Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AE1711

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-inklużjoni soċjali” (opinjoni esploratorja)

ĠU C 128, 18.5.2010, p. 10–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 128/10


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-inklużjoni soċjali”

(opinjoni esploratorja)

(2010/C 128/03)

Relatur: Is-Sinjura KING

F’ittra tat-18 ta’ Diċembru 2008, is-Sinjura Cecilia Malmström, il-Ministru Svediż għall-Affarijiet Ewropej, talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, biex iħejji opinjoni esploratorja dwar

L-Inklużjoni soċjali

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-15 ta’ Ottubru 2009.

Matul il-457 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal-4 ta’ Novembru 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’130 vot favur, l-ebda vot kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.   L-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għat-tkabbir u l-impjiegi għandha tagħti iktar attenzjoni lill-għanijiet tal-koeżjoni soċjali, skont ir-rapport il-ġdid li tressaq mill-Kummissjoni Ewropea fid-29 ta’ Settembru 2009. Ir-rapport tal-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali jgħid li l-protezzjoni soċjali waħidha mhijiex biżżejjed għall-prevenzjoni tal-faqar u l-esklużjoni, u jitlob li qabel kollox tingħata attenzjoni lill-għanijiet bħall-ġlieda kontra l-faqar tat-tfal u l-promozzjoni tal-miżuri tal-inklużjoni attiva.

Ġeneralment, il-persuni fqar jew bi ftit kwalifiki, il-migranti jew il-minoritajiet etnokulturali, il-persuni b’diżabbiltà, iżolati, b’alloġġ fqir jew mingħajr dar ikunu fost l-ewwel vittmi tal-esklużjoni.

Għalkemm ix-xogħol ma jfissirx awtomatikament li jiġu evitati l-esklużjoni soċjali u r-riskju tal-faqar, għadu l-aħjar mod li bih titrawwem l-inklużjoni soċjali

1.2.   Il-Presidenza Svediża għandha l-ambizzjoni li taġixxi kontra l-impatt negattiv tal-kriżi ekonomika fuq it-tkabbir u l-impjieg fil-livell kemm tal-UE kif ukoll tal-Istati Membri. Il-Presidenza tixtieq tagħti prijorità lill-azzjonijiet li jikkonċernaw il-miżuri fis-suq tax-xogħol li ser jimminimizzaw il-qgħad, inaqqsu n-numru tal-persuni esklużi mis-suq tax-xogħol u jirritornaw lura fis-suq tax-xogħol lil dawk li dan l-aħħar tilfu xogħolhom. Fl-istess ħin il-Presidenza tixtieq li tħejji s-sisien għall-ħolqien tal-impjiegi li huma fit-tul u sostenibbli.

1.3.   Is-summit tal-G20 li ġie konkluż dan l-aħħar iddikjara li dis-sena l-Istati Membri, inkluża l-UE, irnexxielhom joħolqu kif ukoll isalvaw l-impjiegi, li jfisser li, għal numru ta’ ċittadini Ewropej l-impatt tal-kriżi ġie mminimizzat. L-isforzi tal-Istati Membri ffukaw b’mod partikulari fuq is-sostenn taż-żamma tax-xogħol u s-salvagwardja tad-dħul tal-familja.

1.4.   Madankollu, l-isfida li qed tiffaċċja l-UE hi li bosta ċittadini ta’ età tajba għax-xogħol m’għandhomx aċċess għal impjieg anki waqt il-perijodu riċenti ta’ tkabbir ekonomiku. Barra minn hekk, ċerti ċittadini ma jaqalgħux biżżejjed biex joħorġu lilhom infushom mill-faqar. Wieħed jista’ jikkonkludi li, anki minkejja l-azzjoni determinata għall-appoġġ tal-irkupru, dan il-grupp żdied tul dawn l-aħħar 18-il xahar u l-impatt soċjali tar-riċessjoni għadu mhux viżibbli bis-sħiħ.

1.5.   Il-KESE jemmen li għandha ssir aktar enfasi fuq dawk l-individwi li huma l-aktar ’il bogħod mis-suq tax-xogħol, b’mod speċjali billi tingħata spinta ’l quddiem lill-isforzi sabiex jiġu implimentati l-prinċipji komuni dwar l-inklużjoni attiva approvata mill-Kunsill f’Diċembru 2008. Dawn huma dawk l-individwi li għandhom livell baxx ta’ ħiliet u li għandhom inqas aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja u għall-opportunitajiet ta’ taħriġ, dawk li għandhom responsabbiltà ta’ kura (l-aktar in-nisa), dawk li jirtiraw kmieni, persuni b’diżabbiltà, minoranzi, migranti u żgħażagħ.

1.6.   Il-KESE jirrakkomanda li jintuża l-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni sabiex tiġi identifikata l-aħjar prattika fit-transizzjonijiet mill-edukazzjoni u t-taħriġ għall-impjieg, u t-transizzjonijiet mill-attivitajiet ċivili u tal-familja għall-impjieg, u biex jiġu ttrattati l-ostakoli strutturali għas-suq tax-xogħol u l-parteċipazzjoni soċjali inġenerali.

1.7.   Il-KESE jagħraf li s-servizzi soċjali u l-protezzjoni huma dipendenti ħafna fuq il-finanzjament pubbliku li numru ta’ Stati Membri beħsiebhom inaqqsu minħabba l-kriżi attwali. Għaldaqstant huwa jopponi kull inizjattiva li tista’ tikkomprometti s-solidarjetà li fuqha tistrieħ il-protezzjoni soċjali u li hija ta’ tant ġid għall-Ewropa. Għandhom jintgħażlu miżuri li jżommu l-protezzjoni u li fl-istess ħin jiffavorixxu t-transizzjoni lejn l-impjieg u ż-żamma tal-impjieg..

1.8.   Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza tat-tagħlim u t-taħriġ tul il-ħajja (LLL) biex tiżdied l-impjegabbiltà taċ-ċittadini tiegħu u jinnota l-paradoss li dawk li għandhom inqas edukazzjoni għandhom l-inqas aċċess għal-LLL. Għalhekk il-KESE jirrakkomanda bis-sħiħ intitolament u aċċess effettiv għaċ-ċittadini kollha.

1.9.   Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni dwar l-importanza tal-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fil-livell nazzjonali u lokali, inklużi l-awtoritajiet pubbliċi, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili, u mhux biss fil-qasam tal-impjieg iżda wkoll fil-qasam tad-djar, is-saħħa u l-inklużjoni territorjali.

