Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1619

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1619 tat-8 ta’ Awwissu 2023 dwar miżuri temporanji ta’ emerġenza li jidderoga fir-rigward tas-sena 2023 minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 u (UE) 2021/2117 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għar-riżoluzzjoni ta’ problemi speċifiċi fis-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-inbid ikkawżati minn avvenimenti meteoroloġiċi avversi

    C/2023/5341

    ĠU L 199, 9.8.2023, p. 96–100 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 09/08/2024

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1619/oj

    9.8.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 199/96


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1619

    tat-8 ta’ Awwissu 2023

    dwar miżuri temporanji ta’ emerġenza li jidderoga fir-rigward tas-sena 2023 minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 u (UE) 2021/2117 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għar-riżoluzzjoni ta’ problemi speċifiċi fis-setturi tal-frott u l-ħxejjex u tal-inbid ikkawżati minn avvenimenti meteoroloġiċi avversi

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 221(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Kawża tal-avvenimenti meteoroloġiċi avversi severi li seħħew f’diversi reġjuni tal-Istati Membri fir-rebbiegħa tal-2023, il-produzzjoni tal-frott u tal-ħxejjex ġarrbet ħsara drammatika. Fi Spanja, il-produzzjoni ppjanata fir-reġjun tal-Katalonja titnaqqas b’mill-inqas 50 % kawża ta’ sitwazzjoni ta’ nixfa, filwaqt li l-produzzjoni fir-reġjun tal-Emilia-Romagna fl-Italja nqerdet minn għargħar. In-nixfa affettwat serjament il-livell ta’ produzzjoni u l-kwalità tagħha f’xi reġjuni fi Franza u fil-Portugall.

    (2)

    Minħabba l-avvenimenti meteoroloġiċi avversi severi tar-rebbiegħa tal-2023, ħafna organizzazzjonijiet ta’ produtturi u assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi rikonoxxuti fis-settur tal-frott u l-ħxejjex qed isibu diffikultà biex jimplimentaw il-programmi operazzjonali approvati tagħhom. Xi wħud mill-azzjonijiet u l-miżuri approvati mhux se jiġu implimentati fl-2023 u għalhekk parti mill-fondi ta’ ġestjoni mhux se jintefqu. Organizzazzjonijiet ta’ produtturi u assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi rikonoxxuti oħra qed jemendaw il-programmi operazzjonali tagħhom bil-ħsieb li jimplimentaw l-azzjonijiet u l-miżuri għall-indirizzar tal-avvenimenti meteoroloġiċi avversi severi fis-settur tal-frott u l-ħxejjex, bħall-miżuri ta’ ġestjoni tal-kriżijiet.

    (3)

    Bħala parti mill-programmi operazzjonali approvati tagħhom, l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet ta’ produtturi rikonoxxuti jistgħu jimplimentaw miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ ġestjoni tal-kriżijiet fis-settur tal-frott u l-ħxejjex bil-ħsieb li jżidu r-reżiljenza tagħhom għat-tfixkil fis-suq. Madankollu, f’konformità mal-Artikolu 33(3), ir-raba’ subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, dawn il-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ ġestjoni tal-kriżijiet ma għandhomx jammontaw għal iżjed minn terz tan-nefqa fl-ambitu tal-programm operazzjonali. Sabiex tingħata aktar flessibbiltà lil dawk l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi u biex dawn ikunu jistgħu jiffukaw ir-riżorsi fl-ambitu tal-programmi operazzjonali għall-indirizzar tat-tfixkil fis-suq li jiġi kkawżat mill-miżuri relatati mal-avvenimenti meteoroloġiċi avversi, jenħtieġ li dik ir-regola ma tapplikax fis-sena 2023. Jenħtieġ li din id-deroga temporanja tapplika għall-programmi operazzjonali li jkomplu joperaw taħt il-kundizzjonijiet applikabbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 f’konformità mal-Artikolu 5(6), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2021/2117 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

    (4)

