EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1618

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1618 tat-8 ta’ Awwissu 2023 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-karbur tat-tungstenu, tal-karbur tat-tungstenu mdewweb u tal-karbur tat-tungstenu mħallat sempliċiment ma’ trab metalliku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

C/2023/5059

ĠU L 199, 9.8.2023, p. 48–95 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1618/oj

9.8.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 199/48


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1618

tat-8 ta’ Awwissu 2023

li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-karbur tat-tungstenu, tal-karbur tat-tungstenu mdewweb u tal-karbur tat-tungstenu mħallat sempliċiment ma’ trab metalliku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Investigazzjonijiet preċedenti u miżuri fis-seħħ

(1)

Bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2737/90 (2), il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv ta’ 33 % fuq l-importazzjonijiet tal-karbur tat-tungstenu u l-karbur tat-tungstenu mdewweb, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”, “iċ-Ċina jew “il-pajjiż ikkonċernat”) (“il-miżuri oriġinali”). L-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali minn hawn ’il quddiem se tissejjaħ “l-investigazzjoni oriġinali”. Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 90/480/KEE (3), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) aċċettat impenji mogħtija minn żewġ esportaturi ewlenin dwar il-prodott soġġett għal miżuri.

(2)

Wara l-irtirar tal-impenji miż-żewġ esportaturi Ċiniżi kkonċernati, il-Kunsill, permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 610/95 (4), emenda r-Regolament (KEE) Nru 2737/90 sabiex id-dazju definittiv ta’ 33 % sar applikabbli wkoll fuq il-karbur tat-tungstenu u l-karbur tat-tungstenu mdewweb esportat lejn l-Unjoni minnhom.

(3)

Bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 771/98 (5), wara rieżami ta’ skadenza, il-miżuri ġew estiżi għal perjodu ieħor ta’ 5 snin.

(4)

Bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2268/2004 (6), wara rieżami ta’ skadenza, il-Kunsill estenda l-miżuri oriġinali għal perjodu ieħor ta’ 5 snin.

(5)

Bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1275/2005 (7), il-Kunsill emenda d-definizzjoni tal-ambitu tal-prodott biex tkopri wkoll il-karbur tat-tungstenu mħallat sempliċiment ma’ trab metalliku.

(6)

Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 287/2011 (8), wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (9), il-Kunsill estenda l-miżuri għal perjodu ieħor ta’ 5 snin.

(7)

Bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/942 (10), il-Kummissjoni estendiet il-miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-karbur tat-tungstenu, il-karbur tat-tungstenu mdewweb u l-karbur tat-tungstenu sempliċiment imħallat ma’ trab metalliku li joriġinaw mir-RPĊ għal perjodu ieħor ta’ 5 snin, wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku (“ir-rieżami ta’ skadenza preċedenti”).

1.2.   Talba għal rieżami ta’ skadenza

(8)

Wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ skadenza imminenti (11), il-Kummissjoni rċeviet talba għal rieżami (“it-talba”) skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

(9)

It-talba għal rieżami tressqet fil-25 ta’ Frar 2022 minn Global Tungsten & Powders spol. s.r.o., H.C. Starck Tungsten GmbH, Tikomet Oy, Treibacher Industrie AG, Umicore Specialty Powders France u Wolfram Bergbau und Hütten AG (“l-applikanti”) f’isem l-industrija tal-Unjoni tal-karbur tat-tungstenu, karbur tat-tungstenu mdewweb u karbur tat-tungstenu mħallat sempliċiment ma’ trab metalliku, fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. It-talba kienet ibbażata fuq ir-raġuni li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx tirriżulta fil-kontinwazzjoni jew fir-rikorrenza ta’ dumping u fir-rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.

1.3.   Bidu ta’ rieżami ta’ skadenza

(10)

Billi ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, li kienet teżisti biżżejjed evidenza għall-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza, fl-1 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni bdiet rieżami ta’ skadenza dwar l-importazzjonijiet tal-karbur tat-tungstenu, karbur tat-tungstenu mdewweb u karbur tat-tungstenu mħallat sempliċiment ma’ trab metalliku li joriġinaw mir-RPĊ abbażi tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku. Hija ppubblikat Notifika ta’ Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (12) (“in-Notifika ta’ Bidu”).

1.4.   Perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u perjodu taħt kunsiderazzjoni

(11)

L-investigazzjoni ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2021 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami”). L-eżaminazzjoni tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2018 sa tmiem il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami (“il-perjodu taħt kunsiderazzjoni”).

1.5.   Partijiet interessati

(12)

Fin-Notifika ta’ Bidu, il-partijiet interessati ġew mistiedna jikkuntattjaw lill-Kummissjoni sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni speċifikament infurmat lill-applikanti, lil produtturi tal-Unjoni magħrufin oħrajn, lill-produtturi magħrufin fir-RPĊ u lill-awtoritajiet tar-RPĊ, lill-importaturi magħrufin, lill-utenti, kif ukoll lill-assoċjazzjonijiet magħrufin li huma kkonċernati, dwar il-bidu tal-iskadenza u stednithom jipparteċipaw.

(13)

Il-partijiet ikkonċernati kellhom l-opportunità li jikkummentaw dwar il-bidu tar-rieżami ta’ skadenza u li jitolbu seduta ta’ smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali.

(14)

Saret seduta waħda ma’ utent.

1.6.   Kummenti dwar il-bidu

(15)

Waslu kummenti mingħand tliet produtturi Ċiniżi, jiġifieri Chongyi Zhangyuan Tungsten Co., Ltd. (“Zhangyuan Tungsten”), Guangdong Xianglu Tungsten Co., Ltd. (“Xianglu Tungsten”), Xiamen Golden Egret Special Alloy (H.C.) Co., Ltd. (“Golden Egret”). L-applikanti rreaġixxew ukoll għall-affermazzjonijiet imqajma mit-tliet produtturi Ċiniżi.

(16)

Il-Kummissjoni nnotat li dawn il-produtturi Ċiniżi ppreżentaw l-affermazzjonijiet tagħhom kważi 3 xhur wara l-iskadenza biex il-partijiet jissottomettu kummenti dwar it-talba mingħajr ebda ġustifikazzjoni (jiġifieri fis-26 ta’ Settembru 2022). Madankollu, sa fejn kien possibbli, il-Kummissjoni indirizzat b’mod eċċezzjonali dawn l-affermazzjonijiet.

(17)

Zhangyuan Tungsten, Xianglu Tungsten u Golden Egret affermaw li t-talba kienet nieqsa minn evidenza li appoġġat il-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping.

(18)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din il-valutazzjoni u qieset li r-rekwiżiti għall-bidu ta’ investigazzjoni ġew issodisfati. L-analiżi tat-talba wriet li kien hemm biżżejjed evidenza fl-istadju tal-bidu li tindika l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping jekk il-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet mir-RPĊ jitħallew jiskadu. L-applikanti ppreżentaw evidenza li minkejja li l-importazzjonijiet mir-RPĊ kienu naqsu mill-2018, xorta kellhom sehem sinifikanti mill-importazzjonijiet totali, kif ukoll mis-suq tal-Unjoni. L-applikanti bbażaw l-analiżi tagħhom mhux biss fuq il-kapaċità ta’ riżerva fir-RPĊ, iżda wkoll fuq l-imġiba inġusta fl-ipprezzar tar-RPĊ fi swieq oħra. Għall-prezz tal-esportazzjoni, it-talba għal rieżami ta’ skadenza użat tliet metodi, jiġifieri l-prezz medju tal-importazzjoni Ċiniż fil-livell TARIC, il-prezz medju tal-esportazzjoni ta’ prodott Ċiniż ekwivalenti kif ippubblikat fl-Argus Metal Report disponibbli pubblikament u l-prezz medju tal-esportazzjoni Ċiniż lejn il-pajjiżi terzi kollha. Dawn it-tliet metodi nstabu li kienu sostanzjati biżżejjed biex jikkonformaw mal-istandard legali fl-istadju tal-bidu. Għalhekk, l-affermazzjonijiet li t-talba ma pprovdietx biżżejjed evidenza ġew miċħuda.

(19)

Zhangyuan Tungsten, Xianglu Tungsten u Golden Egret affermaw li t-talba kienet nieqsa minn evidenza dwar id-distorsjoni ġenerali tas-settur tat-tungstenu u l-prezzijiet tal-input fiċ-Ċina. Skont dawn it-tliet produtturi esportaturi, is-sjieda tal-Istat per se ma wasslitx awtomatikament għal distorsjonijiet tas-suq. Barra minn hekk, it-tliet produtturi Ċiniżi affermaw li l-allegazzjoni fit-talba dwar il-preżenza tal-Istat, il-kontroll, ir-restrizzjonijiet, l-intervent tal-gvern, li allegatament jirriżultaw f’distorsjoni tal-prezzijiet, kienet spekulattiva. Barra minn hekk, it-tliet produtturi esportaturi Ċiniżi affermaw li t-talba ma kinitx tinkludi biżżejjed evidenza biex turi li l-prezzijiet tal-materja prima kienu distorti minn intervent tal-gvern. Huma argumentaw ukoll li ż-żewġ affermazzjonijiet li ġejjin fit-talba kienu kontradittorji: (i) li ċ-Ċina kkontrollat aktar minn 60 % tar-riżervi tal-minerali tat-tungstenu fid-dinja, ipproduċiet 80 % tal-produzzjoni dinjija, imponiet restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni u tat liċenzji lil intrapriżi tal-Istat; u (ii) li, minkejja dan, iċ-Ċina għadha tipparteċipa fil-proċess ta’ offerti fis-swieq tal-Unjoni tal-metall għar-ruttam biex iżżid il-prezzijiet tal-metall għar-ruttam lejn jew ’il fuq mill-prezzijiet Ċiniżi tal-paratungstat tal-ammonju (“APT”). Fl-aħħar nett, it-tliet produtturi esportaturi Ċiniżi argumentaw ukoll li ċ-Ċina gawdiet vantaġġ kompetittiv naturali f’termini ta’ riżervi tat-tungstenu u li (i) restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni u liċenzji mogħtija lil intrapriżi tal-Istat ħadmu favur il-provvista lejn is-suq tal-Unjoni minħabba li jipproteġu l-istabbiltà u d-disponibbiltà tal-provvista, (ii) kienu maħsuba biex jipproteġu u jiżguraw ir-riżorsi minerali fiċ-Ċina, u (iii) ingħataw liċenzji tal-esportazzjoni irrispettivament mill-fatt li l-kumpaniji benefiċjarji kienu proprjetà tal-Istat jew le.

(20)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat li l-Artikolu 2(6a)(d) tar-Regolament bażiku jistabbilixxi li meta tiġi ppreżentata talba għal rieżami f’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament bażiku, l-industrija tal-Unjoni tista’ tiddependi fuq l-evidenza tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar distorsjonijiet sinifikanti fl-ekonomija tar-RPĊ għall-finijiet tal-investigazzjonijiet dwar id-difiża tal-kummerċ, meta tissodisfa l-istandard ta’ evidenza fl-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku, sabiex jiġi ġġustifikat il-kalkolu tal-valur normali. L-applikanti ppreżentaw ukoll evidenza li l-Gvern taċ-Ċina (“GTĊ”) jintervjeni fis-settur tal-karbur tat-tungstenu u li dawn l-interventi jwasslu għal distorsjonijiet sinifikanti b’mod ġenerali u fir-rigward ta’ fatturi ta’ produzzjoni u kostijiet speċifiċi tal-produtturi tal-karbur tat-tungstenu. L-ebda wieħed mit-tliet produtturi esportaturi Ċiniżi ma pprovda informazzjoni li kienet tqajjem dubji dwar din l-evidenza. Barra minn hekk, dawn il-partijiet ma spjegawx aktar b’liema mod iż-żewġ dikjarazzjonijiet imsemmija fil-premessa (19) kienu kontradittorji. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-applikanti pprovdew biżżejjed evidenza fit-talba dwar id-distorsjonijiet tas-settur tat-tungstenu u l-prezzijiet tal-materja prima li jiġġustifikaw il-bidu tar-rieżami kurrenti. Għalhekk, dawk l-affermazzjonijiet ġew miċħuda.

(21)

Zhangyuan Tungsten, Xianglu Tungsten u Golden Egret argumentaw ukoll li t-talba kienet tinkludi evidenza insuffiċjenti biex tiġi ppruvata l-eżistenza ta’ ċirkomvenzjoni u li l-allegazzjoni tal-applikanti ta’ ċirkomvenzjoni permezz tal-importazzjonijiet ta’ prodotti kemxejn modifikati ma kinitx issostanzjata.

(22)

Filwaqt li ma ġiet stabbilita l-ebda prattika ta’ ċirkomvenzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi skont it-tifsira tal-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku mill-Kummissjoni, din ma kinitx kunsiderazzjoni sostanzjali li fuqha nbeda r-rieżami ta’ skadenza kurrenti. Il-Kummissjoni wettqet l-eżami tat-talba abbażi tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott kif definit fil-miżuri diġà fis-seħħ u għalhekk din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(23)

Zhangyuan Tungsten, Xianglu Tungsten u Golden Egret affermaw li ma kien hemm l-ebda evidenza fit-talba biex tiġi appoġġata l-affermazzjoni li l-kapaċità ta’ riżerva taċ-Ċina kienet ta’ 18 000 tunnellata.

(24)

Il-Kummissjoni nnotat li t-talba kienet tinkludi informazzjoni dwar il-kapaċità tal-produzzjoni fiċ-Ċina ta’ 80 000 tunnellata abbażi tar-Rapport dwar l-Iżvilupp tal-Industrija tat-Tungstenu taċ-Ċina 2020 ippubblikat mill-Assoċjazzjoni tal-Industrija tat-Tungstenu taċ-Ċina (13). L-applikanti stmaw ukoll id-domanda fiċ-Ċina għal 30 000 tunnellata abbażi tal-għarfien tas-suq tal-industrija tal-Unjoni. Billi tnaqqsu mill-kapaċità tal-produzzjoni l-volum tad-domanda fiċ-Ċina u l-volum totali tal-esportazzjonijiet Ċiniżi, l-applikanti kisbu l-kapaċità ta’ riżerva fiċ-Ċina. Il-Kummissjoni analizzat ukoll il-kapaċità ta’ riżerva matul l-investigazzjoni (ara t-Taqsima 4.1), li tirriżulta f’volumi ogħla milli oriġinarjament ikkalkolati mill-applikanti fit-talba. Is-sottovalutazzjoni potenzjali tal-kapaċità ta’ riżerva fl-applikazzjoni ma kinitx timplika li l-Kummissjoni ma kellhiex biżżejjed evidenza ta’ dannu probabbli, peress li dan kien biss wieħed fost elementi oħra li l-Kummissjoni vvalutat.

(25)

Fl-4 ta’ Mejju 2023, l-applikanti pprovdew korrezzjoni għall-kalkolu tal-kapaċità ta’ riżerva fiċ-Ċina rrapportata fit-talba għal rieżami. Ġie spjegat li minħabba żball klerikali (fil-kalkolu tal-kapaċità ta’ riżerva, l-applikanti użaw b’mod involontarju d-data dwar il-prezzijiet minflok id-data dwar il-volum), l-applikanti ssottovalutaw il-kapaċità ta’ riżerva fiċ-Ċina billi inizjalment stmaw il-kapaċità ta’ riżerva għal 18 102 tunnellata minflok 41 348 tunnellata.

(26)

Fis-7 ta’ Ġunju 2023, Zhangyuan Tungsten, Xianglu Tungsten u Golden Egret affermaw li l-industrija tal-Unjoni allegatament ippreżentat data riveduta rigward il-volum tal-esportazzjoni tal-karbur tat-tungstenu miċ-Ċina. Ġie ddikjarat li fir-reviżjoni tad-data, l-applikanti ma speċifikawx is-sors tal-informazzjoni u jekk il-kodiċijiet SA użati kinux jinkludu wkoll tipi oħra ta’ prodotti relatati. Il-kumpanija affermat ukoll li d-data riveduta sottodikjarat id-data dwar il-volum tal-esportazzjoni u sopradikjarat id-domanda domestika u li d-data riveduta qarrqet lill-Kummissjoni u lil partijiet interessati oħra rigward il-kapaċità ta’ riżerva għolja fiċ-Ċina.

(27)

Il-Kummissjoni nnotat li l-applikanti ma biddlux id-data rrapportata fit-talba għal rieżami għall-esportazzjonijiet Ċiniżi tal-karbur tat-tungstenu, iżda kkoreġew biss żball klerikali. Għalhekk, l-affermazzjoni ddikjarata fil-premessa (26) hija fattwalment żbaljata u għalhekk ġiet miċħuda.

(28)

Fl-istess sottomissjoni tas-7 ta’ Ġunju 2023, Zhangyuan Tungsten, Xianglu Tungsten u Golden Egret poġġew f’dubju l-awtentiċità u l-affidabbiltà tad-data użata mill-applikanti għall-kalkolu tal-kapaċità ta’ riżerva fit-talba għal rieżami. B’mod partikolari, ġie ddikjarat li t-talba għal rieżami ma indikatx sors uffiċjali għad-domanda Ċiniża li tammonta għal 30 000 tunnellata. Barra minn hekk, ġie ddikjarat li s-sors għall-kapaċità tal-produzzjoni fiċ-Ċina użat mill-applikanti fit-talba għal rieżami ma kienx awtentiku u affidabbli peress li ġie minn kumpanija u mhux minn assoċjazzjoni tal-industrija u għalhekk il-Kummissjoni għandha tinjorah. Zhangyuan Tungsten, Xianglu Tungsten u Golden Egret talbu lill-Kummissjoni biex minflok tuża d-data allegatament irrapportata mill-Assoċjazzjoni tal-Industrija tat-Tungstenu taċ-Ċina rigward il-konsum fiċ-Ċina tal-karbur tat-tungstenu li huma inkludew f’tabella fis-sottomissjoni tagħhom.

(29)

Il-Kummissjoni nnotat li Zhangyuan Tungsten, Xianglu Tungsten u Golden Egret qajmu l-affermazzjoni dwar is-sors tad-data għad-domanda Ċiniża u l-kapaċità tal-produzzjoni fiċ-Ċina tal-karbur tat-tungstenu fit-talba għal rieżami, 10 xhur wara l-iskadenza għall-partijiet biex jissottomettu kummenti dwar it-talba. Barra minn hekk, filwaqt li s-sors tal-informazzjoni pprovduta fis-7 ta’ Ġunju 2023 dwar il-konsum tal-karbur tat-tungstenu fiċ-Ċina allegatament kienet l-Assoċjazzjoni tal-Industrija tat-Tungstenu taċ-Ċina, fis-sottomissjoni tagħhom Zhangyuan Tungsten, Xianglu Tungsten u Golden Egret ma pprovdew l-ebda evidenza ta’ sostenn f’dan ir-rigward. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(30)

It-tliet produtturi esportaturi Ċiniżi affermaw ukoll li kien hemm evidenza, li pprovdew fis-sottomissjoni tagħhom, li turi li d-destinazzjonijiet prinċipali tal-esportazzjoni għall-produtturi Ċiniżi tat-tungstenu kienu l-Ġappun u l-Korea t’Isfel, li kienu jammontaw għal aktar minn 60 % tal-esportazzjonijiet Ċiniżi tal-karbur tat-tungstenu (bl-eċċezzjoni tas-sena 2020 li kienet affettwata minn restrizzjonijiet relatati mal-COVID-19). Barra minn hekk, il-volumi tal-esportazzjoni lejn il-Ġappun u l-Korea t’Isfel reġgħu żdiedu sostanzjalment wara l-2020. Għalhekk, it-tliet produtturi esportaturi argumentaw li kien raġonevoli li jiġi previst li l-esportazzjonijiet taċ-Ċina tal-karbur tat-tungstenu lejn il-Ġappun u l-Korea t’Isfel se jkomplu jżommu xejra ta’ tkabbir b’saħħitha minbarra ż-żieda tas-suq domestiku Ċiniż. Il-produtturi esportaturi Ċiniżi argumentaw ukoll li dan kien jifforma kuntrast qawwi bejn l-importazzjonijiet miċ-Ċina lejn l-Unjoni, peress li s-suq tal-Unjoni kien jirrappreżenta biss sehem mill-esportazzjonijiet Ċiniżi meta mqabbel ma’ swieq tal-esportazzjoni Ċiniżi oħrajn.

(31)

Il-Kummissjoni nnotat li l-argumenti pprovduti mit-tliet produtturi esportaturi Ċiniżi dwar ix-xejriet futuri tal-esportazzjoni lejn il-Ġappun u l-Korea t’Isfel ma kienu appoġġati minn ebda evidenza u għalhekk kienu purament spekulattivi. Il-Kummissjoni qieset li l-applikanti pprovdew biżżejjed evidenza dwar l-esportazzjonijiet lejn swieq ta’ pajjiżi terzi oħrajn. Għalhekk, dawn l-argumenti ġew miċħudin. L-istess produtturi esportaturi affermaw li t-talba ma kinitx tinkludi biżżejjed evidenza tal-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu. B’mod partikolari, huma ddikjaraw li ma kien hemm l-ebda evidenza ta’ sostenn fit-talba għall-affermazzjonijiet tal-applikanti li mingħajr il-miżuri, l-iżvilupp tal-materja prima sekondarja (jiġifieri ruttam) u tal-ħolqien ta’ mudelli kummerċjali differenti (ftehimiet normali jew ftehimiet kummerċjali diretti vs. ftehimiet ta’ tolling jew negozju ta’ konverżjoni) ma kienx ikun possibbli.

(32)

L-applikanti fit-talba tagħhom iddeskrivew żewġ mudelli kummerċjali differenti ewlenin tal-industrija tal-Unjoni, jiġifieri, il-ftehimiet normali jew in-negozju dirett (l-industrija tal-Unjoni tixtri l-materja prima), u l-ftehimiet ta’ tolling jew in-negozju ta’ konverżjoni (il-klijent tal-karbur tat-tungstenu jibqa’ s-sid tal-materja prima u jħallas tariffa tal-ipproċessar lill-produtturi tal-Unjoni għall-konverżjoni tal-materja prima fil-karbur tat-tungstenu). Barra minn hekk, l-applikanti pprovdew biżżejjed evidenza dwar il-profittabbiltà taż-żewġ mudelli ta’ negozju. Minkejja li l-profittabbiltà tal-mudell tan-negozju dirett kienet pożittiva matul il-perjodu kopert mit-talba, din naqset b’mod sinifikanti bejn l-2018 u l-2020, filwaqt li l-profittabbiltà tal-mudell tan-negozju ta’ konverżjoni tjiebet għalkemm baqgħet negattiva matul il-perjodu kollu kopert mit-talba. L-applikanti pprovdew ukoll evidenza li l-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni tal-karbur tat-tungstenu prodott mir-ruttam kien jirrappreżenta sehem sinifikanti fil-volum totali tal-bejgħ fl-Unjoni, bil-ħsieb li titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet ta’ materja prima miċ-Ċina u li jingħata kontribut għall-aġenda ekoloġika tal-UE permezz ta’ attivitajiet ta’ riċiklaġġ.

(33)

Barra minn hekk, skont l-evidenza pprovduta fit-talba, il-volumi tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ li jippenetraw is-suq tal-Unjoni fin-nuqqas ta’ miżuri x’aktarx li jiżdiedu minħabba l-eżistenza ta’ kapaċità mhux użata fil-pajjiż ikkonċernat. L-applikanti pprovdew biżżejjed evidenza prima facie li l-kapaċità tal-produzzjoni fir-RPĊ żdiedet b’aktar minn 50 % mill-aħħar rieżami ta’ skadenza u li tista’ tissodisfa l-provvista domestika tagħha ta’ karbur tat-tungstenu aktar minn darbtejn. Jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, il-prezzijiet tal-importazzjoni Ċiniżi jistgħu jwaqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni u jirriżultaw f’rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.

(34)

Għalhekk, il-Kummissjoni qieset l-evidenza fit-talba dwar il-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu bħala evidenza suffiċjenti fl-istadju tat-talba, li kienet raġonevolment disponibbli għall-applikanti. B’hekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(35)

It-tliet produtturi esportaturi argumentaw ukoll li l-miżuri anti-dumping kienu jiksbu l-effetti maħsuba tagħhom. B’mod partikolari, huma ddikjaraw li meta mqabbla mar-rieżami ta’ skadenza preċedenti, l-importazzjonijiet miċ-Ċina naqsu, filwaqt li l-volumi tal-bejgħ u l-ishma mis-suq tal-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra żdiedu. Għalhekk ma kien hemm l-ebda kontinwazzjoni ta’ dannu. Ir-rikorrenza ta’ dannu wkoll ma kinitx probabbli, minħabba li l-importazzjonijiet miċ-Ċina baqgħu baxxi wisq u, kif muri fit-tweġibiet tal-kampjunar, is-suq tal-Unjoni ma kienx suq tal-esportazzjoni importanti għall-produtturi esportaturi Ċiniżi. Fl-opinjoni tagħhom, il-fatt li l-industrija tal-Unjoni affermat deterjorament tas-sitwazzjoni kompetittiva tagħha ma setax jirrikonċilja mal-effettività tal-miżuri.

(36)

Fir-rigward ta’ dawn l-affermazzjonijiet, il-Kummissjoni nnotat li l-għan tal-miżuri anti-dumping huwa li jiġu eliminati l-effetti tad-distorsjoni tal-kummerċ tad-dumping dannuż u li tiġi rrestawrata l-kompetizzjoni effettiva billi jkollhom effett pożittiv fuq l-istat tal-industrija tal-Unjoni. Il-fatt li l-industrija tal-Unjoni ma ġarrbitx dannu materjali fil-perjodu kopert mit-talba ma jeskludix li tali dannu jista’ jerġa’ jseħħ jekk il-miżuri jitħallew jiskadu. Barra minn hekk, meta jiġi vvalutat id-dannu materjali, mhux il-fatturi kollha tad-dannu jridu juru xejra li qed tiddeterjora, iżda l-istat tal-industrija tal-Unjoni kollha kemm hi jrid jiġi kkunsidrat. Għalhekk, il-fatt li s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żdied waħdu ma jippermettix il-konklużjoni li ma ġarrbitx dannu materjali. Barra minn hekk, in-Notifika ta’ Bidu tiċċara fil-punt 4.2. li l-applikanti allegaw il-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu mir-RPĊ, u mhux il-kontinwazzjoni tiegħu. F’dan ir-rigward l-applikanti pprovdew biżżejjed evidenza li, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, il-livell kurrenti ta’ importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni probabbilment kien jiżdied minħabba l-eżistenza ta’ kapaċità tal-produzzjoni mhux użata fir-RPĊ.

(37)

Barra minn hekk, l-applikanti ppreżentaw evidenza li minkejja li l-importazzjonijiet mir-RPĊ kienu naqsu matul il-perjodu tat-talba, is-suq tal-Unjoni baqa’ r-raba’ destinazzjoni prinċipali ta’ esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat għar-RPĊ anki b’miżuri fis-seħħ. Barra minn hekk, skont l-evidenza pprovduta fit-talba u analizzata mill-Kummissjoni, il-volumi tal-prodott ikkonċernat mir-RPĊ li jippenetraw is-suq tal-Unjoni fin-nuqqas ta’ miżuri x’aktarx li kienu jiżdiedu minħabba l-eżistenza ta’ kapaċità mhux użata fil-pajjiż ikkonċernat. Kif iddikjarat, il-Kummissjoni qieset l-evidenza preżenti fit-talba dwar il-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu bħala evidenza suffiċjenti fl-istadju tat-talba, li kienet raġonevolment disponibbli għall-applikanti. Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(38)

It-tliet produtturi esportaturi argumentaw li d-deterjorament esperjenzat mill-industrija tal-Unjoni ma setax jiġi attribwit għall-esportazzjonijiet Ċiniżi. B’mod partikolari, huma affermaw li (i) il-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità u l-prezz tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni mxew f’konformità mal-konsum; (ii) it-tnaqqis ġenerali fil-prezz tal-bejgħ kien marbut sa ċertu punt mat-tnaqqis fil-kost tal-produzzjoni u mhux mal-pressjoni tal-prezzijiet mill-esportazzjonijiet Ċiniżi; (iii) il-prestazzjoni tan-negozju ta’ konverżjoni ma kinitx influwenzata mill-importazzjonijiet Ċiniżi; u (iv) il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni rat żieda meta l-importazzjonijiet miċ-Ċina kienu fl-aktar livell baxx tagħhom.

