Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1804

    Regolament (UE) 2023/1804 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi, u li jħassar id-Direttiva 2014/94/UE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    PE/25/2023/INIT

    ĠU L 234, 22.9.2023, p. 1–47 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1804/oj

    22.9.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 234/1


    REGOLAMENT (UE) 2023/1804 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-13 ta’ Settembru 2023

    dwar il-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi, u li jħassar id-Direttiva 2014/94/UE

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) stabbiliet qafas għall-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Diċembru 2020 bit-titolu “Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti — inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur” (“Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti”) tindika l-iżvilupp mhux uniformi tal-infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment madwar l-Unjoni u nuqqasijiet b’rabta mal-interoperabbiltà u l-faċilità tal-użu. Tinnota li n-nuqqas ta’ metodoloġija komuni ċara għall-istabbiliment ta' miri u għall-adozzjoni ta’ miżuri fl-ambitu tal-oqfsa ta’ politika nazzjonali meħtieġa mid-Direttiva 2014/94/UE wassal għal sitwazzjoni fejn il-livell ta’ ambizzjoni fl-istabbiliment ta' miri u fil-politiki ta’ appoġġ ivarja ħafna fost l-Istati Membri. Dawk id-differenzi fixklu l-istabbiliment ta’ network komprensiv u komplut ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi madwar l-Unjoni.

    (2)

    Id-dritt tal-Unjoni diġà stabbilixxa miri għall-fjuwils rinnovabbli. Pereżempju, id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) tistabbilixxi mira ta’ sehem mis-suq ta’ 14 % ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fil-fjuwils tat-trasport.

    (3)

    Ir-Regolamenti (UE) 2019/631 (6) u (UE) 2019/1242 (7) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill diġà stabbilew standards ta’ rendiment għall-emissjonijiet tas-CO2 għal karozzi ġodda tal-passiġġieri u għal vetturi kummerċjali ħfief ġodda, kif ukoll għal ċerti vetturi tqal ġodda. Dawk ir-Regolamenti jenħtieġ li jaċċelleraw l-adozzjoni, b’mod partikolari, ta’ vetturi b’emissjonijiet żero u b’hekk joħolqu domanda għall-infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment. Huwa importanti li r-Regolamenti (UE) 2019/631 u (UE) 2019/1242 u dan ir-Regolament jiżguraw qafas koerenti għall-użu u l-varar ta’ fjuwils alternattivi fit-trasport bit-triq.

    (4)

    Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti għal trasport bl-ajru sostenibbli u r-Regolament (UE) 2023/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) jenħtieġ li jagħtu spinta lill-produzzjoni u lill-adozzjoni ta’ fjuwils alternattivi sostenibbli fl-avjazzjoni u fit-trasport marittimu. Filwaqt li r-rekwiżiti tal-użu tal-fjuwil għall-fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli jistgħu jiddependu ħafna mill-infrastruttura eżistenti tar-riforniment, huma meħtieġa investimenti għall-provvista tal-elettriku ta’ inġenji tal-ajru stazzjonarji. Ir-Regolament (UE) 2023/1805 jistabbilixxi rekwiżiti b’mod partikolari għall-użu tal-enerġija fuq l-art li jistgħu jiġu ssodisfati biss jekk jiġi varat livell adegwat ta’ provvista tal-elettriku mix-xatt fil-portijiet tan-network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T). Madankollu, dawk ir-Regolamenti ma fihom l-ebda rekwiżit rigward l-infrastruttura għall-fjuwils, għalkemm tali rekwiżiti huma prerekwiżit biex jinkisbu l-miri.

    (5)

    Għalhekk, il-modi kollha tat-trasport jenħtieġ li jiġu indirizzati f’att legali uniku li jenħtieġ li jqis varjetà ta’ fjuwils alternattivi. L-użu ta’ teknoloġiji ta’ sistemi tal-motopropulsjoni b’emissjonijiet żero jinsab fi stadji differenti ta’ maturità fil-modi differenti tat-trasport u fl-Istati Membri differenti. B’mod partikolari, fis-settur tat-triq, qed isseħħ adozzjoni rapida ta’ vetturi elettriċi bil-batterija u ibridi plug-in. Anke l-vetturi li jaħdmu bl-idroġenu huma disponibbli fis-suq. Barra minn hekk, bastimenti iżgħar li jaħdmu bl-idroġenu u bastimenti elettriċi bil-batteriji u ferroviji li jaħdmu bl-idroġenu attwalment qed jiġu varati fi proġetti differenti u fl-ewwel operazzjonijiet kummerċjali, fejn l-introduzzjoni kummerċjali sħiħa mistennija li sseħħ fis-snin li ġejjin. B’kuntrast ma’ dan, is-setturi tal-avjazzjoni u tat-trasport fuq l-ilma għadhom jiddependu minn fjuwils likwidi u gassużi, peress li s-soluzzjonijiet ta’ sistemi tal-motopropulsjoni b’emissjonijiet żero u baxxi huma bejn wieħed u ieħor mistennija jidħlu fis-suq fl-2030, jew saħansitra iktar tard, b’mod partikolari għas-settur tal-avjazzjoni, u l-kummerċjalizzazzjoni sħiħa qed tieħu żmienha. L-użu tal-fjuwils fossili gassużi jew likwidi jkun possibbli biss jekk jiġi inkorporat sew f’perkors ċar ta’ dekarbonizzazzjoni li jkun konformi mal-objettiv fit-tul tan-newtralità klimatika fl-Unjoni, li jirrikjedi żieda fit-taħlit mal-fjuwils rinnovabbli bħall-bijometan, il-bijofjuwils avvanzati jew fjuwils gassużi u likwidi sintetiċi, paraffiniċi, rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, jew is-sostituzzjoni tagħhom b'dawn tal-aħħar.

    (6)

    Tali bijofjuwils, fjuwils sintetiċi u paraffiniċi, li jissostitwixxu d-diżil, il-petrol u l-fjuwils tal-ġettijiet, jistgħu jiġu prodotti minn materja prima differenti u jistgħu jitħalltu fi fjuwils fossili bi proporzjonijiet għoljin ħafna ta’ taħlit. Dawk il-fjuwils huma speċjalment importanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fis-setturi tal-avjazzjoni u tat-trasport marittimu, li għalihom l-elettrifikazzjoni hi mistennija li se sseħħ aktar bil-mod. Dawk il-fjuwils huma teknikament kompatibbli mat-teknoloġija attwali tal-vetturi, b’adattamenti minuri. Barra minn hekk, il-metanol rinnovabbli jista’, fost affarijiet oħrajn, jintuża għan-navigazzjoni interna u għat-trasport marittimu fuq distanzi qosra. Il-fjuwils sintetiċi u paraffiniċi għandhom il-potenzjal li jnaqqsu l-użu ta’ sorsi ta’ fjuwils fossili fissettur tat-trasport. Dawk il-fjuwils kollha jistgħu jiġu ddistribwiti, maħżuna u użati mal-infrastruttura eżistenti jew, fejn meħtieġ, ma’ infrastruttura tal-istess tip.

    (7)

    Il-metan likwifikat x’aktarx li se jibqa’ jkollu rwol fit-trasport marittimu, fejn attwalment ma teżisti l-ebda teknoloġija ta’ sistemi tal-motopropulsjoni b’emissjonijiet żero ekonomikament vijabbli. Madankollu, l-użu tal-metan likwifikat minn sorsi fossili jenħtieġ li jibda jinqata' mill-aktar fis possibbli fit-trasport marittimu u jiġi sostitwit b’alternattivi aktar sostenibbli. L-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti tindika li l-vapuri li jbaħħru b’emissjonijiet żero se jkunu lesti għas-suq sal-2030 u diġà jinsabu għaddejjin xi proġetti għal tali vapuri. Il-konverżjoni tal-flotta hija mistennija li sseħħ gradwalment minħabba l-ħajja twila tal-vapuri li jbaħħru. B’kuntrast mas-sitwazzjoni fit-trasport marittimu, fit-trasport fil-passaġġi fuq l-ilma interni, b’bastimenti normalment iżgħar u fuq distanzi iqsar, it-teknoloġiji ta’ sistemi tal-motopropulsjoni b’emissjonijiet żero, bħal dawk għall-idroġenu u l-elettriku, qed jimmaturaw bħala teknoloġiji u għalhekk huma mistennija jidħlu fis-suq aktar malajr. Madankollu, dawk it-teknoloġiji ta’ sistemi tal-motopropulsjoni b’emissjonijiet żero jista’ jkollhom rwol importanti għat-trasport marittimu f’termini ta’ ħolqien ta’ skala fir-rigward ta’ soluzzjonijiet ta’ propulsjoni b’emissjonijiet żero. Il-metan likwifikat huwa mistenni li ma jibqax ikollu rwol sinifikanti f’dak is-settur. Il-fjuwils tat-trasport bħall-metan likwifikat jeħtieġ li jiġu dekarbonizzati dejjem aktar billi jiġu mħallta jew billi jiġu sostitwiti, pereżempju, bil-bijometan likwifikat jew b’elettrofjuwils gassużi sintetiċi rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju (elettrogassijiet). L-istess infrastruttura tista’ tintuża għal dawk il-fjuwils dekarbonizzati kif ukoll għall-fossili gassużi, u b’hekk tkun tista’ sseħħ tranżizzjoni gradwali lejn il-fjuwils dekarbonizzati.

    (8)

    Fis-settur tat-trasport bit-triq b’vetturi tqal, it-teknoloġiji għat-trakkijiet li jinsaqu bil-metan likwifikat huma kompletament maturi. Ix-xenarji komuni li jirfdu l-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Settembru 2020 bit-titolu “It-tisħiħ tal-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa għall-2030 - Ninvestu f’futur newtrali għall-klima għall-benefiċċju tal-popli tagħna” (“Il-Pjan dwar il-Mira Klimatika”) kif ukoll ix-xenarji ta’ mmudellar “Lesti għall-mira ta’ 55 %” riveduti jissuġġerixxu rwol limitat għall-fjuwils gassużi, li se jiġu dekarbonizzati dejjem aktar fit-trasport bit-triq b’vetturi tqal u speċjalment fis-segment tat-trasport fuq distanzi twal. Barra minn hekk, il-vetturi tal-gass likwifikat miż-żejt (LPG) u tal-gass naturali kkompressat (CNG), li għalihom diġà jeżisti network ta’ infrastruttura suffiċjenti madwar l-Unjoni huma mistennija li se jiġu sostitwiti gradwalment b’sistemi tal-motopropulsjoni b’emissjonijiet żero u għalhekk jitqies li hija meħtieġa biss politika mmirata limitata għall-varar ta’ infrastruttura tal-metan likwifikat li tista’ tipprovdi bl-istess mod fjuwils dekarbonizzati biex jitnaqqsu l-lakuni li fadal fin-networks ewlenin.

    (9)

    Dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi miri minimi obbligatorji għall-varar ta’ infrastrutturi tal-irriċarġjar u tar-riforniment għall-vetturi tat-triq aċċessibbli għall-pubbliku.

    (10)

    Stazzjon tal-irriċarġjar huwa installazzjoni fiżika għall-irriċarġjar ta’ vetturi elettriċi. Kull stazzjon tal-irriċarġjar ikollu potenza tal-output massima teoretika, espressa f’kW, u jkollu mill-inqas punt wieħed tal-irriċarġjar li jista’ jservi vettura waħda biss fl-istess ħin. L-għadd ta’ punti tal-irriċarġjar fi stazzjon tal-irriċarġjar jiddetermina l-għadd ta’ vetturi li jistgħu jiġu rriċarġjati f’dak l-istazzjon fi kwalunkwe ħin partikolari. Meta jkun hemm aktar minn vettura waħda tirriċarġja fi stazzjon tal-irriċarġjar f’ħin partikolari, il-potenza tal-output massima tiġi distribwita lejn il-punti differenti tal-irriċarġjar b’tali mod li l-potenza pprovduta f’kull punt individwali tal-irriċarġjar tkun inqas mill-potenza tal-output ta’ dak l-istazzjon tal-irriċarġjar. Grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar jikkonsisti fi stazzjon tal-irriċarġjar wieħed jew aktar f’post speċifiku, inkluż, skont x’ikun il-każ, il-postijiet ta’ parkeġġ intiżi maġenbhom. Fir-rigward tal-miri stabbiliti f’dan ir-Regolament għall-gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar, il-potenza tal-output minima meħtieġa għal dawk il-gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar tista’ tiġi pprovduta minn stazzjon tal-irriċarġjar wieħed jew aktar.

    (11)

    Il-punti tal-irriċarġjar jew tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku jinkludu, pereżempju, punti tal-irriċarġjar jew tar-riforniment ta’ proprjetà privata aċċessibbli għall-pubbliku li jkunu jinsabu fuq proprjetà pubblika jew privata, bħal żoni ta’ parkeġġ pubbliċi jew żoni ta’ parkeġġ tas-supermarkets. Punt tal-irriċarġjar jew tar-riforniment li jkun jinsab fuq proprjetà privata li jkun aċċessibbli għall-pubbliku jenħtieġ li jitqies li huwa aċċessibbli għall-pubbliku anke f’każijiet meta l-aċċess ikun ristrett għal ċertu grupp ġenerali ta’ utenti, pereżempju għall-klijenti. Il-punti tal-irriċarġjar jew tar-riforniment għall-iskemi ta’ car-sharing jenħtieġ li jitqiesu li huma aċċessibbli għall-pubbliku biss jekk jippermettu b’mod espliċitu aċċess għal utenti terzi. Il-punti tal-irriċarġjar jew tar-riforniment li jkunu jinsabu fuq proprjetà privata, li l-aċċess għalihom ikun ristrett għal grupp ta’ persuni limitat u determinat, bħal postijiet ta’ parkeġġ f’bini ta’ uffiċini li għalihom għandhom aċċess biss l-impjegati jew il-persuni awtorizzati, jenħtieġ li ma jitqisux li huma punti tal-irriċarġjar jew tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku.

    (12)

    Bil-ħsieb li tiżdied il-konvenjenza għall-konsumaturi, huwa importanti li l-operaturi tal-punti tal-irriċarġjar jew tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku jiżguraw li l-ħinijiet tal-ftuħ ta’ tali punti u l-ħin li matulu jkunu disponibbli s-servizzi tagħhom jissodisfaw bis-sħiħ il-ħtiġijiet tal-utenti finali.

    (13)

    Il-varar ta’ infrastruttura tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku għall-vetturi elettriċi ħfief ma sarx b’mod uniformi madwar l-Unjoni. It-tkomplija tad-distribuzzjoni mhux uniformi, tal-infrastruttura tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku tipperikola l-adozzjoni tal-vetturi elettriċi ħfief, u b’hekk tillimita l-konnettività madwar l-Unjoni. Id-diverġenza kontinwa fl-ambizzjonijiet u l-approċċi tal-politika fil-livell nazzjonali tfixkel it-tranżizzjoni sostenibbli tant meħtieġa tas-settur tat-trasport u tali diverġenza ma twassalx għall-ħolqien taċ-ċertezza fit-tul meħtieġa għal investiment sostantiv fis-suq. Għalhekk, miri minimi obbligatorji għall-Istati Membri fil-livell nazzjonali jenħtieġ li jipprovdu orjentazzjonijiet ta’ politika u jenħtieġ li jikkomplementaw l-oqfsa ta’ politika nazzjonali. Dak l-approċċ jenħtieġ li jikkombina l-miri nazzjonali bbażati fuq il-flotta ma’ miri bbażati fuq id-distanza għan-network TEN-T. Il-miri nazzjonali bbażati fuq il-flotta jenħtieġ li jiżguraw li mal-adozzjoni tal-vetturi elettriċi ħfief f’kull Stat Membru jkun hemm varar ta’ infrastruttura tal-irriċarġjar suffiċjenti korrispondenti aċċessibbli għall-pubbliku. Il-miri bbażati fuq id-distanza għan-network TEN-T jenħtieġ li jiżguraw kopertura sħiħa tal-punti tal-irriċarġjar tul in-networks tat-toroq ewlenin tal-Unjoni u b’hekk jiġi żgurat vjaġġar faċli u bla xkiel fl-Unjoni kollha.

    (14)

    Il-miri nazzjonali bbażati fuq il-flotta jenħtieġ li jiġu stabbiliti abbażi tal-għadd totali ta’ vetturi elettriċi rreġistrati fl-Istat Membru kkonċernat. Dawk il-miri jenħtieġ li jiġu stabbiliti abbażi ta’ metodoloġija komuni li tqis l-iżviluppi teknoloġiċi bħall-medda tas-sewqan akbar tal-vetturi elettriċi jew iż-żieda fl-għadd ta’ punti tal-irriċarġjar veloċi, li fihom jistgħu jirriċarġjaw għadd akbar ta’ vetturi elettriċi minn f’punt tal-irriċarġjar normali f’perjodu partikolari. Dik il-metodoloġija komuni jenħtieġ li tqis ukoll ix-xejriet differenti tal-irriċarġjar ta’ vetturi elettriċi bil-batterija u vetturi ibridi plug-in. Metodoloġija li tistabbilixxi miri nazzjonali bbażati fuq il-flotta skont il-potenza tal-output massima totali tal-infrastruttura tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku tkun tippermetti flessibbiltà fl-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji differenti tal-irriċarġjar fl-Istati Membri.

    (15)

    L-implimentazzjoni mill-Istati Membri ta’ miri nazzjonali bbażati fuq il-flotta jenħtieġ li tiżgura li jiġi installat għadd suffiċjenti ta’ punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku b’mod li jiggarantixxi wkoll l-aċċessibbiltà tal-punti tal-irriċarġjar fit-territorju kollu tagħhom, b’mod partikolari fl-istazzjonijiet tat-trasport pubbliku, bħat-terminals tal-passiġġieri tal-portijiet, tal-ajruporti jew tal-istazzjonijiet ferrovjarji. Il-varar ta’ dawk il-punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku huwa partikolarment importanti f’żoni residenzjali fejn il-parkeġġ off-street huwa skars u f’żoni fejn, tipikament, il-vetturi jiġu pparkjati għal perjodi estiżi ta’ żmien. Jenħtieġ ukoll li jiġi varat għadd suffiċjenti ta’ punti tal-irriċarġjar veloċi aċċessibbli għall-pubbliku intiżi għall-vetturi elettriċi ħfief biex tiżdied il-konvenjenza għall-konsumaturi, b’mod partikolari, madwar in-network TEN-T biex tiġi żgurata konnettività transfruntiera sħiħa u biex il-vetturi elettriċi jkunu jistgħu jiċċirkolaw fl-Unjoni kollha. Huwa importanti li l-varar ta’ infrastruttura tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku primarjament ikun ir-riżultat ta’ investiment tas-suq privat. Madankollu, l-Istati Membri jenħtieġ li, soġġetti għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, ikunu jistgħu jappoġġaw il-varar tal-infrastruttura tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku meħtieġa f’każijiet meta, minħabba l-kundizzjonijiet tas-suq, ikun meħtieġ l-appoġġ pubbliku qabel ma jiġi stabbilit suq kompletament kompetittiv.

    (16)

    Abbażi taċ-ċirkostanzi speċifiċi fi Stat Membru, ir-rekwiżiti f’termini tal-livell tal-potenza tal-output totali fissa li l-istazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku jridu jipprovdu għal kull vettura elettrika ħafifa bil-batterija rreġistrata f’dak l-Istat Membru jaf ma jibqgħux ġustifikati t fejn dawk ir-rekwiżiti jista’ jkollhom effetti avversi billi jiskoraġġixxu l-investimenti privati jew, b’mod partikolari, billi jirriżultaw fi provvista żejda fuq terminu medju. Ir-riskju ta’ tali effetti avversi jista’ jinħoloq minħabba l-installazzjoni ta’ għadd kbir ta’ punti tal-irriċarġjar privati. Il-ħtiġijiet tal-utenti jew ir-rata tal-użu tal-istazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku jafu jkunu aktar baxxi meta mqabbla mal-ipoteżijiet inizjali, bil-konsegwenza li l-potenza tal-output totali disponibbli permezz ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku tilħaq livell sproporzjonatament għoli meta mqabbel mal-użu reali ta’ tali stazzjonijiet. F’tali każijiet, jenħtieġ li l-Istat Membru kkonċernat ikun jista’ jitlob l-awtorizzazzjoni biex japplika rekwiżiti aktar baxxi minn dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament f’termini tal-livell tal-potenza tal-output totali jew jieqaf japplika tali rekwiżiti. Biex l-Istat Membru jkun jista’ jagħmel tali talba, is-sehem ta’ vetturi elettriċi ħfief bil-batterija meta mqabbel mal-flotta totali ta’ vetturi ħfief irreġistrati fl-Istat Membru jenħtieġ li jkun laħaq mill-inqas 15 % u l-Istat Membru jenħtieġ li jiġġustifika t-talba tiegħu kif xieraq.

    (17)

    Bħala parti mir-rieżami ta’ dan ir-Regolament, huwa importanti li l-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa li jiġu inklużi rekwiżiti għall-infrastruttura tal-irriċarġjar li sservi roti b’assistenza motorizzata bl-elettriku u vetturi tal-kategorija L bħal roti elettriċimotorizzati u mopeds elettriċi, u b’mod partikolari l-opportunità li l-infrastruttura tal-irriċarġjar tiġi mgħammra b’power socket domestiku biex ikun possibbli li tali vetturi jiġu ċċarġjati faċilment, peress li jirrappreżentaw mod ta’ trasport li jista’ jgħin biex l-emissjonijiet tas-CO2 u t-tniġġis tal-arja jitnaqqsu aktar.

    (18)

    Il-vetturi elettriċi tqal jeħtieġu infrastruttura tal-irriċarġjar differenti b’mod distint minn dik tal-vetturi elettriċi ħfief. Bħalissa, madankollu, fl-Unjoni kważi ma hemm l-ebda infrastruttura aċċessibbli għall-pubbliku disponibbli għall-vetturi elettriċi tqal u l-varar ta’ tali infrastruttura jeħtieġ li jiġi aċċellerat. Approċċ ikkombinat ta’ miri bbażati fuq id-distanza tul in-network TEN-T, b’distinzjoni xierqa bejn in-network ewlieni TEN-T u n-network komprensiv TEN-T, miri għall-infrastruttura tal-irriċarġjar matul il-lejl u miri fin-nodi urbani jenħtieġ li jiżgura li tiġi stabbilita kopertura suffiċjenti ta’ infrastruttura tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku għall-vetturi elettriċi tqal fl-Unjoni kollha biex tappoġġa ż-żieda mistennija tas-sehem mis-suq ta’ vetturi elettriċi tqal bil-batterija.

    (19)

    Jenħtieġ li jiġi varat għadd suffiċjenti ta’ punti tal-irriċarġjar veloċi aċċessibbli għall-pubbliku li jkunu intiżi għall-vetturi tqal tul in-network TEN-T biex tiġi żgurata konnettività sħiħa fl-Unjoni kollha. Dik l-infrastruttura jenħtieġ li jkollha potenza tal-output suffiċjenti biex il-vetturi tqal jiġu rriċarġjata fil-limiti tal-ħin tal-pawża legali tas-sewwieq. Sabiex jitqies iż-żmien meħtieġ għall-ippjanar, it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-infrastruttura tal-irriċarġjar, li jaf jinkludi l-estensjoni jew it-titjib tal-grilja elettrika f’ċerti żoni, l-akkwist tal-art, l-awtorizzazzjonijiet ambjentali, u, jekk ikun meħtieġ, l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, u sabiex ikun hemm adattament għall-adozzjoni progressiva ta’ vetturi elettriċi tqal, l-infrastruttura tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku għall-irriċarġjar għal tali vetturi jenħtieġ li tiġi varata progressivament mill-2025 bil-ħsieb li tkopri n-network TEN-T kollu sal-2030.

    (20)

    Għall-finijiet tal-varar tal-infrastruttura tal-irriċarġjar tul in-network tat-toroq TEN-T, jenħtieġ li l-istazzjonijiet tal-irriċarġjar kollha li għandhjom jiġu skjerati tul in-network tat-toroq TEN-T ikunu jinsabu fin-network tat-toroq TEN-T jew f’distanza ta’ sewqan ta’ 3 km mill-eqreb exit ta’ triq TEN-T.

    (21)

    Xi Stati Membri jinsabu fil-proċess li jtejbu sezzjonijiet tan-network TEN-T sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9). Huma u jagħmlu dan, l-Istati Membri jenħtieġ li jistinkaw biex jiżguraw li r-rekwiżiti għall-varar tal-infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment tul in-network TEN-T stabbiliti f’dan ir-Regolament jiġu implimentati b’mod komprensiv sabiex jiġu evitati assi mhux rekuperabbli u b’mod li jiżgura l-implimentazzjoni koordinata tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013 u ta’ dan ir-Regolament.

    (22)

    Bħalissa qed jiġu żviluppati standards ġodda għall-infrastruttura tal-irriċarġjar għall-vetturi elettriċi tqal. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis li żżid il-potenza tal-output individwali tal-istazzjonijiet tal-irriċarġjar fil-gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar ladarba l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni l-ġodda jkunu disponibbli.

    (23)

    L-infrastruttura tal-irriċarġjar tul in-network TEN-T jenħtieġ li tiġi kkomplementata b’infrastruttura tal-irriċarġjar veloċi aċċessibbli għall-pubbliku f’nodi urbani. Dik l-infrastruttura hija meħtieġa b’mod partikolari biex jiġu pprovduti opportunitajiet tal-iċċarġjar għat-trakkijiet tal-kunsinna u għall-iċċarġjar fid-destinazzjoni għat-trakkijiet tat-trasport fuq distanzi twal. Il-punti tal-irriċarġjar għall-vetturi elettriċi ħfief fiż-żoni urbani, madankollu, jenħtieġ li jaqgħu fil-mira nazzjonali bbażata fuq il-flotta. Minbarra l-punti tal-irriċarġjar veloċi tul in-network TEN-T u fin-nodi urbani, il-vetturi elettriċi tqal jenħtieġ li jkunu jistgħu jużaw ukoll infrastruttura tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku għall-irriċarġjar matul il-lejl tul in-network tat-trasport ewlieni biex tiġi appoġġata speċifikament l-elettrifikazzjoni tas-settur tat-trasport fuq distanzi twal.

    (24)

    Sabiex jiġu evitati investimenti li jkunu sproporzjonati meta mqabbla mal-volumi tat-traffiku fuq uħud mit-toroq tan-network TEN-T f’każijiet meta l-varar ta’ infrastruttura tal-irriċarġjar ma tkunx tista’ tiġi ġġustifikata f’termini ta’ kostijiet-benefiċċji soċjoekonomiċi, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jipprevedu li grupp wieħed ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku jservi ż-żewġ direzzjonijiet tal-ivvjaġġar, dment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti l-oħra applikabbli, f’termini tad-distanza massima bejn il-gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar, il-potenza tal-output totali tal-grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar u l-għadd ta’ punti tal-irriċarġjar fil-gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar li jkunu applikabbli għal direzzjoni waħda tal-ivvjaġġar. Alternattivament, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jnaqqsu l-potenza tal-output totali tal-gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar intiżi għall-vetturi elettriċi ħfief jew għall-vetturi elettriċi tqal li jinsabu tul in-network tat-toroq TEN-T b’volumi baxxi ta’ traffiku ta’ vetturi elettriċi ħfief jew vetturi elettriċi tqal rispettivament. Għall-istess fini, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jippermettu wkoll distanza massima ogħla bejn il-gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku intiżi għal vetturi elettriċi ħfief jew vetturi elettriċi tqal tul it-toroq tan-network ewlieni TEN-T b’volumi ta’ traffiku baxxi ħafna.

