Questo documento è un estratto del sito web EUR-Lex.
Documento 52008AE0982
Opinion of the European Economic and Social Committee on the Green paper: Towards a new culture for urban mobility COM(2007) 551 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Green Paper: Lejn kultura ġdida għall-mobilità urbana COM(2007) 551 finali
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Green Paper: Lejn kultura ġdida għall-mobilità urbana COM(2007) 551 finali
ĠU C 224, 30.8.2008, pagg. 39–45
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
30.8.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
C 224/39 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Green Paper: Lejn kultura ġdida għall-mobilità urbana
COM(2007) 551 finali
(2008/C 224/09)
Nhar il-25 ta' Settembru 2007, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità ma' l-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
Green Paper: Lejn kultura ġdida għall-mobilità urbana
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà ta' l-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta' Mejju 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Hernández Bataller u l-ko-rapporteur kien is-Sur Barbadillo López.
Matul l-445 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fit-28 u d-29 ta' Mejju 2008 (seduta tad-29 ta' Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'unanimità.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-KESE jaħseb li politika dwar il-mobilità urbana għandha tagħmel bħala prijorità l-ippjanar urban, is-soċjetà ta' l-informazzjoni u t-teknoloġiji ta' l-informazzjoni, il-prattika tajba, b'mod speċjali li tinvolvi l-ħolqien ta' żoni pubbliċi għal dawk li jimxu u għaċ-ċiklisti, u approċċ integrat lejn l-infrastruttura. |
1.2 |
Il-KESE joffri l-appoġġ tiegħu lill-Kummissjoni u jittama li ssaħħaħ il-miżuri Komunitarji favur il-mobilità, b'mod partikulari li jsir prijorità it-trasport pubbliku b'livell għoli ta' kwalità u ħarsien għall-passiġġieri, u l-promozzjoni ta' l-użu tar-rota u l-mixi. |
1.3 |
Dan għandu jirrikjedi li l-bliet jiġu ppjanati b'mod xieraq u kumpatt u li tiġi ristretta d-domanda għal trasport motorizzat privat, fuq il-bażi ta' pjanar spazjali u urban konsistenti u razzjonali. |
1.4 |
Il-KESE jaħseb li mingħajr ma jitqies kwalunkwe tip ieħor ta' miżura adottata, id-Direttiva 85/377/KEE u d-Direttiva 2001/42/KE għandhom jiġu emendati skond kif imfisser f'din l-opinjoni. |
1.5 |
Il-KESE jappoġġja l-użu ta' “xirjiet ambjentali” għall-akkwisti li jirrelataw ma' infrastruttura ffinanzjata minn programmi Ewropej, u jitlob għat-tneħħija ta' ostakoli eżistenti. |
1.6 |
Il-ħolqien ta' Osservatorju Ewropew tal-Mobilità Urbana Sostenibbli għandu joħloq il-valur miżjud, peress li jkun qed jiġbor data u jiffaċilita l-iskambju ta' esperjenzi. |
1.7 |
Il-KESE jemmen li għandu jkun hemm leġislazzjoni ġenerali fil-livell Ewropew għall-armonizzazzjoni ta' kriterji għall-kalkolu ta' ħlasijiet u data statistika. |
2. Daħla
2.1 |
Fis-snin li għaddew, il-volum tat-traffiku fiż-żoni urbani u f'dawk ta' madwarhom b'mod ġenerali żdied ħafna u f'ħafna każijiet saret bidla drammatika fl-hekk imsejħa qasma modali (modal split): il-vjaġġi qegħdin isiru dejjem aktar bil-karozza, u b'mod relattiv jew assolut dejjem inqas bit-trasport pubbliku. |
2.2 |
Fl-2006, meta ppreżentat ir-reviżjoni ta' nofs it-term tagħha dwar il-White Paper dwar it-Trasport (1), il-Kummissjoni Ewropea ħabbret l-intenzjoni tagħha li tfassal Green Paper dwar it-trasport urban. Mexxiet konsultazzjoni pubblika wiesgħa f'dawn l-aħħar xhur, fejn il-KESE esprima l-fehmiet tiegħu (2). |
2.2.1 |
Il-KESE jaħseb li azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-mobilità urbana hija meħtieġa u għandha tkun utli, u li l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet fil-livell Komunitarju (3) toffri valur miżjud Ewropew li jista' jkopri firxa wiesgħa ta' miżuri kemm li jorbtu kif ukoll li ma jorbtux. |
3. Il-qofol tal-Green Paper: Lejn kultura ġdida għall-mobilità urbana
3.1 |
Il-proċess ta' konsultazzjoni li sar mill-Kummissjoni kkonferma ċerti aspettattivi qawwija għall-formulazzoni ta' politika Ewropea tal-mobilità urbana ġenwina. |
