Qaida u t-Taliban, u individwi, gruppi, intrapriżi u entitajiet oħrajn assoċjati magħhom (5), u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u enititajiet marbuta ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban (6), it-tnejn tas-27 ta’ Mejju 2002, u għall-proposta rilevanti tal-Kummissjoni u t-test rilevanti tal-Kunsill (7),
wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2009/138/CFSP tas-16 ta’ Frar 2009 dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja (8), il-proposta rilevanti tal-Kummissjoni (9) u l-Pożizzjoni Komuni 2004/161/CFSP tad-19 ta’ Frar 2004 li ġġedded miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe (10), kif emendata mill-Pożizzjoni Komuni 2008/632/CFSP tal-31 ta’ Lulju 2008 (11), u l-proposta rilevanti tal-Kummissjoni (12),
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti dwar is-suġġett, u partikolarment ir-riżoluzzjoni tal-4 ta’ Settembru 2008 dwar l-evalwazzjoni tas-sanzjonijiet tal-UE bħala parti mill-azzjonijiet u l-politiki tal-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem (13),
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Legali u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tas-16 ta’ Novembru 2007 bit-titolu “Il-listi s-suwed tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Unjoni Ewropea” u għall-addendum tat-22 ta’ Jannar 2008 għal dak ir-rapport,
wara li kkunsidra l-każistika rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u, b’mod partikulari, id-deċiżjoni tagħha tat-3 ta’ Settembru 2008 dwar il-kawżi magħquda C-402/05 P u C-415/05 P, Kadi u l-Al Barakaat International Foundation v il-Kunsill u l-Kummissjoni (14),
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS) tas-28 ta' Lulju 2009 dwar il-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban,
wara li kkunsidra l-ittra, tat-12 ta’ Novembru 2009, tal-President tal-Kumitat għall-Iżvilupp tiegħu lill-President tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tiegħu,
wara li kkunsidra l-mistoqsijiet tas-16 ta’ Novembru 2009 lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar miżuri restrittivi (O-0135/2009 – B7-0233/2009, O-0136/2009 – B7-0234/2009),
wara li kkunsidra l-fehmiet murija mill-Kumitat tiegħu għall-Affarijiet Legali waqt il-laqgħa tal-kumitat tat-3 ta’ Diċembru 2009 dwar il-bażijiet legali għall-proposti li jikkonċernaw it-testi dwar Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban, is-Somalja u ż-Żimbabwe, skont it-Trattat ta’ Liżbona,
wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) u l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
|
A. |
billi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem huwa wieħed mill-valuri bażiċi tal-Unjoni (Artikolu 2 TUE) u huwa wkoll rifless fl-azzjoni esterna tagħha, fejn l-Artikolu 21(1) TUE jistipula li “l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tiġi ggwidata mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien, l-iżvilupp u t-tkabbir tagħha u li hija tfittex li tippromwovi fil-bqija tad-dinja: id-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett lejn id-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà u r-rispett lejn il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-liġi internazzjonali”, |
|
B. |