    (25)

    Minħabba l-karattru insulari ta’ Ċipru, in-nuqqas ta’ kwalunkwe konnessjoni mal-art ta’ Stati Membri oħra u mal-kontinent u l-firxa limitata tan-network tat-toroq TEN-T tiegħu, it-traffiku tal-vetturi tqal tat-trasport fuq distanzi twal li jiċċirkola f’dak l-Istat Membru huwa limitat. Barra minn hekk, minħabba l-kilometraġġ limitat ta’ kuljum tal-vetturi elettriċi tqal f’Ċipru, il-ħtiġijiet tal-irriċarġjar tagħhom se jkunu koperti fil-biċċa l-kbira tagħhom mill-kapaċitajiet tal-irriċarġjar matul il-lejl f’postijiet privati, bħal deposti. Għalhekk, Ċipru jkun taħt obbligu sproporzjonat u bla bżonn li kieku kellu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament fir-rigward tal-kopertura minima ta’ gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku intiżi għall-vetturi tqal fit-territorju tiegħu f’termini tal-livell tal-potenza tal-output totali ta’ tali gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar li jinsabu tul in-network TEN-T u d-distanza massima bejn dawk il-gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar. Konsegwentement, jenħtieġ li Ċipru jkun jista’ jressaq talba motivata lill-Kummissjoni għall-awtorizzazzjoni biex japplika rekwiżiti aktar baxxi f’dak ir-rigward, dment li tali rekwiżiti aktar baxxi ma jxekklux iċ-ċirkolazzjoni ta’ vetturi elettriċi tqal f’dak l-Istat Membru.

    (26)

    Is-sidien ta’ vetturi elettriċi huma mistennija li jużaw b’mod estensiv il-punti tal-irriċarġjar fil-bini tagħhom stess jew f’postijiet ta’ parkeġġ kollettiv f’bini residenzjali u mhux residenzjali. Filwaqt li l-varar tal-infrastruttura ta’ kanali u ta’ punti tal-irriċarġjar f’tali binjiet huwa rregolat bid-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), huwa importanti li l-Istati Membri jqisu d-disponibbiltà ta’ tali infrastruttura privata meta jippjanaw il-varar ta’ punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku.

    (27)

    Il-varar ta’ infrastruttura tal-irriċarġjar għall-vetturi elettriċi tqal huwa ugwalment importanti f’postijiet privati li mhumiex aċċessibbli għall-pubbliku, bħal f’deposti privati u f’ċentri loġistiċi biex jiġi żgurat l-iċċarġjar matul il-lejl u fid-destinazzjoni. L-awtoritajiet pubbliċi jenħtieġ li jqisu li jieħdu miżuri fil-kuntest tal-istabbiliment tal-oqfsa ta’ politika nazzjonali riveduti tagħhom biex jiżguraw li tiġi pprovduta infrastruttura xierqa għall-iċċarġjar matul il-lejl u fid-destinazzjoni għall-vetturi elettriċi tqal.

    (28)

    F’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Marzu 2017 bit-titolu “Il-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà — l-Istrateġija ta’ Implimentazzjoni”, il-possibbiltà li jiġu żviluppati servizzi diġitali avvanzati, inklużi soluzzjonijiet ta’ pagament ibbażati fuq kuntratt, u li tiġi żgurata informazzjoni għall-utenti li tkun trasparenti b’mezzi diġitali tiddependi mill-varar ta’ punti tal-irriċarġjar konnessi b’mod diġitali u intelliġenti li jappoġġaw il-ħolqien ta’ infrastruttura konnessa b’mod diġitali u interoperabbli. Dawk il-punti tal-irriċarġjar intelliġenti jenħtieġ li jinkludu sett ta’ attributi fiżiċi u speċifikazzjonijiet tekniċi (hardware u software) li huma meħtieġa biex tintbagħat u tiġi riċevuta data f’ħin reali u biex ikun permess il-fluss ta’ informazzjoni bejn atturi tas-suq li jiddependu fuq dik id-data għall-iżvilupp sħiħ tal-esperjenza tal-irriċarġjar, inklużi l-operaturi tal-punti tal-irriċarġjar, il-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà, il-pjattaformi tar-roaming elettroniku, l-operaturi ta’ sistemi tad-distribuzzjoni u, fl-aħħar mill-aħħar, l-utenti finali.

    (29)

    Sistemi ta’ kejl intelliġenti kif definiti fid-Direttiva (UE) 2019/944 (11) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jippermettu li tiġi prodotta data f’ħin reali, li hija meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà tal-grilja elettrika u jitħeġġeġ l-użu razzjonali tas-servizzi tal-irriċarġjar. Billi jipprovdu l-kejl tal-enerġija f’ħin reali u informazzjoni preċiża u trasparenti dwar il-kost, is-sistemi ta’ kejl intelliġenti jħeġġu, flimkien mal-punti tal-irriċarġjar intelliġenti, l-irriċarġjar f’ħinijiet ta’ domanda ġenerali baxxa għall-elettriku u prezzijiet baxxi tal-enerġija. L-użu ta’ sistemi ta’ kejl intelliġenti flimkien ma’ punti tal-irriċarġjar intelliġenti jista’ jottimizza l-irriċarġjar, b’benefiċċji għas-sistema tal-elettriku u għall-utent finali. L-Istati Membri jenħtieġ li jħeġġu l-użu ta’ sistemi ta’ kejl intelliġenti għall-irriċarġjar ta’ vetturi elettriċi fi stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku, meta teknikament fattibbli u ekonomikament raġonevoli, u jenħtieġ li jiżguraw li dawk is-sistemi jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 20 tad-Direttiva (UE) 2019/944.

    (30)

    L-għadd dejjem akbar ta’ vetturi elettriċi fit-trasport bit-triq, ferrovjarju, marittimu u f’modi oħra tat-trasport se jirrikjedi li l-operazzjonijiet tal-irriċarġjar jiġu ottimizzati u ġestiti b’tali mod li ma jikkawżax konġestjoni u li jieħu vantaġġ sħiħ mid-disponibbiltà tal-elettriku rinnovabbli u tal-prezzijiet baxxi tal-elettriku fis-sistema. B’mod partikolari, l-irriċarġjar intelliġenti jista’ jiffaċilita l-integrazzjoni ulterjuri tal-vetturi elettriċi fis-sistema tal-elettriku peress li jippermetti rispons għad-domanda permezz tal-aggregazzjoni. L-integrazzjoni tas-sistema tista’ tiġi ffaċilitata aktar permezz tal-irriċarġjar bidirezzjonali (vettura għall-grilja), filwaqt li l-irriċarġjar intelliġenti u bidirezzjonali jista’ jnaqqas ukoll il-kostijiet tal-irriċarġjar għall-konsumatur. Il-punti kollha tal-irriċarġjar mibnija jew rinnovati wara t-13 ta’ April 2024 jenħtieġ li jappoġġaw l-irriċarġjar intelliġenti. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġu adottati standards ta’ komunikazzjoni li jappoġġaw l-irriċarġjar intelliġenti u bidirezzjonali biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà.

    (31)

    L-iżvilupp ta’ infrastruttura għall-vetturi elettriċi on-grid u off-grid, l-interazzjoni ta’ dik l-infrastruttura mas-sistema tal-elettriku, u d-drittijiet u r-responsabbiltajiet assenjati lill-atturi differenti fis-suq tal-mobbiltà elettrika jridu jkunu konsistenti mal-prinċipji stabbiliti bid-Direttiva (UE) 2019/944. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li l-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni jikkooperaw fuq bażi mhux diskriminatorja ma’ kwalunkwe persuna li tistabbilixxi jew topera punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku. L-aċċess tal-fornituri tal-elettriku tal-Unjoni għall-punti tal-irriċarġjar jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għad-derogi previsti fl-Artikolu 66 tad-Direttiva (UE) 2019/944.

    (32)

    L-istabbiliment u l-operazzjoni tal-punti tal-irriċarġjar għall-vetturi elettriċi jenħtieġ li jiġu żviluppati bħala suq kompetittiv b’aċċess miftuħ għall-partijiet kollha interessati fl-introduzzjoni jew fl-operazzjoni tal-infrastrutturi tal-irriċarġjar. Fid-dawl tal-postijiet alternattivi limitati għall-punti tal-irriċarġjar għall-vetturi elettriċi fuq l-awtostradi, il-konċessjonijiet eżistenti tal-awtostradi bħal fil-każ ta’ stazzjonijiet konvenzjonali tar-riforniment jew żoni ta’ mistrieħ huma kawża partikolari ta’ tħassib, peress li jistgħu joperaw għal perjodi twal ħafna jew, xi drabi, saħansitra lanqas ma jkollhom data tat-tmiem speċifikata. L-Istati Membri jenħtieġ li jfittxu, sa fejn ikun possibbli u f’konformità mad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), li jaġġudikaw b’mod kompetittiv konċessjonijiet ġodda speċifikament għall-istazzjonijiet tal-irriċarġjar fuq jew maġenb iż-żoni ta’ mistrieħ eżistenti fuq l-awtostradi sabiex jiġi evitat l-użu ta' spazji ħodor, kif ukoll jiġu limitati l-kostijiet tal-varar u jippermettu parteċipanti ġodda fis-suq.

    (33)

    It-trasparenza tal-prezzijiet hija kruċjali biex jiġu żgurati l-irriċarġjar u r-riforniment bla xkiel u faċli. Jenħtieġ li l-utenti ta’ vetturi li jaħdmu bi fjuwils alternattivi jiġu pprovduti b’informazzjoni preċiża dwar il-prezz qabel ma tinbeda s-sessjoni ta’ rriċarġjar jew ta’ riforniment. Il-prezz jenħtieġ li jiġi kkomunikat b’mod strutturat sew biex l-utenti finali jkunu jistgħu jidentifikaw il-komponenti differenti tal-prezz iċċarġjat mill-operatur meta jikkalkulaw il-prezz ta’ sessjoni ta’ rriċarġjar jew ta’ riforniment u biex jantiċipaw il-kost totali. L-operaturi tal-istazzjonijiet tal-irriċarġjar jenħtieġ li jkunu jistgħu wkoll jimponu tariffi addizzjonali bil-ħsieb, inter alia, li jiġi evitat li l-punt tal-irriċarġjar jiġi mblukkat milli jintuża minn utenti oħra, dment li dawk it-tariffi jkunu indikati b’mod ċar u kkomunikati qabel tinbeda s-sessjoni ta’ rriċarġjar. Jekk il-prezz għall-irriċarġjar fuq bażi ad hoc jiġi pprovdut fuq paġna web speċifika, dan jenħtieġ li jiġi pprovdut b’mod ċar fuq l-istess paġna web bħal dik li tintuża għall-pagament tas-sessjoni. L-istabbiliment ta’ rekwiżiti għall-operaturi u għall-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà jipprovdi garanziji u prevedibbiltà għall-konsumaturi u b’hekk jikkontribwixxi għall-iżgurar tal-fiduċja matul l-istadji inizjali tal-adozzjoni tal-mobbiltà elettrika. Dan jinkoraġġixxi wkoll l-adozzjoni rapida ta’ vetturi elettriċi bil-batterija u vetturi li jaħdmu bl-idroġenu, li hija essenzjali biex jinkisbu l-ambizzjonijiet klimatiċi li żdiedu tal-Unjoni u l-prijoritajiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 bit-titolu “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew”. Il-prezzijiet jenħtieġ li jkunu raġonevoli u jenħtieġ li ma jaqbżux il-kostijiet imġarrba, miżjuda b’marġni ta’ profitt raġonevoli. Dawk ir-rekwiżiti b’rabta mal-prezzijiet huma mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-prezz ta’ unità tal-elettriku applikabbli ċċarġjat minn stazzjon tal-irriċarġjar f’konformità mad-Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).

    (34)

    Maż-żmien jitfaċċaw servizzi ġodda b’appoġġ għall-użu tal-vetturi elettriċi. L-inċentivi pprovduti mill-Istati Membri, kif ukoll il-miżuri vinkolanti adottati minnhom, bħall-kapaċità ta’ roaming obbligatorju fuq punti tal-irriċarġjar iddeżinjati, kellhom rwol sinifikanti fl-iżvilupp ta’ tali servizzi ġodda. L-entitajiet li joffru dawk is-servizzi ġodda, bħall-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà, jenħtieġ li jkunu jistgħu joperaw taħt kundizzjonijiet tas-suq ġusti. B’mod partikolari, l-operaturi ta’ punti tal-irriċarġjar jenħtieġ li ma jagħtux trattament preferenzjali mhux xieraq lil uħud mill-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà, pereżempju permezz ta’ differenzjazzjoni mhux ġustifikata fil-prezzijiet, li tista’ xxekkel il-kompetizzjoni u fl-aħħar mill-aħħar twassal għal prezzijiet ogħla għall-konsumaturi. Sabiex tiġi żgurata t-tranżizzjoni lejn dawk is-servizzi l-ġodda u sabiex jiġi żgurat li l-utenti ta’ tali vetturi jkunu jistgħu faċilment u mingħajr xkiel jużaw l-infrastruttura tal-irriċarġjar kullimkien fl-Unjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jimmonitorjaw l-iżvilupp tas-suq tal-irriċarġjar. Waqt ir-rieżami ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni jenħtieġ li tieħu azzjoni meta meħtieġa mill-iżviluppi fis-suq bħal limitazzjonijiet ta’ servizzi għall-utenti finali, servizzi li jiżgwidaw lill-konsumaturi u li jxekklu t-trasparenza tal-prezzijiet, jew prattiki kummerċjali li jistgħu jillimitaw il-kompetizzjoni.

    (35)

    Il-vetturi li jaħdmu bl-idroġenu attwalment għandhom rati baxxi ħafna ta’ penetrazzjoni fis-suq. Madankollu, il-varar ta’ infrastruttura suffiċjenti għar-riforniment tal-idroġenu huwa essenzjali sabiex l-użu fuq skala kbira ta’ vetturi li jaħdmu bl-idroġenu jsir possibbli kif previst fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Lulju 2020 bit-titolu “Strateġija għall-idroġenu għal Ewropa newtrali għall-klima”. Bħalissa, il-punti tar-riforniment tal-idroġenu ġew varati biss fi ftit Stati Membri u fil-biċċa l-kbira tagħhom mhumiex adatti għal vetturi tqal. Għalhekk mhuwiex possibbli għall-vetturi li jaħdmu bl-idroġenu li jiċċirkolaw fl-Unjoni kollha. Il-miri obbligatorji ta’ varar għall-punti ta’ riforniment tal-idroġenu aċċessibbli għall-pubbliku jenħtieġ li jiżguraw network dens biżżejjed ta’ punti ta’ riforniment tal-idroġenu madwar in-network ewlieni TEN-T biex ikun possibbli l-ivvjaġġar bla xkiel ta’ vetturi ħfief u tqal li jaħdmu bl-idroġenu fl-Unjoni kollha. Għall-finijiet ta’ varar tal-infrastruttura tar-riforniment tal-idroġenu tul in-network TEN-T, l-istazzjonijiet kollha tar-riforniment tal-idroġenu li jridu jiġu varati tul in-network tat-toroq TEN-T jenħtieġ li jkunu jinsabu fin-network tat-toroq TEN-T jew f’distanza tas-sewqan ta’ 10 km mill-eqreb exit ta’ triq TEN-T.

    (36)

    Jenħtieġ li l-utenti ta’ vetturi li jaħdmu bi fjuwils alternattivi jkunu jistgħu jirriċarġjaw jew jagħmlu riforniment fuq bażi ad hoc u jħallsu faċilment u b’mod konvenjenti fil-punti kollha tal-irriċarġjar u tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku, mingħajr il-ħtieġa li jidħlu f’kuntratt mal-operatur tal-punt tal-irriċarġjar jew tar-riforniment jew ma’ fornitur ta’ servizzi ta’ mobbiltà. Għalhekk, għall-irriċarġjar jew għar-riforniment fuq bażi ad hoc, il-punti kollha tal-irriċarġjar u tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku jenħtieġ li jaċċettaw strumenti ta’ pagament li jintużaw b’mod wiesa’ fl-Unjoni, u b’mod partikolari pagamenti elettroniċi permezz ta’ terminals u apparati użati għal servizzi ta’ pagament. Fir-rigward tal-infrastruttura varata qabel id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-applikazzjoni ta’ dawk ir-rekwiżiti jenħtieġ li tiġi differita. Dak il-metodu ta’ pagament ad hoc jenħtieġ li dejjem ikun disponibbli għall-konsumaturi, anke meta jiġu offruti pagamenti bbażati fuq kuntratt fil-punt tal-irriċarġjar jew tar-riforniment.

    (37)

    Irrispettivament mid-ditta tal-vettura tagħhom, l-utenti finali jenħtieġ li jkunu jistgħu jaċċessaw u jużaw stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku b’mod faċli għall-utent u b’mod mhux diskriminatorju.

    (38)

    L-infrastruttura tat-trasport jenħtieġ li tippermetti mobbiltà u aċċessibbiltà mingħajr xkiel għall-utenti kollha, inklużi persuni akbar fl-età, persuni b’mobbiltà mnaqqsa u persuni b’diżabilità. Fil-prinċipju, il-post fejn ikunu jinsabu l-istazzjonijiet kollha tal-irriċarġjar u tar-riforniment, kif ukoll l-istazzjonijiet tal-irriċarġjar u tar-riforniment stess, jenħtieġ li jitfasslu b’tali mod li jkunu aċċessibbli u faċli biex jintużaw mill-akbar għadd possibbli tal-membri tal-pubbliku, b’mod partikolari minn persuni akbar fl-età, persuni b’mobbiltà mnaqqsa u persuni b’diżabilità. Dan jenħtieġ li jinkludi, pereżempju, li jiġi pprovdut biżżejjed spazju madwar il-post ta’ parkeġġ, li jiġi żgurat li l-istazzjon tal-irriċarġjar ma jiġix installat fuq superfiċje b’kurduna, li jiġi żgurat li l-buttuni jew l-iskrin tal-istazzjon tal-irriċarġjar ikunu f’għoli xieraq u li l-piż tal-kejbils tal-irriċarġjar u tar-riforniment ikun tali li l-persuni b’saħħa limitata jkunu jistgħu jużawhom b’mod faċli. Barra minn hekk, l-interfaċċa tal-utent tal-istazzjonijiet tal-irriċarġjar relatati jenħtieġ li tkun aċċessibbli. F’dak is-sens, ir-rekwiżiti tal-aċċessibbiltà stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) jenħtieġ li jkunu applikabbli għall-infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment.

    (39)

    Is-sikurezza u s-sigurtà tal-utenti, b’mod partikolari fi stazzjonijiet tal-irriċarġjar li ma jkollhom lil ħadd inkarigat fihom, jistgħu jiġu indirizzati billi l-istazzjonijiet tal-irriċarġjar jiġu mgħammra b’buttuni ta’ emerġenza, li juru informazzjoni ta’ kuntatt tas-servizzi ta’ emerġenza, billi jiġi żgurat dawl adegwat jew permezz ta' kwalunkwe miżura xierqa oħra.

    (40)

    Il-vetturi li jaħdmu bl-idroġenu jenħtieġ li jkunu jistgħu jiġu rifornuti fid-destinazzjoni jew qribha, li normalment tkun tinsab f’żona urbana. Sabiex jiġi żgurat li r-riforniment fid-destinazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku jkun possibbli tal-inqas fiż-żoni urbani ewlenin, tali stazzjonijiet tar-riforniment tal-idroġenu jenħtieġ li jiġu previsti fin-nodi urbani kollha kif definit fir-Regolament (UE) Nru 1315/2013. Fin-nodi urbani, l-awtoritajiet pubbliċi jenħtieġ li jqisu l-varar tal-istazzjonijiet tar-riforniment tal-idroġenu f’hubs multimodali, peress li tali hubs huma d-destinazzjoni tipika għall-vetturi tqal u peress li jistgħu wkoll jipprovdu l-idroġenu għal modi oħra tat-trasport, bħal dak ferrovjarju u dak bit-tbaħħir intern. Jenħtieġ li jkun possibbli li jitqies stazzjon wieħed tar-riforniment tal-idroġenu aċċessibbli għall-pubbliku li jkun jinsab f’nodu urban biex jiġi ssodisfat ir-rekwiżit tat-TEN-T, dment li tintlaħaq il-mira tal-kapaċità.

    (41)

    F’dan l-istadju bikri tal-varar fis-suq għad hemm grad ta’ inċertezza fir-rigward tat-tip ta’ vetturi li se jidħlu fis-suq u tat-tip ta’ teknoloġiji li se jintużaw b’mod mifrux. Fl-istrateġija għall-idroġenu għal Ewropa newtrali għall-klima, is-segment tal-vetturi tqal ġie identifikat bħala s-segment l-aktar probabbli għall-varar bikri tal-massa ta’ vetturi li jaħdmu bl-idroġenu. Għalhekk, l-infrastruttura tar-riforniment tal-idroġenu jenħtieġ li tiffoka inizjalment fuq dak is-segment, filwaqt li tippermetti wkoll ir-riforniment tal-vetturi ħfief fi stazzjonijiet tar-riforniment tal-idroġenu aċċessibbli għall-pubbliku. Sabiex tiġi żgurata l-interoperabbiltà, l-istazzjonijiet tal-idroġenu kollha aċċessibbli għall-pubbliku jenħtieġ li tal-inqas iservu idroġenu gassuż ta’ 700 bar. L-introduzzjoni tal-infrastruttura jenħtieġ li tqis ukoll il-ħolqien ta’ teknoloġiji ġodda, bħat-teknoloġija tal-idroġenu likwidu, li jippermettu medda tas-sewqan akbar għall-vetturi tqal u li hu mistenni li jkun l-għażla teknoloġika preferuta ta’ wħud mill-manifatturi tal-vetturi.

    (42)

    L-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda se jirrikjedi koordinazzjoni fost il-partijiet ikkonċernati kollha. Pereżempju, l-Impriża Konġunta Idroġenu Nadif, stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 (15), jenħtieġ li tintuża wkoll bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat u ingranat il-finanzjament privat sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-miri rilevanti identifikati f’dan ir-Regolament.

    (43)

    Ġew stabbiliti għadd ta’ punti ta’ riforniment tal-metan likwifikat fl-Unjoni, li diġà jipprovdu pedament għaċ-ċirkolazzjoni ta’ vetturi tqal li jaħdmu bil-metan likwifikat. In-network ewlieni TEN-T jenħtieġ li jibqa’ l-bażi għall-varar tal-infrastruttura tal-metan likwifikat peress li jkopri l-flussi ewlenin tat-traffiku u jippermetti l-konnettività transfruntiera fl-Unjoni kollha. Id-Direttiva 2014/94/UE rrakkomandat li tali punti ta’ riforniment jiġu varati kull 400 km tul in-network ewlieni TEN-T. Madankollu, minħabba l-eżistenza ta’ għadd limitat ta’ lakuni tul in-network dik il-mira ma setgħetx tintlaħaq. L-Istati Membri jenħtieġ li jilħqu dik il-mira u jindirizzaw il-lakuni li fadal sal-2025, wara liema data l-mira jenħtieġ li tieqaf tapplika.

    (44)

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu “metan likwifikat” jenħtieġ li jinftiehem li jfisser “LNG, bijogass likwifikat jew metan likwifikat sintetiku, inklużi taħlitiet ta’ dawn il-fjuwils”. L-użu tat-terminu definit “metan likwifikat” ma jbiddilx id-definizzjoni jew il-kompożizzjoni tal-fjuwils separati (LNG, bijogass likwifikat jew metan likwifikat sintetiku), kif definiti f’atti legali oħra tal-Unjoni.

    (45)

    Il-faċilitajiet tal-elettriku mix-xatt, kemm fissi kif ukoll mobbli, jistgħu jservu lit-trasport marittimu u n-navigazzjoniinterna billi jipprovdu provvista tal-enerġija nadifa u jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-impatt ambjentali, klimatiku u fuq is-saħħa ta’ vapuri li jbaħħru u ta’ bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, b’mod partikolari f’termini ta’ kwalità tal-arja għaż-żoni urbani madwar il-portijiet. Skont ir-Regolament (UE) 2023/1805 l-operaturi tal-vapuri ta’ vapuri tal-kontejners li jbaħħru u ta’ vapuri tal-passiġġieri li jbaħħru jridu jnaqqsu l-ammont ta’ emissjonijiet prodotti mill-vapuri tagħhom waqt li jkunu rmiġġati man-naħa tal-moll. Il-miri obbligatorji ta’ varar jenħtieġ li jiżguraw li s-settur isib provvista tal-elettriku mix-xatt suffiċjenti għal vapuri li jkunu rmiġġati man-naħa tal-moll fil-portijiet marittimi tan-network ewlieni TEN-T u tan-network komprensiv TEN-T biex jikkonforma ma’ dawk ir-rekwiżiti. Għalhekk, huwa importanti li jiġu stabbiliti miri ċari għall-varar tal-infrastruttura tal-elettriku mix-xatt fil-portijiet TEN-T. Fid-dawl tal-fatt li l-Istati Membri għandhom mudelli ta’ governanza differenti għall-portijiet, sabiex jilħqu dawk il-miri, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu dwar l-aħjar mod għalihom biex ivaraw l-infrastruttura fil-portijiet tagħhom u fit-terminals differenti skont il-ħtiġijiet tagħhom. Huwa importanti li fil-portijiet, u fejn rilevanti bejn it-terminals, tiġi varata infrastruttura fejn ir-redditu massimu fuq l-investiment u r-rata ta’ okkupanza jirriżultaw fl-ogħla benefiċċji ambjentali f’termini ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u tnaqqis tat-tniġġis tal-arja.

    (46)

    L-ippjanar, l-iżvilupp u l-varar tal-provvista tal-elettriku mix-xatt għall-vapuri li jbaħħru jirrikjedu approċċ ikkoordinat biex il-provvista titqabbel mad-domanda. Għalhekk, il-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati kollha kemm min-naħa tal-vapuri kemm min-naħa tal-portijiet, kif ukoll kwalunkwe attur rilevanti ieħor tas-suq, jenħtieġ li jikkoordinaw biex jippermettu operazzjoni bla xkiel fuq bażi ta’ kuljum.

    (47)

    Huwa importanti li jiġu evitati assi mhux rekuperabbli u li jiġi żgurat li l-investimenti pubbliċi u privati li jsiru llum jibqgħu validi fil-futur u jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika kif stabbilita fil-Patt Ekoloġiku Ewropew. Il-varar tal-provvista tal-elettriku mix-xatt fil-portijiet marittimi jenħtieġ li jitqies flimkien mal-varar attwali u futur ta’ teknoloġiji alternattivi ekwivalenti b’emissjonijiet żero ta’ gassijiet serra u bi tniġġis żero, b’mod partikolari dawk it-teknoloġiji li jwasslu għal tnaqqis fl-emissjonijiet u fit-tniġġis kemm waqt l-irmiġġ kif ukoll matul in-navigazzjoni.

    (48)

    Bħala prijorità, il-vapuri tal-kontejners li jbaħħru u l-vapuri tal-passiġġieri li jbaħħru, peress li huma l-kategoriji ta’ vapuri li jipproduċu l-ogħla ammont ta’ emissjonijiet għal kull vapur waqt li jkunu rmiġġati man-naħa tal-moll, jenħtieġ li jiġu pprovduti bi provvista tal-elettriku mix-xatt. Sabiex jitqiesu l-karatteristiċi tad-domanda għall-potenza ta’ vapuri tal-passiġġieri li jbaħħru differenti li jkunu rmiġġati man-naħa tal-moll, kif ukoll il-karatteristiki operazzjonali tal-port, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn ir-rekwiżiti tal-vapuri tal-passiġġieri li jbaħħru għall-vapuri ro-ro tal-passiġġieri u l-inġenji ta’ veloċità għolja tal-passiġġieri minn naħa waħda, u dawk għal vapuri tal-passiġġieri li jbaħħru oħra, min-naħa l-oħra.

    (49)

    Il-miri obbligatorji ta’ varar jenħtieġ li jqisu t-tipi ta’ bastimenti servuti u l-volumi tat-traffiku tal-portijiet marittimi. Sabiex tiġi evitata l-installazzjoni ta’ kapaċità li ma tintużax biżżejjed, il-portijiet marittimi b’volumi baxxi ta’ traffiku ta’ ċerti kategoriji ta’ vapuri abbażi tal-għadd annwali medju ta’ waqfiet fil-port jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għall-miri obbligatorji ta’ varar għall-kategoriji ta’ vapuri korrispondenti. Bl-istess mod, il-miri obbligatorji jenħtieġ li ma jkollhomx l-għan li jimmiraw lejn domanda massima, iżda volum għoli biżżejjed, sabiex tiġi evitata kapaċità li ma tintużax biżżejjed u jitqiesu l-karatteristiki operazzjonali tal-port.

