Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1616

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/1616 tat-3 ta’ Mejju 2023 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw iċ-ċirkostanzi li fihom persuna titqies bħala indipendenti mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni u mill-kontroparti ċentrali, il-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-valur tal-assi u tal-obbligazzjonijiet ta’ kontroparti ċentrali, is-separazzjoni tal-valwazzjonijiet, il-metodoloġija għall-kalkolu tal-buffer għal telf addizzjonali li għandha tiġi inkluża f’valwazzjonijiet provviżorji, u l-metodoloġija għat-twettiq tal-valwazzjoni għall-applikazzjoni tal-prinċipju li “l-ebda kreditur ma jmur agħar” (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2023/2782

    ĠU L 199, 9.8.2023, p. 14–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/1616/oj

    9.8.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 199/14


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1616

    tat-3 ta’ Mejju 2023

    li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw iċ-ċirkostanzi li fihom persuna titqies bħala indipendenti mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni u mill-kontroparti ċentrali, il-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-valur tal-assi u tal-obbligazzjonijiet ta’ kontroparti ċentrali, is-separazzjoni tal-valwazzjonijiet, il-metodoloġija għall-kalkolu tal-buffer għal telf addizzjonali li għandha tiġi inkluża f’valwazzjonijiet provviżorji, u l-metodoloġija għat-twettiq tal-valwazzjoni għall-applikazzjoni tal-prinċipju li “l-ebda kreditur ma jmur agħar”

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-kontropartijiet ċentrali u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1095/2010, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 806/2014 u (UE) 2015/2365 u d-Direttivi 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2007/36/KE, 2014/59/UE u (UE) 2017/1132 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25(6), it-tielet subparagrafu, l-Artikolu 26(4), it-tielet subparagrafu, u l-Artikolu 61(5), it-tielet subparagrafu tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 25(1) u l-Artikolu 61(1) tar-Regolament (UE) 2021/23 jirrikjedu li l-persuna li twettaq il-valwazzjoni msemmija fl-Artikoli 24 u 61 ta’ dak ir-Regolament (“il-valwatur”) tkun indipendenti minn kwalunkwe awtorità pubblika u mill-kontroparti ċentrali (“CCP”) taħt valwazzjoni. Għaldaqstant, jenħtieġ li japplikaw regoli uniformi sabiex jiġu stabbiliti ċ-ċirkostanzi li fihom persuna għandha titqies bħala indipendenti kemm mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti, inkluża l-awtorità ta’ riżoluzzjoni, kif ukoll mis-CCP għall-finijiet tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament 2021/23. Dawk ir-regoli jenħtieġ li jinkludu rekwiżiti li jiżguraw in-nuqqas ta’ interess materjali komuni jew kunfliġġenti ta’ dik il-persuna mal-awtorità ta’ riżoluzzjoni jew mas-CCP; rekwiżiti li jikkonċernaw il-kwalifiki, l-esperjenza, il-kapaċità, l-għarfien u r-riżorsi ta’ dik il-persuna u l-kapaċità tagħha li twettaq il-valwazzjoni b’mod effettiv mingħajr dipendenza żejda fuq xi awtorità pubblika rilevanti jew fuq is-CCP, u rekwiżiti li jikkonċernaw is-separazzjoni strutturali bejn il-persuna, u kemm l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti kif ukoll is-CCP.

    (2)

    Biex jiġi indirizzat it-theddid għall-indipendenza, bħall-awtorieżami, l-awtointeress, il-promozzjoni, il-familjarità, il-fiduċja jew l-intimidazzjoni, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-valwatur ma jkollu l-ebda interess materjali komuni jew f’kunflitt ma’ xi awtorità pubblika rilevanti, inkluża l-awtorità ta’ riżoluzzjoni, jew mas-CCP, inkluż il-maniġment superjuri tiegħu, l-azzjonisti ta’ kontroll jew l-entitajiet ta’ grupp. Barra minn hekk, jenħtieġ li valwatur ma jitqiesx bħala indipendenti meta l-valwatur ikollu interessi materjali komuni jew f’kunflitt ma’ xi membru tal-ikklerjar sinifikanti, klijent jew kreditur li jkun affettwat materjalment minn azzjoni ta’ riżoluzzjoni jew li jkun ikkontribwixxa b’mod sinifikanti għas-sitwazzjoni li wasslet għar-riżoluzzjoni tas-CCP. B’mod simili, relazzjonijiet personali jistgħu jkunu jirrappreżentaw interess materjali. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tivvaluta jekk hemmx xi interess materjali komuni jew kunfliġġenti.

