Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0451

    Approċċ komuni għall-użu tal-ispettru rilaxxat mill-bidla diġitali Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 24 ta' Settembru 2008 dwar “Naħsdu l-benefiċċji kollha tad-dividend diġitali Ewropew” : Approċċ komuni għall-użu tal-ispettru rilaxxat mill-bidla diġitali (2008/2099(INI))

    ĠU C 8E, 14.1.2010, p. 60–66 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    14.1.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 8/60


    L-Erbgħa, 24 ta' Settembru 2008
    Approċċ komuni għall-użu tal-ispettru rilaxxat mill-bidla diġitali

    P6_TA(2008)0451

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Settembru 2008 dwar Naħsdu l-benefiċċji kollha tad-dividend diġitali Ewropew: Approċċ komuni għall-użu tal-ispettru rilaxxat mill-bidla diġitali (2008/2099(INI))

    2010/C 8 E/11

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2007 bl-isem “Naħsdu l-benefiċċji kollha tad-dividend diġitali Ewropew: Approċċ komuni għall-użu tal-ispettru rilaxxat mill-bidla diġitali” (COM(2007)0700) (Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar approċċ komuni għall-użu tal-ispettru),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-14 ta' Frar 2007 ntitolata “Lejn politika barranija Ewropea komuni dwar l-ispettru tar-radju” (1),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Settembru 2005 ntitolata “Prijoritajiet tal-politika tal-ispettru ta'l-UE għall-bidla diġitali fil-kuntest tal-Konferenza Reġjonali 2006 tal-ITU dwar ir-Radjukomunikazzjoni (RRC-06)” (COM(2005)0461),

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Grupp tal-Poltika dwar l-Ispettru tar-Radju fl-14 ta' Frar 2007 bit-titolu “L-Implikazzjonijiet tad-Dividend Diġitali fuq il-Politika tal-UE dwar l-Ispettru”,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2005 dwar l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni minn xandir analogu għal xandir diġitali (2),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A6-0305/2008),

    A.

    billi l-bidla minn televiżjoni terrestri li jxandar b'sinjal analogu għal dak li jxandar b'sinjal diġitali sa l-aħħar tal-2012 ser twassal, minħabba l-effiċjenza superjuri fit-trażmissjoni tat-teknoloġija diġitali, għar-rilaxx ta' ammont ta' spettru mingħajr preċedent fl-Unjoni Ewropa, u għalhekk ser toffri l-possibiltà tar-rijallokazzjoni tal-ispettru u tippreżenta opportunitajiet ġodda għal tkabbir tas-suq u għal tkabbir fil-kwalità u fl-għażla tas-servizzi għall-konsumatur,

    B.

    billi l-benefiċċji tal-użu ta' spektrum tar-radju se jiġi massimizzat permezz ta' azzjoni koordinata fuq il-livell tal-UE sabiex jiġi żgurat l-aħjar użu f'termini ta' effiċjenza,

    C.

    billi l-ispettru tar-radju huwa essenjzali għall-provvista ta' firxa sħiħa ta' servizzi u għall-iżvilupp ta' swieq immexxija mit-teknoloġija li l-valur tagħhom huwa stmat li huwa 2,2 % tal-PGD tal-UE, u għalhekk huwa fattur ewlieni għat-tkabbir, il-produttività u l-iżvilupp tal-industrija Ewropea skond l-Istrateġija ta' Liżbona,

    D.

    billi l-ispettru tar-radju huwa riżors naturali skars u beni pubbliku, u l-użu effiċjenti tiegħu huwa essenzjali sabiex jiġi żgurat li l-partijiet varji interessati li jridu joffru servizzi kkollegati jkollhom aċċess għall-ispettru,

    E.

    billi parti kbira tal-ispettru hi attwalment użata għal skopijiet militari permezz ta' teknoloġija ta' sinjal analogu u għalhekk l-akbar żieda fl-ammont totali tal-ispettru disponibbli għal-komunikazzjonijiet eletroniċi pubbliċi se tinkludi wkoll din il-parti wara l-bidla diġitali,

    F.

