This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009AE0869
Opinion of the European Economic and Social Committee on the Proposal for a Directive of the European Parliament and of the Council on the energy performance of buildings (recast) COM(2008) 780 final/2 — 2008/0223(COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Prosposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini (riformulazzjoni) COM(2008) 780 finali – 2008/0223(COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Il-Prosposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini (riformulazzjoni) COM(2008) 780 finali – 2008/0223(COD)
ĠU C 277, 17.11.2009, p. 75–80
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
17.11.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 277/75 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Prosposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini” (riformulazzjoni)
COM(2008) 780 finali (1) – 2008/0223(COD)
(2009/C 277/15)
Rapporteur: is-Sur ŠIUPŠINSKAS
Nhar is-27 ta’ Jannar 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini (riformulazzjoni)
COM(2008) 780 finali – 2008/0223 (COD).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-15 ta’ April 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur Šiupšinskas.
Matul l-453 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-13 u l-14 ta’ Mejju 2009 (seduta tal-14 ta’ Mejju 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’147 vot favur, vot wieħed kontra u 2 astensjonijiet.
1. Rakkomandazzonijiet
1.1. Il-KESE japprova t-titjib li pproponiet il-Kummissjoni tad-Direttiva dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini (DPEB), iżda b’xi riżervi. Skont id-Direttiva r-rinnovazzjonijiet iridu jkunu marbuta mal-obbligu li tiżdied il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini sabiex jonqsu kemm il-konsum tal-enerġija kif ukoll l-ispejjeż tal-enerġija.
1.2. B’konformità mal-objettivi ta’ politika tal-UE, l-Istati Membri għandhom jiżgurawli r-rinnovazzjoni tal-bini bil-għan li tiżdied il-prestazzjoni tal-enerġija tiegħu ma twassalx biss għal tnaqqis fil-konsum tal-enerġija, iżda wkoll fl-ispejjeż tal-enerġija.
1.3. Id-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva għandhom jikkunsidraw il-partikolaritajiet arkitettoniċi u tekniċi, jiġifieri l-enerġija meħtieġa għat-tisħin, it-tkessiħ, il-ventilazzjoni, it-tidwil, l-installazzjonijiet mekkaniċi (pereżempju l-lifts), it-tisħin u t-tkessiħ tal-ilma kif ukoll għas-sistemi tad-dranaġġ.
1.4. Il-KESE jappoġġja r-rakkomandazzjoni li qabel ma tibda l-kostruzzjoni jiġi analizzat jekk hux possibbli:
— |
li s-sħana u l-elettriku jiġu ġġenerati minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli, |
— |
li l-elettriku u s-sħana jiġu ġġenerati flimkien (koġenerazzjoni) jew, saħansitra, li l-elettriku, is-sħana u l-kesħa jiġu ġġenerati flimkien (triġenerazzjoni), |
— |
li t-tisħin u t-tkessiħ isiru b’mod distrettwali, |
— |
li jintużaw pompi tas-sħana, |
— |
li jintużaw sondi u kolletturi tas-sħana. |
1.5. Il-KESE jemmen fl-importanza li l-Istati Membri jaħdmu bis-sħiħ u b’mod attiv biex isaħħu l-aspetti tal-bini sostenibbli u tal-użu tal-enerġija rinnovabbli fit-taħriġ vokazzjonali marbut mal-qasam tal-kostruzzjoni.
1.6. Il-Kumitat jilqa’ b’mod partikolari l-fatt li l-Proposta għal Direttiva tenfasizza r-rwol ewlieni li jaqdi s-settur pubbliku sabiex isir progress fis-settur tal-bini kollu kemm hu.
1.7. L-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali huma mħeġġa jużaw il-fondi tal-Bank Ewropew tal-Investiment b’mod aktar attiv u effettiv sabiex jippromovu “l-finanzjament minn partijiet terzi” (2) tal-kumpaniji tas-servizzi tal-enerġija (ESCOs).
1.8. Is-sistemi tat-tisħin, tal-ventilazzjoni u tal-arja kundizzjonata għandhom jiġu spezzjonati fuq bażi regolari b’konformità mad-dispożizzjonijiet rispettivi ta’ kull Stat Membru filwaqt li jiġu kkunsidrati l-ispejjeż marbuta ma’ dawn l-ispezzjonijiet. Ir-rapporti tal-ispezzjoni m’għandhomx jinkludu biss rakkomandazzjonijiet dwar it-titjib li jista’ jsir, iżda wkoll ir-rekwiżiti relatati mas-sigurtà tat-tħaddim tal-installazzjonijiet.