billi l-Unjoni hija impenjata fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fid-dimensjonijiet kollha tiegħu – kemm jekk dan joriġina jew jitwettaq ġewwa l-fruntieri tal-Unjoni kif ukoll barra minnhom – filwaqt li taġixxi fi ħdan il-limiti ċari definiti mill-istat tad-dritt u fir-rispett tad-drittijiet fundamentali; billi trid tingħata attenzjoni kbira biex ikun żgurat li f’dan il-qasam partikulari d-drittijiet tal-bniedem ikunu rispettati bis-sħiħ u li l-miżuri kollha adottati sabiex jiġġieldu t-terroriżmu jkunu proporzjonati, xierqa u effettivi, |
|
C. |
billi l-mezzi li bihom l-Unjoni biħsiebha tilħaq l-għanijiet enfasizzati hawn fuq, fosthom il-ġlieda kontra t-terroriżmu, jinkludu miżuri restrittivi (sanzjonijiet) (għalkemm mhumiex limitati biss għalihom) kontra gvernijiet ta’ Stati terzi, persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux Statali; billi għadu dibattibbli jekk in-NU u l-UE ppreżentawx biżżejjed evidenza li turi s-suċċess ta’ dawn is-sistemi biex irażżnu l-finanzjament ta’ atti terroristiċi; u filwaqt li jqis l-impatt sinifikanti li dawn is-sistemi kellhom fuq il-kredibilità tal-impenn tan-NU u tal-UE favur id-drittijiet tal-bniedem, |
|
D. |
billi, b’konformità mal-prattika ġenerali tal-UE, hawnhekk mhi qed issir l-ebda distinzjoni bejn it-termini “sanzjonijiet” u “miżuri restrittivi” (15); billi l-Kunsill irrimarka li s-sanzjonijiet għandhom ikunu mmirati b’mod li jkollhom l-akbar impatt possibbli fuq dawk li l-imġiba tagħhom is-sanzjonijiet huma intenzjonati li jolqtu; fit-twettiq ta’ dan huma għandhom ikunu mmirati bi preċiżjoni sabiex jitnaqqsu kemm jista' jkun l-effetti negattivi fuq livell umanitarju, ir-riskju ta’ konsegwenzi mhux intenzjonati għal persuni li ma jkunux fil-mira, u l-effetti negattivi li jista’ jkun hemm fuq pajjiżi ġirien, |
|
E. |
billi l-Artikolu 215(2) TFUE jistipula li “meta deċiżjoni li tkun adottata skond il-Kapitolu II tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea tipprovdi hekk, il-Kunsill jista' jadotta miżuri restrittivi taħt il-proċedura prevista fil-paragrafu 1 kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, kontra gruppi jew kontra entitajiet mhux Statali”; u billi l-Artikolu 75, l-ewwel paragrafu, TFUE jipprevedi li “fejn meħtieġ sabiex jitwettqu l-objettivi previsti fl-Artikolu 67, fir-rigward tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u attivitajiet marbuta ma' dan, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jiddefinixxu qafas għal miżuri amministrattivi fir-rigward tal-movimenti tal-kapital u tal-pagamenti, bħall-iffriżar ta' fondi, assi finanzjarji jew benefiċċji ekonomiċi li jappartjenu lil, jew li jkunu proprjetà ta', jew miżmuma minn, persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux statali”, |
|
F. |
billi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 275, TFUE jipprevedi wkoll li “l-Qorti għandha tkun kompetenti […] sabiex tiddeċiedi dwar rikorsi, mressqa skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-raba' subparagrafu tal-Artikolu 263 ta' dan it-Trattat dwar il-legalità ta' deċiżjonijiet li jipprovdu miżuri restrittivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi adottati mill-Kunsill abbażi tal-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea”, |
|
G. |