    billi l-Istati Membri m'għandhomx kalendarju komuni għall-bidla diġitali; billi f'ħafna Stati Membri l-pjanijiet għall-bidla diġitali humafi stat avvanzat, filwaqt li f'xi oħrajn il-bidla diġà seħħet,

    G.

    billi l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar approċċ komuni għall-użu tal-ispettru hija parti integrali tal-pakkett dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi adottat mill-Kummissjoni f'Novembru 2007 li jikkonċerna r-riforma fil-qafas regolatorju għall-komunikazzjonijiet elettroniċi,

    H.

    billi bħalissa hemm għaddejja r-(ri-)allokazzjoni tal-frekwenzi tax-xandir lix-xandara diġitali f'ħafna Stati Membri bil-konsegwenza li dawn il-frekwenzi jiġu allokati u għalhekk jiġu bblukkati għal ħafna snin,

    I.

    billi n-newtralità teknoloġika hija element ta' qofol fil-promozzjoni tal-interoperabilità u essenzjali sabiex ikun hemm politika ta' bidla lejn id-diġitali aktar flessibbli u trasparenti li tieħu kont tal-interess pubbliku,

    J.

    billi l-Kunsill appella lill-Istati Membri sabiex, kemm jista' jkun possibbli, ilestu l-bidla diġitali qabel l-2012,

    K.

    billi l-Istati Membri kollha ppubblikaw il-proposti tagħhom rigward il-bidla diġitali,

    1.

    Jirrikonoxxi l-importanza tal-inizzjattiva i2010 bħala parti mill-Istrateġija ta' Liżbona mġedda, u jenfasizza l-importanza ta' aċċess effiċjenti għall-ispettru u tal-użu effiċjenti tiegħu fil-kisba tal-miri ta' Liżbona; f'dan il-kuntest jenfasizza l-ħtieġa għal aċċess għal servizzi broadband sabiex tingħeleb il-“qasma digitali”;

    2.

    Jenfasizza l-ħtieġa ta' bidla diġitali li, flimkien mal-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u mad-dividend diġitali, tgħin biex iċċekken il-qasma diġitali u tikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet ta' Liżbona;

    3.

    Jinnota d-diverġenza fl-iskemi nazzjonali rigward l-allokazzjoni u l-isfruttament ta' spettru; jinnota l-fatt li dawn id-differenzi jistgħu jirrappreżentaw ostakoli għall-kisba ta' suq intern li jaħdem b'mod effettiv;

    4.

    Jisħaq li d-daqs tad-dividend diġitali ser ivarja minn pajjiż għall-ieħor, minħabba ċ-ċirkustanzi nazzjonali u minħabba li jirrifletti l-politiki nazzjonali tal-media u tal-awdjoviżjoni;

    5.

    Jirrikonoxxi li aktar effiċjenza tal-ispettru tat-televiżjoni diġitali terrestri għandha tippermetti li madwar 100MHz ta' dividend diġitali jiġi allokat mill-ġdid lil servizzi tal-mowbajl broadband u lil servizzi oħra (bħas-servizzi ta' sikurezza pubblika, sistemi ta' identifikazzjoni tal-frekwenzi tar-radju u applikazzjonijiet ta' sikurezza fit-toroq) filwaqt li jiżguraw li s-servizzi ta' xandir jistgħu jkomplu jiġu żviluppati;

    6.

    Jinnota li llum il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għadhom lura meta mqabbla ma' pajjiżi żviluppati oħra fejn jidħol l-investiment f'infrastrutturi tal-komunikazzjoni tal-ġenerazzjoni l-ġdida, u jenfasizza li l-kisba ta' pożizzjoni lider fl-iżvilupp tal-broadband u tal-Internet hija kruċjali għall-kompetittività u l-koeżjoni tal-Unjoni Ewropea fl-arena internazzjonali, speċjalment fir-rigward tal-iżvilupp ta' pjattaformi diġitali interattivi u l-provvista ta' servizzi ġodda bħalma huma s-servizzi elettroniċi tal-e-kummerċ, tal-e-saħħa, tal-e-tagħlim u tal-e-gvern; jenfasizza li għandu jkun hemm aktar investiment fuq livell nazzjonali u tal-UE sabiex jinkoraġġixxi l-ħolqien ta' prodotti u servizzi innovattivi; jenfasizza li l-isforzi biex ikun assigurat l-aċċess għas-servizzi broadband m'għandhomx ikunu ffukati biss fuq id-dividend diġitali;

    7.