    (50)

    Meta jiġi ddeterminat l-għadd ta’ waqfiet fil-port, il-waqfiet fil-port ta’ vapuri għal żmien qasir, ta’ vapuri li jużaw teknoloġiji b’emissjonijiet żero, waqfiet fil-port mhux skedati għal raġunijiet ta’ sikurezza jew ta’ salvataġġ ta’ ħajjiet fuq il-baħar, waqfiet fil-port taħt ċirkostanzi eċċezzjonali li jirrikjedu l-użu tal-ġenerazzjoni tal-enerġija abbord, waqfiet fil-port f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza li jirrappreżentaw riskju immedjat għall-ħajja, għall-vapur, jew għall-ambjent jew waqfiet fil-port għal raġunijiet oħra ta’ force majeure jenħtieġ li ma jitqisux.

    (51)

    It-trasport marittimu huwa fattur importanti fil-koeżjoni u l-iżvilupp ekonomiku tal-gżejjer u tar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni, kif ukoll għal Ceuta u Melilla. Il-kapaċità ta’ produzzjoni tal-elettriku f’dawk il-gżejjer, ir-reġjuni u t-territorji jista’ jkun li mhux dejjem tkun biżżejjed biex tkopri d-domanda għall-potenza meħtieġa biex jiġi appoġġat il-forniment tal-provvista tal-elettriku mix-xatt. F’tali każijiet, dawk il-gżejjer, ir-reġjuni u t-territorji jridu jiġu eżentati mir-rekwiżit li jipprovdu elettriku mix-xatt dment li tali konnessjoni elettrika mal-kontinent jew ma’ pajjiżi tal-viċinat, skont x’ikun il-każ, ma tkunx tlestiet jew sa ma tkun tlestiet jew ikun hemm biżżejjed kapaċità ġġenerata lokalment minn sorsi tal-enerġija mhux fossili.

    (52)

    Sal-2025 jenħtieġ li jkun disponibbli għadd xieraq ta’ punti ta’ riforniment għall-metan likwifikat fil-portijiet marittimi tan-network ewlieni TEN-T. Il-varar ta’ dik l-infrastruttura jenħtieġ li jkun xprunat mid-domanda tas-suq. Il-punti ta’ riforniment għall-metan likwifikat jinkludu terminals tal-metan likwifikat, tankijiet, bawżers li jiġu rmunkati ma' trejlers, bawżers, kontejners mobbli, bastimenti tal-bunkers u barkuni.

    (53)

    L-installazzjonijiet li jipprovdu provvista tal-elettriku mix-xatt jenħtieġ li jiġu varati wkoll fil-portijiet tal-passaġġi fuq l-ilma interni tan-network TEN-T.

    (54)

    L-użu ta’ provvista tal-elettriku esterna jenħtieġ li jissostitwixxi l-użu tal-magni meta l-inġenji tal-ajru jkunu weqfin fl-ajruporti. Dan jenħtieġ li jnaqqas l-emissjonijiet tas-sustanzi niġġiesa u ta’ storbju, itejjeb il-kwalità tal-arja u jnaqqas l-impatt tal-inġenju tal-ajru fuq it-tibdil fil-klima. Għalhekk, għall-operazzjonijiet kollha tat-trasport kummerċjali, jenħtieġ li tiġi pprovduta provvista tal-elettriku esterna waqt li l-inġenju tal-ajru jkun ipparkjat fl-istands ta’ kuntatt għall-inġenji tal-ajru jew fl-istands remoti għall-inġenji tal-ajru fl-ajruporti tan-network TEN-T. Il-provvista tal-elettriku esterna għall-inġenji tal-ajru tista’ tiġi żgurata permezz ta’ unitajiet ta’ potenza fissi jew mobbli fuq l-art, kemm fl-istands ta’ kuntatt għall-inġenji tal-ajru kif ukoll fl-istands remoti għall-inġenji tal-ajru. Filwaqt li l-inġenji tal-ajru jenħtieġ li jkunu jistgħu jagħmlu użu mill-provvista tal-elettriku esterna fl-istands kollha ta’ kuntatt għall-inġenji tal-ajru u fl-istands kollha remoti għall-inġenji tal-ajru użati għall-operazzjonijiet tat-trasport tal-ajru kummerċjali, mhuwiex meħtieġ li kull stand ikun mgħammar b’unità ta’ potenza fissa jew mobbli fuq l-art, peress li unità waħda ta’ potenza fuq l-art, kemm jekk tkun fissa kif ukoll jekk tkun mobbli, kapaċi sservi diversi stands u kapaċi tintuża biex tissodisfa l-ħtiġijiet operazzjonali.

    (55)

    Meta jiżguraw li l-inġenji tal-ajru stazzjonarji jingħataw aċċess għal provvista tal-elettriku fl-ajruporti, l-Istati Membri jenħtieġ li, meta xieraq, jippromwovu l-kooperazzjoni tal-korp ta’ amministrazzjoni tal-ajruport mal-fornituri tas-servizzi tal-groundhandling, kif ukoll, meta rilevanti, mal-utenti ta’ ajruport li jimmaniġġjaw is-servizzi huma stess. L-Istati Membri jenħtieġ li b’mod partikolari jagħmlu dan permezz tal-Kumitat ta’ dawk li jużaw l-Ajruport stabbilit skont id-Direttiva96/67/KE tal-Kunsill (16).

    (56)

    L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jeżentaw lill-ajruporti tan-network TEN-T b’inqas minn 10 000 moviment ta’ titjiriet kummerċjali fis-sena, ikkalkulati bħala medja tul it-tliet snin preċedenti, mill-obbligu li jipprovdu elettriku lill-inġenji tal-ajru stazzjonarji fl-istands remoti kollha. Fid-dawl tal-għadd ta’ titjiriet ikkonċernati, il-kostijiet tal-investiment u tal-manutenzjoni biex jiġu pprovduti stands remoti għall-inġenji tal-ajru bl-elettriku f’ dawk l-ajruporti tan-network TEN-T taf ma tkunx proporzjonata għall-benefiċċju ambjentali, speċjalment meta mqabbla ma’ investimenti aktar effiċjenti biex jiġu indirizzati l-emissjonijiet tas-CO2 tal-ajruporti.

    (57)

    F’konformità mad-Direttiva 2014/94/UE, l-Istati Membri stabbilixxew oqfsa ta’ politika nazzjonali li jiddeskrivu l-objettivi u l-pjanijiettagħhom biex jiżguraw li jintlaħqu dawk l-objettivi. Kemm il-valutazzjoni tal-oqfsa ta’ politika nazzjonali kif ukoll l-evalwazzjoni tad-Direttiva 2014/94/UE enfasizzaw il-ħtieġa ta’ ambizzjoni akbar u approċċ ikkoordinat aħjar madwar l-Istati Membri fid-dawl tal-aċċellerazzjoni mistennija fl-adozzjoni ta’ vetturi li jaħdmu bi fjuwils alternattivi, b’mod partikolari ta’ vetturi elettriċi. Barra minn hekk, se jkunu meħtieġa alternattivi għall-fjuwils fossili fil-modi kollha tat-trasport biex jiġu ssodisfati l-ambizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-objettivi klimatiċi tal-Unjoni. L-oqfsa ta’ politika nazzjonali eżistenti jenħtieġ li jiġu riveduti biex jiddeskrivu b’mod ċar kif il-ħtieġa ħafna akbar ta’ infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku kif espressa fil-miri obbligatorji se tintlaħaq mill-Istati Membri. L-oqfsa ta’ politika nazzjonali riveduti jistgħu jindirizzaw ukoll il-modi kollha tat-trasport, li għalihom ma teżisti l-ebda mira obbligatorja ta’ varar. L-Istati Membri jenħtieġ li jirrappurtaw regolarment dwar il-progress li jkun sar fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dawk l-oqfsa ta’ politika nazzjonali riveduti.

    (58)

    Barra minn hekk, l-Istati Membri jenħtieġ li regolarment jivvalutaw kif il-varar u l-operazzjoni tal-punti tal-irriċarġjar jistgħu jippermettu lill-vetturi elettriċi jikkontribwixxu aktar għall-flessibbiltà tas-sistema tal-enerġija u għall-assorbiment ulterjuri tal-elettriku rinnovabbli. Dik il-valutazzjoni jenħtieġ li tidentifika l-miżuri xierqa li jridu jiġu implimentati biex tiġi żgurata l-konsistenza tal-ippjanar tal-infrastruttura mal-ippjanar tal-grilja rispettiv sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament. Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) u d-Direttiva (UE) 2019/944, l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-grilja elettrika tissodisfa d-domanda għall-potenza tal-infrastruttura tal-irriċarġjar prevista f’dan ir-Regolament. Għal dak il-għan, l-Istati Membri jenħtieġ li jtejbu l-grilja elettrika u jagħmlulha manutenzjoni sabiex din tkun tista’ timmaniġġja d-domanda attwali u dik tal-futur mis-settur tat-trasport għall-elettriku.

    (59)

    L-oqfsa ta’ politika nazzjonali riveduti jenħtieġ li jinkludu miżuri ta’ appoġġ għall-iżvilupp tas-suq fir-rigward tal-fjuwils alternattivi, inkluż il-varar tal-infrastruttura meħtieġa għall-fjuwils alternattivi li għandha tiġi stabbilita, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet reġjonali u lokali u mal-industrija kkonċernata, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Barra minn hekk, l-oqfsa ta’ politika nazzjonali riveduti jenħtieġ li jiddeskrivu l-qafas nazzjonali ġenerali għall-ippjanar, għall-għoti ta’ permessi u għall-akkwist ta’ tali infrastruttura, jidentifikaw kwalunkwe ostaklu u l-azzjonijiet li jkunu se jittieħdu biex ineħħu tali ostakli sabiex iż-żmien bejn il-varar u l-użu tal-infrastruttura jkun raġonevoli u tkun tista’ tinkiseb introduzzjoni aktar veloċi tal-infrastruttura. Meta jiġu riveduti l-oqfsa ta’ politika nazzjonali, huwa importanti li jiġu osservati l-ewwelnett il-prinċipji ġenerali ta’ newtralità teknoloġika u effiċjenza enerġetika. L-Istati Membri jenħtieġ li jelenkaw il-miżuri kollha li ġew adottati jew li huma ppjanati.

    (60)

    L-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-oqfsa ta’ politika nazzjonali riveduti tal-Istati Membri jenħtieġ li jiġu ffaċilitati mill-Kummissjoni permezz ta’ skambji ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri. Kull Stat Membru jenħtieġ li jkun jista’ jiddeċiedi wkoll li jaħtar koordinatur nazzjonali għall-varar ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi bil-kompitu li jissorvelja l-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni nazzjonali tal-qafas ta’ politika nazzjonali.

    (61)

    Sabiex jiġu promossi l-fjuwils alternattivi u tiġi żviluppata l-infrastruttura rilevanti, l-oqfsa ta’ politika nazzjonali jenħtieġ li jipprovdu ħarsa ġenerali lejn l-istat tal-ħidma, il-perspettivi u l-inizjattivi ppjanati għall-promozzjoni tal-fjuwils alternattivi f’setturi li huma diffiċli biex jiġu dekarbonizzati, bħall-avjazzjoni, it-trasport marittimu, in-navigazzjoni interna, kif ukoll it-trasport ferrovjarju fis-sezzjonijiet ferrovjarji li ma jistgħux jiġu elettrifikati. B’mod partikolari, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu ħarsa ġenerali lejn l-istat tal-ħidma, il-perspettivi u l-inizjattivi ppjanati għad-dekarbonizzazzjoni tan-navigazzjoni interna tul in-network TEN-T f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri kkonċernati. Jistgħu jiġu żviluppati wkoll strateġiji ta’ dekarbonizzazzjoni fit-tul għall-portijiet tan-network TEN-T u għall-ajruporti tan-network TEN-T, b’mod partikolari b’enfasi fuq il-varar ta’ infrastruttura għal bastimenti u inġenji tal-ajru b’emissjonijiet baxxi u żero, kif ukoll għal-linji ferrovjarji li mhumiex se jiġu elettrifikati. Abbażi ta’ dawk l-istrateġiji, u filwaqt li jitqiesu s-suq nazzjonali u l-projezzjonijiet tas-sehem tad-data u tas-suq, il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrieżamina dan ir-Regolament bil-ħsieb li tistabbilixxi miri obbligatorji addizzjonali għal dawk is-setturi.

    (62)

    L-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-fjuwils alternattivi huwa importanti wkoll għall-ferroviji, fejn l-elettrifikazzjoni diretta ta’ sezzjoni ferrovjarja taf ma tkunx possibbli għal raġunijiet bħall-kosteffiċjenza tas-servizz. Teknoloġiji differenti huma disponibbli li s-settur ferrovjarju jista’ jaqleb mill-ferroviji tad-diżil għalihom, inkluż l-elettrifikazzjoni diretta, il-ferroviji mħaddma bil-batteriji u l-applikazzjonijiet tal-idroġenu. L-iżvilupp ta’ dawn it-teknoloġiji jirrikjedi l-varar ta’ infrastruttura xierqa tal-irriċarġjar u tar-riforniment fl-Istati Membri.

    (63)

    L-Istati Membri jenħtieġ li jagħmlu użu minn firxa wiesgħa ta’ inċentivi u miżuri regolatorji u mhux regolatorji biex jilħqu l-miri obbligatorji u jimplimentaw l-oqfsa ta’ politika nazzjonali tagħhom, f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ atturi tas-settur privat, li jenħtieġ li jkollhom rwol ewlieni fl-appoġġ tal-iżvilupp ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi.

    (64)

    Skont id-Direttiva 2009/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18), ishma nazzjonali minimi tal-akkwist pubbliku huma riżervati għal xarabanks nodfa u b’emissjonijiet żero, meta xarabank nadifa tuża fjuwils alternattivi kif definiti f’dan ir-Regolament. B’ammont dejjem akbar ta’ awtoritajiet u operaturi tat-trasport pubbliku li jaqilbu għal xarabanks nodfa u b’emissjonijiet żero biex jilħqu dawk il-miri obbligatorji, huwa importanti li l-Istati Membri jinkludu l-promozzjoni mmirata u l-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa tal-irriċarġjar u tar-riforniment għax-xarabanks bħala element ewlieni fl-oqfsa ta’ politiki nazzjonali tagħhom. Huwa importanti wkoll li l-Istati Membri jistabbilixxu u jżommu strumenti xierqa biex jippromwovu l-varar ta’ infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment għax-xarabanks anke għall-flotot vinkolanti, b’mod partikolari għal xarabanks nodfa u xarabanks b’emissjonijiet żero fil-livell lokali.

    (65)

    Fid-dawl tad-diversità dejjem akbar fit-tip ta’ fjuwils għall-vetturi motorizzati flimkien mat-tkabbir kontinwu fil-mobbiltà bit-triq taċ-ċittadini madwar l-Unjoni, jeħtieġ li l-konsumaturi jiġu pprovduti b’informazzjoni ċara u faċli biex tinftiehem dwar il-fjuwils disponibbli fl-istazzjonijiet tar-riforniment u dwar il-kompatibbiltà tal-vetturi tagħhom ma’ fjuwils jew ma’ punti tal-irriċarġjar differenti fis-suq tal-Unjoni.

    (66)

    Informazzjoni sempliċi u li titqabbel faċilment dwar il-prezz tal-fjuwils differenti jista’ jkollha rwol importanti biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jevalwaw aħjar il-kost relattiv ta’ fjuwils individwali disponibbli fis-suq. Għalhekk, jenħtieġ li jintwera paragun tal-prezz ta’ unità ta’ ċerti fjuwils alternattivi u fjuwils konvenzjonali, espress bħala “prezz tal-fjuwil għal kull 100 km”, għall-finijiet ta’ informazzjoni fl-istazzjonijiet tar-riforniment rilevanti kollha. Jenħtieġ li jiġi ċċarat lill-konsumaturi li tali paraguni jikkonċernaw il-prezzijiet medji tal-fjuwil fl-Istat Membru, li jafu jkunu differenti mill-prezzijiet reali ċċarġjati fl-istazzjon tar-riforniment ikkonċernat. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni, jekk ikun xieraq, tirrieżamina d-Direttiva 1999/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) sabiex tiżgura li l-informazzjoni għall-konsumatur dwar l-ekonomija fil-fjuwil u l-emissjonijiet tas-CO2 fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ karozzi ġodda tal-passiġġieri, kif previst b’dik id-Direttiva, tqis u tirrifletti l-iżviluppi relatati mat-tranżizzjoni lejn il-fjuwils alternattivi.

    (67)

    Huwa neċessarju li l-konsumaturi jingħataw biżżejjed informazzjoni rigward il-post ġeografiku, il-karatteristiki tal-punti tal-irriċarġjar u tar-riforniment ta’ fjuwils alternattivi aċċessibbli għall-pubbliku, kif ukoll tas-servizzi offruti fihom, koperti b’dan ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-operaturi jew is-sidien ta’ punti tal-irriċarġjar u tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku jagħmlu disponibbli data statika u data dinamika rilevanti. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti dwar it-tipi ta’ data fir-rigward tad-disponibbiltà ta’ data rilevanti relatata mal-irriċarġjar u mar-riforniment u l-aċċessibbiltà għal tali data, li jibnu fuq l-eżiti tal-Azzjoni ta’ Appoġġ għall-Programm b’rabta mal-“Ġbir ta’ data relatata mal-punti tal-irriċarġjar/tar-riforniment għall-fjuwils alternattivi u l-kodiċijiet ta’ identifikazzjoni uniċi relatati mal-atturi tal-elettromobbiltà” (“IDACS”), li ġiet konkluża fl-2022.

    (68)

    Dan ir-Regolament jindirizza t-tipi ta’ data li huma neċessarji għall-funzjonament ta’ suq kompetittiv u miftuħ, u essenzjali għall-utenti finali biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar is-sessjonijiet tal-irriċarġjar u tar-riforniment tagħhom inkluż permezz ta’ servizzi ta’ informazzjoni ta’ kwalità għolja żviluppati mill-atturi rilevanti tas-suq. Ir-rekwiżiti tat-tipi ta’ data stabbiliti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw biss għad-data li hija disponibbli f’format diġitali li jinqara mill-magni.

    (69)

    Jenħtieġ li d-data jkollha rwol fundamentali fil-funzjonament adegwat tal-infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment. Il-format, il-frekwenza u l-kwalità li fihom dik id-data jenħtieġ li ssir disponibbli u aċċessibbli jiddeterminaw il-kwalità ġenerali ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi li tissodisfa l-ħtiġijiet tal-utenti. Barra minn hekk, jenħtieġ li dik id-data tkun aċċessibbli b’mod koerenti fl-Istati Membri kollha. Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu d-data rigward l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi disponibbli bħala data miftuħa permezz tal-punt ta’ aċċess nazzjonali tagħhom f’konformità mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/670 (20) u f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet addizzjonali li huma komplementari għal dawk stabbiliti f’dak ir-Regolament Delegat. Jenħtieġ li jkun possibbli wkoll li tali data tiġi pprovduta lil punt ta’ aċċess Ewropew komuni li l-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi, li jenħtieġ li jiffunzjona bħala gateway unika tad-data tal-Unjoni għad-data magħmula disponibbli mill-operaturi fil-punti ta’ aċċess nazzjonali. Jenħtieġ li l-punt ta’ aċċess Ewropew komuni, meta possibbli, jibni fuq l-istrutturi u l-funzjonijiet eżistenti tal-Osservatorju Ewropew tal-Fjuwils Alternattivi (EAFO) flimkien mas-Sistema ta’ Informazzjoni TENtec jew, pereżempju, isir aċċessibbli permezz ta’ web portal apposta. Il-punt ta’ aċċess Ewropew komuni jenħtieġ li jippermetti lill-utenti tad-data jaċċessaw id-data faċilment, iqabblu informazzjoni dwar il-prezzijiet u jiksbu informazzjoni dwar il-karatteristiki tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, bħall-aċċessibbiltà, id-disponibbiltà jew il-kapaċità tal-potenza.

    (70)

    Huwa kruċjali li l-atturi kollha fis-settur tal-elettromobbiltà jkunu jistgħu jinteraġixxu faċilment permezz ta’ mezzi diġitali biex jipprovdu l-aħjar kwalità tas-servizz lill-utenti finali. Tali interazzjoni tirrikjedi identifikaturi uniċi għall-atturi fil-katina tal-valur. Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri kollha jistabbilixxu Organizzazzjoni għar-Reġistrazzjoni tal-Identifikazzjoni (“IDRO”) għall-ħruġ u l-ġestjoni ta’ kodiċijiet ta’ identifikazzjoni uniċi (“ID”) biex jidentifikaw, bħala minimu, l-operaturi tal-punti tal-irriċarġjar u l-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà. Kull IDRO jenħtieġ li tiġbor informazzjoni dwar il-kodiċijiet tal-ID tal-elettromobbiltà li diġà qed jintużaw fl-Istat Membru tagħha, toħroġ kodiċijiet tal-ID tal-elettromobbiltà ġodda, meta meħtieġ, lill-operaturi tal-punti tal-irriċarġjar u lill-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà skont loġika komuni miftiehma madwar l-Unjoni li fiha jiġu fformattjati l-kodiċijiet tal-ID tal-elettromobbiltà, u tippermetti l-iskambju ta’ dawk il-kodiċijiet tal-elettromobbiltà u l-verifika tal-uniċità tagħhom permezz ta’ Repożitorju tar-Reġistrazzjoni tal-Identifikazzjonijiet (“IDRR”) komuni futur potenzjali. Il-Kummissjoni jenħtieġ li toħroġ gwida teknika dwar l-istabbiliment ta’ tali organizzazzjonijiet, abbażi tal-eżitu tal-IDACS.

    (71)

    L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà tal-punti tal-irriċarġjar u tar-riforniment jenħtieġ li jiġu speċifikati fi standards Ewropej jew internazzjonali. L-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni jenħtieġ li jadottaw standards Ewropej f’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (21). Huwa importanti li dawk l-istandards ikunu bbażati fuq standards internazzjonali attwali jew fuq ħidma ta’ standardizzazzjoni internazzjonali li tinsab għaddejja, meta applikabbli. Għal dak il-għan, huwa importanti li l-proċessi ta’ standardizzazzjoni Ewropej għall-infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment jipproċedu malajr, filwaqt li jappoġġaw aderenza fil-pront mal-iskeda taż-żmien neċessarja għall-ippjanar, is-sejħa għall-offerti u l-bini tal-infrastruttura meħtieġa skont dan ir-Regolament. Huwa importanti wkoll li jinbdew jew jiġu aċċellerati l-proċessi ta’ standardizzazzjoni għal infrastruttura tal-irriċarġjar armonizzata fl-Unjoni kollha għall-irriċarġjar stazzjonarju u dinamiku.

    (72)

    It-trasport marittimu u n-navigazzjoni interna jeħtieġu standards ġodda biex jiġi ffaċilitat u kkonsolidat id-dħul fis-suq tal-fjuwils alternattivi, b’rabta mal-provvista tal-elettriku u tal-idroġenu, il-bunkering tal-metanol u tal-ammonijaka, kif ukoll standards għall-iskambju ta’ komunikazzjoni bejn il-bastimenti u l-infrastruttura.

    (73)

    L-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) tiżviluppa standards ta’ sikurezza u ambjentali uniformi u rikonoxxuti f’livell internazzjonali għat-trasport marittimu. Jenħtieġ li jiġu evitati l-kunflitti mal-istandards internazzjonali fid-dawl tan-natura globali tat-trasport marittimu. Għalhekk, l-Unjoni jenħtieġ li tiżgura li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għat-trasport marittimu adottati skont dan ir-Regolament ikunu konsistenti mar-regoli internazzjonali adottati mill-OMI.

    (74)

    Fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkonsulta gruppi ta’ esperti rilevanti, u b’mod partikolari l-Forum dwar it-Trasport Sostenibbli (“STF”) u l-Forum Ewropew dwar it-Trasport Marittimu Sostenibbli (“ESSF”). Tali konsultazzjoni mal-esperti hija ta’ importanza partikolari meta l-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li tadotta atti delegati jew ta’ implimentazzjoni skont dan ir-Regolament.

    (75)

    L-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi hija qasam li qed jiżviluppa malajr. In-nuqqas ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi komuni jikkostitwixxi ostaklu għall-ħolqien ta’ suq uniku ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu stabbiliti speċifikazzjonijiet tekniċi għal oqsma fejn l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni huma neċessarji iżda għadhom ineżistenti. B’mod partikolari, dawk l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jenħtieġ li jkopru l-komunikazzjoni bejn il-vettura elettrika u l-punt tal-irriċarġjar, il-komunikazzjoni bejn il-punt tal-irriċarġjar u s-sistema ta’ ġestjoni tas-software tal-irriċarġjar (back-end), il-komunikazzjoni relatata mas-servizz tar-roaming tal-vettura elettrika u l-komunikazzjoni mal-grilja elettrika, filwaqt li jiġu żgurati l-ogħla livelli ta’ protezzjoni taċ-ċibersigurtà u protezzjoni tad-data personali tal-klijenti finali. Huwa meħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti qafas ta’ governanza xieraq u r-rwoli tal-atturi differenti involuti fis-settur tal-komunikazzjoni mill-vettura għall-grilja. Barra minn hekk, iridu jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi emerġenti, bħas-sistemi ta’ toroq elettriċi, b’mod partikolari l-provvista dinamika tal-enerġija fl-ajru permezz ta’ pantografu, il-provvista dinamika tal-enerġija fil-livell tal-art permezz ta’ binarji konduttivi u l-provvista tal-enerġija induttiva permezz ta’ koljaturi fit-triq. Fir-rigward tal-forniment tad-data, huwa neċessarju li tipi ta’ data addizzjonali, bħad-data relatata mal-eżistenza ta’ faċilitajiet li joffru servizzi assoċjati lill-utenti finali, id-data relatata mal-metodi ta’ pagament aċċettati, id-data relatata mal-lingwi disponibbli fuq l-infrastruttura u d-data relatata mal-provvista ta’ servizzi tal-irriċarġjar intelliġenti u bidirezzjonali, jiżdiedu mad-data dwar l-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku.

    (76)

    Sabiex dan ir-Regolament jiġi ssupplimentat billi jiġu stabbiliti speċifikazzjonijiet tekniċi ulterjuri u sabiex jiġi emendat dan ir-Regolament billi jiżdiedu tipi ta’ data addizzjonali, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fir-rigward tar-rekwiżiti tekniċi komuni għal interfaċċa komuni għall-programmi tal-applikazzjoni biex ikun jista’ jsir skambju awtomatizzat u uniformi ta’ data bejn l-operaturi ta’ punti tal-irriċarġjar u tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku u l-utenti tad-data. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (22). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

    (77)

    Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni fir-rigward tal-iżvilupp ta’ dispożizzjonijiet dwar it-tikkettar, il-format, il-frekwenza u l-kwalità tad-data dwar il-punti tal-irriċarġjar u tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku biex isiru disponibbli u aċċessibbli skont dan ir-Regolament u l-proċedura li tippermetti dik id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23).

    (78)

    Is-suq għall-fjuwils alternattivi u b’mod partikolari għall-fjuwils b’emissjonijiet żero għadu fl-istadji bikrija tal-iżvilupp u t-teknoloġija qed tevolvi malajr. Dan l-iżvilupp x’aktarx li se jaffettwa d-domanda għall-fjuwils alternattivi u konsegwentement għall-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi fil-modi kollha tat-trasport. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni, sal-31 ta’ Diċembru 2024, tippreżenta rapport dwar l-istat ta’ tħejjija tat-teknoloġija u tas-suq intiż għall-vetturi tqal. Dak ir-rapport jenħtieġ li jqis l-ewwel indikazzjonijiet tal-preferenzi tas-suq u jqis l-iżvilupp teknoloġiku u l-iżvilupp tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi. Sal-31 ta’ Diċembru 2026 u kull ħames snin wara din id-data, il-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq rieżami ta’ dan ir-Regolament.

