This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008AE0986
Opinion of the European Economic and Social Committee on the Proposal for a Decision of the European Parliament and of the Council establishing a multiannual Community programme on protecting children using the Internet and other communication technologies COM(2008) 106 final — 2008/0047 (COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm Komunitarju pluriennali dwar il-ħarsien tat-tfal li jużaw l-Internet u t-teknoloġiji l-oħrajn tal-komunikazzjoni COM(2008) 106 finali — 2008/0047 (COD)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm Komunitarju pluriennali dwar il-ħarsien tat-tfal li jużaw l-Internet u t-teknoloġiji l-oħrajn tal-komunikazzjoni COM(2008) 106 finali — 2008/0047 (COD)
ĠU C 224, 30.8.2008, p. 61–66
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
30.8.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 224/61 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm Komunitarju pluriennali dwar il-ħarsien tat-tfal li jużaw l-Internet u t-teknoloġiji l-oħrajn tal-komunikazzjoni
COM(2008) 106 finali — 2008/0047 (COD)
(2008/C 224/13)
Nhar is-7 ta' April 2008, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità ma' l-Artikolu 153 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm Komunitarju pluriennali dwar il-ħarsien tat-tfal li jużaw l-Internet u t-teknoloġiji l-oħrajn tal-komunikazzjoni
Fil-11 ta' Marzu 2008 il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.
Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, matul l-445 Sessjoni Plenarja tiegħu tat-28 u d-29 ta' Mejju 2008 (seduta tad-29 ta' Mejju 2008), ħatar lis-Sinjura Sharma bħala rapporteur-ġenerali, u adotta din l-opinjoni unanimament.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ifaħħar lill-Kummissjoni għall-ħidma li diġà wettqet sabiex tindirizza l-kwistjoni tal-ħarsien tat-tfal “mit-teknoloġiji online” (1) u jinnota speċifikament li grazzi għall-kampanji ta' l-imsieħba soċjali, b'mod partikolari l-NGOs u l-avveniment annwali tal-Kummissjoni, “Jiem ta' l-Internet aktar Sikur”, il-livell medju ta' għarfien fost il-pubbliku dwar dan qiegħed jiżdied. |
1.2 |
Il-KESE ħejja diversi opinjonijiet li jenfasizzaw dawn il-kwistjonijiet (2). Huwa jirrakkomanda approċċ ibbażat fuq sħubija internazzjonali li jħeġġeġ: |
1.2.1 |
L-iskambju internazzjonali tad-data, l-iskambju ta' l-ideat fost il-gvernijiet, l-infurzar tal-liġi, hotlines, istituzzjonijiet bankarji, finanzjarji u tal-kreditu, ċentri ta' l-għoti ta' pariri kontra l-abbuż tat-tfal, organizzazzjonijiet għall-ġid tat-tfal u l-industrija ta' l-internet. |
1.2.2 |
Grupp ta' ħidma ta' l-UE u/jew internazzjonali li jiltaqa' kull tliet xhur bil-għan li jiffaċilita l-iskambju tad-data, ta' l-għarfien espert u tal-prattika tajba bejn il-partijiet interessati u li jinkludi l-hotlines, l-infurzar tal-liġi, il-gvernijiet u b'mod partikolari l-industrija internazzjonali ta' l-internet. |
1.2.3 |
It-tifsira u l-promozzjoni ta' mudell internazzjonali u Ewropew ta' prattika tajba għall-ġlieda kontra l-materjal ta' l-abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet permezz tal-hotlines. |
1.2.4 |