2.   Sfond u kuntest

2.1.   L-ekonomiji u s-soċjetajiet Ewropej qed jiffaċċjaw numru ta’ sfidi bħalma huma t-tibdil fil-klima, l-avvanzi teknoloġiċi, il-globalizzazzjoni u t-tixjiħ tal-popolazzjoni. Iż-żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol tul dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, minkejja li hija pożittiva, koeżistiet ma’ livelli persistenti ta’ faqar inġenerali u fix-xogħol, segmentazzjoni konsiderevoli tas-suq tax-xogħol, u progress marġinali biss f’dak li għandu x’jaqsam mad-djar domestiċi mingħajr impjieg. Peress li impjieg ta’ kwalità huwa l-aħjar salvagwardja kontra l-faqar u l-esklużjoni, din l-opinjoni tiffoka b’mod speċjali fuq ir-rabta bejn l-impjieg u l-inklużjoni.

2.2.   Il-kriżi finanzjarja globali hija l-aktar sfida riċenti li nfirxet fl-ekonomija reali, waqt li l-qagħda tas-suq tax-xogħol qed tiddeterjora sew bħala riżultat ta’ tnaqqis fid-domanda u kundizzjonijiet finanzjarji iktar stretti (1). Ir-rata tal-qgħad fl-UE ta’ 27 Stat Membru, li hija aġġustata skont l-istaġun, f’Marzu 2009 kienet ta’ 8,3 % meta mqabbla ma’ dik ta’ 6,7 % f’Marzu 2008 Dan jirrappreżenta bidla fit-tendenza tal-qgħad peress li r-rata f’UE ta’ 25 Stat Membru preċedentament kienet naqset fis-snin ta’ qabel minn 8,9 % f’Marzu 2005 għal 8,4 % f’Marzu 2006 sa 7,3 % f’Marzu 2003 Għalkemm l-istampa fil-livell tal-pajjiż individwali tidher differenti, l-Istati Membri kollha u ħafna setturi huma affettwati mit-tnaqqis serju fl-attività ekonomika internazzjonali. Il-pajjiżi l-aktar affettwati huma Spanja, l-Irlanda u l-pajjiżi Baltiċi, b’rati tal-qgħad li rduppjaw, jew fil-każ tal-pajjiżi Baltiċi, kważi ttripplaw. Huwa mistenni li din it-tendenza se tkompli. (2 3 12 17)  (2 3 12 17).

2.3.   L-illaxkar monetarju attwali u l-pakketti ta’ stimolu fiskali introdotti fi kważi l-Istati Membri kollha bħala reazzjoni kontra din il-kriżi l-aktar riċenti, huma maħsuba sabiex l-ewwel jistabbilizzaw is-sistemi finanzjarji, jittaffew l-impatti soċjali negattivi, u mbagħad jikkontribwixxu għall-irkupru tat-tkabbir. L-iskop għal azzjoni tal-Istati Membri huwa differenti ħafna iżda hemm tendenza li tingħata attenzjoni konsiderevoli għall-politiki sabiex il-ħaddiema jinżammu fl-impjieg, tiġi promossa l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, jiġi appoġġat id-dħul tan-nies, li l-persuni li xtraw dar fuq self jiġu protetti milli jitilfu d-dar tagħhom, li jiġi promoss l-aċċess għall-kreditu kif ukoll li jsir investiment fl-infrastrutturi soċjali u tas-saħħa kemm biex l-impjieg jingħata spinta ’l quddiem kif ukoll biex jitjieb l-aċċess għas-servizzi (4). Madankollu, il-Presidenza Svediża temmen li l-miżuri maħsuba sabiex jiġġieldu din il-kriżi għandhom imorru id f’id mar-riformi strutturali meħtieġa sabiex jiġu indirizzati l-isfidi l-oħra tal-UE (eż. il-bidla demografika, il-globalizzazzjoni) peress li qabel ma bdiet din il-kriżi, għadd kbir ta’ ċittadini Ewropej li setgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol ma kellhomx aċċess għal impjieg, minkejja r-rendiment ekonomiku relattivament favorevoli.

2.4.   Il-Presidenza Svediża tixtieq tiffoka fuq:

2.4.1.   kif l-Istati Membri tal-UE għandhom jittrattaw b’mod konġunt l-effetti taż-żieda li saret fi żmien qasir tal-qgħad bħala riżultat tal-kriżi ekonomika;

2.4.2.   liema riformi effettivi jistgħu jżidu l-mobbiltà fis-suq tax-xogħol, inklużi l-miżuri li jistgħu jittieħdu sabiex jiffaċilitaw ir-ritorn tal-persuni għax-xogħol.

L-għan hu li tittieħed azzjoni kontra l-effetti fi żmien qasir tal-kriżi u li tittieħed azzjoni sabiex ikun żgurat li l-Istati Membri jiksbu l-objettiv fuq medda twila ta’ żmien ta’ livelli ogħla ta’ impjieg fi ħdan il-qafas tal-istrateġija l-ġdida tal-UE għat-tkabbir u l-impjiegi.

3.   L-Impjieg u l-Inklużjoni Soċjali

3.1.   Nippromovu t-transizzjonijiet siguri

3.1.1.   It-transizzjoni u l-mobilità soċjali dejjem kienu jagħmlu parti mill-ħajja fl-Ewropa. Il-bidliet li ġabet magħha l-globalizzazzjoni jenfasizzaw il-ħtieġa għal sistemi ekonomiċi u soċjali ta’ governanza li huma orjentati b’mod attiv kemm lejn it-transizzjonijiet kif ukoll lejn il-mobilità soċjali. Ir-rabta tal-istrateġiji ta’ attivazzjoni, riabilitazzjoni u riintegrazzjoni tal-ħaddiema mal-protezzjoni soċjali għandha tiġi meqjusa bħala objettiv ta’ politika. Fil-kitba nsibu msemmija mill-inqas ħames transizzjonijiet (5): mill-edukazzjoni u t-taħriġ għall-impjieg; it-transizzjoni fost forom differenti ta’ impjieg, inkluż l-impjieg indipendenti; transizzjonijiet bejn l-impjieg u l-attivitajiet ċivili u tal-familja; bejn l-impjieg u d-diżabbiltà; bejn l-impjieg u l-irtirar. L-iskop hu li nikkonvinċu lin-nies li t-transizzjonijiet huma vijabbli u li nħeġġuhom ifittxu impjieg b’mod attiv u fl-istess ħin nipprovdulhoml-appoġġ meħtieġ u nħarsuhom mill-bżonnijiet materjali.