(39)

Il-Kummissjoni fakkret li l-evidenza tal-applikanti fit-talba ma indikat l-ebda dannu materjali iżda l-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu jekk il-miżuri jitħallew jiskadu. Għalhekk, l-eżami tal-kawżalità matul il-PIR ma huwiex meħtieġ f’dan il-każ. Il-Kummissjoni qieset ukoll li kif spjegat fil-premessa (37), kien hemm biżżejjed evidenza fit-talba li turi l-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu mill-esportazzjonijiet miċ-Ċina jekk il-miżuri jitħallew jiskadu. Għalhekk, dawn l-affermazzjonijiet ma kinux f’pożizzjoni tajba u ġew miċħuda.

1.7.   Kampjunar

(40)

Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni ddikjarat li hija tista’ tieħu kampjun tal-partijiet ikkonċernati f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

1.7.1.   Kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni

(41)

Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni ħabbret li hi kienet għażlet provviżorjament kampjun tal-produtturi tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għażlet il-kampjun abbażi tar-rappreżentattività f’termini tad-daqs tal-volum tal-produzzjoni u tal-bejgħ fis-suq ħieles fl-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u tal-post ġeografiku. Dan il-kampjun kien jikkonsisti minn tliet produtturi tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun kienu jammontaw għal aktar minn 69 % tal-volum totali stmat tal-produzzjoni tal-Unjoni u aktar minn 59 % tal-volum totali stmat tal-bejgħ fl-Unjoni u żguraw ukoll firxa ġeografika. F’konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet ikkonċernati jikkummentaw dwar il-kampjun provviżorju. Ma wasal l-ebda kumment. Il-kampjun provviżorju ġie għaldaqstant ikkonfermat. Il-kampjun huwa rappreżentattiv tal-industrija tal-Unjoni.

1.7.2.   Kampjunar tal-importaturi

(42)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx meħtieġ u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lil importaturi mhux relatati jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu.

(43)

Sitt kumpaniji pprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jiġu inklużi fil-kampjun. Madankollu, kollha kemm huma kienu utenti u għalhekk intalbu jimlew il-kwestjonarju tal-utenti. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-kampjunar ta’ importaturi mhux relatati ma kienx meħtieġ.

1.7.3.   Kampjunar tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ

(44)

Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx meħtieġ u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-produtturi esportaturi kollha fl-RPĊ jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-Missjoni tar-RPĊ għall-Unjoni Ewropea biex tidentifika u/jew tikkuntattja produtturi oħra, jekk ikun hemm, li jistgħu jkunu interessati li jipparteċipaw fl-investigazzjoni.

(45)

Tliet produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat ipprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jiġu inklużi fil-kampjun. Fid-dawl tan-numru limitat ta’ produtturi esportaturi, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-kampjunar ma kienx neċessarju. Ma sar l-ebda kumment.

1.8.   Tweġibiet għall-kwestjonarju

(46)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fir-RPĊ skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku lill-GTĊ.

(47)

Il-Kummissjoni stiednet lit-tliet produtturi esportaturi li wieġbu għall-kwestjonarju, lit-tliet produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u lill-utenti magħrufa biex jimlew il-kwestjonarji rilevanti. L-istess kwestjonarji, flimkien mal-kwestjonarju għal importaturi mhux relatati, kienu saru wkoll disponibbli online (14) fil-jum tal-bidu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-applikanti.

(48)

Ġew riċevuti tweġibiet għall-kwestjonarju mingħand l-applikanti, it-tliet produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u seba’ utenti. L-ebda wieħed mit-tliet produtturi esportaturi Ċiniżi li pprovdew informazzjoni għall-għażla ta’ kampjun ma wieġeb għall-kwestjonarju. Bl-istess mod, il-GTĊ ma weġibx għall-kwestjonarju.

1.9.   Verifika

(49)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa bħala meħtieġa għad-determinazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dumping u dannu, u tal-interess tal-Unjoni. Il-Kummissjoni wettqet żjarat ta’ verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku (15):

 

Produtturi tal-Unjoni

Tikomet Oy, Jyväskylä, il-Finlandja

H.C. Starck Tungsten GmbH, Goslar, il-Ġermanja

Wolfram Bergbau und Hütten AG, Mittersill and Sankt Martin im Sulmtal, l-Awstrija

 

Utenti

Betek GmbH & Co. KG, Aichhalden, il-Ġermanja.

1.10.   Proċedura sussegwenti

(50)

Fis-7 ta’ Ġunju 2023, il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati kollha bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien beħsiebha timponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-karbur tat-tungstenu, tal-karbur tat-tungstenu mdewweb u tal-karbur tat-tungstenu mħallat sempliċiment ma’ trab metalliku li joriġinaw mir-RPĊ (“divulgazzjoni finali”). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li matulu setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni finali. Waslu kummenti mingħand Zhangyuan Tungsten, Xianglu Tungsten u Golden Egret, kif ukoll mingħand Betek GmbH &Co. KG (“Betek”). L-applikanti rreaġixxew ukoll għall-kummenti ta’ Zhangyuan Tungsten, Xianglu Tungsten u Golden Egret kif ukoll ta’ Betek.

(51)

Dakinhar tad-divulgazzjoni finali, jiġifieri fis-7 ta’ Ġunju 2023, Zhangyuan Tungsten, Xianglu Tungsten u Golden Egret issottomettew ukoll kummenti addizzjonali dwar it-talba għal rieżami. Dawn il-kummenti huma indirizzati wkoll f’dan ir-Regolament.

(52)

Wara d-divulgazzjoni finali, il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jinstemgħu kif previst fil-punt 5.8 tan-Notifika ta’ Bidu. Sar smigħ dwar id-divulgazzjoni finali ma’ Betek u mal-industrija tal-Unjoni.

(53)

Abbażi tal-kummenti dwar id-divulgazzjoni finali li rċeviet, il-Kummissjoni ddeċidiet li fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni ma timplimentax ristrutturar tal-kodiċijiet TARIC u d-deskrizzjonijiet fl-ambitu tal-kodiċi NM 3824 30 00, inizjalment propost fid-divulgazzjoni finali. Minħabba l-kumplessità u n-natura teknika tal-kwistjoni, din kienet teħtieġ analiżi ulterjuri li ma setgħetx tiġi ttrattata fil-limitu ta’ żmien statutorju tal-investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza. Fit-30 ta’ Ġunju 2023, il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati kollha b’din id-deċiżjoni permezz ta’ Nota għall-Fajl.

2.   PRODOTT TAĦT RIEŻAMI, PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

2.1.   Prodott taħt rieżami

(54)

Il-prodott taħt rieżami huwa l-istess bħal fir-rieżami ta’ skadenza preċedenti, jiġifieri l-karbur tat-tungstenu, il-karbur tat-tungstenu mdewweb u l-karbur tat-tungstenu mħallat sempliċiment ma’ trab metalliku, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 2849 90 30 u ex 3824 30 00 (il-kodiċi TARIC 3824300010) (“il-prodott taħt rieżami”).

(55)

Il-karbur tat-tungstenu, il-karbur tat-tungstenu mdewweb u l-karbur tat-tungstenu mħallat sempliċiment ma’ trab metalliku huma komposti tal-karbonju u tat-tungstenu prodotti bit-trattament tas-sħana. Il-prodott taħt rieżami huwa prodott intermedju, użat bħala materjal ta’ tqegħid fil-manifattura ta’ komponenti ta’ metall iebes bħalma huma l-għodda tal-qtugħ tal-karbur issimentat u ta’ komponenti li jifilħu ħafna, f’kisi li jiflaħ għall-grif, f’golji għat-tħaffir għaż-żejt u f’għodod tal-minjieri kif ukoll f’żebgħa u ponot għall-iddisinjar u l-fonderiji tal-metalli.

(56)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-prodott taħt rieżami ġie mmanifatturat fl-Unjoni jew minn materja prima “verġni” jew “primarja” (li huma, minn upstream sa downstream: mineral, konċentrat tat-tungstenu, u komposti intermedji oħra, jiġifieri APT u ossidu tat-tungstenu – “WO3”) taħt proċess imsejjaħ “produzzjoni verġni”, jew minn materja prima “sekondarja”, jiġifieri ruttam, taħt proċess imsejjaħ “produzzjoni ta’ riċiklaġġ”. Ir-ruttam tal-metall iebes huwa ġġenerat fil-proċess ta’ produzzjoni ta’ kumpaniji tal-metall iebes, fil-proċess ta’ produzzjoni tal-għodda u għall-utenti aħħarija ta’ prodotti tal-metall iebes. Fl-industrija tat-tungstenu, ir-ruttam jista’ jiġi riċiklat bl-użu ta’ riċiklaġġ kimiku jew bil-proċess ta’ riġenerazzjoni taż-żingu.

(57)

Il-produzzjoni verġni u r-riċiklaġġ kimiku għandhom l-istess proċess ta’ produzzjoni. L-unika differenza tinsab fil-punt tat-tluq tal-proċess: filwaqt li l-produzzjoni verġni tista’ tibda fi kwalunkwe livell tal-proċess ta’ produzzjoni (jiġifieri, mill-mineral, li huwa l-prodott upstream inizjali, jew minn prodotti intermedji downstream, li huma konċentrat tat-tungstenu, APT u WO3), ir-riċiklaġġ kimiku fl-ewwel pass tiegħu jittrasforma r-ruttam dejjem f’APT.

(58)

Minflok, il-proċess ta’ riġenerazzjoni taż-żingu huwa bbażat fuq ir-reazzjoni taż-żingu mal-kwantità minuri ta’ kobalt preżenti fir-ruttam f’forn. Fil-proċess ta’ riġenerazzjoni taż-żingu, il-kwalità tal-input (jiġifieri, ir-ruttam użat) tiddetermina l-kwalità tal-output (jiġifieri, il-karbur tat-tungstenu). Madankollu, kif ġie aċċertat fir-rieżami ta’ skadenza preċedenti (16), il-karbur tat-tungstenu miksub mill-proċess ta’ riġenerazzjoni taż-żingu, għandu karatteristiċi fiżiċi u kimiċi simili u applikazzjonijiet simili bħall-karbur tat-tungstenu manifatturat permezz tal-produzzjoni verġni jew mir-ruttam permezz tal-proċess ta’ riċiklaġġ kimiku.

(59)

It-tip ta’ karbur tat-tungstenu mixtri u mibjugħ fi tranżazzjonijiet kummerċjali huwa identifikat abbażi tal-“grad” tiegħu, jiġifieri, abbażi tad-dimensjonijiet tal-ħbub tiegħu, minn gradi ħoxnin sa ultrafini u nanogradi.

2.2.   Prodott ikkonċernat

(60)

Il-prodott ikkonċernat minn din l-investigazzjoni huwa l-prodott taħt rieżami li joriġina mir-RPĊ (“il-prodott ikkonċernat”).

2.3.   Prodott simili

(61)

Kif stabbilit fir-rieżami ta’ skadenza ta’ qabel, din l-investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza kkonfermat li l-prodotti li ġejjin għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi kif ukoll l-istess użi bażiċi:

il-prodott ikkonċernat meta jiġi esportat lejn l-Unjoni;

il-prodott taħt rieżami prodott u mibjugħ fis-suq domestiku tar-RPĊ; u

l-prodott taħt rieżami prodott u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni.

(62)

Għalhekk, dawn il-prodotti huma kkunsidrati bħala prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

2.4.   Affermazzjonijiet rigward l-ambitu tal-prodott

(63)

Technogenia S.A.S. (“Technogenia”), utent li ppreżentat ruħha fil-limiti ta’ żmien mogħtija iżda li ma pprovdietx tweġiba għall-kwestjonarju, affermat li l-uniku produttur magħruf tal-karbur tat-tungstenu mdewweb fl-Unjoni waqqaf il-produzzjoni tiegħu fl-2022 u li, għalhekk, il-karbur tat-tungstenu mdewweb ma kienx prodott aktar fl-Unjoni. Peress li x-xiri ta’ karbur tat-tungstenu mdewweb kien jirrappreżenta perċentwal konsiderevoli tal-fatturat tiegħu u ma kien hemm l-ebda materja prima alternattiva, dan l-utent talab lill-Kummissjoni biex tirrevoka l-miżuri anti-dumping fuq il-karbur tat-tungstenu mdewweb miċ-Ċina. Iċ-Ċina għadha qed tipproduċi l-karbur tat-tungstenu mdewweb.

(64)

Il-Kummissjoni fakkret li f’rieżami ta’ skadenza f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, l-investigazzjoni hija limitata għad-determinazzjoni dwar jekk jenħtieġx li l-miżuri jiġu estiżi jew le abbażi tal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu, filwaqt li kwalunkwe emenda tal-miżuri fis-seħħ, inkluż il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, jista’ jiġi investigat biss fil-qafas ta’ rieżami interim f’konformità mal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

(65)

Madankollu, il-Kummissjoni fakkret li l-karbur tat-tungstenu mdewweb huwa parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott tal-miżuri anti-dumping mill-investigazzjoni oriġinali u kien ukoll soġġett għall-miżuri oriġinali. Il-ħtieġa għall-inklużjoni kontinwa fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott tal-karbur tat-tungstenu mdewweb ġiet ivvalutata diversi drabi mill-Kummissjoni f’diversi investigazzjonijiet tar-rieżami ta’ skadenza (17).

(66)

Fil-kuntest tal-investigazzjoni kurrenti, l-industrija tal-Unjoni kkonfermat li, fiż-żmien tal-investigazzjoni, ma kien għad hemm l-ebda produzzjoni ta’ karbur tat-tungstenu mdewweb fl-Unjoni. Madankollu, l-investigazzjoni kurrenti kkonfermat ukoll li l-karbur tat-tungstenu u l-karbur tat-tungstenu mdewweb huma parzjalment interkambjabbli (il-karbur tat-tungstenu u l-karbur tat-tungstenu mdewweb huma interkambjabbli fit-twebbis u fil-kisi tal-wiċċ iżda mhux interkambjabbli fil-produzzjoni tal-karbur issimentat, fejn jintuża biss il-karbur tat-tungstenu) u għalhekk il-karbur tat-tungstenu mdewweb ma jistax jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott anki jekk investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza tippermetti legalment tali esklużjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni.

3.   DUMPING

3.1.   Kummenti preliminari

(67)

Kif huwa msemmi fil-premessa (48), l-ebda wieħed mill-esportaturi/produtturi mir-RPĊ ma kkoopera fl-investigazzjoni. Għalhekk, fit-12 ta’ Awwissu 2022 il-Kummissjoni infurmat lill-awtoritajiet tar-RPĊ li minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tapplika l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku dwar is-sejbiet fir-rigward tar-RPĊ. Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment jew talba għal intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta f’dan ir-rigward.

(68)

Konsegwentement, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, is-sejbiet fir-rigward tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping kienu bbażati fuq il-fatti disponibbli, b’mod partikolari l-informazzjoni li waslet fit-talba, l-informazzjoni li waslet mill-produtturi tal-Unjoni, u minn statistika disponibbli, jiġifieri dik mill-punt 14(6) u l-bażijiet ta’ data ta’ Global Trade Atlas (“GTA”) (18).

(69)

Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, l-importazzjonijiet tal-karbur tat-tungstenu mir-RPĊ komplew. Skont il-Eurostat, l-importazzjonijiet tal-karbur tat-tungstenu mir-RPĊ ammontaw għal madwar 2,2 % tas-suq tal-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami meta mqabbla ma’ sehem mis-suq ta’ 5,3 % matul il-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali u 8,9 % matul ir-rieżami ta’ skadenza preċedenti. F’termini assoluti, il-livell tal-importazzjonijiet naqas mir-rieżami preċedenti iżda madankollu baqa’ f’livelli sostanzjali ogħla mil-limitu de minimis definit fl-Artikolu 5(7) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni kkonkludiet li volum bħal dan ta’ importazzjonijiet huwa rappreżentattiv biżżejjed sabiex jiġi eżaminat jekk id-dumping kompliex matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

3.2.   Proċedura għad-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku għall-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami li joriġina mir-RPĊ

(70)

Minħabba li l-evidenza suffiċjenti disponibbli fil-bidu tal-investigazzjoni kellha t-tendenza li turi, fir-rigward tar-RPĊ, l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni abbażi tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

(71)

Sabiex tikseb l-informazzjoni li qieset meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-allegati distorsjonijiet sinifikanti, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-GTĊ. Barra minn hekk, fil-punt 5.3.2 tan-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati kollha jesprimu l-fehmiet tagħhom, jippreżentaw informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni tan-Notifika ta’ Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Ma waslet l-ebda tweġiba għall-kwestjonarju mill-GTĊ u ma waslet l-ebda sottomissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku qabel l-iskadenza. Sussegwentement, fit-12 ta’ Awwissu 2022, il-Kummissjoni infurmat lill-GTĊ li hija kienet se tuża l-fatti disponibbli skont it-tifsira tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku biex tiddetermina l-eżistenza tad-distorsjonijiet sinifikanti fir-RPĊ.

(72)

Fil-punt 5.3.2 tan-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni speċifikat ukoll li, fid-dawl tal-evidenza disponibbli, jista’ jkollha bżonn tagħżel pajjiż rappreżentattiv xieraq skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku bil-għan li tiddetermina l-valur normali abbażi ta’ prezzijiet jew ta’ valuri referenzjarji mingħajr distorsjoni u ssuġġeriet it-Turkija u r-Russja f’dak ir-rigward abbażi tal-informazzjoni tat-talba. Il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li kienet se teżamina pajjiżi oħrajn possibbilment xierqa f’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

(73)

Fid-9 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet ikkonċernati dwar is-sorsi rilevanti li kienet beħsiebha tuża għad-determinazzjoni tal-valur normali f’Nota għall-fajl (“in-Nota”), bit-Turkija bħala pajjiż rappreżentattiv. Hija infurmat ukoll lill-partijiet ikkonċernati li, minħabba li ma setgħet tidentifika l-ebda produttur tal-karbur tat-tungstenu b’data finanzjarja faċilment disponibbli f’pajjiżi rappreżentattivi xierqa, kienet se tistabbilixxi l-kostijiet tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (“SG&A”) u profitti bbażati fuq data ta’ kumpaniji attivi fis-settur tal-industrija ta’ metalli bażiċi prezzjużi u metalli oħra mhux ferrużi li ġiet ippubblikata mill-Bank Ċentrali Tork, skont it-talba għal rieżami. Is-settur ta’ metalli bażiċi prezzjużi u metalli oħra mhux ferrużi tqies bħala l-kategorija ġenerali bħala l-prodott taħt rieżami.

(74)

Fil-kummenti tagħhom għan-Nota, l-applikanti affermaw li l-Kummissjoni jenħtieġ li tqis il-parametru referenzjarju ta’ FastMarkets jew il-prezzijiet tad-data ta’ Argus fl-Ewropa minflok id-data ta’ Argus Metal miksuba miċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Informazzjoni dwar il-Minerali tal-U.S. Geological Survey. Huma talbu wkoll li jikkunsidraw id-deprezzament, l-ispare parts, u oħrajn (jiġifieri, oġġetti konsumabbli bħall-aċidi, il-likuri jew il-gassijiet, kif ukoll il-kostijiet tal-manutenzjoni u l-kostijiet għall-iskart) fil-kalkolu tal-oġġetti konsumabbli. Fir-rigward tax-xogħol dirett u indirett, l-applikanti talbu li jikkalkolaw il-kost għal kull kategorija ta’ persunal. Dawn il-kummenti ġew indirizzati fil-premessi (124) sa (125), (128) sa (129) u (134).

(75)

Fin-Nota, il-Kummissjoni ppreżentat il-fatturi prinċipali tal-produzzjoni. Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi, il-Kummissjoni identifikat il-fatturi prinċipali tal-produzzjoni abbażi tal-informazzjoni li tinsab fit-talba.

3.3.   Valur normali

(76)

Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku, “il-valur normali għandu normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti fil-pajjiż esportatur”.

(77)

Madankollu, skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, “f’każ li jiġi stabbilit […] li ma huwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi fil-pajjiż esportatur minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti f’dak il-pajjiż skont it-tifsira tal-punt (b), il-valur normali għandu jinħadem b’mod esklużiv abbażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirrifletti prezzijiet jew valuri referenzjarji mhux distorti”, u “għandu jinkludi ammont mhux distort u raġonevoli ta’ kostijiet amministrattivi, tal-bejgħ u ġenerali u għall-profitti”.

(78)

Kif spjegat aktar fid-dettall hawn taħt, fl-investigazzjoni preżenti l-Kummissjoni kkonkludiet li, abbażi tal-evidenza disponibbli, u fid-dawl tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-GTĊ u tal-produtturi esportaturi, l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku kienet xierqa.

3.3.1.   Eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti

(79)

F’investigazzjoni reċenti dwar is-settur tat-tungstenu fir-RPĊ (19), il-Kummissjoni sabet li kien hemm distorsjonijiet sinifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku.

(80)

F’dik l-investigazzjoni, il-Kummissjoni sabet li hemm intervent sostanzjali mill-gvern fir-RPĊ u li dan jirriżulta f’distorsjoni tal-allokazzjoni effettiva tar-riżorsi f’konformità mal-prinċipji tas-suq (20). B’mod partikolari, il-Kummissjoni kkonkludiet li fis-settur tat-tungstenu, mhux biss għad hemm grad sostanzjali ta’ sjieda mill-GTĊ fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b), l-ewwel inċiż tar-Regolament bażiku (21), iżda l-GTĊ huwa wkoll f’pożizzjoni li jinterferixxi fil-prezzijiet u fil-kostijiet permezz tal-preżenza tal-Istat fid-ditti fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b), it-tieni inċiż tar-Regolament bażiku (22). Il-Kummissjoni sabet ukoll li l-preżenza u l-intervent tal-Istat fis-swieq finanzjarji, kif ukoll fil-provvista tal-materja prima u tal-inputs, iħallu effett ta’ distorsjoni addizzjonali fuq is-suq. Tabilħaqq, b’mod ġenerali, is-sistema tal-ippjanar fir-RPĊ tirriżulta fil-konċentrazzjoni tar-riżorsi f’setturi ddeżinjati bħala strateġiċi jew inkella bħala politikament importanti mill-GTĊ, aktar milli fl-allokazzjoni tagħhom f’konformità mal-forzi tas-suq (23). Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-liġijiet Ċiniżi dwar il-falliment u l-proprjetà ma jaħdmux kif suppost fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b), ir-raba’ inċiż, tar-Regolament bażiku, u b’hekk jiġu ġġenerati distorsjonijiet b’mod partikolari meta jiġu miżmuma ħajjin ditti insolventi u meta jiġu allokati d-drittijiet għall-użu tal-art fir-RPĊ (24). Bl-istess mod, il-Kummissjoni sabet distorsjonijiet tal-kostijiet tal-pagi fis-settur tat-tungstenu fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b), il-ħames inċiż tar-Regolament bażiku (25), kif ukoll distorsjonijiet fis-swieq finanzjarji fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b), is-sitt inċiż tar-Regolament bażiku, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għall-kapital għall-atturi korporattivi fir-RPĊ (26).

(81)

Bħal fl-investigazzjoni preċedenti rigward is-settur tat-tungstenu fir-RPĊ, f’din l-investigazzjoni l-Kummissjoni eżaminat jekk kienx xieraq jew le li jintużaw il-prezzijiet u l-kostijiet domestiċi fir-RPĊ, minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti skont it-tifsira tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni għamlet dan abbażi tal-evidenza disponibbli fil-fajl, inkluża l-evidenza li tinsab fit-talba, kif ukoll fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-RPĊ għall-Finijiet tal-Investigazzjonijiet għad-Difiża tal-Kummerċ (27) (“ir-Rapport”), li jibbaża fuq sorsi disponibbli għall-pubbliku. Dik l-analiżi kopriet l-eżami tal-interventi sostanzjali mill-gvern fl-ekonomija tar-RPĊ b’mod ġenerali, iżda anki s-sitwazzjoni speċifika tas-suq fis-settur rilevanti inkluż il-karbur tat-tungstenu. Il-Kummissjoni kompliet tissupplimenta dawn l-elementi evidenzjarji bir-riċerka tagħha stess dwar id-diversi kriterji rilevanti biex tikkonferma l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fir-RPĊ, kif misjub ukoll mill-investigazzjonijiet preċedenti tagħha f’dan ir-rigward.

(82)

It-talba (28) allegat li l-ekonomija Ċiniża, kollha kemm hi, hija influwenzata u affettwata ħafna minn diversi interventi li jinkludu kollox mill-GTĊ jew minn awtoritajiet pubbliċi oħra fuq diversi livelli tal-gvern u tas-suq, u li fid-dawl tagħhom il-prezzijiet u l-kostijiet domestiċi tal-industrija tat-tungstenu Ċiniża ma jistgħux jintużaw f’din l-investigazzjoni.

(83)

It-talba pprovdiet eżempji ta’ elementi li jindikaw l-eżistenza ta’ distorsjonijiet, kif elenkati fl-ewwel sas-sitt sing tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku. B’referenza għal investigazzjoni preċedenti tal-Kummissjoni fis-settur tat-tungstenu (29), għar-Rapport, kif ukoll għal sorsi addizzjonali, l-applikanti ssottomettew li: (1) l-Istat Ċiniż iħaddem politika ekonomika intervenzjonista sabiex jilħaq għanijiet li jikkoinċidu mal-aġenda politika stabbilita mill-Partit Komunista Ċiniż (“CCP”) minflok ma jirriflettu l-kundizzjonijiet ekonomiċi prevalenti f’suq ħieles (30); (2) l-industrija Ċiniża tat-tungstenu hija speċifikament soġġetta għal livell għoli ta’ intervent u kontroll tal-gvern, kif ukoll sehem għoli ta’ intrapriżi tal-Istat (“SOEs”). It-talba tgħid ukoll, li l-GTĊ jistabbilixxi kwoti annwali tal-estrazzjoni u kwoti tal-produzzjoni għall-SOEs, billi jittrasferixxi dawn il-kwoti għal SOEs f’livell aktar baxx, ditti privati u impriżi konġunti barranin u Ċiniżi (31). Il-produtturi Ċiniżi tat-tungstenu huma organizzati ulterjorment fl-Assoċjazzjoni tal-Industrija tat-Tungstenu taċ-Ċina, li hija parti mill-Assoċjazzjoni Ċiniża tal-Industrija tal-Metalli Mhux Ferrużi li tenfasizza fl-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni tagħha, li hija taderixxi ma’ linji gwida u politiki tal-partit, u b’hekk teżerċita kontroll fuq l-industrija tat-tungstenu (32). L-Assoċjazzjoni tal-Industrija tat-Tungstenu taċ-Ċina qiegħda wkoll tikkontrolla b’mod attiv l-output tal-produzzjoni, kif ukoll tinfluwenza l-offerti għax-xiri ta’ konċentrati tat-tungstenu (33).

(84)

It-talba tkompli telabora fuq eżempji differenti ta’ pjanijiet ta’ gwida li juru l-livell għoli ta’ intervent tal-gvern fl-industrija tat-tungstenu. L-ewwel nett, it-talba ssemmi t-13-il Pjan għal 5 Snin (“FYP”) li jinkariga lill-parti kkonċernata industrijali, biex tiżviluppa ulterjorment materjali ta’ liga b’temperatura għolja, tinkoraġġixxi ż-żieda fil-kapaċitajiet tal-produzzjoni u tal-esportazzjoni fl-industrija tal-metall mhux ferruż u tinfluwenza direttament il-proċess tal-produzzjoni tal-industrija tal-metall mhux ferruż (34). L-14-il FYP ikompli jippromwovi l-ottimizzazzjoni u l-aġġustament strutturali tal-industriji tal-materja prima inklużi l-metalli mhux ferrużi (35). It-13-il FYP Mhux Ferruż isemmi t-tungstenu bħala waħda mill-industriji appoġġati mill-GTĊ, jiddeskrivi l-ħolqien ta’ grupp ta’ intrapriżi li jippromwovu u prodotti tal-metall mhux ferruż li jistgħu jintegraw fi ktajjen tal-provvista barranin tal-prodotti ta’ livell medju sa għoli, kif ukoll jippromwovi l-innovazzjoni permezz tal-għoti ta’ sussidji għas-settur tal-industrija (36). It-13-il FYP Mhux Ferruż jipprevedi wkoll aktar miri kwantitattivi, li jistabbilixxu kontroll governattiv strett tal-kapaċità tal-produzzjoni fil-qasam tal-metalli mhux ferrużi, li jiddeskrivu l-kapaċitajiet ta’ riżerva domestika għall-minerali tat-tungstenu, li jistabbilixxu l-għan li jittejbu r-restrizzjonijiet tal-produzzjoni, jiġu aġġustati u kkontrollati l-indikaturi tal-kontroll tal-volum tal-estrazzjoni għat-tungstenu, il-previżjoni tal-ġestjoni tal-materjali tal-art rari, inkluż it-tungstenu, u t-tisħiħ tal-indikaturi ta’ kontroll ġenerali għall-materjali tal-art rari ewlenin (37). L-industriji mhux tal-ħadid huma definiti wkoll bħala industriji mħeġġa taħt l-inizjattiva Made in China 2025, u b’hekk huma appoġġati minn fondi tal-Istat u tal-banek differenti, bil-għan li jipprovdu appoġġ lill-industriji mħeġġa (38).