3.2 |
Tibdil fil-mod kif titqies il-mobilità urbana jinvolvi l-ottimizzazzjoni ta' l-użu tal-mezzi varji kollha ta' trasport u l-organizzazzjoni tal-“ko-modalità” bejn il-mezzi differenti ta' trasport kollettiv (ferrovija, tram, metro, tal-linja, taxi) u l-mezzi differenti ta' trasport individwali (karozza, rota, bil-mixi, eċċ.). |
3.3 |
Il-mobilità urbana hija rikonoxxuta bħala faċilitatur importanti tat-tkabbir u l-impjieg b'impatt qawwi fuq l-iżvilupp sostenibbli fl-UE. |
3.4 |
Valur miżjud Ewropew jista' jieħu għamliet differenti: il-promozzjoni ta' l-iskambju ta' prattika tajba fil-livelli kollha (lokali, reġjonali jew nazzjonali); jirfed it-twaqqif ta' standards komuni u l-armonizzazzjoni ta' standards jekk ikun hemm il-bżonn; joffri appoġġ finanzjarju lil dawk li l-iktar ikollhom bżonn tali appoġġ; jinkoraġġixxi r-riċerka, li l-applikazzjonijiet tagħha jistgħu jippermettu li jsir titjib fis-sikurezza tal-mobilità u fl-ambjent; is-semplifikazzjoni tal-leġislazzjoni, u f'xi każijiet, it-tneħħija ta' leġislazzjoni eżistenti jew l-adozzjoni ta' leġislazzjoni ġdida. |
3.5 |
Il-Green Paper, permezz ta' 25 mistoqsija, tittratta dwar kif għandna niffaċċjaw l-isfidi tal-ħolqien ta' bliet bi fluss liberu, bliet iktar ambjentali, iktar intelliġenti, bi trasport urban iktar aċċessibbli u sikur, u kultura ġdida ta' mobilità urbana u r-riżorsi meħtieġa sabiex dan jintlaħaq. Minkejja dan, il-Kummissjoni ma tressaqx firxa ta' miżuri speċifiċi vertikali u orizzontali għat-trasport urban. |
4. Reazzjonijiet għall-Green Paper
Din l-opinjoni għandha l-għan li twieġeb il-mistoqsijiet kollha li tressqu mill-Kummissjoni.
4.1 Mistoqsija 1: Għandhiex tiġi prevista skema ta' “tikkettar” sabiex jingħarfu l-effetti ta' bliet pijunieri fil-ġlieda kontra l-konġestjoni u fit-titjib tal-kundizzjonijiet ta' l-għixien?
4.1.1 |
Il-KESE jaħseb li tista' titwaqqaf skema ta' tikkettar, li tqis is-sistemi attwali u turi kompatibilità magħhom. |
4.1.2 |
Fil-livell Komunitarju, ikun utli jekk il-Kummissjoni kellha tistipola indikaturi għall-prestazzjoni, l-ippjanar, u l-iżvilupp, u b'hekk toħloq qafas armonizzat ta' referenza. |
4.1.3 |
Jistgħu jitwaqqfu tikketti ta' kwalità fuq bażi volontarja, minflok inċentivi, bħal dawk fil-qasam tal-politika tat-turiżmu. |
4.1.4 |
Fil-każijiet kollha, is-sistemi li jitwaqqfu għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi u trasparenti, u għandhom jiġu evalwati b'mod regolari, u jekk ikun xieraq, riveduti u pubbliċizzati b'mod suffiċjenti. |
4.2 Mistoqsija 2: Liema miżuri għandhom jittieħdu biex jiġu promossi l-mixi u ċikliżmu bħala alternattivi reali għall-karozza?
4.2.1 |
Meta wieħed iqis il-proporzjon ta' trasport li huma jirrappreżentaw, il-mixi u ċ-ċikliżmu ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala alternattivi għall-użu ta' vetturi privati, sakemm id-dar u l-post tax-xogħol ikunu qrib ħafna ta' xulxin u l-kundizzjonijiet tat-temp ikunu favorevoli. Barra minn hekk, iċ-ċikliżmu m'huwiex attività universali peress li jeskludi kull min għandu mobilità mnaqqsa jew diżabilitajiet, il-minorenni u l-anzjani. Minkejja dan, b'konnessjoni mat-trasport pubbliku, il-mixi u ċ-ċikliżmu jistgħu jkunu alternattivi vijabbli f'xi bliet. |
4.2.2 |
Muniċipalitajiet għandhom ifasslu pjanijiet tat-trasport urban sostenibbli, li jinkludu korsiji għaċ-ċiklisti, bl-objettiv li jorbot li ssir bidla b'suċċess għal mezz tat-trasport li jirrispettaw l-ambjent u li jilħqu r-rekwiżiti minimi Ewropej (li għad iridu jiġu stabbiliti). Dawn il-pjanijiet għandhom jindirizzaw sitwazzjonijiet li jipperikolaw is-sikurezza ta' min qed jimxi kif ukoll ifittxu biex jevitaw konflitti mal-modi tat-trasport differenti. |
4.2.3 |
Għal dan il-għan, għandha tiġi introdotta mira kwantitattiva sabiex jiżdied il-proporzjon ta' trasport rappreżentat mit-trasport pubbliku tal-passiġġieri, miċ-ċikliżmu u mill-mixi. In-nuqqas li jitfasslu pjanijiet bħal dawn jista' jirriżulta fit-telfien ta' l-eliġibilità għal għajnuna finanzjarja mill-fondi Komunitarji. Il-Kummissjoni għandha tivverifika wkoll l-informazzjoni li jkun fihom dawn il-pjanijiet fir-rigward taż-żoni ħodor u l-korsiji għaċ-ċiklisti. |