    (79)

    Peress li dan ir-Regolament se jirriżulta f’kostijiet ta’ aġġustament u amministrattivi addizzjonali, il-piż regolatorju ġenerali għas-setturi koperti b’dan ir-Regolament jenħtieġ li jinżamm taħt rieżami mill-qrib. F’dak l-isfond, fir-rapport tagħha li jevalwa l-funzjonament ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta l-punt sa fejn intlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament u sa liema punt dan kellu impatt fuq il-kompetittività tas-setturi rilevanti. Dak ir-rieżami jenħtieġ li jkopri wkoll l-interazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma’ atti legali rilevanti oħra tal-Unjoni, inklużi azzjonijiet u miżuri possibbli li ttieħdu jew li jistgħu jittieħdu biex titnaqqas il-pressjoni tal-kostijiet totali fuq is-setturi rilevanti.

    (80)

    Minħabba li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiżgura l-varar suffiċjenti ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi fl-Unjoni, b’mod partikolari għall-vetturi tat-triq, għall-ferroviji, għall-bastimenti u għall-inġenji tal-ajru stazzjonarji, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista’ pjuttost, minħabba l-ħtieġa li tkun possibbli l-mobbiltà mal-Unjoni kollha tal-vetturi li jaħdmu bi fjuwils alternattivi, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

    (81)

    Jenħtieġ għalhekk li d-Direttiva 2014/94/UE titħassar. Ir-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) 2019/1745 (24) u (UE) 2021/1444 (25) jistabbilixxu speċifikazzjonijiet tekniċi mhux datati għal ċerti tipi ta’ infrastruttura għall-fjuwils alternattivi u dawk l-ispeċifikazzjonijiet issa huma datati u elenkati fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li dawk ir-Regolamenti Delegati jitħassru wkoll,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett

    1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi miri nazzjonali obbligatorji li jwasslu għall-varar ta’ infrastruttura suffiċjenti tal-fjuwils alternattivi fl-Unjoni għall-vetturi tat-triq, għall-ferroviji, għall-bastimenti u għall-inġenji tal-ajru stazzjonarji. Huwa jistabbilixxi speċifikazzjonijiet u rekwiżiti tekniċi komuni dwar l-informazzjoni għall-utenti, il-forniment tad-data u r-rekwiżiti tal-pagamenti b’rabta mal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi.

    2.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll regoli għall-oqfsa ta’ politika nazzjonali msemmija fl-Artikolu 14 li jridu jiġu adottati mill-Istati Membri, inklużi r-regoli għall-varar ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi f’oqsma fejn ma hemm stabbilit ebda mira obbligatorja għall-Unjoni kollha u għar-rappurtar dwar il-varar ta’ tali infrastruttura.

    3.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ rappurtar biex iħeġġeġ il-kooperazzjoni u jiżgura li l-progress jiġi segwit b’mod robust. Il-mekkaniżmu ta’ rappurtar għandu jieħu l-forma ta’ proċess strutturat, trasparenti u iterattiv li jseħħ bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri għall-fini tal-finalizzazzjoni tal-oqfsa ta’ politika nazzjonali, filwaqt li jitqiesu l-istrateġiji lokali u reġjonali eżistenti għall-varar ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, u l-implimentazzjoni sussegwenti tagħhom u l-azzjoni korrispondenti tal-Kummissjoni biex tappoġġa varar iktar koerenti u rapidu tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi fl-Istati Membri.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “aċċessibbiltà tad-data” tfisser il-possibbiltà li tintalab u tinkiseb data fi kwalunkwe ħin f’format li jinqara mill-magni;

    (2)

    “prezz ad hoc” tfisser il-prezz iċċarġjat minll-operatur ta’ punt tal-irriċarġjar jew tar-riforniment lil utent finali għall-irriċarġjar jew għar-riforniment fuq bażi ad hoc;

    (3)

    “tul in-network tat-toroq TEN-T” tfisser:

    (a)

    fir-rigward tal-istazzjonijiet tal-irriċarġjar elettriku: li jkunu jinsabu fuq in-network tat-toroq TEN-T jew f’distanza ta’ sewqan ta’ 3 km mill-eqreb exit ta’ triq TEN-T; u

    (b)

    fir-rigward tal-istazzjonijiet tar-riforniment tal-idroġenu: li jkunu jinsabu fuq in-network tat-toroq TEN-T jew f’distanza ta’ sewqan ta’ 10 km mill-eqreb exit ta’ triq TEN-T;

    (4)

    “fjuwils alternattivi” tfisser fjuwils jew sorsi tal-enerġija li jservu, tal-inqas parzjalment, bħala sostitut għas-sorsi taż-żejt fossili fl-enerġija li tintuża għat-trasport u li għandhom il-potenzjal li jikkontribwixxu għad-dekarbonizzazzjoni tiegħu u jsaħħu l-prestazzjoni ambjentali tas-settur tat-trasport, inklużi:

    (a)

    “fjuwils alternattivi għal vetturi, ferroviji, bastimenti jew inġenji tal-ajru b’emissjonijiet żero”:

    elettriku,

    idroġenu,

    ammonijaka,

    (b)

    “fjuwils rinnovabbli”:

    fjuwils tal-bijomassa, inkluż il-bijogass, u bijofjuwils kif definiti fl-Artikolu 2, il-punti (27), (28) u (33), rispettivament, tad-Direttiva (UE) 2018/2001,

    fjuwils sintetiċi u paraffiniċi, inkluża l-ammonijaka, prodotti minn enerġija rinnovabbli,

    (c)

    “fjuwils alternattivi mhux rinnovabbli u fjuwils fossili tranżizzjonali”

    gass naturali f’forma gassuża (gass naturali kkompressat (CNG)) u f’forma likwifikata (gass naturali likwifikat (LNG)),

    gass likwifikat miż-żejt (LPG),

    fjuwils sintetiċi u paraffiniċi prodotti minn enerġija mhux rinnovabbli;

    (5)

    “stand ta’ kuntatt għall-inġenji tal-ajru” tfisser stand f’żona ddeżinjata tar-rampa tal-ajruport mgħammra b’pont tal-imbark tal-passiġġieri;

    (6)

    “stand remota għall-inġenji tal-ajru” tfisser stand f’żona ddeżinjata tar-rampa tal-ajruport li ma tkunx mgħammra b’pont tal-imbark tal-passiġġieri;

    (7)

    “ajruport tan-network ewlieni TEN-T jew ajruport tan-network komprensiv TEN-T” tfisser ajruport kif elenkat u kkategorizzat fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013;

    (8)

    “awtentikazzjoni awtomatika” tfisser l-awtentikazzjoni ta’ vettura f’punt tal-irriċarġjar permezz tal-konnettur tal-irriċarġjar jew tat-telematika;

    (9)

    “disponibbiltà tad-data” tfisser l-eżistenza ta’ data f’format diġitali li jinqara mill-magni;

    (10)

    “vettura elettrika bil-batterija” tfisser vettura elettrika li taħdem esklużivament bil-mutur elettriku, mingħajr ebda sors sekondarju ta’ propulsjoni;

    (11)

    “irriċarġjar bidirezzjonali” tfisser operazzjoni tal-irriċarġjar intelliġenti fejn id-direzzjoni tal-fluss tal-elettriku tista’ tinqaleb, u b’hekk l-elettriku jkun jista’ jgħaddi mill-batterija għall-punt tal-irriċarġjar li miegħu tkun konnessa;

    (12)

    “konnettur” tfisser l-interfaċċa fiżika bejn il-punt tal-irriċarġjar jew tar-riforniment u l-vettura li permezz tagħha jiġu skambjati l-fjuwil jew l-enerġija elettrika;

    (13)

    “trasport kummerċjali bl-ajru” tfisser “trasport kummerċjali bl-ajru” kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (24), tar-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26);

    (14)

    “vapur tal-kontejners” tfisser vapur iddisinjat esklużivament għall-ġarr ta’ kontejners fl-istivi jew fuq il-gverta;

    (15)

    “pagament abbażi ta’ kuntratt” tfisser pagament għal servizz tal-irriċarġjar jew tar-riforniment mill-utent finali lil fornitur ta’ servizz ta’ mobbiltà abbażi ta’ kuntratt konkluż bejn dak l-utent finali u dak il-fornitur ta’ servizz ta’ mobbiltà;

    (16)

    “utent tad-data” tfisser kwalunkwe awtorità pubblika, awtorità tat-toroq, operatur tat-toroq, operatur tal-punti tal-irriċarġjar u tar-riforniment, organizzazzjoni tar-riċerka jew mhux governattiva, fornitur ta’ servizz ta’ mobbiltà, pjattaforma tar-roaming elettroniku, fornitur tal-mapep diġitali jew kwalunkwe entità oħra interessata fl-użu tad-data biex tipprovdi informazzjoni, toħloq servizzi jew twettaq riċerka jew analiżi dwar l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi;

    (17)

    “punt tal-irriċarġjar konness b’mod diġitali” tfisser punt tal-irriċarġjar li jista’ jibgħat u jirċievi informazzjoni f’ħin reali, jikkomunika b’mod bidirezzjonali mal-grilja elettrika u mal-vettura elettrika, u li jista’ jiġi mmonitorjat u kkontrollat b’mod remot, inkluż sabiex tinbeda u titwaqqaf is-sessjoni tal-irriċarġjar u jitkejlu l-flussi tal-elettriku;

    (18)

    “operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni” tfisser “operatur tas-sistema tad-distribuzzjoni” kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (29), tad-Direttiva (UE) 2019/944;

    (19)

    “distributur” tfisser “distributur” kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (43), tar-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27);

    (20)

    “data dinamika” tfisser data li tinbidel spiss jew fuq bażi regolari;

    (21)

    “sistema ta’ triq elettrika” tfisser installazzjoni fiżika tul triq għat-trasferiment tal-elettriku għal vettura elettrika waqt li l-vettura tkun miexja;

    (22)

    “vettura elettrika” tfisser vettura bil-mutur mgħammra b’sistema tal-motopropulsjoni li jkun fiha tal-inqas magna elettrika mhux periferali waħda bħala konvertitur tal-enerġija b’sistema ta’ ħżin tal-enerġija elettrika rikarikabbli, li tista’ tiġi rriċarġjata esternament;

    (23)

    “provvista tal-elettriku lil inġenju tal-ajru stazzjonarju” tfisser il-provvista tal-elettriku permezz ta’ interfaċċa fissa jew mobbli standardizzata lil inġenju tal-ajru meta jkun stazzjonat fi stand ta’ kuntatt għall-inġenji tal-ajru jew fi stand remota għall-inġenji tal-ajru;

    (24)

    “utent finali” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tixtri fjuwil alternattiv għall-użu dirett f’vettura;

    (25)

    “roaming elettroniku” tfisser l-iskambju ta’ data u pagamenti bejn l-operatur ta’ punt tal-irriċarġjar jew tar-riforniment u fornitur ta’ servizz ta’ mobbiltà li mingħandu utent finali jixtri servizz tal-irriċarġjar jew tar-riforniment;

    (26)

    “pjattaforma tar-roaming elettroniku” tfisser pjattaforma li tgħaqqad flimkien lill-atturi tas-suq, b’mod partikolari l-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà u l-operaturi ta’ punti tal-irriċarġjar jew tar-riforniment, biex tippermetti l-forniment ta’ servizzi bejniethom, inkluż ir-roaming elettroniku;

    (27)

    “standard Ewropew” tfisser “standard Ewropew” kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1)(b), tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012;

    (28)

    “avjazzjoni ġenerali” tfisser l-operazzjonijiet kollha tal-avjazzjoni ċivili minbarra s-servizzi tal-ajru skedati u l-operazzjonijiet tat-trasport bl-ajru mhux skedati għal remunerazzjoni jew kiri;

    (29)

    “tunnellaġġ gross” (GT) tfisser “tunnellaġġ gross” kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (e), tar-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (28);

    (30)

    “vettura tqila” tfisser vettura bil-mutur tal-Kategorija M2 kif deskritta fl-Artikolu 4(1), il-punt (a)(ii), vettura bil-mutur tal-Kategorija M3 kif deskritta fl-Artikolu 4(1), il-punt (a)(iii), vettura bil-mutur tal-Kategorija N2 kif deskritta fl-Artikolu 4(1), il-punt (b)(ii) jew vettura bil-mutur tal-Kategorija N3 kif deskritta fl-Artikolu 4(1), il-punt (b)(iii), tar-Regolament (UE) 2018/858;

    (31)

    “punt tal-irriċarġjar b’potenza għolja” tfisser punt tal-irriċarġjar b’potenza tal-output ta’ aktar minn 22 kW għat-trasferiment tal-elettriku lil vettura elettrika;

    (32)

    “inġenju ta’ veloċità għolja għall-passiġġieri” tfisser “inġenju ta’ veloċità għolja” kif definit fir-Regolament 1 tal-Kapitolu X tal-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar, 1974 (SOLAS 74), li jġorr iżjed minn 12-il passiġġier;

    (33)

    “vettura ħafifa” tfisser vettura bil-mutur tal-Kategorija M1 kif deskritta fl-Artikolu 4(1), il-punt (a)(i) jew vettura bil-mutur tal-Kategorija N1 kif deskritta fl-Artikolu 4(1), il-punt (b)(i), tar-Regolament (UE) 2018/858;

    (34)

    “metan likwifikat” tfisser LNG, bijogass likwifikat jew metan likwifikat sintetiku, inklużi taħlitiet ta’ dawk il-fjuwils;

    (35)

    “manifattur” tfisser “manifattur” kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (40), tar-Regolament (UE) 2018/858;

    (36)

    “fornitur ta’ servizz ta’ mobbiltà” tfisser persuna ġuridika li tipprovdi servizzi għal remunerazzjoni lil utent finali, inkluż il-bejgħ ta’ servizzi tal-irriċarġjar jew tal-irriċarġjar;

    (37)

    “punt tal-irriċarġjar b’potenza normali” tfisser punt tal-irriċarġjar b’potenza tal-output ta’ 22 kW jew inqas għat-trasferiment tal-elettriku lil vettura elettrika;

    (38)

    “Punt ta’ Aċċess Nazzjonali” tfisser interfaċċa diġitali stabbilita minn Stat Membru li tikkostitwixxi punt ta’ aċċess uniku għad-data;

    (39)

    “operatur ta’ punt tal-irriċarġjar” tfisser l-entità li hija responsabbli għall-ġestjoni u l-operazzjoni ta’ punt tal-irriċarġjar u li tipprovdi servizz tal-irriċarġjar lill-utenti finali, inkluż f’isem u fl-interess ta’ fornitur ta’ servizz ta’ mobbiltà;

    (40)

    “operatur ta’ punt tar-riforniment” tfisser l-entità responsabbli għall-ġestjoni u l-operazzjoni ta’ punt tar-riforniment li jipprovdi servizz tar-riforniment lill-utenti finali, inkluż f’isem u fl-interess ta’ fornitur ta’ servizz ta’ mobbiltà;

    (41)

    “vapur tal-passiġġieri” tfisser vapur li jġorr aktar minn 12-il passiġġier, inklużi vapuri tal-kruċieri, inġenji ta’ veloċità għolja għall-passiġġieri u vapuri ro-ro tal-passiġġieri;

    (42)

    “servizz ta’ pagament” tfisser “servizz ta’ pagament” kif definit fl-Artikolu 4, il-punt (3), tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (29);

    (43)

    “vettura ibrida plug-in” tfisser vettura elettrika b’magna tal-kombustjoni konvenzjonali kkombinata ma’ sistema ta’ propulsjoni elettrika li tista’ tiġi rriċarġjata minn sors estern tal-enerġija elettrika;

    (44)

    “potenza tal-output” tfisser il-potenza massima teoretika, espressa f’kW, li tista’ tiġi fornuta minn punt, stazzjon jew grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar, jew minn installazzjoni tal-provvista tal-elettriku mix-xatt lil vetturi jew bastimenti konnessi ma’ dak il-punt, stazzjon, grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar jew mal-installazzjoni;

    (45)

    “infrastruttura tal-fjuwils alternattivi aċċessibbli għall-pubbliku”, tfisser infrastruttura tal-fjuwils alternattivi li tkun tinsab f’sit jew bini li jkun miftuħ għall-pubbliku ġenerali, irrispettivament minn jekk l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi tkunx tinsab fuq proprjetà pubblika jew privata, jekk ikunux japplikaw limitazzjonijiet jew kundizzjonijiet f’termini tal-aċċess għas-sit jew għall-bini u irrispettivament mill-kundizzjonijiet tal-użu applikabbli tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi;

    (46)

    “kodiċi ta’ Rispons Rapidu” (kodiċi QR) tfisser ikkowdjar u viżwalizzazzjoni tad-data konformi ma’ ISO/IEC 18004:2015;

    (47)

    “irriċarġjar fuq bażi ad hoc” tfisser servizz tal-irriċarġjar mixtri minn utent finali mingħajr il-ħtieġa li dak l-utent finali jirreġistra, jikkonkludi ftehim bil-miktub jew jidħol f’relazzjoni kummerċjali mal-operatur ta’ dak il-punt tal-irriċarġjar li tmur lil hinn mis-sempliċi xiri tas-servizz tal-irriċarġjar;

    (48)

    “punt tal-irriċarġjar” tfisser interfaċċa fissa jew mobbli, on-grid jew off-grid għat-trasferiment tal-elettriku lil vettura elettrika li, għalkemm jista’ jkollha konnettur wieħed jew aktar biex takkomoda tipi differenti ta’ konnetturi, tkun kapaċi tirriċarġja vettura elettrika waħda biss fl-istess ħin, u li teskludi apparati b’potenza tal-output ta’ 3,7 kW jew inqas li l-għan primarju tagħhom ma jkunx l-irriċarġjar ta’ vetturi elettriċi;

    (49)

    “punt, stazzjon jew grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar intiżi għall-vetturi ħfief” tfisser punt, stazzjon jew grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar maħsuba għall-irriċarġjar ta’ vetturi ħfief, minħabba d-disinn speċifiku tal-konnetturi/tal-plugs inkella minħabba d-disinn tal-ispazju ta’ parkeġġ maġenb il-punt, l-istazzjon jew il-grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar, jew minħabba t-tnejn li huma;

    (50)

    “punt, stazzjon jew grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar maħsuba għall-vetturi tqal” tfisser punt, stazzjon jew grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar maħsuba għall-irriċarġjar ta’ vetturi tqal, jew minħabba d-disinn speċifiku tal-konnetturi/tal-plugs inkella minħabba d-disinn tal-ispazju ta’ parkeġġ maġenb il-punt, l-istazzjon jew il-grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar, jew minħabba t-tnejn li huma;

    (51)

    “grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar” tfisser stazzjon tal-irriċarġjar wieħed jew aktar f’post speċifiku;

    (52)

    “stazzjon tal-irriċarġjar” tfisser installazzjoni fiżika f’post speċifiku, li tikkonsisti minn punt tal-irriċarġjar wieħed jew aktar;

    (53)

    “servizz tal-irriċarġjar” tfisser il-bejgħ jew il-forniment tal-elettriku, inklużi s-servizzi relatati, permezz ta’ punt tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku;

    (54)

    “sessjoni tal-irriċarġjar” tfisser il-proċess sħiħ tal-irriċarġjar ta’ vettura f’punt tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku mill-mument li l-vettura tiġi konnessa sal-mument li l-vettura tiġi skonnessa;

    (55)

    “riforniment fuq bażi ad hoc” tfisser servizz tar-riforniment mixtri minn utent finali mingħajr il-ħtieġa li dak l-utent finali jirreġistra, jikkonkludi ftehim bil-miktub, jew jidħol f’relazzjoni kummerċjali mal-operatur ta’ dak il-punt tar-riforniment li tmur lil hinn mis-sempliċi xiri tas-servizz tar-riforniment;

    (56)

    “punt tar-riforniment” tfisser faċilità tar-riforniment għall-forniment ta’ kwalunkwe fjuwil likwidu jew gassuż, permezz ta’ installazzjoni fissa jew mobbli, li jkollha kapaċità ta’ riforniment ta’ vettura waħda, ferrovija waħda, bastiment wieħed jew inġenju tal-ajru wieħed biss fl-istess ħin;

    (57)

    “servizz tar-riforniment” tfisser il-bejgħ jew il-forniment ta’ kwalunkwe fjuwil likwidu jew gassuż permezz ta’ punt tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku;

    (58)

    “sessjoni tar-riforniment” tfisser il-proċess sħiħ tar-riforniment ta’ vettura f’punt tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku mill-mument li l-vettura tiġi konnessa sal-mument li l-vettura tiġi skonnessa;

    (59)

    “stazzjon tar-riforniment” tfisser installazzjoni fiżika waħda f’post speċifiku, li tikkonsisti minn punt tar-riforniment wieħed jew aktar;

    (60)

    “awtorità regolatorja” tfisser awtorità regolatorja ddeżinjata minn kull Stat Membru skont l-Artikolu 57(1) tad-Direttiva (UE) 2019/944;

    (61)

    “enerġija rinnovabbli” tfisser “enerġija minn sorsi rinnovabbli” kif definita fl-Artikolu 2, it-tieni paragrafu, il-punt (1), tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

    (62)

    “vapur ro-ro tal-passiġġieri” tfisser vapur b’faċilitajiet li jippermettu li vetturi tat-triq jew ferrovjarji jitilgħu u jinżlu mill-bastiment u li jġorr iżjed minn 12-il passiġġier;

    (63)

    “żona ta’ parkeġġ sikura u sigura” tfisser żona ta’ parkeġġ aċċessibbli għas-sewwieqa involuti fit-trasport ta’ merkanzija jew passiġġieri li tkun ġiet iċċertifikata f’konformità mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1012 (30);

    (64)

    “provvista tal-elettriku mix-xatt” tfisser il-forniment tal-enerġija elettrika mix-xatt permezz ta’ interfaċċa fissa jew mobbli standardizzata lil vapuri li jbaħħru jew lil bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, irmiġġati man-naħa tal-moll;

    (65)

    “irriċarġjar intelliġenti” tfisser operazzjoni tal-irriċarġjar li fiha l-intensità tal-elettriku fornut lill-batterija tiġi aġġustata f’ħin reali, abbażi tal-informazzjoni li tasal permezz ta’ komunikazzjoni elettronika;

    (66)

    “data statika” tfisser data li ma tinbidilx spiss jew fuq bażi regolari;

    (67)

    “network komprensiv TEN-T” tfisser network komprensiv fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013;

    (68)

    “network ewlieni TEN-T” tfisser network ewlieni fis-sens tal-Artikolu 38 tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013;

    (69)

    “port ta’ passaġġi fuq l-ilma interni tan-network ewlieni TEN-T jew port ta’ passaġġi fuq l-ilma interni tan-network komprensiv TEN-T” tfisser port ta’ passaġġi fuq l-ilma interni tan-network ewlieni TEN-T jew tan-network komprensiv TEN-T, kif elenkati u kkategorizzati fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013;

    (70)

    “port marittimu tan-network ewlieni TEN-T jew port marittimu tan-network komprensiv TEN-T” tfisser port marittimu tan-network ewlieni TEN-T jew tan-network komprensiv TEN-T, kif elenkati u kkategorizzati fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013;

    (71)

    “operatur tas-sistema tat-trażmissjoni” tfisser “operatur tas-sistema tat-trażmissjoni” kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (35), tad-Direttiva (UE) 2019/944;

    (72)

    “nodu urban” tfisser “nodu urban” kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (p), tar-Regolament (UE) Nru 1315/2013.

    Artikolu 3

    Miri għall-infrastruttura tal-irriċarġjar intiża għall-vetturi elettriċi ħfief

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fit-territorju tagħhom, stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku intiżi għall-vetturi elettriċi ħfief jiġu varati b’mod li jkun proporzjonat għall-adozzjoni ta’ vetturi elettriċi ħfief u li jipprovdu potenza tal-output suffiċjenti għal dawk il-vetturi.

    Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fi tmiem kull sena, u billi jibdew mill-2024, il-miri tal-potenza tal-output li ġejjin jintlaħqu b’mod kumulattiv:

    (a)

    għal kull vettura elettrika ħafifa bil-batterija rreġistrata fit-territorju tagħhom, tiġi pprovduta potenza tal-output totali ta’ mill-inqas 1,3 kW permezz ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku; u

    (b)

    għal kull vettura ibrida plug-in ħafifa rreġistrata fit-territorju tagħhom, tiġi pprovduta potenza tal-output totali ta’ mill-inqas 0,80 kW permezz ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku.

    2.   Meta s-sehem ta’ vetturi elettriċi ħfief bil-batterija mqabbel mal-flotta totali ta’ vetturi ħfief irreġistrati fit-territorju ta’ Stat Membru jilħaq mill-inqas 15 % u l-Istat Membru juri li l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, għandha effetti avversi f’dak l-Istat Membru, billi tiskoraġġixxi l-investimenti privati, u li ma għadhiex ġustifikata, dak l-Istat Membru jista’ jressaq talba motivata lill-Kummissjoni għall-awtorizzazzjoni biex japplika rekwiżiti aktar baxxi f’termini tal-livell tal-potenza tal-output totali jew biex jieqaf japplika tali rekwiżiti.

    3.   Il-Kummissjoni għandha, fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi talba motivata mressqa skont il-paragrafu 2, tadotta deċiżjoni kif ġustifikat f’kull każ.

    4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw kopertura minima ta’ punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku intiżi għall-vetturi elettriċi ħfief fuq in-network tat-toroq fit-territorju tagħhom.

    Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

    (a)

    tul in-network ewlieni tat-toroq TEN-T, jiġu varati gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku intiżi għall-vetturi elettriċi ħfief u li jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin f’kull direzzjoni tal-ivvjaġġar b’distanza massima ta’ 60 km bejniethom:

    (i)

    sal-31 ta’ Diċembru 2025, kull grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar joffri potenza tal-output ta’ mill-inqas 400 kW u jinkludi mill-inqas punt wieħed tal-irriċarġjar b’potenza tal-output individwali ta’ mill-inqas 150 kW;

    (ii)

    sal-31 ta’ Diċembru 2027, kull grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar joffri potenza tal-output ta’ mill-inqas 600 kW u jinkludi mill-inqas żewġ punti tal-irriċarġjar b’potenza tal-output individwali ta’ mill-inqas 150 kW;

    (b)

    tul in-network komprensiv tat-toroq TEN-T, jiġu varati gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku intiżi għall-vetturi elettriċi ħfief u li jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin f’kull direzzjoni tal-ivvjaġġar b’distanza massima ta’ 60 km bejniethom:

    (i)

    sal-31 ta’ Diċembru 2027, tul mill-inqas 50 % tat-tul tan-network komprensiv tat-toroq TEN-T, kull grupp ta' stazzjonijiet tal-irriċarġjar joffri potenza tal-output ta’ mill-inqas 300 kW u jinkludi mill-inqas punt wieħed tal-irriċarġjar b’potenza tal-output individwali ta’ mill-inqas 150 kW;

    (ii)

    sal-31 ta’ Diċembru 2030, kull grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar joffri potenza tal-output ta’ mill-inqas 300 kW u jinkludi mill-inqas punt wieħed tal-irriċarġjar b’potenza tal-output individwali ta’ mill-inqas 150 kW;

    (iii)

    sal-31 ta’ Diċembru 2035, kull grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar joffri potenza tal-output ta’ mill-inqas 600 kW u jinkludi mill-inqas żewġ punti tal-irriċarġjar b’potenza tal-output individwali ta’ mill-inqas 150 kW.