billi l-Artikolu 16(2) TFUE jistieden lill-Parlament u lill-Kunsill biex jistabilixxu qafas ċar u stabbli għall-protezzjoni tad-data b’regoli li “għandhom x'jaqsmu mal-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni, kif ukoll mill-Istati Membri meta jwettqu attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u mal-moviment liberu ta' din id-data”. billi dan l-istess Artikolu jgħid li “l-ħarsien ta' dawn ir-regoli għandu jkun suġġett għall-kontroll minn awtoritajiet indipendenti”; billi l-implikazzjoni hija li r-regoli msemmija hawn fuq ikunu japplikaw ukoll għall-proċess ta’ data personali mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-politika barranija u ta’ sigurtà Ewropea; billi l-Artikolu 29 TUE (fil-Kapitolu 2 li għandu t-titolu “Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-politika estera u ta’ sigurtà komuni”) għandu jitqies bħala deroga mill-Artikolu 16 TFUE li jirrikjedi li “l-Kunsill jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi r-regoli li għandhom x'jaqsmu mal-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-Istati Membri meta jwettqu attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u r-regoli li għandhom x'jaqsmu mal-moviment liberu ta' din id-data”; billi, l-istess bħall-Artikolu 16(2) TFUE, huwa jipprevedi li “l-ħarsien ta' dawn ir-regoli għandu jkun suġġett għall-kontroll minn awtoritajiet indipendenti”, |
|
H. |
billi fil-kawża msemmija hawn fuq Kadi u Al Barakaat International Foundation vs il-Kunsill u l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat ir-Regolament (KE) Nru 881/2002 fejn kien jikkonċerna lis-Sur Yassin Abdullah Kadi u l-Al Barakaat International Foundation, u qieset li l-awtorità Komunitarja li tiddeċiedi li tiffriża l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ta’ individwu jew ta’ entità skont ir-Regolament (KE) Nru 881/2002 teħtieġ li tgħarraf lill-individwu jew lill-entità kkonċernati bir-raġunijiet li fuqhom ittieħdet id-deċiżjoni, sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet tad-difiża, l-aktar id-dritt tas-smigħ u d-dritt ta’ reviżjoni ġudizzjarja, u li, minħabba li dawk il-persuni jew entitajiet ma kinux ġew mgħarrfa bl-evidenzi miġjuba kontrihom, huma ma kinux f’pożizzjoni li jiddefendu d-drittijiet tagħhom fir-rigward ta’ dik l-evidenza f’kundizzjonijiet sodisfaċenti quddiem il-ġudikatura Komunitarja, |
|
I. |
billi l-każistika tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tenfasizza li r-reviżjoni ġudizzjarja hija aktar u aktar meħtieġa minħabba li tikkostitwixxi l-unika salvagwardja proċedurali li tiżgura li jintlaħaq bilanċ ġust bejn il-ħtieġa li jiġi miġġieled it-terroriżmu internazzjonali u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali (16); billi d-deċiżjonijiet preċedenti tal-Qorti tal-Prim’Istanza (Kawżi magħquda T-110/03, T-150/03 u T-405/03 Sison v il-Kunsill (17) ikkonfermaw tliet deċiżjonijiet konsekuttivi tal-Kunsill li jirrifjutaw l-aċċess, lill-avukati ta’ Jose Maria Sison, għad-dokumenti li fuqhom il-Kunsill kien ħa d-deċiżjoni li jinkludih fil-lista tal-persuni suġġetti għal miżuri restrittivi speċifiċi skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001, |
|
J. |
billi xi studji wrew li fis-sistemi nazzjonali, l-iffriżar tal-assi huwa miżura proviżorja meħuda sakemm tittieħed deċiżjoni ġudizzjarja dwar is-sehem ta’ persuna f’attivitajiet kriminali, filwaqt li jitqies li fil-livell tan-NU u tal-UE, dawn is-sanzjonijiet m’għandhomx jitqiesu bħala miżuri proviżorji sakemm tittieħed deċiżjoni ġudizzjarja, iżda alternattivi de facto għad-deċiżjonijiet ġudizzjarji (18), |
|
K. |