1.9. Barra minn dan, fir-riformulazzjoni tad-Direttiva l-Istati Membri qed jintalbu jistabbilixxu u jużaw sanzjonijiet u multi. Il-KESE jemmen li dawn għandhom ivarjaw skont jekk il-partijiet ikkonċernati humiex pubbliċi jew privati u li l-ammont għandu jiġi stabbilit fil-dawl tal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Jekk in-nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet Komunitarji ser jitqies bħala żball, dan għandu jitqies bħala żball fil-livell Komunitarju wkoll u għandu jiġi stipulat fid-Direttiva.
1.10. Fil-fehma tal-KESE, l-Istati Membri għandhom jipprovdu appoġġ tekniku għaċ-ċittadini li jkunu qed jirrinovaw id-djar tagħhom.
1.11. Fiż-żoni residenzjali magħmula minn binjiet uniformi, li huma tipiċi tal-Istati Membri l-ġodda kollha, huwa diffiċli li l-għaqdiet tas-sidien joħorġu ċertifikat tal-prestazzjoni tal-enerġija għal dawn il-binjiet standard kollha. Bis-saħħa taċ-ċertifikati tal-prestazzjoni tal-enerġija bbażati fuq l-istima (3) ta’ blokka ta’ appartamenti rappreżentattiva jistgħu jitnaqqsu l-ispejjeż tar-rinnovazzjoni u l-piż amministrattiv.
1.12. Barra minn hekk, l-amministrazzjoni muniċipali tista’ toffri lin-nies li jgħixu fi blokok ta’ appartamenti individwali soluzzjonijiet għall-finanzjament tar-rinnovazzjoni, il-kuntratti tal-bini, il-manutenzjoni, il-ħruġ ta’ ċertifikati tal-prestazzjoni tal-enerġija, eċċ., fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ punt ta’ kuntatt uniku.
1.13. Fl-opinjoni tal-KESE, fi żmien relattivament qasir, ir-riformulazzjoni tad-Direttiva ser tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 u ser tħalli impatt soċjali pożittiv, billi, fost affarijiet oħra:
— |
titnaqqas it-talba għall-enerġija, |
— |
jittejjeb il-livell tal-għajxien ta’ familji żvantaġġati, |
— |
jinstab xogħol għal nies li ilhom żmien twil qiegħda. |
1.14. Il-KESE jirrakkomanda li t-tikketti tal-gwarniċi tat-twieqi u tal-prodotti tal-bini jiġu armonizzati għalkollox mad-Direttiva dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini.
1.15. Il-KESE jemmen li meta tkun ser titwaqqa’ blokka ta’ appartamenti li ma tkunx tista’ tiġi rinnovata, l-awtoritajiet għandhom jikkuntattjaw lill-partijiet interessati u l-okkupanti għandhom jingħataw post ieħor fejn joqogħdu. B’mod ġenerali, il-konsultazzjoni tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili għandha tagħmel parti mill-kundizzjonijiet tal-miżuri kollha għall-implimentazzjoni tad-Direttiva, u l-KES nazzjonali, għall-anqas fil-pajjiżi fejn jeżistu, għandhom jiġu kkonsultati b’mod sistematiku (4).
2. Introduzzjoni
2.1. Il-KESE diġà fassal bosta opinjonijiet importanti dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 u dwar il-miżuri biex tiġi ffrankata l-enerġija b’rabta mal-politika komuni tal-UE kif ukoll dwar il-kwalità tal-enerġija tal-bini u tal-installazzjonijiet tal-bini. Fil-bini l-ġdid qed jinkisbu riżultati tanġibbli bis-saħħa tar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Dawn ir-riżultati qed jinħassu l-aktar mill-konsumaturi, u minnhom qed jibbenefika l-pajjiż kollu. Fost l-opinjonijiet rilevanti nsibu TEN/227, 263, 283, 274, 286, 309, 269, 299, 311, 332 u 341 (5).
2.2. Madankollu, wara s-sħubija tagħhom fl-UE, fil-prattika t-12-il Stat Membru l-ġdid bdew jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tard ħafna. Għaldaqstant, dawn l-Istati, meta mqabbla mal-Istati Membri l-qodma, għadhom lura f’dak li għandu x’qasam mal-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini, u l-bini residenzjali u amministrattiv tagħhom għadu ’l bogħod ħafna milli jissodisfa r-rekwiżiti minimi tad-Direttiva.
2.3. Il-KESE diġà tkellem dwar din id-Direttiva fl-opinjoni tiegħu tas-17 ta’ Ottubru 2001 (6). Għalhekk l-opinjoni preżenti tikkunsidra biss il-proposta għar-riformulazzjoni tad-Direttiva 2002/91/KE (COM(2008) 780 finali) u tenfasizza ċ-ċirkustanzi partikolari tal-Istati Membri l-ġodda b’rabta mal-aspetti diskussi f’din id-Direttiva.