3.1.2.   It-transizzjoni mill-edukazzjoni u t-taħriġ għall-impjieg hija ta’ tħassib partikulari, peress li bosta żgħażagħ ġew esklużi b’mod disproporzjonat mis-suq tax-xogħol tul il-perijodu ta’ tkabbir u issa qed jiġu affettwati mill-kriżi finanzjarja u ekonomika (6). Minkejja li l-livelli tal-kwalifiki taż-żgħażagħ huma ogħla fil-preżent meta mqabbla mal-ġenerazzjonijiet preċedenti, dawn qed jidħlu fis-suq tax-xogħol aktar tard, qed jesperjenzaw inqas stabbilità tal-impjieg, u huma esposti aktar għas-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol u għall-qgħad. Il-KESE jinnota u jilqa’ l-enfasi tal-Kummissjoni fuq l-azzjoni “Ngħinu liż-żgħażagħ issa” (7), iżda jistaqsi dwar kif ser jiġu evalwati u riveduti t-taħriġ u l-apprendistat ta’ kwalità għal rilevanza kontinuwa. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-KESE dwar il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ saru fl-opinjoni tiegħu dwar “L-impjieg tal-kategoriji ta’ prijorità” (8). Il-KESE jfakkar li l-migranti, il-persuni minn minoranzi etniċi, ġenituri waħedhom u dawk li għandhom livelli baxxi ta’ ħiliet huma f’periklu partikulari li jiġu esklużi mis-suq tax-xogħol u mis-soċjetà.

3.1.3.   It-transizzjonijiet bejn l-impjieg u l-attivitajiet ċivili u tal-familja għandhom impatt kbir fuq in-nisa u fuq l-għażliet disponibbli għalihom fir-rigward tat-tip ta’ kuntratti tax-xogħol jew it-tul ta’ żmien barra mis-suq tax-xogħol. Għalhekk il-KESE jirrakkomanda li għandhom jiġu msaħħa l-miżuri li jiżguraw l-ugwaljanza bejn is-sessi.

3.2.   It-tfassil u t-twassil ta’ politika integrata, azzjonijiet speċifiċi u governanza mtejba

3.2.1.   Hekk kif qed tinbena l-esperjenza tal-politiki ta’ transizzjoni, ċerti karatteristiċi ta’ “politika ta’ transizzjoni tajba” qed jidhru aktar ċari. L-inċentivi u l-appoġġ qed jirriżultaw kritiċi. Il-politiki ta’ transizzjoni tas-suq tax-xogħol għandhom jiġu kkunsidrati b’mod konġunt mal-istrateġiji tal-inklużjoni, b’mod partikulari meta nirreferu għal dawk l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol li għalihom huma meħtieġa aktar sforzi sistematiċi. Il-Kumitat jappoġġja l-fehma (9) li l-kriżi tagħmel aktar urġenti u meħtieġa l-implimentazzjoni ta’ strateġiji ta’ inklużjoni attivi u komprensivi li jikkombinaw u jibbilanċjaw miżuri maħsuba għal swieq tax-xogħol inklużivi, aċċess għal servizzi ta’ kwalità u dħul minimu adegwat.

3.2.2.   Għal dik il-parti l-kbira tal-popolazzjoni ta’ età tajba għax-xogħol li teħtieġ li tagħmel it-transizzjoni lejn l-impjieg, il-KESE jilqa’ r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (10) biex ikun hemm involviment aktar b’saħħtu u koordinazzjoni aħjar fil-livell nazzjonali. Madankollu, il-KESE jirrakkomanda wkoll il-personalizzazzjoni tal-interventi. Dan huwa importanti peress li jekk jiġu riformati s-servizzi ta’ konsulenza li huma “qrib” tan-nies jew li huma lokali għalihom u li jipprovdu rotot personalizzati – jekk mhux għall-individwi, għallinqas għall-gruppi – dan ikun vitali għar-riforma. Proġetti u organizzazzjonijiet ta’ ekonomija soċjali huma bosta drabi fuq quddiem tal-approċċi li jippromovu rotot ta’ appoġġ fid-dħul fix-xogħol u fil-ħolqien ta’ impjiegi ġodda għall-persuni l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol.

3.2.3.   Il-KESE jirrakkomanda wkoll, f’dan il-kuntest, li d-djalogu soċjali għandu jiġi kkomplementat minn djalogu ċiviku. Għadd ta’ Stati Membri diġà għandhom imwaqqaf xi forma ta’ dan it-tip ta’ djalogu. Dan ser joħloq l-opportunità biex organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li għandhom l-esperjenza u l-għarfien kif ukoll il-konnessjonijiet b’saħħithom li soltu jkollhom ma’ gruppi vulnerabbli – inklużi dawk li jgħixu fil-faqar, tfal, żgħażagħ, familji f’sitwazzjonijiet prekarji tal-ħajja, migranti u minoranzi etniċi, persuni b’diżabbiltà, anzjani – jiġu inklużi bħala riżorsi importanti fit-tfassil tal-politiki sabiex tiżdied l-inklużjoni soċjali fl-Ewropa. Ir-riċerka turi li din il-kwalità u l-profiċjenza, inklużi l-għarfien u l-kapaċità li jiġu ttrattati gruppi żvantaġġati min-naħa tal-professjonisti li qed jipprovdu s-servizzi u l-istituzzjonijiet tagħhom, hija element importanti ta’ prattika tajba.

3.2.4.   Il-KESE jaqbel mar-rakkomandazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (11) li biex jitjiebu l-opportunitajiet għal min huwa żvantaġġat sabiex jirnexxi fis-suq tax-xogħol, hemm bżonn ta’ kooperazzjoni aħjar mal-awtoritajiet pubbliċi, is-servizzi privati tal-impjieg, is-servizzi soċjali, is-servizzi għall-edukazzjoni għall-adulti, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili. Il-KESE jirrakkomanda wkoll il-ħtieġa għal koordinazzjoni bejn tipi differenti ta’ interventi ta’ servizz bħalma huma s-saħħa, l-edukazzjoni, u d-djar, peress li dan huwa element prinċipali ta’ prattika tajba.

3.3.   L-Istrateġija ta’ Lisbona

3.3.1.   L-Istrateġija ta’ Lisbona tal-UE tqiegħed enfasi iktar qawwija fuq l-inklużjoni soċjali ġewwa l-UE. Bħala objettiv ġenerali poġġiet il-ħtieġa li jkun hemm moviment lejn ekonomija aktar komprensiva kapaċi li tikkombina l-effiċjenza u l-ħolqien ta’ aktar impjiegi aħjar b’livelli għolja ta’ protezzjoni soċjali u koeżjoni soċjali u ekonomika akbar. Din hija l-bażi fundamentali tal-mudelli ekonomiċi u soċjali Ewropej. Jeħtieġ li l-istrateġija tal-UE għal wara l-2020 ikollha viżjoni ċara tal-isfidi ewlenin li qed tiffaċċja s-soċjetà bi strumenti riveduti għall-oqsma tal-impjieg u l-inklużjoni soċjali. Il-KESE huwa fil-proċess li jipproduċi l-opinjoni tiegħu dwar suċċessur għall-Istrateġija ta’ Lisbona (2 3 12 17).

