Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AE0881

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reazzjoni għall-kriżi fl-industrija awtomobilistika Ewropea COM(2009) 104 finali

    ĠU C 277, 17.11.2009, p. 98–99 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    17.11.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 277/98


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reazzjoni għall-kriżi fl-industrija awtomobilistika Ewropea”

    COM(2009) 104 finali

    (2009/C 277/20)

    Rapporteur ġenerali: is-Sur ZÖHRER

    Nhar il-25 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reazzjoni għall-kriżi fl-industrija awtomobilistika Ewropea

    COM(2009) 104 finali.

    Nhar it-23 ta’ Marzu 2009, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lill-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett. Ir-rapporteur kien is-Sur Zöhrer u l-korapporteur kien is-Sur Glahe.

    Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, matul is-sessjoni plenarja tiegħu tat-13 u l-14 ta’ Mejju 2009 (seduta tat-13 ta’ Mejju), li jaħtar lis-Sur Zöhrer bħala rapporteur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’141 vot favur, 2 voti kontra u 5 astensjonijiet.

    1.   Sfond u kontenut tad-dokument tal-Kummissjoni

    L-industrija awtomobilistika nltaqtet aktar malajr u b’mod aktar qawwi mill-maġġoranza tas-setturi industrijali l-oħra. Għaldaqstant, f’dawn l-aħħar xhur il-Kummissjoni u l-Istati Membri ħadu bosta inizjattivi sabiex jgħinu lill-industrija f’din is-sitwazzjoni tant diffiċli. Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-25 ta’ Frar 2009 l-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni għall-importanza ta’ industrija awtomobilistika dinamika u kompetittiva. Minbarra t-tnaqqis fid-domanda għall-vetturi kummerċjali u tal-passiġġieri u l-problemi relatati mal-aċċess għall-finanzjament, il-Kummissjoni tindirizza wkoll il-problemi strutturali fit-tul li nħolqu qabel ma bdiet il-kriżi.

    1.1.1.   Bis-saħħa tal-grupp ta’ livell għoli CARS 21, il-forum dwar ir-ristrutturazzjoni li sar f’Ottubru 2007 u bosta gruppi ta’ ħidma żgħar, il-Kummissjoni ilha ħafna li bdiet tindirizza l-isfidi tas-settur awtomobilistiku. Il-Kumitat diġà ta kontribut importanti għal dan id-dibattitu permezz tal-adozzjoni tar-rapport ta’ informazzjoni dwar “Is-settur tal-karozzi fl-Ewropa: is-sitwazzjoni attwali u l-prospettivi” (CCMI/046, Opinjoni dwar is-settur tal-karozzi fl-Ewropa: is-sitwazzjoni attwali u l-prospettivi (CESE 1065/2007 fin riv.)), u bħalissa qed jaħdem fuq opinjoni oħra dwar is-swieq tal-partijiet u s-swieq downstream tas-settur tal-karozzi (CCMI/059, Opinjoni dwar is-swieq tal-partijiet u s-swieq downstream tas-settur tal-karozzi).

    1.2.   Fit-tieni parti tal-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tiddeskrivi l-miżuri li ttieħdu jew ser jittieħdu fil-livell Komunitarju u fl-Istati Membri fil-kuntest tal-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku u, b’mod partikolari, għall-industrija tal-karozzi.

    2.   Kummenti u konklużjonijiet

    2.1.   Il-Kumitat jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Din turi li l-Kummissjoni u l-Istati Membri huma lesti jappoġġjaw l-industrija awtomobilistika f’din is-sitwazzjoni drammatika. Il-Kumitat jenfasizza l-ħtieġa ta’ qafas koerenti u kkoordinat sabiex, minn banda, jiġu evitati t-tendenzi protezzjonisti u, mill-banda l-oħra, jitfasslu objettivi komuni.

    Fil-kriżi attwali jeħtieġ li tittieħed azzjoni malajr. Uħud mill-miżuri għandhom jiġu implimentati minnufih sabiex l-SMEs fl-industrija tal-fornituri, b’mod partikolari, ma jfallux u sabiex l-investimenti meħtieġa jkunu jistgħu jsiru mingħajr dewmien.

    2.2.1.   L-ewwel u qabel kollox, għandu jiġi ggarantit l-aċċess rapidu, suffiċjenti u mmirat għar-riżorsi finanzjarji permezz tal-banek, il-Bank Ewropew tal-Investiment jew ta’ għajnuna jew garanziji (sussidjati) mill-Istati Membri.