billi r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti S/RES/1822 (2008) wasslet għal xi titjib, primarjament: il-ħtieġa li d-dikjarazzjonijiet tar-raġunijiet fuqhiex persuna tiġi elenkata jkunu pubblikati fuq il-websajt tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet; l-obbligu tal-Istati Membri li skont il-liġijiet u l-prattiki domestiċi tagħhom, jieħdu l-miżuri kollha possibbli biex jinnotifikaw jew jinformaw fil-waqt l-individwu elenkat jew l-entità msemmija u jinkludu ma' din in-notifika kopja tal-porzjon rilaxxat pubblikament tad-dikjarazzjoni tal-każ u informazzjoni relevanti oħra; il-ħolqien ta’ “punt fokali” li fih il-persuni fuq il-lista s-sewda jkunu jistgħu jressqu l-ilment tagħhom (19); reviżjoni sħiħa tal-ismijiet kollha tal-Lista Konsolidata, |
|
L. |
billi għad ma hemm ebda mekkaniżmu legali internazzjonali għall-kontroll/reviżjoni tal-eżattezza tat-tagħrif li jiffurma l-bażi ta' Kumitat tas-Sanzjonijiet tan-NU dwar il-lista s-sewda jew il-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-miżuri adottati; billi l-individwu għad ma għandu ebda dritt ta' aċċess għal qorti jew korp kważi ġuridiku fil-livell tan-NU (20), |
Il-bżonn ta’ approċċ koerenti u ċar kif ukoll involviment xieraq tal-Parlament
|
1. |
Iqis li huwa importanti li ssir riflessjoni fuq qafas ġenerali għas-sanzjonijiet immirati kollha implimentati mill-UE kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi, li jiżgura r-rispett għad-drittijiet fundamentali ta' dawk fil-mira; |
|
2. |
Huwa tal-fehma li fil-qasam speċifiku tas-sanzjonijiet kontra t-terroriżmu, id-distinzjoni bejn theddidiet “esterni” u “interni” hija diffiċli biex tiġġustifikaha fil-prattika, speċjalment meta dawn is-sanzjonijiet jistgħu jiksru wkoll id-drittijiet taċ-ċittadini u r-residenti tal-UE skont il-Karta (21) iqis li għandu jiġi stabbilit qafas legali skont l-Artikolu 75 tat-TFUE għal miżuri dwar il-movimenti kapitali u l-ħlasijiet, bħall-iffriżar ta' fondi, assi finanzjarji jew benefiċċji ekonomiċi li jappartjenu jew huma proprjetà inkella miżmuma minn, persuni fiżiċi jew ġuridiċi, gruppi jew entitajiet mhux statali, inkluż (kif osservat ukoll mill-Kumitat għal-Afarijiet Legali tiegħu) għal miżuri restrittivi għal ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma' Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban; dan l-approċċ għandu jippermetti livell xieraq ta’ responsabilità diretta demokratika permezz tal-intervent tal-Parlament minħabba l-proċedura ta’ kodeċiżjoni (proċedura leġiżlattiva ordinarja);għandu jitqies ukoll l-involviment xieraq tal-parlamenti nazzjonali; |
|
3. |
Iqis li fir-rigward ta' miżuri futuri – bħal miżuri restrittivi fir-rigward taż-Żimbabwe u ċerti miżuri speċifiċi restrittivi għal ċerti persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi fid-dawl tal-qagħda fis-Somalja, meħuda skont l-Artikolu 215(2) tat-TFUE – il-possibbiltà ta' konsultazzjoni fakultattiva tal-Parlament għandha titqies (skont il-Kunsill Ewropew “Dikjarazzjoni Solenni dwar l-Unjoni Ewropea”, magħmula fi Stuttgart fid-19 ta' Ġunju 1983, li tipprovdi għall-konsultazzjoni fakultattiva tal-Parlament dwar kwistjonijiet internazzjonali anki fejn ma kien hemm xejn fit-Trattati); dan l-approċċ jista' jkun ikkunsidrat bħala li hu konformi mal-ispirtu tat-Trattat ta' Lisbona u f’konformità mar-rwol preċedenti tal-Parlament (konsultattiv) f'dan il-qasam; |
|
4. |
Itenni r-rikjesta tiegħu għal valutazzjoni fil-fond tal-implimentazzjoni, fuq bażi annwali, tad-dispożizzjonijiet li jippreskrivu miżuri restrittivi u l-effettività tagħhom, flimkien ma’ trasmissjoni xierqa u f’waqtha tal-informazzjoni lill-Parlament f’dawn il-kwistjonijiet; iqis li għal dan il-għan, is-sanzjonijiet għandhom dejjem ikunu akkumpanjati minn minn kriterji ta' referenza ċari; |