    5.   Il-kalkolu tal-perċentwal tat-tul tan-network komprensiv tat-toroq TEN-T imsemmi fil-paragrafu 4, il-punt (b)(i), għandu jkun ibbażat fuq l-elementi li ġejjin:

    (a)

    għall-kalkolu tad-denominatur: it-tul totali tan-network komprensiv TEN-T fit-territorju tal-Istat Membru;

    (b)

    għall-kalkolu tan-numeratur: it-tul kumulat tas-sezzjonijiet tan-network komprensiv tat-toroq TEN-T bejn żewġ gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku intiżi għall-vetturi elettriċi ħfief li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 4, il-punt (b)(i), bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe sezzjoni tan-network komprensiv tat-toroq TEN-T bejn tnejn minn dawk il-gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar li jkunu aktar minn 60 km ‘il bogħod minn xulxin.

    6.   Grupp uniku ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku intiż għall-vetturi elettriċi ħfief jista’ jiġi varat tul inn-network tat-toroq TEN-T għaż-żewġ direzzjonijiet tal-ivvjaġġar dment li:

    (a)

    dak il-grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar ikun aċċessibbli faċilment miż-żewġ direzzjonijiet tal-ivvjaġġar;

    (b)

    dak il-grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar ikun issinjalat b’mod adegwat; u

    (c)

    r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 4 f’termini tad-distanza massima bejn il-gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar, il-potenza tal-output totali tal-grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar, l-għadd ta’ punti tal-irriċarġjar u l-potenza tal-output tal-punti uniċi tal-irriċarġjar applikabbli għal direzzjoni waħda tal-ivvjaġġar jiġu rrispettati għaż-żewġ direzzjonijiet tal-ivvjaġġar.

    7.   B’deroga mill-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, tul it-toroq tan-network TEN-T b’medja annwali totali ta’ traffiku ta’ kuljum ta’ inqas minn 8 500 vettura ħafifa u meta l-varar tal-infrastruttura ma jistax jiġi ġġustifikat f’termini ta’ kostijiet-benefiċċji soċjoekonomiċi, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku intiż għall-vetturi elettriċi ħfief iservi ż-żewġ direzzjonijiet tal-ivvjaġġar dment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu f’termini tad-distanza massima bejn il-gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar, il-potenza tal-output totali tal-grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar, l-għadd ta’ punti tal-irriċarġjar u l-potenza tal-output tal-punti uniċi tal-irriċarġjar applikabbli għal direzzjoni waħda tal-ivvjaġġar, u li l-grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar ikun aċċessibbli faċilment miż-żewġ direzzjonijiet tal-ivvjaġġar u li jkun sinjalat b’mod adegwat. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe każ li fih ikunu għamlu użu mid-deroga msemmija f’dan il-paragrafu. L-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw dawk il-każijiet kull sentejn bħala parti mir-rappurtar nazzjonali dwar il-progress imsemmi fl-Artikolu 15.

    8.   B’deroga mill-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, tul it-toroq tan-network TEN-T b’medja annwali totali ta’ traffiku ta’ kuljum ta’ inqas minn 8 500 vettura ħafifa u meta l-varar tal-infrastruttura ma tistax tiġi ġġustifikata f’termini ta’ kostijiet-benefiċċji soċjoekonomiċi, l-Istati Membri jistgħu jnaqqsu, sa massimu ta’ 50 %, il-potenza tal-output totali tal-grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku intiż għall-vetturi ħfief meħtieġ skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, dment li l-grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar jaqdi biss direzzjoni waħda tal-ivvjaġġar u li jkunu ssodisfati r-rekwiżiti l-oħra stabbiliti fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu f’termini tad-distanza massima bejn il-gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar, l-għadd ta’ punti tal-irriċarġjar u l-potenza tal-output tal-punti uniċi tal-irriċarġjar. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe każ li fih ikunu għamlu użu mid-deroga msemmija f’dan il-paragrafu. L-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw dawk il-każijiet kull sentejn bħala parti mir-rappurtar nazzjonali dwar il-progress imsemmi fl-Artikolu 15.

    9.   B’deroga mir-rekwiżit relatat mad-distanza massima ta’ 60 km bejn il-gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku intiżi għal vetturi ħfief stabbilit fil-paragrafu 4, il-punti (a) u (b), ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jippermettu distanza itwal, sa massimu ta’ 100 km, għal tali gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar tul toroq tan-network TEN-T b’medja annwali totali ta’ traffiku ta’ kuljum ta’ inqas minn 3 000 vettura ħafifa dment li d-distanza bejn il-gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar tkun issinjalata b’mod adegwat. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe każ li fih ikunu għamlu użu mid-deroga msemmija f’dan il-paragrafu. L-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw dawk il-każijiet kull sentejn bħala parti mir-rappurtar nazzjonali dwar il-progress imsemmi fl-Artikolu 15.

    10.   Meta Stat Membru jkun innotifika lill-Kummissjoni b’każ li fih ikun għamel użu minn deroga msemmija fil-paragrafu 7, ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 4, il-punti (a) u (b), f’termini tad-distanza massima bejn il-gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar, għandhom jitqiesu li ġew issodisfati.

    11.   L-Istati Membri ġirien għandhom jiżguraw li d-distanzi massimi msemmija fil-paragrafu 4, il-punti (a) u (b) ma jinqabżux għat-taqsimiet transfruntiera tan-network ewlieni tat-toroq TEN-T u tan-network komprensiv tat-toroq TEN-T.

    Artikolu 4

    Miri għall-infrastruttura tal-irriċarġjar intiża għall-vetturi elettriċi tqal

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw kopertura minima ta’ punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku intiżi għall-vetturi tqal fit-territorju tagħhom.

    Għal dan il-fini, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

    (a)

    sal-31 ta’ Diċembru 2025, tul mill-inqas 15 % min-network tat-toroq TEN-T, jiġu varati gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku intiżi għal vetturi elettriċi tqal f’kull direzzjoni tal-ivvjaġġar u li kull grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar joffri potenza tal-output ta’ mill-inqas 1 400 kW u jinkludi mill-inqas punt tal-irriċarġjar wieħed b’potenza tal-output individwali ta’ mill-inqas 350 kW;

    (b)

    sal-31 ta’ Diċembru 2027, tul mill-inqas 50 % min-network tat-toroq TEN-T, jiġu installati gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku intiżi għal vetturi elettriċi tqal f’kull direzzjoni tal-ivvjaġġar u li kull grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar:

    (i)

    tul in-network ewlieni tat-toroq TEN-T, joffri potenza tal-output ta’ mill-inqas 2 800 kW u jinkludi mill-inqas żewġ stazzjonijiet tal-irriċarġjar b’potenza tal-output individwali ta’ mill-inqas 350 kW;

    (ii)

    tul in-network komprensiv tat-toroq TEN-T, joffri potenza tal-output ta’ mill-inqas 1 400 kW u jinkludi mill-inqas stazzjon wieħed tal-irriċarġjar b’potenza tal-output individwali ta’ mill-inqas 350 kW;

    (c)

    sal-31 ta’ Diċembru 2030, tul in-network komprensiv tat-toroq TEN-T, jiġu varati gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku intiżi għall-vetturi elettriċi tqal f’kull direzzjoni tal-ivvjaġġar b’distanza massima ta’ 60 km bejniethom u li kull grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar joffri potenza tal-output ta’ mill-inqas 3 600 kW u jinkludi mill-inqas żewġ punti tal-irriċarġjar b’potenza tal-output individwali ta’ mill-inqas 350 kW;

    (d)

    sal-31 ta’ Diċembru 2030, tul in-network komprensiv tat-toroq TEN-T, jiġu varati gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku intiżi għal vetturi elettriċi tqal f’kull direzzjoni tal-ivvjaġġar b’distanza massima ta’ 100 km bejniethom u kull grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar joffri potenza tal-output ta’ mill-inqas 1 500 kW u jinkludi mill-inqas punt tal-irriċarġjar wieħed b’potenza tal-output individwali ta’ mill-inqas 350 kW;

    (e)

    Sal-31 ta’ Diċembru 2027, f’kull żona ta’ parkeġġ sikura u sigura jiġu varati mill-inqas żewġ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku intiżi għall-vetturi elettriċi tqal b’potenza tal-output individwali ta’ mill-inqas 100 kW;

    (f)

    sal-31 ta’ Diċembru 2030, f’kull żona ta’ parkeġġ sikura u sigura jiġu varati mill-inqas erba’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku intiżi għall-vetturi elettriċi tqal b’potenza tal-output individwali ta’ mill-inqas 100 kW;

    (g)

    sal-31 ta’ Diċembru 2025, f’kull nodu urban jiġu varati punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku intiżi għall-vetturi elettriċi tqal b’potenza tal-output aggregat ta’ mill-inqas 900 kW, fornuti minn stazzjonijiet tal-irriċarġjar b’potenza tal-output individwali ta’ mill-inqas 150 kW;

    (h)

    sal-31 ta’ Diċembru 2030, f’kull nodu urban jiġu varati punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku intiżi għall-vetturi elettriċi tqal b’potenza tal-output aggregat ta’ mill-inqas 1 800 kW, fornuti minn stazzjonijiet tal-irriċarġjar b’potenza tal-output individwali ta’ mill-inqas 150 kW.

    2.   Il-kalkolu tal-perċentwal tat-tul tan-network tat-toroq TEN-T imsemmi fil-paragrafu 1, il-punti (a) u (b), għandu jkun ibbażat fuq l-elementi li ġejjin:

    (a)

    għall-kalkolu tad-denominatur: it-tul totali tan-network komprensiv tat-toroq TEN-T fit-territorju tal-Istat Membru;

    (b)

    għall-kalkolu tan-numeratur: it-tul kumulat tas-sezzjonijiet tan-network tat-toroq TEN-T bejn żewġ gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku intiżi għall-vetturi elettriċi tqal li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1, il-punti (a) jew (b) rispettivament, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe sezzjoni tan-network tat-toroq TEN-T bejn tnejn minn dawk il-gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar li jkunu aktar minn 120 km ’il bogħod minn xulxin.

    3.   Grupp uniku ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku intiż għall-vetturi elettriċi tqal jista’ jiġi varat tul it-toroq tan-network tat-toroq TEN-T għaż-żewġ direzzjonijiet tal-ivvjaġġar dment li:

    (a)

    dak il-grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar ikun aċċessibbli faċilment miż-żewġ direzzjonijiet tal-ivvjaġġar;

    (b)

    dak il-grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar ikun issinjalat b’mod adegwat; u

    (c)

    r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 f’termini tad-distanza massima bejn il-gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar, il-potenza tal-output totali tal-grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar, l-għadd ta’ punti tal-irriċarġjar u l-potenza tal-output tal-punti uniċi applikabbli għal direzzjoni waħda tal-ivvjaġġar jiġu rrispettati għaż-żewġ direzzjonijiet tal-ivvjaġġar.

    4.   B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, tul it-toroq tan-network TEN-T b’medja annwali totali ta’ traffiku ta’ kuljum ta’ inqas minn 2 000 vettura tqila u meta l-varar tal-infrastruttura ma jistax jiġi ġġustifikat f’termini ta’ kostijiet-benefiċċji soċjoekonomiċi, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku intiż għall-vetturi elettriċi tqal iservi ż-żewġ direzzjonijiet tal-ivvjaġġar dment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu f’termini tad-distanza massima bejn il-gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar, il-potenza tal-output totali tal-grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar, l-għadd ta’ punti tal-irriċarġjar u l-potenza tal-output tal-punti uniċi tal-irriċarġjar applikabbli għal direzzjoni waħda tal-ivvjaġġar, u li l-grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar ikun aċċessibbli faċilment miż-żewġ direzzjonijiet tal-ivvjaġġar u issinjalat b’mod adegwat. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe każ li fih ikunu għamlu użu mid-deroga msemmija f’dan il-paragrafu. L-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw dawk il-każijiet kull sentejn bħala parti mir-rappurtar nazzjonali dwar il-progress imsemmi fl-Artikolu 15.

    5.   B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, tul it-toroq tan-network TEN-T b’medja annwali totali ta’ traffiku ta’ kuljum ta’ inqas minn 2 000 vettura tqila u meta l-varar tal-infrastruttura ma tistax tiġi ġġustifikata f’termini ta’ kostijiet-benefiċċji soċjoekonomiċi, l-Istati Membri jistgħu jnaqqsu, sa massimu ta’ 50 %, il-potenza tal-output totali tal-grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku intiż għall-vetturi elettriċi tqal meħtieġ skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, dment li l-grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar jaqdi biss direzzjoni waħda tal-ivvjaġġar u li jkunu ssodisfati r-rekwiżiti l-oħra stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, f’termini tad-distanza massima bejn il-gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar, l-għadd ta’ punti tal-irriċarġjar u l-potenza tal-output tal-punti uniċi tal-irriċarġjar. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe każ li fih ikunu għamlu użu mid-deroga msemmija f’dan il-paragrafu. L-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw dawk il-każijiet kull sentejn bħala parti mir-rappurtar nazzjonali dwar il-progress imsemmi fl-Artikolu 15.

    6.   B’deroga mir-rekwiżit relatat mad-distanza massima ta’ 60 km bejn il-gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku intiżi għal vetturi elettriċi tqal stabbilit fil-paragrafu 1, il-punt (c), ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jippermettu distanza akbar, sa massimu 100 km, għal tali gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar tul toroq tan-network ewlieni TEN-T b’medja annwali totali ta’ traffiku ta’ kuljum ta’ inqas minn 800 vettura tqila, dment li d-distanza bejn il-gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar tkun issinjalata b’mod adegwat. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe każ li fih ikunu għamlu użu mid-derogi msemmija f’dan il-paragrafu. L-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw dawk il-każijiet kull sentejn bħala parti mir-rappurtar nazzjonali dwar il-progress imsemmi fl-Artikolu 15.

    7.   Meta Stat Membru jkun innotifika lill-Kummissjoni b’każ li fih ikun għamel użu minn deroga msemmija fil-paragrafu 6, ir-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 1, il-punt (c), f’termini tad-distanza massima bejn il-gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar, għandhom jitqiesu li ġew issodisfati.

    8.   B’deroga mir-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1, il-punti (a), (b), (c) u (d), relatati mal-potenza tal-output totali ta’ gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku intiżi għall-vetturi elettriċi tqal u mir-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 1, il-punt (c), relatati mad-distanza massima bejn dawk il-gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar, Ċipru jista’ jippreżenta lill-Kummissjoni talba motivata għal awtorizzazzjoni biex japplika rekwiżiti aktar baxxi f’termini tal-livell tal-potenza tal-output totali tal-gruppi tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku intiżi għall-vetturi elettriċi tqal jew biex japplika distanza massima itwal, sa massimu ta’ 100 km, bejn dawk il-gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar, jew it-tnejn, dment li tali talba, jekk awtorizzata, ma timpediix iċ-ċirkolazzjoni ta’ vetturi elettriċi tqal f’dak l-Istat Membru.

    Il-Kummissjoni għandha, fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi talba motivata ppreżentata skont l-ewwel subparagrafu, tadotta deċiżjoni kif ġustifikat f’kull każ. Kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija lil Ċipru permezz ta’ tali deċiżjoni għandha tkun valida għal massimu ta’ erba’ snin. F’każ li Ċipru jkun jixtieq jestendi l-validità tal-awtorizzazzjoni, huwa jista’ jissottometti talba motivata oħra lill-Kummissjoni qabel l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni.

    9.   Sal-31 ta’ Diċembru 2030, l-Istati Membri ġirien għandhom jiżguraw li d-distanzi massimi bejn il-gruppi ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar imsemmijin fil-paragrafu 1, il-punti (c) u (d), ma jinqabżux għat-taqsimiet transfruntiera tan-network ewlieni tat-toroq TEN-T u tan-network komprensiv tat-toroq TEN-T. Qabel dik id-data, għandha tingħata attenzjoni partikolari lit-taqsimiet transfruntiera u l-Istati Membri ġirien għandhom jagħmlu l-isforzi kollha possibbli biex jirrispettaw dawk id-distanzi massimi hekk kif ivaraw l-infrastruttura tal-irriċarġjar tul it-taqsimiet transfruntiera tan-network tat-toroq TEN-T.

    Artikolu 5

    Infrastruttura tal-irriċarġjar

    1.   L-operaturi tal-punti tal-irriċarġjar għandhom, fil-punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku mħaddma minnhom, jagħtu lill-utenti finali l-possibbiltà li jirriċarġjaw il-vettura elettrika tagħhom fuq bażi ad hoc.

    Fil-punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku varati mit-13 ta’ April 2024, l-iċċarġjar fuq bażi ad hoc għandu jkun possibbli bl-użu ta’ strument ta’ pagament li jintuża b’mod wiesa’ fl-Unjoni. Għal dak il-għan, l-operaturi tal-punti tal-irriċarġjar għandhom jaċċettaw pagamenti elettroniċi f’dawk il-punti permezz ta’ terminals u apparati użati għal servizzi ta’ pagament, inkluż mill-inqas wieħed minn dawn li ġejjin:

    (a)

    tagħmir li jaqra l-kards tal-pagament;

    (b)

    apparati b’funzjonalità mingħajr kuntatt li mill-inqas ikunu kapaċi jaqraw il-kards tal-pagament;

    (c)

    għal punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku b’potenza tal-output ta’ inqas minn 50 kW, apparati li jużaw konnessjoni mal-internet u li jippermettu tranżazzjonijiet ta’ pagament siguri bħal dawk li jiġġeneraw kodiċi speċifiku ta’ Rispons Rapidu.

    Mill-1 ta’ Jannar 2027, l-operaturi tal-punti tal-irriċarġjar għandhom jiżguraw li l-punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku kollha mħaddma minnhom, b’potenza tal-output ta’ 50 kW jew aktar varati tul in-network tat-toroq TEN-T jew varati f’żona ta’ parkeġġ sikura u sigura, inklużi punti tal-irriċarġjar varati qabel it-13 ta’ April 2024, jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (a) jew (b).

    Terminal jew apparat ta’ pagament wieħed imsemmi fit-tieni subparagrafu jista’ jservi numru ta’ punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku fi grupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar.

    Ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan il-paragrafu ma għandhomx japplikaw għal punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku li ma jirrikjedux pagament għas-servizz tal-irriċarġjar.

    2.   L-operaturi tal-punti tal-irriċarġjar għandhom jiżguraw li meta joffru awtentikazzjoni awtomatika f’punt tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku mħaddem minnhom, l-utenti finali dejjem ikollhom id-dritt li ma jagħmlux użu mill-awtentikazzjoni awtomatika u minflokjew jirriċarġjaw il-vettura tagħhom fuq bażi ad hoc, kif previst fil-paragrafu 1, jew jużaw soluzzjoni oħra tal-irriċarġjar ibbażata fuq kuntratt offruta f’dak il-punt tal-irriċarġjar. L-operaturi tal-punti tal-irriċarġjar għandhom juru b’mod ċar dik l-għażla lill-utenti finali u joffruhielhom b’mod konvenjenti f’kull punt tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku mħaddma minnhom, fejn jagħmlu disponibbli l-awtentikazzjoni awtomatika.

    3.   Il-prezzijiet iċċarġjati mill-operaturi ta’ punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku għandhom ikunu raġonevoli, jistgħu jitqabblu b’mod faċli u ċar, trasparenti u mhux diskriminatorji. L-operaturi ta’ punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku ma għandhomx jiddiskriminaw, permezz tal-prezzijiet iċċarġjati, bejn l-utenti finali u l-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà jew bejn il-fornituri differenti ta’ servizzi ta’ mobbiltà. Madanakollu, il-livell tal-prezzijiet jista’ jiġi ddifferenzjat, iżda dan jista’ jsir biss b’mod proporzjonat, u skont ġustifikazzjoni oġġettiva.

    4.   F’punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku b’potenza tal-output ta’ 50 kW jew aktar, il-prezz ad hoc iċċarġjat mill-operatur għandu jkun ibbażat fuq il-prezz għal kull kWh għall-elettriku fornut. Barra minn hekk, l-operaturi ta’ dawk il-punti tal-irriċarġjar jistgħu jiċċarġjaw tariffa tal-okkupanza fil-forma ta’ prezz għal kull minuta biex jiskoraġġixxu okkupanza twila fil-punt tal-irriċarġjar.

    L-operaturi ta’ punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku b’potenza tal-output ta’ 50 kW jew aktar għandhom, fl-istazzjonijiet tal-irriċarġjar, juru l-prezz ad hoc għal kull kWh u kwalunkwe tariffa għall-okkupanza possibbli espressa fi prezz kull minuta sabiex dik l-informazzjoni tkun magħrufa mill-utenti finali qabel ma jibdew sessjoni tal-irriċarġjar u jiġi ffaċilitat it-tqabbil tal-prezzijiet.

    L-operaturi ta’ punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku b’potenza tal-output ta’ inqas minn 50 kW għandhom, fl-istazzjonijiet tal-irriċarġjar operati minnhom, jagħmlu disponibbli b’mod ċar u faċli l-informazzjoni dwar il-prezz ad hoc, flimkien mal-komponenti kollha tal-prezz tiegħu, sabiex dik l-informazzjoni tkun magħrufa mill-utenti finali qabel ma jibdew sessjoni tal-irriċarġjar u sabiex jiġi ffaċilitat it-tqabbil tal-prezzijiet. Il-komponenti tal-prezz applikabbli għandhom jiġu ppreżentati fl-ordni li ġejja:

    il-prezz għal kull kWh;

    il-prezz għal kull minuta;

    il-prezz għal kull sessjoni; u

    kwalunkwe komponent ieħor tal-prezz li japplika.

    L-ewwel u t-tieni subparagrafi għandhom japplikaw għall-punti tal-irriċarġjar kollha varati mit-13 ta’ April 2024.

    5.   Il-prezzijiet iċċarġjati mill-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà lill-utenti finali għandhom ikunu raġonevoli, trasparenti u mhux diskriminatorji. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà għandhom jagħmlu disponibbli għall-utenti finali, qabel il-bidu tas-sessjoni tal-irriċarġjar prevista, l-informazzjoni applikabbli kollha dwar il-prezzijiet speċifika għal dik is-sessjoni tal-irriċarġjar, permezz ta’ mezzi elettroniċi disponibbli mingħajr ħlas u b’użu wiesa’, li tiddistingwi b’mod ċar l-komponenti kollha tal-prezz, inklużi l-kostijiet applikabbli tar-roaming elettroniku u tariffi jew ħlasijiet oħra applikati mill-fornitur tas-servizz tal-mobbiltà. It-tariffi għandhom ikunu raġonevoli, trasparenti u mhux diskriminatorji. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà ma għandhom japplikaw l-ebda tariffa żejda għar-roaming elettroniku transfruntier.

    6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet tagħhom jimmonitorjaw regolarment is-suq tal-infrastruttura tal-irriċarġjar, u b’mod partikolari, li jimmonitorjaw il-konformità tal-operaturi tal-punti tal-irriċarġjar u tal-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà mal-paragrafi 3 u 5. L-Istati Membri għandhom iwettqu sforzi wkoll biex jiżguraw li l-awtoritajiet tagħhom jimmonitorjaw regolarment il-prattiki kummerċjali possibbilment żleali li jaffettwaw lill-konsumaturi.

    7.   Sal-14 ta’ Ottubru 2024, l-operaturi tal-punti tal-irriċarġjar għandhom jiżguraw li l-punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku kollha mħaddma minnhom ikunu punti tal-irriċarġjar konnessi b’mod diġitali.

    8.   L-operaturi tal-punti tal-irriċarġjar għandhom jiżguraw li l-punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku kollha mħaddma minnhom u mibnija wara t-13 ta’ April 2024 jew rinnovati wara l-14 ta’ Ottubru 2024 ikollhom il-kapaċità tal-irriċarġjar intelliġenti.

    9.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li f’żoni ta’ parkeġġ u mistrieħ tul in-network tat-toroq TEN-T fejn ġiet varata infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, jiġi ssinjalat il-post eżatt tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi.

    10.   Sal-14 ta’ April 2025, l-operaturi tal-punti tal-irriċarġjar disponibbli għall-pubbliku għandhom jiżguraw li l-punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku b’kurrent dirett (DC) kollha mħaddma minnhom ikollhom kejbil tal-irriċarġjar fiss installat.

    11.   Meta l-operatur ta’ punt tal-irriċarġjar ma jkunx is-sid ta’ dak il-punt, is-sid għandu jagħmel disponibbli għall-operatur, f’konformità mal-arranġamenti bejniethom, punt tal-irriċarġjar bil-karatteristikti tekniċi li jippermettu lill-operatur jikkonforma mal-obbligu stabbilit fil-paragrafi 2, 7, 8 u 10.

    Artikolu 6

    Miri għall-infrastruttura tar-riforniment tal-idroġenu tal-vetturi tat-triq

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fit-territorju tagħhom, jiġi varat għadd minimu ta’ stazzjonijiet tar-riforniment tal-idroġenu aċċessibbli għall-pubbliku sal-31 ta’ Diċembru 2030.

    Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li sal-31 ta’ Diċembru 2030, stazzjonijiet tar-riforniment tal-idroġenu aċċessibbli għall-pubbliku ddisinjati sabiex jippermettu kapaċità kumulattiva minima ta’ tunnellata waħda kuljum u mgħammra b’distributur ta’ mill-inqas 700 bar, jiġu varati b’distanza massima ta’ 200 km bejniethom tul in-network ewlieni TEN-T.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li sal-31 ta’ Diċembru 2030, jiġi varat mill-inqas stazzjon wieħed ta’ riforniment tal-idroġenu aċċessibbli għall-pubbliku f’kull nodu urban. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li titwettaq analiżi biex jiġi ddeterminat l-aħjar post għal tali stazzjonijiet tar-riforniment u li l-analiżi teżamina b’mod partikolari l-varar ta’ tali stazzjonijiet ta’ riforniment f’hubs multimodali fejn jistgħu jiġu fornuti wkoll modi oħra ta’ trasport.

    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu fl-oqfsa ta’ politika nazzjonali tagħhom trajettorja lineari ċara lejn l-ilħuq tal-miri tal-2030, flimkien ma’ mira indikattiva ċara għall-2027 li tipprovdi kopertura suffiċjenti tan-network ewlieni TEN-T bil-ħsieb li jiġu ssodisfati d-domandi tas-suq li qed jiżviluppaw.

    2.   L-Istati Membri ġirien għandhom jiżguraw li d-distanza massima msemmija fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, ma tinqabiżx għat-taqsimiet transfruntiera tan-network ewlieni TEN-T.

    3.   L-operatur ta’ stazzjon ta’ riforniment aċċessibbli għall-pubbliku jew, fejn l-operatur ma jkunx is-sid, is-sid ta’ dak l-istazzjon f’konformità mal-arranġamenti bejniethom, għandu jiżgura li l-istazzjon ikun iddiżinjat biex iforni vetturi ħfief u tqal.

    4.   B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, tul it-toroq tan-network TEN-T b’medja annwali totali ta’ traffiku ta’ kuljum ta’ inqas minn 2 000 vettura tqila u meta l-varar tal-infrastruttura ma jistax jiġi ġġustifikat f’termini ta’ kostijiet-benefiċċji soċjoekonomiċi, l-Istati Membri jistgħu jnaqqsu, sa massimu ta’ 50 %, il-kapaċità ta’ stazzjon tar-riforniment tal-idroġenu aċċessibbli għall-pubbliku meħtieġa skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, dment li jkunu ssodisfati r-rekwiżiti stabbiliti f’dak il-paragrafu f’termini tad-distanza massima bejn l-stazzjonijiet tar-riforniment tal-idroġenu u l-pressjoni tad-distributuri. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe każ li fih ikunu għamlu użu mid-deroga msemmija f’dan il-paragrafu. L-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw dawk il-każijiet kull sentejn bħala parti mir-rappurtar nazzjonali dwar il-progress imsemmi fl-Artikolu 15.

    5.   B’deroga mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jekk il-kostijiet tal-varar tal-infrastruttura jkunu sproporzjonati għall-benefiċċji, inklużi l-benefiċċji ambjentali, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu:

    (a)

    għar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 349 tat-TFUE; jew

    (b)

    għall-gżejjer li jidħlu fid-definizzjoni ta’ sistemi żgħar konnessi jew sistemi żgħar iżolati skont id-Direttiva (UE) 2019/944.