    2.2.2.   Madankollu, x’aktarx mhux ser ikun possibbli li l-insolvenzi jiġu evitati għalkollox. Għaldaqstant, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw id-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar l-insolvenza bil-għan li jiddeterminaw kemm il-kumpaniji qed jiġu appoġġjati biex ikomplu għaddejjin bl-attività tagħhom.

    Però l-akbar sfida f’din il-kriżi aktarx hija li jinżammu l-impjiegi. Wieħed għandu jevita l-qgħad u jżomm in-know-how fl-industrija. Fl-Istati Membri jeżistu diversi miżuri sabiex jingħeleb it-tnaqqis fid-domanda għal perijodu ta’ żmien limitat (bħat-tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol). Iżda dawn il-possibbiltajiet ma jeżistux fl-Istati Membri kollha u għalhekk qed jintilfu bosta impjiegi. Għal din ir-raġuni, il-Kumitat iħeġġeġ li tissaħħaħ il-possibbiltà li l-ħaddiema jinżammu fix-xogħol permezz ta’ skambju tal-aħjar prattiki u permezz ta’ appoġġ immirat. Il-perijodi b’inqas xogħol mis-soltu għandhom jintużaw għat-taħriġ avvanzat tal-ħaddiema.

    2.3.1.   Il-Kumitat jilqa’ l-isforzi li saru fil-kuntest tal-Fond Soċjali Ewropew sabiex ikunu jistgħu jiġu ffinanzjati miżuri li jiggarantixxu l-postijiet tax-xogħol. Jappoġġja l-proposta li l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni jiġi adattat fid-dawl tal-kriżi. Billi hemm il-possibbiltà li l-fondi allokati – EUR 500 miljun – ma jservux, il-Kumitat jirrakkomanda li dawn jiżdiedu għal biljun euro (ara l-opinjoni CCMI/063).

    2.3.2.   Il-kriżi u t-telf tal-impjiegi marbut magħha laqtu l-aktar lill-ħaddiema kuntrattwali u lill-ħaddiema temporanji. Għalhekk il-Kumitat iħeġġeġ li jittieħdu miżuri speċjali għal dawn il-ħaddiema u li l-qafas legali jiġi adattat għas-sitwazzjoni tagħhom minnufih.

    2.4.   Jinħtieġu inċentivi li jżidu d-domanda. Hawnhekk wieħed irid joqgħod attent li l-inizjattivi finanzjarji u fiskali (bħas-sussidju għat-tneħħija tal-karozzi) jappoġġjaw u jħaffu l-bidla teknoloġika tas-settur (l-effiċjenzja fl-użu tal-enerġija tal-makkinarju, it-tnaqqis tal-emissjonijiet). Barra minn dan, il-Kumitat iħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew u lill-imsieħba soċjali biex joħolqu qafas makroekonomiku ġenerali li jiggarantixxi d-dħul finanzjarju, sabiex b’hekk tiżdied id-domanda interna.

    B’rabta mal-problemi strutturali fit-tul, il-Kumitat jirreferi għar-rapport ta’ informazzjoni dwar “Is-sitwazzjoni attwali u l-prospettivi tas-settur tal-karozzi” li tħejja mill-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali f’Novembru 2007. Dan ir-rapport jitkellem b’mod ċar dwar l-isfidi tal-industrija tal-karozzi u jbassar li jista’ jkun hemm bżonn ta’ trasformazzjoni estensiva tas-settur, u din x’aktarx ser tkun meħtieġa aktar malajr minħabba l-kriżi attwali.

    2.5.1.   L-ewwel u qabel kollox, il-kriżi u l-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat x’aktarx ser iwasslu biex is-suq jinbidel u jkun ibbażat fuq mudelli iżgħar, orħos u aktar ekoloġiċi. Dan ser iħalli impatt qawwi fuq il-valur miżjud tal-produtturi u l-fornituri, u ser jaffettwa lis-settur tal-karozzi għal żmien twil.

    2.5.2.   Sabiex dan is-settur fl-aħħar mill-aħħar joħroġ minn din il-kriżi aktar b’saħħtu minn qabel, għandhom jissaħħu minnufih l-isforzi fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp, tal-innovazzjoni u tal-kwalifiki tal-ħaddiema. Din mhix biss ir-responsabbiltà tal-intrapriżi, iżda wkoll tal-Istati Membri u tal-Komunità. Għal din ir-raġuni l-Kumitat jappoġġja l-inizjattivi ppreżentati mill-Kummissjoni.