4.3 Mistoqsija 3 — X'jista' jsir biex tiġi promossa bidla modali lejn modi ta' trasport sostenibbli fl-ibliet?
4.3.1 |
Soluzzjonijiet possibbli jiddipendu ħafna fuq id-daqs (l-erja u l-popolazzjoni) tal-belt, waqt li jitqies li t-tniġġis jirriżulta wkoll minn nuqqasijiet fl-ippjanar ta' l-użu ta' l-art, mhux biss mit-trasport. |
4.3.2 |
Nikkunsidraw il-problema u s-soluzzjonijiet potenzjali għaliha permezz ta' l-użu ta' l-art u l-ippjanar urban; nipprovdu parkeġġi pubbliċi għall-karozzi fuq rotot ta' aċċess għall-ibliet; netwerk arterjali ta' korsiji riżervati għat-trasport pubbliku konnessi ma' mezzi differenti ta' trasport (parkeġġi għall-karozzi, ferrovija u metro), permezz tal-bini ta' inter-skambji li jħeġġu l-intermodalità sabiex jiġu faċilitati t-trasferimenti, u t-titjib tal-kwalità tas-servizz sabiex ikun żgurat li t-trasport pubbliku huwa attraenti għall-utenti. |
4.3.3 |
Fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija, il-Kummissjoni għandha tippromwovi l-iskambju ta' l-aħjar prattiki fil-qasam tal-loġistika urbana, bħal fil-belt Taljana ta' Siena fejn l-awtorizzazzjoni għat-trasport tal-merkanzija tingħata biss fuq bażi temporanja. |
4.4 Mistoqsija 4: Kif jista' jikber aktar l-użu ta' teknoloġiji nodfa u effiċjenti fit-trasport urban?
4.4.1 |
Permezz tat-twaqqif ta' politika tat-taxxa għat-trasport li tippromwovi x-xiri u l-użu ta' teknoloġiji ġodda li jistgħu jnaqqsu t-tniġġis u jżidu t-tifdil ta' l-enerġija. |
4.4.2 |
Permezz tal-ġbir ta' informazzjoni dwar il-kondotta ambjentali tal-bliet: il-kalkolu ta' l-emissjonijiet tat-trasport għal kull abitant, u kampanji annwali sabiex jiġu pubbliċizzati r-riżultati. |
4.5 Mistoqsija 5: Kif jista' jiġi promoss l-appaltar ekoloġiku konġunt?
4.5.1 |
Bl-impożizzjoni ta' l-użu tax-“xiri ekoloġiku” għall-akkwist relatat ma' l-infrastruttura ffinanzjata minn programmi Ewropej u t-tneħħija ta' l-ostakoli attwali (4). |
4.5.2 |
Fil-livell Komunitarju, standards komuni għandhom jiġu definiti u, fejn ikun neċessarju, armonizzati. |
4.6 Mistoqsija 6: Għandu jkun hemm kriterji jew gwida għad-definizzjoni taż-Zoni Ħodor u l-miżuri ta' restrizzjoni tagħhom? Liema huwa l-aħjar mod biex wieħed jiżgura l-kompatibilità maċ-ċirkolazzjoni ħielsa? Teżisti kwistjoni ta' infurzar transkonfnali tar-regoli lokali li jiggevernaw iż-Żoni Ħodor?
4.6.1 |
Il-KESE jemmen li l-aċċess għal dawn iż-żoni jista' jitnaqqas b'mod sinifikattiv. Madankollu, hemm bżonn ta' armonizzazzjoni sabiex jiġi evitat li leġislazzjoni differenti ma tostakolax il-moviment ħieles ta' persuni u xxekkel b'mod mhux neċessarju l-mobilità urbana. |
4.7 Mistoqsija 7: Kif jista' jiġi promoss aktar l-ekosewqan?
4.7.1 |
Is-sewqan ekoloġiku għandu jkun kopert minn programmi ta' taħriġ obbligatorji estiżi kif jixraq għall-kwalifikazzjoni inizjali u ulterjuri tas-sewwieqa, u bl-istabbiliment ta' konċessjonijiet fuq it-taxxa għal kumpaniji li jieħdu passi sabiex jimmonitorjaw u jkejlu s-sewqan. Id-Direttiva dwar it-taħriġ tas-sewqan tista' tiġi emendata sabiex tinkludi dawn il-kriterji. |
4.8 Mistoqsija 8: Għandhom jiġu żviluppati u promossi servizzi ta' informazzjoni aħjar għall-vjaġġaturi?
4.8.1 |
Iva, fir-rigward is-sikurezza fuq il-vettura, il-ħinijiet ta' stennija u ta' tranżitu, l-imġiba tal-passiġġieri f'emerġenzi, u l-għażliet u l-kundizzjonijiet attwali tat-trasport. |
4.9 Mistoqsija 9: Huma meħtieġa azzjonijiet ulterjuri sabiex tiġi żgurata l-istandardizzazzjoni ta' l-interfaces u l-interoperabilità ta' l-applikazzjonijiet ITS fl-ibliet? Liema applikazzjonijiet għandhom jieħdu l-prijorità meta tittieħed l-azzjoni?