    F’każijiet bħal dawn, l-Istati Membri għandhom jiġġustifikaw id-deċiżjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni u għandhom jagħmlu disponibbli l-informazzjoni kollha rilevanti fl-oqfsa ta’ politika nazzjonali tagħhom.

    Artikolu 7

    Infrastruttura tar-riforniment tal-idroġenu

    1.   L-operaturi tal-istazzjonijiet tar-riforniment tal-idroġenu għandhom, fil-punti tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku mħaddma minnhom, jipprovdu lill-utenti finali bil-possibbiltà ta’ riforniment fuq bażi ad hoc.

    Ir-riforniment ad hoc għandu jkun possibbli fil-punti kollha ta’ riforniment tal-idroġenu aċċessibbli għall-pubbliku bl-użu ta’ strument ta’ pagament li jintuża b’mod wiesa’ fl-Unjoni. Għal dak il-għan, l-operaturi ta’ dawk il-punti għandhom jaċċettaw pagamenti elettroniċi permezz ta’ terminals u apparati użati għal servizzi ta’ pagament, inkluż mill-inqas wieħed minn dawn li ġejjin:

    (a)

    tagħmir li jaqra l-kards tal-pagament;

    (b)

    apparati b’funzjonalità mingħajr kuntatt li mill-inqas ikunu kapaċi jaqraw il-kards tal-pagament.

    Għal punti tar-riforniment tal-idroġenu aċċessibbli għall-pubbliku varati wara t-13 ta’ April 2024, ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan il-paragrafu għandhom japplikaw mill-varar tagħhom. Għal punti tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku varati qabel it-13 ta’ April 2024, ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan il-paragrafu għandhom japplikaw mill-14 ta’ Ottubru 2024.

    Meta l-operatur tal-punt tar-riforniment tal-idroġenu ma jkunx is-sid ta’ dak il-punt, is-sid għandu jagħmel disponibbli lill-operatur, f’konformità mal-arranġamenti bejniethom, punti tar-riforniment tal-idroġenu bil-karatteristiki tekniċi li jippermettu lill-operatur jikkonforma mal-obbligi stabbiliti f’dan il-paragrafu.

    2.   Il-prezzijiet iċċarġjati mill-operaturi ta’ punti tar-riforniment tal-idroġenu aċċessibbli għall-pubbliku għandhom ikunu raġonevoli, jistgħu jitqabblu b’mod faċli u ċar, trasparenti u mhux diskriminatorji. L-operaturi ta’ punti tar-riforniment tal-idroġenu aċċessibbli għall-pubbliku ma għandhomx jiddiskriminaw permezz tal-prezzijiet iċċarġjati, bejn l-utenti finali u l-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà, jew bejn il-fornituri differenti ta’ servizzi ta’ mobbiltà. Madankollu, il-livell tal-prezzijiet jista’ jiġi ddifferenzjat, iżda biss jekk id-differenzjar ikun oġġettivamentġustifikat.

    3.   L-operaturi ta’ punti tar-riforniment tal-idroġenu għandhom juru b’mod ċar l-informazzjoni dwar il-prezz ad hoc għal kull kg f’dawk l-istazzjonijiet tar-riforniment tal-idroġenu aċċessibbli għall-pubbliku mħaddma minnhom, sabiex dik l-informazzjoni tkun magħrufa mill-utenti finali qabel ma jibdew sessjoni ta’ riforniment u sabiex jiġi ffaċilitat it-tqabbil tal-prezzijiet.

    4.   L-operaturi ta’ stazzjonijiet tar-riforniment tal-idroġenu aċċessibbli għall-pubbliku jistgħu jipprovdu servizzi ta’ riforniment tal-idroġenu lill-klijenti fuq bażi kuntrattwali, inkluż fl-isem u fl-interess ta’ fornituri oħra ta’ servizzi ta’ mobbiltà. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà għandhom jiċċarġjaw prezzijiet lill-utenti finali li huma raġonevoli, trasparenti u mhux diskriminatorji. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà għandhom jagħmlu disponibbli għall-utenti finali l-informazzjoni kollha dwar il-prezzijiet speċifiċi għas-sessjoni ta’ riforniment maħsuba tagħhom, qabel ma din tibda, permezz ta’ mezzi elettroniċi disponibbli mingħajr ħlas u b’appoġġ wiesa’, li tiddistingwi b’mod ċar il-komponenti kollha tal-prezz iċċarġjat mill-operatur tal-punt tar-riforniment tal-idroġenu, inklużi l-kostijiet applikabbli tar-roaming elettroniku u tariffi jew ħlasijiet oħra applikati minnhom.

    Artikolu 8

    Infrastruttura għall-metan likwifikat għall-vetturi tat-trasport bit-triq

    Sal-31 ta’ Diċembru 2024, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu varati għadd xieraq ta’ punti ta’ riforniment għall-metan likwifikat aċċessibbli għall-pubbliku, mill-inqas tul in-network ewlieni TEN-T, sabiex il-vetturi tqal li jużaw il-metan likwifikat ikunu jistgħu jiċċirkolaw madwar l-Unjoni, fejn ikun hemm domanda, sakemm il-kostijiet biex dan iseħħ ma jkunux sproporzjonati għall-benefiċċji, inklużi l-benefiċċji ambjentali.

    Artikolu 9

    Miri għall-provvista tal-elettriku mix-xatt fil-portijiet marittimi

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tiġi pprovduta provvista minima tal-elettriku mix-xatt għall-vapuri tal-kontejners li jbaħħru u vapuri tal-passiġġieri li jbaħħru fil-portijiet marittimi TEN-T.

    Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li sal-31 ta’ Diċembru 2029:

    (a)

    il-portijiet marittimi ewlenin TEN-T u l-portijiet marittimi komprensivi TEN-T li għalihom l-għadd annwali medju ta’ waqfiet fil-port ta’ vapuri li jkunu rmiġġati man-naħa tal-moll matul l-aħħar tliet snin, minn vapuri tal-kontejners li jbaħħru ta’ aktar minn 5 000 tunnellata grossa huwa aktar minn 100 huma mgħammra biex kull sena jipprovdu provvista tal-elettriku mix-xatt għal mill-inqas 90 % tal-għadd totali ta’ waqfiet fil-port ta’ vapuri tal-kontejners li jbaħħru ta’ aktar minn 5 000 tunnellata grossa li jkunu rmiġġati fuq il-moll fil-port marittimu kkonċernat;

    (b)

    il-portijiet marittimi ewlenin TEN-T u l-portijiet marittimi komprensivi TEN-T, li għalihom l-għadd annwali medju ta’ waqfiet fil-porti ta’ vapuri li jkunu rmiġġati man-naħa tal-moll matul l-aħħar tliet snin, minn vapuri ro-ro tal-passiġġieri li jbaħħru ta’ aktar minn 5 000 tunnellata grossa u inġenji ta’ veloċità għolja għall-passiġġieri li jbaħħru ta’ aktar minn 5 000 tunnellata grossa jkun aktar minn 40, ikunu mgħammra biex jipprovdu kull sena provvista tal-elettriku mix-xatt għal mill-inqas 90 % tal-għadd totali ta’ waqfiet f’port ta’ vapuri ro-ro tal-passiġġieri li jbaħħru ta’ aktar minn 5 000 tunnellata grossa u inġenji ta’ veloċità għolja għall-passiġġieri ta’ aktar minn 5 000 tunnellata grossa li jkunu rmiġġati man-naħa tal-moll fil-port marittimu kkonċernat;

    (c)

    il-portijiet marittimi ewlenin TEN-T u l-portijiet marittimi komprensivi TEN-T, li għalihom l-għadd annwali medju ta’ waqfiet fil-port ta’ vapuri li jkunu rmiġġati man-naħa tal-moll matul l-aħħar tliet snin minn vapuri tal-passiġġieri li jbaħħru ta’ aktar minn 5 000 tunnellata grossa għajr vapuri ro-ro tal-passiġġieri li jbaħħru u inġenji tal-passiġġieri ta’ veloċità għolja li jbaħħru jkun aktar minn 25 ikunu mgħammra biex kull sena jipprovdu provvista tal-elettriku mix-xatt għal mill-inqas 90 % tal-għadd totali ta’ waqfiet fil-port ta’ vapuri tal-passiġġieri li jbaħħru ta’ aktar minn 5 000 tunnellata grossa għajr vapuri ro-ro tal-passiġġieri li jbaħħru u inġenji tal-passiġġieri ta’ veloċità għolja li jkunu rmiġġati man-naħa tal-moll fil-port marittimu kkonċernat.

    2.   Il-waqfiet fil-port ta’ vapuri msemmija fl-Artikolu 6(5), il-punti (a), (b), (c), (e) u (g) tar-Regolament (UE) 2023/1805 ma għandhomx jitqiesu għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-għadd totali ta’ waqfiet fil-port ta’ vapuri li jkunu rmiġġati man-naħa tal-moll fil-port marittimu kkonċernat skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

    3.   Meta l-port marittimu ewlieni TEN-T jew il-port marittimu komprensiv TEN-T ikun jinsab fuq gżira, jew f’reġjun ultraperiferiku msemmi fl-Artikolu 349 tat-TFUE jew fit-territorju ta’ Ceuta u Melilla, li ma tkunx konnessa b’mod dirett mal-grilja tal-elettriku kontinentali, jew fil-każ ta’ reġjun ultraperiferiku jew ta’ Ceuta u Melilla mal-grilja tal-elettriku ta’ pajjiż ġar, il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandux japplika sakemm titlesta tali konnessjoni jew sakemm ikun hemm kapaċità ta’ elettriku suffiċjenti ġġenerata fuq livell lokali minn sorsi ta’ enerġija mhux fossili biex tkopri l-ħtiġijiet tal-gżira, tar-reġjun ultraperiferiku jew ta’ Ceuta u Melilla, skont il-każ.

    Artikolu 10

    Miri għall-provvista tal-elettriku mix-xatt fil-portijiet ta’ passaġġi fuq l-ilma interni

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

    (a)

    mill-inqas installazzjoni waħda li tipprovdi provvista tal-elettriku mix-xatt lill-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni tiġi varata fil-portijiet ta’ passaġġi fuq l-ilma interni kollha tan-network ewlieni TEN-T sal-31 ta’ Diċembru 2024;

    (b)

    mill-inqas installazzjoni waħda li tipprovdi provvista tal-elettriku mix-xatt lill-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni tiġi varata fil-portijiet ta’ passaġġi fuq l-ilma interni kollha tan-network komprensiv TEN-T sal-31 ta’ Diċembru 2029.

    Artikolu 11

    Miri għall-provvista tal-metan likwifikat fil-portijiet marittimi

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm għadd xieraq ta’ punti tar-riforniment għall-metan likwifikat fil-portijiet marittimi tan-network ewlieni TEN-T imsemmija fil-paragrafu 2 sabiex il-vapuri li jbaħħru jkunu jistgħu jiċċirkolaw tul in-network ewlieni TEN-T sal-31 ta’ Diċembru 2024. L-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-Istati Membri ġirien, fejn meħtieġ, biex jiżguraw kopertura adegwata tan-network ewlieni TEN-T.

    2.   L-Istati Membri għandhom jindikaw, fl-oqfsa ta’ politika nazzjonali tagħhom, il-portijiet marittimi tan-network ewlieni TEN-T li jipprovdu aċċess għall-punti tar-riforniment għall-metan likwifikat imsemmija fil-paragrafu 1, filwaqt li jikkunsidraw l-iżvilupp tal-port, il-punti tar-riforniment eżistenti għall-metan likwifikat, id-domanda vera tas-suq, sew fuq perjodu qasir kif ukoll twil, kif ukoll żviluppi oħra.

    Artikolu 12

    Miri għall-provvista tal-elettriku lil inġenji tal-ajru stazzjonarji

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-ajruporti kollha tan-network ewlieni TEN-T u tan-network komprensiv TEN-T, il-forniment tal-provvista tal-elettriku lill-inġenji tal-ajru stazzjonarji jkun żgurat kif ġej:

    (a)

    sal-31 ta’ Diċembru 2024, fl-istands ta’ kuntatt għall-inġenji tal-ajru kollha użati għal operazzjonijiet kummerċjali tat-trasport bl-ajru biex jimbarkaw jew jiżbarkaw il-passiġġieri jew biex jgħabbu jew iħottu merkanzija;

    (b)

    sal-31 ta’ Diċembru 2029, fl-istands remoti għall-inġenji tal-ajru kollha użati għal operazzjonijiet kummerċjali tat-trasport bl-ajru biex jimbarkaw jew jiżbarkaw il-passiġġieri jew biex jgħabbu jew iħottu merkanzija.

    2.   L-Istati Membri jistgħu jeżentaw lill-ajruporti tan-network TEN-T, b’inqas minn 10 000 moviment ta’ titjiriet kummerċjali fis-sena, ikkalkolati bħala medja fuq l-aħħar tliet snin, mill-obbligu li jipprovdu elettriku lill-inġenji tal-ajru stazzjonarji fl-istands remoti għall-inġenji tal-ajru kollha.

    3.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal stands speċifikament maħsuba għat-tneħħija tas-silġ, stands f’żoni militari ddeżinjati u stands speċifikament intiżi għal inġenji tal-ajru tal-avjazzjoni ġenerali b’piż massimu waqt il-qtugħ mill-art ta’ inqas minn 5,7 tunnellata.

    4.   Sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2030, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-elettriku fornut skont il-paragrafu 1 joriġina mill-grilja tal-elettriku jew jiġi ġġenerat fuq il-post mingħajr l-użu ta’ fjuwils fossili.

    Artikolu 13

    Infrastruttura ferrovjarja

    Fir-rigward tal-infrastruttura ferrovjarja li mhijiex koperta mir-Regolament (UE) Nru 1315/2013, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ta’ fjuwils alternattivi u sistemi ta’ propulsjoni għal sezzjonijiet ferrovjarji li ma jistgħux jiġu elettrifikati kompletament għal raġunijiet tekniċi jew ta’ kosteffiċjenza, bħall-ferroviji li jaħdmu bl-idroġenu jew bil-batterija u, jekk rilevanti, kwalunkwe ħtieġa ta’ infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment.

    Artikolu 14

    Oqfsa ta’ politika nazzjonali

    1.   Sal-31 ta’ Diċembru 2024, kull Stat Membru għandu jħejji u jittrażmetti lill-Kummissjoni abbozz ta’ qafas ta’ politika nazzjonali għall-iżvilupp tas-suq fir-rigward tal-fjuwils alternattivi fis-settur tat-trasport u l-varar tal-infrastruttura rilevanti.

    2.   Il-qafas ta’ politika nazzjonali għandu jinkludi mill-inqas l-elementi li ġejjin:

    (a)

    valutazzjoni tal-istat attwali u l-iżvilupp futur tas-suq fir-rigward tal-fjuwils alternattivi fis-settur tat-trasport, u tal-iżvilupp ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-aċċess intermodali tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi u, fejn rilevanti, il-kontinwità transfruntiera u l-iżvilupp ta’ infrastruttura għal fjuwils alternattivi fuq il-gżejjer u fir-reġjuni ultraperiferiċi;

    (b)

    miri u objettivi nazzjonali skont l-Artikoli 3, 4, 6, 8, 9, 10, 11 u 12 li għalihom huma stabbiliti miri nazzjonali obbligatorji f’dan ir-Regolament;

    (c)

    il-politiki u l-miżuri meħtieġa biex jiġi żgurat li jintlaħqu l-miri u l-objettivi obbligatorji msemmija fil-punt (b);

    (d)

    miżuri, ippjanati jew adottati, biex jippromwovu l-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi għall-flotot vinkolati, b’mod partikolari għall-istazzjonijiet tal-irriċarġjar u għall-istazzjonijiet tar-riforniment tal-idroġenu għas-servizzi tat-trasport pubbliku u għall-istazzjonijiet tal-irriċarġjar għall-car sharing;

    (e)

    miżuri, ippjanati jew adottati, biex jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw il-varar ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar għal vetturi ħfief u tqal f’postijiet privati li mhumiex aċċessibbli għall-pubbliku;

    (f)

    miżuri, ippjanati jew adottati, għall-promozzjoni ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi fin-nodi urbani, b’mod partikolari fir-rigward ta’ punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku;

    (g)

    miżuri, ippjanati jew adottati, biex jippromwovu għadd suffiċjenti ta’ punti tal-irriċarġjar b’potenza għolja aċċessibbli għall-pubbliku;

    (h)

    il-miżuri, ippjanati jew adottati, meħtieġa biex jiġi żgurat li l-varar u l-operazzjoni tal-punti tal-irriċarġjar, inkluża d-distribuzzjoni ġeografika tal-punti tal-irriċarġjar bidirezzjonali, jikkontribwixxu għall-flessibbiltà tas-sistema tal-enerġija u għall-penetrazzjoni tal-elettriku rinnovabbli fis-sistema elettrika;

    (i)

    miżuri biex jiġi żgurat li l-punti tal-irriċarġjar u tar-riforniment għall-fjuwils alternattivi aċċessibbli għall-pubbliku jkunu aċċessibbli għall-persuni akbar fl-età, għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa u għall-persuni b’diżabilità f’konformità mar-rekwiżiti dwar l-aċċessibbiltà tad-Direttiva (UE) 2019/882;

    (j)

    miżuri, ippjanati jew adottati, biex jitneħħew l-ostakli possibbli fir-rigward tal-ippjanar, tal-permessi, tal-akkwist u tal-funzjonament ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi;

    (k)

    ħarsa ġenerali tas-sitwazzjoni attwali, il-perspettivi u l-miżuri ppjanati fir-rigward tal-varar tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi fil-portijiet marittimi għajr għall-provvista tal-metan likwifikat u tal-elettriku mix-xatt għall-użu mill-bastimenti li jbaħħru, bħal pereżempju l-idroġenu, l-ammonijaka, il-metanol u l-elettriku;

    (l)

    ħarsa ġenerali tas-sitwazzjoni attwali, il-perspettivi u l-miżuri ppjanati fir-rigward tal-varar ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi inklużi l-miri, l-istadji importanti u l-finanzjament meħtieġ, għall-ferroviji li jaħdmu bl-idroġenu jew bil-batteriji fuq is-sezzjonijiet ferrovjarji TEN-T li ma jistgħux jiġu elettrifikati;

    (m)

    ħarsa ġenerali tas-sitwazzjoni attwali, il-perspettivi u l-miżuri ppjanati fir-rigward tal-varar ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi f’ajruporti għajr għall-provvista tal-elettriku lill-inġenji tal-ajru stazzjonarji, bħall-irriċarġjar elettriku u r-riforniment tal-idroġenu għall-inġenji tal-ajru;

    (n)

    ħarsa ġenerali tas-sitwazzjoni attwali, il-perspettivi, u l-miżuri ppjanati fir-rigward tal-varar ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi fin-navigazzjoni interna, bħal dik għall-elettriku u l-idroġenu.

    3.   Il-qafas ta’ politika nazzjonali jista’ jinkludi l-elementi li ġejjin:

    (a)

    ħarsa ġenerali tas-sitwazzjoni attwali, il-perspettivi u l-miżuri ppjanati għall-varar ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi fil-portijiet marittimi, bħal għall-elettriku u l-idroġenu, għas-servizzi portwarji kif definiti fir-Regolament (UE) 2017/352 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (31);

    (b)

    miri u miżuri nazzjonali għall-promozzjoni ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi tul in-networks tat-toroq li mhumiex inklużi fin-network ewlieni TEN-T jew fin-network komprensiv TEN-T, b’mod partikolari fir-rigward ta’ punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku;

    (c)

    miżuri li jiggarantixxu l-aċċessibbiltà tal-infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment fit-territorju kollu tal-Istat Membru, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari liż-żoni rurali biex tiġi żgurata l-aċċessibbiltà u l-koeżjoni territorjali tagħhom;

    (d)

    miżuri biex jiġi żgurat li d-densità tal-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi aċċessibbli għall-pubbliku disponibbli fil-livell nazzjonali tqis id-densità tal-popolazzjoni;

    (e)

    miri u objettivi nazzjonali għall-varar ta’ infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi relatati mal-punti (a), (b), (c), (4) u (d) li għalihom mhemm l-ebda mira obbligatorja stabbilita f’dan ir-Regolament.

    4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-oqfsa ta’ politika nazzjonali jqisu l-ħtiġijiet tal-modi differenti ta’ trasport li jeżistu fit-territorju tagħhom.

    5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-oqfsa ta’ politika nazzjonali jqisu, kif xieraq, l-interessi tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, b’mod partikolari fir-rigward tal-infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment għat-trasport pubbliku, kif ukoll dawk tal-partijiet ikkonċernati involuti.

    6.   Fejn meħtieġ, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw, permezz ta’ konsultazzjonijiet jew oqfsa ta’ politika konġunti, biex jiżguraw li l-miżuri meħtieġa ħalli jinkisbu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ikunu koerenti u kkoordinati. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw fuq l-istabbiliment ta’ strateġiji għall-użu ta’ fjuwils alternattivi u fuq il-varar ta’ infrastruttura korrispondenti fit-trasport fuq l-ilma. Il-Kummissjoni għandha tassisti lill-Istati Membri fil-proċess ta’ kooperazzjoni.

    7.   Il-miżuri ta’ appoġġ għall-infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi għandhom jikkonformaw mar-regoli rilevanti tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

    8.   Kull Stat Membru għandu jagħmel disponibbli għall-pubbliku l-abbozz tal-qafas ta’ politika nazzjonali tiegħu u għandu jiżgura li l-pubbliku jingħata opportunitajiet bikrija u effettivi biex jipparteċipa fit-tħejjija tal-abbozz tal-qafas ta’ politika nazzjonali.

    9.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-abbozzi tal-oqfsa ta’ politika nazzjonali u tista’ toħroġ rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri. Dawk ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jinħarġu mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-preżentazzjoni tal-abbozz tal-oqfsa ta’ politika nazzjonali kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Huma jistgħu, b’mod partikolari, jindirizzaw:

    (a)

    il-livell ta’ ambizzjoni tal-miri u l-objettivi bil-għan li jintlaħqu l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 3, 4, 6, 8, 9, 10, 11, 12 u 13;

    (b)

    il-politiki u l-miżuri relatati ma’ miri u objettivi nazzjonali.

    10.   Kull Stat Membru għandu jqis kif xieraq kwalunkwe rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni fil-qafas ta’ politika nazzjonali finali tiegħu. Jekk Stat Membru kkonċernat ma jindirizzax rakkomandazzjoni jew parti sostanzjali minnha, dak l-Istat Membru għandu jipprovdi spjegazzjoni bil-miktub lill-Kummissjoni.

    11.   Sal-31 ta’ Diċembru 2025, kull Stat Membru għandu jabbozza l-qafas ta’ politika nazzjonali finali tiegħu f’forma li tinqara u li tinftiehem faċilment u jinnotifikah lill-Kummissjoni. Dawk l-oqfsa ta’ politika nazzjonali finali għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mill-Kummissjoni.

    Artikolu 15

    Rappurtar nazzjonali

    1.   Sal-31 ta’ Diċembru 2027 u kull sentejn wara dan, kull Stat Membru għandu jippreżenta lill-Kummissjoni rapport nazzjonali awtonomu dwar il-progress rigward l-implimentazzjoni tal-qafas ta’ politika nazzjonali tiegħu. Ir-rapport għandu jiġi abbozzat f’forma li tinqara u tinftiehem faċilment u għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mill-Kummissjoni.

    2.   Ir-rapport nazzjonali dwar il-progress għandu jkopri l-informazzjoni elenkata fl-Anness I u għandu, fejn xieraq, jinkludi ġustifikazzjoni rilevanti dwar il-livell tal-kisba tal-miri u l-objettivi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 14(2), kif ukoll indikazzjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu biex jinkisbu dawk il-miri u l-objettivi fil-futur.

    3.   Sat-30 ta’ Ġunju 2024 u kull tliet snin wara dan, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw kif il-varar u l-operazzjoni tal-punti tal-irriċarġjar jistgħu jippermettu lill-vetturi elettriċi jikkontribwixxu aktar għall-flessibbiltà tas-sistema tal-enerġija, inkluża l-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tal-ibbilanċjar, u għall-assorbiment ulterjuri tal-elettriku rinnovabbli. Dik il-valutazzjoni għandha tqis it-tipi kollha ta’ punti tal-irriċarġjar, inklużi dawk li joffru rriċċarġjar intelliġenti u bidirezzjonali u l-potenza tal-outputs kollha, kemm pubbliċi kif ukoll privati, u tipprovdi rakkomandazzjonijiet dwar it-tip ta’ punt tal-irriċarġjar, it-teknoloġija ta’ appoġġ u d-distribuzzjoni ġeografika sabiex tiġi ffaċilitata l-kapaċità tal-utenti li jintegraw il-vetturi elettriċi tagħhom fis-sistema. Dik il-valutazzjoni għandha tidentifika miżuri xierqa li għandhom jiġu implimentati sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament inklużi dawk biex tiġi żgurata l-konsistenza tal-ippjanar tal-infrastruttura mal-ippjanar tal-grilja korrispondenti. Dik il-valutazzjoni għandha tqis il-kontribut mill-partijiet ikkonċernati kollha u għandha tkun disponibbli għall-pubbliku. Kull Stat Membru jista’ jitlob lill-awtorità regolatorja biex twettaq dik il-valutazzjoni. Abbażi tar-riżultati tal-valutazzjoni, l-Istati Membri għandhom, jekk ikun meħtieġ, jieħdu l-miżuri xierqa għall-varar ta’ punti addizzjonali tal-irriċarġjar u jinkludu dawk il-miżuri fir-rapporti nazzjonali dwar il-progress imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Il-valutazzjoni u l-miżuri għandhom jitqiesu mill-operaturi tas-sistema fil-pjanijiet ta’ żvilupp tan-network imsemmija fl-Artikolu 32(3) u fl-Artikolu 51 tad-Direttiva (UE) 2019/944.

    4.   Abbażi tal-input mill-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni u mill-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni, l-awtorità regolatorja ta’ kull Stat Membru għandha tivvaluta, sat-30 ta’ Ġunju 2024 u kull tliet snin wara dan, il-kontribut potenzjali tal-irriċarġjar bidirezzjonali għat-tnaqqis tal-kostijiet tal-utent u tas-sistema u għaż-żieda tas-sehem tal-elettriku rinnovabbli fis-sistema tal-elettriku. Dik il-valutazzjoni għandha tkun disponibbli għall-pubbliku. Abbażi tar-riżultati tal-valutazzjoni, l-Istati Membri għandhom, jekk ikun meħtieġ, jieħdu l-miżuri xierqa biex jaġġustaw id-disponibbiltà u d-distribuzzjoni ġeografika tal-punti tal-irriċarġjar bidirezzjonali f’żoni privati u jinkluduhom fir-rapporti nazzjonali dwar il-progress imsemmija fil-paragrafu 1.

    Artikolu 16

    Il-kontenut, l-istruttura u l-format tal-oqfsa ta’ politika nazzjonali u r-rapporti nazzjonali dwar il-progress

    Sal-14 ta’ Ottubru 2024, il-Kummissjoni għandha tadotta gwida u mudelli dwar il-kontenut, l-istruttura u l-format tal-oqfsa ta’ politika nazzjonali li għandhom jiġu ppreżentati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 14 u l-kontenut tar-rapporti nazzjonali dwar il-progress li għandhom jiġu ppreżentati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 15(1). Il-Kummissjoni tista’ tadotta gwida u mudelli biex tiffaċilita l-applikazzjoni effettiva madwar l-Unjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 17

    Rieżami tal-oqfsa ta’ politika nazzjonali u r-rapporti nazzjonali dwar il-progress

    1.   Sal-31 ta’ Diċembru 2026, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-qafas ta’ politika nazzjonali nnotifikat mill-Istati Membri skont l-Artikolu 14(11) u għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-valutazzjoni ta’ dawk l-oqfsa ta’ politika nazzjonali u l-koerenza tagħhom fil-livell tal-Unjoni, inkluża l-ewwel valutazzjoni tal-livell ta’ kisba mistenni tal-miri u l-objettivi nazzjonali msemmija fl-Artikolu 14(2).