(85)

It-talba tindika wkoll intervent mill-Istat fi provinċji magħżula, bħal f’Hebei, Jiangxi u Hunan. Fil-fatt, it-13-il FYP għar-Riżorsi Minerali jelenka t-tungstenu f’lista ta’ minerali strateġiċi. Il-GTĊ jikkonsolida l-bażijiet tar-riżorsi tat-tungstenu fin-Nofsinhar ta’ Jiangxi u Hunan, biex jistabbilizza l-iskala tal-operazzjonijiet tal-estrazzjoni u jillimita l-volum totali tal-estrazzjoni tal-mineral tat-tungstenu, jistabbilixxi miri perċentwali għal minjieri ta’ daqs medju sa kbir u jistabbilizza l-livell ta’ provvisti domestiċi effettivi tat-tungstenu (39). Il-Pjan ta’ Żvilupp tal-Industrija tal-Materjali Ġodda ta’ Hebei 2016 jistabbilixxi wkoll l-għan li jinħolqu ktajjen tal-industrija f’Hebei, inkluża katina speċifika tal-industrija tat-tungstenu (40). L-14-il FYP għall-industrija tal-metall mhux ferruż f’Jiangxi jelenka l-industrija tat-tungstenu, inkluża l-industrija tat-trab tal-karbur tat-tungstenu, bħala industrija ewlenija biex tiżviluppa (41). Fl-aħħar nett, it-tungstenu huwa inkluż ukoll fil-lista ta’ prodotti soġġetti għad-dazji tal-esportazzjoni, ir-rekwiżiti għall-ħruġ ta’ liċenzji għall-esportazzjoni kif ukoll il-kummerċ tal-istat (42).

(86)

Kif iddikjarat fl-investigazzjoni preċedenti tal-Kummissjoni dwar it-tungstenu, hemm intervent sostanzjali tal-gvern fis-suq Ċiniż tat-tungstenu, kif ukoll distorsjonijiet sinifikanti ta’ fatturi differenti tal-produzzjoni. Dan jinkludi kontroll sinifikanti fuq diversi aspetti tal-ekonomija, bħall-prezzijiet tal-enerġija, is-sjieda tal-art, il-pagi, il-finanzi u l-klassifikazzjonijiet tal-kreditu. It-talba tiddeskrivi li l-materja prima primarja u sekondarja fiċ-Ċina hija distorta, b’referenza għas-sejbiet riċenti tal-Kummissjoni dwar distorsjonijiet fl-industrija tal-iswed tal-karbonju (43). It-talba tiddeskrivi wkoll, li l-gass jiġi prodott u kkontrollat fiċ-Ċina prinċipalment mill-SOEs u l-prezzijiet tal-gass huma rregolati u kkontrollati mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Iżvilupp u r-Riforma (NDRC) (44). L-NDRC tirregola wkoll il-prezzijiet domestiċi tal-elettriku, billi timplimenta politika differenzjata dwar il-prezzijiet tal-elettriku li tħeġġeġ lill-utenti eliġibbli biex jagħmlu ftehimiet diretti mal-kumpaniji tal-ġenerazzjoni tal-enerġija. It-talba tipprovdi l-eżempju tal-Opinjoni Gwida dwar il-ħolqien ta’ ambjent tas-suq eċċellenti, it-trawwim tal-aġġustament u t-trasformazzjoni strutturali tal-industrija tal-metall mhux ferruż u ż-żieda fil-benefiċċji li tiddeskrivi l-għan kontinwu ta’ politika differenzjata dwar il-prezzijiet tal-elettriku, li tiffavorixxi industriji differenti (45). Bl-istess mod, l-art kollha fiċ-Ċina hija proprjetà tal-Istat, u l-gvern jallokaha skont għanijiet politiċi u pjanijiet ekonomiċi speċifiċi (46).

(87)

Barra minn hekk, it-talba tindika li l-kostijiet tal-pagi f’ċerti industriji, bħat-tungstenu, huma distorti min-nuqqas ta’ drittijiet kollettivi ta’ organizzazzjoni għall-ħaddiema u għall-impjegaturi, kif ukoll in-nuqqas ta’ ratifika min-naħa taċ-Ċina tal-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol. It-trade unions ma humiex indipendenti mill-awtoritajiet tal-Istat u n-negozjar kollettiv u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema huma rudimentali. Barra minn hekk, it-talba tindika li s-sistema ta’ reġistrazzjoni tal-unitajiet domestiċi tillimita l-mobilità tal-forza tax-xogħol (47).

(88)

L-aċċess għall-finanzi jingħata wkoll minn istituzzjonijiet li jimplimentaw objettivi ta’ politika pubblika jew li huma marbuta mal-Istat. Il-banek Ċiniżi, pereżempju, jikkonformaw ma’ obbligu legali espliċitu li jmexxu n-negozju tagħhom f’konformità mal-ħtiġijiet tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali nazzjonali u taħt il-gwida tal-politiki industrijali tal-Istat. B’riżultat ta’ dan, id-disponibbiltà u l-kost tal-kapital ma humiex ugwali għall-atturi kollha fis-suq, u dan iwassal għal preġudizzju għas-self lil intrapriżi tal-Istat, ditti privati kbar konnessi sew, u setturi industrijali ewlenin (48). It-talba tindika wkoll studju mill-FMI li sab li l-klassifikazzjonijiet tal-kreditu huma distorti, peress li l-klassifikazzjonijiet tal-kreditu Ċiniżi jikkorrispondu sistematikament għal klassifikazzjonijiet internazzjonali aktar baxxi (49).

(89)

Barra minn hekk, it-talba tallega, li d-distorsjonijiet ikkawżati mill-gvern irriżultaw f’sinjali tal-prezzijiet li ma humiex ir-riżultat tal-forzi tas-suq ħieles (50). Il-kostijiet tas-self taċ-Ċina nżammew baxxi b’mod artifiċjali biex jistimulaw it-tkabbir tal-investiment (51), u l-klassifikazzjonijiet tal-kreditu spiss jiġu influwenzati mill-importanza strateġika tad-ditta għall-gvern u mis-saħħa ta’ kwalunkwe garanzija impliċita mill-gvern (52). Minħabba f’hekk, il-kwistjonijiet ta’ dejn mitluf ġew ittrattati permezz ta’ riportament tad-dejn, il-ħolqien tal-hekk imsejħa kumpaniji “zombie”, jew permezz tat-trasferiment tas-sjieda tad-dejn (53).

(90)

Il-GTĊ la kkummenta u lanqas ma pprovda evidenza li tappoġġa jew li tirribatti l-evidenza fil-fajl tal-każ, inkluż ir-Rapport u l-evidenza addizzjonali li ġiet ipprovduta mill-applikanti, dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti u/jew dwar l-adegwatezza tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku fil-każ inkwistjoni.

(91)

Speċifikament fis-settur tal-prodott taħt rieżami għad hemm grad sostanzjali ta’ sjieda mill-GTĊ fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b), l-ewwel inċiż tar-Regolament bażiku.

(92)

L-investigazzjoni kkonfermat li China Minmetals Co (54)., SOE taħt SASAC, għandha diversi mill-akbar kumpaniji Ċiniżi li jipproduċu l-karbur tat-tungstenu, jiġifieri Zhuzhou Cemented Carbide Group Co., Ltd (55)., Xiamen Golden Egret Special Alloy Co., Ltd (56). u Zigong Cemented Carbide Group Co., Ltd (57).. Zhuzhou Cemented Carbide Group huwa ta’ China Minmetals permezz tal-kumpanija intermedjarja China Tungsten Advanced Materials Co. Ltd (58)., filwaqt li Xiamen Golden Egret Special Alloy permezz tal-kumpanija intermedjarja Xiamen Tungsten Co., Ltd (59). Fir-rigward tad-distorsjonijiet diretti, China Minmetals iddeskriviet fir-rapport annwali tagħha tal-2021 (60) għotja finanzjarja ġenerali mill-gvern ta’ RMB 38,7 miljun (61), kif ukoll għotja mill-fond finanzjarju ċentrali ta’ RMB 46,8 miljun (62) biex tappoġġa lill-intrapriżi zombie. Ir-rapport annwali ta’ Xiamen Tungsten għall-2022 innota għotja finanzjarja mill-gvern ta’ RMB 300,3 miljun (63). Barra minn hekk, artiklu pubbliku fuq is-sit web ta’ China Minmetals jenfasizza l-preżenza tas-CCP fil-kumpanija billi jiddeskrivi li: “L-organizzazzjoni tal-Partit ta’ China Minmetals timplimenta bir-reqqa l-ispirtu tal-konferenza nazzjonali dwar il-bini ta’ partit tal-intrapriżi tal-Istat, […] tiffoka mill-qrib fuq it-tisħiħ konġunt tat-tmexxija tal-Partit flimkien mat-titjib tal-governanza korporattiva, […] il-bini ta’ sistema ta’ intrapriżi moderni tal-Istat b’karatteristiċi Ċiniżi (u) […] tippromwovi b’mod effettiv l-integrazzjoni profonda tal-ħidma tal-bini tal-Partit mal-operazzjonijiet ta’ produzzjoni” (64).

(93)

Barra minn hekk, minħabba li l-interventi tas-CCP fit-teħid ta’ deċiżjonijiet operazzjonali saru n-norma anke f’kumpaniji privati (65), bis-CCP li jafferma t-tmexxija fuq kważi kull aspett tal-ekonomija tal-pajjiż, l-influwenza tal-Istat permezz ta’ strutturi tas-CCP fi ħdan il-kumpaniji effettivament tirriżulta f’sitwazzjoni li fiha l-operaturi ekonomiċi jkunu taħt kontroll u taħt superviżjoni politika tal-gvern, fid-dawl ta’ kif l-istrutturi tal-Istat u tal-Partit kibru flimkien fir-RPĊ. Il-produttur privat tal-karbur tat-tungstenu OKE carbide, (66) pereżempju, iddeskriva fir-rapport ta’ nofs is-sena tiegħu tal-2022 (67) għotjiet governattivi ta’ RMB 44,7 miljun (68).

(94)

Dan jidher ukoll fil-livell tal-Assoċjazzjoni tal-Industrija tat-Tungstenu taċ-Ċina (“CTIA”) u l-Assoċjazzjoni tal-Industrija tal-Metalli Mhux Ferrużi taċ-Ċina (“CNIA”). Skont l-Artikolu 3 tal-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni tagħhom, CTIA, kif ukoll CNIA, “jaderixxi mat-tmexxija ġenerali tal-Partit Komunista taċ-Ċina [u] jaċċetta l-gwida, is-superviżjoni u l-ġestjoni tan-negozju mill-entitajiet responsabbli mir-reġistrazzjoni u l-ġestjoni, minn entitajiet responsabbli mill-bini tal-partit, kif ukoll mid-dipartimenti amministrattivi rilevanti inkarigati mill-ġestjoni tal-industrija” (69).

(95)

L-investigazzjoni kkonfermat ukoll li l-GTĊ qed jinterferixxi fil-prezzijiet u l-kostijiet permezz tal-preżenza tal-Istat f’ditti fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b), it-tieni inċiż tar-Regolament bażiku, li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ konnessjonijiet personali bejn il-produtturi tal-karbur tat-tungstenu u s-CCP. Pereżempju, il-President tal-Bord tad-Diretturi ta’ Zhuzhou Cemented Carbide Group Co., Ltd. għandu b’mod parallel il-kariga ta’ Deputat Segretarju tal-Kumitat tal-Partit (70). Bl-istess mod, il-President tal-Bord ta’ Xiamen Golden Egret Special Alloy Co., Ltd. għandu l-kariga ta’ Segretarju tal-Kumitat tal-Partit (71). L-interferenza tas-CCP fil-ħidma ta’ Xiamen Golden Eagle, permezz tal-kumitat tal-partit, hija evidenti wkoll mill-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni tal-kumpanija azzjonarja tagħha, SOE Xiamen Tungsten Co., Ltd., li jiddeskrivu li: “l-organizzazzjoni tal-Partit tiżgura l-funzjoni ta’ (sic) tmexxija ewlenija u ta’ politika ewlenija, filwaqt li tistabbilixxi d-direzzjoni, il-ġestjoni tas-sitwazzjoni ġenerali u l-iżgurar tal-implimentazzjoni” (72) u “jekk il-kumitat tal-Partit tal-kumpanija jsib li l-bord tad-diretturi u t-tim tal-President għandhom l-intenzjoni li jieħdu deċiżjonijiet li ma jikkonformawx mal-linja, mal-prinċipji u mal-politiki tal-partit u mal-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali jew jistgħu jagħmlu ħsara lill-interessi tal-Istat, lill-interess pubbliku u lid-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-kumpanija u tal-impjegati tagħha, ikun meħtieġ li titfassal opinjoni biex titħassar jew tiġi posposta d-deċiżjoni” (73).

(96)

Barra minn hekk, politiki li jiddiskriminaw favur il-produtturi domestiċi jew li b’xi mod ieħor jinfluwenzaw is-suq fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b), it-tielet inċiż tar-Regolament bażiku huma stabbiliti fis-settur tal-prodott taħt rieżami. L-investigazzjoni identifikat dokumenti ta’ politika li juru li l-industrija tibbenefika minn gwida governattiva u minn intervent fil-prodott taħt rieżami bħala parti mis-settur tat-tungstenu.

(97)

L-industrija tat-tungstenu tibqa’ titqies bħala industrija ewlenija mill-GTĊ. Dan huwa kkonfermat fil-bosta pjanijiet, direttivi u dokumenti oħrajn li jsemmu t-tungstenu, li jinħarġu fil-livell nazzjonali, reġjonali u muniċipali. L-aktar dokumenti ta’ politika Ċiniżi reċenti dwar is-settur tat-tungstenu jikkonfermaw l-importanza kontinwa li l-GTĊ jattribwixxi għas-settur, inkluża l-intenzjoni li jintervjeni fis-settur sabiex jifformah f’konformità mal-politiki tal-gvern. Dan huwa eżemplifikat mill-Avviż tal-Ministeru għar-Riżorsi Naturali (“MNR”, Ministry of Natural Resources) dwar il-kontroll tal-kwantitajiet ġenerali ta’ estrazzjoni u l-ewwel lott ta’ indikaturi applikabbli għall-materjali tal-art rari u l-minerali tat-tungstenu fl-2023 (74) li jitlob li “jissaħħu l-kontroll u l-ġestjoni tal-ammont totali tal-estrazzjoni” (75) u jkompli jiddeskrivi li “l-Ministeru għall-Industrija u t-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Ministeru għar-Riżorsi Naturali assenjaw il-kwoti għall-kontroll tal-ammont totali ta’ estrazzjoni tal-materjali tal-art rari lill-gruppi kollha ta’ intrapriżi tal-materjali tal-art rari” (76). Id-dokument jispeċifika wkoll distribuzzjonijiet speċifiċi tat-tungstenu: “Fl-2023, l-indikatur totali tal-kontroll tal-estrazzjoni għall-ewwel lott ta’ konċentrati tat-tungstenu (kontenut ta’ 65 % ta’ triossidu tat-tungstenu) huwa stabbilit għal 63 000 tunnellata” (77). L-Avviż tal-MNR dwar il-kontroll tal-kwantitajiet ġenerali ta’ estrazzjoni u l-ewwel lott ta’ indikaturi applikabbli għall-materjali tal-art rari u l-minerali tat-tungstenu fl-2022 (78) jispeċifika wkoll l-output tat-tungstenu billi jafferma li “fl-2022, l-indikatur totali tal-kontroll tal-estrazzjoni tal-konċentrat tat-tungstenu nazzjonali (kontenut ta’ 65 % ta’ triossidu tat-tungstenu) kien ġie stabbilit għal 109 000 tunnellata, li minnhom l-indikatur ewlieni tal-estrazzjoni kien ta’ 81 170 tunnellata, u l-indikatur komprensiv tal-użu kien ta’ 27 830 tunnellata” (79). Barra minn hekk, l-14-il FYP dwar l-iżvilupp tal-industrija tal-materja prima (80) jispeċifika li “r-riżorsi minerali domestiċi se jiġu żviluppati b’mod razzjonali”, u jiddeskrivi li “se jittieħdu miżuri biex jiġi ottimizzat il-mekkaniżmu ta’ ġestjoni applikabbli għall-indikaturi annwali totali tal-kontroll tal-estrazzjoni, u jirregolaw b’mod raġonevoli l-iskala tal-estrazzjoni tar-RE [Rare Earth], tat-tungstenu u ta’ riżorsi minerali oħra” (81), u barra minn hekk “jappoġġaw lill-intrapriżi dominanti biex jistabbilixxu bażijiet ta’ riċiklaġġ u żoni ta’ agglomerazzjoni industrijali għar-ruttam tal-azzar b’daqs kbir kif ukoll għar-ram, il-litju, in-nikil, il-kobalt, it-tungstenu, il-molibdenu u l-aluminju rinnovabbli” (82).

(98)

Eżempji simili tal-intenzjoni tal-awtoritajiet Ċiniżi li jissorveljaw u jiggwidaw l-iżviluppi tas-settur tat-tungstenu jistgħu jidhru wkoll fi provinċji Ċiniżi differenti, bħal f’Jiangxi, kif deskritt fl-14-il FYP tal-provinċji dwar l-iżvilupp ta’ kwalità għolja ta’ metalli mhux ferrużi (83) li “matul il-perjodu tal-14-il Pjan ta’ 5 Snin, ir-rata medja ta’ tkabbir annwali tad-dħul operattiv tal-industrija tal-metalli mhux ferrużi ta’ Jiangxi se tkun ta’ madwar għaxra fil-mija. F’termini ta’ dħul operattiv, l-industrija tal-metalli mhux ferrużi se jkollha skala ta’ aktar minn RMB triljun sal-2023 bejn wieħed u ieħor, u l-industriji tat-tungstenu, tal-materjali tal-art rari, u riżorsi strateġiċi oħra se jkollhom skala ta’ aktar minn RMB 100 biljun sal-2025” (84), u jispeċifika li “l-livell ta’ konċentrazzjoni tar-ram, tat-tungstenu, tal-materjali tal-art rari, u ta’ industriji ewlenin oħrajn se jkompli jiżdied” (85). Il-FYP jiddedika wkoll taqsima sħiħa dwar l-iżvilupp tat-tungstenu (86) li għandha l-għan li tiżviluppa “trab tat-tungstenu u trab tal-karbur tat-tungstenu fuq nanoskala, ultrafin u ultraaħrax, APT ta’ purità għolja, trab tat-tungstenu ta’ purità għolja, kif ukoll materjali tat-tungstenu fil-mira, eċċ.” (87).

(99)

Bl-istess mod, l-14-il FYP ta’ Henan dwar l-iżvilupp ta’ industrija tal-manifattura ta’ kwalità għolja (88) jipprevedi li “jestendi l-katina tal-industrija tal-ipproċessar fil-fond tat-tungstenu, tal-molibdenu, tat-titanju u taż-żirkonju, u jippromwovi l-estensjoni lejn prodotti ta’ livell għoli” (89).

(100)

Fil-qosor, il-GTĊ għandu miżuri fis-seħħ sabiex jikkonvinċi lill-operaturi jikkonformaw mal-objettivi tal-ordni pubbliku li jiġu appoġġati l-industriji mħeġġa, inkluża l-produzzjoni tal-materja prima prinċipali użata fil-manifattura tat-tungstenu. Tali miżuri jimpedixxu l-forzi tas-suq milli joperaw b’mod ħieles.

(101)

L-investigazzjoni attwali ma żvelat l-ebda evidenza li l-applikazzjoni diskriminatorja jew l-infurzar inadegwat tal-liġijiet dwar il-falliment u l-proprjetà skont l-Artikolu 2(6a)(b), ir-raba’ inċiż tar-Regolament bażiku fis-settur tal-prodott taħt rieżami ma jaffettwawx lill-manifatturi tal-prodott taħt rieżami.

(102)

Is-settur tat-tungstenu huwa affettwat ukoll mid-distorsjonijiet tal-kostijiet tal-pagi fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b), il-ħames inċiż tar-Regolament bażiku. Dawk id-distorsjonijiet jaffettwaw lis-settur kemm direttament (waqt il-produzzjoni tat-tungstenu jew tal-inputs prinċipali), kif ukoll indirettament (meta jkun hemm aċċess għall-inputs minn kumpaniji soġġetti għall-istess sistema tax-xogħol fir-RPĊ) (90).

(103)

Barra minn hekk, ma tressqet l-ebda evidenza fl-investigazzjoni attwali li turi li s-settur tal-prodott taħt rieżami ma huwiex affettwat mill-intervent tal-gvern fis-sistema finanzjarja fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b), is-sitt inċiż tar-Regolament bażiku. Għalhekk, l-intervent sostanzjali tal-gvern fis-sistema finanzjarja jwassal biex il-kundizzjonijiet tas-suq jiġu affettwati b’mod serju fil-livelli kollha.

(104)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tfakkar li sabiex jiġi prodott il-karbur tat-tungstenu, huma meħtieġa numru ta’ inputs. Meta l-produtturi tal-karbur tat-tungstenu jixtru/jikkuntrattaw dawn l-inputs, il-prezzijiet li jħallsu (u li huma rreġistrati bħala l-kostijiet tagħhom) huma esposti b’mod ċar għall-istess distorsjonijiet sistemiċi msemmija qabel. Pereżempju, il-fornituri tal-inputs iħaddmu manodopera li tkun soġġetta għad-distorsjonijiet. Huma jistgħu jissellfu flus li huma soġġetti għad-distorsjonijiet fis-settur finanzjarju/l-allokazzjoni tal-kapital. Barra minn hekk, huma soġġetti għas-sistema ta’ pjanar li tapplika fil-livelli kollha tal-gvern u tas-setturi.

(105)

B’konsegwenza ta’ dan, mhux biss il-prezzijiet tal-bejgħ domestiku tal-karbur tat-tungstenu ma humiex xierqa għall-użu skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, iżda l-kostijiet tal-input kollha (inklużi l-materja prima, l-enerġija, l-art, il-finanzjament, il-manodopera, eċċ.) huma wkoll affettwati minħabba li l-formazzjoni tal-prezz tagħhom hija affettwata minn intervent sostanzjali tal-gvern, kif deskritt fil-Partijiet I u II tar-Rapport. Tabilħaqq, l-interventi tal-gvern deskritti fir-rigward tal-allokazzjoni tal-kapital, tal-art, tal-manodopera, tal-enerġija u tal-materja prima huma preżenti fir-RPĊ kollha. Dan ifisser, pereżempju, li input li, minnu nnifsu kien prodott fir-RPĊ permezz ta’ taħlita ta’ firxa ta’ fatturi tal-produzzjoni, huwa espost għal distorsjonijiet sinifikanti. L-istess japplika għall-input, lejn l-input u l-bqija.

3.3.2.   Pajjiż rappreżentattiv

3.3.2.1.   Kummenti ġenerali

(106)

L-għażla tal-pajjiż rappreżentattiv kienet ibbażata fuq il-kriterji li ġejjin, skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku:

Livell ta’ żvilupp ekonomiku simili għar-RPĊ. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni użat pajjiżi b’introjtu nazzjonali gross per capita simili għar-RPĊ abbażi tal-bażi tad-data tal-Bank Dinji (91);

Il-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami f’dak il-pajjiż (92);

Id-disponibbiltà tad-data pubblika rilevanti fil-pajjiż rappreżentattiv;

F’każ li jkun hemm aktar minn pajjiż rappreżentattiv wieħed possibbli, jenħtieġ li tingħata preferenza, meta jkun xieraq, lill-pajjiż li jkollu livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali.

(107)

Kif spjegat fil-premessa (73), il-Kummissjoni ħarġet Nota dwar is-sorsi rilevanti li għandhom jintużaw għad-determinazzjoni tal-valur normali. Din in-Nota ddeskriviet il-fatti u l-evidenza sottostanti tal-kriterji rilevanti. In-Nota infurmat lill-partijiet interessati bl-intenzjoni tal-Kummissjoni li tqis lit-Turkija bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq f’dan il-każ jekk tiġi kkonfermata l-eżistenza tad-distorsjonijiet sinifikanti skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

(108)

Fir-rigward tal-kostijiet korrispondenti tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott taħt rieżami f’pajjiż rappreżentattiv xieraq, it-talba għal rieżami ta’ skadenza pproponiet li jintgħażlu jew ir-Russja jew it-Turkija bħala pajjiż rappreżentattiv.

(109)

Skont l-applikanti, il-karbur tat-tungstenu jiġi prodott fil-Brażil, fil-Kanada, fir-RPĊ, fl-Iżrael, fil-Ġappun, fir-Russja, fil-Korea t’Isfel, u fl-Istati Uniti. Minn dawn il-pajjiżi, il-Brażil u r-Russja biss jirrappreżentaw pajjiżi bi dħul medju superjuri skont il-klassifikazzjoni tal-Bank Dinji. Il-Kummissjoni identifikat ukoll l-Afrika t’Isfel bħala introjtu medju superjuri bil-produzzjoni tal-karbur tat-tungstenu. Il-Kummissjoni ma qisitx lir-Russja bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq minħabba l-iżviluppi ġeopolitiċi u ekonomiċi riċenti. L-Afrika t’Isfel u l-Brażil ġew esklużi minħabba li mhix disponibbli data pubblika.

(110)

Sussegwentement, il-Kummissjoni fittxet pajjiżi bil-produzzjoni ta’ prodotti tal-istess kategorija ġenerali u/jew settur tal-prodott taħt rieżami. Kif imsemmi mill-applikanti, il-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami tappartjeni għas-settur tal-metalli mhux ferrużi. Id-data pubblika rilevanti għall-produtturi f’dan is-settur kienet disponibbli għar-Russja u għat-Turkija.

(111)

Il-Kummissjoni qieset aktar jekk ikunx possibbli li jintużaw il-fatturi prinċipali tal-produzzjoni tal-karbur tat-tungstenu minn pajjiżi rappreżentattivi xierqa.

(112)

Skont it-talba, il-proċess ta’ produzzjoni tal-karbur tat-tungstenu huwa globalment identiku u prodott jew minn materjali primarji (jew materjali verġni), jiġifieri minerali jew materjali sekondarji, jiġifieri ruttam tal-karbur tat-tungstenu. Madankollu, skont l-integrazzjoni upstream, il-produtturi jistgħu jibdew il-proċess jew minn materjali primarji, APT, jew minn ossidu tat-tungstenu (“WO3”).

(113)

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda l-kalkoli tal-valur normali tagħha mill-kost tal-APT, jiġifieri, il-materja prinċipali, filwaqt li tqis l-informazzjoni fit-talba u meta jitqies li hija l-ewwel pass tal-produzzjoni irrispettivament mis-sors tal-materja prima. L-APT jirrappreżenta aktar minn 90 % tal-kost totali tal-manifattura tal-prodott taħt rieżami.

(114)

F’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni fittxet id-disponibbiltà tad-data dwar il-prezzijiet tal-importazzjoni għall-APT fil-pajjiżi kollha tal-klassi tal-introjtu medju superjuri abbażi tal-kodiċi HS 2841 80. Skont il-GTA, l-APT ġie importat fl-Arġentina, fil-Brażil, fil-Malażja, fir-Russja, fit-Tajlandja, fit-Turkija u fl-Afrika t’Isfel. Madankollu, il-volumi tal-importazzjonijiet f’dawn il-pajjiżi kollha kienu baxxi ħafna u għalhekk tqiesu li ma kinux rappreżentattivi għall-istabbiliment ta’ prezz ta’ riferiment affidabbli. Barra minn hekk, l-importazzjonijiet fl-Arġentina oriġinaw kompletament mir-RPĊ. Il-maġġoranza tal-importazzjonijiet fir-Russja (aktar minn 75 %) u fl-Afrika t’Isfel (97 %) oriġinaw ukoll mir-RPĊ. Peress li ma kienet disponibbli l-ebda informazzjoni rappreżentattiva suffiċjenti għal kwalunkwe wieħed mill-pajjiżi msemmija, il-Kummissjoni ddeċidiet li tuża parametru referenzjarju internazzjonali għal dan l-input skont l-Artikolu 2(6a)(a), it-tieni inċiż, ibbażat fuq il-prezzijiet ta’ Argus Metals International.