Evalwazzjoni tal-hotlines kollha li jeżistu jew li ser jibdew jeżistu fil-futur fid-dawl tal-prattika tajba li hija aċċettata bħal issa u l-valutazzjoni tal-prestazzjoni tagħhom fid-dawl tal-mudelli l-ġodda ta' prattika tajba. |
1.2.5 |
Ir-razzjonalizzazzjoni tar-riżorsi għall-programmi u ta' l-allokazzjoni tal-fondi li ser jintużaw fil-futur b'riżultat ta' l-evalwazzjoni tal-hotlines. |
1.2.6 |
Il-parteċipazzjoni tal-hotlines fil-proġett Ewropew tal-bażi tad-data. |
1.2.7 |
It-tħeġġiġ ta' sħubiji bejn il-hotlines u organizzazzjonijiet relevanti oħra u r-reġistri nazzjonali bl-ismijiet tad-dominji sabiex jitneħħew l-ismijiet ta' dawk id-dominji li jippromovu l-abbuż sesswali tat-tfal jew li jipprovdu aċess għal kontenut bħal dan. |
1.2.8 |
Sforzi konġunti sabiex il-poplu jsir aktar konxju mill-problemi ta' “grooming” u “cyber-bullying” (3) li jeżistu u sabiex l-aġenziji inkarigati mill-infurzar tal-liġi u l-organizzazzjonijiet tal-karità tat-tfal taslilhom l-informazzjoni neċessarja. |
1.2.9 |
L-introduzzjoni ta' proċeduri ta' appoġġ għall-analisti u dawk li jaħdmu fl-ambjent tal-hotlines u li jkollhom jaraw il-kontenut. |
1.2.10 |
Ħidma sabiex tiġi assigurata l-armonizzazzjoni ta' l-oqfsa legali f'dan il-qasam fl-Istati Membri kollha. |
1.2.11 |
It-twaqqif ta' uffiċċju speċjalizzat fil-livell tal-Kummissjoni li jassumi r-rwol ta' awditur indipendenti f'dan il-qasam, li jikkoordina r-riċerka u li jeżamina l-implimentazzjoni tal-programmi u tar-rakkomandazzjonijiet. |
1.2.12 |
It-twaqqif ta' pjattaforma annwali ta' “esperti” li tintensifika t-trasferiment ta' l-informazzjoni. |
1.2.13 |
It-twaqqif ta' forum taż-żgħażagħ sabiex nassiguraw li l-fehmiet tat-tfal u taż-żgħażagħ ikunu jagħmlu parti mir-riċerka u l-implimentazzjoni tal-programmi li jsiru fil-futur. |
1.2.14 |
L-użu proattiv u kollaborattiv tal-fondi li ġejjin minn sorsi bħall-programm Daphne u l-Programmi favur Internet aktar Sikur. |
1.2.15 |
Li naħdmu flimkien ma' l-awtoritajiet ikkonċernati ta' l-Istati Uniti sabiex inħeġġu li jitnaqqas il-kontenut ta' l-abbuż sesswali tat-tfal ospitat fl-Istati Uniti u sabiex jibda jsir skambju transatlantiku attiv tad-data. |
1.3 |
Meta jittieħed approċċ ibbażat fuq is-sħubija għal ħidma bħal din inkunu qed nassiguraw il-ksib tal-livell massimu ta' għarfien espert, tad-disseminazzjoni ta' l-informazzjoni u ta' fondi. Barra minn hekk approċċ bħal dan jiggarantixxi l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati u ta' l-imsieħba soċjali fl-isforzi li qed tagħmel l-UE sabiex tnaqqas il-kontenut illegali disponibbli online u l-aċċess għalih. |
2. Kumment ġenerali dwar il-proposta tal-Kummissjoni:
2.1 |
It-teknoloġiji ta' l-internet u tal-komunikazzjoni (minn issa 'l quddiem “it-teknoloġiji online”) (4) kienu għodda ta' komunikazzjoni maħsuba u ddisinjati prinċiparjament għall-akkademiċi u għar-riċerkaturi. Illum-il-ġurnata madankollu, din l-għodda qed tintuża fid-djar, fl-iskejjel, fin-negozji u fl-amministrazzjonijiet pubbliċi fil-biċċa l-kbira tad-dinja. |
2.2 |
It-tfal huma utenti attivi tat-teknoloġiji online, tendenza li kull ma jmur qed tkompli tiżdied. Barra mill-benefiċċji li jistgħu jiksbu mill-interattività u l-parteċipazzjoni fl-ambjent ta' fuq l-internet, it-tfal jistgħu jaffaċċjaw ukoll riskji serji:
|
2.3 |
Tendenzi oħra jinkludu (irreferi għall-Appendiċi 1) (5):
|
2.4 |
Il-ħarsien ta' dawk kollha li jużaw l-internet, b'mod speċjali t-tfal, minn kontenut u imġiba illegali u dannuża fuq l-internet u l-ġlieda kontra t-tixrid ta' dal-kontenut illegali huma kollha kwistjonijiet ta' tħassib kostanti għal dawk li jfasslu l-politika u l-liġijiet, għall-industrija u għall-utenti finali u b'mod partikolari għall-ġenituri, għal dawk li jieħdu ħsieb it-tfal u għall-edukaturi. |
2.5 |
Mill-perspettiva legali, għandha ssir distinzjoni essenzjali bejn dak li huwa illegali u dak li huwa dannuż għaliex it-tnejn jeħtieġu metodi, strateġiji u għodda differenti. Dak li jitqies illegali jvarja minn pajjiż għall-ieħor, huwa definit mil-liġi nazzjonali applikabbli u jieħdu ħsiebu dawk inkarigati mill-infurzar tal-liġi, il-korpijiet tal-gvern u l-hotlines li għandhom l-awtorità. |
2.6 |
Il-KESE jirrakkomanda li l-armonizzazzjoni leġislattiva bejn l-Istati Membri tiġi implimentata u infurzata fil-livell nazzjonali u tkun tinkludi mill-inqas il-punti li ġejjin hekk kif stabbiliti fil-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar il-kriminalità elettronika (6):
|
2.7 |
Minkejja li diġà ġew stabbiliti standards Ewropej li jiċċaraw il-kwistjonijiet legali permezz ta' rakkomandazzjonijiet u direttivi, jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk dawn l-istandards ġewx implimentati fl-Istati Membri. |
2.8 |
Il-kontenut dannuż jikkonsisti f'kontenut li l-ġenituri, l-għalliema u adulti oħrajn iqisu li jagħmel ħsara lit-tfal. Id-definizzjonijiet ta' dan il-kontenut ivarjaw minn pajjiż għall-ieħor u minn kultura għall-oħra, u jistgħu jirreferu għall-pornografija, il-vjolenza, ir-razziżmu, il-ksenofobija u s-siti li jippromovu diskors u mużika ta' mibegħda, il-mutilazzjoni personali, l-anoressja u s-suwiċidju. Il-KESE jagħraf hemm hu diffiċli li jinħolqu sħubiji internazzjonali dwar dan il-materjal madankollu jemmen li jistgħu jsiru sforzi nazzjonali sabiex jiżdied l-għarfien dwar dawk l-għodda, il-metodi u t-tekonoloġiji li jistgħu jipproteġu lit-tfal milli jkunu esposti għal dan il-kontenut. |
2.9 |
L-UE ilha minn ta' quddiem nett fil-ħarsien tat-tfal fuq l-internet sa mill-1996, u l-programmi suċċessivi ta' Internet Aktar Sikur (il-Pjan ta' Azzjoni għal Internet aktar sikur 1999-2004 u l-Programm ta' Internet Aktar Sikur Plus 2004-2008) kienu karatteristika ewlenija tal-ħidma tal-Kummissjoni f'dan il-qasam. Il-Kummissjoni adottat ukoll Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' Internet aktar Sikur Plus matul il-perijodu mill-2005 sa l-2006 (7). Barra minn hekk il-valutazzjoni ta' l-impatt li saret bejn April u Lulju 2007 (8) ikkonfermat li l-azzjonijiet li twettqu kienu effettivi, filwaqt illi saħqet fuq il-ħtieġa li dawn jiġu adattati għat-teknoloġiji ta' l-internet il-ġodda u l-kriminalità dinamika f'dan il-qasam. |
2.10 |
L-għan tal-programm il-ġdid se jkun li jippromovi użu aktar sikur ta' l-Internet u tat-teknoloġiji l-oħrajn tal-komunikazzjoni, b'mod partikolari għat-tfal, u li jiġġieled il-kontenut illegali u l-imġiba dannuża fuq l-internet billi jiffaċilita l-kooperazzjoni, l-iskambju ta' l-esperjenzi u ta' l-aqwa prattiki fil-livelli kollha dwar il-kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-ħarsien tat-tfal fuq l-internet u b'hekk jiġi assigurat il-valur miżjud Ewropew. |