2.4. Huwa fattur pożittiv li l-objettivi tal-politika tal-UE jinkludu wkoll kumdità akbar għaċ-ċittadini u tnaqqis fl-ispejjeż tal-enerġija tagħhom.
2.5. Id-Direttiva attwali diġà tiddeskrivi:
— |
il-metodu għall-kalkolu tal-prestazzjoni tal-enerġija ta’ bini ġdid u bini eżistenti li qed jiġi rinnovat, |
— |
ir-rekwiżiti minimi tal-prestazzjoni tal-enerġija, |
— |
iċ-ċertifikazzjoni tal-prestazzjoni tal-enerġija, |
— |
l-ispezzjoni tal-bojlers u tas-sistemi tat-tisħin, |
— |
l-ispezzjoni tas-sistemi tal-arja kundizzjonata. |
2.6. Wara l-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, ir-riformulazzjoni tippreżenta x’jista’ jittejjeb permezz ta’ approċċ immirat u kif jista’ jsir dan.
3. Kummenti ġenerali
3.1. Is-settur tal-bini (il-bini residenzjali u kummerċjali) huwa responsabbli għal madwar 40 % tal-konsum finali tal-enerġija u tal-emissjonijiet tas-CO2 fl-UE. Dan is-settur jirrappreżenta madwar 9 % tal-PGD (bejn wieħed u ieħor EUR 1 300 biljun) u madwar 7–8 % (sommarju tal-valutazzjoni tal-impatt) tal-impjiegi fl-UE (jiġifieri madwar 15–18-il miljun impjegat minn total ta’ 225,3 skont l-Uffiċċju tal-Istatistika). 40 % tal-bini huwa tal-awtoritajiet pubbliċi u 74 % tal-bini għandu superfiċje ta’ inqas minn 1 000 m2.
3.2. Is-soċjetà tal-lum qed tagħti aktar attenzjoni:
— |
lill-ħarsien tal-ambjent, |
— |
lis-saħħa tal-konsumatur (pereżempju, il-kwalità tal-arja, l-aċċess għall-anzjani), |
— |
lill-kumdità tad-djar, |
— |
lill-effiċjenza tal-apparat elettriku u s-sistemi tat-tisħin. F’dan is-settur jeżistu ħafna regolamenti, li bosta drabi jikkontradiċu lil xulxin (7). |
3.3. Is-soċjetà ċivili għandha tevalwa l-impatt ekonomiku tad-Direttiva u l-kwalità u l-effetti futuri tal-proposti – għal perijodu twil ta’ żmien – mill-perspettiva tad-diversi partijiet ikkonċernati u tal-gruppi soċjali f’reġjun partikolari.
3.4. Il-ħruġ ta’ ċertifikati tal-prestazzjoni tal-enerġija għall-bini mhux biss mezz ta’ kif jiġi klassifikat il-bini fi klassi tal-effiċjenza tal-enerġija speċifika, iżda għandu jħeġġeġ ukoll it-tfittxija għal soluzzjonijiet tal-ippjanar ġodda.
Fid-dawl tal-miżuri meħtieġa għall-ħarsien tal-klima, is-settur tal-bini għandu l-potenzjal li joħloq ħafna impjiegi.
3.5.1. Fuq il-bażi tad-Direttiva 2002/91/KE u r-riformulazzjoni proposta ta’ din l-istess Direttiva, kull sena jistgħu jinħolqu medja ta’ 60 000 impjieg ġdid fil-15-il Stat Membru l-qadim u madwar 90 000 impjieg fit-12-il Stat Membru l-ġdid.
3.5.2. Bis-saħħa tal-implimentazzjoni tal-miżuri sabiex jiggarantixxu kwalità tal-enerġija għolja (jiġifieri bini b’konsum annwali ta’ 50 kWh/m2 jew anqas), fl-UE jistgħu jinħolqu 1 000 000 impjieg ġdid (8) fis-sena (jiġifieri 10 % tal-impjiegi f’dan il-qasam).
3.5.3. Bħalissa ftit huma l-ħaddiema fis-settur tal-bini li huma kwalifikati fit-teknoloġiji li għandhom jiġu implimentati sabiex jgħollu l-livell tal-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini. Id-Direttiva tipproponi li permezz ta’ miżuri marbuta mat-taħriġ jiġu ggarantiti ħaddiema kkwalifikati u speċjalizzati li huma kapaċi jaħdmu fis-settur tal-bini sostenibbli.
3.6. Huwa importanti li nħarsu ’l quddiem: f’punt 3.4 tal-opinjoni tiegħu INT/415 (9), il-KESE ressaq mudell applikabbli għall-atti legali kollha – dawn għandhom ikunu komprensibbli, aċċessibbli, aċċettabbli u infurzabbli. Mil-lat tekniku, direttiva għandha tiġi adottata fil-ħin, tkun vijabbli u tippreżenta objettivi li jistgħu jinkisbu.