3.3.2.   L-Istrateġija ta’ Lisbona enfasizzat kif il-ħolqien tal-impjiegi jiddependi ħafna fuq il-politiki tal-impjiegi attivi, qafas makroekonomiku b’saħħtu, investiment fil-ħiliet, ir-riċerka u l-infrastruttura, regolamentazzjoni u promozzjoni aħjar tal-intraprenditorija u l-innovazzjoni. Hekk kif is-swieq tax-xogħol ikomplu jiddeterjoraw bħala reazzjoni għat-tnaqqis fl-attività ekonomika, huwa meħtieġ li tittieħed aktar azzjoni peress li l-impatt ewlieni tar-riċessjoni huwa fuq in-nies. Is-swieq tax-xogħol Ewropej ser jiġu mibdula sew minn din il-kriżi. Il-ħaddiema u l-kumpaniji għandhom jingħataw il-mezzi meħtieġa sabiex jaġġustaw b’suċċess għal dawn ir-realtajiet li qed jinbidlu: biex jinżammu l-impjiegi, jiżdiedu l-ħiliet fil-livelli kollha, b’mod speċjali dawk bi ftit ħiliet, in-nies jerġgħu jmorru għax-xogħol u biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda.

3.4.   Il-kunċett li nittrattaw il-flessigurtà fi żmien ta’ kriżi (13)

Bħala strateġija integrata sabiex jiżdiedu kemm il-flessibbiltà kif ukoll is-sigurtà tas-suq tax-xogħol u biex jiġu appoġġjati dawk li qegħdin temporanjament barra minnu, il-KESE jemmen li:

3.4.1.   Il-flessigurtà hija aktar u aktar importanti u adegwata fil-kuntest ekonomiku diffiċli attwali karatterizzat minn qgħad li qed jiżdied, il-faqar, is-segmentazzjoni u l-isfida urġenti tal-istimolazzjoni tat-tkabbir, il-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u aħjar u t-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali;

3.4.2.   L-implimentazzjoni tal-flessigurtà teħtieġ mhux biss komponenti għall-protezzjoni soċjali li jkunu ta’ appoġġ iżda wkoll inċentivi ta’ xogħol ċari b’suq tax-xogħol miftuħ u li jibbaża fuq il-ħiliet, li jifformaw il-bażi tal-komponenti l-oħra, flimkien ma’ politiki li jindirizzaw l-ostakoli strutturali għall-parteċipazzjoni u l-promozzjoni taż-żamma u l-ħolqien tal-impjiegi, inklużi impjiegi ta’ kwalità. Dan se jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-esklużjoni soċjali u r-riskju tal-faqar permezz tal-ftuħ tas-suq tax-xogħol għaċ-ċittadini kollha, u partikolarment għall-gruppi vulnerabbli;

3.4.3.   Il-prinċipji komuni tal-flessigurtà, bħala mezz biex tiġi implimentata l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi, flimkien ma’ strateġiji ta’ inklużjoni attivi u komprensivi għal dawk l-aktar imbiegħda mis-suq tax-xogħol, jipprovdu strateġija politika komprensiva biex jiġu kkoordinati l-isforzi biex jiġu mmaniġġati l-effetti fuq l-impjiegi u l-impatt soċjali tal-kriżi, u biex isiru t-tħejjijiet għal meta l-ekonomija tirpilja.

3.4.4.   Il-KESE jilqa’ l-ftehim tal-imsieħba soċjali tal-UE biex jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-prinċipji komuni tal-UE tal-flessigurtà u biex ma jintesewx l-esperjenzi li minnhom ittieħdet tagħlima. Il-KESE huwa fil-proċess li jipproduċi opinjoni dwar il-flessigurtà biex jikkontribwixxi għal dan l-eżerċizzju (14). Il-KESE jistieden ukoll lill-Istati Membri sabiex itejbu l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw il-prinċipji komuni dwar l-inklużjoni attiva, u lill-Kummissjoni biex timmoniterja l-progress regolarment.

4.   Il-Politika tal-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali

4.1.   Is-sistemi tal-protezzjoni soċjali potenzjalment huma assi maġġuri għall-inklużjoni soċjali peress li dawn għandhom status barra mis-suq, jinvolvu azzjonijiet pożittivi min-naħa tal-Istat, u f’kuntest ta’ responsabbiltà soċjali kollettiva, jaħdmu kontra l-kundizzjonijiet li jillimitaw il-kapaċità tal-individwi u tal-gruppi żvantaġġati biex jgħixu ħajja dinjituża. Is-suċċess tal-Welfare State Ewropew, b’mod speċjali fil-ġlieda kontra l-inugwaljanzi, huwa dokumentat sew u jirrifletti l-valur ta’ qofol Ewropew tas-solidarjetà rikonoxxuta fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Fil-fehma tal-Kumitat, is-sett ta’ sfidi li jisbqu lill-oħrajn għall-protezzjoni soċjali bħalissa huwa li jiġu żgurati l-bżonnijiet fundamentali tal-persuni, u li jkunu disponibbli għal kulħadd anki jekk ivarjaw l-applikazzjoni tagħhom skont il-pajjiż, kif ukoll li jiġu ffaċilitati transizzjonijiet tajbin, kif ġie diskuss qabel. Hija meħtieġa azzjoni sabiex it-transizzjonijiet isiru vijabbli u jitjieb l-aċċess għall-impjiegi għal gruppi speċifiċi bi problemi fis-suq tax-xogħol, filwaqt li jiġi salvagwardjat il-livell tad-dħul baġitarju tal-Istati Membri, billi titnaqqas l-ispiża (mhux ta’ salarju) ta’ min iħaddem biex iqabbdu lil min jaħdem billi jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi; u jiġi esplorat il-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi b’mod speċjali għal dawk li ma tantx għandhom ħiliet; jitnaqqsu d-diżinċentivi għax-xogħol; titjieb l-istruttura tat-taxxa u tal-benefiċċji sabiex ix-xogħol isir aktar vijabbli, inkluż il-piż tat-taxxa fuq it-tieni dħul; jiġu pprovduti inċentivi għal min hu qiegħed sabiex jibdew in-negozju tagħhom (eż. permezz ta’ taħriġ intraprenditorjali u mikrokrediti), billi jkun żgurat l-aċċess għas-servizzi meħtieġa li jippermettu l-parteċipazzjoni. Għal dawk li ma jistgħux jaħdmu, għandu jiġi pprovdut appoġġ ta’ dħul adegwat.

