Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009DC0257

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Impenn Komuni għall-Impjiegi

    /* KUMM/2009/0257 finali */

    52009DC0257

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Impenn Komuni għall-Impjiegi /* KUMM/2009/0257 finali */


    [pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

    Brussel 3.6.2009

    KUMM(2009) 257 finali

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LlLL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Impenn Komuni għall-Impjiegi

    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LlLL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    Impenn Komuni għall-Impjiegi

    1. INTRODUZZJONI

    L-impatt ewlieni tar-reċessjoni huwa fuq in-nies: l-isfida prinċipali għall-UE llum għandha tkun li timpedixxi livelli għolja ta’ qgħad, li tistimola l-ħolqien tax-xogħol, u twitti t-triq għal tiġdid ekonomiku, irkupru sostenibbli u tkabbir. Dan jista’ jinkiseb biss permezz ta’ kooperazzjoni aktar b’saħħitha bejn il-partijiet kollha interessati, koordinazzjoni politika aħjar kif ukoll tagħlim reċiproku, jiġifieri b’impenn komuni għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-azzjonijiet tajbin: biex jinżammu impjiegi sostenibbli f’attivitajiet ekonomiċi sodi u biex in-nies ikollhom aċċess għal impjiegi produttivi; biex jingħata sostenn lil dawk l-aktar dgħajfa; u biex issir tħejjija għall-impjiegi u l-ħiliet tal-ġejjieni. Il-miżuri meħtieġa għall-ġlieda kontra l-impatt soċjali u tal-impjiegi tal-kriżi attwali għandhom imorru id f’id mar-riformi strutturali meħtieġa biex jindirizzaw l-isfidi tal-globalizzazzjoni, tal-bidla demografika u klimatika fuq medda twila ta’ żmien.

    L-istrateġija ta’ Liżbona tal-UE saħqet kif il-ħolqien tal-impjiegi jiddependi fuq politiki attivi fil-qasam tal-impjiegi, qafas makroekonomiku sod, investiment fil-ħiliet, riċerka u infrastruttura, regolamentazzjoni aħjar u l-promozzjoni tal-imprenditorija u l-innovazzjoni. L-UE rreaġixxiet malajr għall-kriżi permezz tal-Pjan Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku li enfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-effetti tal-kriżi fuq l-impjiegi; l-ewwel effetti tal-Pjan diġà huma promettenti, u s-sistemi ta’ ħarsien soċjali qed iwettqu r-rwol tagħhom ta’ stabbilizzazzjoni. Il-miżuri ta’ rkupru meħuda mill-Istati Membri huma fil-biċċa l-kbira tagħhom konformi mal-għanijiet ta’ riforma tal-Unjoni għal medda twila ta’ żmien, (ara l-Anness 1).

    Madankollu, hekk kif is-swieq tax-xogħol qed ikomplu sejrin lura b’reazzjoni għall-kriżi ekonomika, tinħtieġ azzjoni addizzjonali. Sa mill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa, il-Kummissjoni, l-Istati Membri, il-Parlament Ewropew, l-imsieħba soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili kienu qed jaħdmu fuq l-aħjar modi biex jinidirizzaw l-impatt tal-kriżi fuq l-impjiegi.

    2. IMPENN KOMUNI GĦALL-IMPJIEGI: PRIJORITAJIET U AZZJONIJIET EWLENIN

    L-Ewropa ma għandhiex biss tindirizza r-reċessjoni iżda tbiddilha f’opportunità biex toħloq ekonomija aktar produttiva, aktar innovattiva, b’ħiliet aħjar u b'livell baxx ta’ karbonju; waħda bi swieq tax-xogħol miftuħa u inklussivi, li joffru soċjetà aktar koeżiva u ugwali u impjiegi li jqisu aħjar l-età, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja. Dan ma jistax ikun sforz ta’ darba biss iżda proċess kollettiv kontinwu.

    Is-swieq tax-xogħol Ewropej se jinbidlu b’mod qawwi minħabba l-kriżi. Il-ħaddiema u l-kumpaniji għandhom jingħataw il-mezzi meħtieġa biex jirnexxilhom jadattaw ruħhom għal dawn ir-realtajiet li dejjem jinbidlu: biex jinżammu impjiegi sodi, jissaħħu l-ħiliet fil-livelli kollha, in-nies jiġu mħajra lura għax-xogħol u jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda. L-“impjiegi li jħarsu l-ambjent” għandhom il-potenzjal li jsiru fattur importanti ta’ tkabbir fis-swieq tax-xogħol tal-UE tal-ġejjieni: illum aktar minn 20 miljun impjieg tal-UE diġà jistgħu jitiqesu bħala “ambjentali” (10 % tat-total ta’ impjiegi), u evidenza reċenti turi li l-impjiegi fis-settur tal-enerġija rinnovabbli waħidhom għandhom il-potenzjal li jirdoppjaw sa 2,8 miljuni sal-2020[1].

    Il-flessigurtà tibqa’ l-aħjar approċċ biex timmodernizza u trawwem l-adattament tas-swieq tax-xogħol, iżżid il-kompetittività u tħejji għall-irkupru; il-Kummissjoni tilqa’ l-ftehim tal-imsieħba soċjali tal-UE, fi ħdan il-programm ta’ ħidma konġunt, biex timmonitorja l-implimentazzjoni tal-prinċipji komuni tal-UE ta’ flessigurtà kif ukoll tislet lezzjonijiet konġunti.

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Nixprunaw l-irkupru Ewropew”[2] fissret għadd ta’ elementi biex tgħin lill-Istati Membri jfasslu u jimplimentaw politiki tal-impjiegi xierqa u effettivi. Fuq din il-bażi, il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa u t-tliet laqgħat ta’ ħidma dwar l-impjiegi li saru f’Madrid, Stokkolma u Praga f’April 2009 għenu biex jiġu definiti tliet prijoritajiet ewlenin : iż-żamma u l-ħolqien tal-impjiegi u l-promozzjoni tal-mobilità; it-titjib tal-ħiliet u l-adattament għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; iż-żieda fl-aċċess għall-impjiegi. Fl-aħħar nett, is-Summit dwar l-Impjiegi li sar fis-7 ta’ Mejju kien okkażjoni ta’ skambju ta’ opinjonijiet dwar dawn il-prijoritajiet, u sar qbil dwar 10 azzjonijiet[3].