|
5. |
Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi netwerk ta’ esperti indipendenti mqabbda biex jipproponu lill-Kunsill l-aktar miżuri restrittivi pertinenti f’sitwazzjoni partikolari, jirrapportaw regolarment dwar bidliet fis-sitwazzjoni fid-dawl ta’ kriterji ta’ referenza u l-għanijiet fil-mira u, fejn xieraq, jissuġġerixxu kif is-sanzjonijiet għandhom jiġu implimentati b’mod aktar effettiv; iqis li l-istabbiliment ta’ netwerk ta’ dan it-tip iwassal għal trasparenza akbar, itejjeb il-kwalità tad-dibattitu dwar is-sanzjonijiet fuq livell ġenerali kif ukoll isaħħaħ l-applikazzjoni u l-monitoraġġ kontinwu ta’ sanzjonijiet f’każijiet speċifiċi; |
|
6. |
Ifakkar li l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi jagħtu kontribut sostanzjali għall-iżvilupp, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, u li jista' jkun ta' siwi li jiġu kkonsultati dwar il-politiki tal-UE kontra t-terroriżmu biex tinkiseb informazzjoni ta' valur dwar il-qagħda konkreta; ifakkar ukoll li miżuri repressivi kontra t-terroriżmu, ma għandhomx jostakolaw il-miri tagħhom fl-oqsma tal-iżvilupp, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem; |
|
7. |
Jenfasizza li l-kummenti li ġejjin jirreferu, inter alia, għas-sustanza tal-proposti mressqa mill-Kummissjoni fil-qafas legali li għadda, li issa m'għadhomx jgħoddu fid-dawl tal-qafas legali stabbilit mit-Trattat ta' Lisbona; jinnota li kull referenza għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (22), għandha titqies li m’għadhiex tgħodd; |
Dwar ċerti miżuri restrittivi għal ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban
|
8. |
Jinnota li, sabiex jirrispetta l-impenji tiegħu fil-ġlieda kontra t-terroriżmu filwaqt li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, qies l-iffriżar tal-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ta’ ċerti persuni, gruppi u entitajiet bħala strument xieraq għal dan il-għan; jenfasizza li l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri għandha tkun akkumpanjata l-ħin kollu b'salvagwardji u garanziji b'saħħithom u adegwati, b'kunsiderazzjoni għall-konsegwenzi estremament iebsa tal-lista s-sewda għall-individwi u l-organizzazzjonijiet ikkonċernati; jinnota li, fir-rigward ta’ miżuri restrittivi għal ċerti persuni u entitajiet li għandhom x’jaqsmu ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban, japplika l-Artikolu 75 TFEU; |
|
9. |
Jindika l-ħtieġa ta' riflessjoni fil-fond dwar l-effetti sinifikanti li għandhom is-sanzjonijiet kontra t-terroristi fir-rigward tal-liġi kriminali u dwar il-ħtieġa li jkunu adottati rimedji adegwati fuq livell nazzjonali għal din is-sistema tal-listi s-suwed; |
|
10. |
Ifakkar li l-proċeduri ta' tqegħid fil-lista u t-tneħħija minnha fis-sistema tas-sanzjonijiet tan-NU u tal-UE kienu ikkritikati ferm minħabba li naqsu milli jipprovdu protezzjoni sodisfaċenti għad-drittijiet fundamentali (kemm proċedurali kif ukoll sostantivi) u għaċ-ċertezza ġuridika; jilqa' b'sodisfazzjon, għalhekk, l-inizjattivi reċenti li ttieħdu fil-livell tal-UE sabiex jinstab rimedju għan-nuqqasijiet imsemmija hawn fuq; jiddispjaċih madankollu, li l-Kunsill b'mod partikolari wera nuqqas ta' determinazzjoni sabiex ikun żgurat li r-Regolament (KE) Nru 881/2002 rivedut jirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-persuni u l-entitajiet ikkonċernati; |