4.2.   Il-Kumitat jixtieq jenfasizza li l-kompetizzjoni qawwija li ġejja mill-globalizzazzjoni u l-impatt tal-kriżi ekonomika jagħmluha aktar essenzjali biex ikun hemm biżżejjed protezzjoni soċjali kontra r-riskji soċjali, inkluż il-qgħad, u biex tiġi msaħħa l-funzjoni tal-protezzjoni soċjali bħala investiment soċjali għall-benefiċċju kemm tal-kompetittività ekonomika kif ukoll tal-inklużjoni soċjali. Ir-riforma m’għandhiex titħalla tipperikola l-prinċipji ta’ solidarjetà li huma l-bażi tal-protezzjoni soċjali u li kienu siewja għall-Ewropa. Min-naħa l-oħra, filwaqt li l-bidla hija essenzjali, is-sistemi tal-protezzjoni soċjali m’għandhomx ikunu xettiċi għall-bidliet u għandhom jiġu ggwidati minn politika ta’ riforma soċjali koerenti, koordinata u fit-tul, li tkun kapaċi tipprovdi protezzjoni u transizzjonijiet ta’ appoġġ fi żmien qasir jew twil.

Għalhekk huwa importanti li jiġu kkunsidrati modi kif il-komponenti varji tal-protezzjoni soċjali jibdew jikkontribwixxu b’mod aktar effettiv għall-inklużjoni soċjali u ekonomika. F’dan il-kuntest il-KESE jiġbed l-attenzjoni għal dan li ġej.

4.3.1.   Jitqiesu l-iżbilanċ demografiku u l-bidla fil-familja

4.3.1.1.   Il-prospett tat-tixjiħ tal-popolazzjoni f’ħafna pajjiżi Ewropej iqajjem kwistjonijiet varji mil-lat tal-inklużjoni soċjali. Diġà bdiet tittieħed azzjoni f’bosta pajjiżi. Il-kwistjoni li qed tidher l-aktar, għalkemm mhux dejjem qed tiġi ttrattata b’mod effettiv, hija ż-żieda fil-proporzjon tal-popolazzjoni intitolata għall-pensjoni kif ukoll il-ħtieġa għal servizzi ta’ saħħa u kura soċjali. Il-KESE jilqa’ r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (11) li jiġi promoss l-impjieg ta’ ħaddiema kbar fl-età, kif ukoll li jiġu stimulati d-domanda u l-impjiegi fis-settur tal-kura billi jiġu introdotti eżenzjonijiet mit-taxxi u inċentivi oħra. Il-KESE jemmen li l-proposta tal-Kummissjoni li tiskoraġġixxi l-iskemi tal-irtirar bikri titlob diskussjoni dettaljata dwar il-kundizzjonijiet qafas, l-iskop, il-miżuri politiċi ta’ akkumpanjament eċċ. sabiex ma jinħolqux problemi soċjali għall-anzjani b’mod partikolari. Il-KESE diġà ta kontribut ċentrali f’dan il-qasam.

4.3.1.2.   Aspett ieħor li jikkontribwixxi għas-sitwazzjoni demografika huwa li bosta politiki, b’mod partikulari l-politiki tal-familja, ma jgħinux biżżejjed biex jippermettu lin-nies jissodisfaw ix-xewqa tagħhom li jkollhom it-tfal (15). Il-KESE jixtieq b’mod speċjali jiġbed l-attenzjoni ta’ min ifassal il-politika għall-opinjoni tiegħu dwar il-familja u l-bidla demografika (16). Kull pajjiż jeħtieġ politika tal-familja, waħda li tirrispetta r-rieda ta’ kull ċittadin (inklużi t-tfal), li tagħti valuri lill-ħajja tal-familja, li tindirizza l-impatt kbir, speċjalment fuq it-tfal, tal-falliment tal-familja, il-vjolenza u l-faqar u l-esklużjoni soċjali, u li hija viċin tal-ħajja u x-xewqat taċ-ċittadini. Politika komprensiva tal-familja għandha, għalhekk, tkun prijorità ta’ qofol għal kull pajjiż Ewropew, li tgħaqqad id-dħul, il-faċilitajiet għall-kura tat-tfal, l-aċċess tal-ġenituri għal impjiegi full-time ta’ kwalità, l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-edukazzjoni, is-servizzi soċjali u kulturali, il-provvediment u t-tħejjia tal-impjieg u tal-infrastruttura (2 3 12 17).

4.3.2.   It-titjib tal-assigurazzjoni kontra l-qgħad u l-promozzjoni tal-integrazzjoni

4.3.2.1.   L-assigurazzjoni kontra l-qgħad huwa benefiċċju soċjali importanti, li jipprovdi sigurtà għall-ħaddiema li ġew qiegħda jew bla xogħol, b’mod speċjali fuq sfond fejn il-kriżi ekonomika kif ukoll il-kompetizzjoni jeħtieġu ristrutturazzjoni kontinwa. Jekk din tkun sostanzjali, l-assigurazzjoni kontra l-qgħad tista’ tkun ukoll fattur għal fluwidità ekonomika u tiffaċilita l-mobilità tax-xogħol. Madankollu, f’ċerti pajjiżi l-assigurazzjoni kontra l-qgħad tfisser sempliċiment id-distribuzzjoni passiva ta’ benefiċċji, mingħajr sistema adegwata għall-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol (jiġifieri t-transizzjoni mill-qgħad għax-xogħol) jew għal taħriġ immirat lejn kisba ta’ impjieg sostenibbli. Bħala prinċipju ġenerali, l-infiq tal-assigurazzjoni kontra l-qgħad għandu jsir aktar attiv. Għal dan il-għan jista’ jiġi bbażat, kif diġà huwa l-każ f’bosta pajjiżi, fuq ftehimiet individwali għad-dħul mill-ġdid għax-xogħol, li huma prerekwiżit għall-intitolament għall-benefiċċji. Ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet f’dan it-tip ta’ sitwazzjoni hija li jipprovdu sistemi adegwati ta’ appoġġ, integrazzjoni u taħriġ, u aċċess għal servizzi oħra li joħolqu opportunitajiet. L-element preventiv huwa importanti wkoll. Għal dan il-għan, hemm bżonn ta’ intervent bikri li jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ttrattat il-faqar tat-tfal flimkien mat-tfassil ta’ politika effettiva għal aktar taħriġ tul il-ħajja li tista’ tinvolvi xi ċaqliq fl-edukazzjoni fil-korsa tal-ħajja.