3.7. F’punt 2.1.3 tal-opinjoni TEN/299 (10), il-Kumitat jinnota li d-djar tradizzjonali jikkunsmaw 180 kWh/m2 fis-sena għat-tisħin biss. Skont l-informazzjoni li għandhom ir-rapporteur u l-espert tiegħu, il-konsum medju tal-enerġija għat-tisħin f’appartamenti tipiċi fil-pajjiżi Baltiċi u f’appartamenti mibnija bejn wieħed u ieħor fl-istess żmien fil-pajjiżi ġirien huwa ta’ madwar 150 kWh/m2 fis-sena. Mill-esperjenza tgħallimna li, fl-istess kundizzjonijiet klimatiċi, it-talba għall-enerġija f’bini rinnovat u mgħammar b’sistema tal-iżolazzjoni (insulation) tajba tista’ titnaqqas bin-nofs.
3.8. Id-dispożizzjonijiet Komunitarji rilevanti marbuta mal-qagħda attwali fl-UE huma msemmija f’punt 3.1 tal-opinjoni TEN/299 (10).
3.9. Bħalissa d-DĠ Ambjent u d-DĠ Intrapriża u Industrija qed jaħdmu fuq regoli importanti għat-tikketti tal-prodotti tal-bini li – għalkemm ma jiġġenerawx enerġija – jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija (twieqi, ħitan, tagħmir domestiku awtomatiku integrat).
3.10. Riformulazzjoni jew reviżjoni tad-dispożizzjonijiet attwali tista’ tikkontribwixxi b’mod sostanzjali sabiex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija fil-bini.
4. Kummenti speċifiċi
4.1. Ir-riformulazzjoni tad-Direttiva tistipula dawn il-bidliet importanti:
— |
L-estensjoni tal-ambitu tad-Direttiva. Iċ-ċertifikati tal-prestazzjoni tal-enerġija ser isiru obbligatorji għall-bini kollu. Ta’ min jinnota li 74 % tal-bini preżenti kollu fl-UE għandu superfiċje totali ta’ anqas minn 1 000 m2. |
— |
L-estensjoni u l-promozzjoni taċ-ċertifikazzjoni tal-prestazzjoni tal-enerġija fis-settur pubbliku. |
— |
It-tisħiħ tar-rwol tal-esperti li joħorġu ċ-ċertifikati tal-prestazzjoni tal-enerġija. |
— |
L-Istati Membri jridu jieħdu miżuri konkreti ġodda sabiex joħolqu kundizzjonijiet aħjar għall-finanzjament ta’ investimenti fit-titjib tal-effiċjenza tal-enerġija. |
— |
Aktar attenzjoni għall-problemi marbuta mas-sistemi tal-arja kundizzjonata. |
— |
Aġġornament regolari tal-istandards tal-effiċjenza tal-enerġija tas-CEN. |
4.2. Fil-pajjiżi kesħin, l-ammont ta’ enerġija kkunsmata mill-bini hija sostanzjalment ogħla minn dik imsemmija fil-premessa 6 tad-Direttiva. Għaldaqstant, fil-premessa 8 tar-riformulazzjoni tad-Direttiva qed jiġi propost li jitqiesu b’mod xieraq l-ispeċifiċitajiet klimatiċi u lokali, speċjalment meta jitqassmu l-investimenti.
4.3. Il-KESE jilqa’ d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 li jgħidu li ċ-ċertifikazzjoni tal-prestazzjoni tal-enerġija f’każ ta’ blokka tal-bini b’sistema tat-tisħin komuni tista’ ssir fuq il-bażi ta’ ċertifikat tal-prestazzjoni tal-enerġija komuni għall-bini kollu jew fuq il-bażi tal-istima ta’ appartament rappreżentattiv ieħor fl-istess blokka tal-bini, għalkemm l-Istati Membri tal-UE jistgħu jissemplifikaw aktar il-proċess tal-ċertifikazzjoni tal-prestazzjoni tal-enerġija għall-bini standard.
4.4. Id-djar ser isiru aktar attraenti f’għajnejn is-sidien u l-okkupanti futuri jekk l-informazzjoni fuq iċ-ċertifikati tal-prestazzjoni tal-enerġija b’konformità tal-Artikolu 10 – sew jekk isiru b’mod obbligatorju, sew jekk b’mod volontarju – tkun affidabbli. Il-KESE jemmen li l-proposta mressqa f’alternattiva B 1 li jsiru verifiki taċ-ċertifikati permezz ta’ kampjunar aleatorju bil-għan li tiġi garantita l-affidabbiltà tagħhom hija aċċettabbli u rakkomandabbli. Madankollu, dan m’għandux iwassal għall-applikazzjoni tal-penali stipulati fl-Artikolu 22. Huwa mixtieq li ċ-ċertifikat tal-prestazzjoni tal-enerġija l-ġdid ikun dokument li jiggarantixxi kwalità tajba tal-enerġija għal perijodu twil ta’ żmien. Iċ-ċertifikat għal sistema tat-tisħin ġdida għandu jinħareġ mill-esperti indipendenti (Artikolu 16) flimkien ma’ min jinstallaha.