    Billi tibni fuq dan l-isforz komuni, din il-Komunikazzjoni tipproponi Impenn Komuni tal-UE għall-Impjiegi, filwaqt li timmira li ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha kif ukoll bejn l-imsieħba soċjali tal-UE, dwar it-tliet prijoritajiet ewlenin, tiffoka fuq azzjonijiet konkreti u sostnuti mill-istrumenti Komunitarji kollha disponibbli, b’mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni. Il-prijoritajiet u l-azzjonijiet għandhom jitfasslu skont it-tibdil fis-suq tax-xogħol u l-qagħda baġitarja ta’ kull Stat Membru, u jimmassimizzaw il-valur miżjud tal-azzjoni tal-UE fl-għoti ta’ sostenn għall-isforzi tal-Istati Membri u tal-imsieħba soċjali. L-Impenn Komuni għandu jikkontribwixxi għar-rwol tal-Ewropa fil-ħolqien tal-isforz globali tal-komunità internazzjonali lejn l-irkupru u t-tkabbir sostenibbli. Il-progress fl-implimentazzjoni għandu jiġi diskuss mill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali fis-Summits Soċjali Tripartitiċi.

    2.1. ŻAMMA U ĦOLQIEN TAL-IMPJIEGI U PROMOZZJONI TAL-MOBILITÀ

    L-arranġamenti temporanji għal tnaqqis tal-ħinijiet tax-xogħol kienu effettivi fiż-żamma tal-impjiegi f’diversi Stati Membri, speċjalment jekk kienu akkumpanjati minn sostenn finanzjarju għat-telf fid-dħul u għat-taħriġ. Dawn huma parti importanti mill-prinċipji ta’ flessigurtà tal-UE u mill-possibbiltajiet nazzjonali ta’ flessigurtà. Dawn l-arranġamenti jistgħu jiffrankaw livell għoli ta’ liċenzjament kif ukoll spejjeż ta’ reklutaġġ (mill-ġdid) għad-ditti, jevitaw it-telf ta’ kapital uman speċifiku għad-ditti, u fl-istess waqt isaħħu l-possibbiltà għall-ħaddiema li jsibu impjieg. Għandhom ikunu temporanji u mmirati tajjeb, ma jimminawx il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u l-kompetittività, u l-SMEs u l-ħaddiema b’kuntratti mhux permanenti għandhom jibbenefikaw ukoll.

    Il-ħolqien tal-impjiegi jirrikjedi l-ambjent adatt għall-imprenditorija, l-innovazzjoni u għal min jaħdem għal rasu kif ukoll konċentrazzjoni aqwa fuq il-politiki min-naħa tad-domanda. Bl-istess mod, kultura prattika ta’ antiċipazzjoni u mmaniġġjar ta’ ristrutturar tan-negozju – bis-sehem ta’ kumpaniji, ħaddiema, imsieħba soċjali u awtoritajiet pubbliċi – tista’ ttejjeb il-kompetittività u l-adattabilità, u tiżgura l-prospettivi ta’ karriera għall-ħaddiema filwaqt li tippreżerva l-fibra ekonomika tar-reġjuni u l-komunitajiet. Il-Kummissjoni tilqa’ l-ħidma konġunta tal-imiseħba soċjali tal-UE dwar ir-ristrutturar, li għandha sservi bħala bażi għal prattiki informati aħjar. Ftehimiet li jinvolvu s-servizzi tal-impjiegi pubbliċi u l-imsieħba soċjali jistgħu jiżguraw li l-ħaddiema li jisfaw mingħajr impjieg ikollhom is-sostenn li jeħtieġu biex isibu impjieg ġdid inkluż it-taħriġ. L-Istati Membri jistgħu jagħtu għajnuna tal-Istat favur impriżi żgħar li għadhom kemm inħalqu f’reġjuni assistiti jew minn imprendituri nisa. Il-Eurofound, il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol, u s-Cedefop, iċ-ċentru Ewropew għall-iżvilupp tat-taħriġ vokazzjonali, se jiġu mobilizzati biex jipprovdu informazzjoni u għarfien espert dwar l-immaniġġjar tal-bidla u l-previżjoni tal-ħiliet.

    Anki f’nofs il-kriżi attwali, għadd ta’ postijiet tax-xogħol madwar l-Ewropa għadhom battala minħabba l-iżbilanċi bejn il-ħiliet offruti u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Il-ħaddiema li jitilfu l-impjieg tagħhom għandhom jingħataw opportunità aħjar biex ifittxu impjieg barra minn pajjiżhom mingħajr ma jitilfu d-dritt għall-benefiċċji tal-qgħad fil-pajjiż tar-residenza tagħhom; din il-possibbiltà teżisti iżda hi ġeneralment limitata għal perjodu qasir ta’ tliet xhur. Il-mobilità bħalissa hija wkoll limitata ħafna, inkluż għall-apprendisti u dawk li qed jitħarrġu, minħabba s-sitwazzjonijiet differenti ħafna tal-Istati Membri u n-nuqqas ta’ informazzjoni taċ-ċittadini dwar l-opportunitajiet ta’ mobilità. Is-servizzi tal-impjiegi pubbliċi għandhom rwol ewlieni f’dan il-kuntest. L-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva dwar il-Kollokazzjoni tal-Ħaddiema teħtieġ kooperazzjoni amministrattiva rinforzata u skambju ta’ prassi tajba.

    Azzjonijiet ta’ prijorità proposti

    Użu aħjar tal-arranġamenti għal tnaqqis tal-ħinijiet tax-xogħol

    - L-iżvilupp mill-Istati Membri ta’ skemi effettivi, sostnuti mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE), biex iżommu l-impjiegi vijabbli u jottimizzaw l-impatt tal-arranġamenti temporanji għal tnaqqis tal-ħinijiet tax-xogħol u tat-taħriġ filwaqt li jevitaw riperkussjonijiet negattivi (ara l-Anness 2).