4.9.1 |
L-applikazzjonijiet ITS varji għandhom ikunu kompletament kompatibbli sabiex teknoloġiji differenti jkunu jistgħu jintużaw, b'mod partikulari fir-rigward ta' dokument tat-trasport, u b'hekk jiġu faċilitati trasferimenti u jitjiebu l-ħinijiet ta' aċċess għat-trasport, u b'hekk iwasslu għal vjaġġi iktar mgħaġġla bit-trasport pubbliku. Huwa importanti għall-ITS li tappoġġja titjib teknoloġiku, sabiex ma jsirux skaduti malajr u sabiex l-ispiża tagħhom tkun tista' tiġi mifdija. Il-KESE jaħseb li teknoloġiji ta' l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni għandhom jintużaw sabiex jitjieb it-traffiku u l-organizzazzjoni tat-trasport. |
4.10 Mistoqsija 10: Fir-rigward ta' l-ITS, kif jista' jittejjeb l-iskambju ta' l-informazzjoni u l-aħjar prassi bejn il-partijiet kollha involuti?
4.10.1 |
Permezz tal-pubblikazzjoni ta' katalogu diġitali ta' prattiki tajba ta' l-ITS, li jiġi aġġornat regolarment u jista' jiġi kkonsultat online. |
4.11 Mistoqsija 11: Kif tista' tittejjeb il-kwalità tat-trasport kollettiv fl-ibliet Ewropej?
4.11.1 |
Bil-ħolqien ta' korpi li jikkoordinaw is-servizzi differenti tat-trasport pubbliku, l-istabbiliment ta' sistemi ta' integrazzjoni tan-nollijiet, u l-ħtieġa ta' l-aħjar tagħmir tat-trasport (l-iktar ekoloġiku u xierqa għal persuni b'mobilità mnaqqsa), li tiżdied il-frekwenza tal-vjaġġi sabiex jitnaqqas il-ħin meta l-passiġġieri jkollhom jistennew, il-bini ta' pjattaformi mmirati għal tal-linja (sikurezza mtejba, iktar kumdità u ħeffa, iktar effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija li twassal għal inqas tniġġis), interskambji ta' bini sabiex jiġu faċilitati t-trasferimenti, it-titjib tat-taħriġ tal-professjonisti fis-settur, l-għoti ta' informazzjoni u t-tqajjim ta' kuxejnza fost l-utenti, il-forniment ta' infrastruttura għad-distribuzzjoni xierqa ta' traffiku f'tranżitu fil-bliet, il-provvediment ta' faċilitajiet tal-park and ride, u l-applikazzjoni ta' inċentivi sabiex l-użu tagħhom jitħeġġeġ, l-installazzjoni ta' sinjali xierqa għat-trasport pubbliku, il-ħolqien ta' postijiet xierqa fejn passiġġieri jistgħu jitilgħu u jinżlu mill-vetturi b'mod sikur. |
4.11.2 |
Metodu wieħed li jista' jkun effettiv huwa li jiġi evalwat l-impatt li pjanijiet, programmi u proġetti speċifiċi jista' jkollhom fuq il-mobilità. |
4.11.3 |
F'dan il-kuntest, ikun utli li wieħed jinnota s-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (każ C-322-04) fir-rigward l-ommissjoni ta' l-evalwazzjoni ambjentali f'proġett għall-bini ta' ċentru kummerċjali u ta' rikreazzjoni f'żona urbana: kien il-volum stmat ta' passiġġieri li kienu se jkunu qed jaslu fiċ-ċentru permezz ta' vetturi privati li ddetermina l-impatt tiegħu fuq l-ambjent u l-ħtieġa għal evalwazzjoni. |
4.11.4 |
Għalhekk, l-emenda tad-direttivi eżistenti tista' tinqasam fi tlieta: |
4.11.4.1 |
Id-Direttiva 85/337/KEE dwar l-evalwazzjoni ta' l-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati dwar l-ambjent tistabbilixxi, fl-Anness III, il-kriterji li l-Istati Membri għandhom japplikaw sabiex jidditerminaw jekk ċerti proġetti għandhomx effett sinifikanti fuq l-ambjent. Huwa propost li jiżdied inċiż ġdid għal dan l-ewwel punt ta' l-Anness III, li jsemmi t-tqassim tal-mappa ta' mobilità (in-numru previst ta' utenti ta' faċilitajiet, il-post ta' residenza, eċċ.). |
4.11.4.2 |
It-tieni nett, fl-Anness IV, id-Direttiva tistabbilixxi l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fir-rapport ambjentali. Il-KESE jipproponi:
Fl-aħħar, l-Anness III(1) u l-Anness IV(4) u (5) tad-Direttiva 85/337/KEE għandhom jiġu emendati kif ġie suġġerit. |
4.11.4.3 |
It-tielet, fir-rigward id-Direttiva 2001/42/KE dwar l-evalwazzjoni ta' l-effetti ta' ċerti pjanijiet u programmi dwar l-ambjent, jistgħu jiddaħħlu affarijiet simili (kriterji obbligatorji u informazzjoni relatati mal-mobilità u l-mezzi tat-trasporti meħtieġa fir-rapport ambjentali). F'dan il-każ, jagħmel sens kieku li jiġu inklużi l-effetti tal-pjanijiet fuq il-mobilità, kif ġie suġġerit, b'mod speċifiku fl-Anness I(f) u l-Anness II(2). |