4.5. Il-KESE jilqa’ l-fatt li d-Direttiva tistipula limitu ta’ 20 kW għall-qawwa nominali effettiva tas-sistemi tat-tisħin (Artikolu 13) u ta’ 12 kW għas-sistemi tal-arja kundizzjonata (Artikolu 14). Skont jekk jintużawx karburanti fossili jew enerġija rinnovabbli, l-Istati Membri tal-UE jistgħu jistabbilixxu limiti u frekwenzi differenti għall-ispezzjonijiet tas-sistemi tat-tisħin fir-reġjuni tagħhom. B’konformità mal-Artikolu 17 il-kwalità tar-rapporti tal-ispezzjoni għandha tiġi kkontrollata b’mod regolari fuq bażi każwali. Però għadu mhux ċar jekk ir-rakkomandazzjonijiet tal-esperti għat-titjib tas-sistemi hux ser ikunu vinkolanti jew inkella hux ser ikunu jistgħu jiġu injorati, u jekk il-konsegwenzi msemmija fl-Artikolu 19 hux ser jitqiesu bħala penali. Fil-liġijiet nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jistipulaw li l-ispetturi jistgħu jidħlu fi proprjetà privata sabiex jivverifikaw is-sistemi tat-tisħin.
4.6. L-effiċjenza tal-enerġija ta’ bojler li jitqiegħed fis-suq minn manifattur għandha tiġi ċċertifikata f’laboratorju speċjali b’konformità mal-istandards stabbiliti u mniżżla fuq it-tikketta tal-bojler. B’hekk nevitaw ir-reklamar qarrieqi u niggarantixxu l-kwalità tal-prodott. Ir-rakkomandazzjonijiet li jibdew isiru spezzjonijiet regolari u volontarji tal-bojler fuq il-post għandhom iħeġġu lill-proprjetarju jiżgura li l-bojler jaħdem tajjeb u b’konformità mal-parametri tal-prestazzjoni teknika ottimali.
4.7. Jekk inqabblu d-dispożizzjonijiet kollha li jinsabu fir-riformulazzjoni tad-Direttiva, naslu għall-konklużjoni li kollha jistħoqqilhom l-attenzjoni għaliex huma tajbin, u li l-mezzi għat-titjib tal-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini li jipproponu ma jmorrux kontra xulxin u jistgħu jiġu implimentati flimkien.
4.8. Għandhom jiġu stabbiliti valuri indikattivi tal-konsum tal-enerġija fil-livell Ewropew u metodu b’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva u l-alternattiva D 1 (sommarju tal-valuzzjoni tal-impatt) għax bħalissa huwa diffiċli li jitqabblu l-valuri tal-konsum annwali f’kWh/m2 bejn il-pajjiżi differenti minħabba l-ispeċifiċitajiet klimatiċi li jeżistu. Bis-saħħa tal-valuri indikattivi reġjonali wieħed għandu jkun jista’ jkejjel il-konsum tal-enerġija li jużaw is-sistemi tat-tisħin u dawk tat-tkessiħ b’mod separat. Ikun jagħmel sens li dawn il-valuri ma jiġux stabbiliti skont it-temperatura ta’ barra iżda skont in-numru ta’ heating-degree-days u cooling-degree-days ta’ kull Stat Membru għaliex dawn jirriflettu l-effett tal-klima fuq il-konsum tal-enerġija aktar mit-temperatura medja ta’ barra.
4.9. Naturalment, il-parametri bażiċi sabiex tiġi kkalkulata l-prestazzjoni tal-enerġija (iżda mhux iċ-ċifri konkreti) għandhom ikunu l-istess fl-Istati Membri kollha u għandu jintuża metodu għall-kalkolu komuni. Madankollu, dawn il-kalkoli x’aktarx mhux ser jindikaw il-prestazzjoni tal-enerġija reali ta’ pajjiż u mhux ċar jekk il-livell ta’ spiża ottimali hux ser jintlaħaq jew le għax dan jiddependi minn fatturi oħra tal-ekonomija tas-suq ħieles (irrispettivament mill-klima).