    Antiċipazzjoni u mmaniġġjar aħjar tar-ristrutturar

    - Il-Kummissjoni ħolqot gwida prattika għar-ristrutturar[4]; fuq bażi ta’ dan, l-iskambju ta’ esperjenzi bejn il-partijiet kollha interessati jista’ jwassal għall-iżvilupp tal-aħjar prassi biex jiġu ffaċilitati l-antiċipazzjoni u l-immaniġġjar tar-ristrutturar tan-negozju, bis-sostenn tal-FSE;

    - Biex jiffaċilitaw il-proċessi ta’ ristrutturar, l-imsieħba soċjali jistgħu jistabbilixxu sħubijiet settorjali jiġifieri pjanijiet speċifiċi ta’ azzjoni u ftehimiet biex jinqasam il-piż mal-awtoritajiet reġjonali u lokali bis-sostenn tal-FSE. Permezz tas-sostenn tal-Kummissjoni, dawn is-sħubijiet jistgħu jkunu rilevanti għas-setturi li qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi fil-livell tal-UE u jużaw l-eżempju tal-industrija tal-karozzi. Bl-istess mod, l-imsieħba soċjali u l-awtoritajiet lokali għandhom jistabbilixxu, fejn ikun possibbli, ftehimiet innegozjati biex jgħinu lill-ħaddiema li spiċċaw bla xogħol isibu impjieg ġdid permezz ta’ taħriġ, konsulenza u tiftix ta’ impjiegi: it-telf tax-xogħol għandu jkun biss l-aħħar għażla.

    It-tisħiħ tal-ħolqien tal-impjiegi

    - L-Istati Membri għandhom iħaffu x-xogħol biex joħolqu ambjent favorevoli għall-imprenditorija, eż. permezz ta’ tnaqqis sostenibbli tal-ispejjeż tax-xogħol mhux marbuta mal-impjiegi, inkluża t-tassazzjoni, jinvestu fir-riċerka u l-infrastruttura, inaqqsu l-piżijiet amministrattivi, jippromwovu regolamentazzjoni aħjar u jħeġġu l-iżvilupp tal-SMEs;

    - L-Istati Membri, flimkien mal-imsieħba soċjali u bis-sostenn tal-FSE, għandhom jgħinu lil dawk qiegħda u liż-żgħażagħ biex jibdew in-negozju tagħhom fuq bażi sostenibbli, eż. billi jipprovdu taħriġ fil-qasam tan-negozju u kapital biex jibdew.

    L-iffaċilitar tal-mobilità

    - Il-Kummissjoni se tniedi kampanja ta’ għarfien u informazzjoni fuq skala kbira dwar opportunitajiet ta’ mobilità intra-UE, imsejsa fuq il-portal tal-opportunitajiet ta’ xogħol “EURES”[5]. Se tistabbilixxi wkoll servizz onlajn ġdid ‘ Match and Map ’, b’azzjoni pilota tkun lesta sa tmiem l-2009, li jipprovdi informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ xogħol, tagħlim u taħriġ biex iqabbel aħjar il-kompetenzi ta’ persuna mal-opportunitajiet ta’ xogħol disponibbli fl-Ewropa kollha;

    - L-Istati Membri huma mħeġġa jestendu għal sitt xhur id-dritt għal benefiċċji tal-qgħad ta’ ċittadini qiegħda li qed ifittxu impjieg fi Stat Membru ieħor;

    2.2. TITJIB TAL-ĦILIET, ADATTAMENT GĦALL-ĦTIĠIJIET TAS-SUQ TAX-XOGĦOL

    Il-prosperità tal-Ewropa tiddependi fuq l-abilità tagħha li toħloq impjiegi kompetittivi u sostenibbli mwettqa minn ħaddiema b’ħiliet ta’ livell għoli: l-impenn komuni biex jitjiebu l-ħiliet fil-livelli kollha huwa ferm importanti, kemm biex jiġi indirizzat l-impatt tal-kriżi fuq l-impjiegi fuq medda qasira ta’ żmien kif ukoll biex titwitta t-triq għal ekonomija kompetittiva, b’livell baxx ta’ karbonju u msejsa fuq l-għerf.

    Jeħtieġ li l-edukazzjoni u t-taħriġ ikunu aktar rilevanti għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, inkluż fis-setturi tradizzjonali tal-ekonomija: iż-żgħażagħ jeħtieġu l-ħiliet it-tajba biex jaħtfu l-opportunitajiet ta’ xogħol li hawn bħalissa u l-ħiliet trasversali biex jadattaw ruħhom f’suq tax-xogħol li qed jinbidel b’rata mgħaġġla. In-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba permezz ta’ tagħlim mhux formali jostakola l-opportunitajiet ta’ xogħol. Id-djalogu soċjali għandu rwol importanti fid-definizzjoni, fil-kisba u fir-rikonoxximent tal-ħiliet, speċjalment f’setturi ekonomiċi li qegħdin jitfaċċaw.

    Biex jinħatfu l-opportunitajiet għall-irkupru, u biex tkun imħeġġa l-innovazzjoni soċjali, jinħtieġ li jiġu identifikati l-bżonnijiet attwali u futuri fir-rigward tal-ħiliet, kif stipulat fl-Inizjattiva “Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda”. F’xi wħud mill-Istati Membri, il-kunsilli settorjali dwar l-impjiegi u l-ħiliet diġà jgħinu biex ilaqqgħu flimkien in-negozji, l-imsieħba soċjali u l-awtoritajiet pubbliċi biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet għall-ġejjieni; diversi sħubijiet bejn l-universitajiet u n-negozju jimmiraw li jtejbu l-iżvilupp tal-kurrikulu, l-imprenditorija u t-trasferiment tal-għerf. Dawn l-inizjattivi għandhom isiru prassi ġenerali u jipprovdu l-bażi għal pjanijiet ta’ edukazzjoni u taħriġ.

    Il-ħtieġa li jiġu mmodernizzati l-edukazzjoni u t-taħriġ ma tiqafx mal-edukazzjoni inizjali. Hemm evidenza li turi li d-ditti li ma jħarrġux lill-ħaddiema tagħhom għandhom ċans doppju li jfallu meta mqabbla ma' dawk li jipprovdu t-taħriġ. L-SMEs u n-negozji innovattivi b’mod partikolari jeħtieġu ħafna drabi sostenn immirat, billi dawn iħabbtu wiċċhom ma’ sfida partikolari fir-rigward tal-ħiliet u limitazzjonijiet akbar ta’ finanzjament meta mqabbla ma’ kumpaniji akbar. Il-mekkaniżmi ta’ finanzjament konġunti mill-awtoritajiet pubbliċi, kumpaniji u msieħba soċjali jistgħu jikkontribwixxu għas-sostenn u ż-żieda tal-parteċipazzjoni fit-taħriġ.