4.12 Mistoqsija 12: Għandu jiġi inkoraġġit l-iżvilupp ta' korsiji apposta għat-trasport kollettiv?
4.12.1 |
Iva, din il-miżura hija essenzjali u għandha impatt qawwi fuq il-mobilità. Korsiji jew pjattaformi apposta jfissru aktar sikurezza u ħeffa, u inqas konġestjoni u konsum ta' l-enerġija, kif ukoll li l-passiġġieri jkunu iktar komdi. Din il-miżura tista' tgħin sabiex l-utenti ta' vetturi privati jikkonvinċu ruħhom jużaw it-trasport kollettiv. |
4.13 Mistoqsija 13: Hemm bżonn li tiġi introdotta Karta Ewropea dwar id-drittijiet u l-obbligi għall-passiġġieri li jużaw it-trasport kollettiv?
4.13.1 |
It-tisħiħ tad-drittijiet tal-passiġġieri huwa essenzjali għall-iżgurar li l-mezzi kollha tat-trasport pubbliku jtejbu l-kwalità tas-servizz tagħhom (frekwenza, puntwalità, kumdità għal kull tip ta' utent, sikurezza, politika tan-nollijiet, eċċ.). Il-Kumitat iħeġġeġ li dan isir, u li jitqiesu l-karatteristiċi ta' kull mezz tat-trasport, b'mod partikulari dawk li jaqsmu l-infrastruttura. |
4.13.2 |
Meta wieħed iqis il-firxa wiesgħa ta' leġislazzjoni li teżisti f'testi differenti u għal mezzi tat-trasport differenti, id-drittijiet kollha tal-passiġġieri fuq it-trasport pubbliku għandhom jinġiebu flimkien taħt “karta tad-drittijiet” waħdanija; l-iskop għandu jibqa' li din tiġi supplimentata mill-Istati Membri u permezz ta' l-awto-regolamentazzjoni bis-saħħa ta' kodiċi ta' kondotta (5), segwiti mill-parteċipanti ekonomiċi u s-soċjetà ċivili organizzata (korpi tal-konsumatur, korpi ambjentali, organizzazzjonijiet tan-negozju, trejdjunjins, eċċ.). Il-KESE jenfasizza l-importanza tad-djalogu bejn dawn il-korpi u l-kumpaniji tat-trasport pubbliku, b'mod partikulari, sabiex titjieb il-kwalità tas-servizz. Għandha tittieħed azzjoni fil-livell Komunitarju sabiex jiġu riformulati u kkonsolidati d-drittijiet li diġà jeżistu fit-testi legali differenti, flimkien ma' azzjoni min-naħa ta' l-Istati Membri u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa għal strumenti flessibbli u sempliċi sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-passiġġieri jiġu eżerċitati. |
4.14 Mistoqsija 14: Liema miżuri jistgħu jittieħdu biex ikunu integrati aħjar it-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija fir-riċerka u fl-ippjanar tal-mobilità urbana?