(115)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni qieset li t-Turkija kellha data dettaljata disponibbli faċilment relatata mal-manodopera, mal-enerġija, u mal-SG&A u mal-profitt għal pajjiż bi dħul medju superjuri. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset lit-Turkija bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

(116)

Il-partijiet ikkonċernati ġew mistiedna jikkummentaw dwar l-adegwatezza tat-Turkija bħala pajjiż rappreżentattiv.

(117)

Wara n-Nota, l-ebda parti kkonċernata ma għamlet kummenti rigward l-għażla tat-Turkija bħala pajjiż rappreżentattiv.

(118)

Fl-aħħar, minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni u wara li ġie stabbilit li t-Turkija kienet pajjiż rappreżentattiv xieraq, abbażi tal-elementi kollha msemmija hawn fuq, ma kienx hemm bżonn li titwettaq valutazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali f’konformità mal-aħħar sentenza tal-Artikolu 2(6a)(a), l-ewwel inċiż tar-Regolament bażiku.

3.3.2.2.   Konklużjoni

(119)

Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni, kif propost fit-talba għal rieżami ta’ skadenza u minħabba li t-Turkija ssodisfat il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(6a)(a), l-ewwel inċiż tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet lit-Turkija bħala l-pajjiż rappreżentattiv xieraq.

3.3.3.   Sorsi użati sabiex jiġu stabbiliti l-kostijiet mingħajr distorsjoni

(120)

Fin-Nota, il-Kummissjoni elenkat il-fatturi ta’ produzzjoni bħall-materjali, l-enerġija u l-manodopera użati fil-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami mill-produtturi esportaturi. Il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li, sabiex jinħadem il-valur normali skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, hija kienet se tuża l-GTA u l-prezzijiet ta’ riferiment internazzjonali ta’ Argus Metals International kif ippubblikati miċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Informazzjoni dwar il-Minerali tal-U.S. Geological Survey biex tistabbilixxi l-kost mingħajr distorsjoni tal-biċċa l-kbira taż-żewġ fatturi tal-produzzjoni, b’mod partikolari l-materja prima. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddikjarat li se tuża informazzjoni mill-Istitut Tork tal-Istatistika sabiex tistabbilixxi l-kostijiet mingħajr distorsjoni tal-manodopera, tal-elettriku, u tal-fornituri tal-gass fit-Turkija.

(121)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ddikjarat li biex tistabbilixxi l-kostijiet SG&A u l-profitt, kienet se tuża l-informazzjoni dwar il-medja tal-kostijiet SG&A u l-profitti għall-kumpaniji attivi fis-settur tal-industrija ta’ metalli bażiċi prezzjużi u metalli oħra mhux ferrużi li tiġi ppubblikata mill-Bank Ċentrali Tork, kif indikat fil-premessa (73).

3.3.3.1.   Kostijiet u valuri referenzjarji mingħajr distorsjoni

3.3.3.1.1.   Fatturi tal-produzzjoni

(122)

Meta titqies l-informazzjoni kollha bbażata fuq it-talba u l-informazzjoni sussegwenti miġbura matul il-proċediment, il-fatturi tal-produzzjoni li ġejjin u s-sorsi tagħhom ġew identifikati sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku:

Tabella 1

Fatturi tal-produzzjoni tal-karbur tat-tungstenu

Fattur ta’ Produzzjoni

Kodiċi tal-Komodità fit-Turkija

Valur mingħajr distorsjoni (RMB)

Unità ta’ kejl

Materja prima

Paratungstat tal-ammonju

2841 8010

219,12

kg

Manodopera

Kost tal-manodopera għal kull siegħa ta’ xogħol

Mhux applikabbli

34,88

Siegħa

Enerġija

Elettriku

Mhux applikabbli

0,50

kWh

Gass

Mhux applikabbli

1,61

m3

3.3.3.1.2.   Materja prima

(123)

Sabiex jiġi stabbilit il-prezz mingħajr distorsjoni tal-materja prima prinċipali APT kif ikkonsenjata fix-xatba tal-fabbrika ta’ produttur rappreżentattiv ta’ pajjiż, il-Kummissjoni nnotat li l-importazzjonijiet tal-APT fit-Turkija kienu insinifikanti u għalhekk ma setgħux jitqiesu bħala rappreżentattivi, kif spjegat fil-premessa (114). Il-Kummissjoni użat il-prezz medju ponderat tal-importazzjoni abbażi tal-parametru referenzjarju internazzjonali tal-prezzijiet ta’ Argus Metals International, miksub miċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Informazzjoni dwar il-Minerali tal-U.S. Geological Survey (93). F’dan il-każ, anki jekk il-parametru referenzjarju jista’ jinkludi importazzjonijiet minn sorsi distorti, il-Kummissjoni fakkret li, fil-kuntest ta’ rieżami ta’ skadenza, ma hemmx bżonn li jiġu kkalkolati mill-ġdid id-dazji; biss li tiġi stabbilita l-probabbiltà ta’ dumping. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li huwa xieraq li jintużaw il-prezzijiet ta’ Argus Metals International bħala punt ta’ riferiment f’dan il-każ.

(124)

Wara n-Nota, l-applikanti talbu li jużaw id-data ta’ Fastmarkets jew ta’ Argus għall-prezzijiet tal-APT fl-Ewropa minflok id-data ta’ Argus Metal miksuba miċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Informazzjoni dwar il-Minerali tal-U.S. Geological Survey. Huma argumentaw li fit-Turkija, l-APT huwa primarjament innegozjat skont il-kwotazzjonijiet ta’ Fastsmarkets għall-Ewropa (usa’) u mhux għall-Istati Uniti.

(125)

Il-Kummissjoni nnotat li fit-talba ġie pprovdut biss sommarju tal-APT medju għall-perjodu tat-talba, peress li ma wasal l-ebda permess mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur Fastmarkets biex tintuża d-data matul l-investigazzjoni. Meta jitqies li skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, id-data użata għandha tkun disponibbli għall-pubbliku, il-Kummissjoni bbażat il-kalkolu tal-valur normali fuq il-parametru referenzjarju tal-APT ibbażat fuq il-prezzijiet ta’ Argus Metals International miksuba miċ-Ċentru Nazzjonali ta’ Informazzjoni dwar il-Minerali tal-U.S. Geological Survey. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li d-differenza bejn il-parametru referenzjarju ta’ Fastmarkets u tal-U.S. Geological Survey kienet waħda minuri. Konsegwentement, id-differenza fi kwalunkwe kalkolu tal-marġni tad-dumping kienet tkun minuri (1 %).

(126)

Normalment, ma’ dawn il-prezzijiet tal-importazzjoni jenħtieġ li jiżdied il-kost tat-trasport domestiku wkoll. Madankollu, meta titqies in-natura ta’ din l-investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza, li hija ffokata fuq is-sejba ta’ jekk id-dumping kompliex matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami jew jekk jistax jerġa’ jseħħ, aktar milli fuq is-sejba tal-kobor eżatt tiegħu, il-Kummissjoni ddeċidiet li, f’dan il-każ, ma kienx hemm bżonn li jsiru aġġustamenti għat-trasport domestiku. Dawn l-aġġustamenti jirriżultaw biss f’żieda tal-valur normali u, għalhekk, tal-marġni tad-dumping.

3.3.3.1.3.   Manodopera

(127)

Biex tistabbilixxi l-valur referenzjarju għall-kostijiet lavorattivi, il-Kummissjoni użat l-aktar statistika reċenti ppubblikata mill-Istitut Tork tal-Istatistika (94). Dan l-istitut jippubblika informazzjoni dettaljata dwar il-kostijiet lavorattivi f’setturi ekonomiċi differenti fit-Turkija. Il-Kummissjoni stabbiliet il-parametru referenzjarju fuq il-bażi tal-kostijiet lavorattivi fis-siegħa għall-2020 jew l-attività ekonomika “Manifattura ta’ metalli bażiċi”, bil-kodiċi tan-NACE C.24 skont il-klassifikazzjoni NACE Rev.2. Il-valuri ġew aġġustati aktar għall-inflazzjoni bl-użu tal-indiċi domestiku tal-prezzijiet tal-produtturi (95) sabiex jirrifletti l-kostijiet għall-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(128)

Wara n-Nota, l-industrija tal-Unjoni argumentat li jenħtieġ li tintuża diżaggregazzjoni dettaljata tat-tipi ta’ persunal għall-fini tal-kalkolu tad-dumping.

(129)

Il-Kummissjoni ċaħdet dan il-kumment peress li l-Istitut Tork tal-Istatistika ma jipprovdix tali analiżi dettaljata, meta jitqies il-fatt li dan huwa rieżami ta’ skadenza u kif innotat hawn fuq ma huwiex meħtieġ li jiġi kkalkolat id-daqs eżatt tad-dumping.

3.3.3.1.4.   Enerġija

(130)

Sabiex tistabbilixxi l-parametru referenzjarju tal-prezz għall-elettriku, il-Kummissjoni użat il-prezzijiet tal-elettriku għall-kumpaniji (utenti industrijali) fit-Turkija ppubblikati mill-Istitut Tork tal-Istatistika (96). Il-parametru referenzjarju ġie stabbilit fuq il-bażi tal-prezz għall-elettriku u għall-gass, ippubblikat fil-31 ta’ Marzu 2022. Il-prezz imsemmi huwa l-medja għall-2021. Il-Kummissjoni użat id-data dwar il-prezzijiet industrijali tal-elettriku u tal-gass fil-faxex ta’ konsum korrispondenti, netti mit-taxxa fuq il-valur miżjud.

3.3.3.1.5.   Kostijiet ġenerali tal-manifattura, SG&A, profitti u deprezzament

(131)

Skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, “il-valur normali maħdum għandu jinkludi ammont raġonevoli u mingħajr distorsjoni għal kostijiet amministrattivi, tal-bejgħ u ġenerali u għal profitti”. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi stabbilit valur għall-kostijiet ġenerali tal-manifattura biex ikopri l-kostijiet mhux inklużi fil-fatturi tal-produzzjoni msemmija hawn fuq.

(132)

Sabiex tistabbilixxi valur mingħajr distorsjoni tal-ispejjeż ġenerali tal-manifattura u minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi Ċiniżi, il-Kummissjoni użat il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Għalhekk, abbażi tad-data pprovduta mill-applikanti, il-Kummissjoni stabbiliet il-proporzjon tal-ispejjeż ġenerali tal-manifattura għat-total tal-manifattura. Imbagħad, dan il-perċentwal ġie applikat għall-valur mingħajr distorsjoni tal-kost tal-manifattura biex jinkiseb il-valur mingħajr distorsjoni tal-ispejjeż ġenerali tal-manifattura.

(133)

Sabiex jiġi stabbilit ammont mingħajr distorsjoni u raġonevoli għall-SG&A u l-profitt, il-Kummissjoni bbażat fuq l-aktar data finanzjarja disponibbli riċenti għall-kumpaniji attivi fis-settur tal-industrija ta’ metalli prezzjużi bażiċi u metalli oħra mhux ferrużi li hija ppubblikata mill-Bank Ċentrali Tork (97). Kif imsemmi fil-premessa (121), dan is-settur jitqies bħala l-kategorija ġenerali bħala l-prodott taħt rieżami. Il-Kummissjoni użat l-SG&A ta’ 9,50 % u l-profitt ta’ 6,61 % tal-kost tal-oġġetti mibjugħa (“COGS”).

(134)

Wara n-Nota, waslu kummenti mill-industrija tal-Unjoni biex jiġu kkunsidrati l-ispare parts u materja prima oħra, kif ukoll id-deprezzament fl-ispejjeż ġenerali tal-manifattura. Il-Kummissjoni qieset dawn il-kummenti fil-kalkolu tad-dumping kif deskritt fil-premessa (137).

3.3.3.2.   Kalkolu tal-valur normali

(135)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ħadmet il-valur normali għal kull tip ta’ prodott fuq bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.

(136)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni stabbiliet il-kostijiet mingħajr distorsjoni tal-manifattura. Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni bbażat fuq l-informazzjoni pprovduta mill-applikanti fit-talba dwar l-użu taż-żewġ materja prima prinċipali għall-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami. Għall-manodopera u l-enerġija, il-Kummissjoni qagħdet fuq l-informazzjoni pprovduta minn produttur wieħed tal-Unjoni.

(137)

Ladarba ġew stabbiliti l-kostijiet tal-manifattura mingħajr distorsjoni, il-Kummissjoni żiedet l-ispejjeż ġenerali tal-manifattura, l-SG&A u l-profitt. L-ispejjeż ġenerali tal-manifattura ġew iddeterminati abbażi tad-data pprovduta mill-applikanti. L-SG&A u l-profitt ġew iddeterminati abbażi tal-aktar data finanzjarja riċenti disponibbli għall-kumpaniji attivi fis-settur tal-industrija ta’ metalli bażiċi prezzjużi u metalli oħra mhux ferrużi li hija ppubblikata mill-Bank Ċentrali Tork (98) (ara t-Taqsima 3.3.2). Il-Kummissjoni żiedet l-entrati li ġejjin fil-kostijiet mingħajr distorsjoni tal-manifattura:

L-ispejjeż ġenerali tal-manifattura, li b’kollox kienu jammontaw għal 4 % tal-kostijiet diretti tal-manifattura;

L-oġġetti konsumabbli tqiesu għal 1 % tal-kostijiet diretti tal-manifattura;

L-SG&A u kostijiet oħra, li ammontaw għal 9,50 % tal-COGS tal-kumpaniji Torok attivi fis-settur tal-industrija ta’ metalli bażiċi prezzjużi u metalli oħra mhux ferrużi, u

profitti, li ammontaw għal 6,61 % tal-COGS kif miksuba mill-kumpaniji Torok attivi fis-settur tal-industrija ta’ metalli bażiċi prezzjużi u metalli oħra mhux ferrużi, ġew applikati għall-kostijiet totali mingħajr distorsjoni tal-manifattura.

(138)

Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni ħadmet il-valur normali għal kull tip ta’ prodott fuq bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.

3.4.   Prezz tal-esportazzjoni

(139)

Kif imsemmi hawn fuq fil-premessa (48), minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-produtturi esportaturi Ċiniżi, il-prezz tal-esportazzjoni kien ibbażat fuq il-fatti disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, jiġifieri fuq informazzjoni mill-Eurostat.

(140)

L-esportazzjonijiet miċ-Ċina kienu saru kemm taħt il-proċedura ta’ proċessar attiv (“IPP”) kif ukoll taħt ir-reġim normali. Kif muri fil-premessa (191), peress li l-esportazzjonijiet li jsiru skont ir-reġim normali rrappreżentaw biss 0,3 % tas-sehem mis-suq tal-Unjoni matul il-PIR, dawn kienu kkunsidrati negliġibbli u l-kalkoli saru fuq il-prezz tal-esportazzjoni taħt l-IPP biss, bħala informazzjoni raġonevolment disponibbli dwar il-prezz li jiġi ċċarġjat fin-nuqqas ta’ miżuri. Il-Kummissjoni stabbiliet il-prezz tal-esportazzjoni abbażi tal-istatistika disponibbli, jiġifieri l-bażi tad-data Comext (Eurostat). Billi l-prezzijiet fil-Comext huma rreġistrati fil-livell ta’ Kost, Assigurazzjoni u Nol (“CIF”), il-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika ġie stabbilit abbażi tal-evidenza pprovduta fit-talba għall-kost tat-trasport, l-immaniġġjar u n-nol marittimu.

3.5.   Tqabbil

(141)

Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali stabbilit f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku u l-prezz tal-esportazzjoni fuq bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika kif stabbilit hawn fuq.

3.6.   Marġni tad-dumping

(142)

Abbażi ta’ dan, il-marġni tad-dumping instab li kien sinifikanti (68 %). Għalhekk ġie konkluż li d-dumping tkompla matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

4.   PROBABBILTÀ TA’ KONTINWAZZJONI TAD-DUMPING

(143)

Wara s-sejba tal-eżistenza tad-dumping matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni investigat il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni tad-dumping, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu. Il-Kummissjoni qieset il-prezzijiet tal-IPP bħala informazzjoni raġonevolment disponibbli dwar il-prezz li jiġi ċċarġjat fin-nuqqas ta’ miżuri. Ġew analizzati l-elementi addizzjonali li ġejjin: (1) il-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċità ta’ riżerva fir-RPĊ, (2) ir-riżervi tal-minerali tat-tungstenu u t-taxxa fuq l-esportazzjoni fuq il-konċentrat tat-tungstenu, u (3) l-attraenza tas-suq tal-Unjoni u l-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

(144)

Bħala konsegwenza tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi u tal-GTĊ, il-Kummissjoni bbażat il-valutazzjoni tagħha fuq il-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, jiġifieri fuq l-informazzjoni pprovduta fit-talba għal rieżami, informazzjoni disponibbli pubblikament, u informazzjoni mill-bażi tad-data tal-GTA.

(145)

Zhangyuan Tungsten, Xianglu Tungsten u Golden Egret affermaw li jekk suq kienx attraenti ma huwiex standard legali meħtieġ li għandu jitqies f’investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza billi suq dinamiku u kompetittiv b’mod ħieles jibqa’ attraenti għall-operaturi ekonomiċi kollha.

(146)

Kif deskritt hawn taħt fil-premessi (156) sa (163), il-Kummissjoni taħt l-intestatura tal-“attraenza tas-suq tal-Unjoni” teżamina jekk huwiex probabbli li l-produtturi esportaturi Ċiniżi jżidu l-esportazzjonijiet tagħhom tal-karbur tat-tungstenu lejn l-Unjoni jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, u jekk dawn l-esportazzjonijiet ikunux se jsiru bi prezzijiet oġġett ta’ dumping. Dan huwa kompletament konformi mat-test legali fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku u għalhekk din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

4.1.   Kapaċità tal-produzzjoni u kapaċità ta’ riżerva fir-RPĊ

(147)

Fit-talba l-applikanti jipprovdu informazzjoni dwar il-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċità ta’ riżerva tal-karbur tat-tungstenu fiċ-Ċina. Skont ir-Rapport dwar l-Iżvilupp tal-Industrija tat-Tungstenu taċ-Ċina għall-2020 ippubblikat mill-Assoċjazzjoni tal-Industrija tat-Tungstenu taċ-Ċina (99), il-kapaċità tal-produzzjoni fiċ-Ċina kienet ta’ 80 000 tunnellata. L-applikanti stmaw id-domanda fiċ-Ċina għal 30 000 tunnellata abbażi tal-għarfien tagħhom dwar is-suq. Barra minn hekk, wara li tnaqqsu l-esportazzjonijiet taċ-Ċina lejn il-pajjiżi kollha, il-kapaċità ta’ riżerva ġiet ikkalkolata għal 18 000 tunnellata. Madankollu, matul l-investigazzjoni, l-applikanti ċċaraw li fil-kalkolu tagħhom użaw b’mod mhux intenzjonat il-kolonna tal-prezzijiet minflok il-kolonna tal-volum u għalhekk il-kapaċità ta’ riżerva korretta fiċ-Ċina kienet ta’ madwar 41 000 tunnellata.

(148)

Il-Kummissjoni kkalkolat ukoll il-kapaċità ta’ riżerva tal-karbur tat-tungstenu fir-RPĊ matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Skont ir-Rapport dwar l-Iżvilupp tal-Industrija tat-Tungstenu taċ-Ċina għall-2021 ippubblikat mill-Assoċjazzjoni tal-Industrija tat-Tungstenu taċ-Ċina (100), il-kapaċità tal-produzzjoni tal-karbur tat-tungstenu fiċ-Ċina ammontat għal 90 000 tunnellata. Il-produzzjoni tal-karbur tat-tungstenu fiċ-Ċina ġiet stmata għal madwar [30 000 – 35 000] tunnellata abbażi tar-rapport Roskil Tungsten Outlook to 2030 (101) u meta jitqies li madwar 60 % tal-produzzjoni tat-tungstenu tintuża għall-produzzjoni tal-karbur tat-tungstenu (102). Dawn l-istimi jirriżultaw f’kapaċità ta’ riżerva ta’ [55 000 – 60 000] tunnellata jew [61 % - 67 %]. Meta wieħed iqis li l-konsum tas-suq ħieles tal-Unjoni ammonta għal 15 101 tunnellata (ara t-Tabella 4) matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, il-kapaċità ta’ riżerva Ċiniża kienet aktar minn 3,5 darbiet aktar mill-konsum tal-Unjoni fis-suq ħieles.

(149)

Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, Zhangyuan Tungsten, Xianglu Tungsten u Golden Egret tennew l-affermazzjoni tagħhom li s-sors użat għall-kapaċità tal-produzzjoni tal-karbur tat-tungstenu fiċ-Ċina kif iddikjarat fil-premessa (148) ma kienx affidabbli u pprovdew il-link għas-sit web tal-Assoċjazzjoni tal-Industrija tat-Tungstenu taċ-Ċina.

(150)

Il-Kummissjoni nnotat li Zhangyuan Tungsten, Xianglu Tungsten u Golden Egret ma pprovdew l-ebda informazzjoni dwar il-kapaċità tal-produzzjoni tal-karbur tat-tungstenu fiċ-Ċina. Il-Kummissjoni fittxet is-sit web ipprovdut mill-produttur Ċiniż u ma setgħetx issib data dwar il-kapaċità tal-produzzjoni tal-karbur tat-tungstenu fiċ-Ċina. Minflok, il-Kummissjoni sabet li abbażi tar-rapport Roskil Tungsten Outlook to 2030 (103), il-kapaċità tal-produzzjoni tal-karbur tat-tungstenu fiċ-Ċina fl-2021 kienet stmata għal [50 000–75 000] tunnellata fis-sena f’termini ta’ tungstenu, jew [53 000–80 000] tunnellata ta’ karbur tat-tungstenu (104). Bl-użu tal-volum tal-produzzjoni ddikjarat fil-premessa (148), li ma ġiex ikkontestat minn Zhangyuan Tungsten, Xianglu Tungsten u Golden Egret, il-kapaċità ta’ riżerva tal-karbur tat-tungstenu fiċ-Ċina xorta kienet tammonta għal [23 000 – 45 000] tunnellata li tirrappreżenta aktar minn 1,5 darbiet il-konsum tal-Unjoni fis-suq ħieles matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, li kien għadu meqjus sinifikanti.

(151)

Il-Kummissjoni qabblet ukoll il-kapaċità tal-produzzjoni tal-karbur tat-tungstenu fir-RPĊ matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami mal-kapaċità matul l-investigazzjoni tar-rieżami ta’ skadenza preċedenti u nnotat żieda sostanzjali. Filwaqt li l-kapaċità tal-produzzjoni ġiet stmata għal bejn 42 000 u 50 000 tunnellata matul ir-rieżami ta’ skadenza preċedenti, hija stmata għal 90 000 tunnellata matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami tal-investigazzjoni kurrenti. Dan jirriżulta f’żieda ta’ aktar minn 80 %, minkejja kapaċità ta’ riżerva diġà eżistenti ta’ bejn 12 000 u 20 000 matul ir-rieżami ta’ skadenza preċedenti, mingħajr ebda indikazzjoni li tali kapaċità miżjuda tista’ tiġi assorbita mis-suq domestiku Ċiniż, jew minn kwalunkwe suq ta’ pajjiż terz. Din is-sitwazzjoni fl-aħħar mill-aħħar se twassal għal kapaċità ta’ riżerva saħansitra akbar li tista’ tiġi diretta lejn is-suq tal-Unjoni.

(152)

Il-Kummissjoni nnotat ukoll kapaċitajiet ta’ riżerva sostanzjali fit-tweġibiet tal-produtturi esportaturi Ċiniżi għall-eżerċizzju tal-kampjunar. It-tliet produtturi esportaturi rrapportaw b’kollox volum ta’ produzzjoni ta’ 13 500 tunnellata matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, meta mqabbel ma’ kapaċità ta’ produzzjoni totali ta’ 17 800 tunnellata. Dan jirriżulta f’kapaċità ta’ riżerva ta’ 30 %.

(153)

L-eċċess fil-kapaċitajiet tal-produzzjoni huwa inċentiv biex titkompla l-esportazzjoni bi prezzijiet li huma l-oġġett ta’ dumping. Huwa ċar li l-esportaturi Ċiniżi jridu jisfruttaw il-possibbiltajiet eżistenti kollha biex iżidu l-produzzjoni biex jibbenefikaw bis-sħiħ mill-investimenti sinifikanti li għamlu fil-kapaċitajiet installati. L-aktar mod ovvju huwa li jiġi ppenetrat kwalunkwe suq miftuħ madwar id-dinja u x’aktarx bi prezzijiet li huma l-oġġett ta’ dumping bħalma għadu l-każ fl-investigazzjoni kurrenti.

(154)

Abbażi tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-produtturi esportaturi Ċiniżi għandhom kapaċitajiet ta’ riżerva sinifikanti, li x’aktarx jintużaw għall-esportazzjoni tal-karbur tat-tungstenu bi prezzijiet oġġett ta’ dumping lejn l-Unjoni jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

4.2.   Riżervi tal-minerali tat-tungstenu u t-taxxa fuq l-esportazzjoni fuq il-konċentrat tat-tungstenu

(155)

Ir-RPĊ tikkontrolla aktar minn 55 % tar-riżervi tal-minerali tat-tungstenu (105) fid-dinja u, fl-istess ħin, timponi taxxa fuq l-esportazzjoni ta’ 20 % fuq il-konċentrat tat-tungstenu (106). Din ir-restrizzjoni twassal għal disponibbiltà għolja ta’ materja prima fis-suq Ċiniż, li tippermetti lill-produtturi esportaturi Ċiniżi jimlew malajr il-kapaċità ta’ riżerva tagħhom imsemmija fil-premessa (151).

4.3.   Attraenza tas-suq tal-Unjoni u l-prezzijiet ta’ esportazzjoni lejn pajjiżi terzi

(156)

Il-Kummissjoni eżaminat jekk huwiex probabbli li l-produtturi esportaturi Ċiniżi jżidu l-bejgħ għall-esportazzjoni tagħhom bi prezzijiet oġġett ta’ dumping jekk il-miżuri jitħallew jiskadu. Għalhekk, il-Kummissjoni eżaminat il-livell tal-prezzijiet tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn swieq ta’ pajjiżi terzi u qabblithom mal-livell tal-prezzijiet tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Unjoni. Il-volumi tal-esportazzjoni Ċiniżi u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni ġew stabbiliti abbażi tal-fatti disponibbli f’konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku u abbażi tad-data u l-informazzjoni tal-GTA fit-talba.

(157)

Il-Kummissjoni użat id-data mill-bażi tad-data tal-GTA u ffukat fuq it-tliet swieq prinċipali tal-esportazzjoni għaċ-Ċina, jiġifieri l-Ġappun, il-Korea t’Isfel, u l-Istati Uniti, li jirrappreżentaw madwar 75 % tal-esportazzjonijiet totali tar-RPĊ. Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, il-prezz medju tal-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Unjoni ta’ prodotti li jaqgħu taħt il-Kodiċi tal-Komodità Ċiniż 2849 9020 kien f’livell simili għall-prezz medju tal-esportazzjonijiet lejn it-tliet swieq prinċipali ta’ pajjiż terz. Madankollu, meta wieħed iħares lejn il-livell tal-pajjiż, il-prezzijiet tal-esportazzjoni Ċiniżi lejn il-Ġermanja kienu ogħla mill-prezz tal-esportazzjoni Ċiniż lejn il-Korea t’Isfel u l-prezz tal-esportazzjoni Ċiniż lejn in-Netherlands kien ogħla mill-prezz tal-esportazzjoni Ċiniż lejn il-Ġappun. Dan juri li ċerti swieq fl-Unjoni jħallu aktar qligħ minn tnejn mill-aqwa tliet swieq tal-esportazzjoni Ċiniżi għall-prodott ikkonċernat. Il-Kummissjoni ma qisitx l-esportazzjonijiet Ċiniżi skont il-Kodiċi tal-Komodità Ċiniż 3824 3000 matul l-analiżi, peress li tista’ tinkludi wkoll prodotti għajr il-prodott ikkonċernat u għalhekk il-prezz medju ma jkunx biss għall-karbur tat-tungstenu.