    Jinsab konvint li l-pakketti “multiplay” ġodda, li jkun fihom teknoloġiji u servizzi innovattivi, jista' jkun li dalwaqt se jibdew jiġu offruti minħabba ż-żieda fil-konverġenza teknoloġika, u jinnota, fl-istess ħin, li l-ħruġ ta' dawk l-offerti jiddependi b'mod kruċjali mid-disponibilità ta' spettru li hu ta' siwi kbir kif ukoll mid-disponibilità ta' teknoloġiji interattivi li jippermettu l-interoperabilità, il-kollegabilità u l-kopertura mingħajr interruzzjoni, bħalma huma t-teknoloġiji tal-multimedia mobbli u t-teknoloġiji ta' aċċess wireless għall-broadband;

    8.

    Jinnota li l-konverġenza teknoloġika hija realtà, li toffri mezzi u opportunitajiet ġodda lis-servizzi tradizzjonali; jenfasizza li l-aċċess għall-partijiet tal-ispettru li qabel kienu rriservati għax-xandir jistgħu jgħinu biex jinħolqu servizzi ġodda kemm-il darba l-ispettru jkun immaniġġjat b'mod kemm jista' jkun effiċjenti u effettiv sabiex ikun evitat li t-twassil ta' programmi ta' xandir diġitali ta' kwalità għolja jiġi mfixkel;

    9.

    Jistieden sabiex ikun hemm koperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri sabiex jinkiseb suq intern tal-komunikazzjoni elettronika li jkun effiċjenti, miftuħ u kompetittiv u li jippermetti li jkun hemm użu ta' teknoloġiji ġodda tan-network;

    10.

    Jisħaq fuq l-importanza strateġika ta' ambjent fl-Unjoni Ewropea fejn ikun iggarantit spazju għall-innovazzjoni, teknoloġiji ġodda, servizzi ġodda u parteċipanti ġodda sabiex tissaħħaħ il-kompetittività u l-koeżjoni Ewropea; jenfasizza li hija ħaġa kruċjali li l-utenti finali jingħataw il-libertà tal-għażla f'dak li jirrigwarda prodotti u servizzi sabiex jintlaħaq l-iżvilupp dinamiku tas-swieq u tat-teknoloġiji fl-Unjoni Ewropea;

    11.

    Jenfasizza li d-dividend diġitali jipprovdi lill-Unjoni Ewropea b'opportunitajiet uniċi biex tiżviluppa servizzi ġodda bħat-televiżjoni mobbli u l-aċċess għall-Internet “wireless” u biex tibqa' l-mexxejja dinjija fir-rigward tat-teknoloġiji tal-multimedia mobbli filwaqt li tnaqqas id-differenzi fil-qasma diġitali, tipprovdi opportunitajiet ġodda għaċ-ċittadini, għas-servizzi, għall-media u għad-diversità kulturali fl-Unjoni Ewropea kollha;

    12.

    Jistieden lill-Istati Membri, b'rispett sħiħ għas-sovranità tagħhom f'dan ir-rigward, biex janalizzaw l-impatt tal-bidla diġitali fl-ispettru użat għal skopijiet militari, u, fejn xieraq, biex jallokaw mill-ġdid parti mid-dividend diġitali speċifiku għal applikazzjonijiet ċivili ġodda;

    13.

    Jagħraf li l-koordinazzjoni fuq livell tal-UE għandha tinkoraġġixxi l-iżvilupp, tagħti spinta lill-ekonomija diġitali u tippermetti li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess ugwali, u li jista' jintlaħaq mill-but ta' kulħadd, għas-soċjetà tal-informazzjoni;

    14.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jirrilaxxaw id-dividendi diġitali tagħhom kemm jista' jkun malajr, sabiex iċ-ċittadini Ewropej jibbenefikaw mit-tnedija ta' servizzi ġodda, innovattivi u kompetittivi; jenfasizza li għal dan il-għan tinħtieġ il-koperazzjoni attiva bejn l-Istati Membri sabiex jingħelbu l-ostakoli li jeżistu fuq livell nazzjonali għar-riallokazzjoni effiċjenti tad-dividend diġitali;

    15.