2.11 |
Il-programm ser jinkludi erba' azzjonijiet li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma mmirati li jħeġġu l-kooperazzjoni internazzjonali:
|
2.12 |
Madankollu l-KESE jixtieq li tingħata definizzjoni u kjarifika legali tat-termini “dannuż” u “imġiba” b'mod partikolari fir-rigward tat-traspożizzjoni tagħhom fil-liġi nazzjonali. Jeħtieġ ukoll kjarifika tar-rwol tal-hotlines li ma jinvestigawx lill-persuni suspettati u li m'għandhox il-poter neċessarju sabiex dan jagħmluh. (Irreferi għal Appendiċi 2) (9). |
3. Mudell internazzjonali
3.1 |
L-internet mhuwiex il-proprjetà ta' gruppi multinazzjonali li jikkontrollaw il-kontenut, u l-anqas ma huwa mmexxi minnhom. L-internet huwa magħmul minn mijiet ta' miljuni ta' paġni ġejjin min-numru enormi ta' pubblikaturi, fattur li jagħmilha diffiċli li wieħed jikkontrolla l-kontenut illegali. Madankollu l-azzjoni favur it-tnaqqis tad-disponibbiltà tal-kontenut illegali hija possibbli kemm fil-livell lokali (fid-djar) kif ukoll fil-livelli nazzjonali u internazzjonali (inkluż is-cyberspace) dejjem jekk il-partijiet interessati jaħdmu flimkien. |
3.2 |
L-Internet Watch Foundation identifikat 2755 sit li jxerrdu l-abbuż sesswali tat-tfal u li kienu ospitati fuq livell internazzjonali fl-2007. 80 % ta' dawn is-siti huma operazzjonijiet kummerċjali li spiss jgħaddu minn kumpanija li tospitahom għall-oħra jew minn reġjun għall-ieħor sabiex jevitaw li jinqabdu (10). Minħabba tattiċi bħal dawn u sforz il-kumplessità multinazzjonali ta' l-atti kriminali, huwa biss permezz ta' approċċ globali konġunt li jinvolvi l-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi, il-gvernijiet u s-settur internazzjonali ta' l-internet online, li ser jirnexxielna nassiguraw l-investigazzjoni effettiva ta' dawn is-siti, tal-kontenut tagħhom u l-organizzazzjonijiet li jmexxuhom. |
3.3 |
Il-KESE jagħraf li jeħtieġ “approċċ ibbażat fuq is-sħubija” sabiex nassiguraw il-ħarsien tat-tfal. Jeħtieġ li l-imsieħba soċjali li jinkludu l-gvern, l-industrija ta' l-internet, l-agenziji ta' l-infurzar tal-liġi, l-organizzazzjonijiet tal-karità favur il-ħarsien tat-tfal, in-negozji, ir-rappreżentanti ta' l-impjegati, l-NGOs, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u l-pubbliku, jaħdmu flimkien sabiex jiġbdu l-attenzjoni lejn il-perikli u r-riskji involuti. Fl-istess ħin għandhom jassiguraw li ż-żgħażagħ jistgħu jibbenefikaw minn din l-għodda revoluzzjonarja li tippermetti s-soċjalizzazzjoni, it-tagħlim u l-innovazzjoni. |
3.4 |
L-internet tejjeb il-kwalità tal-ħajja ta' ħafna, b'mod partikolari taż-żgħażagħ, ta' l-anzjani u tan-nies li jbatu minn diżabilità. Huwa għodda ta' komunikazzjoni unika li qed tiżviluppa dejjem aktar “f'netwerk soċjali”. Id-dinamika ġdida li nibtet f'dak li jikkonċerna stil ta' ħajja, tendenzi familjali u l-mudelli tax-xogħol ġabet magħha aktar indipendenza u ammont ta' ħin li wieħed iqatta' iżolat. Li nipproteġu lill-utent, b'mod partikolari lill-utent l-aktar vulnerabbli, speċjalment it-tfal, mhijiex ir-responsabbiltà ta' dawk li jieħdu ħsiebhom biss. |
