Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0462

    L-immaniġġjar transkonfinali kollettiv tad-dritt tal-awtur Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 25 ta' Settembru 2008 dwar l-immaniġġjar transkonfinali kollettiv tad-dritt tal-awtur u d-drittijiet relatati għal servizzi mużikali online leġittimi

    ĠU C 8E, 14.1.2010, p. 105–107 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    14.1.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 8/105


    Il-Ħamis, 25 ta' Settembru 2008
    L-immaniġġjar transkonfinali kollettiv tad-dritt tal-awtur

    P6_TA(2008)0462

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Settembru 2008 dwar l-immaniġġjar transkonfinali kollettiv tad-dritt tal-awtur u d-drittijiet relatati għal servizzi mużikali online leġittimi

    2010/C 8 E/19

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsirda r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2005/737/KE tat-18 ta' Ottubru 2005 dwar l-immaniġġjar transkonfinali kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati għal servizzi mużikali online leġittimi (1) (minn hawn 'il quddiem imsejħa “ir-Rakkomandazzjoni tal-2005”),

    wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 95 u 151 tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Artikoli II-77 u II-82 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 97a tat-Trattat ta' Liżbona,

    wara li kkunsidra l-ftehimiet internazzjonali fis-seħħ li japplikaw għad-drittijiet tal-mużika, jiġifieri l-Konvenzjoni ta' Ruma tas-26 ta' Ottubru 1961 għall-Protezzjoni tal-Artisti, tal-Produtturi ta' Fonogrammi u tal-Organizzazzjonijiet ta' Xandir, il-Konvenzjoni ta' Berna għall-Protezzjoni ta' Xogħlijiet Litterarji u Artistiċi, it-Trattat dwar id-Drittijiet tal-Awtur tal-WIPO tal-20 ta' Diċembru 1996, it-Trattat dwar ir-Rappreżentazzjonijiet u l-Fonogrammi tal-20 ta' Diċembru 1996, u l-Ftehima tad-WTO dwar Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPS) tal-15 ta' April 1994,

    wara li kkunsidra l-ġabra ta' liġijiet tal-KE (l-“acquis communautaire”) fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati li tapplika għad-drittijiet tal-mużika, jiġifieri d-Direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar dritt ta' kiri u dritt ta' self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (2), id-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE tas-27 ta' Settembru 1993 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma' drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrażmissjoni bil-kejbil (3), id-Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar il-perjodu ta' protezzjoni ta' drittijiet tal-awtur u ta' ċerti drittijiet relatati (4) u d-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informatika (5),

    wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni Ewropea tad-19 ta' Lulju 1995 dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati fis-Soċjetà tal-Informatika (COM(1995)0382),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Mejju 2003 dwar il-protezzjoni ta' artisti fis-settur awdjoviżiv (6),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2004 dwar qafas Komunitarju għal soċjetajiet ta' mmaniġġjar kollettiv fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati (7),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' April 2004 dwar l-Immaniġġjar tad-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati fis-Suq Intern (COM(2004)0261),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-Programm Komunitarju ta' Liżbona: aktar riċerka u innovazzjoni — investiment għat-tkabbir u l-impjiegi: Approċċ komuni (8),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Jannar 2008 dwar Kontenut Kreattiv Onlajn fis-Suq Uniku (COM(2007)0836),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2006 dwar il-libertà tal-espressjoni fuq l-Internet (9),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2007 dwar ir-Rakkomondazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Ottubru 2005 dwar maniġġjar kollettiv transkonfinali dwar drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati għall-servizzi ta' mużika online (2005/737/KE) (10),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Settembru 2007 dwar l-implikazzjonijiet istituzzjonali u legali tal-użu ta' strumenti ta' soft law (11),

    wara li kkunsidra l-monitoraġġ tar-Rakkomandazzjoni tal-2005 (12),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta' Marzu 2007 il-Parlament stieden lill-Kummissjoni biex tagħmilha ċara li r-Rakkomandazzjoni tal-2005 kienet tapplika esklussivament għall-bejgħ online ta' reġistrazzjonijiet mużikali u biex malajr kemm jista' jkun tippreżenta — wara li tikkonsulta b'mod wiesa' mal-partijiet interessati — proposta għal direttiva flessibbli li għandha tiġi adottata mill-Parlament u mill-Kunsill permezz ta' kodeċiżjoni bil-għan li jiġi rregolat l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati fir-rigward tas-servizzi mużikali online transkonfinali, filwaqt li titqies l-ispeċifiċità tal-era diġitali u filwaqt li jiġu ssalvagwardjati d-diversità kulturali Ewropea, il-partijiet ikkonċernati ż-żgħar u r-repertorji lokali, fuq il-bażi ta' trattament ugwali,