4.14.1 |
Il-pjanijiet għall-mobilità urbana f'żoni metropolitani għandhom ikopru kemm it-trasport tal-passiġġieri kif ukoll tal-merkanzija, sabiex ikun żgurat li l-loġistika tal-merkanzija tkun tista' topera mingħajr ma xxekkel il-mobilità tal-passiġġieri. |
4.14.2 |
Għalhekk, in-numru ta' aġenti li jimmonitorjaw il-pjattaformi apposta għat-tagħbija u l-ħatt għandhom jiżdiedu. |
4.14.3 |
Il-ħolqien ta' mekkaniżmi sabiex jiġu faċilitati u jitħaffu sistemi għar-rappurtar ta' ksur tal-liġi, sabiex il-vetturi li huma ħatja ta' ksur ikunu jistgħu jitneħħew kemm jista' jkun malajr mill-pjattaformi apposta, sabiex jerġgħu jkunu operattivi. |
4.14.4 |
Il-ħolqien ta' mekkaniżmi effettivi sabiex persuni li jiksru l-liġi jiġu penalizzati, mit-tneħħija tal-vettura sal-ġbir effettiv ta' multi. |
4.14.5 |
Kampanja ta' informazzjoni u kuxjenza pubblika sabiex ikun hemm aċċettazzjoni ġenerali u involviment fit-tilħiq ta' miri definiti, bħall-kisba tal-kooperazzjoni tal-kummerċanti lokali fil-monitoraġġ ta' pjattaformi apposa għat-tagħbija u l-ħatt, billi dawn jintwerew kif il-parkeġġ illegali f'dawn il-postijiet jista' jiżvantaġġa n-negozji tagħhom. |
4.14.6 |
Restrizzjoni tal-ħin awtorizzat għall-waqfien fil-pjattaformi apposta għat-tagħbija u l-ħatt, iktar konformi mal-ħin li jittieħed għall-biċċa l-kbira ta' l-operazzjonijiet ta' tagħbija u ħatt. Jista' jkun possibbli li jintalab permezz speċjali sabiex jiżdied il-ħin awtorizzat għall-waqfien, sabiex ma jiġux imxekkla ċerti tipi ta' trasportazzjoni (per eżempju, il-ħatt ta'merkanzija) li jirrikjedu iktar ħin għat-tagħbija u l-ħatt. Barra minn hekk, jistgħu jiġu stabbiliti slots ta' ħin speċifiċi għat-tagħbija u l-ħatt. |
4.15 Mistoqsija 15: Kif tista' tintlaħaq koordinazzjoni aħjar bejn it-trasport urban u interurban u l-ippjanar ta' l-użu ta' l-art? Liema tip ta' struttura organizzativa tkun l-aħjar?
Permezz ta' koordinazzjoni xierqa fiż-żoni li ġejjin:
(a) |
koordinazzjoni bejn il-korpi differenti:
|
(b) |
Koordinazzjoni ma' l-istrumenti ta' l-ippjanar:
|
4.16 Mistoqsija 16: Liema azzjonijiet oħra għandhom jittieħdu biex jgħinu lill-ibliet jaffrontaw l-isfidi tagħhom tas-sigurtà tat-triq u personali fit-trasport urban?
4.16.1 |
Is-sikurezza fit-toroq: fil-livell Ewropew, il-promozzjoni ta' prattiki tajba u djalogu iktar intensiv u strutturat mal-partijiet interessati reġjonali u lokali u l-Istati Membri fuq teknoloġiji ġodda (b'mod partikulari l-ITS) sabiex titjieb is-sikurezza. Barra minn hekk, li jiżdied il-livell ta' taħriġ tas-sewqan għal professjonisti fl-industrija. L-istabbiliment ta' miżuri dissważivi għandu jiġi regolat ukoll sabiex jiġi evitat li każijiet transkonfinali ta' ksur tal-liġi tat-traffiku jibqgħu ma jiġux ippenalizzati. |
4.16.2 |
Ħarsien personali: sabiex jiġu mħeġġa prattiki tajba, il-preżenza fiżika tal-pulizija fit-trasport pubbliku għandha tissaħħaħ, b'mod partikulari bil-lejl u fuq linji li jivvjaġġaw għal żoni fejn hemm livelli iktar għolja ta' taqlib soċjali u esklużjoni soċjali, u għandu jiżdied l-użu ta' teknoloġija ta' l-informazzjoni u informazzjoni dwar il-passiġġieri. |
4.17 Mistoqsija 17: Kif jistgħu l-operaturi u ċ-ċittadini jkunu infurmati aħjar dwar il-potenzjal tal-ġestjoni avvanzata ta' l-infrastruttura u t-teknoloġiji tal-vetturi għas-sigurtà?
4.17.1 |
Billi titqajjem kuxjenza pubblika permezz ta' kampanji ta' l-edukazzjoni u ta' l-informazzjoni, b'mod partikulari dawk immirati lejn iż-żgħażagħ; u permezz ta' attivitajiet sabiex jiġi ġeneralizzat l-użu ta' mezzi awtomatiċi ta' infurzar fil-bliet għall-utenti kollha tat-toroq. B'mod ġenerali, il-KESE jaħseb li hija ta' importanza partikolari li jiġu adottati miżuri mmirati lejn it-tisħiħ ta' l-aspetti kulturali u ta' edukazzjoni ċivika tal-kwistjonijet kollha marbuta mal-mobilità urbana. |
4.18 Mistoqsija 18: Għandhom jiġu żviluppati mezzi awtomatiċi tar-radar adattati għall-ambjent urban u għandu jiġi promoss l-użu tagħhom?
