Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AE0998

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar proposta ta' deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 1719/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta' Novembru 2006 li tistabbilixxi l-programm Żgħażagħ fl-Azzjoni għall-perjodu 2007-2013 COM(2008) 56 finali — 2008/0023 (COD)

    ĠU C 224, 30.8.2008, p. 113–114 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    30.8.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 224/113


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar proposta ta' deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 1719/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 li tistabbilixxi l-programm Żgħażagħ fl-Azzjoni għall-perjodu 2007-2013

    COM(2008) 56 finali — 2008/0023 (COD)

    (2008/C 224/25)

    Nhar is-6 ta' Marzu 2008, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    Proposta ta' deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni Nru 1719/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta' Novembru 2006 li tistabbilixxi l-programm Żgħażagħ fl-Azzjoni għall-perjodu 2007-2013

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-7 ta' Mejju 2008 Ir-rapporteur kien is-Sur Czajkowski.

    Matul l-445 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet it-28 u d-29 ta' Mejju 2008 (seduta tad-29 ta' Mejju 2008), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'78 voti favur, u astensjoniji waħda.

    1.   Opinjoni tal-KESE

    1.1

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tbiddel il-proċeduri għal għotjiet (grants) lill-proġetti u għat-tmexxija tal-Programm Żgħażagħ fl-Azzjoni, li għandu jippermetti li l-fondi jitqassmu aktar malajr lill-applikanti ta' dan il-programm.

    1.2

    Il-Kumitat jappoġġja din il-bidla mill-proċedura preċedenti, peress li d-dewmien fit-teħid tad-deċiżjonijiet, il-proċess twil ta' valutazzjoni tal-proġett, il-verifika tad-data mill-kumitat tal-programm u l-Aġenziji Nazzjonali jwasslu, fl-aħjar każijiet għal dewmien u — fl-agħar każijiet — għal problemi finanzjarji kbar jew anke l-falliment ta' xi organizzazzjonijiet li applikaw, kif ukoll nuqqas ta' użu tal-fondi.

    2.   Introduzzjoni

    2.1

    Il-programm Żgħażagħ fl-Azzjoni, ippjanat għall-perjodu 2007-2013 u adottat bid-Deċiżjoni Nru 1719/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill huwa programm ta' tagħlim mhux formali ta' l-UE. Primarjament, huwa mmirat lejn dawk in-nies li għalihom l-edukazzjoni mhux formali hija l-unika opportunità ta' żvilupp individwali u personali biex jiksbu għarfien u ħiliet li huma bżonjużi fid-dinja moderna.

    2.2

    L-objettivi prinċipali tal-programm huma li jingħelbu l-ostakli, il-preġudizzji u l-isterjotipi li jeżistu fost iż-żgħażagħ, biex il-mobbiltà tagħhom tkun appoġġjata u tiġi promossa ċ-ċittadinanza attiva, fis-sens ta' proċess dinamiku ta' tagħlim. Il-programm jipprovdi fondi għal proġetti li jappoġġjaw l-iżvilupp personali taż-żgħażagħ. Jaġixxi ta' stimolu għaż-żgħażagħ biex jipparteċipaw fil-komunitajiet lokali tagħhom u jikkontribwixxi lejn il-promozzjoni tat-tolleranza. Jinkoraġġixxi tipi ta' azzjonijiet differenti li jippromovu l-idea ta' Ewropa magħquda.

    2.3

    Il-Kummissjoni Ewropea għandha r-responsabbiltà aħħarija għat-tħaddim tal-programm Żgħażagħ fl-Azzjoni. Il-Kummissjoni tissorvelja l-ġestjoni ta' kuljum tal-baġit u tiddeċiedi dwar il-prioritajiet, l-objettivi u l-kritjeri tal-programm. Barra minn hekk, tmexxi u tosserva l-implimentazzjoni globali tal-programm, kif ukoll l-attivitajiet ta' segwitu u l-valutazzjonijiet tal-programmi fil-livell ta' l-UE.

    2.4

    Il-ħidma tal-Kummissjoni tinkludi wkoll il-monitoraġġ komprensiv u l-koordinazzjoni ta' l-attività ta' l-Aġenziji Nazzjonali — l-uffiċċji stabbiliti mill-awtoritajiet responsabbli għall-politika taż-żgħażagħ f'kull pajjiż li qed jipparteċipa fil-programm. Il-Kummissjoni Ewropea taħdem mill-viċin ma' l-Aġenziji Nazzjonali u tissorvelja l-attivitajiet tagħhom.