    B.

    billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2007 il-Parlament ikkunsidra li l-interessi tal-awturi u għalhekk tad-diversità kulturali fl-Ewropa jkunu moqdija l-aħjar bl-introduzzjoni ta' sistema ta' kompetizzjoni ġusta u trasparenti li tevita pressjoni negattiva fuq id-dħul tal-awturi,

    1.

    Ifakkar li fid-dawl tan-natura territorjali tad-drittijiet tal-awtur u minkejja l-eżistenza tad-Direttiva 2001/29/KE is-sitwazzjoni fil-qasam tal-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati għas-servizzi online hija ġenwinament komplessa, l-iktar minħabba n-nuqqas ta' liċenzji Ewropej;

    2.

    Jikkunsidra li, minħabba r-rifjut ta' lleġiżlar — minkejja r-riżoluzzjonijiet varji tal-Parlament Ewropew — u d-deċiżjoni ta' tentattiv biex is-suq jiġi rregolat permezz ta' rakkomandazzjoni, inħolqot klima ta' inċertezza legali għad-detenturi tad-drittijiet u għall-utenti, speċjalment għax-xandara;

    3.

    Jenfasizza li, min-naħa l-oħra, sussegwentement għal ilment mill-utenti, id-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni intervjena billi fetaħ proċedura kontra is-CISAC (Il-Konfederazzjoni Internazzjonali tas-Soċjetajiet tal-Awturi u l-Kompożituri), li tinkludi 24 soċjetà ta' mmaniġġjar kollettiv fost il-membri tagħha; jinnota li l-effett tad-deċiżjoni meħuda f'dan ir-rigward se jkun il-esklużjoni tat-tentattivi kollha tal-partijiet kkonċernati li jaġixxu flimkien sabiex isibu soluzzjonijiet xierqa — bħal, pereżempju, sistema għall-awtorizzazzjoni tad-drittijiet fil-livell Ewropew — u biex iħallu t-triq miftuħa għal oligopolija ta' numru ta' soċjetajiet kbar ta' mmaniġġjar kollettiv marbuta bi ftehimiet mal-pubblikaturi li jappartjenu għar-repertorju dinji; jemmen li r-riżultat se jkun restrizzjoni tal-għażla u l-qerda tas-soċjetajiet iż-żgħar ta' mmaniġġjar kollettiv għad-detriment tal-kulturi minoritarji;

    4.

    Jikkunsidra li l-monitoraġġ tar-Rakkomandazzjoni tal-2005 ma jirriflettix is-sitwazzjoni eżistenti b'mod korrett u ma jqisx l-opinjoni mogħtija mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2007;

    5.

    Jikkunsidra li din is-sitwazzjoni tirrifletti l-fatt li l-Kummissjoni għażlet li tinjora t-twissijiet mogħtija mill-Parlament, b'mod partikulari fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2007, li tinkludi proposti konkreti għall-kompetizzjoni kkontrollata, kif ukoll protezzjoni u inċentivi għall-kulturi minoritarji fl-Unjoni Ewropea;

    6.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-Parlament ikun involut b'mod effettiv, bħala koloeġiżlatur, fl-inizjattiva dwar il-kontenut online;

    7.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni.


    (1)  ĠU L 276, 21.10.2005, p. 54.

    (2)  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 28.

    (3)  ĠU L 248, 6.10.1993, p. 15.

    (4)  ĠU L 372, 27.12.2006, p. 12.

    (5)  ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10.

    (6)  ĠU C 67 E, 17.3.2004, p. 293.

    (7)  ĠU C 92 E, 16.4.2004, p. 425.

    (8)  ĠU C 303 E, 13.12.2006, p. 640.

    (9)  ĠU C 303 E, 13.12.2006, p. 879.

    (10)  ĠU C 301 E, 13.12.2007, p. 64.

    (11)  ĠU C 187 E, 24.7.2008, p. 75.

    (12)  http://ec.europa.eu/internal_market/copyright/docs/management/monitoring-report_en.pdf.


    Top