4.18.1 |
Skond ir-rekwiżiti aħħarija, dawn il-mezzi awtomatiċi dejjem għandhom ikunu mmirati lejn it-titjib tal-mobilità u l-ottimizzazzjoni tal-veloċità tal-vjaġġi. Prattiki tajba għandhom jitħeġġu sabiex tiżdied is-sikurezza, u għandu jitħeġġeġ ukoll l-użu ta' sistemi intelliġenti. |
4.19 Mistoqsija 19: Is-sorveljanza bil-vidjow hija għodda tajba għas-sigurtà u s-sikurezza fit-trasport urban?
4.19.1 |
L-installazzjoni ta' sistemi ta' emerġenza ġodda msejsa fuq it-teknoloġija f'vetturi tat-trasport pubbliku, sabiex is-servizzi ta' l-emerġenza jkunu jistgħu jiġu avżati fil-każ ta' vandaliżmu jew inċidenti u sabiex jipprovdu informazzjoni dwar il-qagħda tal-vettura, u t-trasmissjoni ta' data tal-leħen u ta' l-imaġni li turi x'inhu jiġru ġewwa l-vettura. |
4.19.2 |
Għandhom jiġi adottati miżuri adegwati sabiex tiġi evitata l-invażjoni tal-privatezza, li hija dritt fundamentali tal-bniedem. |
4.20 Mistoqsija 20: Għandhom jaħdmu lkoll flimkien il-partijiet interessati lejn l-iżvilupp ta' kultura ġdida tal-mobilita fl-Ewropa? Skond il-mudell ta' l-Osservatorju Ewropew għas-Sigurtà fit-Triq, Osservatorju Ewropew tal-Mobilità Urbana jista' jkun inizjattiva siewja sabiex tiġi sostnuta din il-kooperazzjoni?
4.20.1 |
Kultura ġdida għall-mobilità urbana ser tesiġi l-kooperazzjoni ta' l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri, ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali, flimkien ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. |
4.20.2 |
Osservatorju Ewropew dwar Mobilità Urbana Sostenibbli għandu jkun inizjattiva utli u għandu jġib valur miżjud, peress li jista' jiġbor id-data, jittraċċa tibdil fid-domanda għat-trasport u jiffaċilita l-iskambju ta' esperjenzi. Għandu jgħin ukoll sabiex itejjeb l-għarfien ta' problemi ta' mobilità u japplika politiki sabiex dawn jiġu solvuti. Hemm il-ħtieġa għall-armonizzazzjoni ta' miżuri ta' evalwazzjoni urbana fil-livell Ewropew, u l-KESE għandu jilqa' t-twaħħid tal-kriterji f'dan il-qasam. |
4.21 Mistoqsija 21: Kif jistgħu l-istrumenti finanzjarji eżistenti bħall-fondi stutturali u ta' koeżjoni jintużaw aħjar b'mod koerenti biex isostnu t-trasport urban integrat u sostenibbli?
4.21.1 |
Billi t-titjib fil-mobilità urbana u l-bidla gradwali lejn faċilitajiet tat-trasport pubbliku li huma nodfa (konsum baxx tal-karburant, emissjonijiet baxxi) jsiru oġġettivi tal-fondi, u b'hekk jiġi żgurat dħul ikbar mill-investiment għal kull euro li jintnefaq. Il-KESE huwa favur iż-żjieda fil-persentaġġ tal-fondi allokati għall-edukazzjoni u r-riċerka. |
4.21.2 |
Kontribuzzjonijiet finanzjarji għandhom jitnaqqsu wkoll billi jiġu stabbiliti skali oġġettivi li jippermetti li tiġi magħżula l-iktar soluzzjoni kost-effettiva għall-Komunità, sabiex iċ-ċittadini jiġu provduti bi trasport ta' kwalità għolja bi prezz li jista' jintlaħaq. L-effiċjenza u l-konformità ma' l-obbligi tas-servizz pubbliku għandhom ikunu miri ewlenin. |
4.22 Mistoqsija 22: Kif jistgħu l-istrumenti eknomiċi, partikolarment l-istrumenti bbażati fuq is-suq, isostnu trasport urban nadif u enerġetikament effiċjenti?
4.22.1 |
Bl-esiġenza ta' l-inklużjoni ta' klawsoli ekoloġiċi f'kuntratti għal tagħmir relatati ma' proġetti ta' l-infrastruttura ffinanzjati minn programmi Ewropej. |
4.22.2 |
Possibilità oħra għandha tkun li jiġu inklużi l-kriterji minn “Buying green. Manwal dwar l-akkwist pubbliku favur l-ambjent” [SEC (2004) 1050] f'dokument COM, biż-żieda ta' l-akkwist pubbliku favur l-ambjent tat-tagħmir tat-trasport. Bħas-suq tal-mezzi ta' trasport pubbliku, is-suq tal-vetturi privati qed isir aktar rispettuż ta' l-ambjent. Ix-xiri ta' vetturi aktar nodfa (fir-rigward tal-karburant u l-magna) għandu jiġi promoss u l-isforzi finanzjarji tax-xerrejja għandhom jiġu rikonoxxuti bi trattament differenzjat tal-vetturi fil-politiki ta' aċċess għaċ-ċentri urbani. |
4.23 Mistoqsija 23: Kif jistgħu attivitajiet ta' riċerka mmirati jgħinu aktar fl-integrazzjoni tal-limitazzjonijiet urbani u l-iżvilupp tat-traffiku urban?