(158)

Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, Zhangyuan Tungsten, Xianglu Tungsten u Golden Egret sostnew li l-Kummissjoni injorat l-informazzjoni pprovduta minnhom rigward l-iżvilupp tal-esportazzjonijiet Ċiniżi tal-karbur tat-tungstenu lejn pajjiżi terzi oħra abbażi tal-Mappa Kummerċjali tal-ITC (107). Huma tennew li abbażi ta’ din id-data, l-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn pajjiżi terzi oħra, aktar milli l-esportazzjonijiet lejn is-suq tal-Unjoni, kienu se jkomplu jiżdiedu. Zhangyuan Tungsten, Xianglu Tungsten u Golden Egret sostnew li l-Kummissjoni ma spjegatx għaliex din l-informazzjoni ġiet injorata.

(159)

Huwa ċċarat li l-Kummissjoni ma injoratx id-data pprovduta mill-Mappa Kummerċjali tal-ITC inkwantu tali. Kif spjegat fil-premessa (157), il-Kummissjoni użat id-data mill-bażi tad-data tal-GTA, li bħall-Mappa Kummerċjali tal-ITC uriet li s-swieq ewlenin tal-esportazzjoni għaċ-Ċina kienu l-Ġappun u l-Korea t’Isfel u li kien hemm xejra dejjem tikber ta’ esportazzjonijiet lejn dawn is-swieq bejn l-2019 u l-2021. Madankollu, il-Kummissjoni ma qablitx mal-konklużjoni li din ix-xejra neċessarjament kompliet fil-futur sal-punt li setgħet tassorbi l-kapaċitajiet ta’ riżerva għoljin disponibbli fiċ-Ċina. Zhangyuan Tungsten, Xianglu Tungsten u Golden Egret ma pprovdew l-ebda evidenza li ssostni din l-allegazzjoni u injoraw is-sejbiet tal-Kummissjoni li s-suq tal-Unjoni jkun suq attraenti għall-esportazzjonijiet Ċiniżi jekk il-miżuri jitħallew jiskadu. Għalhekk, minħabba l-kapaċità għolja ta’ riżerva fiċ-Ċina, huwa probabbli ħafna li parti kbira minnha tkun diretta lejn l-Unjoni, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu. L-istess jgħodd għall-konsum li allegatament qiegħed jiżdied fiċ-Ċina. Il-produttur esportatur ma pprovda l-ebda evidenza tal-konsum attwali fiċ-Ċina jew li d-domanda domestika tal-futur x’aktarx li tassorbi l-kapaċità ta’ riżerva sinifikanti fiċ-Ċina. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(160)

Fil-kummenti tagħhom wara d-divulgazzjoni finali, Zhangyuan Tungsten, Xianglu Tungsten u Golden Egret ma qablux mal-konklużjoni tal-Kummissjoni fil-premessa (157) li l-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn ċerti pajjiżi fl-Unjoni dehru li jħallu aktar qligħ mill-prezzijiet lejn l-aqwa żewġ swieq esportaturi Ċiniżi. Huma argumentaw li kull suq għandu sitwazzjoni kompetittiva differenti, filwaqt li l-prezzijiet jirriflettu x-xejriet tad-domanda u l-provvista.

(161)

Huwa minnu li l-prezzijiet huma affettwati mid-domanda u l-provvista f’ċertu suq. Madankollu, din il-konklużjoni ma ġabitx fix-xejn il-fatt li l-prezzijiet f’ċerti pajjiżi fl-Unjoni huma ogħla meta mqabbla ma’ dawk fis-swieq tal-esportazzjoni Ċiniżi ewlenin u li s-suq tal-Unjoni, b’mod partikolari s-suq ta’ ċerti Stati Membri, apparagun, huwa għalhekk suq aktar attraenti. Għalhekk, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(162)

Huwa mfakkar li l-karbur tat-tungstenu jirrappreżenta prodott intermedju importanti għal għadd kbir ta’ setturi fl-Unjoni, inklużi prodotti tal-kura personali u karti għall-magni, il-karozzi tal-linji ferrovjarji, għall-ferroviji u l-ajruplani u għalhekk jirrappreżenta parti integrali mill-katina tal-valur industrijali fl-Unjoni. L-importanza tal-karbur tat-tungstenu tindika potenzjal kbir tas-suq għall-produtturi esportaturi Ċiniżi. Ta’ min jinnota li, anki bil-miżuri fis-seħħ, l-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Unjoni komplew bi prezzijiet oġġett ta’ dumping.

(163)

Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq u b’kunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-livell tal-prezzijiet tal-esportazzjoni Ċiniżi lejn l-Unjoni meta mqabbla ma’ swieq oħra tal-esportazzjoni u r-rwol ewlieni tal-karbur tat-tungstenu f’ħafna setturi tas-suq intern, minn dan isegwi li l-esportaturi Ċiniżi jkollhom inċentiv qawwi biex ikomplu jesportaw bi prezzijiet li jkunu l-oġġett ta’ dumping lejn l-Unjoni jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, meta jitqies ukoll li swieq oħra tal-esportazzjoni ma jkunux jistgħu jassorbu l-ammont sinifikanti ta’ karbur tat-tungstenu Ċiniż.

4.4.   Konklużjoni

(164)

Meta titqies il-kapaċità ta’ riżerva sinifikanti fir-RPĊ u filwaqt li titqies l-evidenza dwar l-attraenza tas-suq tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li jekk il-miżuri jiskadu, ikun probabbli li l-produtturi esportaturi Ċiniżi jattivaw il-kapaċità ta’ riżerva u saħansitra aktarx li jdawru l-esportazzjonijiet minn pajjiżi terzi lejn is-suq tal-Unjoni bi prezzijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u f’volumi sinifikanti.

(165)

Fid-dawl tas-sejbiet tagħha dwar il-kontinwazzjoni tad-dumping matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u dwar l-iżvilupp probabbli tal-esportazzjonijiet jekk il-miżuri jiskadu, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm probabbiltà kbira li l-iskadenza tal-miżuri anti-dumping fuq l-importazzjonijiet mir-RPĊ tirriżulta fil-kontinwazzjoni tad-dumping.

5.   DANNU

5.1.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni

(166)

Il-prodott simili kien manifatturat minn disa’ produtturi, li jappartjenu għal seba’ gruppi, fl-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Minn dawn, seba’ produtturi jipproduċu u jbigħu fis-suq ħieles u ż-żewġ produtturi li jifdal jipproduċu l-karbur tat-tungstenu prinċipalment bħala input għall-prodotti downstream tagħhom (“użu kaptiv”). Dawn jikkostitwixxu l-“industrija tal-Unjoni” skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku.

(167)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami kienet stabbilita għal 17 026 tunnellata. Il-Kummissjoni stabbiliet din iċ-ċifra abbażi tal-makrodata vverifikata fit-tweġiba għall-kwestjonarju pprovduta mill-applikanti. Kif indikat fil-premessa (41), intgħażlu tliet produtturi tal-Unjoni fil-kampjun, li jirrappreżentaw aktar minn 69 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-prodott simili.

(168)

Zhangyuan Tungsten, Xianglu Tungsten u Golden Egret argumentaw li peress li l-industrija tal-Unjoni kienet magħmula minn żewġ segmenti tas-suq (jiġifieri verġni u riċiklaġġ) u li peress li diversi produtturi tar-riċiklaġġ inkluż assoċjazzjoni kkooperaw fl-investigazzjoni u kienu kontra t-tneħħija tal-miżuri, il-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq żewġ analiżijiet separati tad-dannu, waħda għal kull segment.

(169)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni fakkret li skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku, id-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni tirreferi għall-prodott simili. Wara li stabbiliet fil-premessa (61) li l-prodott simili jikkorrispondi għad-definizzjoni tal-prodott taħt rieżami, il-Kummissjoni nnotat li l-prodott simili manifatturat permezz tal-produzzjoni verġni u l-prodott simili manifatturat permezz tar-riċiklaġġ għandhom karatteristiċi fiżiċi u kimiċi identiċi u l-istess użu. L-unika differenza tagħhom hija l-materja prima: filwaqt li għall-produzzjoni verġni hija l-mineral tat-tungstenu jew il-prodotti intermedji sussegwenti (konċentrat tat-tungstenu, APT, ossidu tat-tungstenu), għall-produzzjoni mir-riċiklaġġ, il-materja prima hija ruttam derivat minn għodod tal-metall iebes użati li jinkorporaw il-karbur tat-tungstenu. Il-prodott finali huwa eżattament l-istess. L-allegati segmenti tas-suq ibbażati fuq id-differenza fil-proċess tal-produzzjoni u l-materja prima ma jikkorrispondux għad-differenzi fl-output. Għalhekk, ma kien hemm l-ebda raġuni għas-segmentar tas-suq u għat-twettiq ta’ analiżijiet differenti tad-dannu. Konsegwentement, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(170)

Fil-kummenti tagħhom dwar id-divulgazzjoni finali, Zhangyuan Tungsten, Xianglu Tungsten u Golden Egret tennew il-kummenti tagħhom iddikjarati fil-premessa (168), jiġifieri li l-industrija tal-Unjoni tkun magħmula minn żewġ segmenti tas-suq (jiġifieri verġni u riċiklaġġ) u li l-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq żewġ analiżijiet separati tad-dannu, wieħed għal kull segment. B’mod partikolari, huma argumentaw li d-differenza fil-materja prima għall-proċessi tal-produzzjoni verġni u tar-riċiklaġġ kellha effett fuq il-kostijiet u l-indikaturi finanzjarji u xorta tista’ tiġġustifika segmentazzjoni tas-suq, anki jekk il-karbur tat-tungstenu manifatturat permezz tal-produzzjoni verġni u l-karbur tat-tungstenu manifatturat permezz tar-riċiklaġġ huma prodotti simili. Huma talbu wkoll aktar dettalji dwar l-impatt li l-kost tal-materja prima rispettiva kellu fuq iż-żewġ proċessi ta’ produzzjoni.

(171)

Madankollu, id-differenza fil-materja prima ma kinitx tikkorrispondi għal differenza fl-output u, għalhekk, segmentazzjoni tas-suq bejn il-produzzjoni verġni u dik tar-riċiklaġġ ma kinitx iġġustifikata. L-indikaturi finanzjarji ppreżentati fit-Taqsima 5.5 jinkludu ż-żewġ proċessi ta’ produzzjoni. Għaldaqstant, din l-affermazzjoni ma ntlaqgħetx.

5.2.   Konsum tal-Unjoni

(172)

Kif imsemmi fil-premessa (166), uħud mill-produtturi tal-Unjoni qegħdin primarjament jipproduċu l-prodott taħt rieżami għall-użu kaptiv bħala materja prima primarja għall-produzzjoni ta’ bosta prodotti downstream u għalhekk il-konsum tas-suq kaptiv u ta’ dak ħieles ġew analizzati b’mod separat.

(173)

Id-distinzjoni bejn is-suq kaptiv u s-suq ħieles hija rilevanti għall-analiżi tad-dannu minħabba li l-prodotti maħsuba għal użu kaptiv ma humiex esposti għal kompetizzjoni diretta mill-importazzjonijiet. Għall-kuntrarju, il-produzzjoni destinata għas-suq ħieles hija f’kompetizzjoni diretta mal-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami u l-prezzijiet huma prezzijiet tas-suq ħieles.

(174)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-konsum totali tal-Unjoni (suq kaptiv u ħieles) abbażi tal-makrodata vverifikata fit-tweġiba għall-kwestjonarju pprovduta mill-applikanti (għall-bejgħ totali tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni) u tad-data tal-Eurostat (għall-importazzjonijiet fl-Unjoni). Id-data dwar il-konsum totali tal-Unjoni hija ppreżentata f’firxiet fit-tabella ta’ hawn taħt biex tiġi protetta l-kunfidenzjalità tad-data dwar il-konsum kaptiv, li matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni kienet ġejja mill-attività ta’ żewġ produtturi biss tal-Unjoni, kif irrapportat fil-premessa (180).

(175)

Il-konsum tal-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 2

Konsum tal-Unjoni (tunnellati)

 

2018

2019

2020

Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

Konsum totali tal-Unjoni

[14 875 -18 465 ]

[11 439 -14 200 ]

[10 586 -13 141 ]

[14 458 -17 948 ]

Indiċi

100

77

71

97

Sors:

Data mill-applikanti u mill-Eurostat

(176)

Il-konsum tal-Unjoni naqas b’29 % bejn l-2018 u l-2020 u mbagħad żdied b’37 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami meta mqabbel mal-2020. Kumplessivament, matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni l-konsum tal-Unjoni naqas bi 3 %.

(177)

Ix-xejra tal-konsum tal-Unjoni rriżultat mill-fatt li, skont l-applikanti, fl-2018, id-domanda tal-Unjoni għall-prodott taħt rieżami kienet ogħla mill-medja fuq perjodu ta’ żmien medju sa twil tal-industrija. Fil-fatt, il-konsum tal-Unjoni fl-2018 kien l-ogħla livell tax-xejra dejjem tiżdied fil-konsum osservata fir-rieżami ta’ skadenza preċedenti (108). Wara ż-żieda fil-konsum fl-2018, id-domanda tal-Unjoni mbagħad naqset fl-2019 b’23 %. Fl-2020, ir-restrizzjonijiet imposti fir-rigward tal-pandemija tal-COVID-19 wasslu għal tnaqqis ulterjuri, għalkemm temporanju, fid-domanda għall-prodott taħt rieżami. B’mod partikolari, diversi utenti ewlenin tal-prodott taħt rieżami, b’mod partikolari l-operaturi fis-setturi tal-kostruzzjoni u tal-karozzi, kellhom inaqqsu jew jagħlqu temporanjament il-produzzjoni tagħhom. Fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, id-domanda bdiet tirkupra f’konformità mat-tnaqqis tal-miżuri relatati mal-pandemija tal-COVID-19. Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, is-suq tal-Unjoni bbenefika mill-irkupru tad-domanda kif ukoll mill-istokkjar mill-ġdid. F’dan ir-rigward, l-applikanti rrapportaw li kwistjonijiet loġistiċi u tal-katina tal-provvista (bħal nuqqas ta’ kontejners u dewmien fil-portijiet) wasslu għal tħassib dwar is-sigurtà tal-provvista u b’hekk wasslu għal tiftix ta’ sorsi ta’ provvista addizzjonali fil-forma ta’ kumulazzjoni ta’ riżerva jew stokk ta’ riżerva. Madankollu, il-konsum tal-Unjoni ma laħaqx il-livelli ta’ qabel il-pandemija.

(178)

Abbażi tal-makrodata vverifikata fit-tweġiba għall-kwestjonarju pprovduta mill-applikanti għall-attività kollha tal-industrija tal-Unjoni (swieq kaptivi u ħielsa), il-Kummissjoni ddeterminat li madwar [8 - 10] % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami kienet destinata għal użu kaptiv.

(179)

Barra minn hekk, fis-suq ħieles l-industrija tal-Unjoni tipproduċi taħt ftehimiet normali (l-industrija tal-Unjoni tixtri l-materja prima) u taħt ftehimiet ta’ tolling (il-klijent tal-karbur tat-tungstenu jibqa’ l-proprjetarju tal-materja prima u jħallas tariffa tal-ipproċessar lill-produtturi tal-Unjoni għall-konverżjoni tal-materja prima f’karbur tat-tungstenu). Il-ftehimiet ta’ tolling jintużaw għall-attivitajiet ta’ riċiklaġġ billi l-klijenti jfornu r-ruttam lill-industrija tal-Unjoni għall-ipproċessar. Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, 96 % tal-volum totali tal-produzzjoni ġie manifatturat taħt ftehimiet normali, filwaqt li l-bqija tal-produzzjoni (4 %) ġiet manifatturata taħt ftehimiet ta’ tolling.

5.2.1.   Konsum kaptiv

(180)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-konsum kaptiv tal-Unjoni abbażi tal-użu kaptiv fis-suq tal-Unjoni tal-produtturi kollha magħrufa fl-Unjoni. Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, żewġ produtturi tal-Unjoni biss kellhom użu kaptiv, għalhekk id-data fit-tabella ta’ hawn taħt hija ppreżentata f’firxiet sabiex tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità tad-data tal-produtturi tal-Unjoni kkonċernati. Fuq din il-bażi, il-konsum kaptiv tal-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 3

Konsum kaptiv (tunnellati)

 

2018

2019

2020

Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

Konsum kaptiv

[1 417 -1 759 ]

[1 154 -1 433 ]

[1 189 -1 476 ]

[1 321 -1 639 ]

Indiċi

100

81

84

93

Sors:

Data mill-applikanti

(181)

Il-konsum kaptiv tal-Unjoni naqas b’16 % bejn l-2018 u l-2020 u sussegwentement żdied bi 11 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami meta mqabbel mal-2020. Kumplessivament, matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni l-konsum kaptiv tal-Unjoni naqas b’7 %.

(182)

Il-konsum kaptiv tal-Unjoni wera xejra kemxejn differenti meta mqabbel mal-konsum ġenerali tal-Unjoni. Fil-fatt, il-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt iżgħar fuq il-konsum intern tal-produtturi tal-Unjoni, li wera żieda żgħira fl-2020 meta mqabbel mal-2019.

5.2.2.   Konsum tas-suq ħieles

(183)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-konsum tas-suq ħieles tal-Unjoni fuq il-bażi ta’: (a) il-volum tal-bejgħ ħieles fl-Unjoni tal-produtturi magħrufa kollha tal-Unjoni, u (b) il-volumi totali tal-importazzjoni fl-Unjoni kif irrapportati mill-Eurostat. Fuq din il-bażi, il-konsum tas-suq ħieles tal-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 4

Konsum tas-suq ħieles (tunnellati)

 

2018

2019

2020

Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

Suq ħieles

15 468

11 822

10 800

15 101

Indiċi

100

76

70

98

Sors:

Data mill-applikanti u mill-Eurostat

(184)

Il-konsum tas-suq ħieles tal-Unjoni naqas bi 30 % bejn l-2018 u l-2020 u mbagħad żdied b’40 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami meta mqabbel mal-2020. Kumplessivament, matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni l-konsum tas-suq ħieles tal-Unjoni naqas bi 2 %.

(185)

Ix-xejra tal-konsum tas-suq ħieles tal-Unjoni segwiet ix-xejra ġenerali tal-konsum tal-Unjoni.

5.3.   Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

5.3.1.   Volum u s-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(186)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-volum tal-importazzjonijiet abbażi tad-data tal-Eurostat. Barra minn hekk, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet ġie stabbilit abbażi tad-data dwar l-importazzjoni mill-Eurostat u l-konsum tal-Unjoni. L-importazzjonijiet lejn l-Unjoni mill-pajjiż ikkonċernat żviluppaw kif ġej:

Tabella 5

Volum u sehem mis-suq tal-importazzjonijiet

 

2018

2019

2020

Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

Volum tal-importazzjonijiet miċ-Ċina (tunnellati)

718

462

294

336

Indiċi

100

64

41

47

Sehem mis-suq (%)

4,6

3,9

2,7

2,2

Indiċi

100

85

55

45

Sors:

Eurostat u data mill-applikanti

(187)

L-importazzjonijiet miċ-Ċina naqsu b’59 % bejn l-2018 u l-2020 u mbagħad żdiedu b’14 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami meta mqabbla mal-2020. Kumplessivament, matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, l-importazzjonijiet miċ-Ċina naqsu bi 53 %.

(188)

Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi naqas bi 2,4 punti perċentwali matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(189)

L-importazzjonijiet miċ-Ċina segwew ix-xejra tad-domanda tal-Unjoni. il-livelli tal-2021 ma laħqux il-livelli tal-2018, u lanqas il-livelli tal-2019. Skont l-applikant, l-irkupru fl-importazzjonijiet fl-2021 ma kienx laħaq volumi ogħla minħabba diversi fatturi: (i) ir-restrizzjonijiet kontinwi li jaffettwaw il-ktajjen tal-provvista u t-tbaħħir miċ-Ċina, u (ii) it-tħassib tal-utenti dwar is-sigurtà tal-provvista tal-kunsinni miċ-Ċina. Ix-xejra tal-ishma mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi minflok hija konsistentement ’l isfel, minkejja li l-prezzijiet tal-importazzjoni tnaqqsu b’mod konsistenti, kif muri fit-Tabella 7, minħabba li fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami l-konsum tal-Unjoni żdied b’daqs ogħla mill-volum tal-importazzjonijiet Ċiniżi.

5.3.2.    Reġimi ta’ importazzjoni

(190)

Il-prodott ikkonċernat ġie importat miċ-Ċina kemm taħt ir-reġim normali tal-importazzjoni kif ukoll taħt l-IPP, kif muri hawn taħt:

Tabella 6

Il-volum tal-importazzjoni u s-sehem mis-suq għal kull reġim ta’ importazzjoni

 

2018

2019

2020

Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

Reġim normali tal-importazzjoni

Volum tal-importazzjonijiet miċ-Ċina (tunnellati)

33

16

33

38

Indiċi

100

50

100

116

Sehem mis-suq (%)

0,2

0,1

0,3

0,3

Indiċi

100

65

146

120

IPP

Volum tal-importazzjonijiet miċ-Ċina (tunnellati)

685

446

261

298

Indiċi

100

65

38

44

Sehem mis-suq (%)

4,4

3,7

2,4

2,0

Indiċi

100

85

55

45

Sors:

Eurostat u data mill-applikanti

(191)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, kważi l-importazzjonijiet kollha miċ-Ċina saru skont l-IPP. L-importazzjonijiet taħt l-IPP naqsu bi 62 % bejn l-2018 u l-2020 u mbagħad żdiedu b’14 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami meta mqabbla mal-2020. Kumplessivament, l-importazzjonijiet skont l-IPP miċ-Ċina naqsu b’56 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. L-importazzjonijiet miċ-Ċina taħt ir-reġim normali tal-importazzjoni kienu negliġibbli matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, u jammontaw għal firxa ta’ bejn 0,1 % u 0,3 % tas-sehem mis-suq.

(192)

L-importazzjonijiet skont l-IPP miċ-Ċina segwew ix-xejra ġenerali tal-importazzjonijiet miċ-Ċina u kienu jirriflettu x-xejra tal-konsum tal-Unjoni. L-importazzjonijiet taħt reġim normali diġà wrew żieda fl-2020 iżda l-volum tagħhom ma influwenzax ix-xejra ġenerali tal-importazzjonijiet miċ-Ċina minħabba l-volum negliġibbli tagħhom.

5.3.3.   Prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat u t-twaqqigħ tal-prezz

(193)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-prezzijiet tal-importazzjonijiet miċ-Ċina abbażi tad-data tal-Eurostat. Billi l-volumi ta’ importazzjonijiet mir-RPĊ skont ir-reġim normali tal-importazzjoni kienu negliġibbli, dawn kienu injorati fid-determinazzjoni tal-prezz medju ta’ importazzjoni kif ukoll fil-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz. It-twaqqigħ tal-prezz tal-importazzjonijiet ġie stabbilit abbażi tat-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u tad-data tal-Eurostat.

(194)

Il-prezz medju ponderat tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 7

Prezzijiet tal-importazzjoni għall-IPP (EUR/ tunnellata)

 

2018

2019

2020

Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

Il-medja ponderata tal-prezzijiet tal-importazzjoni Ċiniżi

36 957

36 159

32 086

30 864

Indiċi

100

98

87

84

Sors:

Eurostat

(195)

Il-prezz medju tal-prodott ikkonċernat importat skont l-IPP, kumplessivament, naqas b’16 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(196)

Il-Kummissjoni, minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-produtturi esportaturi Ċiniżi, ma setgħetx tivverifika r-raġunijiet għal din ix-xejra. Madankollu, hija nnotat li x-xejra ta’ tnaqqis kienet konsistenti matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(197)

Fuq il-bażi tal-informazzjoni provduta mill-utenti li kkooperaw u r-reġimi ta’ importazzjoni użati għall-importazzjonijiet mir-RPĊ, l-importazzjonijiet kollha mir-RPĊ tal-prodott taħt rieżami saru taħt ftehimiet normali ddefiniti fil-premessa (32). Għalhekk, u għall-fini ta’ tqabbil ġust, fil-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz, il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni magħmul skont il-ftehimiet ta’ tolling ġie injorat. Barra minn hekk, kif issemmi fil-premessa (191), l-importazzjonijiet taħt reġim normali kienu negliġibbli matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni u għaldaqstant, ġew injorati. Għalhekk, il-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz kien ibbażat fuq il-prezzijiet ta’ importazzjonijiet taħt l-IPP biss. Barra minn hekk, il-kalkolu qies il-fatt li t-trab taż-żingu riġenerat ma kienx importat mir-RPĊ matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u għalhekk kien eskluż.

(198)

Il-Kummissjoni ddeterminat it-twaqqigħ tal-prezz matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami billi qabblet:

il-prezzijiet medji ponderati tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun mitluba lil klijenti mhux relatati fis-suq tal-Unjoni skont ftehimiet normali u eskluż it-trab taż-żingu riġenerat, aġġustati għal livell ex-works; u

l-prezzijiet medji ponderati korrispondenti tal-importazzjonijiet mill-Eurostat skont l-IPP, b’aġġustamenti xierqa għall-kostijiet ta’ wara l-importazzjoni. Dawn il-prezzijiet kienu ħielsa mid-dazji doganali u anti-dumping.

(199)

Ir-riżultat tat-tqabbil ġie espress bħala perċentwal tal-fatturat tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Dan wera marġni ta’ tnaqqis medju ponderat ta’ 7 % mill-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat fis-suq tal-Unjoni.

5.4.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi għajr ir-RPĊ

(200)

L-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami minn pajjiżi terzi għajr ir-RPĊ kienu prinċipalment mill-Istati Uniti tal-Amerka (“USA”), mill-Korea t’Isfel u mill-Indja. Il-kwantità u x-xejra tal-prezz huma bbażati fuq l-Eurostat u jkopru r-reġimi kollha ta’ importazzjoni (ir-reġim normali, il-proċedura ta’ proċessar attiv u l-proċedura ta’ proċessar passiv). Il-maġġoranza tal-volum ta’ importazzjoni minn pajjiżi terzi hija importata taħt ir-reġim normali.

(201)

Il-volum (aggregat) tal-importazzjonijiet fl-Unjoni, kif ukoll is-sehem mis-suq u x-xejriet tal-prezzijiet għall-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami minn pajjiżi terzi oħrajn żviluppaw kif ġej:

Tabella 8

Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi minbarra r-RPĊ

Pajjiż

 

2018

2019

2020

Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

L-Istati Uniti tal-Amerka

Volum (tunnellati)

1 042

659

304

429

Indiċi

100

63

29

41

Sehem mis-suq (%)

6,7

5,6

2,8

2,8

Indiċi

100

83

42

42

Prezz medju (EUR/tunnellata)

34 843

41 222

41 990

40 099

Indiċi

100

118

121

115

Il-Korea t’Isfel

Volum (tunnellati)

288

228

231

280

Indiċi

100

79

80

97

Sehem mis-suq (%)

1,9

1,9

2,1

1,9

Indiċi

100

100

115

100

Prezz medju (EUR/tunnellata)

40 857

37 445

31 415

35 076

Indiċi

100

92

77

86

L-Indja

Volum (tunnellati)

161

213

225

250

Indiċi

100

132

100

95

Sehem mis-suq (%)

1,0

1,8

2,1

1,7

Indiċi

100

173

200

159

Prezz medju (EUR/tunnellata)

26 562

27 834

28 347

25 921

Indiċi

100

105

107

98

Oħrajn (minbarra ċ-Ċina)

Volum (tunnellati)

877

578

564

573

Indiċi

100

66

64

65

Sehem mis-suq (%)

5,7

4,9

5,2

3,8

Indiċi

100

86

92

67

Prezz medju (EUR/tunnellata)

33 468

34 748

29 423

30 627

Indiċi

100

104

88

92

Total tal-pajjiżi terzi kollha minbarra ċ-Ċina

Volum (tunnellati)

2 368

1 678

1 323

1 531

Indiċi

100

71

56

65

Sehem mis-suq (%)

15,3

14,2

12,3

10,1

Indiċi

100

93

80

66

Prezz medju (EUR/tunnellata)

34 501

36 777

32 473

33 323

Indiċi

100

107

94

97

Sors:

Eurostat u data mill-applikanti

(202)

L-importazzjonijiet totali mill-pajjiżi terzi kollha minbarra ċ-Ċina naqsu b’44 % bejn l-2018 u l-2020 u mbagħad żdiedu b’16 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami meta mqabbla mal-2020. Kumplessivament, l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi għajr iċ-Ċina naqsu b’35 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Ix-xejra tagħhom segwiet ix-xejra ġenerali tal-konsum tal-Unjoni. Is-sehem mis-suq ta’ dawn l-importazzjonijiet naqas minn 15,3 % fl-2018 għal 10,1 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami filwaqt li l-prezzijiet tal-importazzjoni naqsu bi 3 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(203)

L-importazzjonijiet mill-Indja ma segwewx din ix-xejra ġenerali u żdiedu bi ftit matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, iżda xorta baqgħu f’livell aktar baxx mill-importazzjonijiet Ċiniżi fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Is-sehem mis-suq tagħhom naqas b’0,4 punti perċentwali bejn l-2020 u l-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, filwaqt li b’mod ġenerali, żdied b’0,7 punti perċentwali matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Bħala medja, il-prezzijiet medji tal-importazzjoni mill-Indja kienu aktar baxxi mill-prezzijiet tal-importazzjoni Ċiniżi matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Il-livell baxx tal-prezzijiet tal-importazzjoni mill-Indja jista’ jiġi spjegat mill-fatt li ċertu volum ta’ importazzjonijiet mill-Indja kien fil-fatt bejgħ relatat bejn produttur Indjan tal-karbur tat-tungstenu u utent tal-Unjoni, it-tnejn li huma relatati ma’ produttur tal-Unjoni, u għalhekk x’aktarx li dawn kienu prezzijiet ta’ distakkament. Ma hemm l-ebda produttur magħruf ieħor tal-karbur tat-tungstenu fl-Indja.