    2.5.3.   Wieħed irid joqgħod attent meta l-problemi strutturali jiġu assoċjati mal-kwistjoni tal-kapaċità eċċessiva biss. Fis-snin li għaddew, il-kapaċitajiet naqsu sew fl-Ewropa (l-aktar fi Spanja, il-Portugall u r-Renju Unit). B’rabta ma’ dan jeżistu diversi filosofiji u differenzi kbar bejn il-produtturi individwali. Parti mill-kapaċità żejda hija marbuta mas-sistema (pereżempju t-tibdil tal-mudell u l-kompetizzjoni interna). Madankollu, jeżisti r-riskju li minħabba l-kriżi titnaqqas il-kapaċità b’mod sostanzjali, u dan imbagħad, meta d-domanda terġa’ tikber, iwassal għal nuqqas ta’ kapaċità u b’hekk tiżdied l-importazzjoni. Għaldaqstant, il-Kumitat iħeġġeġ li din il-kwistjoni tiġi indirizzata fil-grupp ta’ livell għoli CARS 21.

    2.5.4.   Il-produtturi Amerikani, b’mod partikolari, jinsabu fi kriżi strutturali serja. F’dan il-kuntest il-Kumitat jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni sabiex titħejja risposta politika effiċjenti għad-diffikultajiet ta’ GM Europe u l-fornituri tagħha billi tikkoordina l-attivitajiet tal-Istati Membri milquta. L-UE għandha tisħaq bis-sħiħ li l-Istati Uniti u General Motors iridu jagħtu lill-parti Ewropea tal-intrapriża (OPEL/Vauxhaull/Saab) il-possibbiltà li tibqa’ attiva.

    2.5.5.   Fil-fehma tal-Kumitat, sabiex jiġu indirizzati l-isfidi imminenti ser jinħtieġu aktar sforzi kemm min-naħa tal-intrapriżi kif ukoll min-naħa tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea b’mod ġenerali. Għalhekk il-Kumitat jappoġġja l-proposti tal-Kummissjoni biex jiġu implimentati r-riżultati tal-konsultazzjoni li saret fil-kuntest ta’ CARS 21 kif ukoll biex jitfassal approċċ għall-quddiem. Huwa favur it-tkomplija tal-proċess li jappoġġja politika industrijali Ewropea għal perijodu twil ta’ żmien fid-dawl tal-Istrateġija ta’ Liżbona.

    2.5.6.   Barra minn hekk, il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tas-swieq downstream (bħalissa qed titħejja opinjoni dwar din il-kwistjoni u ser tiġi ppubblikata dalwaqt). Iħeġġeġ li jitwaqqaf grupp ta’ livell għoli – fuq il-bażi tal-esperjenza li nkisbet minn CARS 21 – bil-għan li jindirizza l-isfidi speċifiċi tal-atturi fis-settur downstream.

    2.5.7.   Is-sħubija li bdiet il-Kummissjoni għall-antiċipazzjoni tal-bidla fl-industrija awtomobilistika hija pass importanti, speċjalment biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi soċjali tar-ristrutturazzjoni. Fid-dawl ta’ din l-evoluzzjoni drammatika, il-Kumitat jinkoraġġixxi lill-imsieħba soċjali involuti u lill-Kummissjoni jiftħu djalogu soċjali ġenwin u effiċjenti.

    2.6.   Is-suċċess tal-industrija awtomobilistika Ewropea jiddependi minn aċċess ħieles għas-swieq dinjija u minn kompetizzjoni ġusta. Għaldaqstant, il-Kumitat jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiżviluppa d-djalogu mal-imsieħba kummerċjali. Wieħed għandu jsegwi b’mod partikolari l-iżviluppi fl-Istati Uniti u fl-Ażja sabiex jiġu ggarantiti l-istess kundizzjonijiet, jiġu evitati l-miżuri protezzjonisti u diskriminatorji, u tiġi mħarsa b’mod effettiv il-proprjetà intellettwali. Bħalissa l-Kumitat qed jenfasizza li, b’rabta mal-konklużjoni ta’ ftehim dwar il-kummerċ ħieles mal-Korea t’Isfel, wieħed jista’ jitlob il-ħolqien ta’ qafas bilanċjat għall-industrija awtomobilistika Ewropea. Il-qagħda attwali tan-negozjati ma tirriflettix l-għan li jitneħħew l-ostakli li ma jikkonsistux minn tariffi għall-kummerċ tal-produtturi Ewropej.

    Brussell, it-13 ta’ Mejju 2009

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Mario SEPI


    Top