    Jisħaq li x-xandara huma parteċipanti essenzjali fid-difiża tal-prinċipji pluralistiċi u demokratiċi u jemmen bis-sħiħ li l-opportunitajiet offruti mid-dividend diġitali jippermettu lix-xandara pubbliċi u lil dawk privati li jipprovdu numru ħafna akbar ta' programmi li jaqdu objettivi ta' interess ġenerali — stipulati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali — bħall-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingiwstika;

    16.

    Jemmen li d-dividend diġitali għandu jagħti l-opportunità lix-xandara sabiex jiżviluppaw u jespandu s-servizzi tagħhom u fl-istess waqt jieħdu kont ta' applikazzjonijiet potenzjali soċjali, kulturali u ekonomiċi oħrajn, bħat-teknoloġiji broadband ġodda u miftuħa u s-servizzi ta' aċċess maħsuba sabiex jegħlbu l-qasma diġitali, filwaqt li ma jitħallewx l-ostakoli għall-interoperabilità;

    17.

    Jenfasizza l-benefiċċji potenzjali ta' approċċ koordinat għall-użu tal-ispettru fl-Unjoni Ewropea f'termini ta' ekonomiji tal-iskala, l-iżvilupp ta' servizzi interoperabbli “wireless”, u li tiġi evitata l-frammentazzjoni li twassal li dan ir-riżors skars ma jintużax bl-aħjar mod; jikkunsidra li, filwaqt li jeħtieġ li jkun hemm koordinazzjoni aktar mill-qrib u aktar flessibilità sabiex l-ispettru jkun sfruttat b'mod effiċjenti, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom bżonn isibu bilanċ bejn il-flessibilità u l-grad ta' armonizzazzjoni, bil-għan li jinkiseb l-akbar benefiċċju mid-dividend diġitali;

    18.

    Josserva li tista' tintlaħaq allokazzjoni effiċjenti tad-dividend diġitali mingħajr ma tiġi mfixkla l-ebda waħda mill-partijiet li fil-preżent għandhom liċenzji tal-ispettru fil-faxxa tal-frekwenzi ultra-għolja (UHF), u li t-tkomplija u l-espansjoni tas-servizzi attwali ta' xandir jistgħu jinkisbu b'mod effettiv, u fl-istess ħin ikun żgurat li t-teknoloġiji l-ġodda tal-multimedia mobbli u tal-aċċess “wireless” għall-broadband ikunu allokati riżorsi ta' spettru sostanzjali fil-faxxa UHF sabiex liċ-ċittadini Ewropej jitwasslulhom servizzi interattivi ġodda;

    19.

    Jikkunsidra li, fejn irkantijiet jiġu wżati għall-allokazzjoni ta' frekwenzi, l-Istati Membri għandhom jadottaw approċċ komuni fir-rigward tal-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-irkantijiet u l-allokazzjoni tar-riżorsi ġġenerati; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta linji gwida skond dawk l-istess ħsibijiet;

    20.

    Jenfasizza li l-priniċipju gwida ewlieni fl-allokazzjoni tad-dividend diġitali għandu jkun li jiġi moqdi l-interess ġenerali billi jkun żgurat l-aħjar valur soċjali, kulturali u ekonomiku fis-sens ta' provvista msaħħa u ġeografikament mifruxa ta' servizzi u ta' kontenut diġitali liċ-ċittadini, u mhux biss li jiżdied kemm jista' jkun id-dħul pubbliku, filwaqt li jitħarsu wkoll id-drittijiet tal-utenti attwali tas-servizzi tal-media awdjoviżivi, u tkun riflessa d-diversità kulturali u lingwistika;

    21.