3.5 |
It-teknoloġiji u s-servizzi ġodda huma importanti ħafna għall-innovazzjoni u għall-iżvilupp tan-negozji fuq livell globali. Ta' spiss iż-żgħażagħ ikunu minn ta' l-ewwel li jifhmu dawn il-possibbiltajiet u li jidħlu għall-innovazzjoni. Madankollu, dan l-iżvilupp iġib miegħu ukoll abbuż u din kwistjoni li qed issir dejjem aktar inkwetanti. Il-korpi awtoregolatorji ta' l-industrija u tal-partijiet interessati jafu ħafna dwar dawn it-teknoloġiji u għalhekk jistgħu jiżviluppaw miżuri li jiġġieldu dan l-abbuż. Li jseħħ skambju ta' l-għarfien, li titqajjem il-kuxjenza pubblika, li l-konsumaturi jkunu jafu x'għandhom jagħmlu biex jirrapurtaw sit u li jkun hemm distribuzzjoni tal-fondi għall-kontra l-abbuż, b'mod speċjali l-abbuż tat-tfal, huma kollha dmirijiet essenzjali li jagħmlu parti mir-responsabbiltà soċjali korporattiva ta' l-industrija ta' l-internet. |
3.6 |
L-iskala u n-natura tal-problema tad-distribuzzjoni tal-kontenut ta' l-abbuż sesswali tat-tfal fuq l-internet huma s-suġġett ta' ħafna spekulazzjoni. Ir-rapport tal-Kummissjoni għaraf li fl-Istati Membri jeżisti nuqqas ta' informazzjoni statistika dwar dan. L-isforzi għandhom ikunu indirizzati lejn l-investigazzjoni tal-movumenti u l-attivitajiet tas-siti assoċjati mad-distribuzzjoni tal-kontenut ta' l-abbuż tat-tfal sabiex l-informazzjoni tkun tista' tingħata lill-korpi awtorizzati u lill-agenziji internazzjonali responsabbli mill-infurzar tal-liġi sabiex jordnaw li dan il-kontenut jitneħħa minn fuq l-internet u li d-distributuri jiġu investigati. |
3.7 |
Dawn iridu jkunu organizzazzjonijiet stabbiliti fil-livell nazzjonali u għandhom jiltaqgħu regolarment fi ħdan il-Kummissjoni sabiex joħolqu strateġiji. Għodda li tista' tkun ta' valur f'dan il-qasam hija pjattaforma fil-livell ta' l-UE li tiġbor fiha rappreżentanti ta' l-industrija, il-gvernijiet, l-istituzzjonijiet bankarji, finanzjarji u tal-kreditu, l-NGOs, il-qasam ta' l-edukazzjoni u r-rappreżentanti tal-ħaddiema u ta' min iħaddem. Il-pjattaforma tista' sservi ta' għodda għall-analiżi rapida u għall-azzjoni fl-UE kollha u tista' tikkontribwixxi għat-tixrid ta' l-informazzjoni lil hinn mill-fruntieri ta' l-UE sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni fil-qasam ta' l-infurzar internazzjonali tal-liġi. |
3.8 |
Għandha titħeġġeġ laqgħa annwali ta' l-esperti ta' l-UE dwar l-iżviluppi teknoloġiċi, il-fatturi psikosoċjali u l-infurzar tal-liġi sabiex insaħħu l-iskambju ta' l-għarfien. Ir-riżultati ta' dawn il-laqgħat imbagħad ikunu jistgħu jixxerdu madwar l-Istati Membri u l-membri tal-pjattaforma kollha sabiex jiġu addattati, integrati jew użati fil-livell nazzjonali u lokali. |
3.9 |
Għandu jitwaqqaf imbagħad uffiċċju speċjalizzat fil-livell tal-Kummissjoni li jkun inkarigat mir-riċerka dwar proġetti Ewropej u proġetti oħra li saru fil-livell globali. L-uffiċċju għandu jappoġġja lill-pjattaforma sabiex l-informazzjoni tkun aġġornata, relevanti u tinkludi statistika u sabiex il-mezzi effettivi ta' kif tista' tiġi miġġielda l-kwistjoni kkonċernata jaslu għand l-imsieħba attivi kemm jista' jkun malajr. Iż-żjarat u l-monitoraġġ tal-programm jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta' l-uffiċju speċjalizzat ukoll. Barra minn hekk l-uffiċċju jista' jassisti lill-hotlines indipendentement u janalizza l-applikazzjonijiet għal proġetti ġodda sabiex nassiguraw li ma jsirx xogħol żejjed u li jkun qiegħed isir użu effettiv u effiċjenti tal-fondi. L-uffiċċju jista' jipproponi wkoll l-imsieħba. Ir-rwol ta' l-uffiċċju speċjalizzat ikun li jirreaġixxi għall-isfidi l-ġodda bl-istess veloċità li biha jkunu qed jiżviluppaw. |