5.5.   Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

5.5.1.   Kummenti ġenerali

(204)

Il-valutazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni kienet tinkludi evalwazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi kollha li influwenzaw l-istat tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(205)

Kif imsemmi fil-premessa (41), il-kampjunar intuża għall-valutazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

(206)

Sabiex tiddetermina d-dannu, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn l-indikaturi tad-dannu makroekonomiċi u dawk mikroekonomiċi. Il-Kummissjoni evalwat l-indikaturi makroekonomiċi fuq il-bażi tad-data inkluża fit-tweġiba għall-kwestjonarju mogħtija mill-applikanti u relatata mal-produtturi kollha tal-Unjoni. Il-Kummissjoni vvalutat l-indikaturi makroekonomiċi abbażi tad-data inkluża fit-tweġibiet verifikati għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun. Iż-żewġ settijiet ta’ data nstabu li kienu rappreżentattivi tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.

(207)

L-indikaturi makroekonomiċi huma: il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-volum tal-bejgħ, is-sehem mis-suq, it-tkabbir, l-impjiegi, il-produttività, id-daqs tal-marġni tad-dumping u l-irkupru minn dumping tal-passat.

(208)

L-indikaturi mikroekonomiċi huma: il-prezzijiet medji tal-bejgħ, il-kost unitarju, il-kostijiet lavorattivi, l-inventarji, il-profittabbiltà, il-fluss ta’ flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti, u l-kapaċità li jiġi ġenerat il-kapital.

5.5.2.   Indikaturi makroekonomiċi

5.5.2.1.   Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità

(209)

Il-produzzjoni totali tal-Unjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 9

Il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità

 

2018

2019

2020

Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

Volum tal-produzzjoni (tunnellati)

17 980

13 470

11 976

17 026

Indiċi

100

75

67

95

Kapaċità tal-produzzjoni (tunnellati)

22 850

22 850

22 845

23 215

Indiċi

100

100

100

102

Użu tal-kapaċità (%)

79

59

52

73

Indiċi

100

75

67

93

Sors:

Data mill-applikanti

(210)

Id-data fit-tabella ta’ hawn fuq tinkludi kemm il-produzzjoni taħt ftehimiet normali kif ukoll taħt ftehimiet ta’ tolling, għall-prodotti verġni u tar-riċiklaġġ.

(211)

Il-volum tal-produzzjoni naqas bi 33 % bejn l-2018 u l-2020 u mbagħad żdied bi 42 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami meta mqabbel mal-2020. B’mod ġenerali, tul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-volum tal-produzzjoni naqas b’5 %.

(212)

Ix-xejra tal-produzzjoni segwiet ix-xejra fil-konsum. Minbarra r-rimarki fil-premessa (177), il-Kummissjoni nnotat li fl-2020 ċerti produtturi tal-Unjoni waqqfu kompletament il-produzzjoni għal xi perjodi.

(213)

Il-kapaċità tal-produzzjoni baqgħet kważi stabbli bejn l-2018 u l-2020 u sussegwentement żdiedet bi 2 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami meta mqabbla mal-2020. Kumplessivament, il-kapaċità tal-produzzjoni żdiedet bi 2 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(214)

Ix-xejra fil-kapaċità tal-produzzjoni hija dovuta għall-fatt li matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-produtturi tal-Unjoni investew f’espansjonijiet żgħar tal-kapaċità, speċjalment il-kapaċità ta’ riċiklaġġ, li mmaterjalizzat fl-2021. Barra minn hekk, il-kapaċità tiddependi fuq it-taħlita ta’ gradi prodotti: hija meħtieġa aktar kapaċità biex jiġu prodotti ħbub ta’ daqs aħrax, filwaqt li hija meħtieġa inqas kapaċità biex jiġu prodotti ħbub aktar fini.

(215)

Ir-rata tal-użu tal-kapaċità naqset bi 33 % bejn l-2018 u l-2020 u mbagħad żdiedet b’40 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami meta mqabbla mal-2020. B’mod ġenerali, ir-rata tal-użu tal-kapaċità naqset b’7 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(216)

Il-Kummissjoni nnotat li l-kapaċità ta’ riżerva tal-industrija tal-Unjoni ma kinitx tikkorrispondi sempliċiment għad-differenza bejn il-produzzjoni u l-kapaċità tal-produzzjoni. Tabilħaqq, prodotti oħra rriżultaw mill-passi differenti tal-produzzjoni qabel it-trasformazzjoni finali tat-trab tal-metall tat-tungstenu fil-karbur tat-tungstenu, b’mod partikolari: APT, ossidu tat-tungstenu, trab tal-metall tat-tungstenu. Għalhekk, skont il-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti u skont il-kunsiderazzjonijiet kummerċjali, ċerta parti tal-kapaċità dejjem tiġi allokata għal dawn il-prodotti l-oħra. Għalhekk, il-kapaċità ta’ riżerva li tirriżulta mid-data fit-Tabella 9 hija kemxejn esaġerata.

5.5.2.2.   Volum tal-bejgħ u sehem mis-suq

(217)

Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 10

Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq

 

2018

2019

2020

Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

Volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni (tunnellati)

12 383

9 681

9 183

13 234

Indiċi

100

78

74

107

Sehem mis-suq (%)

80,1

81,9

85,0

87,6

Indiċi

100

102

106

109

Sors:

Eurostat u data mill-applikanti

(218)

Il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni naqas b’26 % bejn l-2018 u l-2020 u mbagħad żdied b’44 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami meta mqabbel mal-2020. Kumplessivament, il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni żdied b’7 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(219)

Is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni żdied b’7,5 punti perċentwali matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, u laħaq 87,6 % matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(220)

Ix-xejra tal-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni segwiet ix-xejra tal-konsum tal-Unjoni kif iddikjarat fil-premessa (177). Madankollu, il-volum tal-bejgħ fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami kien ogħla milli fl-2018, għall-kuntrarju tal-konsum u l-produzzjoni tal-Unjoni, fejn il-livelli fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami kienu kemxejn taħt il-livelli fl-2018. Dan jista’ jkun dovut għall-fattur iddikjarat fil-premessa (189) li l-utenti kienu kkonċernati mit-tfixkil fil-katina tal-provvista marbut mal-provvisti minn barra l-pajjiż, u għalhekk ippreferew jixtru mill-industrija tal-Unjoni. Tabilħaqq, l-industrija tal-Unjoni żiedet is-sehem mis-suq tagħha matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, filwaqt li l-importazzjonijiet Ċiniżi u l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi għajr iċ-Ċina naqqsu s-sehem mis-suq tagħhom.

(221)

Fis-suq ħieles tal-Unjoni, 3 % tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni kien ġej mit-tolling u 97 % mill-ftehimiet normali.

5.5.2.3.   Tkabbir

(222)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, l-industrija tal-Unjoni tal-prodott simili kważi reġgħet kisbet il-livelli ta’ produzzjoni tagħha tal-2018 u żiedet il-bejgħ tagħha fl-Unjoni u n-numru ta’ impjegati. Il-produzzjoni u l-bejgħ segwew ix-xejra tal-konsum tal-Unjoni, li fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami kważi reġa’ kiseb il-livelli tiegħu tal-2018. Barra minn hekk, iż-żieda fin-numru ta’ impjegati bejn l-2020 u l-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami segwiet il-konsum irkuprat. Kif spjegat fil-premessa (189), fatturi bħal kwistjonijiet loġistiċi u t-tħassib tal-utenti dwar is-sigurtà tal-provvista kienu jiffavorixxu x-xiri mill-industrija tal-Unjoni meta mqabbla mal-importazzjoni minn pajjiż terz fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. B’konsegwenza ta’ dan, is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żdied b’7,5 punti perċentwali matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(223)

Madankollu, il-produzzjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami kienet għadha taħt il-livelli tal-2018 u l-investimenti tal-industrija tal-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami xorta baqgħu lura b’21 % mil-livell tal-2018. Meta wieħed iqis ukoll it-tnaqqis fil-profittabbiltà u fil-fluss tal-flus, dan wera li s-sitwazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni għadha trid titjieb.

5.5.2.4.   Impjiegi u produttività

(224)

L-impjiegi u l-produttività żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 11

L-impjiegi u l-produttività

 

2018

2019

2020

Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

Numru ta’ impjegati (FTE)

984

987

987

1 015

Indiċi

100

100

100

103

Produttività (tunnellati/impjegat)

18

14

12

17

Indiċi

100

75

66

92

Sors:

Data mill-applikanti

(225)

L-għadd ta’ impjegati fl-industrija tal-Unjoni żdied bi ftit b’0,3 % bejn l-2018 u l-2019, baqa’ stabbli fl-2020 u mbagħad żdied bi 3 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami meta mqabbel mal-2020. Kumplessivament, in-numru ta’ impjegati fl-industrija tal-Unjoni żdied bi 3 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(226)

Filwaqt li ż-żieda fin-numru ta’ impjegati bejn l-2020 u l-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami segwiet il-konsum tal-Unjoni, in-numru stabbli ta’ impjegati bejn l-2019 u l-2020 kien dovut għal miżuri ta’ appoġġ mill-gvern minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

(227)

B’riżultat tat-tnaqqis fil-produzzjoni bejn l-2018 u l-2020, il-produttività naqset bi 33 % bejn l-2018 u l-2020. Imbagħad, bħala riżultat taż-żieda fil-produzzjoni bejn l-2020 u l-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u minkejja ż-żieda fl-impjegati fl-istess perjodu, il-produttività żdiedet bi 42 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami meta mqabbla mal-2020. Kumplessivament, bħala riżultat tat-tnaqqis żgħir ġenerali fil-produzzjoni matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-produttività naqset b’6 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

5.5.2.5.   Daqs tal-marġni tad-dumping u rkupru minn dumping fil-passat

(228)

Il-marġni tad-dumping stabbilit matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami kien ferm ogħla mil-livell de minimis. Fl-istess ħin, il-livell tal-importazzjonijiet matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami kien jirrappreżenta 2,2 % tal-konsum tas-suq ħieles tal-Unjoni. Għalhekk, l-impatt tad-daqs tal-marġni attwali tad-dumping fuq l-industrija tal-Unjoni kien pjuttost limitat.

5.5.3.   Indikaturi mikroekonomiċi

5.5.3.1.   Prezzijiet u fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet

(229)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-prezzijiet medji ponderati tal-bejgħ ta’ unità tal-industrija tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni kemm għal ftehimiet normali kif ukoll għal ftehimiet ta’ tolling, aġġustati għal livell ex-works , żviluppaw kif ġej:

Tabella 12

Il-prezzijiet tal-bejgħ u l-kost tal-produzzjoni fl-Unjoni (ftehimiet normali u ta’ tolling) (EUR/tunnellata)

 

2018

2019

2020

Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

Prezz medju peżat tal-bejgħ għal kull unità fl-Unjoni

34 663

31 560

28 933

30 015

Indiċi

100

91

83

87

Kost unitarju tal-produzzjoni

29 172

29 692

26 787

26 862

Indiċi

100

102

92

92

Sors:

Tweġibiet għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

(230)

Il-prezz medju tal-bejgħ ta’ unità kemm għal ftehimiet normali kif ukoll għal ftehimiet ta’ tolling tal-industrija tal-Unjoni naqas bi 17 % bejn l-2018 u l-2020 u mbagħad żdied b’4 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami meta mqabbel mal-2020. Kumplessivament, il-prezz medju tal-bejgħ għal kull unità naqas bi 13 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(231)

Il-prezz medju tal-bejgħ għal kull unità tal-industrija tal-Unjoni segwa x-xejra tal-konsum. Barra minn hekk, din segwiet ukoll ix-xejra tal-prezz tal-materja prima prinċipali għall-prodott simili, jiġifieri, l-APT, li l-prezz tiegħu naqas bejn l-2018 u l-2020 u mbagħad żdied fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami meta mqabbel mal-2020.

(232)

Il-kost unitarju tal-produzzjoni kemm għal ftehimiet normali kif ukoll għal ftehimiet ta’ tolling tal-industrija tal-Unjoni żdied bi ftit bi 2 % bejn l-2018 u l-2019, imbagħad naqas b’10 % bejn l-2019 u l-2020 u sussegwentement reġa’ żdied b’0,3 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami meta mqabbel mal-2020. B’mod ġenerali, il-kost unitarju tal-produzzjoni naqas b’8 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(233)

Iż-żieda fil-kost unitarju tal-produzzjoni bejn l-2018 u l-2019 kienet ir-riżultat ta’ produzzjoni aktar baxxa, filwaqt li t-tnaqqis bejn l-2019 u l-2020 kien ir-riżultat ta’ tnaqqis fil-kost tal-materja prima.

(234)

Barra minn hekk, għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-twaqqigħ tal-prezz irrapportat fil-premessa (199), il-Kummissjoni użat il-prezzijiet medji ponderati tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni biss skont ftehimiet normali, minbarra t-trab taż-żingu riġenerat, aġġustati għal livell ex-works, billi l-importazzjonijiet kollha mir-RPĊ saru taħt ftehimiet normali. Abbażi ta’ dan, matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, kienu biss żewġ produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun li setgħu jitqiesu għat-twaqqigħ tal-prezz, għalhekk id-data fit-tabella ta’ hawn taħt hija ppreżentata f’firxiet sabiex tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità taċ-ċifri tal-produtturi tal-Unjoni kkonċernati. Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, ix-xejra tagħhom żviluppat kif ġej:

Tabella 13

Il-prezzijiet ta’ bejgħ taħt ftehimiet normali fl-Unjoni (EUR/tunnellata)

 

2018

2019

2020

Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

Prezz medju peżat tal-bejgħ għal kull unità fl-Unjoni taħt ftehimiet normali

[29 188 – 42 160 ]

[28 441 – 41 081 ]

[24 928 – 36 007 ]

[26 808 – 38 722 ]

Indiċi

100

97

85

92

Il-kost unitarju tal-produzzjoni taħt ftehimiet normali

[25 996 – 37 550 ]

[28 339 – 40 935 ]

[24 193 – 34 946 ]

[24 080 – 34 783 ]

Indiċi

100

109

93

93

Sors:

Tweġibiet għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

(235)

Il-prezz medju tal-bejgħ ta’ unità tal-industrija tal-Unjoni taħt ftehimiet normali naqas bi 15 % bejn l-2018 u l-2020 u mbagħad żdied bi 8 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami meta mqabbel mal-2020. Kumplessivament, il-prezz medju tal-bejgħ ta’ unità taħt ftehimiet normali naqas bi 8 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(236)

Il-kost unitarju tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni taħt ftehimiet normali żdied b’9 % bejn l-2018 u l-2019 u mbagħad naqas bi 15 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami meta mqabbel mal-2019. Kumplessivament, il-kost unitarju tal-produzzjoni taħt ftehimiet normali naqas b’7 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

5.5.3.2.   Kostijiet lavorattivi

(237)

Il-kostijiet lavorattivi medji tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 14

Il-kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat

 

2018

2019

2020

Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

Il-kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat (EUR)

80 168

82 390

75 923

83 832

Indiċi

100

103

95

105

Sors:

Tweġibiet għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

(238)

Il-kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat tal-industrija tal-Unjoni żdiedu bi ftit bi 3 % bejn l-2018 u l-2019, imbagħad naqsu bi 11 % bejn l-2019 u l-2020 u sussegwentement reġgħu żdiedu b’10 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami meta mqabbla mal-2020. Kumplessivament, il-kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat żdiedu bi ftit b’5 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(239)

It-tnaqqis fil-kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat tal-industrija tal-Unjoni bejn l-2019 u l-2020 minkejja l-istabbiltà tan-numru ta’ impjegati kien dovut għal miżuri ta’ appoġġ mill-gvern minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Iż-żieda bejn il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u l-2020, kienet dovuta għal aġġustamenti fl-inflazzjoni, ir-reklutaġġ ta’ professjonisti tar-R&Ż u primjums tal-produzzjoni.

5.5.3.3.   Inventarji

(240)

Il-livelli tal-istokkijiet tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 15

L-inventarji

 

2018

2019

2020

Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

Stokks tal-għeluq (tunnellati)

922

740

1 009

1 049

Indiċi

100

80

109

114

L-istokkijiet tal-għeluq bħala perċentwal tal-produzzjoni (%)

5

5

8

6

Indiċi

100

107

164

120

Sors:

Tweġibiet għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

(241)

Il-livell ta’ inventarji tal-industrija tal-Unjoni naqas b’20 % bejn l-2019 u l-2018 u mbagħad żdied bi 42 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami meta mqabbel mal-2019. Kumplessivament, il-livell tal-inventarji żdied b’14 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(242)

Il-livell għoli ta’ inventarji tal-industrija tal-Unjoni fl-2020 segwa l-konsum baxx, filwaqt li l-livell għoli ta’ inventarji fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami kien jirrifletti ż-żieda fil-produzzjoni.

5.5.3.4.   Profittabbiltà, fluss ta’ flus, investimenti, redditu fuq l-investimenti u kapaċità li jiġi ġenerat kapital

(243)

Il-profittabbiltà, il-fluss ta’ flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni:

Tabella 16

Il-profittabbiltà, il-fluss ta’ flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti

 

2018

2019

2020

Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami

Il-profittabbiltà tal-bejgħ fl-Unjoni lil klijenti mhux relatati (% tal-fatturat mill-bejgħ)

11,5

6,5

2,0

7,7

Indiċi

100

56

17

67

Fluss tal-flus (EUR)

42 601 601

36 752 500

14 507 327

36 754 191

Indiċi

100

92

59

79

Investimenti (EUR)

13 364 299

12 282 221

7 843 646

10 537 497

Indiċi

100

92

59

79

Redditu fuq l-investimenti (%)

65

22

9

38

Indiċi

100

34

14

59

Sors:

Tweġibiet għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

(244)

Il-Kummissjoni stabbiliet il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni billi esprimiet il-profitt gross qabel it-taxxa (ikkalkulat bħala d-differenza bejn il-fatturat u l-kost tal-merkanzija mibjugħa) tal-bejgħ kollu tal-prodott simili lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni bħala perċentwal mill-fatturat ta’ dak il-bejgħ. L-industrija tal-Unjoni kienet qiegħda tagħmel profitt matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, b’rata ta’ profittabbiltà li tvarja. B’mod partikolari, il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni naqset bi 83 % bejn l-2018 u l-2020 u mbagħad żdiedet b’285 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami meta mqabbla mal-2020. Kumplessivament, il-profittabbiltà naqset bi 33 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

(245)

Bejn l-2019 u l-2021 il-profittabbiltà kienet aktar baxxa mill-profitt fil-mira ta’ 10 % stabbilit fir-rieżami ta’ skadenza preċedenti (109). L-industrija hija kkaratterizzata minn perċentwal għoli ta’ kostijiet fissi marbuta mal-proċess ta’ produzzjoni peress li l-fran ma jistgħux jingħalqu. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li profitt fil-mira ta’ mill-inqas 10 % kien għadu validu u fil-fatt miksub matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, fl-2018.

(246)

Il-fluss ta’ flus nett huwa l-kapaċità tal-produtturi tal-Unjoni li jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom stess. Ix-xejra fil-fluss tal-flus nett uriet tnaqqis ta’ 66 % bejn l-2018 u l-2020 u mbagħad żieda ta’ 153 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami meta mqabbla mal-2020. Kumplessivament, il-fluss tal-flus nett naqas b’14 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Il-fluss tal-flus nett segwa x-xejra tal-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni.

(247)

L-investimenti tal-industrija tal-Unjoni naqsu b’41 % bejn l-2018 u l-2020 u mbagħad żdiedu b’34 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami meta mqabbla mal-2020. Kumplessivament, tul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni l-investimenti naqsu b’21 %. Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, l-investimenti tal-industrija tal-Unjoni qabżu t- EUR 43 miljun. Saru investimenti biex jittejjeb il-proċess tar-riċiklaġġ bi proċess ta’ produzzjoni ġdid, biex jittejbu l-kapaċitajiet tal-produzzjoni u tar-R&Ż għal prodotti tal-ħbub aktar fini u biex jiġu żviluppati kapaċitajiet addizzjonali ta’ materja prima sabiex tonqos id-dipendenza fuq fornituri ta’ materja prima minn pajjiżi terzi. L-investimenti għall-espansjoni tal-kapaċità tal-produzzjoni saru prinċipalment fl-2018 u fl-2019 u wrew l-effett tagħhom fl-2021, kif irrapportat fit-Tabella 9. Saru wkoll investimenti għal fran ġodda ta’ teknoloġija avvanzata u sabiex tiġi ffrankata l-enerġija.

(248)

Ir-redditu fuq l-investimenti huwa l-profitt f’perċentwal tal-valur kontabilistiku nett tal-investimenti. Ir-redditu fuq l-investimenti tal-industrija tal-Unjoni kien pożittiv matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. Ir-redditu fuq l-investimenti tal-industrija tal-Unjoni wera tnaqqis ta’ 86 % bejn l-2018 u l-2020 u mbagħad żieda ta’ 322 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami meta mqabbel mal-2020. Kumplessivament, ir-redditu fuq l-investimenti naqas bi 42 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni.

5.6.   Konklużjoni dwar id-dannu

(249)

Minħabba d-dazji anti-dumping fis-seħħ, is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni qed titjieb.

(250)

Matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, l-importazzjonijiet miċ-Ċina naqsu bi 53 %. B’mod partikolari, l-importazzjonijiet skont l-IPP miċ-Ċina naqsu b’56 %. Madankollu, anki l-prezz tal-importazzjonijiet skont l-IPP miċ-Ċina naqas matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, b’16 %.

(251)

Il-prezz tal-importazzjoni miċ-Ċina skont l-IPP kien kemxejn ogħla mill-prezzijiet tal-Unjoni matul il-perjodu tal-2018 u l-2020 (3 % fl-2018, 3 % fl-2019 u 4 % fl-2020). Dan jispjega għaliex il-volum tal-importazzjoni miċ-Ċina naqas b’mod konsistenti fl-istess perjodu bejn l-2018 u l-2020. Madankollu, fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, il-prezzijiet Ċiniżi tal-IPP saru 7 % inqas mill-prezzijiet tal-Unjoni. Dan ikkoinċida ma’ żieda fil-volum tal-importazzjoni miċ-Ċina b’14 % fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami meta mqabbel mal-2020.

(252)

Il-volum tal-bejgħ, is-sehem mis-suq u l-għadd ta’ impjegati żdiedu b’mod ġenerali matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni peress li l-industrija tal-Unjoni rnexxielha ssegwi żieda fil-konsum.

(253)

Madankollu, il-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità wrew tnaqqis żgħir kumplessiv.

(254)

L-indikaturi tad-dannu relatati mal-prestazzjoni finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni (il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti) kienu pożittivi matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni, minkejja li kollha kellhom xejra ġenerali ta’ tnaqqis.

(255)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni ma sofrietx dannu materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

6.   PROBABBILTÀ TA’ RIKORRENZA TA’ DANNU

(256)

Fil-premessa (255), il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni ma ġarrbitx dannu materjali matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Għalhekk, il-Kummissjoni vvalutat, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, jekk ikunx hemm probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu kkawżat oriġinarjament mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping miċ-Ċina f’każ li l-miżuri jitħallew jiskadu.

(257)

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni eżaminat (i) il-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċitajiet ta’ riżerva fiċ-Ċina, (ii) l-attraenza tas-suq tal-Unjoni, (iii) il-livelli tal-prezzijiet probabbli tal-importazzjonijiet miċ-Ċina fin-nuqqas ta’ miżuri anti-dumping, u (iv) l-impatt probabbli tagħhom fuq l-industrija tal-Unjoni.

Kapaċità tal-produzzjoni u kapaċitajiet ta’ riżerva fiċ-Ċina

(258)

Kif spjegat fil-premessi (147)-(154), iċ-Ċina għandha kapaċità ta’ produzzjoni sinifikanti għall-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat ta’ madwar 90 000 tunnellata u kapaċità ta’ riżerva ta’ [56 000 – 60 000] tunnellata. Tali kapaċità ta’ riżerva tikkorrispondi għal aktar minn 3,5 darbiet il-konsum tas-suq ħieles tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

Attraenza tas-suq tal-Unjoni

(259)

Fin-nuqqas ta’ miżuri anti-dumping, il-kapaċità ta’ riżerva x’aktarx tintuża għall-produzzjoni għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, peress li hija suq attraenti għall-produtturi esportaturi Ċiniżi kif deskritt fil-premessi (156)-(163). Lanqas ma hemm indikazzjonijiet li se jkun hemm żieda fid-domanda għall-prodott taħt rieżami fis-swieq ta’ pajjiżi terzi u tar-RPĊ, filwaqt li l-konsum fl-Unjoni wera rkupru qawwi mill-2020. Għalhekk, l-importazzjonijiet mir-RPĊ x’aktarx jerġgħu jidħlu fis-suq tal-Unjoni fi kwantitajiet sinifikanti jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

Livelli ta’ prezzijiet probabbli tal-importazzjonijiet Ċiniżi lejn is-suq tal-Unjoni

(260)

Bħala indikazzjoni tal-livell tal-prezz li fih huwa probabbli li l-prodott ikkonċernat se jiġi importat fis-suq tal-Unjoni jekk il-miżuri jitħassru, ġew ikkunsidrati l-prezzijiet tal-importazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Kif stabbilit fil-premessa (191), kważi l-importazzjonijiet kollha fl-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami saru skont ir-reġim tal-IPP. Fuq din il-bażi, il-prezzijiet tal-IPP mingħajr dazji anti-dumping u bid-dazji doganali inklużi, xorta jwaqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni b’medja ta’ 2 %. Għalhekk, peress li l-prezzijiet tal-importazzjoni Ċiniżi baqgħu aktar baxxi mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, huwa probabbli li l-importazzjonijiet Ċiniżi jiżdiedu mingħajr il-miżuri kurrenti.

Impatt fuq l-industrija tal-Unjoni

(261)

Minħabba l-kapaċitajiet ta’ riżerva kbar, huwa probabbli li l-volumi tal-importazzjonijiet Ċiniżi se jiżdiedu b’mod sinifikanti u se jeżerċitaw pressjoni sinifikanti fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni. F’dan ix-xenarju huwa probabbli ħafna li l-industrija tal-Unjoni ma tkunx tista’ żżomm il-livelli tal-prezzijiet kurrenti tagħha iżda tkun sfurzata tnaqqas il-prezzijiet tagħha biex tallinjahom mal-prezzijiet tal-importazzjoni Ċiniżi.

(262)

Għalkemm l-industrija tal-Unjoni x’aktarx li tibqa’ profittabbli meta tallinja l-prezzijiet tagħha bi 2 %, tali livell ta’ profittabbiltà ma jkunx sostenibbli fit-terminu medju u qasir, minħabba li jkun (fil-biċċa l-kbira) taħt il-profitt fil-mira ta’ 10 %. Madankollu, dan ix-xenarju ma jnaqqasx it-telf tal-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni li x’aktarx iseħħ jekk il-miżuri jintemmu kif spjegat fil-premessa (163). Fil-fatt, l-industrija tal-Unjoni teħtieġ ċertu livell ta’ profitti biex tkun tista’ tibqa’ tinvesti biex ittejjeb il-proċess tal-manifattura tar-riċiklaġġ, meta jitqiesu d-diffikultajiet fl-akkwist ta’ materja prima verġni, biex ittejjeb kontinwament il-kapaċitajiet tal-produzzjoni u tar-R&Ż għal prodotti tal-ħbub aktar fini, u biex tiżviluppa kapaċitajiet addizzjonali ta’ materja prima sabiex wieħed jiddependi inqas fuq fornituri ta’ materja prima minn pajjiżi terzi.