    2.5

    L-Istati Membri ta' l-UE, kif ukoll il-pajjiżi l-oħra li jipparteċipaw, huma involuti fit-tmexxija tal-programm Żgħażagħ fl-Azzjoni, b'mod partikolari permezz tal-kumitat tal-programm, li fuqu huma jaħtru rappreżentant. L-awtoritajiet f'dawn il-pajjiżi wkoll jaħtru l-Aġenziji Nazzjonali u jissorveljaw l-attivitajiet tagħhom. din il-ħidma ssir flimkien mal-Kummissjoni Ewropea.

    2.6

    Il-programm Żgħażagħ fl-Azzjoni jiġi implimentat prinċipalment fuq bażi deċentralizzata, dan tagħmilha possibbli li l-kooperazzjoni tkun kemm jista' jkun mill-qrib mal-benefiċċjarji u li tiġi kkunsidrata n-natura speċifika tas-sistemi varji u l-kundizzjonijiet tal-ħajja taż-żgħażagħ fil-pajjiżi differenti. F'kull pajjiż parteċipanti twaqqfet Aġenzija Nazzjonali. L-Aġenziji Nazzjonali huma responsabbli għall-promozzjoni u l-implimentazzjoni tal-Programm fil-livell nazzjonali u jaġixxu ta' ħolqa bejn il-Kummissjoni Ewropea, il-promoturi tal-proġett fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali u ż-żgħażagħ infushom.

    2.7

    Il-promoturi tal-proġetti li jixtiequ jirċievu xi għotja (grant) huma meħtieġa li jsegwu l-proċedura għat-talba għall-proposti stabbilita u ppubblikata mill-Aġenziji Nazzjonali. Skond il-proċedura, il-Kummissjoni wara tagħmel deċiżjonijiet ta' selezzjoni dwar il-proposti għall-għotjiet. Bħala miżuri biex jimplimentaw il-programm, dawn iridu jsegwu proċedura inter-istituzzjonali speċifika.

    2.8

    Il-Kunsill, fl-atti li jadotta, jagħti lill-Kummissjoni s-setgħat ta' implimentazzjoni tar-regoli li l-Kunsill jistabbilixxi u jista' jimponi ċerti rekwiżiti fir-rigward ta' l-eżerċizzju ta' dawn is-setgħat; Dawn ir-rekwiżiti huma indikati taħt l-isem ta' “komitoloġija”. Dan ifisser li hemm l-obbligu li kumitat jiġi kkonsultat dwar il-miżuri ta' implimentazzjoni li huma determinati mill-att bażiku. Qabel ma jispiċċa l-proċess ta' konsultazzjoni, formalment, il-Kummissjoni diġà jkollha għad-dispożizzjoni tagħha r-riżorsi li twarrbu għall-proġetti. Il-Kumitat, li jivvaluta l-proġetti huwa magħmul minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri u huwa ppresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

    2.9

    Hemm tipi differenti ta' proċeduri tal-kumitat; l-istrument bażiku li jistabbilixxi s-setgħat tal-Kummissjoni jista' jipprevedi l-applikazzjoni ta' dawn il-proċeduri differenti fl-eżekuzzjoni tal-miżuri ta' implimentazzjoni.

    3.   Konklużjonijiet — fid-dawl tas-sitwazzjoni l-ġdida

    3.1

    Il-Kumitat jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tbiddel kemm il-proċeduri biex jitqassmu l-għotjiet kif ukoll il-proċeduri tat-tmexxija. Id-dritt tal-Parlament li josserva l-implimentazzjoni ta' l-istrumenti leġislattivi adottati bil-proċedura tal-kodeċiżjoni, jippermettilu li jikkuntesta kwalunkwe miżura li tieħu l-Kummissjoni, b'hekk ir-responsabbiltà għall-proġetti hija abbinata ma' mekkaniżmu ta' salvagwardja taħt il-proċedura tal-kodeċiżjoni.

    3.2

    Il-Parlament Ewropew għandu limitu ta' żmien ta' xahar biex jeżamina abbozz ta' miżura qabel ma tittieħed id-deċiżjoni formali tal-Kummissjoni, b'konformità mal-proċeduri previsti għal deċiżjoni fil-Kunsill.