    Jenfasizza li d-dividend diġitali jagħti opportunità unika biex l-Unjoni Ewropea tiżviluppa l-irwol tagħha bħala l-mexxejja dinjija fit-teknoloġiji tal-multimedia mobbli u fl-istess ħin biex tnaqqas id-differenzi fil-qasma diġitali bi fluss akbar ta' informazzjoni, tagħrif u servizzi li jikkollegaw ma' xulxin liċ-ċittadini Ewropej kollha u li jipprovdu opportunitajiet ġodda għall-media, għall-kultura u għad-diversità fl-inħawi kollha tat-territorju tal-Unjoni Ewropea;

    22.

    Jenfasizza li mod potenzjali li permezz tiegħu d-dividend diġitali jista' jgħin fil-kisba tal-miri ta' Liżbona huwa billi tiżdied id-disponibilità ta' servizzi ta' aċċess broadband għaċ-ċittadini u l-partijiet ekonomiċi involuti madwar l-Unjoni Ewropea, u b'hekk tiġi indirizzata l-qasma diġitali billi inħawi anqas privileġġjati, rurali jew remoti jingħatawlhom benefiċċji u jiġi żgurat li jkun hemm kopertura totali fl-Istati Membri;

    23.

    Jiddeplora l-aċċess mhux uniformi taċ-ċittadini tal-Unjoni għas-servizzi diġitali, partikularment fix-xandir; jinnota li r-reġjuni rurali u periferiċi għandhom żvantaġġ speċjali (f' termini ta'disponibilità immedjata, għażla u kwalità) f'dak li jirrigwarda t-tixrid ta' servizzi diġitali; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali biex jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jiżguraw li l-bidla għad-diġitali ssir malajr u b'mod ġust għaċ-ċittadini kollha tagħhom;

    24.

    Jenfasizza li l-qasma diġitali mhux biss kwistjoni rurali; jenfasizza d-diffikultà li f' xi wħud mill-bini għoli antik tiġi installata l-infrastruttura għal networks ġodda; jenfasizza l-benefiċċju li l-ispettru jista' jkollu sabiex tingħeleb il-qasma diġitali kemm fiż-żoni urbani u kemm f'dawk rurali;

    25.

    Jenfasizza l-kontribut li d-dividend diġitali jista' jagħti fir-rigward tal-provvista ta' servizzi soċjali interoperabbli msaħħa, bħall-gvern elettroniku (e-government), is-saħħa elettronika (e-health), it-taħriġ vokazzjonali elettroniku (e-vocational training), u l-edukazzjoni elettronika (e-education) liċ-ċittadini, b'mod partikolari dawk li jgħixu f'żoni anqas privileġġjati jew iżolati, bħal inħawi rurali u anqas żviluppati u gżejjer;

    26.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex iżidu l-miżuri li jippermettu lill-utenti b'diżabilità jew anzjani u dawk bi bżonnijiet soċjali speċjali li jiksbu l-benefiċċju kollu provdut mid-dividend diġitali;

    27.

    Jikkonferma l-valur soċjali tas-servizzi tas-sikurezza pubblika u l-ħtieġa li jiddaħħal appoġġ għar-rekwiżiti ta' tħaddim tagħhom fl-arranġamenti għall-ispettru li jirriżultaw mill-organizzazzjoni mill-ġdid tal-faxxa ta' frekwenza UHF li tirriżulta mill-waqfa fl-użu tas-servizzi analogi;

    28.

    Jenfasizza li l-prijorità ewlenija tal-politika dwar il-ksib tal-benefiċċji kollha tad-dividend diġitali fl-Ewropa hija li tiżgura li d-drittijiet tal-konsumatur ikunu rispettati bis-sħiħ filwaqt li jkun possibbli għalihom li jgawdu minn medda wiesgħa ta' servizzi ta' kwalità għolja, billi jittieħed kont tal-bżonn li jsir użu effiċċjenti tal-ispettru rilaxxat mill-bidla diġitali;

    29.