|
11. |
Jiddubita, fir-rigward tad-“dikjarazzjoni tar-raġunijiet” li trid tingħata, kemm il-proposta tal-Kummissjoni u kemm it-test tal-Kunsill jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-sentenza fil-Każ imsemmi hawn fuq ta' Kadi u Al Barakaat International Foundation vs. il-Kunsill u l-Kummissjoni, li rreferew għall-obbligu li jkunu kkomunikati r-raġunijiet li għalihom, f'dawn il-każijiet, l-isem ta' persuna jew entità tkun ġiet inkluża fil-lista, filwaqt li titqies b'mod partikolari r-referenza magħmula għad-dritt tal-persuni u tal-entitajiet ikkonċernati li jkunu infurmati bl-evidenza mressqa kontrihom; |
|
12. |
Jenfasizza li l-evidenza f'xi każi tkun ibbażata primarjament fuq informazzjoni pprovduta mis-servizzi sigrieti ta' informazzjoni, li jistgħu joperaw skont regoli nazzjonali speċifiċi; itenni l-pożizzjoni tiegħu tal-2008 li l-privileġġ eżekuttiv m'għandux iżomm id-dritt ta' mħallef milli jeżerċita d-dritt sħiħ tiegħu jew li jwassal għall-impunità fil-każ ta' ksur tal-liġi internazzjonali; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-parlamenti nazzjonali sabiex jeżerċitaw superviżjoni sħiħa fuq l-attivitajiet tal-gvernijiet tagħhom u jħeġġeġ l-implimentazzjoni sħiħa u rapida tal-qafas ġuridiku Ewropew skont l-Artikolu 15 TFUE; itenni l-ħtieġa li l-Parlament Ewropew jiġi assoċjat max-xogħol tal-Konferenza tal-Kumitati ta’ Superviżjoni tal-Entitajiet ta’ Intelliġenza tal-Istati Membri li diġà hija stabbilita; |
|
13. |
Jitlob għal valutazzjoni sħiħa u f’waqtha tal-effikaċja tas-sistemi ta' sanzjonijet tal-UE u tan-Nazzjonijiet Uniti għat-“terroristi”; apparti dan, jinnota bi tħassib li sanzjonijiet għat-“terroristi” jidhru li kellhom effett negattiv fuq is-soluzzjoni tal-konflitt u fuq l-isforzi għall-iżvilupp f'diversi reġjuni u jħeġġeġ sabiex dan il-fattur jitqies meta jkunu evalwati dawn is-sistemi; |
|
14. |
Iqis li għandu jitkompla b'mod urġenti t-titjib fil-prattiki tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tqegħid fil-listi jew it-tneħħija minnhom u li l-Istati Membri għandhom jaħdmu wkoll sabiex itejbu l-proċeduri interni ta' sanzjonijiet immirati (ta’ implimentazzjoni), kif issuġġerit fir-rapport imsemmi hawn fuq u fl-addendum tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa; |
Dwar ċerti miżuri restrittivi fir-rigward taż-Żimbabwe u dwar ċerti miżuri restrittivi speċifiċi għal ċerti persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Somalja
|
15. |
Iqis li l-intenzjoni tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/632/PESK u tal-proposta sussegwenti (abbozz ta' regolament) – li jestendu l-miżuri restrittivi għal individwi u entitajiet responsabbli għal każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiż-Żimbabwe lil hinn mill-gvern – għandhom ikunu appoġġati, bħalma hu t-tqegħid tal-leġiżlazzjoni f'konformità mad-deċiżjonijiet reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dritt fundamentali għal proċess xieraq għal individwi u entitajiet li huma fil-mira tal-miżuri restrittivi; |
|
16. |
Hu tal-opinjoni li għandu jsir monitoraġġ bir-reqqa sabiex ikun valutat jekk ir-raġunijiet li għalihom kienu adottati l-miżuri restrittivi għandhomx jippersistu, kif ukoll dwar il-mod li bih il-miżuri restrittivi jistgħu jkunu kombinati ma' inċentivi kredibbli li jippromwovu d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fiż-Żimbabwe; |
|
17. |