3.10 |
Il-“forum taż-żgħażagħ” jista' jkollu valur kbir għaliex permezz tiegħu jkunu qed jiġu involuti ż-żgħażagħ u tkun qed tixxerred l-informazzjoni fost in-networks soċjali wżati minn dawk li huma l-aktar vulnerabbli. Iż-żgħażagħ għandhom il-linwaġġ tagħhom u ħafna drabi jsibuha bi tqila li jagħtu widen lill-kbar iżda normalment ikunu lesti li jilqgħu il-pariri ta' żgħażagħ li ġejjin mill-istess ambjent soċjali tagħhom. “Id-drittijiet tat-tfal” għandhom jiġu kkunsidrati wkoll għalhekk jeħtieġ li ż-żgħażagħ ikunu involuti f'dan il-proċess. |
3.11 |
Neħtieġu mudell effettiv u neħtieġu wkoll l-impenn tal-partijiet interessati li jaqsmu l-informazzjoni u l-għarfien sabiex inkunu nistgħu naddattaw għall-forom ġodda ta' kriminalità li ġejjin mid-dinja kollha. |
4. Linji gwida għall-implimentazzjoni tal-hotlines
4.1 |
Mudell ta' prattika tajba għall-hotlines: |
4.1.1 |
Analisti mħarrġa u rikonoxxuti fil-qasam ta' l-analiżi tal-kontenut illegali fuq l-internet. |
4.1.2 |
Analisti mħarrġa li jitraċċaw kontenut illegali potenzjali fuq l-internet. |
4.1.3 |
Approċċ ibbażat fuq is-sħubija bejn il-partijiet interessati ewlenin tal-pajjiżi li jinkludu l-gvernijiet, l-istituzzjonijiet bankarji, finanzjarji u tal-kreditu, il-qasam ta' l-infurzar tal-liġi, l-organizzazzjonijiet li jaħdmu mal-familji, l-organizzazzjonijiet tal-karità tat-tfal u b'mod partikolari l-industrija ta' l-internet. |
4.1.4 |
Hotline ko-regolatorja u awto-regolatorja li taħdem fi sħubija ma' l-industrija ta' l-internet nazzjonali u timxi magħhom skond Kodiċi ta' Prattika. |
4.1.5 |
Proċedura universali ta' “notifikazzjoni u tneħħija” ta' kontenut illegali ospitat minn kwalunkwe kumpanija nazzjonali. |
4.1.6 |
Il-parteċipazzjoni tal-hotlines fil-proġett Ewropew tal-bażi tad-data ta' URLs li għandhom kontenut ta' l-abbuż sesswali tat-tfal. |
4.1.7 |
L-impenn tal-kumpaniji internazzjonali ta' l-internet li jibblukkaw in-netwerks tal-lista sħiħa ta' siti li jxandru l-pornografija tat-tfal sabiex inħarsu lill-utenti milli jesponu ruħhom għal kontenut bħal dan bi żball. |
4.1.8 |
Li l-hotlines ikollhom websites komprensivi fil-lingwi nazzjonali tagħhom li jipprovdu mekkaniżżmu anonimu li permezz tiegħu jistgħu jsiru rapporti lill-hotlines u lill-organizzazzjonijiet relevanti oħra dwar kwistjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kompetenza tagħhom bħall-grooming u s-cyber-bullying. |
4.1.9 |
Li titqajjem kuxjenza dwar ir-rwol tal-hotlines u l-kwistjonijiet relatati. |
4.1.10 |
Id-disponibbiltà ta' data Ewropea u internazzjonali u l-iskambju ta' informazzjoni u tal-kompetenzi. |
4.1.11 |
Il-parteċipazzjoni fi sħubiji mal-partijiet interessati fuq livell Ewropew u fuq livell internazzjonali sabiex isir skambju ta' data, informazzjoni u ideat għall-ġlieda kontra n-natura transkonfinali ta' dawn l-atti kriminali. |