4.3.2.2.   It-transizzjoni u l-integrazzjoni huma importanti għall-gruppi oħra wkoll, pereżempju għal vittmi ta’ inċidenti, persuni diżabilitati minn mard, persuni b’diżabbilitajiet (it-transizzjoni mill-impjieg għall-qgħad minħabba diżabbiltà). L-ewwel nett dan iqajjem il-kwistjoni ta’ dħul minn sostituzzjoni, u t-tieni nett il-kwistjoni tar-ritorn jew l-aċċess għall-impjieg. Li persuna jkollha dħul hija kundizzjoni neċessarja għal għajxien indipendenti, iżda mhux neċessarjament kundizzjoni suffiċjenti. F’ħafna każijiet ftit għadha tingħata prijorità għall-integrazzjoni tal-persuni involuti fil-ħajja tax-xogħol, minkejja d-dispożizzjonijiet legali għal dan il-għan. Ħafna drabi arranġamenti prattiċi għal assistenza u appoġġ biex jinstab jew jitkompla impjieg huma ta’ piż u mhux adegwati. La r-rekwiżiti għall-intitolament u lanqas l-ammont tal-kumpens m’għandu jiskoraġġixxi lill-persuni kkonċernati milli jiksbu riabilitazzjoni funzjonali jew professjonali, jew milli jerġgħu lura għax-xogħol. Anzi, dawn għandhom iħeġġuhom biex jagħmlu hekk. Madankollu, ir-riformi li jċaqalqu l-enfasi minn miżuri passivi għal dawk attivi, m’għandhomx jinsew l-objettivi stipulati fil-Kodiċi Ewropew tas-Sigurtà Soċjali u l-Protokolli tiegħu. Il-kunċett ta’ impjieg adegwat għandu jkun wieħed li jimmira li jkun hemm garanzija li persuni bla xogħol jiġu ddirezzjonati lejn l-impjieg li juża l-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom fl-aktar modi produttivi u effettivi għall-benefiċċju tas-soċjetà sħiħa. Madankollu, dawk il-persuni li għalihom ix-xogħol mhuwiex għażla għandhom ikunu assigurati appoġġ ta’ dħul suffiċjenti biex jgħixu ħajja dinjituża.

5.   Il-promozzjoni tat-tagħlim u t-taħriġ tul il-ħajja

5.1.   L-Istati Membri joperaw sistemi u livelli differenti ħafna ta’ taħriġ u edukazzjoni vokazzjonali għal persuni fil-forza tax-xogħol. Il-fatt li edukazzjoni u taħriġ addizzjonali fost iċ-ċittadini tal-UE huma mqassmin b’mod inugwali ħafna – dawk li għandhom l-aħjar edukazzjoni jirċievu aktar taħriġ u edukazzjoni addizzjonali tul il-karriera tagħhom fis-suq tax-xogħol milli dawk li għandhom inqas edukazzjoni – joħloq sfida ta’ politika kbira fi żmien ta’ globalizzazzjoni u fit-tnaqqis attwali tal-attività ekonomika. Minħabba li huma dawk li għandhom inqas edukazzjoni li qegħdin f’periklu ikbar li jkollhom jibdlu jew jitilfu x-xogħol, wieħed mill-aktar rekwiżiti ta’ politika importanti huwa li jkun żgurat aċċess aħjar – kif ukoll parteċipazzjoni akbar – għat-taħriġ u l-edukazzjoni minn grupp ta’ nies li għandhom anqas edukazzjoni. Għalhekk, il-KESE jitlob għal intitolament aktar effettiv għal taħriġ għaċ-ċittadini kollha, b’mod speċjali l-gruppi l-aktar esklużi, li jixtiequ jżidu l-għażliet tagħhom fis-suq tax-xogħol.

5.2.   Il-fatt li bidliet fil-kuntest soċjali, ekonomiku, politiku u teknoloġiku se jirriżultaw f’aġġustamenti suċċessivi fil-ħiliet jimplika wkoll li għandu jkun hemm riflessjoni dettaljata dwar il-kontenut tat-taħriġ ġenerali, b’mod speċjali jekk l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom ikunu aktar alinjati mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Għalhekk huwa essenzjali 1) li tingħata edukazzjoni fuq bażi soda liż-żgħażagħ kollha u 2) li jiġu identifikati l-ħtiġijiet ta’ ħiliet attwali u futuri li għandhom jiġu analizzati f’livell lokali u/jew nazzjonali sabiex tiġi riflessa d-diversità fi ħdan l-Istati Membri u bejniethom. Il-KESE jinnota l-inizjattiva l-ġdida tal-Kummissjoni dwar “il-Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda” (18), u se jagħti r-risposta tiegħu fid-dettall.

5.3.   Il-KESE jaqbel mar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li l-karrieri tax-xogħol m’għandhomx jitħallew jibdew bl-esperjenza tal-qgħad. Għalhekk huwa essenzjali li dawk kollha li ser jispiċċaw l-iskola, li għandhom ir-rieda u l-kapaċità, jiġu offruti iktar edukazzjoni jew post fi skema ta’ taħriġ professjonali, u li jkunu mħeġġa jaċċettaw. Għal aktar dettalji dwar ir-rispons tal-KESE, ara l-opinjoni tal-KESE dwar “L-impjieg tal-kategoriji ta’ prijorità” (19).

6.   L-akkomodazzjoni bħala fattur għall-inklużjoni soċjali

6.1.   Il-kundizzjoni ta’ nies li m’għandhomx dar fejn joqogħdu hija waħda mill-aktar forom severi tal-esklużjoni. Ħafna mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea rratifikaw trattati u konvenzjonijiet internazzjonali li jirrikonoxxu u jipproteġu d-dritt għall-akkomodazzjoni: id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (Artikolu 25), il-Ftehim Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (Artikolu 11), il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (Artikolu 27), il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa (Artikoli 14 u 15), il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (Artikolu 8), il-Karta Soċjali Ewropea (Artikoli 15, 16, 19, 23, 30, 31) u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (Artikolu 34, paragrafu 3).

6.2.   Fl-Ewropa il-kriżi tal-akkomodazzjoni taffettwa 70 miljun persuna li jgħixu f’kundizzjonijiet inadegwati ta’ akkomodazzjoni, fejn madwar 18-il miljun minnhom qed jiġu mhedda li ser jitkeċċew minn fejn qegħdin u 3 miljuni minnhom m’għandhomx fejn jgħixu. Din iċ-ċifra qed tikber iktar bħala riżultat tal-kriżi finanzjarja globali, li qed twassal biex madwar żewġ miljun familja fl-Ewropa jitilfu djarhom peress li mhux qed ikunu jistgħu jħallsu l-pagamenti tagħhom tal-proprjetà (20). L-Istati Membri jeħtieġu li jagħtu prijorità lil din il-kwistjoni sabiex jimminimizzaw l-impatt fuq iċ-ċittadini tagħhom, b’mod speċjali dawk l-aktar vulnerabbli.

6.3.   Dan it-telfien ta’ djar iwassal għall-oppost tal-inklużjoni soċjali, b’żieda mbassra fid-domanda għal akkomodazzjoni diċenti bi prezz li jista’ jintlaħaq, inqas sigurtà fil-pussess tal-kuntratti tad-djar, riskju akbar ta’ teħid ta’ proprjetà minħabba li ma jsirx il-ħlas dovut, u theddida akbar ta’ tkeċċija. Dawk li se jiġu affettwati se jkunu ż-żgħażagħ, l-anzjani, il-persuni bla xogħol, il-foqra u l-migranti, kif ukoll familji bi dħul medju. Il-KESE jirrakkomanda bis-sħiħ li jkun garantit it-trattament ugwali fir-rigward tal-akkomodazzjoni, u għandu jiġi stabbilit it-tfassil ta’ mekkaniżmi li jipprojbixxu t-tkeċċija mid-djar, b’mod partikulari għal gruppi differenti ta’ persuni vulnerabbli.