    Barra minn hekk, jeħtieġ li l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet ta’ produtturi rikonoxxuti jkunu jistgħu jirridirezzjonaw il-fondi, inkluża l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni fi ħdan il-fond ta’ ġestjoni tagħhom lejn l-azzjonijiet u l-miżuri li huma meħtieġa biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-avvenimenti meteoroloġiċi avversi tar-rebbiegħa tal-2023. Biex ikun żgurat li l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi u l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet ta’ produtturi rikonoxxuti jkunu jistgħu jagħmlu dan, huwa meħtieġ li fis-sena 2023 ikun hemm żieda fil-limitu tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni stabbilita fl-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 minn 50 % għal 60 % tan-nefqa reali mġarrba. Jenħtieġ li din id-deroga temporanja tapplika għall-programmi operazzjonali li jkomplu joperaw taħt il-kundizzjonijiet applikabbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 f’konformità mad-dispożizzjoni tranżizzjonali stabbilita fl-Artikolu 5(6), l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2021/2117.

    (5)

    L-avvenimenti meteoroloġiċi avversi tar-rebbiegħa tal-2023 affettwaw serjament ukoll lis-settur tal-inbid tal-Unjoni, fejn il-vitikulturi li jinsabu fir-reġjuni kkonċernati tal-Istati Membri ltaqgħu ma’ diffikultajiet eċċezzjonali. B’mod partikolari, il-kundizzjonijiet eċċezzjonali tat-temp żammew lill-vitikulturi milli jwettqu xogħlijiet fil-vinji tagħhom, li tipikament jitwettqu fir-rebbiegħa, bħat-tindif u l-preparazzjoni tal-ħamrija, it-taħwil jew it-tilqim ta’ dwieli ġodda. Fir-reġjuni milquta min-nixfa eċċezzjonali, tali attivitajiet mhumiex possibbli minħabba n-nixfa tal-ħamrija u l-kundizzjonijiet estremament sfavorevoli għat-tkabbir ta’ taħwil ġdid, fir-reġjuni affettwati mill-għargħar, tali attivitajiet mhumiex possibbli minħabba li l-vinji jew mhumiex aċċessibbli jew inqerdu mill-mases tal-ilma.

    (6)

    L-Artikolu 62(3), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi li l-awtorizzazzjonijiet għat-taħwil tad-dwieli, inklużi l-awtorizzazzjonijiet għat-taħwil ġdid u għall-awtorizzazzjonijiet għat-taħwil mill-ġdid, huma validi għal 3 snin mid-data li fiha jkunu ngħataw. L-Artikolu 68(2), l-ewwel subparagrafu, ta’ dak ir-Regolament jistabbilixxi li l-awtorizzazzjonijiet mogħtija wara konverżjoni tad-drittijiet tat-taħwil għandhom l-istess perjodu ta’ validità tad-drittijiet tat-taħwil oriġinali. Fil-perjodu ta’ validità ta’ kull awtorizzazzjoni li ngħatat, il-vitikulturi tipikament jippreparaw il-ħamrija fil-ħarifa u jiksbu d-dwieli l-ġodda li mbagħad jitħawlu matul ir-rebbiegħa peress li r-rebbiegħa hi l-aktar perjodu xieraq tas-sena għat-taħwil.

    (7)

    Kawża tal-avvenimenti meteoroloġiċi avversi, il-vitikulturi li għandhom l-awtorizzazzjonijiet għat-taħwil li għandhom jintużaw fir-reġjuni milquta u li jiskadu fl-2023, fl-aħħar sena tal-validità tagħhom ma setgħux jużaw l-awtorizzazzjonijiet matul ir-rebbiegħa kif ippjanat. Peress li huwa impossibbli li jitbassar id-dewmien ta’ tali avvenimenti meteoroloġiċi avversi u l-konsegwenzi tagħhom, mhuwiex ċert jekk dawk il-vitikulturi hux se jkollhom il-possibbiltà li jużaw l-awtorizzazzjonijiet għat-taħwil tagħhom fil-perjodi ta’ validità rispettivi. Il-vitikulturi jkollhom iħawlu d-dwieli matul l-istaġun sħun u b’hekk f’mument inqas xieraq taċ-ċiklu tat-tkabbir, taħt kundizzjonijiet diffiċli u b’kost addizzjonali, meta s-settur tal-inbid ikun diġà qed isofri minn kundizzjonijiet tas-suq sfavorevoli.