4.1.12 |
Azzjoni fil-livell Ewropew u fil-livell internazzjonali sabiex il-kontenut ta' l-abbuż tat-tfal jitneħħa minn fuq l-internet u sabiex id-distributuri responsabbli jiġu investigati kull fejn huwa ospitat dan il-kontenut madwar id-dinja. |
4.1.13 |
Li tingħata għajnuna lil kwalunkwe korp nazzjonali jew internazzjonali mwaqqaf sabiex jaħdem kontra dawn is-siti fuq livell internazzjonali u li tiġi ffaċilitata l-kollaborazzjoni multinazzjonali bejn l-agenżiji ta' l-infurzar tal-liġi. |
4.1.14 |
Id-disseminazzjoni tal-linji gwida lil min iħaddem, lill-għalliema, lill-organizzazzjonijiet, lill-ġenituri u lill-għalliema permezz ta' programmi edukattivi bħal “ThinkuKnow” tas-CEOP (The Child Exploitation and Online Protection Centre (tal-pulizija tar-Renju Unit). |
4.1.15 |
Li titqajjem kuxjenza fost l-utenti ta' l-internet bis-sħubija jew sponsorship tal-kumpaniji nazzjonali online. |
4.1.16 |
L-organizzazzjonijiet għandhom ikunu membri ta' l-INHOPE (International Association of Internet Hotlines — Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Hotlines fuq l-Internet) li tassigura li jsir skambju internazzjonali tal-prattika tajba bejn il-hotlines u li l-industrija telimina l-kontenut (11). |
4.1.17 |
Il-proċeduri tar-rapporti għandhom ikunu sempliċi, jirrispettaw l-anonimità ta' min ikun qed jirrapporta u jipproċessaw l-informazzjoni malajr. |
4.1.18 |
L-operaturi tal-hotlines għandhom jipprovdu proċeduri li jiggarantixxu appoġġ u pariri għall-analisti li jaħdmu magħhom u li jkollhom jaraw il-kontenut. |
4.2 |
Barra minn hekk il-hotlines għandhom:
|
5. Kummenti speċifiċi: Il-proposta tal-Kummissjoni
5.1 |
Il-Proposta tal-Kummissjoni ma tweġibx diversi mistoqsijiet:
|
5.2 |
Billi nwieġbu dawn il-mistoqsijiet inkunu qed nevitaw li nerġgħu nwettqu u nagħmlu xogħol li diġà sar u nkunu qed nassiguraw li jsir użu effettiv u effiċjenti tal-fondi. Huwa importanti ħafna li niggarantixxu li l-esperti f'dan il-qasam jiġu involuti b'mod attiv u jaħdmu fil-qrib mal-konsulenti u l-ħaddiema taċ-ċivil. Dan jgħodd ukoll għall-proposta li għamilna għal uffiċju speċjalizzat fil-livell tal-Kummissjoni ikarigat milli jistħarreġ dwar il-proġett, jsir midħla tagħhom, iżur l-organizzazzjonijiet li qed iwettquhom u jibqa' f'kuntatt magħhom. |
5.3 |
Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-użu aktar proattiv u kollaborattiv tal-fondi li ġejjin minn sorsi bħall-programm Daphne u l-Programmi favur Internet aktar Sikur. |
5.4 |
Fl-aħħar il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni sabiex tenfasizza l-importanza u l-impatt ta':
|
5.5 |
Dawn il-miżuri jnaqqsu l-okkażjonijiet fejn l-utenti innoċenti ta' l-internet jiġu esposti għal kontenut trawmatiku u illegali, inaqqsu l-vittimizzazzjoni perpetwa tat-tfal billi jirrestrinġu l-opportunità li wieħed jarahom jiġu abbużati, jostakolaw l-aċċess u l-forniment ta' kontenut bħal dan għal dawk li jixtiequ jaċċessawh u jostakolaw id-disseminazzjoni ta' immaġnijiet fost l-utenti ta' l-internet għall-profitt kummerċjali ta' organizzazzjonijiet kriminali. |
5.6 |