    Minħabba l-għadd iżgħar ta’ opportunitajiet ta’ xogħol fil-kriżi ekonomika, hemm riskju li n-nies li bħalissa qed itemmu l-edukazzjoni tagħhom jgħaddu minn perjodi ta’ qgħad u inattività, u dan jista’ jxekkel il-possibbiltà tagħhom li jsibu impjieg anki wara l-irkupru. Mingħajr ħiliet bażiċi, u dawn ħafna drabi jkunu neqsin, huwa aktar diffiċli biex wieħed isib impjieg. Iż-żgħażagħ li bħalissa qed ifittxu li jidħlu fis-suq tax-xogħol jeħtieġu l-aħjar sostenn possibbli f’forma ta’ postijiet tax-xogħol, taħriġ prattiku marbut max-xogħol, jew aċċess għal studju ulterjuri biex jiksbu l-kompetenzi ewlenin meħtieġa għal suċċess fis-suq tax-xogħol fil-ġejjieni. Dan jista’ jiġi sostnut billi: jinżammu u jiġu żviluppati l-apprendistati fil-kumpaniji u fis-settur pubbliku minkejja l-kriżi permezz ta’ miri nazzjonali mfassla sewwa; ikun hemm aktar opportunitajiet għall-mobilità tat-tagħlim, inkluż għall-apprendisti u għal edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali u gradwati li jitħarrġu; u azzjoni riżoluta biex jitnaqqas l-għadd ta’ individwi li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien u ta’ żgħażagħ b’livell insuffiċjenti ta’ kompetenzi ewlenin. Il-programm tal-UE għal Tagħlim Tul il-Ħajja għandu jiġi wkoll immobilizzat biex isostni azzjonijiet innovattivi li jesploraw kif jistgħu jtejbu t-tagħlim ta' ħiliet rilevanti għall-impjiegi kif ukoll is-sħubijiet bejn in-negozji u l-istituzzjonijiet edukattivi.

    Azzjonijiet ta’ prijorità proposti

    It-titjib tal-ħiliet, it-tisħiħ tat-tagħlim tul il-ħajja

    - Il-Kummissjoni se tħaffef l-aġenda tal-inizjattiva “Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda”. Hi se tippreżenta analiżi fuq bażi ta’ settur b’settur tal-bżonnijiet ta’ ħiliet emerġenti, inklużi ħiliet għal ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju. Se tqassam Gwida għat-Taħriġ fost l-SMEs u tesplora l-possibbiltà li tistabbilixxi, fil-livell tal-UE, kunsilli settorjali dwar il-ħiliet, li jgħaqqdu n-negozji, l-imsieħba soċjali u l-awtoritajiet pubbliċi;

    - L-Istati Membri għandhom jużaw is-sostenn tal-FSE disponibbli biex isaħħu b’urġenza l-kapaċità tagħhom li jantiċipaw u jbassru l-bżonnijiet tal-ħiliet għall-ġejjieni, biex ilaqqgħu aħjar id-domanda u l-provvista tal-ħiliet fis-setturi u l-industriji l-aktar milquta mill-kriżi. L-Istati Membri għandhom ikomplu jtejbu l-kwalità u l-aċċessibbiltà tal-edukazzjoni u t-taħriġ;

    - L-Istati Membri għandhom jaħdmu mal-imsieħba soċjali biex ikomplu jiżviluppaw u jimplimentaw l-oqfsa nazzjonali tal-kwalifiki, imsejsa fuq ir-riżultati tat-tagħlim u marbuta mal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki. Dan għandu jinkludi skemi rinforzati għall-validazzjoni tal-ħiliet, inklużi dawk miksuba permezz ta’ tagħlim informali, speċjalment f’setturi fejn il-potenzjal li jinħoloq il-qgħad huwa għoli bħalma huma s-servizzi tas-saħħa jew ta’ kura fuq medda twila ta’ żmien;

    - Il-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri, fi ħdan il-qafas strateġiku ġdid għall-edukazzjoni u t-taħriġ, għandha ssaħħaħ mill-ġdid l-effikaċja tat-tagħlim tul il-ħajja billi tippromwovi metodi flessibbli ta’ tagħlim u taħriġ. L-Unjoni dan l-aħħar qablet li 15 % tal-ħaddiema għandhom jipparteċipaw fit-tagħlim tul il-ħajja, u 40 % tal-persuni li għandhom bejn it-30 u l-34 sena għandhom ikunu temmew l-edukazzjoni universitarja sal-2020. Biex jiżguraw il-progress rapidu tat-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema lejn dawn il-punti ta’ referenza, l-Istati Membri huma mħeġġa jistabbilixxu miri nazzjonali fl-oqsma koperti mill-punti ta’ referenza Ewropej, filwaqt li jqisu l-ħtiġijiet individwali tagħhom.

    Ngħinu liż-żgħażagħ issa

    L-Istati Membri, permezz tas-sostenn tal-Kummissjoni, tal-FSE, u fejn xieraq tal-imsieħba soċjali, għandhom:

    - jiżguraw li mill-inqas 5 miljun żagħżugħ Ewropew jistgħu jirreġistraw ruħhom bħala apprendistati ta’ kwalità għolja sa tmiem l-2010. Il-kumpaniji għandhom ukoll ikomplu joffru postijiet ta’ taħriġ biex jiżviluppaw il-possibbiltà ta’ impjieg tal-istudenti;

    - jiżviluppaw b’urġenza strateġiji biex inaqqsu t-tluq bikri mill-iskola, u biex jiżguraw li aktar żgħażagħ jitilqu mill-iskola bi kwalifika ta’ livell sekondarju għoli, billi bosta pajjiżi għadhom ’il bogħod mill-punt ta’ referenza tal-UE ta’ mhux aktar minn 10 % ta’ studenti li jitilqu mill-iskola. Dan jista’ jinvolvi: miżuri biex in-nies jinżammu l-iskola għal żmien itwal; iż-żieda tal-età minima tat-tluq mill-iskola; allowances għall-attendenza tal-iskola; metodi edukattivi flessibbli u alternattivi fl-iskejjel u fl-istituti tal-edukazzjoni vokazzjonali;

    - it-tisħiħ tal-mira tal-UE “Bidu Ġdid” għaż-żgħażagħ qiegħda: kull individwu għandu jirċievi opportunità minn kmieni għat-taħriġ u x-xogħol: mhux aktar minn xahar wara t-telf tal-impjieg għal dawk ta’ bejn 15 u 19-il sena, u xahrejn għal dawk ta’ bejn 20 u 24 sena; jingħata sostenn lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fl-għoti ta’ taħriġ u ta’ għajnuna lil dawk li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien.