    (8)

    Għalhekk, u biex jiġi evitat it-telf tal-awtorizzazzjoni għat-taħwil jew id-deterjorament rapidu tal-kundizzjonijiet li taħthom ikollu jsir it-taħwil, jeħtieġ li tiġi permessa mingħajr dewmien estensjoni tal-validità tal-awtorizzazzjonijiet għat-taħwil li jiskadu fis-sena 2023 fir-reġjuni affettwati mill-avvenimenti meteoroloġiċi avversi. Għalhekk, jenħtieġ li l-validità tal-awtorizzazzjonijiet kollha li jiskadu fl-2023 u li għandhom jintużaw fir-reġjuni affettwati tiġi estiża għal 12-il xahar addizzjonali mid-data tal-iskadenza attwali tagħhom fl-2023 biex il-vitikulturi jkunu jistgħu jħawlu d-dwieli fl-2024.

    (9)

    Minħabba d-diffikultajiet mhux previsti li l-vitikulturi jiltaqgħu magħhom fir-reġjuni milquta kawża tal-avvenimenti meteoroloġiċi avversi, jenħtieġ li tali vitikulturi jitħallew jirrinunzjaw għall-awtorizzazzjoni għat-taħwil tagħhom li tiskadi fis-sena 2023 mingħajr ma jeħlu l-penali amministrattiva msemmija fl-Artikolu 62(3) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jekk ma jkunux jixtiequ jkomplu jespandu ż-żona tal-vinji tagħhom.

    (10)

    Fir-rigward tal-vitikulturi li jkollhom vinji li jkunu għadhom kif tħawlu fiż-żoni li jkunu ġew affettwati serjament mill-avvenimenti meteoroloġiċi avversi tar-rebbiegħa tal-2023 fir-reġjuni relatati u li tħawlu, b’antiċipazzjoni tal-qlugħ tad-dwieli ta’ żona ekwivalenti, bl-użu tal-awtorizzazzjonijiet għat-taħwil mill-ġdid mogħtija mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 66(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, huwa pertinenti li l-iskadenza ta’ erba’ snin għall-qlugħ tad-dwieli taż-żona li tħawlet preċedentement tittawwal b’sena. Dan se jippermetti li l-vitikulturi jibbenefikaw minn sena tal-ħsad addizzjonali miż-żona mħawla preċedenti bħala kumpens għall-ħsarat li saru fil-vinja li tkun għadha kif tħawlet, minħabba li tali ħsarat jistgħu jdewmu l-bidu tal-użu taż-żona li tkun għadha kif tħawlet jew jirriżultaw fil-bżonn tat-taħwil mill-ġdid taż-żona li tkun għadha kif tħawlet. Konsegwentement, jenħtieġ li tiġi adattata wkoll l-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 5, it-tieni paragrafu, tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/273 (3).

    (11)

    Jenħtieġ li jiġu stabbiliti arranġamenti tranżizzjonali għan-nefqa mġarrba wara Diċembru 2022 fl-ambitu tal-programmi nazzjonali ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid imsemmija fl-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. B’mod partikolari, l-Artikolu 5(7) tar-Regolament (UE) 2021/2117 jistabbilixxi li l-programmi ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid għandhom ikomplu japplikaw sal-15 ta’ Ottubru 2023. Għal dik ir-raġuni, l-Artikoli 39 sa 54 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandhom ikomplu japplikaw wara l-31 ta’ Diċembru 2022 fir-rigward tan-nefqa mġarrba u l-pagamenti magħmula għall-operazzjonijiet implimentati skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 qabel is-16 ta’ Ottubru 2023. Barra minn hekk, l-Artikoli 39 sa 54 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandhom ikomplu japplikaw ukoll għan-nefqa mġarrba u għall-pagamenti magħmula għall-operazzjonijiet implimentati skont l-Artikoli 46 u 50 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 qabel is-16 ta’ Ottubru 2025, dment li sal-15 ta’ Ottubru 2023 tali operazzjonijiet ikunu ġew implimentati parzjalment u n-nefqa mġarrba tkun tammonta għal mill-inqas 30 % tan-nefqa totali ppjanata.