4.23.1 |
Billi tiġi stabbilita b'mod ċar il-kategorija ta' proġetti eliġibbli għal għajnuna pubblika Komunitarja, u billi tkun obbligatorja (wara verifika xierqa) l-konformità (f'perijodu ta' żmien speċifiku) ma' l-objettivi ta' tali proġetti, sabiex fil-każ ta' nuqqas ta' konformità kwalunkwe fondi jistgħu jiġu rkuprati. |
4.24 Mistoqsija 24: L-ibliet għandhom jiġu inkoraġġiti jużaw in-nollijiet urbani? Hemm bżonn ta' qafas ġenerali u/jew gwida għan-nollijiet urbani? Id-dħul għandu jiġi dirett lejn it-tijib tat-trasport urban kollettiv? Għandhom jiġu internalizzati l-ispejjeż esterni?
4.24.1 |
Għandu jkun hemm regoli komuni fil-livell Ewropew, permezz ta' l-armonizzazzjoni ta' kriterji għall-kalkolu tal-ħlasijiet u l-valutazzjoni ta' limitu adegwat għad-densità tan-netwerk ta' trasport pubbliku. |
4.24.2 |
Madankollu, il-KESE jaħseb li sistemi ta' ħlas jew ta' nollijiet għall-aċċess għaċ-ċentri tal-bliet huma fl-interess pubbliku u għandhom riżultati immedjati sodisfaċenti, iżda jiddiskriminaw kontra dawk li għandhom dħul baxx, u għandhom effett disważiv dgħajjef fuq dawk li jaqilgħu iktar. L-awtoritajiet lokali għandhom jadottaw miżuri sabiex jegħlbu kull effett negattiv, per eżempju billi jippromwovu t-trasport pubbliku jew jipprovdu permessi għal rata ta' ħlas imnaqqsa. |
4.24.3 |
Alternattiv li għandu jkollu effetti transversali fuq il-kategoriji kollha ta' dħul għandu jkun “noll” fil-punti ta' aċċess. Minflok jitlob somma flus, jista' jikkalkula d-distanza urbana disponibbli allokata lil kull sewwieq. Fi kliem ieħor, il-proposta hija li l-aċċess jiġi “razzjonat” (distanza għal kull unità ta' ħin). Dan ifisser li ssir “selezzjoni” u li jiġu ġestjonati vjaġġi fil-belt b'vettura privata, għalkemm wieħed għandu jżomm f'moħħu li ser tinħoloq xi ftit diskriminazzjoni fuq il-baż tal-post ta' residenza/oriġini/destinazzjoni. |
4.24.4 |
Naturalment, dan ifisser iktar tfassil ta' żoni flimkien maż-“żoni ta' traffiku baxx” proposti fejn it-traffiku jkun ristrett essenzjalment għal trasport pubbliku u residenti. |
4.25 Mistoqsija 25: Liema valur miżjud jista', għaż-żmien fit-tul, iġib l-appoġġ Ewropew immirat għall-finanzjament ta' trasport urban nadif u enerġetikament effiċjenti?
4.25.1 |
Il-valur miżjud huwa enormi, għalkemm diffiċli li wieħed jikkalkolah, jekk inqisu fatturi ta' saħħa u iġjene (kemm fiżiku kif ukoll psikoloġiku), flimkien mal-valur tal-ħin tan-nies (aspett li jvarja skond il-ħin meħtieġ sabiex wieħed jivvjaġġa mid-dar għax-xogħol u lura, li meta żżidu mal-ħinijiet ta' ġurnata xogħol jista' joħloq firxa wiesgħa ta' fatturi negattivi). |
Brussell, id-29 ta' Mejju 2008.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Dimitris DIMITRIADIS
(1) COM (2006) 314 finali. Komunikazzjoni mill-Kumissjoni għall-Kunsill u l-Parlament Ewropew — Inżommu lill-Ewropa miexja — Il-mobilità sostenibbli għall-kontinent tagħna — Reviżjoni ta' nofs it-term tal-White Paper tat-Trasport ta' l-2001 tal-Kummissjoni Ewropea.
(2) Opinjoni dwar It-trasport fiż-żoni urbani u metropolitani ĠU C 168, 27.7.2007, p. 74 (Rapporteur: is-Sur Ribbe) .
(3) Jekk wieħed iqis il-Protokoll (Nru 30) dwar l-applikazzjoni tal-prinċiopji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità u l-ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta' Ottubru 1993 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni.
(4) Ara l-każ tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja “Concordia Bus” u l-kriterji applikati għalih.
(5) Ara l-Opinjoni dwar “Il-Karta Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi ta' l-Enerġija”ĠU C 151, 17.6.2008 (Rapporteur: Is-Sur Iozia) .