4.10. Ir-riżultat tar-rinnovazzjoni ta’ bini b’indikaturi enerġetiċi qodma, provviżorji jew ħżiena ħafna skont l-Artikolu 4 (u l-alternattiva D 3) jidher u jinħass ħafna aktar. Madankollu bini bħal dan ħafna drabi jkun antik u mġarraf. Inutli li l-Istat jipprovdi l-għajnuna għar-rinnovazzjoni ta’ dan il-bini jekk il-perijodu għall-ħlas tad-dejn ikun itwal miż-żmien li jkun fadallu l-bini. Approċċ bħal dan jista’ jkollu konsegwenzi negattivi. Għalhekk fil-każ tal-bini bl-agħar difetti, wieħed għandu joqgħod attent ħafna meta jagħżel liema minnhom jistgħu jiġu rinnovati.
4.11. Fid-dawl tal-fatt li ma teżisti l-ebda dar li ma tikkaġunax emissjonijiet (Artikolu 9), ir-regoli m’għandhomx ikunu stretti wisq. Il-KESE jemmen li f’dan il-kuntest għandu jiġi adottat approċċ aktar flessibbli li jħalli lill-Istati Membri ħielsa li jagħżlu l-aħjar soluzzjonijiet għalihom. L-għan li nnaqqsu l-emissjonijiet għalkollox għandu jkun l-ideal għall-ġejjieni.
4.12. F’dan il-kuntest, bħalissa ta’ min isemmi l-hekk imsejħa “djar passivi” li l-enerġija massima li jikkunsmaw għat-tisħin hija ta’ 15 kWh/m2 fis-sena kif ukoll id-djar tal-Kategorija A li l-enerġija massima li jikkunsmaw għat-tisħin hija ta’ 30 kWh/m2 fis-sena.
5. Konklużjonijiet
5.1. Skont il-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tal-impatt, id-Direttiva riveduta toffri prospettiva tajba għall-iffrankar tal-enerġija u l-KESE jemmen li jekk jitwessa’ l-ambitu tad-Direttiva wieħed ikun jista’ jisfrutta aħjar il-potenzjal tal-bini biex tiġi ffrankata l-enerġija.
5.2. Fil-fehma tal-KESE, huwa kważi impossibbli li niksbu l-għan u l-impatt finanzjarju stabbiliti fir-riformulazzjoni tad-Direttiva b’investiment ta’ EUR 8 biljuni fis-sena billi huwa stmat li l-ispiża finanzjarja għar-rinnovazzjoni fl-Istati Membri l-ġodda biss diġà taqbeż dan l-ammont sew. Ċerti fatturi li ma jaqgħux taħt id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva jistgħu jinfluwenzaw l-ispiża u l-ammont ta’ rinnovazzjonijiet li jridu jsiru.
5.3. Dawn iċ-ċifri jindikaw l-importanza u l-ħtieġa tar-rinnovazzjonijiet fil-Litwajna: jeżistu madwar 40 000 binja residenzjali qodma li mhumiex ekonimiċi fejn tidħol l-effiċjenza tal-enerġija. Sar xi titjib f’madwar 600 binja sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija (ħafna drabi permezz ta’ twieqi ġodda) u mas-60 binja ġew rinnovati għalkollox. L-informazzjoni tvarja minn sors għal ieħor, iżda b’mod ġenerali s-sorsi kollha juru li x-xogħol qiegħed lura ħafna minn kif kien ippjanat. B’dan il-pass, ir-rinnovazzjonijiet ser jieħdu aktar minn 100 sena, aktar u aktar fid-dawl tal-fatt li r-rinnovazzjonijiet b’konformità mad-Direttiva attwali għadhom lanqas biss bdew.
5.4. Raġunijiet finanzjarji. Eżempju tipiku: skont il-kumpanija “Vilniaus energija”, li tipprovdi s-sħana distrettwali fil-belt kapitali tal-Litwanja, Vilnius, appartament ta’ 60 m2 jikkonsma madwar 200 kWh/m2 fis-sena għat-tisħin u għall-ilma sħun, u madwar140 (11) kWh/m2 minnhom jintużaw għat-tisħin. Bis-saħħa tal-iżolazzjoni tal-bini, li jnaqqas bin-nofs il-konsum tal-enerġija meħtieġa għat-tisħin, jekk il-prezz ikun ta’ EUR 0.072 għal kull kWh ir-residenti jiffrankaw madwar EUR 5.07 għal kull metru kwadru fis-sena, jiġifieri total ta’ EUR 304.20. Skont il-figuri tal-awtorità lokali ta’ Vilnius, bejn wieħed u ieħor rinnovazzjoni radikali ta’ blokka ta’ appartamenti tiswa EUR 165 għal kull metru kwadru (12). Jekk is-self għar-rinnovazzjoni jkun irid jitħallas lura fi żmien 20 sena, ir-residenti ta’ dawn l-appartamenti jkunu qed iħallsu madwar EUR 41.30 fix-xahar. Stħarriġ juri li huma biss 5 % tar-residenti li huma lesti jħallsu dan l-ammont. L-awtoritajiet pubbliċi ma jinsabux f’pożizzjoni li jikkofinanzjaw ir-rinnovazzjoni tas-sistemi tat-tisħin tal-bini.