    3.3

    Fil-preżent, it-tmexxija tal-proċedura użata għall-programm Żgħażagħ fl-Azzjoni għall-2007-2013 tapplika għad-deċiżjonijiet kollha, inkluż l-għotjiet ta' valur għoli, proġetti li huma politikament sensittivi u għotjiet li jaqbżu l-miljun euro, kif ukoll proġetti iżgħar.

    3.4

    Il-Kummissjoni tipproponi li d-deċiżjonijiet marbuta ma' proġetti iżgħar taħt il-miljun euro m'għandhomx jiġu soġġetti għall-proċedura tal-komitoloġija. F'dan il-każ, il-Kummissjoni ħadet l-impenn li tinforma kemm il-kumitat tal-programm kif ukoll lill-Parlament Ewropew immedjatament bid-deċiżjonijiet kollha ta' selezzjoni li ma ġewx sottomessi għall-proċedura ta' ġestjoni. Il-KESE jappoġġja kompletament din id-dikjarazzjoni indirizzata lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew.

    3.5

    Il-Kumitat jappoġġja din il-bidla fil-proċedura fil-każ ta' proġetti żgħar, peress li d-dewmien fit-teħid tad-deċiżjonijiet, il-proċess twil ta' valutazzjoni tal-proġett, il-verifika tad-data mill-kumitat tal-programm u l-Aġenziji Nazzjonali jwasslu, fl-aħjar każijiet għal dewmien u — fl-agħar każijiet — għal problemi finanzjarji kbar jew anke l-falliment ta' xi organizzazzjonijiet li applikaw, kif ukoll nuqqas ta' użu tal-fondi.

    3.6

    Il-Kumitat, wara li kkonsulta l-istatistika pprovduta mill-Aġenziji Nazzjonali individwali, nnota li l-parti l-kbira ta' l-applikanti huma organizzazzjonijiet żgħar, assoċjazzjonijiet u fundazzjonijiet li għalihom il-proċedura sħiħa u l-proċess ta' stennija għar-riżultati jiswew tant u jeħdulhom tant ħin li jtellfulhom l-interess fil-programm meta jqisu l-implikazzjonijiet fit-tul. L-ispejjeż amministrattivi ta' manutenzjoni tal-programm jista' jkollhom effett negattiv fuq il-baġit tal-programm fil-futur.

    3.7

    Il-KESE jilqa' l-argumenti tal-Kummissjoni li joffru analiżi preċiża tal-proċedura ta' konsultazzjoni. Ġeneralment, il-proġetti jseħħu ftit żmien wara li titressaq l-applikazzjoni; għalhekk proċess ta' konsultazzjoni li jieħu ta' l-anqas xahrejn jew tlieta jista' jtellef it-twettiq ta' ħafna proġetti, u dan ikollu impatt negattiv fuq l-effikaċja tal-programm bħala tali.

    3.8

    Il-KESE jilqa' wkoll il-fatt li l-kumitat tal-programm aċċetta li jemenda r-regolament tiegħu biex jitnaqqas id-dewmien fil-konsultazzjonijiet li jikkonċernaw id-deċiżjonijiet ta' selezzjoni li huma sottomessi għall-proċedura konsultattiva. Bħalissa l-kumitat qed juża l-proċedura miktuba u għandu ħamest ijiem biex jikkummenta dwar id-deċiżjonijiet tas-selezzjoni li huma sottomessi għall-opinjoni tiegħu. Il-Parlament Ewropew aċċetta arranġament temporanju li jnaqqas il-ħin meħtieġ għad-dritt ta' skrutinju matul il-perjodu tas-sajf preċedenti billi naqqas id-dewmien minn xahar għal ħamest ijiem. Dan l-iżvilupp ippermetta lill-Kummissjoni li tħaffef ix-xogħol fuq l-adozzjoni tal-proġetti għat-twettiq, iżda din qed tiġi kkunsidrata bħala soluzzjoni temporanja.

    3.9

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq, il-proċedura konsultattiva preżenti għandha titneħħa u tinbidel, abbażi ta' dikjarazzjoni mill-Kummissjoni, li permezz tagħha l-Kummissjoni tagħti informazzjoni immedjata lill-kumitat tal-programm u l-Parlament Ewropew dwar id-deċiżjonijiet ta' selezzjoni li se tadotta.

    Brussell, id-29 ta' Mejju 2008.

    Il-President

    tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Dimitris DIMITRIADIS


    Top