    Jisħaq fuq il-punt li d-dividend diġitali jipprovdi opportunitajiet ġodda għall-objettivi tal-politiki tal-qasam awdjoviżiv u dak tal-media; għalhekk, jinsab konvint li d-deċiżjonijiet dwar l-immaniġġjar tad-dividend diġitali għandhom jippromwovu u jħarsu l-objettivi ta' interess ġenerali marbuta ma' politiki awdjoviżivi u tal-media bħalma huma l-libertà tal-espressjoni, il-pluraliżmu tal-media, id-diversità kulturali u lingwistika, u d-drittijiet tal-minorenni;

    30.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jagħrfu l-valur soċjali, kulturali u ekonomiku li utenti mhux liċenzjati jingħataw aċċess għad-dividend, b'mod partikolari intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u s-settur li ma jaħdimx għall-profitt, u b'hekk titkabbar l-effiċjenza tal-użu tal-ispettru billi dawn l-użi bla liċenzja jiġu kkonċentrati fil-frekwenzi li bħalissa mhux qed jiġu użati (“spazji bojod”);

    31.

    Jappella sabiex ikun hemm approċċ pass pass f'dan il-qasam; huwa tal-opinjoni li l-effetti għal networks iżgħar — speċjalment networks “wireless” lokali — li għalihom bħalissa ma japplikaw l-ebda rekwiżiti ta' liċenzja, għandhom jiġu meqjusa u li għandu jiġi promoss l-aċċess universali għall-broadband, speċjalment f'inħawi rurali;

    32.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġjaw miżuri ta' koperazzjoni mtejba bejn l-awtoritajiet tal-immaniġġjar tal-ispettru biex jiġu kkunsidrati oqsma fejn l-allokazzjoni ta' spettru ta' “l-ispazju abjad” mhux liċenzjat tippermetti li jkun hemm teknoloġiji u servizzi ġodda sabiex titħeġġeġ l-innovazzjoni;

    33.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex, fil-kuntest tal-allokazzjoni ta' “l-ispazju abjad”, jikkunsidraw il-ħtieġa ta' aċċess miftuħ bla liċenzja għall-ispettru għall-fornituri ta' servizzi mhux kummercjali u edukattivi u komunitajiet lokali b' ethos ta' servizz pubbliku;

    34.

    Jenfasizza li wieħed mill-elementi prinċipali fl-għoti tal-aċċess għad-divided diġitali għal utenti mhux liċenzjati huwa l-bżonn li jittieħed kont tar-rekwiżiti ta' gruppi soċjali mhedda mill-esklużjoni, partikularment l-utenti b'diżabilità u anzjani u l-utenti bi bżonnijiet soċjali speċjali;

    35.

    Jagħraf il-benefiċċju ta' teknoloġiji ġodda, bħall-WiFi u l-Bluetooth, li jeżistu fil-faxxa ta' frekwenza bla liċenzja 2.4 GHz; jirrikonoxxi li ċerti frekwenzi partikulari huma l-aktar xierqa għal ċerti servizzi partikulari; jemmen li l-allokazzjoni ta' ammont żgħir ta' spettru bla liċenzja fi frekwenzi baxxi oħra tista' tinkuraġġixxi aktar innovazzjoni f'servizzi ġodda;

    36.

    Jenfasizza, għaldaqstant, li l-frekwenzi għandhom jiġu assenjati b'mod trasparenti, filwaqt li jittieħed kont tal-użi potenzjali kollha tal-ispettru l-ġdid u l-benefiċċji tagħhom għas-soċjetà;

    37.

    Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex jevalwaw fid-dettall il-valur soċjali u ekonomiku ta' kull spettru li jinħeles fis-snin li ġejjin permezz tal-bidla minn xandir analogu għal xandir diġitali;

    38.

    Jagħraf l-importanza tal-Ftehim tal-ITU ta' Ġinevra-06 (Konferenza Reġjonali dwar il-Komunikazzjoni bir-Radju 2006) u tal-pjanijiet tal-allokazzjoni ta' frekwenzi nazzjonali kif ukoll tad-deċiżjonijiet tal-Konferenza Dinjija dwar il-Komunikazzjoni bir-Radju 2007 (WRC-07) għar-riorganizzazzjoni tal-faxxa tal-frekwenza UHF;

    39.

    Jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżviluppaw strateġiji nazzjonali dwar id-dividend diġitali sa l-aħħar tal-2009, filwaqt li jsegwu metodoloġija komuni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja lill-Istati Membri fl-iżvilupp tal-istrateġiji nazzjonali dwar id-dividend diġitali tagħhom u sabiex tippromwovi l-aħjar prattika fil-livell tal-UE;

    40.