Bejn l-adozzjoni tal-programm ta’ modernizzazzjoni ta’ numru ta’ blokok ta’ appartamenti fl-2004 u Novembru 2008 ġew allokati EUR 37.3 miljun għal dan il-għan, jiġifieri 0,5 % tal-baġit annwali (13). L-adozzjoni tar-riformulazzjoni tad-Direttiva fil-Parlament Ewropew, li skont il-proposta mressqa mill-Membru Parlamentarti Silvia-Adriana Ţicău (RO) ser tqassam aħjar il-mezzi disponibbli fil-qafas tal-Fondi Strutturali, għandha tagħti spinta ’l quddiem lill-proċess tar-rinnovazzjoni.
5.5. Raġunijiet psikoloġiċi u legali. L-iżolazzjoni tal-bini biss tista’ tnaqqas l-ispejjeż tal-enerġija b’mod drastiku, però l-perijodu tal-ħlas tad-dejn għal din il-miżura huwa twil għexieren ta’ snin. Fid-dawl tal-għomor ta’ bniedem, dan il-perijodu ta’ żmien huwa twil wisq. Iż-żgħażagħ ma jafux fejn ser ikunu qed jgħixu 20 sena oħra, u dawk li qed joqorbu lejn is-60 mhumiex ċerti jekk hux ser ikunu għadhom ħajjin. Għaldaqstant, dawn iż-żewġ kategoriji tal-popolazzjoni (li b’kollox jammontaw għal 20 % tal-popolazzjoni (14)) mhumiex interessati fir-rinnovazzjoni. Ma’ dawn jingħaqdu r-residenti mingħajr riżorsi li jirċievu s-sussidji għat-tisħin. Dawn il-fatturi jheddu l-argument li r-rinnovazzjoni żżid il-valur tad-djar. Jekk bini antik jitwaqqa’, is-sid jisfa’ bla dar u ħafna drabi ma jkollux dritt għall-art fejn kienet mibnija d-dar jekk ma jkunx xtraha qabel. L-Artikolu 19 tar-riformulazzjoni tad-Direttiva jtejjeb din is-sitwazzjoni għaliex jistipula li għandhom jittieħdu miżuri bil-għan li s-sidien u l-okkupanti jiġu informati permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni fil-qafas ta’ programmi Komunitarji.
5.6. B’xorti ħażina, ħafna konsumaturi jemmnu li r-rinnovazzjoni tas-sistemi tat-tisħin tgħabbi lill-proprjetarji tal-art b’self għal perijodu twil ta’ żmien li kapaċi ma jkunux jistgħu jħallsuh, b’mod partikolari jekk l-ekonomija tibqa’ sejra lura, filwaqt li d-dħul tal-provvedituri tal-enerġija minn bini rinnovat jew jiqba’ l-istess jew jiżdied wara tariffi ġodda li jirriżultaw minn lobbying jew korruzzjoni. Dan it-tħassib ġej parzjalment mill-fatt li sabiex jaqilgħu aktar flus il-provvedituri tat-tisħin distrettwali, li huma s-sors prinċipali tat-tisħin fl-Istati Membri l-ġodda tal-UE, qed jgħollu l-prezzijiet b’rata mgħaġġla, inklużi dawk tal-bini rinnovat, filwaqt li l-konsum tal-enerġija għat-tisħin jonqos. Fl-aħħar mill-aħħar din hija problema diffiċli biex tissolva. Jekk wara l-implimentazzjoni tar-riformulazzjoni estiża tad-Direttiva jittejjeb it-tnaqqis u jiġi penalizzat il-ksur hekk kif inhu stipulat fl-Artikolu 22 permezz tal-ħruġ taċ-ċertifikati tal-prestazzjoni tal-enerġija li qed jiġu rakkomandati għat-tagħmir, ser ikun possibbli li negħlbu l-biża’ tal-konsumaturi bis-saħħa ta’ miżuri tekniċi u amministrattivi.
5.7. Bir-rinnovazzjoni ta’ ħafna bini ser jonqsu l-ispejjeż tal-enerġija għat-tisħin iżda mhux bilfors ser jonqsu l-emissjonijiet tas-CO2. Jekk l-enerġija għat-tisħin tkun ġejja minn sistemi tal-koġenerazzjoni, is-sħana żejda li toħroġ matul il-ġenerazzjoni tal-elettriku tintuża. Jekk il-konsum tal-enerġija għat-tisħin jonqos, parti mill-enerġija żejda mhux użata tista’ tintuża għat-tisħin tal-bini li nbena dan l-aħħar u b’hekk jonqsu l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju.