    (12)

    Madankollu, kawża tad-diffikultajiet mhux previsti li l-vitikulturi ltaqgħu magħhom wara l-konsegwenzi severi tal-avvenimenti meteoroloġiċi avversi tar-rebbiegħa tal-2023, sar impossibbli għal xi vitikulturi li jimplimentaw l-operazzjonijiet skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 sabiex jikkonformaw mal-livell limitu ta’ 30 % tan-nefqa li trid tiġġarrab sal-15 ta’ Ottubru 2023. Għalhekk, huwa meqjus neċessarju li l-livell limitu ta’ 30 % jitnaqqas għal livell limitu ta’ 3 % biex jiġi żgurat li l-vitikulturi li jkunu bdew jimplimentaw il-miżura iżda li ma jitħallewx javvanzaw minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp mhux previsti ma jiġux penalizzati bla bżonn u jkunu jistgħu jkomplu jimplimentaw il-miżura ladarba s-sitwazzjoni tippermetti. Jenħtieġ li din il-flessibbiltà tapplika biss għall-vitikulturi li jkollhom l-awtorizzazzjonijiet għat-taħwil mill-ġdid li għandhom jintużaw fir-reġjuni affettwati mill-avvenimenti meteoroloġiċi avversi mġarrba fir-rebbiegħa tal-2023.

    (13)

    Is-sitwazzjoni ġenerali tikkostitwixxi problema speċifika fis-sens tal-Artikolu 221 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 li ma tistax tiġi indirizzata faċilment mill-miżuri meħuda skont l-Artikoli 219 jew 220 ta’ dak ir-Regolament. Is-sitwazzjoni mhijiex marbuta speċifikament ma’ tfixkil eżistenti u uniku identifikat fis-suq jew ma’ theddida preċiża tiegħu. Lanqas ma hi marbuta mal-miżuri li jikkombattu t-tixrid tal-mard tal-annimali jew mat-telf ta’ fiduċja tal-konsumaturi kawża tar-riskji għas-saħħa pubblika u għas-saħħa tal-annimali jew tal-pjanti.

    (14)

    Fid-dawl tan-natura bla preċedent tal-avvenimenti meteoroloġiċi avversi severi tar-rebbiegħa tal-2023, huwa meħtieġ li dawk id-diffikultajiet jittaffew billi ssir deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 u (UE) 2021/2117 sal-punt li jkun strettament meħtieġ biss.

    (15)

    Fid-dawl tal-ħtieġa li tittieħed azzjoni immedjata, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (16)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Derogi temporanji mir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tal-frott u l-ħxejjex

    1.   B’deroga mill-Artikolu 33(3), ir-raba’ subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-limitu ta’ terz tan-nefqa għall-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ ġestjoni tal-kriżijiet fl-ambitu tal-programm operazzjonali msemmi f’dik id-dispożizzjoni ma għandux japplika fis-sena 2023 fir-rigward taż-żoni affettwati mill-avvenimenti meteoroloġiċi avversi tar-rebbiegħa tal-2023 li għandhom jiġu identifikati mill-Istati Membri.

    2.   B’deroga mill-Artikolu 34(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għall-fond ta’ ġestjoni msemmi f’dik id-dispożizzjoni mogħtija fis-sena 2023 lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi jew lill-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet ta’ produtturi affettwati mill-avvenimenti meteoroloġiċi avversi tar-rebbiegħa tal-2023 li għandhom jiġu identifikati mill-Istati Membri, ma għandhiex taqbeż l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-fondi ta’ ġestjoni approvati mill-Istati Membri għas-sena 2023 u għandha tkun limitata għal 60 % tan-nefqa reali mġarrba.

    Artikolu 2

    Derogi temporanji mir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tal-inbid

    1.   B’deroga mill-Artikolu 62(3), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel sentenza, u l-Artikolu 68(2), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel sentenza, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-awtorizzazzjonijiet għat-taħwil mogħtija f’konformità mal-Artikoli 62, 64, 66 u 68 ta’ dak ir-Regolament li jiskadu fis-sena 2023 u li għandhom jintużaw fir-reġjuni affettwati mill-avvenimenti meteoroloġiċi avversi tar-rebbiegħa tal-2023 għandhom jiskadu biss 12-il xahar mid-data tal-iskadenza inizjali tagħhom.