Il-KESE jilqa’ l-użu tal-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni bħala qafas għall-iskambju ta’ prattiki ġodda, u għall-OMC Soċjali fl-2009 l-għażla tat-temi ta’ enfasi tal-persuni mingħajr dar u l-esklużjoni mill-akkomodazzjoni, u jirrakkomanda li dan ikompli jiżdied billi jissaħħu l-istrumenti finanzjarji eżistenti tal-UE fir-rigward ta’:

6.4.1.   programmi għall-provvediment ta’ akkomodazzjoni diċenti bi prezzijiet li jistgħu jintlaħqu;

6.4.2.   programmi li jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet alternattivi għall-akkomodazzjoni u proġetti sperimentali għal tipi ġodda ta’ akkomodazzjoni soċjali, li huma sensittivi għas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, il-multikulturaliżmu u l-kwistjoni tal-esklużjoni soċjali, bi sħubija tal-awtoritajiet lokali, is-soċjetà ċivili u l-investituri soċjali.

6.5.   Il-KESE jaqbel mad-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (21) li l-inklużjoni finanzjarja hija prekondizzjoni għall-aċċess sostenibbli għas-suq tad-djar, u li għandhom ikunu disponibbli appoġġ u konsulenza adegwata għal dawk li qed jiffaċċjaw it-theddida li jitkeċċew minn fejn qegħdin u li jittiħdilhom l-alloġġ tagħhom.

7.   Politika Territorjali bħala Fattur għall-Inklużjoni Soċjali

7.1.   Il-politiki li jiffukaw fuq il-provvista tal-akkomodazzjoni għandhom ikunu infurmati u kkumplimentati minn dawk li jagħtu attenzjoni lill-oqsma territorjali jew ġeografiċi. Ix-xogħol kollu dwar l-inklużjoni soċjali jiġbed l-attenzjoni għall-eżistenza ta’ reġjuni u lokalitajiet li huma żvantaġġati. F'ħafna każijiet il-fatturi li jikkawżaw dan l-iżvantaġġ huma infrastrutturali – li jinvolvu provvista fqira ta’ servizzi, utilitajiet u faċilitajiet oħra kif ukoll nuqqas ta’ impjiegi – u jistgħu jwasslu għal tnaqqis fil-livell ambjentali u soċjali. L-għarfien li qed jirriżulta jqiegħed enfasi kbira fuq il-livell lokali, u juri kif problemi u inadegwatezzi jistgħu jirkbu waħda fuq l-oħra sa ma jiffurmaw lokalitajiet magħmula mhux biss minn nies vulnerabbli iżda li, minħabba din u raġunijiet oħra, ikunu vulnerabbli huma wkoll. In-nuqqas ta’ investiment ta’ kapital, kemm jekk lokali, nazzjonali jew barrani, f’dawn l-oqsma jkompli jiggrava l-iżvantaġġ.

7.2.   Għalhekk, objettiv ta’ politika għandu jkun li jiġu evitati l-iżbilanċi madwar iż-żoni u r-reġjuni, u li jkun żgurat li jsir provvediment adegwat għaż-żoni partikolarment żvantaġġati. F’dan ir-rigward l-inizjattivi lokali għandhom parti importanti, kif għandhom ukoll dawk li huma maħsuba għar-riġenerazzjoni soċjali ta’ lokalitajiet jew żoni residenzjali foqra li qegħdin fi stat ħażin. Din mhijiex biss kwistjoni ta’ investiment fl-infrastruttura fiżika iżda wkoll ta’ enfasi fuq il-bini mill-ġdid tal-infrastruttura soċjali u komunitarja u tal-kapital soċjali ta’ dawn iż-żoni.

7.3.   L-impjieg huwa speċjalment importanti sabiex jiġi megħlub l-iżvantaġġ fuq il-bażi ta’ żona. L-impjieg li huwa disponibbli lokalment iservi biex inaqqas il-faqar, jippromovi l-inklużjoni soċjali u jżid il-kunfidenza u r-riżorsi ta’ dawk li ġew esklużi mis-soċjetà. Dan iservi wkoll sabiex iżid ir-riżorsi finanzjarji u riżorsi oħra disponibbli lokalment. Min-naħa l-oħra, l-aċċess għas-servizzi huwa prerekwiżit għall-ħolqien tal-impjieg fil-livell lokali. Il-parteċipazzjoni tal-komunitajiet lokali f’dan it-tip ta’ inizjattivi u oħrajn – bħalma huwa l-iżvilupp ta’ mikrointrapriżi mmexxija lokalment – hija importanti ħafna.

7.4.   Il-KESE huwa konvint li, flimkien mal-oqsma klassiċi tal-politika ta’ inklużjoni soċjali, għandu jitwaqqaf qasam – jew element li għandu jingħata attenzjoni – ġdid ta’ politika. Il-qofol ta’ dan għandu jkun il-ħolqien ta’ soċjetà attiva u integrata. Sa ċertu punt hemm element komuni sinifikanti bejn dan u l-istrutturi ta’ politika (eż. kif jiġu ttrattati l-akkomodazzjoni, il-livell baxx ta’ ħiliet), iżda hija wkoll sors ta’ tħassib li għandu jiġi indirizzat speċifikament minn politika fiha nnifisha.

7.5.   Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni (22) biex jiġi mobilizzat u aċċellerat il-finanzjament bl-użu ta’ faċilità ġdida tal-UE tal-mikrofinanzjament għall-impjieg sabiex jiġu żviluppati mikrointrapriżi u l-ekonomiija soċjali. Il-KESE jemmen li politika territorjali għandha tkun prijorità bil-parteċipazzjoni tal-Istati Membri, l-imsieħba soċjali, awtoritajiet u komunitajiet lokali rilevanti, inkluża l-ekonomija soċjali.

8.   Il-ġestjoni tad-diversità u l-integrazzjoni ta’ migranti

8.1.   Id-diversità kulturali hija rikonoxxuta fuq firxa wiesgħa bħala karatteristika deskrittiva tal-Ewropa iżda l-governanza fis-soċjetajiet Ewropej mhux dejjem hija multikulturali. Fil-fehma tal-KESE l-inklużjoni soċjali teħtieġ li tindirizza kif is-soċjetajiet Ewropej jittrattaw il-minoranzi (eż. ir-Roma (23)) u l-migranti. Hemm modi differenti kif dan jista’ jiġi esplorat u rranġat.