    Jenfażizza li l-fatt li l-bidla f'ċerti Stati Membri hija imminenti kif ukoll id-differenzi fil-pjanijiet nazzjonali għall-bidla jirrikjedu reazzoni fil-livell Komunitarju li ma tistax tistenna sakemm id-direttivi tar-riforma jidħlu fis-seħħ;

    41.

    Jagħraf id-dritt tal-Istati Membri li jiddeterminaw l-użu tad-dividend diġitali, iżda jafferma wkoll li approċċ koordinat fil-livell Komunitarju itejjeb ferm il-valur tad-dividend u huwa l-aktar mod effiċjenti sabiex tiġi evitata interferenza li tagħmel il-ħsara bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi;

    42.

    Itenni li, fl-interess taċ-ċittadini tal-Unjoni, id-dividend diġitali għandu jiġi mmaniġġjat bl-aktar mod effiċjenti u effettiv possibbli sabiex tiġi evitata interferenza fil-provvista ta' programmi tat-TV diġitali ta' kwalità għolja lil numru ta' ċittadini li dejjem qed jikber u sabiex id-drittijiet u l-interessi tal-konsumaturi u l-investiment tagħhom fit-tagħmir jiġi rispettat.

    43.

    Jenfasizza li l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw irkantijiet li jkunu teknoloġikament newtrali bil-għan li jiġu allokati frekwenzi li jkunu inħelsu minħabba d-dividend digitali u bil-għan li dawk il-frekwenzi jsiru kummerċjabbli; jikkunsidra, madankollu, li din il-proċedura għandha tkun konformi għal kollox mar-regolamenti tar-radju tal-ITU, mal-ippjanar nazzjonali tal-frekwenzi u mal-objettivi tal-politiki nazzjonali sabiex tkun evitata interferenza ta' ħsara bejn is-servizzi pprovduti; iwissi dwar il-frammentazzjoni tal-ispettru li twassal biex riżorsi skarsi ma jkunux użati bl-aħjar mod; jistieden lill-Kummissjojni biex tiżgura li pjan koordinat tal-ispettru għall-ġejjieni ma joħloqx ostakoli ġodda għall-innovazzjoni tal-ġejjieni;

    44.

    Jappoġġja approċċ komuni u bbilanċjat lejn l-użu tad-dividend diġitali, li jippermetti kemm li x-xandara jkomplu joffru u jespandu s-servizzi tagħhom u kif ukoll li l-operaturi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jużaw dan ir-riżors biex iniedu servizzi ġodda li jissodisfaw użi soċjali u ekonomiċi importanti oħra, iżda jisħaq li fi kwalunkwe każ id-dividend diġitali għandu jkun allokat b'mod newtrali fil-konfront tat-teknoloġija;

    45.

    Jenfasizza li l-politika dwar l-ispettru trid tkun dinamika u trid tippermetti lix-xandara u lill-operaturi tal-komunikazzjonijiet li japplikaw teknoloġiji ġodda u jiżviluppaw servizzi ġodda li jippermettulhom li jkomplu jaqdu rwol prinċipali fil-kisba ta' objettivi ta' politika kulturali u tal-media, filwaqt li jipprovdu wkoll servizzi ġodda ta' komunikazzjoni ta' kwalità għolja;

    46.

    Jisħaq dwar il-benefiċċji potenzjali, fir-rigward ta' ekonomiji fil-kobor, innovazzjoni u interoperabilità u l-provvista ta' servizzi pan-Ewropej potenzjali ta' ppjanar ta' spettru aktar koerenti u integrat fil-livell Komunitarju; jinkuraġġixxi lill-Istati Membri sabiex jaħdmu flimkien u mal-Kummissjoni sabiex jidentifikaw faxex sekondarji komuni tal-ispettru tad-dividend diġitali għal “clusters” differenti ta' applikazzjoni li jkunu jistgħu jiġu armonizzati fuq bażi ta' newtralità fil-konfront tat-teknoloġija;

    47.