    (3)

    Sabiex l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tkun tista’ tivvaluta jekk hemmx xi interess materjali komuni jew kunfliġġenti, jenħtieġ li l-valwatur jinnotifika lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni dwar kull interess proprju jew potenzjali li l-valwatur iqis li jista’, fil-valutazzjoni ta’ dik l-awtorità, jammonta għal interess materjali u jenħtieġ li jipprovdi kull informazzjoni li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ titlob b’mod raġonevoli. Wara l-ħatra tagħhom, jenħtieġ li l-valwatur iżomm il-politiki u l-proċeduri f’konformità mal-kodiċijiet tal-etika u mal-istandards professjonali applikabbli sabiex jidentifika kull interess proprju jew potenzjali li l-valwatur iqis li jista’ jkun ta’ interess materjali komuni jew ta’ interess kunfliġġenti. Jenħtieġ li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tiġi nnotifikata minnufih dwar kull interess proprju jew potenzjali identifikat u jenħtieġ li tikkunsidra jekk dan jammontax għal interess materjali, f’liema każ il-ħatra tal-valwatur jenħtieġ li tintemm u li jinħatar valwatur ġdid.

    (4)

    L-arranġamenti ta’ separazzjoni strutturali jikkostitwixxu salvagwardji li jtaffu r-riskji ta’ kunflitti ta’ interess. Bħala tali, jenħtieġ li l-eżistenza tagħhom titqies fil-valutazzjoni ta’ valwatur potenzjali. Għalhekk, fil-każ ta’ persuni ġuridiċi, l-indipendenza ta’ valwatur jenħtieġ li tiġi vvalutata b’referenza għall-kumpanija jew għas-sħubija kollha kemm hi, iżda billi titqies kwalunkwe separazzjoni strutturali u arranġament ieħor li possibbilment ikun ġie stabbilit biex issir distinzjoni bejn dawk il-membri tal-persunal li jistgħu jkunu involuti fil-valwazzjoni u membri tal-persunal oħrajn. Jekk is-sinifikat ta’ dan it-theddid meta mqabbel mas-salvagwardji applikati jkun tali li l-indipendenza tal-kumpanija jew tas-sħubija li tapplika biex tkun valwatur tiġi kompromessa, dik il-kumpanija jew is-sħubija jenħtieġ li tinżamm bħala valwatur.

    (5)

    Sabiex jiġi evitat it-theddid għall-indipendenza mill-awtorieżami, awditur statutorju li jkun lesta awditu tas-CCP fis-sena ta’ qabel il-valutazzjoni iegħu għall-eliġibbiltà biex jaġixxi bħala valwatur jenħtieġ li taħt l-ebda ċirkostanza ma jitqies bħala indipendenti. Fir-rigward ta’ servizzi oħrajn ta’ awditjar jew ta’ valwazzjoni pprovduti lis-CCP ikkonċernata fis-snin immedjatament qabel id-data li fiha għandha tiġi vvalutata l-indipendenza, jenħtieġ li dawk is-servizzi jiġu preżunti li jippreżentaw interess materjali komuni jew kunfliġġenti.

    (6)

    L-indipendenza tal-valwatur tista’ tissaħħaħ b’kundizzjonijiet li jiżguraw li l-għarfien espert u r-riżorsi tal-valwatur ikunu suffiċjenti u xierqa. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-valwatur ikollu l-kwalifiki, l-esperjenza, il-kapaċità u l-għarfien meħtieġa fis-suġġetti rilevanti kollha, inklużi l-valwazzjonijiet tal-istrumenti finanzjarji approvati mis-CCP, ir-rekwiżiti tas-CCP applikabbli skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-pjanijiet ta’ rkupru u l-kotba tar-regoli eżistenti tas-CCP, u l-għodod ta’ riżoluzzjoni applikabbli skont ir-Regolament (UE) 2021/23.

    (7)

    Sabiex il-valwatur ikun jista’ jwettaq il-valwazzjoni b’mod effettiv, jenħtieġ li jiġi żgurat ukoll li l-valwatur ikollu riżorsi umani u tekniċi suffiċjenti biex iwettaq il-valwazzjoni, jew ikollu aċċess għalihom.