    2.3. ŻIEDA FL-AĊĊESS GĦALL-IMPJIEGI

    Bl-għan li jittaffa l-impatt soċjali tal-kriżi, huwa essenzjali li jinżammu u jiddaħħlu aktar nies fis-suq tax-xogħol, speċjalment in-nisa, il-ħaddiema aktar anzjani u gruppi oħra li qegħdin jiġu diskriminati, biex jiġu evitati l-qgħad u l-inattività fuq medda twila ta’ żmien. L-impjieg huwa l-aħjar mod biex wieħed ma jibqax jiġi eskluż: l-Ewropa soċjali tibda bl-impjieg – madankollu anki qabel il-kriżi, għad hemm wisq ċittadini tal-UE li jistgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol iżda ma kellhomx aċċess għal impjieg.

    Il-prinċipji komuni tal-UE għal inklużjoni attiva jipprovdu qafas integrat biex iżidu l-impjiegi, jiġġieldu l-esklużjoni soċjali u jsostnu l-koeżjoni soċjali permezz tal-immodernizzar tas-sistemi ta’ ħarsien soċjali: il-każ għal implimentazzjoni rapida u monitoraġġ tar-Rakkomandazzjoni reċenti tal-Kummissjoni dwar l-inklużjoni attiva approvata mill-Kunsill huwa aktar b’saħħtu minn qatt qabel. Minħabba l-kriżi, se jkunu meħtieġa tipi ġodda ta’ solidarjetà. L-iskemi ta’ dħul minimu li diġà huma fis-seħħ fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jista’ jkollhom rwol importanti bħala stabbilizzaturi awtomatiċi, u jistgħu jissaħħu jekk ikun meħtieġ biex ikunu jistgħu jżommu l-kapaċità tal-akkwist ta’ dawk li ma għandhomx impjieg b’mod partikolari f’pajjiżi fejn il-kopertura tal-benefiċċji tal-qgħad jew it-tul ta’ żmien tagħhom huwa l-aktar baxx.

    Jinħtieġu azzjonijiet urġenti biex it-tranżazzjonijiet irendu u jtejbu l-aċċess għall-impjiegi: inaqqsu l-ispejjeż ta’ reklutaġġ għal min iħaddem u jisfruttaw il-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi speċjalment għal dawk b’livell baxx ta’ kwalifiki; inaqqsu d-diżinċentivi għax-xogħol; itejbu l-istruttura tat-taxxi u l-benefiċċji biex ix-xogħol irendi, inkluż it-tnaqqis tal-piż tat-taxxi fuq it-tieni dħul; jipprovdu inċentivi biex dawk qiegħda jiftħu negozju tagħhom stess, eż. permezz ta’ taħriġ dwar imprenditorija u mikrokrediti. Il-pajjiżi li bħalissa qed iħabbtu wiċċhom ma’ flussi ta’ ħaddiema emigranti li qed jerġgħu lura minħabba l-kriżi għandhom jiffaċilitaw ukoll l-integrazzjoni rapida tagħhom fis-suq tax-xogħol. Billi n-nisa għandhom kuntratti prekarji jew jinsabu barra mis-suq tax-xogħol aktar spiss mill-irġiel, il-miżuri biex jiżguraw l-ugwaljanza bejn is-sessi għandhom jiġu rinforzati.

    Biex jitjiebu ċ-ċansijiet ta’ suċċess fis-suq tax-xogħol għal dawk żvantaġġati, inklużi l-immigranti legali minn pajjiżi terzi, u biex jiġu megħjuna l-ħaddiema li sabu ruħhom bla xogħol u dawk qiegħda fl-iktar stadju bikri possibbli, hemm argument sod favur kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet pubbliċi, is-servizzi pubbliċi u privati tal-impjiegi, is-servizzi soċjali, is-servizzi ta’ edukazzjoni għall-adulti, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili. L-Istati Membri u s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi b’mod partikolari, għandhom ukoll iħaffu t-tagħlim reċiproku biex itejbu l-effiċjenza u l-effikaċja tal-politiki attivi dwar is-suq tax-xogħol.

    Azzjonijiet ta’ prijorità proposti

    Ir-rinfurzar tal-attivazzjoni u l-iffaċilitar tal-aċċess għall-impjiegi

    L-Istati Membri għandhom jiddedikaw ammont sinifikanti tar-riżorsi tagħhom mill-FSE biex itejbu l-effiċjenza tas-sistemi nazzjonali tagħhom tal-impjiegi u l-politiki attivi dwar is-suq tax-xogħol, u jipprovdu inċentivi biex wieħed jiftaħ negozju jew jibda jaħdem għal rasu. L-Istati Membri għandhom isaħħu l-isforzi biex jimplimentaw u jimmonitorjaw b’mod attiv il-prinċipji komuni tal-UE għal inklużjoni attiva. B’konformità ma’ dawn il-prinċipji u minħabba l-possibbiltajiet kbar offruti mir-regoli eżistenti dwar għajnuna tal-Istat, dawn huma mħeġġa li:

    - isaħħu l-mira tal-UE “Bidu Ġdid” għal adulti li jinsabu qiegħda, biex ikun żgurat li dawn jiksbu impjieg ġdid, taħriġ addizzjonali, apprendistat jew miżura oħra li tista’ twassal għal impjieg, mhux aktar tard minn tliet xhur wara li jirreġistraw mas-servizz pubbliku tal-impjiegi;

    - jgħinu lil dawk li ilhom qiegħda għal żmien twil jerġgħu jsibu impjieg billi jnaqqsu l-ispejjeż tax-xogħol mhux marbuta mal-impjiegi, eż. billi jeliminaw, għal sitt xhur, il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mar-reklutaġġ ta’ persuni li ilhom qiegħda għal żmien twil, u japplikaw livell imnaqqas għal perjodu ulterjuri;

    - jippromwovu l-impjiegi għal gruppi vulnerabbli kif ukoll ħaddiema aktar anzjani permezz ta’ benefiċċji relatati max-xogħol u inċentivi ta’ reklutaġġ, inkluż fl-ekonomija soċjali, filwaqt li jiskoraġġixxu skemi ta’ rtirar kmieni;

    - jistimolaw id-domanda u l-impjiegi għall-ħaddiema b’livell baxx ta’ kwalifiki, eż. billi jintroduċu eżenzjonijiet mit-taxxi jew inċentivi oħra, bħal ċekkijiet għas-servizzi ta’ kura u tal-familja;

    - isaħħu, bis-sostenn tal-Kummissjoni, il-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ esperjenza bejn is-servizzi pubbliċi u privati tal-impjiegi, biex iżidu l-kapaċità tagħhom li jindirizzaw il-fluss ġdid u kbir ta’ persuni li qed ifittxu impjieg.