    Jemmen li l-iggruppar fi ħdan il-frekwenza UHF għandu jkun ibbażat fuq metodu minn isfel għal skond l-ispeċifiċitajiet tas-swieq nazzjonali filwaqt li tkun żgurat li jkun hemm armonizzazzjoni fil-livell Komunitarju kull meta din toħloq valur miżjud ċar;

    48.

    Sabiex jinkiseb użu aktar effiċjenti tal-ispettru u sabiex jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta' servizzi nazzjonali, transkonfinali u pan-Ewropej li jkunu innovattivi u ta' suċċess, jappoġġja approċċ koordinat fuq livell Komunitarju, ibbażat fuq ġabriet differenti tal-ispettru tal-frekwenza UHF għal servizzi unidirezzjonali jew bidirezzjonali rispettivament, filwaqt li jitqiesu l-potenzjal għall-interferenza dannuża li tirriżulta mill-koeżistenza ta' tipi differenti ta' networks fl-istess faxxa, l-eżiti tal-RRC 06 u l-WRC 07 tal-ITU ta' Ġinevra, u l-awtorizzazzjonijiet eżistenti;

    49.

    Jikkunsidra li l-parti tal-ispettru armonizzat fuq il-livell Komunitarju ddedikata għas-servizzi ta' emerġenza għandha tkun tista' tipprovdi aċċess għat-teknoloġiji broadband tal-futur għall-ksib u t-trasmissjoni ta' informazzjoni meħtieġa għall-ħarsien tal-ħajja tal-bniedem permezz ta' reazzjoni aktar effiċjenti min-naħa tas-servizzi tal-emerġenza;

    50.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex twettaq, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, l-istudji tekniċi, soċjo-ekonomiċi, u l-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji xierqa sabiex jiġu determinati d-daqs u l-karatteristiċi tal-faxex sekondarji li jistgħu jiġu kkoordinati jew armonizzati fil-livell Komunitarju; ifakkar li dawn l-istudji għandhom jikkunsidraw li d-dividend mhux statiku, imma li l-iżvilupp teknoloġiku dejjem għaddej u l-implimentazzjoni ta' teknoloġiji ġodda għandha tippermetti l-użu tal-faxxa ta' frekwenza UHF għal tipi ġodda ta' servizzi soċjali, kulturali u ekonomiċi innovattivi li jmorru 'l hinn mix-xandir u mill-“wireless” broadband; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-Istati Membri jikkontribwixxu għal dawn l-istudji sabiex jidentifikaw il-faxex komuni li għandom ikunu armonizzati fuq livell Ewropew għal servizzi pan-Ewropej interoperabbli u definiti b'mod ċar, kif ukoll għall-allokazzjoni ta' dawn il-faxex;

    51.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tfittex li tikopera mal-pajjiżi ġirien tal-Istati Membri sabiex jadottaw mapep tal-frekwenzi simili jew jikkoordinaw l-allokazzjoni tal-frekwenzi tagħhom mal-Unjoni Ewropea sabiex ikun evitat tfixkil fit-tħaddim tal-applikazzjonijiet tat-telekomunikazzjoni;

    52.

    Jitlob lill-Kummissjoni sabiex twettaq studju dwar il-kunflitti bejn l-utenti ta' Open Source Software u l-awtoritajiet ta' ċertifikazzjoni rigward radji definiti mis-software;

    53.

    Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipproponi passi għat-tnaqqis tar-responsabilità legali fil-kuntest tal-provvista ta' network wireless tat-tip mesh;

    54.

    Jistieden lill-Kummissjoni sabiex, hekk kif dawn l-istudji msemmija hawn fuq jitlestew u wara li tkun ikkonsultat kemm lill-Grupp dwar il-Politika tal-Ispettru tar-Radju u kif ukoll lill-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet tal-Posta u t-Telekomnnikazzjoni u wara li tieħu kont xieraq tal-ispeċifiċitajiet nazzjonali tippreżenta proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal miżuri mtejba ta' koordinazzjoni fil-livell Komunitarju tal-użu tad-dividend diġitali skond il-pjanijiet rigward il-frekwenzi mifthiema fil-livell internazzjonali;

    55.

    Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.


    (1)  ĠU C 287 E, 29.11.2007, p. 364.

    (2)  ĠU C 280 E, 18.11.2006, p. 115.


    Top