    2.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta r-rapporti nazzjonali dwar il-progress ippreżentati mill-Istati Membri skont l-Artikolu 15(1) u għandha toħroġ rakkomandazzjonijiet, kif xieraq, lill-Istati Membri biex tiżgura l-kisba tal-objettivi u l-konformità mal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament.

    3.   L-Istat Membru kkonċernat għandu, fi żmien sitt xhur minn meta jirċievi r-rakkomandazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, jinnotifika lill-Kummissjoni dwar kif biħsiebu jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet. Jekk l-Istat Membru kkonċernat jiddeċiedi li ma jimplimentax ir-rakkomandazzjonijiet jew parti sostanzjali minnhom, għandu jipprovdi lill-Kummissjoni bir-raġunijiet tiegħu.

    4.   Wara s-sottomissjoni mill-Istat Membru tan-notifika jew ir-raġunament imsemmi fil-paragrafu 3, l-Istat Membru kkonċernat għandu jistabbilixxi fir-rapport nazzjonali dwar il-progress li jmiss tiegħu kif ikun implimenta r-rakkomandazzjonijiet.

    5.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar il-valutazzjoni tagħha tar-rapporti nazzjonali dwar il-progress sena wara l-preżentazzjoni ta’ dawk ir-rapporti nazzjonali dwar il-progress mill-Istati Membri skont l-Artikolu 15(1). Dik il-valutazzjoni għandu jkun fiha evalwazzjoni ta’:

    (a)

    il-progress magħmul mill-Istati Membri fir-rigward tal-kisba tal-miri u l-objettivi msemmija fl-Artikolu 14(2), inkluż it-tweġibiet tal-Istati Membri għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;

    (b)

    il-koerenza tal-iżvilupp tal-infrastruttura għall-fjuwils alternattivi fil-livell tal-Unjoni.

    6.   Abbażi tal-oqfsa ta’ politika nazzjonali finali msemmija fl-Artikolu 14(11), ir-rapporti nazzjonali dwar il-progress imsemmija fl-Artikoli 15(1) u r-rapporti msemmija fl-Artikolu 18(1), il-Kummissjoni għandha trendi disponibbli għall-pubbliku u taġġorna regolarment informazzjoni dwar il-miri nazzjonali u l-objettivi ppreżentati minn kull Stat Membru rigward:

    (a)

    l-għadd ta’ punti tal-irriċarġjar u ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku, separatament għall-punti tal-irriċarġjar intiżi għall-vetturi ħfief u għall-punti tal-irriċarġjar u għall-istazzjonijiet tal-iċċarġjar intiżi għall-vetturi tqal, u f’konformità mal-kategorizzazzjoni prevista fl-Anness III;

    (b)

    l-għadd ta’ punti ta’ riforniment tal-idroġenu aċċessibbli għall-pubbliku;

    (c)

    l-infrastruttura għall-provvista tal-elettriku mix-xatt fil-portijiet marittimi u fil-portijiet ta’ passaġġi fuq l-ilma interni tan-network ewlieni TEN-T u tan-network komprensiv TEN-T;

    (d)

    l-infrastruttura għall-provvista tal-elettriku għall-inġenji tal-ajru stazzjonarji f’ajruporti tan-network ewlieni TEN-T u n-network komprensiv TEN-T;

    (e)

    l-għadd ta’ punti tar-riforniment għall-metan likwifikat fil-portijiet marittimi u fil-portijiet ta’ passaġġi fuq l-ilma interni tan-network ewlieni TEN-T u tan-network komprensiv TEN-T;

    (f)

    l-għadd ta’ punti tar-riforniment għall-metan likwifikat aċċessibbli għall-pubbliku għall-vetturi bil-mutur;

    (g)

    l-għadd ta’ punti tar-riforniment għas-CNG aċċessibbli għall-pubbliku għall-vetturi bil-mutur;

    (h)

    il-punti tal-irriċarġjar u tar-riforniment għal fjuwils alternattivi oħra fil-portijiet marittimi u fil-portijiet ta’ passaġġi fuq l-ilma interni tan-network ewlieni TEN-T u tan-network komprensiv TEN-T;

    (i)

    il-punti tal-irriċarġjar u tar-riforniment għal fjuwils alternattivi oħra f’ajruporti tan-network ewlieni TEN-T u tan-network komprensiv TEN-T;

    (j)

    il-punti tal-irriċarġjar u tar-riforniment għal fjuwils alternattivi għat-trasport ferrovjarju.

    Artikolu 18

    Segwiment tal-progress

    1.   Sal-31 ta’ Marzu 2025 u sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena wara dik id-data, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni l-potenza ta’ outout totali aggregata tal-irriċarġjar u l-għadd ta’ punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku varati u l-għadd ta’ vetturi elettriċi bil-batterija u vetturi ibridi plug-in irreġistrati fit-territorju tagħhom fil-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel, f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III.

    2.   Mingħajr preġudizzju għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 258 tat-TFUE, fejn ikun evidenti mir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jew minn kwalunkwe informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni li Stat Membru jinsab f’riskju li ma jiksibx il-miri nazzjonali tiegħu kif stabbiliti fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ toħroġ sejba għal dak il-għan u tirrakkomanda lill-Istat Membru kkonċernat jieħu miżuri korrettivi biex jikseb il-miri nazzjonali. Fi żmien tliet xhur minn meta jirċievi s-sejbiet tal-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni:

    (a)

    bil-miżuri korrettivi li qed jippjana li jimplimenta sabiex jikseb il-miri nazzjonali stabbiliti fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament, inkluża kwalunkwe azzjoni addizzjonali li l-Istat Membru biħsiebu jimplimenta sabiex jilħaq dawk il-miri; u

    (b)

    bi skeda ta’ żmien ċara għall-azzjonijiet li se jippermettu l-valutazzjoni tal-progress annwali lejn il-kisba ta’ dawk il-miri.

    Meta l-Kummissjoni ssib li l-miżuri korrettivi jkunu sodisfaċenti, l-Istat Membru kkonċernat għandu jaġġorna l-aħħar rapport nazzjonali dwar il-progress tiegħu imsemmi fl-Artikolu 15 b’dawk il-miżuri korrettivi u jippreżentah lill-Kummissjoni.

    Il-Kummissjoni għandha trendi disponibbli għall-pubbliku r-rakkomandazzjoni tagħha, u l-miżuri korrettivi u l-azzjonijiet addizzjonali mill-Istat Membru kkonċernat.

    Artikolu 19

    Informazzjoni għall-utent

    1.   Għandha tkun disponibbli informazzjoni rilevanti, konsistenti u ċara fir-rigward tal-vetturi bil-mutur imqiegħda fis-suq li jistgħu jiġu rriċarġjati jew jiġu rifornuti regolarment.

    Dik l-informazzjoni għandha tkun disponibbli:

    (a)

    fil-manwali tal-vetturi bil-mutur u fil-vetturi bil-mutur, mill-manifatturi, meta dawk il-vetturi jitqiegħdu fis-suq;

    (b)

    fil-punti tal-irriċarġjar u ta’ riforniment minn operaturi ta’ punti tal-irriċarġjar u ta’ riforniment; u

    (c)

    fil-konċessjonarji ta’ vetturi bil-mutur, mid-distributuri.

    2.   Jekk il-vetturi u l-infrastrutturi jew il-fjuwils u l-vetturi koperti mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu humiex kompatibbli għandu jiġi ddeterminat f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fil-punti 10.1 u 10.2 tal-Anness II.

    Meta tali speċifikazzjonijiet tekniċi jirreferu għal espressjoni grafika, inkluża skema ta’ kodifikazzjoni ta’ kuluri, l-espressjoni grafika għandha tkun sempliċi u faċli biex tinftiehem:

    Dik l-espressjoni grafika għandha titqiegħed b’mod ċarament viżibbli:

    (a)

    mill-operaturi ta’ punti ta’ riforniment, fuq il-pompi korrispondenti u ż-żnienen tagħhom fil-punti ta’ riforniment kollha mħaddma minnhom, mid-data li fiha l-fjuwils jitqiegħdu fis-suq;

    (b)

    mill-manifatturi, fil-prossimità immedjata tal-għotjien kollha minn fejn jimtlew it-tankijiet tal-fjuwil tal-vetturi bil-mutur rakkomandati għal u kompatibbli ma’ dak il-fjuwil u fil-manwali tal-vetturi bil-mutur, meta tali vetturi bil-mutur jitqiegħdu fis-suq.

    3.   Meta l-prezzijiet tal-fjuwil jintwerew fi stazzjon ta’ riforniment, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jintwera tqabbil bejn il-prezzijiet tal-unità rilevanti, fejn hu xieraq, u b’mod partikolari għall-idroġenu, għal finijiet ta’ informazzjoni skont il-metodoloġija komuni għat-tqabbil tal-prezzijiet ta’ unitajiet ta’ fjuwils alternattivi msemmija fil-punt 10.3 tal-Anness II.

    4.   F’sitwazzjonijiet fejn l-istandards Ewropew li jistipulaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ fjuwil ma jinkludux rekwiżiti dwar it-tikkettar biex jindikaw il-konformità mal-istandards ikkonċernati, fejn ir-rekwiżiti dwar it-tikkettar ma jagħmlux referenza għal espressjoni grafika, inkluż skemi ta’ kodiċi bil-kuluri, jew fejn ir-rekwiżiti dwar it-tikkettar mhumiex adatti biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’, għall-finijiet tal-implimentazzjoni uniformi tal-paragrafi 1 u 2, tagħti mandat lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni biex jiżviluppaw speċifikazzjonijiet dwar it-tikkettar fuq il-kompatibbiltà.

    Abbażi tal-ispeċifikazzjonijiet dwar it-tikkettar fuq il-kompatibbiltà żviluppati mill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni skont il-mandat imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiddeterminaw l-espressjoni grafika, li tinkludi skema ta’ kodiċi bil-kuluri, tal-kompatibbiltà għal fjuwils introdotti fis-suq tal-Unjoni li jilħqu l-livell ta’ 1 % tal-volum totali ta’ bejgħ, fil-valutazzjoni tal-Kummissjoni, f’iktar minn Stat Membru wieħed.

    Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 23(2).

    5.   Meta jiġu aġġornati d-dispożizzjonijiet dwar it-tikkettar tal-istandards Ewropej rispettivi jew jiġu żviluppati standards Ewropej ġodda għall-fjuwils alternattivi, ir-rekwiżiti korrispondenti dwar it-tikkettar għandhom japplikaw għall-punti kollha tal-irriċarġjar u tar-riforniment sa mhux aktar tard minn 24 xahar wara li l-att ta’ implimentazzjoni korrispondenti jiġi adottat u għall-vetturi bil-mutur kollha li jitqiegħdu fis-suq mid-data li l-att ta’ implimentazzjoni korrispondenti jidħol fis-seħħ.

    Artikolu 20

    Dispożizzjonijiet dwar id-data

    1.   L-Istati Membri għandhom jaħtru Organizzazzjoni għar-Reġistrazzjoni tal-Identifikazzjoni (“IDRO”). L-IDRO għandha toħroġ u timmaniġġja kodiċijiet uniċi ta’ identifikazzjoni (“ID”) biex jiġu identifikati mill-inqas l-operaturi tal-punti tal-irriċarġjar u l-fornituri ta’ servizzi ta’ mobbiltà, sal-14 ta’ April 2025.

    2.   Sal-14 ta’ April 2025, l-operaturi ta’ punti tal-irriċarġjar u punti ta’ riforniment aċċessibbli għall-pubbliku għall-fjuwils alternattivi, jew, f’konformità mal-arranġamenti bejniethom, is-sidien ta’ dawk il-punti, għandhom jiżguraw id-disponibbiltà ta’ data statika u data dinamika dwar l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi mħaddma minnhom, jew servizzi marbuta b’mod inerenti ma’ tali infrastruttura li huma jipprovdu jew li jesternalizzaw, mingħajr ħlas. It-tipi ta’ data li ġejjin għandhom ikunu disponibbli:

    (a)

    data statika għall-punti tal-irriċarġjar u tal-punti tar-riforniment għall-fjuwils alternattivi mħaddma minnhom:

    (i)

    il-pożizzjoni ġeografika tal-punti tal-irriċarġjar u tal-punti tar-riforniment għall-fjuwils alternattivi,

    (ii)

    l-għadd ta’ konnetturi,

    (iii)

    l-għadd ta’ spazji ta’ parkeġġ għall-persuni b’diżabbiltà,

    (iv)

    l-informazzjoni ta’ kuntatt tas-sid u tal-operatur tal-istazzjon tal-irriċarġjar u tal-istazzjon tar-riforniment,

    (v)

    il-ħinijiet tal-ftuħ;

    (b)

    data statika ulterjuri għall-punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku mħaddma minnhom:

    (i)

    il-kodiċijiet tal-ID, mill-inqas tal-operatur tal-punt tal-irriċarġjar,

    (ii)

    it-tip ta’ konnettur,

    (iii)

    it-tip ta’ kurrent (AC/DC),

    (iv)

    il-potenza tal-output massima (kW) tal-istazzjon tal-irriċarġjar,

    (v)

    il-potenza tal-output massima (kW) tal-punt tal-irriċarġjar,

    (vi)

    il-kompatibbiltà tat-tip ta’ vettura;

    (c)

    data dinamika għall-punti tal-irriċarġjar u l-punti tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku għall-fjuwils alternattivi mħaddma minnhom:

    (i)

    l-istatus operazzjonali (operazzjonali/mhux jaħdem),

    (ii)

    id-disponibbiltà (fl-użu/mhux fl-użu),

    (iii)

    il-prezz ad hoc,

    (iv)

    l-elettriku fornut huwa 100 % rinnovabbli (iva/le).

    Ir-rekwiżiti stabbiliti fil-punt (c) ma għandhomx japplikaw għal punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku li ma jirrikjedux pagament għas-servizz tal-irriċarġjar.

    3.   Kull operatur ta’ punti tal-irriċarġjar u tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku għall-fjuwils alternattivi, jew, f’konformità mal-arranġamenti bejniethom, is-sid ta’ dawk il-punti, għandu jistabbilixxi Interfaċċa għall-Programm ta’ Applikazzjoni (API) li tipprovdi aċċess mingħajr ħlas u mingħajr restrizzjonijiet għad-data msemmija fil-paragrafu 2, u għandu jippreżenta informazzjoni dwar dik l-API lill-punt ta’ aċċess nazzjonali.

    L-API ta’ kull operatur tal-punti tal-irriċarġjar u tar-riforniment, jew, f’konformità mal-arranġamenti bejniethom, l-API tas-sid ta’ dawk il-punti, għandha tikkonforma mar-rekwiżiti tekniċi komuni stabbiliti mill-Kummissjoni fl-atti delegati msemmija fil-paragrafu 6 biex tippermetti skambju awtomatizzat u uniformi tad-data bejn l-operaturi ta’ punti tal-irriċarġjar u tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku u l-utenti tad-data.

    4.   Sal-31 ta’ Diċembru 2024, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu ssir aċċessibbli fuq bażi miftuħa u mhux diskriminatorja għall-utenti kollha tad-data permezz tal-punti ta’ aċċess nazzjonali tagħhom f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti relatati ma’ tali data fir-Regolament Delegat (UE) 2022/670 u f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet komplementari addizzjonali li jistgħu jiġu adottati f’konformità mal-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu. Meta l-Istati Membri jaggregaw id-data taħt il-punti ta’ aċċess nazzjonali tagħhom, huma jistgħu jipprovdu dik id-data lil punt ta’ aċċess Ewropew komuni permezz ta’ API.

    5.   Sal-31 ta’ Diċembru 2026, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi punt ta’ aċċess Ewropew komuni biex jiffunzjona bħala gateway tad-data li tiffaċilita l-aċċess għad-data msemmija fil-paragrafu 2 mill-punti ta’ aċċess nazzjonali differenti. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-punt ta’ aċċess komuni Ewropew ikun faċilment aċċessibbli u jkun jista’ jintuża mill-utenti kollha tad-data, pereżempju permezz tal-ħolqien ta’ web portal speċifiku.

    6.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 22 biex:

    (a)

    temenda l-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu biex jinkludi tipi ta’ data addizzjonali li jikkonċernaw punti tal-irriċarġjar u punti tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku għall-fjuwils alternattivi jew servizzi marbuta b’mod inerenti ma’ tali infrastruttura li l-operaturi ta’ dik l-infrastruttura jipprovdu jew jesternalizzaw fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi jew servizzi ġodda disponibbli fis-suq; u

    (b)

    tissupplimenta dan ir-Regolament billi tistabbilixxi rekwiżiti tekniċi komuni għal interfaċċa komuni għall-programm ta’ applikazzjoni biex tippermetti skambju awtomatizzat u uniformi tad-data bejn l-operaturi ta’ punti tal-irriċarġjar u punti tar-riforniment aċċessibbli għall-pubbliku għall-fjuwils alternattivi u l-utenti tad-data.

    7.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu:

    (a)

    speċifikazzjonijiet li huma komplementari għal dawk stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2022/670, relatati mal-format, il-frekwenza u l-kwalità li biha d-data msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u fl-atti delegati adottati abbażi tal-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu għandha ssir disponibbli;

    (b)

    proċeduri dettaljati li jippermettu d-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà ta’ data meħtieġa skont dan l-Artikolu.

    Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 23(2).

    Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32) u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tagħha.

    8.   L-atti delegati u ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 6 u 7 għandhom jipprevedu perjodi tranżizzjonali raġonevoli qabel ma d-dispożizzjonijiet li jinsabu fihom, jew l-emendi tagħhom, isiru vinkolanti fuq l-operaturi jew is-sidien ta’ punti tal-iċċarġjar u punti ta’ riforniment għall-fjuwils alternattivi.

    Artikolu 21

    Speċifikazzjonijiet tekniċi komuni

    1.   L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-Anness II għandhom japplikaw.

    2.   F’konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni jabbozzaw standards Ewropej li jistabbilixxu speċifikazzjonijiet tekniċi għall-oqsma msemmija fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament li għalihom ma ġiet adottata l-ebda speċifikazzjoni teknika komuni mill-Kummissjoni.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 22 biex:

    (a)

    temenda l-Anness II billi tintroduċi speċifikazzjonijiet tekniċi għall-oqsma elenkati f’dak l-Anness biex tippermetti l-interoperabbiltà teknika sħiħa tal-infrastruttura tal-irriċarġjar u tar-riforniment f’termini ta’ konnessjonijiet fiżiċi, skambji ta’ komunikazzjoni u aċċess għal persuni b’mobbiltà mnaqqsa għal dawk l-oqsma; u

    (b)

    mingħajr dewmien żejjed u mhux aktar tard minn 12-il xahar wara l-adozzjoni tal-istandards rilevanti, temenda l-Anness II billi taġġorna r-referenzi għall-istandards imsemmija fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stabbiliti f’dak l-Anness.

    4.   Fejn l-atti delegati msemmija fil-paragrafu 3 se japplikaw għal infrastrutturi eżistenti, dawk l-atti delegati għandhom ikunu bbażati fuq analiżi tal-kostijiet imqabbla mal-benefiċċji li għandha tiġi ppreżentata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill flimkien ma’ dawk l-atti delegati.

    5.   Fejn standards Ewropej li jistabbilixxu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ fjuwil jiġu żviluppati wara l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 19(4), it-tieni subparagrafu, u dawn jinkludu dispożizzjonijiet li jirrikjedu li t-tikkettar jindika l-konformità mal-istandards ikkonċernati u jirreferu għal espressjoni grafika, inklużi skemi ta’ kodifikazzjoni bil-kuluri, l-emendi tal-Anness II adottati mill-atti delegati msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom jinkludu indikazzjoni ta’ liema minn dawk l-istandards jew l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom japplikaw u, fejn xieraq, jitħassru l-atti ta’ implimentazzjoni rilevanti.

    6.   L-emendi tal-Anness II adottati mill-atti delegati msemmija fil-paragrafu 3 għandhom jinkludu perjodi tranżizzjonali raġonevoli għal kwalunkwe speċifikazzjoni teknika li dawk l-atti delegati jintroduċu jew jemendaw, li matulhom ma għandhomx ikunu vinkolanti fir-rigward tal-infrastruttura kkonċernata.

    Artikolu 22

    Eżerċizzju tad-delega

    1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

    2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 20 u 21 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mit-13 ta’ April 2024. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

    3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikoli 20 u 21 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

    5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    6.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 20 u 21 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    Artikolu 23

    Proċedura ta’ kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Fejn il-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, u għandu japplika l-Artikolu 5(4), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    Artikolu 24

    Rappurtar u rieżami

    1.   Sal-31 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-istat ta’ tħejjija tat-teknoloġija u tas-suq dwar il-vetturi tqal. Dak ir-rapport għandu jqis l-indikazzjonijiet inizjali tal-preferenzi tas-suq. Għandu jqis ukoll l-iżviluppi teknoloġiċi u l-iżvilupp tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi miksuba sa dik id-data u l-iżviluppi mistennija fuq terminu qasir, b’mod partikolari fir-rigward tal-istandards u t-teknoloġiji tal-irriċarġjar u tar-riforniment, bħal standards tal-irriċarġjar b’potenza għolja u sistemi tat-toroq elettriċi, u l-użu tal-idroġenu likwidu.

    Fir-rigward tal-istazzjonijiet tar-riforniment tal-idroġenu, il-Kummissjoni għandha tkompli tivvaluta r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 6 fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq, il-ħtieġa li tiġi speċifikata kapaċità ogħla għal dawk l-istazzjonijiet, il-ħtieġa li jiġu speċifikati l-miri għall-infrastruttura tar-riforniment tal-idroġenu likwidu, kif ukoll id-data għall-estensjoni tar-rekwiżiti għall-varar tal-istazzjonijiet tar-riforniment tal-idroġenu għan-network komprensiv TEN-T.

    2.   Sal-31 ta’ Diċembru 2026 u kull ħames snin wara din id-data, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina dan ir-Regolament.

    Fir-rieżami tagħha, il-Kummissjoni għandha tivvaluta, b’mod partikolari, l-elementi li ġejjin:

    (a)

    jekk il-livelli limitu tat-traffiku msemmija fl-Artikolu 3(6) u (7), fl-Artikolu 4(4) u (5), u fl-Artikolu 6(4) għadhomx rilevanti fid-dawl taż-żieda mistennija tas-sehem ta’ vetturi li jaħdmu bl-idroġenu jew vetturi elettriċi bil-batterija meta mqabbla mal-flotta totali ta’ vetturi li jiċċirkolaw fl-Unjoni;

    (b)

    jekk il-mezzi elettroniċi ta’ pagament imsemmija fl-Artikolu 5(1) għadhomx xierqa;

    (c)

    il-funzjonament tal-mekkaniżmu tal-ipprezzar għall-istazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku u jekk il-komponenti tal-ipprezzar stabbiliti fl-Artikolu 5(4) jipprovdux lill-konsumaturi b’informazzjoni ċara u suffiċjenti;

    (d)

    tnaqqis possibbli tal-livell limitu ta’ tunnellaġġ gross, stabbilit fl-Artikolu 9, kif ukoll estensjoni possibbli tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għal tipi oħra ta’ vapuri wara aġġustamenti rilevanti f’atti legali rilevanti oħra tal-Unjoni;

    (e)

    l-istat attwali u l-iżvilupp futur tas-suq għall-avjazzjoni tal-idroġenu u tal-propulsjoni elettrika;

    (f)

    l-effetti ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-potenzjal u l-kobor tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju.

    Bħala parti minn dan ir-rieżami, il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll il-punt sa fejn l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament laħqet l-objettivi tiegħu u sa liema punt din kellha impatt fuq il-kompetittività tas-setturi rilevanti koperti minnu. Dak ir-rieżami għandu jkopri wkoll l-interazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma’ atti legali rilevanti oħra tal-Unjoni u għandu jidentifika kwalunkwe dispożizzjoni li tista’ tiġi aġġornata u ssimplifikata, kif ukoll azzjonijiet u miżuri li possibbilment ittieħdu jew li jistgħu jittieħdu biex titnaqqas il-pressjoni tal-kostijiet totali fuq is-setturi rilevanti. Bħala parti mill-analiżi tal-Kummissjoni tal-effiċjenza ta’ dan ir-Regolament, ir-rieżami għandu jinkludi wkoll valutazzjoni tal-piż li dan ir-Regolament jimponi fuq in-negozji.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra, jekk ikun xieraq, jekk għandhiex takkumpanja dak ir-rieżami bi proposta biex jiġi emendat dan ir-Regolament, fid-dawl tal-eżitu tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 2.

    Artikolu 25

    Tħassir

    1.   Id-Direttiva 2014/94/UE u r-Regolamenti Delegati (UE) 2019/1745 u (UE) 2021/1444 huma mħassra b’effett mit-13 ta’ April 2024.

    2.   Ir-referenzi għad-Direttiva 2014/94/UE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness IV.

    Artikolu 26

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mit-13 ta’ April 2024.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta’ Settembru 2023.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    R. METSOLA

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. M. ALBARES BUENO


    (1)   ĠU C 152, 6.4.2022, p. 138.

    (2)   ĠU C 270, 13.7.2022, p. 38.

    (3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Lulju 2023 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta‘ Lulju 2023.

    (4)  Id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi (ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1).

    (5)  Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).

    (6)  Ir-Regolament (UE) 2019/631 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ CO2 tal-karozzi ġodda tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali ħfief ġodda, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 443/2009 u (UE) Nru 510/2011 (ĠU L 111, 25.4.2019, p. 13).

    (7)  Ir-Regolament (UE) 2019/1242 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi standards tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-vetturi tqal ġodda u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 595/2009 u (UE) 2018/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 202).

    (8)  Ir-Regolament (UE) 2023/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ 13 ta’ Settembru 2023 dwar l-użu ta’ fjuwils rinnovabbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (Ara l-paġna 48 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (9)  Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1).

    (10)  Id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13).

    (11)  Id-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125).

    (12)  Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1).

    (13)  Id-Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodotti offruti lill-konsumaturi (ĠU L 80, 18.3.1998, p. 27).

    (14)  Id-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70).

    (15)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/2085 tad-19 ta’ Novembru 2021 li jistabbilixxi l-Impriżi Konġunti fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 219/2007, (UE) Nru 557/2014, (UE) Nru 558/2014, (UE) Nru 559/2014, (UE) Nru 560/2014, (UE) Nru 561/2014 u (UE) Nru 642/2014 (ĠU L 427, 30.11.2021, p. 17).

    (16)  Id-Direttiva tal-Kunsill 96/67/KE tal-15 ta’ Ottubru 1996 dwar l-aċċess għas-suq tal-groundhandling fl-ajruporti tal-Komunità (ĠU L 272, 25.10.1996, p. 36).

    (17)  Ir-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (ĠU L 158, 14.6.2019, p. 54).

    (18)  Id-Direttiva 2009/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni ta’ vetturi nodfa tat-trasport bit-triq b'appoġġ għall-mobbiltà b'emissjonijiet baxxi (ĠU L 120, 15.5.2009, p. 5).

    (19)  Id-Direttiva 1999/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 1999 relatata mad-disponibbiltà ta’ tagħrif għall-konsumatur dwar l-ekonomija tal-karburanti u emissjonijiet tas-CO2 rigward il-marketing ta' karozzi tal-passiġġieri ġodda (ĠU L 12, 18.1.2000, p. 16).

    (20)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2022/670 tat-2 ta’ Frar 2022 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-forniment tas-servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali fl-UE kollha (ĠU L 122, 25.4.2022, p. 1).

    (21)  Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.).

    (22)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

    (23)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    (24)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/1745 tat-13 ta’ Awwissu 2019 li jissupplimenta u jemenda d-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-punti tal-iċċarġjar għall-vetturi bil-mutur tal-kategorija L, il-provvista tal-elettriku max-xatt għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, il-provvista tal-idroġenu għat-trasport bit-triq u l-provvista tal-gass naturali għat-trasport bit-triq u fuq l-ilma u li jħassar ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/674 (ĠU L 268, 22.10.2019, p. 1).