    3. NAGĦMLU UŻU AĦJAR MILL-FONDI KOMUNITARJI

    L-Impenn Komuni għall-Impjiegi għandu jiġi sostnut mill-istrumenti Komunitarji kollha disponibbli. Permezz tal-FSE, l-Istati Membri diġà jsostnu bosta miżuri ta’ rkupru li jikkorrispondu mal-prijoritajiet u l-azzjonijiet ewlenin identifikati f’din il-Komunikazzjoni (ara l-Anness 3). Barra minn hekk, minn mindu ġie adottat il-Pjan ta' Rkupru Ewropew, l-istituzzjonijiet tal-UE qablu dwar għadd ta’ bidliet leġiżlattivi biex isaħħu r-rwol tal-FSE biex jittaffew l-effetti tal-kriżi. Il-Fond Ewopew għall-Iżvilupp Reġjonali għandu jiġi wkoll utilizzat b’mod sħiħ biex isostni l-azzjonijiet ta’ kontra l-kriżi.

    L-aċċess għall-FSE kif ukoll l-użu tiegħu ġew issimplifikati; il-ħlasijiet bil-quddiem tal-FSE lill-Istati Membri ġew aċċellerati u miżjuda: ġew imħallsa madwar EUR 1,8 biljun. L-ambitu tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) twessa’ wkoll, u issa jista’ jiġi mobilizzat għal kollox: kull falliment ta’ kumpanija li jirriżulta mill-kriżi u li jinvolvi mill-inqas 500 ħaddiem issa jista’ jiġi kopert; il-kriterji ta’ eliġibbiltà ġew ukoll issimplifikati.

    3.1. MOBILIZZAZZJONI TAL-FONDI KOLLHA DISPONIBBLI BI TWEĠIBA GĦALL-KRIŻI

    Il-FSE huwa għodda eċċezzjonali għall-investiment fil-persuni; madwar 9 miljun ċittadin jibbenefikaw direttament mis-sostenn tal-FSE kull sena. Jista’ jsir aktar biex jiġu sfruttati bis-sħiħ dawn il-possibbiltajiet. L-impatt immedjat tal-kriżi jeħtieġ mobilizzazzjoni urġenti tar-riżorsi tal-FSE li normalment jinħarġu gradwalment tul perjodu ta’ 9 sa 10 snin. Permezz tal-użu sħiħ tal-baġit disponibbli fi ħdan il-perspettivi finanzjarji tal-UE, għall-perjodu 2009-2010 biss , il-Kummissjoni se tiżgura d-disponibbiltà ta’ madwar EUR 19-il biljun għall-FSE .

    Il-Kummissjoni se ssostni b’mod attiv lill-Istati Membri fit-twassil rapidu ta’ dawn il-fondi filwaqt li tirrispetta r-regoli Komunitarji dwar l-għajnuna tal-Istat[6]; se tintroduċi proċedura rapida kull meta jkun meħtieġ l-adattament ta’ programm tal-FSE, filwaqt li tnaqqas il-proċess għal mhux aktar minn xahar, u se tipprovdi gwida operattiva lill-awtoritajiet nazzjonali. Il-Kummissjoni qiegħda wkoll titlob lill-Istati Membri biex iħaffu l-infiq u jnaqqsu l-ostakoli fis-sistemi ta’ finanzjament nazzjonali, biex il-ħlasijiet tal-FSE lill-kontijiet nazzjonali tat-Teżor jinħarġu malajr lill-benefiċjarji tal-programmi tal-FSE. L-Istati Membri huma wkoll imħeġġa jieħdu vantaġġ sħiħ mis-self tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) biex jissaħħaħ l-infiq tal-FSE fuq il-pakketti ta’ rkupru rapidu tagħhom.

    L-involviment tal-imsieħba soċjali huwa ta’ importanza ewlenija għas-suċċess tal-miżuri tal-impjiegi, kif intwera mill-adozzjoni siewja tagħhom tar-“Rakkomadazzjonijiet Konġunti dwar is-sostenn għall-irkupru ekonomiku mill-FSE”. Il-FSE jista’ jgħin: EUR 1,2 biljun huma allokati għall-imsieħba soċjali fi ħdan il-FSE f’reġjuni li waqgħu lura, esklussivament għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet u l-azzjonijiet konġunti; l-imsieħba soċjali, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandhom jagħmlu użu sħiħ minn din il-faċilità.

    Sabiex jimmassimizzaw l-impatt tal-UE u s-sostenn finanzjarju nazzjonali għall-prijoritajiet u l-azzjonijiet ewlenin imfissra f'din il-Komunikazzjoni, l-Istati Membri, bil-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali, se jiġu megħjuna biex idaħħlu fis-seħħ pakketti ta’ reazzjoni rapida, li jiffokaw is-sostenn finanzjarju tal-FSE fuq :

    - l-għajnuna lill-ħaddiema u lill-kumpaniji li qed jgħaddu minn ristrutturar inklużi skemi ta’ taħriġ fi ħdan il-kumpaniji, u fejn ikun xieraq flimkien ma' inċentivi ta' reklutaġġ ta' dawk li ilhom qiegħda għal żmien twil; inċentivi/ tnaqqis tal-ispiża ta’ mobilità għar-reġjuni b’opportunitajiet ta’ impjiegi (eż. l-issussidjar tal-spejjeż tat-trasport);

    - jitħeġġu l-imprenditorija u x-xogħol ta’ min jaħdem għal rasu inkluż il-ftuħ ta’ negozji ġodda jew it-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ self; it-tfassil ta’ pjanijiet sostenibbli għan-negozji u gwida għal negozji ġodda; it-tnaqqis tal-burokrazija u l-issimplifkar tal-proċeduri għall-ftuħ ta’ negozju;