    (8)

    Sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tagħhom u sabiex tiġi evitata interferenza bla bżonn mad-dmirijiet tagħhom, il-valwatur jenħtieġ li jkun jista’ jwettaq il-valwazzjoni b’mod effettiv mingħajr dipendenza bla bżonn fuq xi awtorità pubblika rilevanti, inkluża l-awtorità ta’ riżoluzzjoni, jew fuq is-CCP. Madankollu, l-għoti ta’ struzzjonijiet jew gwida meħtieġa għall-appoġġ għat-twettiq tal-valwazzjoni, pereżempju b’rabta mal-metodoloġija pprovduta skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-valwazzjoni għall-finijiet relatati mar-riżoluzzjoni, jenħtieġ li ma jitqiesx li jikkostitwixxi dipendenza żejda meta dawn l-istruzzjonijiet ikunu, jew il-gwida tkun, meħtieġa għas-sostenn tat-twettiq tal-valwazzjoni. Barra minn hekk, l-għoti ta’ assistenza, bħall-għoti mis-CCP ikkonċernat mis-sistemi, rapporti finanzjarji, rapporti regolatorji, data tas-suq, rekords oħra jew assistenza oħra lill-valwatur, jenħtieġ li ma jiġix ipprevenut meta, fil-valutazzjoni tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni, dan jitqies meħtieġ biex jappoġġa t-twettiq tal-valwazzjoni. F’konformità ma’ kwalunkwe proċedura li tista’ tkun ġiet implimentata, jenħtieġ li l-għoti ta’ struzzjonijiet, gwida u forom oħrajn ta’ appoġġ ikun miftiehem fuq il-bażi ta’ każ b’każ jew b’mod raggruppat.

    (9)

    L-indipendenza tirriskja li tkun ipperikolata jekk valwazzjoni titwettaq minn persuna li tkun impjegata minn xi awtorità pubblika rilevanti jew affiljata magħha, inkluża l-awtorità ta’ riżoluzzjoni, u mas-CCP, anki f’każijiet fejn tkun ġiet stabbilita separazzjoni strutturali sħiħa fi ħdan persuna ġuridika. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-valwatur ma jkun impjegat jew kuntrattur tal-ebda awtorità pubblika rilevanti, inkluża l-awtorità ta’ riżoluzzjoni, jew tas-CCP, u ma jkunx jappartjeni għall-istess grupp ta’ kumpaniji bħas-CCP.

    (10)

    Sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ għadd suffiċjenti ta’ persuni li jistgħu jkunu faċilment disponibbli biex jaġixxu bħala valwatur meta jibda proċess ta’ riżoluzzjoni, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni jenħtieġ li żżomm lista provviżorja ta’ valwaturi potenzjali u jenħtieġ li tirrevedi din il-lista fuq bażi regolari.

    (11)

    L-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2021/23 jiddistingwi żewġ valwazzjonijiet matul proċess ta’ riżoluzzjoni tas-CCP: valwazzjoni inizjali li tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni ġewx issodisfati, u valwazzjoni oħra li tifforma l-bażi għad-deċiżjoni tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni li tapplika għodda ta’ riżoluzzjoni waħda jew aktar. Għall-finijiet tal-valwazzjoni inizjali, huwa xieraq li jiġi żgurat li meta jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni humiex issodisfati, titwettaq valwazzjoni ġusta, prudenti u realistika tal-assi u l-obbligazzjonijiet tas-CCP. Għat-tieni valwazzjoni, li l-għan tagħha huwa li tinforma l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni, huwa importanti li jiġi żgurat li l-valwazzjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet tas-CCP tkun ibbażata fuq suppożizzjonijiet ġusti, prudenti u realistiċi.

    (12)

    Sabiex jiġu riflessi b’mod preċiż iċ-ċirkostanzi tas-CCP u l-kundizzjonijiet prevalenti tas-suq, il-valwazzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/23 jenħtieġ li jitwettqu kemm jista’ jkun qrib id-data tad-deċiżjoni tar-riżoluzzjoni.

    (13)

    Sabiex iwettaq b’mod effettiv u effiċjenti l-valwazzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/23, il-valwatur jenħtieġ li jkollu aċċess għal kull sors ta’ informazzjoni u għarfien espert rilevanti, bħar-rekords interni, is-sistemi u l-mudelli tas-CCP. Jenħtieġ li l-valwatur jibbaża wkoll fuq informazzjoni pprovduta direttament mill-persunal, mill-maniġment u mill-awdituri tas-CCP, kif ukoll, fejn rilevanti, fuq informazzjoni disponibbli għall-pubbliku dwar l-istruttura tas-suq.