Jilqa’ u jappoġġa d-dipożizzjonijiet biex jiżguraw li l-UE tikkonforma mal-impenji internazzjonali tagħha li timplimenta immedjatament sanzjonijiet immirati adottati min-Nazzjonijiet Uniti kontra individwi u entitajiet li jinstabu involuti f'atti, jew li qed jappoggaw atti, li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabilità tas-Somalja, li jkunu aġixxew b'mod li jikser l-embargo tal-armi jew li jkunu ħolqu ostakli biex titwassal l-għajnuna umanitarja. |
|
18. |
Jiddubita, madankollu, kif diġà enfasizzat hawn fuq, kemm it-testi attwali proposti mill-Kummissjoni huma adegwati fir-rigward tal-informazzjoni li se tkun provduta lill-persuni elenkati – dwar ir-raġunijiet li għalihom isem il-persuni jew l-entitajiet ikunu inklużi fil-lista kif ukoll dwar id-drittijiet ġuridiċi tagħhom – fid-dawl tal-każ hawn fuq imsemmi ta’ Kadi u Al Barakaat International Foundation vs. il-Kunsill u l-Kummissjoni; |
|
19. |
Josserva li, kif enfasizzat mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali tiegħu, l-Artikolu 215 TFEU għandu japplika l-miżuri kkonċernati, iżda li sensiela ta’ kundizzjonijiet għandhom jiġu rrispettati: il-miżuri jridu, pereżempju, ikunu bbażati fuq proposta mill-Viċi President tal-Kummissjoni/ Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà u l-Kummissjoni trid tinkludi d-dispożizzjonijiet meħtieġa għas-salvagwardji legali; |
|
20. |
Huwa tal-opinjoni li l-Artikolu 291 TFEU għandu jitqies sabiex ikunu adottati miżuri ta’ implimentazzjoni meta l-Artikolu 215 TFEU jintuża bħala bażi legali għal proposti futuri; |
Dwar aspetti marbuta mal-protezzjoni tad-data
|
21. |
Jilqa' b'sodisfazzjon id-dispożizzjonijiet l-ġodda fil-proposta tal-Kummissjoni dwar l-Al-Qaida, imma jiġbed l-attenzjoni għall-kummenti tal-EDPS dwar il-protezzjoni tad-data personali, b'referenza partikolari biex ikunu ċċarati l-eżenzjonijiet mill-prinċipji tal-protezzjoni tad-data li jistgħu jkunu meħtieġa u d-dritt ta' aċċess għal informazzjoni klassifikata; jenfasizza l-fatt li dawn ir-riservi mill-EDPS jistgħu mutatis mutandis japplikaw għat-tliet proposti tal-Kummissjoni; jiddispjaċih li t-test tal-Kummissjoni jħassar ir-referenza ċara fl-Artikolu 7e(5) għad-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-istituzzjonijiet u l-entitajiet tal-Komunità kif ukoll dwar il-moviment ħieles ta' din id-data (23), li hi msemmija biss fl-Artikolu 7d(1); |
|
22. |
Jinnota li trasferimenti possibbli ta’ data għal pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali għandhom ikunu konformi mal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, bil-għan li tkun żgurata l-protezzjoni adegwata tad-data kkonċernata; il-proposta tista’ tinkludi stipulazzjonijiet f’dan ir-rigward u jistgħu wkoll ikunu meħtieġa arranġamenti man-NU; jinnota li l-proposta ma taffettwax ir-responsabilità li jista' jkun hemm fil-każ tal-ipproċessar u l-pubblikazzjoni illegali ta’ data personali |
|
23. |
Jenfasizza l-fatt li n-notifika tal-persuni u l-entitajiet ikkonċernati, kif mitlub mill-Qorti tal-Ġustizzja, għandha tkun komprensiva kemm jista' jkun, u li l-informazzjoni pprovduta dwar persuni fiżiċi elenkati f’annessi speċifiċi għandha tkun iċċarata (24); |
|
24. |
Jinnota li awtoritajiet indipendenti tal-protezzjoni tad-data jista' jkollhom rwol importanti fil-kontroll tal-legalità tal-ipproċessar tad-data personali fil-listi s-suwed tat-terroristi, u għalhekk għandhom rwol kważi ġudizzjarju li jista' jikkumplimenta b'mod effikaċi r-reviżjoni li ssir mill-awtoritajiet ġudizzjarji (25); |