    - it-tqabbil tal-ħiliet u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol inklużi skemi ta' edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għolja; kurrikula jew skemi ta’ taħriġ ġodda dwar l-imprenditorija u ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju; riċerkaturi biex jippromwovu l-innovazzjoni; strumenti, inklużi ICT, biex jimmonitorjaw u jantiċipaw aħjar il-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol;

    - iż-żgħażagħ inkluż il-ħolqien ta’ aktar postijiet jew għotjiet u self għal taħriġ u edukazzjoni formali; inċentivi lil kumpaniji biex jipprovdu taħriġ applikat u apprendistati jew jimpjegaw liż-żgħażagħ; metodi alternattivi ta' taħriġ għal dawk li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien;

    - l-aktar gruppi vulnerabbli inklużi miżuri ta’ attivazzjoni u inċentivi għall–kumpaniji biex jimpjegaw ħaddiema żvantaġġati jew jaddattaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja u għal ħtiġijiet speċifiċi (eż. għal ħaddiema aktar anzjani, nies b’diżabilità);

    - servizzi pubbliċi tal-impjiegi inkluż l-għoti ta’ servizzi lil numru dejjem jikber ta’ klijenti, it-titjib tal-ħiliet tal-persunal tal-PES, u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni ma’ partijiet interessati oħra.

    3.2. NAĊĊELLERAW IL-FINANZJAMENT BIEX NINDIRIZZAW IL-KRIŻI

    Żewġ possibbiltajiet ta’ finanzjament aċċellerat se jgħin konsiderevolment lill-miżuri ta’ rkupru tal-Istati Membri:

    - Sabiex issostni l-implimentazzjoni tal-pakketti ta’ rkurpru rapidu, kif ukoll l-investiment tal-Politika ta’ Koeżjoni b’mod aktar ġenerali, il-Kummissjoni se tipproponi fi żmien qasir emenda għar-Regolament dwar il-Fondi Strutturali, biex tagħti lill-Istati Membri l-għażla li ma jipprovdux kofinanzjament nazzjonali matul l-2009 u l-2010 . Mingħajr ma tbiddel it-tqassim ta’ fondi bejn l-Istati Membri jew il-limitu annwali tal-qafas finanzjarju tal-UE għal approprjazzjonijiet tal-ħlasijiet, din l-għażla ta’ antiċipazzjoni tan-nefqa permezz ta’ rata ta’ rifużjoni tal-UE ta’ 100 % matul il-perjodu li fih il-kriżi mistennija tilħaq il-quċċata, għandha tħaffef l-implimentazzjoni tal-proġett, filwaqt li tnaqqas il-limitazzjonijiet finanzjarji b’mod partikolari fl-Istati Membri fejn il-kofinanzjament tal-FSE jirrappreżenta ammont sinifikanti tan-nefqa globali għall-impjiegi. Il-Kummissjoni, bi sħubija mal-Istati Membri, se timmonitorja mill-qrib l-impatt tal-pakketti ta’ reazzjoni rapida permezz tas-sistemi attwali ta’ rappurtar strateġiku annwali tal-FSE.

    - Biex toffri ċans ġdid lil dawk qiegħda u tiftaħ it-triq għall-imprenditorija għal xi wħud mill-aktar gruppi żvantaġġati fl-Ewropa, inklużi ż-żgħażagħ, il-Kummissjoni se tipproponi fi żmien qasir faċilità mikrofinanzjarja ġdida tal-UE għall-impjiegi , biex tiżviluppa l-mikroimpriżi u l-ekonomija soċjali. Billi talloka mill-ġdid EUR 100 miljun mill-baġit eżistenti li jistgħu jiġġeneraw aktar minn EUR 500 miljun , f’azzjoni konġunta ma’ istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali b’mod partikolari l-Grupp BEI, din il-faċilità ġdida se testenti l-firxa ta’ sostenn finanzjarju fil-mira għal imprendituri ġodda fil-kuntest attwali fejn l-offerta tal-kreditu tinsab imnaqqsa. Il-fundaturi tal-mikroimpriżi se jkunu sostnuti wkoll mill-iggwidar, it-taħriġ, il-konsulenza u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet, flimkien mas-sostenn tar-rata tal-interessi mill-FSE.

    4. INĦEJJU L-ĠEJJIENI

    Sabiex toħroġ aktar b’saħħitha mill-kriżi, l-UE għandha tisfrutta b’mod sħiħ l-opportunitajiet tal-ekonomija soċjali Ewropea tas-suq billi ssegwi l-istrateġija tagħha ta’ riforma fuq medda twila ta’ żmien, biex tbiddel l-Unjoni f’ekonomija aktar kompetittiva, innovattiva, b’livell baxx ta’ karbonju u bi swieq tax-xogħol miftuħa, u li toffri soċjetà aktar inklussiva b'postijiet tax-xogħol aħjar. Għal dan l-għan, l-Ewropa trid tinvesti fil-ħiliet tan-nies u fil-possibbiltà tagħhom li jsibu impjieg, u tiżgura swieq tax-xogħol inklussivi u effiċjenti ankrati fil-prinċipji ta’ flessigurtà.

    Filwaqt li l-impatt tal-kriżi attwali huwa bla preċedenti u bosta impjiegi ntilfu matul l-aħħar ftit xhur, inħolqu ħafna aktar fis-snin ta’ tkabbir li ġew qabel. Matul l-aħħar 12-il sena, l-UE kienet strumentali fit-trawwim tal-progress fil-politiki u l-prestazzjoni tas-suq tax-xogħol, l-ewwel bl-Istrateġija Ewropea tal-Impjiegi (EES) u mbagħad fil-qafas tal-Istrateġija ta' Liżbona: permezz tal-identifikazzjoni tal-isfidi komuni, il-prijoritajiet u l-aħjar prassi; permezz ta’ għanijiet u miri komuni u ambizzjużi; u permezz ta’ tagħlim reċiproku.