    2.   B’deroga mill-Artikolu 62(3), l-ewwel subparagrafu, it-tieni sentenza, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, il-vitikulturi li jkollhom l-awtorizzazzjonijiet għat-taħwil li jiskadu fis-sena 2023 u li għandhom jintużaw fir-reġjuni affettwati mill-avvenimenti meteoroloġiċi avversi tar-rebbiegħa tal-2023 ma għandhomx ikunu soġġetti għal penali amministrattivi, bil-kundizzjoni li jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti sal-31 ta’ Diċembru 2023 li mhumiex beħsiebhom jagħmlu użu mill-awtorizzazzjoni tagħhom u ma jixtiqux jibbenefikaw mill-estensjoni tal-validità prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

    3.   B’deroga mill-Artikolu 66(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, f’każijiet fejn iż-żona li tkun għadha kif tħawlet tiġi affettwata serjament mill-avvenimenti meteoroloġiċi avversi tar-rebbiegħa tal-2023 sal-punt li l-bidu tal-użu taż-żona li tkun għadha kif tħawlet jiddewwem jew iż-żona li tkun għadha kif tħawlet ikollha terġa’ titħawwel, l-Istati Membri jistgħu jestendu l-iskadenza għall-qlugħ tad-dwieli sa tmiem il-ħames sena mid-data li fiha jkunu tħawlu d-dwieli l-ġodda.

    Fi żmien xahrejn mis-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-estensjoni tal-iskadenza għall-qlugħ tad-dwieli, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-applikant dwar l-approvazzjoni jew iċ-ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu. F’każ li l-applikazzjoni tiġi miċħuda, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-applikant dwar ir-raġuni li wasslet għal din iċ-ċaħda.

    L-Artikolu 5, it-tieni paragrafu, tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/273 għandu japplika jekk il-qlugħ tad-dwieli ma jsirx mill-vitikultur sa tmiem l-iskadenza estiża.

    Sa tmiem l-skadenza estiża, il-vitikulturi li jgawdu mill-estensjoni ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-appoġġ għall-qtugħ bikri msemmi fl-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, la fuq iż-żona li tkun għadha kif tħawlet u lanqas fuq iż-żona li tkun se tinqala’.

    Artikolu 3

    Derogi temporanji mid-dispożizzjonijiet tranżizzjonali stabbiliti fl-Artikolu 5(7), il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2021/2117 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 39 sa 52 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013

    B’deroga mill-Artikolu 5(7), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/2117, l-Artikoli 39 sa 54 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandhom ikomplu japplikaw wara l-31 ta’ Diċembru 2022 fir-rigward tan-nefqa mġarrba u l-pagamenti magħmula għall-operazzjonijiet implimentati skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 qabel is-16 ta’ Ottubru 2025, dment li:

    (a)

    sal-15 ta’ Ottubru 2023 tali operazzjonijiet ikunu ġew implimentati parzjalment u n-nefqa mġarrba tkun tammonta għal mill-inqas 3 % tan-nefqa totali ppjanata; u

    (b)

    tali operazzjonijiet jiġu implimentati bis-sħiħ sal-15 ta’ Ottubru 2025.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li din id-deroga tapplika biss għall-vitikulturi li jkollhom l-awtorizzazzjonijiet għat-taħwil mill-ġdid li għandhom jintużaw fir-reġjuni affettwati mill-avvenimenti meteoroloġiċi avversi li seħħew fir-rebbiegħa tal-2023.

    Artikolu 4

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika sad-9 ta’ Awwissu 2024.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Awwissu 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2021/2117 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli, (UE) Nru 1151/2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, (UE) Nru 251/2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u (UE) Nru 228/2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 262).

    (3)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/273 tal-11 ta’ Diċembru 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fejn jidħlu l-iskema tal-awtorizzazzjonijiet għat-taħwil tad-dwieli, ir-reġistru tal-vinji, id-dokumenti ta’ akkumpanjament u ċ-ċertifikazzjoni, ir-reġistru tad-dħul u l-ħruġ, id-dikjarazzjonijiet obbligatorji, in-notifiki u l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni notifikata, u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontrolli u penali rilevanti, li jemenda r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2008, (KE) Nru 606/2009 u (KE) Nru 607/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 436/2009 kif ukoll ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/560 (ĠU L 58, 28.2.2018, p. 1).


    Top