(263)

Il-Kummissjoni qieset ukoll li l-produtturi esportaturi Ċiniżi jistgħu jnaqqsu l-prezzijiet tagħhom lill-Unjoni, filwaqt li xorta jbigħu ’l fuq minn dan il-livell tal-prezzijiet lil pajjiżi terzi oħra. Abbażi tal-kapaċitajiet ta’ riżerva sinifikanti fiċ-Ċina u l-fatt li l-investigazzjoni ma żvelat l-ebda evidenza li turi li dawk il-kapaċitajiet ta’ riżerva jistgħu jiġu assorbiti minn swieq ta’ pajjiżi terzi oħrajn jew mis-suq domestiku Ċiniż, hemm inċentiv għoli għall-produtturi esportaturi Ċiniżi biex inaqqsu l-livelli tal-prezzijiet saħansitra aktar (jiġifieri, taħt il-prezzijiet tal-IPP) sabiex jiksbu sehem mis-suq fl-Unjoni. Dan se jkun possibbli minħabba li, kif iddikjarat fil-premessa (155), iċ-Ċina tikkontrolla 60 % tar-riżervi tal-minerali tat-tungstenu tad-dinja u, fl-istess ħin, timponi taxxa fuq l-esportazzjoni ta’ 20 % fuq il-konċentrat tat-tungstenu. Barra minn hekk, il-prezzijiet Ċiniżi mill-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami jinkludu wkoll żieda temporanja fil-kostijiet tan-nol marittimu minħabba t-tfixkil fil-katina tal-provvista kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19. F’dan ix-xenarju, il-volumi għoljin ta’ karbur tat-tungstenu rħis se jeżerċitaw pressjoni sinifikanti fuq il-prezzijiet fuq l-industrija tal-Unjoni, li se jkollha tkompli tnaqqas il-prezzijiet tagħha biex xorta tkun tista’ tbigħ fis-suq tal-Unjoni. Madankollu, fl-istess ħin, l-industrija tal-Unjoni se titlef ukoll volumi ta’ bejgħ billi mhux se tkun tista’ tnaqqas il-prezzijiet tagħha għall-istess livell baxx bħall-prezzijiet tal-esportazzjoni Ċiniżi. Għalhekk, l-industrija tal-Unjoni se tirreaġixxi b’taħlita ta’ strateġiji fil-forma ta’ tnaqqis fil-prezz u fil-volum.

(264)

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni qieset żewġ fatturi prinċipali. L-ewwel nett, l-industrija tal-Unjoni hija intensiva fl-użu tal-kapital ikkaratterizzata minn kostijiet fissi għoljin peress li l-fran ma jistgħux jingħalqu. It-tieni, minħabba din l-istruttura tal-kostijiet, it-tnaqqis fil-prezzijiet għandu impatt ogħla fuq il-profittabbiltà mit-tnaqqis fil-volum tal-bejgħ, peress li tnaqqis fil-volum tal-bejgħ jista’ jiġi assorbit sakemm jiġu koperti l-kostijiet fissi.

(265)

F’dan l-isfond, bħal fir-rieżami ta’ skadenza preċedenti (110), l-ewwel nett, il-Kummissjoni analizzat ix-xenarju ta’ tnaqqis fil-volum tal-bejgħ ta’ 25 %. Dan ix-xenarju x’aktarx li jseħħ fuq perjodu ta’ żmien qasir. Fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, tali tnaqqis jammonta għal 4 250 tunnellata jew biss [10 - 13] % tal-kapaċità ta’ riżerva Ċiniża. Fir-rispons l-aktar probabbli tal-industrija tal-Unjoni ta’ taħlita ta’ tnaqqis fil-prezz u fil-volum, l-industrija tal-Unjoni kienet tibda tagħmel telf (diġà qed tagħmel telf ta’ 2 % meta jiġi kkalkolat abbażi tal-prezzijiet tal-IPP) fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.

(266)

It-tieni, il-Kummissjoni analizzat ix-xenarju ta’ tnaqqis fil-volum tal-bejgħ ta’ 50 %. Dan ix-xenarju x’aktarx li jseħħ fit-terminu medju (2-3 snin) speċjalment fl-applikazzjonijiet ta’ prodotti ta’ grad oħxon u b’anqas valur miżjud, fejn l-utenti jkunu mġiegħla jixtru l-prodott ikkonċernat orħos minflok il-prodott simili. Fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, tali tnaqqis jammonta għal 8 500 tunnellata jew [21 - 26] % tal-kapaċitajiet ta’ riżerva Ċiniżi. F’każ ta’ rispons imħallat tat-tnaqqis fil-prezz u fil-volum, l-industrija tal-Unjoni kienet tibda tagħmel telf (diġà qed tagħmel telf ta’ 16 % meta jiġi kkalkolat abbażi tal-prezzijiet tal-IPP).

(267)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, tnaqqis fil-prezz tal-bejgħ sal-livell taħt il-prezz tal-importazzjoni tal-IPP mill-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, flimkien ma’ tnaqqis fil-volumi tal-bejgħ, se jittrasformaw l-industrija tal-Unjoni f’industrija li tagħmel telf. Fuq terminu ta’ żmien medju, huwa probabbli li l-produtturi tal-Unjoni integrati li ma humiex downstream se jiġu mġiegħla jillikwidaw in-negozju tagħhom billi se jiġu esposti direttament fis-suq ħieles għall-pressjoni ’l isfel fuq il-prezzijiet tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping bi prezz baxx miċ-Ċina. Minflok, il-produtturi integrati downstream tal-Unjoni se jkomplu jbigħu l-karbur tat-tungstenu lil utenti relatati bi prezzijiet aktar baxxi. Fuq perjodu ta’ żmien itwal, huwa probabbli li anki l-produtturi tal-Unjoni integrati downstream se jwaqqfu l-attività tagħhom minħabba li ma jkunux jistgħu jikkompetu ma’ din il-pressjoni fit-tul, billi l-utenti relatati tagħhom se jagħżlu li jixtru l-karbur tat-tungstenu miċ-Ċina wkoll.

(268)

Abbażi ta’ dan, ġie konkluż li n-nuqqas ta’ miżuri x’aktarx li jirriżulta f’żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mir-RPĊ bi prezzijiet dannużi u li x’aktarx jerġa’ jseħħ dannu materjali.

(269)

Fil-kummenti tagħhom għad-divulgazzjoni finali, Zhangyuan Tungsten, Xianglu Tungsten u Golden Egret sostnew li fid-dawl tat-tkabbir pożittiv kumplessiv tal-industrija tal-Unjoni, minn naħa waħda u l-prezzijiet tal-importazzjoni, il-kwantità tal-importazzjoni kif ukoll is-sehem mis-suq tal-esportaturi Ċiniżi fis-suq tal-Unjoni min-naħa l-oħra, il-konklużjoni tal-Kummissjoni ta’ probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu ma tidhirx li kienet appoġġata mill-evidenza.

(270)

Il-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu kienet ibbażata fuq l-elementi ppreżentati fil-premessi (257) sa (267) bħal (i) il-kapaċità tal-produzzjoni u l-kapaċitajiet ta’ riżerva fiċ-Ċina, (ii) l-attraenza tas-suq tal-Unjoni, (iii) il-livelli tal-prezzijiet probabbli tal-importazzjonijiet miċ-Ċina fin-nuqqas ta’ miżuri anti-dumping, u (iv) l-impatt probabbli tagħhom fuq l-industrija tal-Unjoni u għalhekk mhux fuq l-elementi ssuġġeriti minn Zhangyuan Tungsten, Xianglu Tungsten u Golden Egret. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(271)

Zhangyuan Tungsten, Xianglu Tungsten u Golden Egret sostnew ukoll li aktar minn tliet deċennji ta’ protezzjoni taw l-impressjoni li l-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu tidher bħala li teżisti kontinwament għall-industrija tal-Unjoni.

(272)

Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din l-affermazzjoni. L-investigazzjoni attwali stabbiliet rikorrenza ta’ dannu bbażata fuq l-elementi ddikjarati fil-premessa (257). Jekk il-miżuri ilhomx fis-seħħ għal perjodu twil ta’ żmien ma għandux effett fuq l-analiżi tal-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu, li ssir fil-mument ta’ kull rieżami ta’ skadenza. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

7.   INTERESS TAL-UNJONI

(273)

F’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk iż-żamma tal-miżuri anti-dumping eżistenti tmurx b’mod ċar kontra l-interess tal-Unjoni b’mod ġenerali. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq evalwazzjoni tal-interessi varji kollha involuti, inklużi dawk tal-industrija tal-Unjoni, tal-importaturi, tal-utenti u tal-fornituri tal-materja prima. Il-partijiet ikkonċernati kollha ngħataw l-opportunità li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 21(2) tar-Regolament bażiku.

(274)

Fil-bidu, għandha tiġi nnotata l-importanza tal-prodott taħt rieżami għal għadd ta’ industriji fl-Unjoni. Il-karbur tat-tungstenu huwa essenzjali għall-produzzjoni ta’ magni, b’mod partikolari fis-setturi tal-karozzi u tal-avjazzjoni, għall-magni fis-settur tal-kostruzzjoni, b’mod partikolari għall-infrastruttura bħat-toroq, l-awtostradi u l-binarji tal-ferroviji, u għall-għodod tal-estrazzjoni u tat-tħaffir. Barra minn hekk, il-karbur tat-tungstenu jintuża f’applikazzjonijiet ta’ sigurtà u difiża. Dawn l-applikazzjonijiet kollha jissuġġerixxu li diversi ktajjen tal-valur jiddependu fuq il-provvista kontinwa u frekwenti ta’ partijiet tal-użu jew kisjiet tal-wiċċ magħmula mill-karbur tat-tungstenu biex iżommu l-magni u l-għodod jaħdmu.

(275)

Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi mfakkar li, fl-investigazzjonijiet preċedenti, kien meqjus li l-adozzjoni ta’ miżuri ma tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-fatt li din l-investigazzjoni hija rieżami ta’ skadenza, li b’hekk tanalizza sitwazzjoni li fiha l-miżuri anti-dumping diġà kienu fis-seħħ, jippermetti l-valutazzjoni ta’ kwalunkwe impatt negattiv mhux dovut fuq il-partijiet ikkonċernati mill-miżuri anti-dumping kurrenti.

(276)

Fuq din il-bażi, ġie eżaminat jekk, minkejja l-konklużjonijiet dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping u rikorrenza ta’ dannu, kienx hemm raġunijiet konvinċenti li jwasslu għall-konklużjoni li ma huwiex fl-interess tal-Unjoni li jinżammu l-miżuri f’dan il-każ partikolari.

7.1.   Interess tal-industrija tal-Unjoni

(277)

Kif imsemmi fil-premessa (166), matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, il-prodott simili kien manifatturat minn disa’ produtturi tal-Unjoni, li jappartjenu għal seba’ gruppi. Minn dawn, kien hemm sitt applikanti, li jappartjenu għal ħames gruppi. Barra minn hekk, Nashira Hardmetals S.r.l. (“Nashira”) ikkoopera bħala utent fl-investigazzjoni, minħabba l-prevalenza tal-użu tal-prodott taħt rieżami fuq il-produzzjoni tiegħu fl-attività tiegħu. Għalhekk, il-biċċa l-kbira tal-industrija tal-Unjoni pparteċipaw b’mod attiv fl-investigazzjoni.

(278)

Fid-dawl tal-konklużjonijiet dwar il-qagħda tal-industrija tal-Unjoni stabbiliti fil-premessi (249) sa (255), u skont l-argumenti relatati mal-analiżi tal-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dannu kif spjegat fil-premessi (256) sa (268), il-Kummissjoni kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni aktarx li tesperjenza deterjorament serju fil-qagħda finanzjarja tagħha f’każ li d-dazji anti-dumping jitħallew jiskadu. Il-miżuri huma ppruvati li jkunu essenzjali għaż-żamma ta’ produzzjoni tal-karbur tat-tungstenu fl-Unjoni, minħabba li l-industrija tal-Unjoni ma kinitx tkun tista’ tirreżisti l-pressjoni ta’ volumi kbar ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping tal-karbur tat-tungstenu mir-RPĊ, mibjugħ fis-suq tal-Unjoni f’livelli aktar baxxi mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni.

(279)

Huwa meqjus li l-kontinwazzjoni tal-miżuri tibbenefika lill-industrija tal-Unjoni, peress li l-miżuri kurrenti naqqsu l-kompetizzjoni diretta minn karbur tat-tungstenu bi prezz inġust miċ-Ċina. Dawn ippermettew lill-produtturi tal-karbur tat-tungstenu tal-Unjoni jinvestu b’mod intensiv biex jinnovaw il-proċess ta’ produzzjoni u biex iżidu l-kapaċitajiet tar-riċiklaġġ u tal-materja prima, sabiex titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet miċ-Ċina u biex jagħtu kontribut għall-ekonomija ċirkolari, inkorporata fl-aġenda tal-Patt Ekoloġiku Ewropew (111).

(280)

B’kuntrast, jekk il-miżuri jitħassru, dan probabbilment ikollu effett negattiv fuq l-industrija tal-Unjoni. Dan se jkun ta’ theddida serja għall-vijabbiltà tal-industrija tal-Unjoni li, b’konsegwenza ta’ dan, jista’ jkun li jkollha tagħlaq l-operazzjonijiet tagħha, u b’hekk jitnaqqsu s-sorsi ta’ forniment disponibbli fis-suq tal-Unjoni u l-kompetizzjoni. Jekk il-produtturi tal-Unjoni jwaqqfu l-produzzjoni tagħhom, il-produtturi tal-għodod tal-metall iebes u tal-partijiet tal-magni tal-Unjoni se jkunu prinċipalment dipendenti fuq l-importazzjonijiet ta’ materja prima minn pajjiżi terzi, u primarjament mir-RPĊ, li mhux biss hija l-produttur ewlieni tat-tungstenu fid-dinja iżda għandha wkoll il-maġġoranza tar-riżervi tad-dinja.

7.2.   Interess ta’ importaturi mhux relatati

(281)

L-ebda importatur ma kkoopera fl-investigazzjoni.

(282)

In-nuqqas ta’ kwalunkwe tweġiba jista’ jkun, kif indikat mill-applikanti fit-talba, minħabba li l-importaturi ġeneralment jinnegozjaw portafoll wiesa’ ta’ metalli u jkollhom sorsi alternattivi ta’ provvista ta’ karbur tat-tungstenu minbarra l-Unjoni u ċ-Ċina bħall-Iżrael, ir-Russja, il-Ġappun, il-Korea t’Isfel u l-Istati Uniti tal-Amerka.

(283)

F’konformità mas-sejbiet li saru fl-investigazzjonijiet preċedenti, ma kien hemm l-ebda evidenza li l-importaturi ma jkunux jistgħu jkomplu jakkwistaw il-provvisti tagħhom mir-RPĊ jew li kien hemm diffikultajiet importanti biex jinstabu sorsi oħra.

(284)

Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-importaturi ma għandhom l-ebda raġuni konvinċenti kontra ż-żamma tal-miżuri eżistenti.

7.3.   Interess tal-utenti

(285)

Fil-bidu, ġew ikkuntattjati 54 importatur/utent magħrufa u ngħataw link għall-kwestjonarju fuq is-sit web tal-Kummissjoni. Disgħa minn dawn l-utenti ppreżentaw ruħhom fil-limiti ta’ żmien mogħtija (inkluż, kif imsemmi fil-premessa (277), Nashira, li kienet qed tipproduċi wkoll volumi żgħar tal-prodott simili). Dawn użaw il-karbur tat-tungstenu, fost l-oħrajn, biex jimmanifatturaw il-karbur issimentat biex jipproduċu għodod tal-metall iebes għal industriji differenti bħall-industriji tal-karozzi, tal-makkinarju u ajruspazjali.

(286)

Waslu tweġibiet għall-kwestjonarju minn sebgħa minn dawn id-disa’ utenti (tlieta mis-sebgħa huma relatati).

(287)

10 utenti oħra ppreżentaw ruħhom qabel id-divulgazzjoni. Dawn l-utenti ddikjaraw il-pożizzjoni tagħhom dwar il-kontinwazzjoni tal-miżuri fis-seħħ iżda ma wieġbux għall-kwestjonarju. Barra minn hekk, utent ieħor iddikjara l-pożizzjoni tiegħu qabel id-divulgazzjoni iżda, billi ma kkonfermax jekk din kinitx kunfidenzjali u ma pprovdiex sommarju mhux kunfidenzjali tagħha, il-pożizzjoni tiegħu ma ġietx ikkunsidrata.

(288)

Fost is-seba’ utenti li wieġbu għall-kwestjonarju, ħamsa opponew il-kontinwazzjoni tal-miżuri: Betek, Gühring, Konrad Friedrichs u G-ELIT, u Höganäs Germany GmbH (‘Höganäs’). Min-naħa l-oħra, Nashira appoġġat il-kontinwazzjoni tal-miżuri, filwaqt li Saar-Hartmetall und Werkzeuge GmbH (“Saar-Hartmetall”), filwaqt li ġeneralment kienet favur il-miżuri anti-dumping, issottomettiet li, bħala kumpanija iżgħar, kienet qed iġġarrab aktar minn kumpaniji akbar minn miżuri anti-dumping.

(289)

Barra minn hekk, mill-10 utenti li għamlu l-pożizzjoni tagħhom magħrufa qabel id-divulgazzjoni iżda ma ssottomettewx tweġiba għall-kwestjonarju, sitta appoġġaw il-kontinwazzjoni tal-miżuri: Ceratizit Austria GmbH, Ceratizit Luxembourg S.à r.l., AB Sandvik Coromant, Seco Tools AB, Dormer Pramet s.r.o., u Hyperion Materials & Technologies (‘Hyperion’). Abbażi tal-informazzjoni pubblika, ħamsa minn dawn l-utenti kienu relatati mal-industrija tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, erbgħa opponew il-kontinwazzjoni tal-miżuri: Fabricación Metales Duros S.A.L., Atlas Diamant GmbH, Abitzsch Präzisionsnormteile GmbH u Oerlikon Metco WOKA GmbH.

(290)

Il-ħames utenti relatati mal-industrija tal-Unjoni ppreżentaw li t-tungstenu kien materja prima strateġika u l-karbur tat-tungstenu kien l-ingredjent bażiku għal għodod tal-metall iebes u partijiet tal-magni li ntużaw b’mod wiesa’ fis-setturi industrijali u tal-kostruzzjoni fl-Unjoni. Huma affermaw ukoll li peress li l-għodod u l-partijiet kienu oġġetti konsumabbli, provvista stabbli ta’ karbur tat-tungstenu biex jiġu prodotti għodod u partijiet ġodda tkun essenzjali għall-funzjonament ġenerali tal-katina tal-valur tal-industrija tal-Unjoni u l-ekonomija usa’ tal-Unjoni. Huma argumentaw li l-industrija tal-karbur tat-tungstenu tal-Unjoni kellha rwol ewlieni fl-iżgurar tal-istabbiltà tal-provvista.

(291)

Hyperion appoġġat ukoll il-kontinwazzjoni tal-miżuri minħabba r-rwol tal-industrija tal-Unjoni fl-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista lejn is-suq tal-Unjoni, minbarra kunsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà, ta’ ekonomija ċirkolari u ambjentali.

(292)

Saar-Hartmetall argumentat li, jekk il-miżuri jitħassru, fuq perjodu ta’ żmien qasir, l-utenti jibbenefikaw minn prezzijiet baxxi tal-importazzjoni miċ-Ċina u l-industrija tal-Unjoni titkeċċa mis-suq. Madankollu, fit-terminu medju sa twil, il-produtturi Ċiniżi tal-prodott ikkonċernat isiru dominanti fis-suq u jkunu jistgħu jistabbilixxu l-prezzijiet fl-Unjoni. Barra minn hekk, Hyperon sostniet li t-tnaqqis jew l-għeluq tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni jwasslu għal kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-provvista tal-karbur tat-tungstenu fis-suq tal-Unjoni. Kif uriet il-pandemija tal-COVID-19, it-tiftix ta’ sorsi ta’ provvista minn distanzi twal miċ-Ċina kien fraġli, u għalhekk it-tiftix ta’ sorsi ta’ provvista lokali fl-Unjoni jrid jibqa’ għażla vijabbli.

(293)

L-erba’ utenti li jopponu l-kontinwazzjoni tal-miżuri, li ma wieġbux għall-kwestjonarju, issottomettew li d-dazji anti-dumping fuq il-karbur tat-tungstenu jdgħajfu l-kompetittività globali tagħhom.

(294)

Betek, il-Grupp Gühring, Höganäs, Nashira u Saar-Hartmetall (“l-utenti li kkooperaw”) xtraw ammont tal-prodott taħt rieżami li jikkorrispondi għal 22,9 % tal-konsum tas-suq ħieles fl-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Huma xtraw il-prodott taħt rieżami mill-industrija tal-Unjoni, miċ-Ċina u minn pajjiżi terzi oħra. Il-biċċa l-kbira tal-importazzjonijiet tagħhom miċ-Ċina ġew importati skont l-IPP. Pajjiżi terzi oħra li jfornu l-karbur tat-tungstenu lill-utenti li kkooperaw matul il-perjodu ta’ investigazzjoni kienu jinkludu: l-Iżrael, ir-Russja, il-Ġappun u l-Vjetnam.

(295)

L-investigazzjoni żvelat li l-fatturat li jirriżulta mill-bejgħ ta’ prodotti li jinkorporaw il-karbur tat-tungstenu, għall-utenti li kkooperaw, kien jirrappreżenta bejn madwar 24 % u 100 % tal-fatturat totali tagħhom, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Xi wħud mill-utenti kienu parti minn gruppi integrati vertikalment u biegħu xi prodotti manifatturati lil kumpaniji oħra tal-grupp, filwaqt li oħrajn kienu entitajiet indipendenti. L-entitajiet indipendenti biegħu għodod tal-karbur issimentat kemm fis-suq tal-Unjoni kif ukoll barra mill-Unjoni. Għall-bejgħ barra mill-Unjoni, proporzjon sostanzjali tal-karbur tat-tungstenu użat bħala materja prima nxtara mir-RPĊ skont ir-reġim tal-IPP u għalhekk, ma tħallsu l-ebda dazji tal-importazzjoni.

(296)

L-utenti li kkooperaw kienu qed jimmanifatturaw varjetà kbira ta’ prodotti li tinkorpora l-prodott taħt rieżami. L-importanza tal-kostijiet tal-karbur tat-tungstenu varjat b’mod sinifikanti minn utent għal ieħor. Abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn utenti differenti, il-karbur tat-tungstenu kien jirrappreżenta bejn 13 % u 71 % tal-kostijiet tal-prodotti li jinkorporaw il-karbur tat-tungstenu, u bejn 7 % u 22 % tal-kostijiet totali tal-kumpanija għall-prodotti kollha prodotti. Xi utenti pprovdew ċifri tal-kostijiet għal tipi ta’ prodotti rappreżentattivi li għażlu, filwaqt li oħrajn ipprovdew kostijiet għall-kumpanija kollha. Għalhekk, din l-analiżi twettqet abbażi taċ-ċifri disponibbli għall-Kummissjoni għal kull wieħed miż-żewġ paraguni.

(297)

L-utenti li kkooperaw kienu ġeneralment profittabbli matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, kemm fil-livell tal-kumpanija totali kif ukoll għal prodotti li jinkorporaw il-prodott ikkonċernat. Il-profittabbiltà fil-livell tal-kumpanija kienet tirrappreżenta bejn 1 % u 7 % tal-fatturat totali, filwaqt li l-profittabbiltà tal-prodotti li jinkorporaw il-prodott taħt rieżami kienet tirrappreżenta bejn 3 % u 6 % tal-fatturat iġġenerat mill-bejgħ ta’ prodotti li jinkorporaw il-prodott taħt rieżami.

(298)

Wieħed mill-utenti li kkooperaw, Höganäs affermat li, minħabba l-miżuri anti-dumping fis-seħħ, kellha tikkompeti ma’ kumpaniji li jipproduċu prodotti lesti barra mill-Unjoni, b’aċċess għal materja prima orħos. B’riżultat ta’ dan, kellha taċċetta marġnijiet aktar baxxi mill-utenti f’pajjiżi terzi.

(299)

Il-Kummissjoni nnotat li l-investigazzjoni wriet, kif imfakkar fil-premessa (297), li l-utenti ġeneralment setgħu jiksbu xi profitt matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. F’dan l-isfond, l-argument li l-utenti f’pajjiżi oħra allegatament qed jiġġeneraw aktar profitti mill-utenti tal-Unjoni fih innifsu ma huwiex biżżejjed biex jiġi konkluż li l-miżuri huma b’mod ċar kontra l-interess tal-Unjoni. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(300)

Jekk il-miżuri jinżammu, il-Grupp Gühring, li oppona l-miżuri, argumenta li se jitlef is-sehem mis-suq għall-prodotti tal-karbur issimentat tiegħu, minħabba li dan jitqiegħed fi żvantaġġ kompetittiv mal-kompetituri barra mill-Unjoni, li jistgħu jixtru l-karbur tat-tungstenu Ċiniż mingħajr ma jħallsu d-dazji anti-dumping. Huwa argumenta li l-kost prinċipali tal-prodotti tiegħu kien il-materja prima (jiġifieri l-karbur tat-tungstenu), materja prima li ma tistax tiġi sostitwita b’oħra. Lanqas ma jkun possibbli li jiġu assorbiti kostijiet ogħla tal-materja prima u l-unika possibbiltà biex jiġi evitat telf tas-sehem mis-suq tkun li jiġu rilokati l-impjanti tal-produzzjoni barra mill-Unjoni.

(301)

Il-kontinwazzjoni tal-miżuri tkun limitata għall-kontinwazzjoni tar-rata tad-dazju anti-dumping stabbilita fl-investigazzjoni oriġinali billi tinżamm l-istess rata ta’ dazju. Għalhekk, l-utenti ma jiffaċċjawx kostijiet ogħla tal-materja prima milli għandhom bħalissa. Il-Kummissjoni nnotat li l-investigazzjoni wriet, kif imfakkar fil-premessa (297), li l-utenti kienu ġeneralment profittabbli matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Fir-rigward tal-affermazzjoni li tikkonċerna r-rilokazzjoni tal-utenti, il-Kummissjoni nnotat li l-utenti ma ċaqilqux il-biċċa l-kbira tal-produzzjoni tagħhom, minkejja li l-miżuri kienu fis-seħħ u ma kienet disponibbli l-ebda evidenza li turi, għall-kuntrarju, li r-revoka tal-miżuri tipprevjeni r-rilokazzjoni tal-utenti lejn iċ-Ċina jew pajjiżi terzi oħra. Għalhekk, dawn l-affermazzjonijiet ġew miċħuda.

(302)

Saar-Hartmetall issottomettiet li, filwaqt li f’xenarju ta’ kontinwazzjoni tal-miżuri l-industrija tal-Unjoni tibqa’ ħajja, l-utenti li jipproduċu għodod tal-metall iebes ma jkunux kompetittivi għal prodotti aktar intensivi fl-użu tal-materjal u għal prodotti mingħajr għarfien teknoloġiku speċifiku.