    (25)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1444 tas-17 ta’ Ġunju 2021 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards għall-punti tal-iċċarġjar għal karozzi tal-linja elettriċi (ĠU L 313, 6.9.2021, p. 1).

    (26)  Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).

    (27)  Ir-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE (ĠU L 151, 14.6.2018, p. 1).

    (28)  Ir-Regolament (UE) 2015/757 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 55).

    (29)  Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).

    (30)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1012 tas-7 ta’ April 2022 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istabbiliment ta’ standards li jispeċifikaw il-livell ta’ servizz u s-sigurtà ta’ żoni ta’ parkeġġ sikuri u siguri u fir-rigward tal-proċeduri għaċ-ċertifikazzjoni tagħhom (ĠU L 170, 28.6.2022, p. 27).

    (31)  Ir-Regolament (UE) 2017/352 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2017 li jistabbilixxi qafas għall-forniment tas-servizzi portwarji u regoli komuni dwar it-trasparenza finanzjarja tal-portijiet (ĠU L 57, 3.3.2017, p. 1).

    (32)  Id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport (ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1).


    ANNESS I

    Rappurtar

    Ir-rapport nazzjonali dwar il-progress imsemmi fl-Artikolu 15(1) għandu jinkludi mill-inqas l-elementi li ġejjin:

    1.

    l-iffissar tal-miri

    (a)

    il-projezzjonijiet tal-adozzjoni tal-vetturi għall-31 ta’ Diċembru tas-snin 2025, 2030 u 2035 għal:

    vetturi ħfief, separatament għal vetturi elettriċi ħfief bil-batterija, vetturi ħfief plug-in hybrid, u vetturi ħfief li jaħdmu bl-idroġenu;

    vetturi tqal, separatament għal vetturi elettriċi tqal bil-batterija u vetturi tqal li jaħdmu bl-idroġenu;

    (b)

    il-miri għall-31 ta’ Diċembru 2025, 2027, 2030 u 2035 għal:

    infrastruttura tal-irriċarġjar intiża għall-vetturi elettriċi ħfief: l-għadd ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar u l-potenza tal-output (il-klassifikazzjoni tal-istazzjonijiet tal-irriċarġjar f’konformità mal-Anness III);

    l-iżvilupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar għall-vetturi elettriċi ħfief li mhumiex aċċessibbli għall-pubbliku, jekk applikabbli;

    infrastruttura tal-irriċarġjar intiża għall-vetturi elettriċi tqal: l-għadd ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar u l-potenza tal-output;

    l-iżvilupp ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar għall-vetturi elettriċi tqal li mhumiex aċċessibbli għall-pubbliku, jekk applikabbli;

    l-istazzjonijiet tar-riforniment tal-idroġenu: l-għadd ta’ stazzjonijiet tar-riforniment, il-kapaċità tal-istazzjonijiet tar-riforniment u l-konnettur ipprovdut;

    stazzjonijiet tar-riforniment fit-triq għall-metan likwifikat: l-għadd ta’ stazzjonijiet tar-riforniment u l-kapaċità tal-istazzjonijiet;

    il-punti tar-riforniment għall-metan likwifikat fil-portijiet marittimi tan-network ewlieni TEN-T u tan-network komprensiv TEN-T inkluż il-post (port) u l-kapaċità għal kull port;

    il-provvista tal-elettriku mix-xatt fil-portijiet marittimi tan-network ewlieni TEN-T u tan-network komprensiv TEN-T, inkluż il-post eżatt (il-port) u l-kapaċità ta’ kull installazzjoni fil-port;

    il-provvista tal-elettriku mix-xatt fil-portijiet ta’ passaġġi fuq l-ilma interni tan-network ewlieni TEN-T u tan-network komprensiv TEN-T, inkluż il-post (il-port) u l-kapaċità;

    il-provvista tal-elettriku għall-inġenji tal-ajru stazzjonarji, l-għadd ta’ installazzjonijiet għal kull ajruport tan-network ewlieni TEN-T jew ajruport tan-network komprensiv TEN-T;

    miri u objettivi nazzjonali oħra li għalihom ma teżisti l-ebda mira nazzjonali obbligatorja tal-Unjoni, jekk applikabbli. Għall-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi fil-portijiet, fl-ajruporti u għat-trasport ferrovjarju, iridu jiġu rrapportati l-post u l-kapaċità/id-daqs tal-installazzjoni;

    2.

    ir-rati ta’ utilizzazzjoni: għall-kategoriji taħt il-punt 1(b), ir-rappurtar tal-utilizzazzjoni ta’ dik l-infrastruttura;

    3.

    il-livell ta’ kisba tal-miri nazzjonali rrapportati għall-varar ta’ fjuwils alternattivi fil-modi tat-trasport differenti (bit-triq, bil-ferrovija, fuq l-ilma u bl-ajru);

    il-livell ta’ kisba tal-miri għall-varar tal-infrastruttura kif imsemmi fil-punt 1(b) għall-modi kollha applikabbli tat-trasport, b’mod partikolari għall-istazzjonijiet tal-irriċarġjar, għas-sistema ta’ triq elettrika (jekk applikabbli), għall-istazzjonijiet tar-riforniment tal-idroġenu, għall-provvista tal-elettriku mix-xatt fil-portijiet marittimi u tal-passaġġi fuq l-ilma interni, għall-bunkering tal-metan likwifikat fil-portijiet marittimi tan-network ewlieni TEN-T, għal infrastruttura oħra tal-fjuwils alternattivi fil-portijiet, għall-provvista tal-elettriku għall-inġenji tal-ajru stazzjonarji;

    għall-punti tal-irriċarġjar, l-ispeċifikar tal-proporzjon tal-infrastruttura pubblika għal dik privata;

    varar tal-infrastruttura ta’ fjuwils alternattivi fin-nodi urbani;

    4.

    ir-rieżami tal-każijiet li fihom l-Istati Membri jkunu għamlu użu mid-derogi stabbiliti fl-Artikolu 3, il-paragrafi (6), (7) u (8), l-Artikolu 4, il-paragrafi (6), (7) u (8) u l-Artikolu 6, il-paragrafu (4);

    5.

    il-miżuri legali: informazzjoni dwar miżuri legali, li jistgħu jikkonsistu minn miżuri leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi b’appoġġ għall-bini ta’ infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, bħall-permessi għall-bini, il-permessi għaż-żoni tal-postijiet ta’ parkeġġ, iċ-ċertifikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali tan-negozji u konċessjonijiet ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar u tar-riforniment;

    6.

    informazzjoni dwar il-miżuri ta’ politika b’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-qafas ta’ politika nazzjonali, inkluż:

    l-inċentivi diretti għax-xiri ta’ mezzi tat-trasport li jużaw il-fjuwils alternattivi jew għall-bini tal-infrastruttura;

    id-disponibbiltà ta’ inċentivi tat-taxxa għall-promozzjoni ta’ mezzi tat-trasport li jużaw fjuwils alternattivi u l-infrastruttura rilevanti;

    l-użu ta’ akkwist pubbliku b’appoġġ għall-fjuwils alternattivi, inkluż l-akkwist konġunt;

    inċentivi min-naħa tad-domanda li mhumiex ta’ natura finanzjarja, pereżempju aċċess preferenzjali għal żoni ristretti, politika tal-parkeġġ u korsiji apposta;

    7.

    l-appoġġ għall-varar u għall-manifattura, inkluż:

    baġit pubbliku annwali allokat għall-varar tal-infrastruttura għall-fjuwils alternattivi, imqassam skont il-fjuwil alternattiv u skont il-mod tat-trasport (bit-triq, bil-ferrovija, fuq l-ilma u bl-ajru);

    baġit pubbliku annwali allokat għall-appoġġ ta’ impjanti għall-manifattura ta’ teknoloġiji li jużaw fjuwil alternattiv, imqassam skont il-fjuwil alternattiv;

    kunsiderazzjoni ta’ kwalunkwe ħtieġa partikolari waqt il-fażi inizjali tal-varar ta’ infrastruttura għall-fjuwils alternattivi;

    8.

    riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni (RŻT&D): baġit pubbliku annwali allokat għall-appoġġ ta’ fjuwils alternattivi RŻT&D.


    ANNESS II

    Speċifikazzjonijiet tekniċi

    1.   

    Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-provvista tal-elettriku għat-trasport bit-triq

    1.1.   

    Punti tal-iċċarġjar b’potenza normali għal vetturi bil-mutur:

    il-punti tal-iċċarġjar b’potenza normali b’kurrent alternanti (AC) għall-vetturi elettriċi għandhom ikunu mgħammra, għal finijiet ta’ interoperabbiltà, tal-inqas b’sokits jew konnetturi tal-vetturi tat-Tip 2, kif deskritt fl-istandard EN 62196-2:2017.

    1.2.   

    Punti tal-irriċarġjar b’potenza għolja għal vetturi bil-mutur:

    il-punti tal-irriċarġjar b’potenza normali b’kurrent dirett (DC) għall-vetturi elettriċi għandhom ikunu mgħammra, għal finijiet ta’ interoperabbiltà, tal-inqas b’konnetturi tas-sistema tal-iċċarġjar konġunt “Combo 2”, kif deskritt fl-istandard EN 62196-3:2014;

    il-punti tal-irriċarġjar b’potenza għolja b’kurrent alternat (AC) għall-vetturi elettriċi għandhom ikunu mgħammra, għal finijiet ta’ interoperabbiltà, tal-inqas b’konnetturi tat-Tip 2, kif deskritt fl-istandard EN 62196-2:2017;

    il-punti tal-irriċarġjar b’potenza għolja b’kurrent dirett (DC) għall-vetturi elettriċi għandhom ikunu mgħammra, għal finijiet ta’ interoperabbiltà, tal-inqas bil-konnetturi tas-sistema tal-iċċarġjar konġunti “Combo 2”, kif deskritt fl-istandard EN 62196-3:2014.

    1.3.   

    Punti tal-irriċarġjar għal vetturi bil-mutur tal-kategorija L:

    Il-punti tal-irriċarġjar b’kurrent alternat (AC) aċċessibbli għall-pubbliku riżervati għall-vetturi elettriċi tal-kategorija L sa 3,7 kW għandhom ikunu mgħammra, għal finijiet ta’ interoperabbiltà, tal-inqas b’wieħed minn dawn li ġejjin:

    (a)

    sokits jew konnetturi tal-vetturi tat-Tip 3A kif deskritt fl-istandard EN 62196-2:2017 (għall-iċċarġjar tal-Modalità 3);

    (b)

    sokits konformi mal-istandard IEC 60884-1:2002+A1:2006 +A2:2013 (għall-iċċarġjar tal-Modalità 1 jew tal-Modalità 2).

    1.4.   

    Punti tal-irriċarġjar b’potenza normali u punti tal-irriċarġjar b’potenza għolja għax-xarabank elettriċi:

    il-punti tal-irriċarġjar b’potenza normali u l-punti tal-irriċarġjar b’potenza għolja b’kurrent alternat (AC) għax-xarabank elettriċi għandhom ikunu mgħammra tal-inqas b’konnetturi tat-Tip 2 kif deskritt fl-istandard EN 62196-2:2017;

    il-punti tal-irriċarġjar b’potenza normali u l-punti tal-irriċarġjar b’potenza għolja b’kurrent dirett (DC) għax-xarabank elettriċi għandhom ikunu mgħammra tal-inqas b’konnetturi tas-sistema tal-iċċarġjar konġunt “Combo 2”, kif deskritt fl-istandard EN 62196-3:2014.

    1.5.   

    L-apparat awtomatizzat tal-interfaċċa ta’ kuntatt għax-xarabank elettriċi li jirriċarġjaw b’mod konduttiv fil-modalità 4, skont l-istandard EN 61851-23-1:2020, għandu jkun mgħammar tal-inqas b’interfaċċi mekkaniċi u elettriċi, kif definit fl-istandard EN 50696:2021, fir-rigward ta’:

    l-apparat awtomatizzat ta’ konnessjoni (ACD) immuntat fuq l-infrastruttura (pantografu);

    l-apparat awtomatizzat ta’ konnessjoni (ACD) immuntat fuq is-saqaf tal-vettura;

    l-apparat awtomatizzat ta’ konnessjoni (ACD) immuntat taħt il-vettura;

    l-apparat awtomatizzat ta’ konnessjoni (ACD) immuntat fuq l-infrastruttura u li jagħmel konnessjoni mal-ġenb jew mas-saqaf tal-vettura.

    1.6.   

    Speċifikazzjonijiet tekniċi fir-rigward tal-konnettur għall-irriċarġjar tal-vetturi elettriċi tqal (iċċarġjar DC).

    1.7.   

    Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-irriċarġjar induttiv statiku bla fili għall-karozzi tal-passiġġieri u l-vetturi elettriċi ħfief.

    1.8.   

    Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-irriċarġjar induttiv statiku bla fili għal vetturi elettriċi tqal.

    1.9.   

    Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-irriċarġjar induttiv dinamiku bla fili għall-vetturi tal-passiġġieri u l-vetturi elettriċi ħfief.

    1.10.   

    Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-irriċarġjar induttiv dinamiku bla fili għall-vetturi elettriċi tqal.

    1.11.   

    Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-irriċarġjar induttiv statiku bla fili għax-xarabank elettriċi.

    1.12.   

    Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-irriċarġjar induttiv dinamiku bla fili għax-xarabank elettriċi.

    1.13.   

    Speċifikazzjonijiet tekniċi għas-sistema ta’ triq elettrika għall-provvista tal-enerġija dinamika fl-ajru permezz ta’ pantografu għall-vetturi elettriċi tqal.

    1.14.   

    Speċifikazzjonijiet tekniċi għas-sistema ta’ triq elettrika għall-provvista tal-enerġija dinamika fil-livell tal-art permezz ta’ binarji konduttivi għall-karozzi elettriċi tal-passiġġieri, il-vetturi elettriċi ħfief u l-vetturi elettriċi tqal.

    1.15.   

    Speċifikazzjonijiet tekniċi għat-tpartit ta’ batteriji għall-vetturi elettriċi tal-kategorija L.

    1.16.   

    Jekk ikun fattibbli fuq livell tekniku, speċifikazzjonijiet tekniċi għat-tpartit ta’ batteriji għall-karozzi elettriċi tal-passiġġieri u vetturi elettriċi ħfief.

    1.17.   

    Jekk ikun fattibbli fuq livell tekniku, speċifikazzjonijiet tekniċi għat-tpartit ta’ batteriji għall-vetturi elettriċi tqal.

    1.18.   

    Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-istazzjonijiet tal-irriċarġjar biex jiġi żgurat l-aċċess għall-utenti b’diżabilità.

    2.   

    Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-iskambju ta’ komunikazzjoni fis-settur tal-irriċarġjar tal-vetturi elettriċi

    2.1.   

    Speċifikazzjonijiet tekniċi fir-rigward tal-komunikazzjoni bejn il-vettura elettrika u l-punt tal-irriċarġjar (komunikazzjoni mill-vettura għall-grilja).

    2.2.   

    Speċifikazzjonijiet tekniċi fir-rigward tal-komunikazzjoni bejn il-punt tal-irriċarġjar u s-sistema ta’ ġestjoni tal-punt tal-irriċarġjar (komunikazzjoni back-end).

    2.3.   

    Speċifikazzjonijiet tekniċi fir-rigward tal-komunikazzjoni bejn l-operatur tal-punt tal-irriċarġjar, il-fornituri tas-servizzi tal-elettromobbiltà u l-pjattaformi tar-roaming elettroniku.

    2.4.   

    Speċifikazzjonijiet tekniċi fir-rigward tal-komunikazzjoni bejn l-operatur tal-punt tal-irriċarġjar u l-operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni.

    3.   

    Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-provvista tal-idroġenu għall-vetturi tat-trasport bit-triq

    3.1.   

    Il-punti ta’ riforniment tal-idroġenu fil-beraħ li jipprovdu idroġenu gassuż użat bħala fjuwil abbord vetturi bil-mutur għandhom jikkonformaw tal-inqas mar-rekwiżiti ta’ interoperabbiltà deskritti fl-istandard EN 17127:2020.

    3.2.   

    Il-karatteristiki tal-kwalità tal-idroġenu mqassam mill-punti ta’ riforniment tal-idroġenu għall-vetturi bil-mutur għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti deskritti fl-istandard EN 17124: 2022. Il-metodi biex jiġi żgurat li l-kwalità tal-idroġenu tintlaħaq huma deskritti wkoll fl-istandard.

    3.3.   

    L-algoritmu tal-forniment għandu jikkonforma mar-rekwiżiti tal-istandard EN 17127:2020.

    3.4.   

    Ladarba jkun ġie konkluż il-proċess ta’ ċertifikazzjoni tal-istandard EN ISO 17268:2020, il-konnetturi għall-vetturi bil-mutur għar-riforniment tal-idroġenu gassuż għandhom jikkonformaw tal-inqas ma’ dak l-istandard.

    3.5.   

    Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-konnetturi għall-punti tar-riforniment li jipprovdu l-idroġenu gassuż (ikkumpressat) għall-vetturi tqal.

    3.6.   

    Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-konnetturi għall-punti tar-riforniment li jipprovdu l-idroġenu likwifikat għall-vetturi tqal.

    4.   

    Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-metan għat-trasport bit-triq

    4.1.   

    Il-punti ta’ riforniment għall-gass naturali kkompressat (CNG) għall-vetturi bil-mutur għandhom jikkonformaw ma’ pressjoni tal-forniment (pressjoni tas-servizz) ta’ 20,0 MPa gejġ (200 bar) f’temperatura ta’ 15-il °C. Pressjoni massima tal-forniment ta’ 26,0 MPa b’“kumpens għat-temperatura” hija permessa skont l-istandard EN ISO 16923:2018.

    4.2.   

    Il-profil tal-konnettur għandu jikkonforma mar-Regolament Nru 110 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti li jirreferi għall-partijiet I u II fl-istandard EN ISO 14469:2017.

    4.3.   

    Il-punti ta’ riforniment għall-metan likwifikat għall-vetturi bil-mutur għandhom jikkonformaw ma’ pressjoni tal-forniment li tkun inqas mill-pressjoni operattiva massima permessa tat-tank tal-vettura kif indirizzat fl-istandard EN ISO 16924:2018, “Stazzjonijiet tal-forniment tal-gass naturali — stazzjonijiet tal-LNG għall-forniment tal-vetturi”. Barra minn hekk, il-profil tal-konnettur għandu jikkonforma mal-istandard EN ISO 12617:2017 “Vetturi tat-triq — Konnettur għar-riforniment tal-gass naturali likwifikat (LNG) — konnettur ta’ 3,1 MPa”.

    5.   

    Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-provvista tal-elettriku għat-trasport marittimu u n-navigazzjoni interna

    5.1.   

    Il-provvista tal-elettriku mix-xatt għal vapuri li jbaħħru, inkluż id-disinn, l-installazzjoni u l-ittestjar tas-sistemi, għandhom jikkonformaw tal-inqas mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-istandard IEC/IEEE 80005-1:2019/AMD1:2022 għal konnessjonijiet max-xatt b’vultaġġ għoli.

    5.2.   

    Il-plugs, is-sokits u l-akkoppjaturi tal-vapuri għall-konnessjoni max-xatt b’vultaġġ għoli, għandhom jikkonformaw mill-inqas mal-ispeċifikazzjoni teknika tal-istandard IEC 62613-1:2019

    5.3.   

    Il-provvista tal-elettriku mix-xatt għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni għandha tikkonforma tal-inqas mal-istandard EN 15869-2:2019 jew l-istandard EN 16840:2017 skont ir-rekwiżiti tal-enerġija.

    5.4.   

    Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-punti tal-irriċarġjar tal-batteriji mix-xatt għall-bastimenti marittimi, li jkollhom interkonnettività u interoperabbiltà tas-sistema għall-bastimenti marittimi.

    5.5.   

    Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-punti tal-irriċarġjar tal-batteriji mix-xatt għall-bastimenti tan-navigazzjoni interna, li jkollhom interkonnettività u interoperabbiltà tas-sistema għall-bastimenti tan-navigazzjoni interna.

    5.6.   

    Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-interfaċċi tal-komunikazzjoni mill-bastiment għall-port permezz tal-grilja elettrika fis-sistemi awtomatizzati tal-provvista tal-elettriku mix-xatt (OPS) u tal-irriċarġjar tal-batteriji għall-bastimenti marittimi.

    5.7.   

    Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-interfaċċa tal-komunikazzjoni mill-bastiment għall-port permezz tal-grilja elettrika fis-sistemi awtomatizzati tal-provvista tal-elettriku mix-xatt (OPS) u tal-irriċarġjar tal-batteriji għall-bastimenti tan-navigazzjoni interna.

    5.8.   

    Jekk ikun fattibbli fuq livell tekniku, speċifikazzjonijiet tekniċi għat-tpartit ta’ batteriji u għall-irriċarġjar fi stazzjonijiet max-xatt għall-bastimenti tan-navigazzjoni interna.

    6.   

    Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-bunkering tal-idroġenu għat-trasport marittimu u n-navigazzjoni interna

    6.1.   

    Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-punti tar-riforniment u l-bunkering għall-idroġenu gassuż (ikkumpressat) għall-bastimenti marittimi li jaħdmu bl-idroġenu.

    6.2.   

    Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-punti tar-riforniment u l-bunkering għall-idroġenu gassuż (ikkumpressat) għall-bastimenti tan-navigazzjoni interna li jaħdmu bl-idroġenu.

    6.3.   

    Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-punti tar-riforniment u l-bunkering għall-idroġenu likwifikat għall-bastimenti marittimi li jaħdmu bl-idroġenu.

    6.4.   

    Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-punti tar-riforniment u l-bunkering għall-idroġenu likwifikat għall-bastimenti tan-navigazzjoni interna li jaħdmu bl-idroġenu.

    7.   

    Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-bunkering tal-metanol għat-trasport marittimu u n-navigazzjoni interna

    7.1.   

    Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-punti tar-riforniment u l-bunkering għall-metanol għall-bastimenti marittimi li jaħdmu bil-metanol.

    7.2.   

    Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-punti tar-riforniment u l-bunkering għall-metanol għall-bastimenti tan-navigazzjoni interna li jaħdmu bil-metanol.

    8.   

    Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-bunkering tal-ammonijaka għat-trasport marittimu u n-navigazzjoni interna

    8.1.   

    Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-punti tar-riforniment u l-bunkering għall-ammonijaka għall-bastimenti marittimi li jaħdmu bl-ammonijaka.

    8.2.   

    Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-punti tar-riforniment u l-bunkering għall-ammonijaka għall-bastimenti tan-navigazzjoni interna li jaħdmu bl-ammonijaka.

    9.   

    Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-punti tar-riforniment tal-metan likwifikat għat-trasport marittimu u n-navigazzjoni interna

    9.1.   

    Il-punti tar-riforniment għall-metan likwifikat għall-vapuri li jbaħħru, li mhumiex koperti mill-Kodiċi Internazzjonali tal-Kostruzzjoni u t-Tagħmir ta’ Bastimenti li Jġorru Gassijiet Likwifikati bl-Ingrossa (il-Kodiċi IGC) għandhom jikkonformaw tal-inqas mal-istandard EN ISO 20519:2017.

    9.2.   

    Il-punti tar-riforniment għall-metan likwifikat għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni għandhom jikkonformaw tal-inqas mal-istandard EN ISO 20519:2017 (il-partijiet 5.3 sa 5.7) għal finijiet ta’ interoperabbiltà biss.

    10.   

    Speċifikazzjonijiet tekniċi relatati mat-tikkettar tal-fjuwil

    10.1.   

    It-tikketta “Fjuwils - Identifikazzjoni tal-kompatibbiltà tal-vettura - Espressjoni grafika għall-informazzjoni għall-konsumatur” għandha tikkonforma mal-istandard EN 16942:2016+A1:2021.

    10.2.   

    It-tikketta “Identifikazzjoni tal-kompatibbiltà tal-vetturi u tal-infrastrutturi - Espressjoni grafika għall-informazzjoni għall-konsumatur dwar il-provvista tal-enerġija għall-EV” għandha tikkonforma tal-inqas mal-istandard EN 17186:2019.

    10.3.   

    Il-metodoloġija komuni għat-tqabbil tal-prezzijiet ta’ unità għall-fjuwils alternattivi stabbilita bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/732 (1).

    10.4.   

    Speċifikazzjonijiet tekniċi għall-istazzjonijiet tal-irriċarġjar elettriku u l-faċilitajiet ta’ riforniment tal-idroġenu għat-trasport ferrovjarju.


    (1)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/732 tas-17 ta' Mejju 2018 dwar metodoloġija komuni għat-tqabbil tal-prezzijiet ta' unitajiet ta' karburanti alternattivi bi qbil mad-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 123, 18.5.2018, p. 85).


    ANNESS III

    Rekwiżiti ta’ rappurtar dwar il-varar tal-vetturi elettriċi u l-infrastruttura tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku

    1.   

    L-Istati Membri jeħtiġilhom jikkategorizzaw ir-rappurtar tagħhom dwar il-varar tal-vetturi elettriċi kif ġej:

    vetturi elettriċi bil-batterija, separatament għall-kategoriji M1, N1, M2/3 u N2/3

    vetturi ibrida plug-in, separatament għall-kategoriji M1, N1, M2/3 u N2/3

    2.   

    L-Istati Membri jeħtiġilhom jikkategorizzaw ir-rappurtar tagħhom dwar il-varar tal-punti tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku kif ġej:

    Kategorija

    Subkategorija

    Potenza tal-output massima

    Definizzjoni skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament

    Kategorija 1 (AC)

    Punt tal-irriċarġjar AC bil-mod,

    monofażi

    P < 7,4 kW

    Punt tal-irriċarġjar b’potenza normali

    Punt tal-irriċarġjar AC b’veloċità medja,

    trifażi

    7,4 kW ≤ P ≤ 22 kW

    Punt tal-irriċarġjar AC veloċi,

    trifażi

    P > 22 kW

    Punt tal-irriċarġjar b’potenza għolja

    Kategorija 2 (DC)

    Punt tal-irriċarġjar DC bil-mod

    P < 50 kW

    Punt tal-irriċarġjar DC veloċi

    50 kW ≤ P < 150 kW

    Livell 1 - Punt tal-irriċarġjar DC ultraveloċi

    150 kW ≤ P < 350 kW

    Livell 2 - Punt tal-irriċarġjar DC ultraveloċi

    P ≥ 350 kW

    3.   

    Id-data li ġejja trid tiġi pprovduta separatament għall-infrastruttura tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku intiża għall-vetturi ħfief u għall-vetturi tqal:

    l-għadd ta’ punti tal-irriċarġjar, li għandhom jiġu rrappurtati għal kull waħda mill-kategoriji fil-punt 2;

    l-għadd ta’ stazzjonijiet tal-irriċarġjar, li għandhom jiġu rrappurtati għal kull waħda mill-kategoriji fil-punt 2;

    il-potenza tal-output aggregata totali tal-istazzjonijiet tal-irriċarġjar.


    ANNESS IV

    Tabella ta’ korrelazzjoni

    Direttiva 2014/94/UE

    Dan ir-Regolament

    Artikolu 1

    Artikolu 1

    Artikolu 2

    Artikolu 2

    Artikolu 3

    Artikolu 14

    Artikolu 4

    Artikoli 3, 4, 5, 9 u 10

    Artikolu 5

    Artikolu 6

    Artikolu 7

    Artikolu 6

    Artikoli 8 u 11

    Artikolu 12

    Artikolu 13

    Artikolu 7

    Artikolu 19

    Artikolu 8

    Artikolu 22

    Artikolu 9

    Artikolu 23

    Artikolu 10

    Artikoli 15, 16 u 24

    Artikolu 17

    Artikolu 18

    Artikolu 20

    Artikolu 21

    Artikolu 25

    Artikolu 11

    Artikolu 12

    Artikolu 26

    Artikolu 13

    Anness I

    Anness I

    Anness II

    Anness II

    Anness III


    Top