|
25. |
Iqis li hu ta' importanza kbira li jkun adottat kemm jista’ jkun malajr qafas ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data kif ipprovdut fl-Artikolu 16 TFUE u li jkunu adottati wkoll dispożizzjonijiet speċifiċi kif mitlub mill-Artikolu 39 TUE; |
*
* *
|
26. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lis-Segretarji Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Kunsill tal-Ewropa. |
(1) Nota tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsillieri għar-Relazzjonijiet Esterni, tat-22 ta’ Jannar 2004, bit-titolu “Il-Monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ miżuri restrittivi (sanzjonijiet) fil-qafas tal-PESK – l-Istabbiliment ta’ formazzjoni ‘Sanzjonijiet’ tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsillieri għar-Relazzjonijiet Esterni (RELEX/Sanctions)” (05603/2004); Nota tas-Segretarjat, tas-7 ta’ Ġunju 2004 bit-titolu ’Prinċipji Bażiċi dwar l-Użu ta’ Miżuri Restrittivi (Sanzjonijiet)’ (10198/1/2004); Nota tas-Segretarjat, tat-2 ta’ Diċembru 2005, bit-titolu “Linji gwida dwar l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ miżuri restrittivi (sanzjonijiet) fil-qafas tal-Politika Barranija u ta’ Sigurtà” Komuni tal-UE (15114/2005); Nota tas-Segretarjat, tad-9 ta’ Lulju 2007, bit-titolu “Miżuri restrittivi/ – L-Aħjar Prattiki tal-UE għall-implimentazzjoni effettiva ta’ miżuri restrittivi” (11679/2007) u n-nota tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsillieri għar-Relazzjonijiet Esterni, tal-24 ta’ April 2008, bit-titolu “Miżuri restrittivi (Sanzjonijiet) – Aġġornament tal-Aħjar Prattiki tal-UE” (08666/1/2008).
(2) ĠU L 344, 28.12.2001, p. 90.
(3) ĠU L 344, 28.12.2001, p. 93.
(4) ĠU L 344, 28.12.2001, p. 70.
(5) ĠU L 139, 29.5.2002, p. 4.
(6) ĠU L 139, 29.5.2002, p. 9.
(7) COM(2009)0187 u d-Dokument tal-Kunsill 12883/2009.
(8) ĠU L 46, 17.2.2009, p. 73.
(9) COM(2009) 0393.
(10) ĠU L 50, 20.2.2004, p. 66.
(11) ĠU L 205, 1.8.2008, p. 53.
(12) COM(2009) 0395.
(13) ĠU C 295 E, 4.12.2009, p. 49.
(14) [2008] ECR I-6351.
(15) It-tipi ta' miżuri restrittivi jvarjaw u jinkludu embargi tal-armi, sanzjonijiet kummerċjali, sanzjonijiet finanzjari/ekonomiċi, iffriżar ta' assi, projbizzjoni ta' titjir, restrizzjonijiet għad-dħul f'pajjiż, sanzjonijiet diplomatiċi, bojkotts ta' avvenimenti sportivi u kulturali u s-sospensjoni ta' koperazzjoni ma' pajjiż terz.
(16) Kawża T-228/02, Organisation des Modjahedines du peuple d'Iran vs il-Kunsill [2006] ECR II-4665, paragraph 155.
(17) [2005] ECR II-1429.
(18) I. Cameron, “Respecting Human Rights and Fundamental Freedoms and EU/UN Sanctions: State of Play”, Ottubru 2008, studju mwettaq mid-Dipartiment Tematiku għall-Politiki Esterni tad-Direttorat Ġenerali għall-Politika Esterna tal-Unjoni, p.21.
(19) Sempliċement “clearing house” għall-ilmenti.
(20) Ibid Cameron, p. 37.
(21) Ibid Cameron, p. 16-17.
(22) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.
(24) It-testi, pereżempju, jistgħu jinkludu stipulazzjoni li “Anness […] għandu jinkludi biss it-tagħrif meħtieġ għar-raġuni ta’ verifika tal-identità tal-persuni fiżiċi elenkati u f’kull każ mhux aktar mill-informazzjoni pprovduta fil-punti a) sa […]”.
(25) Ara H. Hijmans u A. Scirocco, “Shortcomings in EU Data Protection in the Third and Second Pillars. Can the Lisbon Treaty be expected to help?”, Common Market Law Review 2009, p. 1512.