8.2.   Il-Kumitat jemmen li għandha tiġi esplorata l-kombinazzjoni tal-“pluraliżmu” u l-“ugwaljanza” bħala kundizzjonijiet ta’ inklużjoni soċjali. Taf tkun ta’ sfida għas-soċjetà ospitanti, il-minoranzi u l-migranti li japprezzaw il-kulturi u l-valuri ta’ xulxin. Il-KESE jirrakkomanda: min-naħa tal-pajjiż ospitanti, dawn jinkludu miżuri biex jiġu identifikati l-kontribuzzjonijiet tal-migranti kif ukoll il-fatturi li jikkontribwixxu għad-diskriminazzjoni, l-iżvantaġġ u l-eżklużjoni. Hemm bżonn li l-minoranzi u l-migranti jesprimu r-rieda li jakkomodaw għar-regoli u t-tradizzjonijiet tal-pajjiż ospitanti, mingħajr ma jitilfu l-identità u l-għeruq kulturali tagħhom. Għal aktar dettalji jekk jogħġbok ara l-opinjoni tal-KESE dwar “L-impjieg tal-kategoriji ta’ prijorità” (19).

8.3.   Għandu jiġi enfasizzat ukoll ir-rwol tad-djalogu interkulturali, kemm bħala parti mid-djalogu ċiviku jew bħala djalogu fih innifsu. Fost l-għanijiet ta’ politika possibbli ta’ dan it-tip ta’ attività insibu dawn li ġejjin:

jiġu stabbiliti proċeduri għall-bini tal-fiduċja f’futur komuni u f’valuri ċiviċi bħalma hija l-ġustizzja, it-tolleranza, ir-rispett għal-libertà u d-demokrazija, l-ugwaljanza bejn is-sessi, is-solidarjetà u r-responsabbiltà soċjali, u t-trawwim tas-sens ta’ appartenenza u r-rikonoxximent reċiproku;

tiġi msaħħa l-inklużjoni soċjali permezz tal-integrazzjoni ekonomika, soċjali u kulturali tal-migranti;

jiġu kkunsidrati mill-ġdid il-politiki kollha għall-“element ta’ ġustizzja minn dimensjoni kulturali” tagħhom, inklużi l-istigmatizzazzjoni u d-diskriminazzjoni.

Brussell, 4 ta’ Novembru 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  Ara l-punt 2.1 tal-opinjoni tal-KESE tal-11.6.2009 (CESE1037/2009) dwar ir-Riżultati tas-Summit dwar l-Impjiegi, relatur: Is-Sur Greif.

(2)  http://epp.eurostat.ec.europa.eu/pls/portal/docs/PAGE/PGP_PRD_CAT_PREREL/PGE_CAT_PREREL_YEAR_2009/PGE_CAT_PREREL_YEAR_2009_MONTH_02/3-27022009-EN-AP.PDF. (password protected).

(3)  http://epp.eurostat.ec.europa.eu/pls/portal/docs/PAGE/PGP_PRD_CAT_PREREL/PGE_CAT_PREREL_YEAR_2009/PGE_CAT_PREREL_YEAR_2009_MONTH_02/3-27022009-EN-AP.PDF. (password protected)

(4)  http://ec.europa.eu/social/keyDocuments.jsp? type =3 & policyArea =750 & subCategory =758 & country =0 & year =0 & advSearchKey = & mode = advancedSubmit&langId = en:L-aġġornament sħiħ li jmiss huwa mistenni f’Novembru 2009.

(5)  Schmid, G. (2002) Wege in eine neue Vollbeschäftigung, Übergangsarbeitsmärkte und aktivierende Arbeitsmarktpolitik, Frankfurt: Campus Verlag.

(6)  http://ec.europa.eu/youth/news/news1389_en.htm

(7)  F’“Impenn Komuni għall-Impjiegi” (COM(2009) 257 finali p.8.

(8)  Ara l-punt 5 tal-opinjoni tal-KESE tat-12.7.2007 dwar “L-impjieg tal-kategoriji ta’ prijorità (l-Istrateġija ta’ Lisbona)” relatur: is-Sur Greif (ĠU C 256, 27.10.2007).

(9)  Ara: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do? uri = OJ:L:2008:307:0011:0014:EN:PDF.

(10)  Ara “Impenn Komuni għall-Impjiegi” (COM(2009) 257 finali, p. 13.

(11)  Ara “Impenn Komuni għall-Impjiegi” (COM(2009) 257 finali, p. 9.

(12)  Ara r-“Rapport Integrat dwar l-implimentazzjoni u l-futur tal-istrateġija ta’ Lisbona wara l-2010”, DI CESE 22/2009 riv. 2, relatur: W. Greif (għadu qed jiġi mħejji).

(13)  Abbozz ta’ konklużjonijiet tal-Kunsill “Il-flessigurtà fi żminijiet ta’ kriżi SOC 374 ECOFIN 407”, 10388/09

(14)  Ara: “Kif il-flessigurtà tista’ tintuża għar-ristrutturar fil-kuntest tal-iżvilupp dinji”, CESE 794/2009, Relatur is-Sur Salvatore, korelatur is-Sur Calvet Chambon (għadha qed tiġi mħejjija).

(15)  Ara l-opinjoni tal-KESE “Ix-xogħol u l-faqar: lejn l-approċċ olistiku meħtieġ”, CESE 937/2009, relatur: Is-Sinjura Prud'homme

(16)  Ara l-opinjoni tal-KESE tat-14.03.2007 dwar “Il-familja u l-bidla demografika”, relatur: is-Sur Buffetaut (ĠU C 161, 13.7.2007).

(17)  Ara l-opinjoni tal-KESE “L-integrazzjoni u l-aġenda soċjali”, R/CESE 1304/2009, relatur: Is-Sur Pariza Castaños, korelatur: is-Sur Almeida Freire (qed titħejja)

(18)  Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda - L-antiċipazzjoni u t-tlaqqigħ tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa, COM(2008) 868 finali. Ara wkoll l-opinjoni tal-KESE dwar dan is-suġġett, R/CESE 836/2009, relatur: Is-Sinjura Drbalová (għadha qed tiġi mħejjija).

(19)  Ara nota 8 f’qiegħ il-paġna.

(20)  Ref: http://www.habitants.org/noticias/inhabitants_of_europe/european_platform_on_the_right_to_housing_2009

(21)  Ara r-Rapport Konġunt tal-Kunsill dwar il-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali 2009, 7309/09, Taqsima 2 paragrafu 8.

(22)  Ara “Impenn Komuni għall-Impjiegi” (COM(2009) 257 finali, p. 11.

(23)  Opinjoni tal-KESE “L-integrazzjoni tal-minoranzi – ir-Roma”, CESE 1207/2008, relatur is-Sinjura Sigmund, il-korelatur: is-Sinjura Sharma (ĠU C 27, 3.2.2009).


Top