(303)

Il-Kummissjoni nnotat li, s’issa, il-miżuri ma waqqfux lill-utenti milli jipproċessaw il-prodott ikkonċernat mingħajr dazji, peress li l-maġġoranza l-kbira tal-importazzjonijiet kienu taħt l-IPP, u għalhekk mingħajr dazji. Kif stabbilit fit-Tabella 7, l-utenti ħallsu dazji anti-dumping biss fuq 38 tunnellata importati taħt ir-reġim normali matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Barra minn hekk, din ix-xejra kummerċjali ma tidhirx li hija neċessarjament ikkawżata mill-miżuri: kif imfakkar fil-premessa (274), il-karbur tat-tungstenu jsib varjetà ta’ applikazzjonijiet f’ħafna industriji fil-pajjiżi kollha, u għalhekk għodod tal-metall iebes magħmula mill-karbur tat-tungstenu probabbilment huma prodotti globali suxxettibbli għall-esportazzjoni mill-Unjoni. Għaldaqstant, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

(304)

L-investigazzjoni sabet li minkejja l-miżuri anti-dumping fis-seħħ, l-għadd sostanzjali ta’ utenti li pprovdew kummenti setgħu jkomplu bl-attività tagħhom fl-Unjoni permezz ta’ xiri mill-industrija tal-Unjoni, importazzjonijiet skont l-IPP miċ-Ċina mingħajr il-ħlas ta’ dazji anti-dumping u importazzjonijiet minn sorsi oħra ta’ karbur tat-tungstenu. Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami, id-dazji anti-dumping fil-fatt tħallsu biss fuq 38 tunnellata ta’ importazzjonijiet ta’ karbur tat-tungstenu skont ir-reġim normali. Barra minn hekk, l-utenti kienu ġeneralment profittabbli, minkejja l-miżuri anti-dumping fis-seħħ. Barra minn hekk, diversi utenti, kemm relatati kif ukoll mhux relatati mal-industrija tal-Unjoni, kemm involuti kif ukoll mhux involuti wkoll fil-produzzjoni tal-prodott simili, appoġġaw iż-żamma tal-miżuri. F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri fis-seħħ ma għandhomx impatt negattiv sinifikanti fuq l-utenti.

7.4.   Interess tal-fornituri tal-materja prima

(305)

Żewġ kumpaniji u assoċjazzjoni waħda fl-industrija tar-riċiklaġġ upstream ippreżentaw ruħhom u esprimew l-appoġġ tagħhom għall-kontinwazzjoni tal-miżuri. Iż-żewġ kumpaniji kienu RS-Recycling GmbH u PA Metals Recycling OHG, filwaqt li l-assoċjazzjoni kienet il-Konfederazzjoni Ewropea tal-Industriji tar-Riċiklaġġ (EuRIC). Fornitur ieħor ippreżenta ruħu u pprovda sottomissjoni iżda, peress li ma kkonfermax jekk din kinitx kunfidenzjali u ma pprovdiex sommarju mhux kunfidenzjali tagħha, is-sottomissjoni tiegħu ma ġietx ikkunsidrata.

(306)

Iż-żewġ kumpaniji msemmija hawn fuq u l-assoċjazzjoni argumentaw li huma investew sostanzjalment fin-negozju tar-riċiklaġġ tat-tungstenu u ta’ skart ieħor tal-metall u li, fid-dawl tal-għanijiet ambjentali tal-Unjoni u globali, l-iżvilupp ta’ ekonomiji ċirkolari u ktajjen ta’ valur sostenibbli sar dejjem aktar importanti. Huma argumentaw ukoll li ċ-Ċina kellha l-akbar riżervi tat-tungstenu fid-dinja u li l-GTĊ kellu t-tendenza li jżomm il-prezzijiet tal-prodotti tat-tungstenu bbażati fuq il-materja prima primarja baxxi biex jiskoraġġixxi l-użu ta’ materja prima sekondarja. Għalhekk, huma argumentaw li jekk il-miżuri jitħallew jiskadu u jerġgħu jibdew l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping tal-karbur tat-tungstenu miċ-Ċina (prodott l-aktar mill-materja prima primarja), l-Unjoni titlef parti importanti mill-katina tal-valur ċirkolari tagħha, li jqiegħed lir-riċiklaturi tal-Unjoni f’riskju tal-għeluq tan-negozju tagħhom u jiffrustra l-isforzi tal-Unjoni biex toħloq ktajjen tal-provvista sostenibbli u ċirkolari.

(307)

Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li huwa fl-interess tal-fornituri li jinżammu fis-seħħ il-miżuri anti-dumping.

7.5.   Elementi oħra li qed jiġu eżaminati

7.5.1.   Kompetizzjoni fl-Unjoni u dħul ġdid fis-suq

(308)

Il-produtturi esportaturi Zhangyuan Tungsten, Xianglu Tungsten u Golden Egret affermaw li s-suq tal-Unjoni kien jinkludi atturi tas-suq interrelatati mill-qrib, b’relazzjonijiet kummerċjali fit-tul, li kienu jiskoraġġixxu lill-partijiet ikkonċernati milli jikkummentaw b’mod miftuħ kontra l-miżuri. Huma argumentaw li s-suq tal-Unjoni kien suq protett tajjeb u indipendenti, mingħajr il-ħtieġa li jiġu ddiversifikati s-sorsi tal-provvista jew li jkun hemm kompetizzjoni u kien iddominat minn atturi influwenti għad-detriment tal-utenti u tal-importaturi. Huma ddikjaraw li t-tħassib dwar l-ipprezzar u l-profitt li tqajjem minn ċerti utenti kien jimplika li l-kostijiet u l-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni ġew stabbiliti f’livelli ħafna ogħla minn f’pajjiżi oħra.

(309)

Huwa mfakkar li hemm seba’ gruppi ta’ produtturi tal-Unjoni fis-suq, li jużaw proċessi ta’ manifattura differenti u materja prima differenti. Kif iddikjarat fil-premessi (56)-(58), xi produtturi tal-Unjoni jużaw biss materja prima verġni u xi wħud jużaw kemm materja prima verġni kif ukoll ir-ruttam. Is-seba’ gruppi ta’ produtturi tal-Unjoni huma indipendenti minn xulxin u jikkompetu ma’ xulxin fis-suq tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-investigazzjoni wriet li hemm sorsi oħra ta’ provvista fis-suq tal-Unjoni, kif imfakkar fil-premessa (294). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni nnotat li, meta mqabbla mar-rieżami ta’ skadenza preċedenti – meta sitt gruppi ta’ produtturi tal-Unjoni kienu attivi fis-suq – Nashira, produttur ġdid tal-Unjoni, daħlet fis-suq. Dan wera li s-suq tal-Unjoni kien għadu dinamiku u l-ostakli għad-dħul setgħu jingħelbu. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

7.5.2.   It-tungstenu bħala materja prima kritika, bħala materja prima strateġika potenzjali u bħala mineral ta’ kunflitt

(310)

Mill-2011 it-tungstenu ġie klassifikat b’mod konsistenti bħala materja prima kritika għall-Unjoni (112). L-inklużjoni kontinwa tagħha fil-lista tal-Unjoni ta’ materja prima kritika tressqet mill-Kummissjoni fil-proposta tagħha għal Att Ewropew dwar il-Materja Prima Kritika (113).

(311)

Barra minn hekk, fil-proposta tagħha għal Att Ewropew dwar il-Materja Prima Kritika, il-Kummissjoni ressqet it-tungstenu wkoll bħala materja prima strateġika, kunċett li jinkludi dik il-materja prima ta’ importanza kbira għal teknoloġija li tappoġġa t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali doppja u l-objettivi tad-difiża u tal-ajruspazju (114).

(312)

Fl-aħħar nett, l-attenzjoni li l-Unjoni ddedikat għall-katina tal-provvista tat-tungstenu ġiet ikkonfermata aktar mill-inklużjoni tat-tungstenu fost il-minerali ta’ kunflitt fir-Regolament dwar il-Minerali ta’ Kunflitt (115). Dan jimplika li l-importazzjoni tat-tungstenu teħtieġ obbligi tad-diliġenza dovuta li jinfluwenzaw lill-importaturi tal-Unjoni biex jiżguraw li l-kummerċ tat-tungstenu ma jintużax biex jiffinanzja gruppi armati, biex jagħti spinta lix-xogħol furzat u abbużi oħra tad-drittijiet tal-bniedem, u biex jappoġġa l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus f’żoni politikament instabbli.

(313)

Fid-dawl tal-qafas regolatorju kumpless tal-katina tal-provvista tat-tungstenu, kif ukoll l-importanza strateġika tat-tungstenu, dan huwa, għalhekk, fl-interess tal-Unjoni li żżomm il-produzzjoni tal-karbur tat-tungstenu fl-Unjoni, li tippromwovi r-riċiklaġġ sabiex jitnaqqas il-konsum tal-materja prima primarja u li titnaqqas id-dipendenza relattiva fuq l-importazzjoni.

7.5.3.   Estensjoni possibbli tal-miżuri

(314)

Höganäs, li opponiet iż-żamma tal-miżuri, argumentat li kellha tħallas id-dazju anti-dumping fuq il-karbur tat-tungstenu, iżda fl-istess ħin ma kien hemm l-ebda dazju anti-dumping fuq il-prodotti downstream.

(315)

Nashira, kemm produttur kif ukoll utent, li kienet favur il-kontinwazzjoni tal-miżuri, argumentat ukoll li kienet qed tiffaċċja kompetizzjoni qawwija mill-produtturi Ċiniżi tal-għodda tal-metall iebes, li ta’ spiss kienu integrati vertikalment, li jipproduċu wkoll il-karbur tat-tungstenu u, f’xi każijiet, ikollhom is-sjieda tal-minjieri tat-tungstenu. Nashira argumentat ukoll li l-miżuri anti-dumping fuq il-karbur tat-tungstenu ma kinux biżżejjed biex jipproteġu u jistabbilizzaw is-suq tat-tungstenu fl-Ewropa u ssuġġeriet li jiġu introdotti wkoll miżuri anti-dumping fuq prodotti bbażati fuq it-tungstenu taħt l-intestaturi 8207 u 8209.

(316)

Il-Kummissjoni nnotat li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-investigazzjoni kurrenti huwa limitat għall-karbur tat-tungstenu, il-karbur tat-tungstenu mdewweb u l-karbur tat-tungstenu sempliċiment imħallat ma’ trab metalliku. Fil-kuntest tal-investigazzjoni kurrenti, l-ambitu tal-prodott ma jistax jiġi mmodifikat. Għalhekk, dawn l-affermazzjonijiet ġew miċħuda.

7.5.4.   Tul tal-miżuri

(317)

Zhangyuan Tungsten, Xianglu Tungsten u Golden Egret argumentaw li l-miżuri anti-dumping fuq il-prodott ikkonċernat ilhom fis-seħħ għal żmien twil wisq u għalhekk il-kontinwazzjoni tagħhom ma kinitx ġustifikata.

(318)

Il-Kummissjoni fakkret li skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, f’każ li tiġi stabbilita kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping ta’ dannu u l-miżuri b’mod ċar ma jkunux kontra l-interess tal-Unjoni kollha kemm hi, dawn il-miżuri jridu jinżammu. Il-kundizzjonijiet kollha ġew issodisfati f’din l-investigazzjoni. Bl-istess mod, il-partijiet ikkonċernati ma wrewx xi raġuni speċifika f’termini tal-interess ġenerali tal-Unjoni li titkellem b’mod ċar kontra l-kontinwazzjoni tal-miżuri. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda għażla oħra għajr li timponi miżuri anti-dumping. Għalhekk, dan l-argument huwa miċħud.

7.5.5.   Karbur tat-tungstenu mdewweb

(319)

Technogenia argumentat li ma kien hemm l-ebda interess tal-Unjoni li jappoġġa l-miżuri anti-dumping fuq il-karbur tat-tungstenu mdewweb, peress li l-industrija tal-Unjoni waqfet tipproduċih.

(320)

Filwaqt li tabilħaqq l-investigazzjoni żvelat li l-karbur tat-tungstenu mdewweb ma għadux jiġi prodott fis-suq tal-Unjoni, il-karbur tat-tungstenu mdewweb u l-karbur tat-tungstenu huma parzjalment interkambjabbli kif iddikjarat fil-premessa (66). Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet li hemm sorsi alternattivi u l-karbur tat-tungstenu mdewweb jista’ jiġi importat mill-Kanada mingħajr dazji anti-dumping. Għalhekk, l-affermazzjoni ġiet miċħuda.

7.6.   Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(321)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx hemm raġunijiet konvinċenti f’termini tal-interess tal-Unjoni li jitkellmu kontra ż-żamma tal-miżuri eżistenti fuq l-importazzjonijiet tal-karbur tat-tungstenu, tal-karbur tat-tungstenu mdewweb u tal-karbur tat-tungstenu mħallat sempliċiment ma’ trab metalliku li joriġinaw mir-RPĊ.

8.   MIŻURI ANTI-DUMPING

(322)

Abbażi tal-konklużjonijiet milħuqin mill-Kummissjoni dwar il-kontinwazzjoni ta’ dumping, ir-rikorrenza ta’ dannu u l-interess tal-Unjoni, il-miżuri anti-dumping dwar il-karbur tat-tungstenu, il-karbur tat-tungstenu mdewweb u l-karbur tat-tungstenu mħallat sempliċiment ma’ trab metalliku mir-RPĊ jenħtieġ li jinżammu.

(323)

Fid-dawl tal-Artikolu 109 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (116) meta jkollu jiġi rimborżat ammont fid-dawl ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jenħtieġ li l-imgħax li jitħallas ikun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar.

(324)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Qiegħed jiġi impost dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-karbur tat-tungstenu, tal-karbur tat-tungstenu mdewweb u tal-karbur tat-tungstenu mħallat sempliċiment ma’ trab metalliku, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 2849 90 30 u ex 3824 30 00 (117) (il-kodiċi TARIC 3824300010) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2.   Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1, għandha tkun ta’ 33 %.

3.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Awwissu 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2737/90 tal-24 ta’ Settembru 1990 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-karbur tat-tungstenu u l-karbur tat-tungstenu mdewweb li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju (ĠU L 264, 27.9.1990, p. 7).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 90/480/KEE tal-24 ta’ Settembru 1990 li taċċetta impenji offerti minn ċerti esportaturi marbuta mal-proċediment anti-dumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet tal-karbur tat-tungstenu u l-karbur tat-tungstenu mdewweb li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li ttemm l-investigazzjoni fir-rigward tal-esportaturi inkwistjoni (ĠU L 264, 27.9.1990, p. 59).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 610/95 tal-20 ta’ Marzu 1995 li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2735/90, (KEE) Nru 2736/90 u (KEE) Nru 2737/90 li jimponu dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ minerali u konċentrati tat-tungstenu, ossidu tat-tungstenu, aċidu tat-tungstenu, karbur tat-tungstenu u karbur tat-tungstenu mdewweb li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, u li jiġbor definittivament l-ammonti garantiti permezz tad-dazju anti-dumping provviżorju impost mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2286/94 (ĠU L 64, 22.3.1995, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 771/98 tas-7 ta’ April 1998 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ karbur tat-tungstenu u karbur tat-tungstenu mdewweb li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 111, 9.4.1998, p. 1).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2268/2004 tat-22 ta’ Diċembru 2004 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ karbur tat-tungstenu u karbur tat-tungstenu mdewweb li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 395, 31.12.2004, p. 56).

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1275/2005 tas-26 ta’ Lulju 2005 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2268/2004 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ tungsten carbide u fused tungsten carbide li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 202, 3.8.2005, p. 1).

(8)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 287/2011 tal-21 ta’ Marzu 2011 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ karbur tat-tangstin, karbur tat-tangstin mħallat sempliċiment ma’ trab metalliku u karbur tat-tangstin imdewweb li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 78, 24.3.2011, p. 1).

(9)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51). Dan ir-Regolament ġie kkodifikat bir-Regolament bażiku.

(10)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/942 tal-1 ta’ Ġunju 2017 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-karbur tat-tungstenu, karbur tat-tungstenu mdewweb u karbur tat-tungstenu mħallat sempliċiment ma’ trab metalliku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil (ĠU L 142, 2.6.2017, p. 53).

(11)  Avviż dwar l-iskadenza imminenti ta’ ċerti miżuri anti-dumping (ĠU C 354, 3.9.2021, p. 2).

(12)  Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping li japplikaw għall-importazzjonijiet tal-karbur tat-tungstenu, karbur tat-tungstenu mdewweb u karbur tat-tungstenu mħallat sempliċiment ma’ trab metalliku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C 217, 1.6.2022, p. 17).

(13)  http://www.ctia.com.cn/en/news/31091.html

(14)  https://tron.trade.ec.europa.eu/investigations/case-view?caseId=2604

(15)  Il-Kummissjoni vverifikat ukoll id-data makroekonomika fil-bini tar-rappreżentant legali tal-applikanti.

(16)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/942, il-premessa (37).

(17)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 771/98, il-premessa (11); Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2268/2004, il-premessi (17)-(19); u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/942, il-premessa (196).

(18)  http://www.gtis.com/gta/secure/default.cfm

(19)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1267 tas-26 ta’ Lulju 2019 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ elettrodi tat-tungstenu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11.

(20)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1267, il-premessa (49).

(21)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1267, il-premessi (56)-(60).

(22)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1267, il-premessi (61)-(64).

(23)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1267, il-premessi (65)-(73).

(24)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1267, il-premessi (74)-(77).

(25)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1267, il-premessi (78)-(80).

(26)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1267, il-premessi (81)-(90).

(27)  Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni SWD (2017) 483 final/2, 20.12.2017, disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/transparency/documents-register/detail?ref=SWD(2017)483&lang=mt.

(28)  Talba għal rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament 2016/1036 dwar il-karbur tat-tungstenu miċ-Ċina. Ippreżentata fil-25 ta’ Frar 2022 mill-Industrija WC tal-UE.

(29)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1267.

(30)  Talba għal rieżami ta’ skadenza, il-para. 60.

(31)  Ibid., il-para. 62.

(32)  Ibid., il-para. 63.

(33)  Ibid., il-para. 65.

(34)  Ibid., il-para. 70.

(35)  Ibid., il-para. 71.

(36)  Ibid., il-para. 72.

(37)  Ibid., il-paragrafi 72-75.

(38)  Ibid., il-para. 78.

(39)  Ibid., il-para. 76.

(40)  Ibid., il-para. 80.

(41)  Ibid., il-para. 81.

(42)  Ibid., il-para. 82.

(43)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1812 tal-14 ta’ Ottubru 2021 li jimponi dazju anti-dumping proviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti sistemi ta’ elettrodi tal-grafit li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, ĠU 2021 L366/62, il-premessa 90.

(44)  Talba għal rieżami ta’ skadenza, il-paragrafu 86.

(45)  Ibid., il-para. 87.

(46)  Ibid., il-para. 88.

(47)  Ibid., il-para. 89.

(48)  Ibid., il-para. 90.

(49)  Ibid., il-para. 91.

(50)  Ibid., il-para. 94.

(51)  Ibid., il-para. 93.

(52)  Ibid., para. 91.

(53)  Ibid., il-para. 95.

(54)  Ara fuq: http://www.minmetals.com.cn/ (Aċċessat fil-11 ta’ Mejju 2023).

(55)  Ara fuq: https://www.601.cn/ & https://aiqicha.baidu.com/company_detail_30386666552710 (Aċċessat fil-11 ta’ Mejju 2023).

(56)  Ara fuq: http://www.gesac.com.cn u https://aiqicha.baidu.com/company_detail_29681726678350 (Aċċessat fl-11 ta’ Mejju 2023).

(57)  Ara fuq: http://www.zgcc.com/ (Aċċessat fil-11 ta’ Mejju 2023).

(58)  Ara fuq: http://www.minmetals.com.cn/ (Aċċessat fil-11 ta’ Mejju 2023).

(59)  Ara fuq: http://www.gesac.com.cn u https://aiqicha.baidu.com/company_detail_29681726678350 (Aċċessat fl-11 ta’ Mejju 2023).

(60)  Ir-rapport annwali ta’ China Minmetals għall-2021. Ara fuq: http://static.sse.com.cn/disclosure/listedinfo/announcement/c/new/2022-03-15/600058_20220315_11_WhMHFybV.pdf (Aċċessat fil-11 ta’ Mejju 2023).

(61)  Ibid., il-paġna 189.

(62)  Ibid., il-paġna 181/244.

(63)  Ir-rapport annwali ta’ Xiamen Tungsten għall-2022, il-paġna 237/304 u l-paġna 255/304. Ara fuq: https://pdf.dfcfw.com/pdf/H2_AN202304211585690834_1.pdf?1682102399000.pdf (Aċċessat fil-11 ta’ Mejju 2023).

(64)  Ara fuq: http://www.minmetals.com.cn/ddjj/gztx/ (Aċċessat fil-11 ta’ Mejju 2023).

(65)  Ara pereżempju l-Artikolu 33 tal-Kostituzzjoni tas-CCP.

(66)  Ara fuq: www.oke-carbide.com (Aċċessat fil-11 ta’ Mejju 2023).

(67)  Ir-rapport ta’ nofs is-sena ta’ OKE carbide tal-2022. Ara fuq: http://file.finance.sina.com.cn/211.154.219.97:9494/MRGG/CNSESH_STOCK/2022/2022-8/2022-08-10/8408838.PDF (Aċċessat fil-11 ta’ Mejju 2023).

(68)  Ibid., il-paġna 133.

(69)  L-Assoċjazzjoni tal-Industrija tat-Tungstenu taċ-Ċina. Disponibbli fuq: https://www.ctia.net.cn/about/Charter/ (Aċċessat fil-11 ta’ Mejju 2023) u l-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni ta’ China Nonferrous Metals Industry Association. Disponibbli fuq: www.chinania.org.cn (Aċċessat fil-11 ta’ Mejju 2023).

(70)  Ara fuq: https://minmetalstungsten.com/news/940.html (Aċċessat fil-11 ta’ Mejju 2023).

(71)  Ara fuq: https://aiqicha.baidu.com/company_detail_29681726678350 (Aċċessat fil-11 ta’ Mejju 2023).

(72)  L-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni ta’ Xiamen Tungsten Industry, l-Artikolu 2. Ara fuq: https://data.eastmoney.com/notices/detail/600549/AN202304211585690826.html# (Aċċessat fil-11 ta’ Mejju 2023).

(73)  Ibid., l-Artikolu 98.

(74)  L-Avviż 2023/48 dwar il-kontroll tal-kwantitajiet ġenerali tal-estrazzjoni u l-ewwel lott ta’ indikaturi applikabbli għall-materjali tal-art rari u għall-minerali tat-tungstenu fl-2023. Disponibbli fuq: http://gi.mnr.gov.cn/202304/t20230412_2781069.html (Aċċessat fil-11 ta’ Mejju 2023).

(75)  Ibid., it-Taqsima I.1.

(76)  Ibid.

(77)  Ibid., it-Taqsima II.5.

(78)  L-Avviż 2022/138 dwar il-kontroll tal-kwantitajiet ġenerali tal-estrazzjoni u l-ewwel lott ta’ indikaturi applikabbli għall-materjali tal-art rari u għall-minerali tat-tungstenu fl-2022. Disponibbli fuq: http://gi.mnr.gov.cn/202208/t20220817_2745900.html (Aċċessat fil-11 ta’ Mejju 2023).

(79)  Ibid., it-Taqsima I.

(80)  L-14-il FYP dwar l-iżvilupp tal-industrija tal-materja prima. Ara fuq: https://www.miit.gov.cn/zwgk/zcwj/wjfb/tz/art/2021/art_2960538d19e34c66a5eb8d01b74cbb20.html (Aċċessat fil-11 ta’ Mejju 2023).

(81)  Ibid., it-Taqsima VII.1.

(82)  Ibid.

(83)  Ara L-14-il FYP ta’ Jiangxi dwar l-iżvilupp ta’ kwalità għolja ta’ metalli mhux ferrużi. Disponibbli fuq: http://www.jiangxi.gov.cn/art/2021/11/11/art_5006_3717077.html (Aċċessat fil-11 ta’ Mejju 2023).

(84)  Ibid., it-Taqsima II.3.

(85)  Ibid.

(86)  Ibid. Taqsima III.2.

(87)  Ibid.

(88)  L-14-il FYP ta’ Henan dwar l-iżvilupp ta’ industrija tal-manifattura ta’ kwalità għolja. Disponibbli fuq: http://fgw.henan.gov.cn/2022/01-27/2389710.html (Aċċessat fil-11 ta’ Mejju 2023).

(89)  Ibid., it-Taqsima IV.3.

(90)  Ara r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1267, il-premessi (78)-(80).

(91)  World Bank Open Data – Upper Middle Income, https://data.worldbank.org/income-level/upper-middle-income

(92)  Jekk ma jkun hemm l-ebda produzzjoni tal-prodott taħt rieżami fi kwalunkwe pajjiż li jkollu livell simili ta’ żvilupp, tista’ titqies il-produzzjoni ta’ prodott fl-istess kategorija ġenerali u/jew settur tal-prodott taħt rieżami.

(93)  Il-parametru referenzjarju huwa disponibbli fuq https://www.usgs.gov/centers/national-minerals-information-center/tungsten-statistics-and-information.

(94)  Il-kostijiet lavorattivi huma disponibbli fuq https://data.tuik.gov.tr/Bulten/DownloadIstatistikselTablo?p=tg4QGRdNcBVDQo/mmOOyD/8g3GlHdKhwM0SMnhh4V/APyz9UrZvk0kK90vktK5jo.

(95)  https://data.tuik.gov.tr/Bulten/Index?p=Consumer-Price-Index-December-2021-45789

(96)  https://data.tuik.gov.tr/Kategori/GetKategori?p=cevre-ve-enerji-103&dil=2; https://data.tuik.gov.tr/Bulten/Index?p=Electricity-and-Natural-Gas-Prices-Period-II:-July-December,-2021-45566; https://data.tuik.gov.tr/Bulten/Index?p=Electricity-and-Natural-Gas-Prices-Period-I:-January-June,-2021-37459

(97)  https://www3.tcmb.gov.tr/sektor/#/en

(98)  https://www3.tcmb.gov.tr/sektor/#/en

(99)  http://www.ctia.com.cn/en/news/31091.html

(100)  http://www.ctia.com.cn/en/news/32684.html

(101)  Ir-rapport jista’ jinxtara minn dan is-sit web li ġej: https://www.woodmac.com/reports/metals-roskill-tungsten-outlook-to-2030-528383/.

(102)  https://www.itia.info/assets/files/newsletters/ITIA_Newsletter_2018_05.pdf

(103)  Ir-rapport jista’ jinxtara minn dan is-sit web li ġej: https://www.woodmac.com/reports/metals-roskill-tungsten-outlook-to-2030-528383/.

(104)  Il-fattur ta’ konverżjoni minn W għal WC huwa ta’ 1,065.

(105)  https://www.mdpi.com/2075-163X/11/7/701

(106)  https://www.argusmedia.com/en/news/2171663-china-to-maintain-ferroalloys-metals-tariffs-in-2021

(107)  https://www.trademap.org/Index.aspx

(108)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/942, il-premessi (105) u 108.

(109)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/942, il-premessa (161).

(110)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/942, il-premessa (183).

(111)  Il-Kummissjoni, Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, COM(2019) 640 final tal-11 ta’ Diċembru 2019.

(112)  L-ewwel lista ta’ materja prima kritika inkluża f’Naffrontaw l-isfidi fis-swieq tal-prodotti bażiċi u dawk marbuta mal-materja prima, COM(2011) 25 final tat-2 ta’ Frar 2011, tal-Kummissjoni; it-tieni lista f’Dwar ir-reviżjoni tal-lista tal-materja prima kritika għall-UE u l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva tal-Materja Prima, COM(2014) 297 final tas-26 ta’ Mejju 2014, tal-Kummissjoni; it-tielet lista f’Dwar il-lista tal-2017 tal-materja prima kritika għall-UE, COM/2017/0490 final tat-13 ta’ Settembru 2017, tal-Kummissjoni; u r-raba’ lista f’Ir-Reżiljenza tal-Materja Prima Kritika: It-Twittija tat-Triq lejn Sigurtà u Sostenibbiltà Akbar, COM(2020) 474 final tat-3 ta’ Settembru 2020.

(113)  L-Anness II, it-taqsima 1 tal-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas għall-iżgurar ta’ provvista sigura u sostenibbli ta’ materja prima kritika u li jemenda r-Regolamenti (UE) 168/2013, (UE) 2018/858, 2018/1724 u (UE) 2019/1020, COM(2023) 160 final tas-16 ta’ Marzu 2023.

(114)  L-Anness 1, it-Taqsima 1 tal-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas għall-iżgurar ta’ provvista sigura u sostenibbli ta’ materja prima kritika u li jemenda r-Regolamenti (UE) 168/2013, (UE) 2018/858, 2018/1724 u (UE) 2019/1020.

(115)  Ir-Regolament (UE) 2017/821 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 li jistabbilixxi obbligi tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista għall-importaturi tal-Unjoni ta’ landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw minn żoni affettwati minn kunflitti u ta’ riskju għoli, ĠU L 130, 19.5.2017, p. 1.

(116)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(117)  Il-partiċelli huma irregolari u mingħajr fluwidità libera f’kuntrast mal-partiċelli tat-“trab lesti għall-ippressar”, li huma sferiċi jew b’forma granulari, omoġenji u bi fluwidità libera. In-nuqqas ta’ fluwidità jista' jitkejjel u jkun stabbilit bl-użu ta’ lenbut ikkalibrat, pereż. meter tal-fluwidità HALL skont l-istandard ISO 4490.


Top