    Ir-responsabbiltà ewlenija għall-iżvilupp tal-politiki soċjali u tas-suq tax-xogħol se tibqa’ tal-Istati Membri; u d-diversità tas-sitwazzjonijiet bejn l-Istati Membri u fi ħdanhom tista’ tirrikjedi approċċ aktar differenzjat. Madankollu l-valuri komuni ta’ ftuħ, solidarjetà u opportunità, sostnuti mill-politiki u istituzzjonijiet differenti fil-livell nazzjonali u f’dak tal-UE u mill-korp estensiv tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, jipprovdu benefiċċji reali u valur miżjud tal-UE għaċ-ċittadini Ewropej.

    Dawn il-valuri għandhom jibqgħu jiddeterminaw ir-reazzjoni tal-Unjoni għall-kriżi; fil-fatt, ir-rwol tal-Unjoni issa huwa aktar importanti minn qatt qabel; l-istrateġija tal-UE għal wara l-2010 fil-qasam tal-impjiegi se tirrikjedi strumenti, riżorsi u metodi mtejba, kif ukoll viżjoni ċara tal-isfidi ewlenin li qed iħabbtu wiċċhom magħhom is-soċjetajiet tagħna, biex jgħinu lill-Ewropa u liċ-ċittadini tagħha joħorġu mir-reċessjoni aktar b’saħħithom minn qabel.

    Il-koordinazzjoni politika fil-qafas tal-EES, inkluż permezz ta’ linji gwida għall-impjiegi u rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, kienet għodda ewlenija għall-promozzjoni ta’ riformi biex trawwem it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi. Madankollu, fid-dawl tal-esperjenza tal-imgħoddi u tal-isfidi globali, strateġiċi, teknoloġiċi, demografiċi u ambjentali, il-politiki u l-għanijiet għall-ġejjieni jridu jissaħħu biex jippromwovu aktar il-produttività, il-kompetittività u l-ugwaljanza soċjali.

    Il-Kummissjoni se tippreżenta proposti għall-istrateġija tat-tkabbir u l-impjiegi għal wara l-2010 inkluża l-Istrateġija tal-Impjiegi, sa tmiem l-2009. B’hekk, il-Kummissjoni se tqis id-diskussjoni li għaddejja fost l-Istituzzjonijiet tal-UE u l-partijiet kollha interessati, b'mod partikolari dwar l-għadd ta' orjentazzjonijiet imressqa s’issa:

    - It-tliet prijoritajiet politiċi ewlenin deskritti f’din il-Komunikazzjoni se jkunu rilevanti b’mod ugwali għall-EES tal-ġejjieni, hekk kif l-Unjoni Ewropea timla l-vojt bejn it-tnaqqis tal-effetti tal-kriżi u t-tħejjija għall-irkupru. L-EES għandha tgħin biex il-politiki tas-suq tax-xogħol jistimolaw it-tkabbir u l-impjiegi, isaħħu l-livelli ta' ħiliet b'mod konsiderevoli, u jisfruttaw ir-rwol ekonomiku pożittiv tal-politiki ta' inklużjoni fil-prestazzjoni tal-impjiegi u s-sostenibbiltà finanzjarja;

    - Fi ħdan l-istrateġija mġedda tal-UE għat-tkabbir u l-impjiegi, l-EES għandha tkun aktar sempliċi, b’għanijiet aktar iffokati, biex tiżgura konsistenza akbar;

    - Ir-responsabbiltà nazzjonali għandha tissaħħaħ, b’involviment akbar tal-parlamenti nazzjonali, l-imsieħba soċjali u partijiet oħra interessati fit-tfassil u l-adozzjoni tal-programmi ta’ riforma tal-Istati Membri; użu aktar iffokat tal-Fondi Strutturali, b’mod partikolari l-FSE, għandu jsostni l-implimentazzjoni tal-politiki tal-impjiegi;

    - Ir-rwol ta’ koordinazzjoni tal-Kummissjoni u l-Istati Membri f’assoċjazzjoni mal-imsieħba soċjali se jkun essenzjali biex jiffaċilita t-twaqqif ta’ punti ta’ referenza u t-tqabbil bejn il-pajjiżi.

    5. KONKLUŻJONI

    L-Impenn Komuni tal-UE għall-prijoritajiet ewlenin imfissra f’din il-Komunikazzjoni għandu jgħin biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-Unjoni fuq medda medja u twila ta’ żmien u jiżgura l-konsistenza bejn dawn tal-aħħar u l-miżuri ta’ rkupru fuq medda qasira ta’ żmien.

    Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill Ewropew biex:

    - Jaqbel dwar tliet prijoritajiet ewlenin tal-Impenn Komuni tal-UE għall-Impjiegi;

    - Japprova l-proċess għall-implimentazzjoni, mill-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-imsieħba soċjali, tal-azzjonijiet proposti fi ħdan kull prijorità, filwaqt li jqis il-qagħda speċifika ta’ kull Stat Membru;

    - Japprova l-proposti tal-Kummissjoni għal użu aħjar tal-fondi Komunitarji b'reazzjoni għall-kriżi;

    - Jistieden lis-Summit Soċjali Tripartitiku qabel kull Kunsill Ewopew tar-Rebbiegħa, biex jiddiskuti u jimmonitorja l-progress magħmul bit-twaqqif u l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet u l-azzjonijiet tal-Impenn Komuni;

    - Jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tal-Impenn Komuni tal-UE, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-imsieħba soċjali tal-UE, u biex isir rapport, lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tal-2010, dwar il-progress li twettaq kif ukoll dwar l-implikazzjonijiet tiegħu għall-aġenda tal-Unjoni għal wara l-2010.

    Annessi:

    1. Miżuri reċenti fil-qasam tal-impjiegi meħuda mill-Istati Membri

    2. Promozzjoni ta’ tnaqqis temporanju tal-ħinijiet tax-xogħol

    3. Użu aħjar tal-FSE

    [1] Ara: http://ec.europa.eu/energy/renewables/studies/doc/renewables/2009_employ_res_report.pdf

    [2] COM(2009) 114, 4.3.2009.

    [3] Ara: http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=103&langId=en&eventsId=173&furtherEvents=yes

    [4] Ara: http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=103&langId=mt

    [5] http://ec.europa.eu/eures/home.jsp?lang=mt

    [6] Il-Kummissjoni llum adottat gwida dwar għajnuna Statali kompatibbli għat-taħriġ kif ukoll gwida dwar għajnuna Statali kompatibbli għal ħaddiema żvantaġġati u b'diżabilità – SEG(2009) 719.

    Top