L-implimentazzjoni ta' dawn l-attivitajiet ser ittellef l-operazzjonijiet tad-distributuri tal-kontenut ta' l-abbuż sesswali tat-tfal bil-kbir. Filwaqt li n-natura dinamika ta' l-att kriminali u s-sofistikazzjoni teknika ta' dawk responsabbli jagħmluha diffiċli li l-problema tiġi miġġielda għal kollox, aktar ma noħolqu ostakoli li jżidu l-ispejjeż ta' operazzjonijiet bħal dawn u jagħmluhom aktar perikolużi u transitorji anqas ser jibqgħu mezz ta' qligħ finanzjarju jew qligħ ieħor faċli. |
5.7 |
Id-data riċenti dwar l-iskala u n-natura tas-siti ta' l-abbuż sesswali tat-tfal (mhux immaġnijiet individwali jew URLs) kienet sors ta' tama fil-ġlieda kontra l-eliminazzjoni totali ta' dawn is-siti. Permezz ta' data bħal din nistgħu noħolqu objettivi konkreti u nagħtu prova tal-benefiċċji ta' l-iskambju tad-data, tal-pussess ta' l-informazzjoni fuq l-aktar livell internazzjonali għoli possibbli u ta' l-impatt pożittiv u ta' suċċess li għandha sħubija internazzjonali magħquda fil-ħidma sabiex jitnaqqas b'mod sostanzjali n-numru ta' siti li jxandru l-abbuż sesswali tat-tfal. |
Brussell, id-29 ta' Mejju 2008.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Dimitris DIMITRIADIS
(1) Għall-iskopijiet ta' dan id-dokument, “it-teknoloġiji online” tirreferi għat-teknoloġiji li jintużaw għall-aċċess għall-Internet u għat-teknoloġiji l-oħrajn tal-komunikazzjoni. Barra minn hekk, f'xi każijiet, bħal fil-logħob tal-kompjuter, hemm użi kemm “online” kif ukoll “offline” tal-kontenut u tas-servizzi u t-tnejn jistgħu jkunu rilevanti għas-sikurezza tat-tfal.
(2) “Kontenut illegali — l-Internet”ĠU C 61, 14.3.2003, p. 32 (mhux disponibbli bil-Malti) u “L-użu aktar sikur ta' l-Internet”ĠU C 157, 28.6.2005, p. 136 (mhux disponibbli bil-Malti).
(3) “Grooming” (il-fażi ta' qabel l-abbuż sesswali): kuntatt dirett min-naħa ta' dawn il-predaturi li jikkuntattjaw lit-tfal sabiex jikkommettu abbuż sesswali;“Cyber-bullying”: bullying li jseħħ online.
(4) Irreferi għall-ewwel nota.
(5) Dan l-Appendiċi huwa disponibbli bl-Ingliż biss u jinstab mehmuż mal-verżjoni elettronika ta' l-Opinjoni fuq l-internet.
(6) Il-Kunsill ta' l-Ewropa ETS 185 Il-Konvenzjoni dwar il-kriminalità elettronika XI2001, http://conventions.coe.int/Treaty/en/Treaties/Html/185.htm
(7) COM (2006) 661 Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' Programm Komunitarju multiannwali dwar il-promozzjoni ta' użu aktar sikur ta' l-internet u ta' teknoloġiji online ġodda (Safer Internet Plus).
(8) http://ec.europa.eu/saferinternet.
(9) Dan l-Appendiċi huwa disponibbli bl-Ingliż biss u jinstab mehmuż mal-verżjoni elettronika ta' l-Opinjoni fuq l-internet.
(10) Il-hotline tar-Renju Unit fejn wieħed jista' jirraporta kontenut illegali: Il-kontenut ta' l-abbuż sesswali tat-tfal ospitat madwar id-dinja u l-kontenut li juri oxxenitajiet kriminali u li jqanqal il-mibgħeda razzista ospitat fir-Renju Unit * Irreferi għal Appendiċi 1 u 2 (li huma disponibbli bl-Ingliż biss u jinstabu mehmuża mal-verżjoni elettronika ta' l-Opinjoni fuq l-internet).
(11) Bejn Settembru 2004 u Diċembru 2006 INHOPE ipproċessat 1,9 miljun rapport, 900 000 minnhom mingħand il-pubbliku, 160 000 intbagħtu għand l-aġenziji ta' l-infurzar tal-liġi.
(12) Per eżempju: Il-proġett ta' prevenzjoni l-Innoċenza fil-Periklu kapaċi jirrispondi għal diversi kriterji. Bħal dan jeżistu diversi eżempji oħra.