5.8. Minħabba li ma jeżistux garanziji, appoġġ u perspettivi min-naħa tal-Istat, il-konsumaturi huma pessimisti f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, la d-Direttiva attwali u lanqas ir-riformulazzjoni tagħha ma jiggarantixxu r-rispett tal-prinċipju ta’ punt ta’ kuntatt komuni għall-proċess ta’ rinnovazzjoni – li huwa mixtieq mill-partijiet ikkonċernati u l-konsumaturi kollha. B’rabta mat-talba li ssir fl-Artikoli 11(3) u (4) li meta jinbiegħ jew jinkera appartament fi blokka ta’ appartamenti ser ikun hemm bżonn ċertifikat tal-prestazzjoni tal-enerġija, il-konsumaturi għandhom xi riżervi meta l-ispejjeż tagħhom marbuta mal-enerġija jkunu jidhru mill-kontijiet li tħallsu u jkun hemm qbil bejn iż-żewġ partijiet kuntrattwali. B’hekk jinħolqu biss aktar spejjeż.
5.9. Jeżistu ħafna prodotti tal-bini magħmula mill-bniedem (15) (16) u wieħed jista’ jagħżel dak li hu l-aħjar għalih. Madankollu, jekk f’daqqa waħda s-suq jisplodi b’investiment kbir fir-rinnovazzjoni biex tingħata spinta ’l quddiem lill-industrija tal-bini, jeżisti r-riskju li fl-isforzi biex jinstabu malajr il-fondi, wieħed jinsa jaċċerta ruħu li l-prodotti li jintgħażlu huma adatti. Mill-banda l-oħra, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (Artikoli 16 u 17) dwar l-esperti indipendenti u s-sistemi ta’ kontroll ser ixekklu l-użu ta’ prodotti ta’ kwalità inferjuri, jekk il-kompetenzi ta’ dawn l-esperti jiġu estiżi.
Brussell, l-14 ta’ Mejju 2009
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) It-test Ingliż huwa bbażat fuq id-dokument COM(2008) 780 final/2.
(2) Ara d-Direttiva 93/76/KEE, ĠU L 237, 22.9.1993, p. 28-30.
(3) Żieda mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10(5)(b) (tar-riformulazzjoni).
(4) Dan jiżgura l-konformità mal-Artikoli 1 (Id-dinjità tal-bniedem) u 34(3) (id-dritt għal għajnuna għall-akkomodazzjoni) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
(5) Il-fuljett tas-Sezzjoni TEN: “Liema politika tal-enerġija għall-Ewropa? Il-punti ewlenin tal-opinjonijiet reċenti tal-KESE” (u sorsi oħra tal-KESE).
(6) “Il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini”, ĠU C 36, 8.2.2002, p. 20.
(7) Inizjattiva tas-suq ewlieni għall-Ewropa COM(2007) 860.
(8) Studju tad-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent (Aġenzija għall-Iżvilupp Soċjali).
(9) CESE 1905/2008, “L-approċċ proattiv tal-liġi”.
(10) “L-effiċjenza enerġetika tal-bini – il-kontribut tal-utenti”, ĠU C 162, 25.6.2008, p. 62.
(11) K. Nënius, Programm tal-Awtorità Lokali ta’ Vilnius: Ejjew nirrinovaw djarna u nittrasformaw il-belt (bil-Litwan), http://www.krea.lt/uploads/Busto_progr_bendrijos_EAIP.ppt#22.
(12) E. Levandraitytë, Ma nistgħux nevitaw politiki stretti, Statyba ir architektûra (rivista intitolata Il-kostruzzjoni u l-arkitettura) (bil-Litwan), 2008/12, p. 26-29.
(13) V. Martinaitis, Il-prestazzjoni tal-enerġija tal-blokok ta’ appartamenti fil-Litwanja u l-isfidi li qed tiffaċċja l-ekonomija Litwana (bil-Litwan), 22.10.2008. Dokument imħejji għal workshop dwar “L-aktar staġun tat-tisħin għali”.
(14) Uffiċċju tal-Istatistika, Ir-residenti ta’ Vilnius u d-djar (bil-Litwan), http://www.stat.gov.lt/uploads/docs/Vilniaus_saviv.pdf.
(15) CESE 329/2009, “Kundizzjonijiet armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-kostruzzjoni”.
(16) Dan jiżgura l-konformità mal-Artikoli 1 (Id-dinjità tal-bniedem) u 34(3) (id-dritt għal għajnuna għall-akkomodazzjoni) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.