    (14)

    Meta s-CCP tkun tappartjeni għal grupp, meta jitqies li arranġamenti kuntrattwali ta’ appoġġ intragrupp jistgħu jipprovdu appoġġ finanzjarju addizzjonali lis-CCP f’riżoluzzjoni u jinfluwenzaw l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni, jenħtieġ li l-valwatur jikkunsidra l-effett ta’ dawk il-kuntratti meta jkun probabbli li dawn l-arranġamenti jidħlu fis-seħħ. Jenħtieġ li l-valwatur jikkunsidra arranġamenti ta’ appoġġ formali jew informali oħrajn fil-grupp meta jkun probabbli li jibqgħu fis-seħħ f’kundizzjonijiet finanzjarji taħt stress jew f’riżoluzzjoni. Bl-istess mod, jenħtieġ li l-valwatur iqis bir-reqqa r-riskju li r-riżorsi finanzjarji tas-CCP jistgħu jintużaw biex ikopru t-telf ta’ entitajiet oħra tal-grupp, peress li dan jista’ jkompli jnaqqas il-valur tal-assi tas-CCP.

    (15)

    Peress li l-arranġamenti tal-interoperabbiltà jirriżultaw f’interdipendenzi finanzjarji li jistgħu jaffettwaw il-valwazzjoni, meta s-CCP tkun daħlet f’arranġamenti ta’ interoperabbiltà ma’ CCPs oħra tal-Unjoni, jenħtieġ li l-valwatur iqis l-arranġamenti kuntrattwali kollha marbuta mal-arranġament tal-interoperabbiltà, inkluż meta l-għeluq tas-servizz tar-rabta jista’ jieħu likwidità mis-CCP.

    (16)

    Peress li l-proċess ta’ valwazzjoni għandu l-objettiv li jappoġġa d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni qabel il-bidu tar-riżoluzzjoni u meta jimplimenta l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni, jenħtieġ li l-valwatur jirrapporta lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni. Għalhekk, il-valwatur jenħtieġ li jiġbor fil-qosor is-suppożizzjonijiet, il-metodoloġiji u l-eżitu tal-valwazzjoni f’rapport lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni. Ir-rapport jenħtieġ li jinkludi kull informazzjoni li titqies rilevanti biex tgħin lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni.

    (17)

    Sabiex tiġi żgurata valwazzjoni ġusta, prudenti u realistika, il-valwatur jenħtieġ li jivvaluta l-impatt fuq il-valwazzjoni ta’ kull azzjoni ta’ riżoluzzjoni li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni x’aktarx tadotta, u jenħtieġ li, jekk ikun neċessarju, jikkonsulta mal-awtorità ta’ riżoluzzjoni sabiex jikkunsidrahom. Il-valwatur jenħtieġ li jkun jista’ jikkonsulta wkoll mal-awtorità ta’ riżoluzzjoni biex jidentifika l-firxa ta’ azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni li jkunu qed jiġu kkunsidrati. Jekk ikun meħtieġ, il-valwatur jenħtieġ li jkun jista’ jippreżenta valwazzjonijiet separati li jirriflettu l-impatt ta’ firxa varjata biżżejjed ta’ azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni.

    (18)

    Għall-istess raġunijiet, il-valwazzjonijiet għall-finijiet li tiġi infurmata d-determinazzjoni mill-awtorità kompetenti jew mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni jkunux issodisfati jenħtieġ li jkunu konsistenti mal-qafas kontabilistiku u prudenzjali applikabbli. Il-valwatur, madankollu, jenħtieġ li jkun jista’ jiddevja minn suppożizzjonijiet magħmula mill-maniġment tas-CCP mill-preparazzjoni tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji dment li din id-devjazzjoni tkun konsistenti mal-qafas ta’ kontabbiltà u regolatorju prudenzjali applikabbli.

    (19)

    Huwa xieraq li jkun hemm regoli li jiżguraw li l-valwazzjoni għall-finijiet li tiġi infurmata l-għażla tal-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni tkun ġusta, prudenti u realistika, sabiex jiġi żgurat li t-telf kollu jiġi rikonoxxut bis-sħiħ fil-mument li jiġu applikati l-għodod ta’ riżoluzzjoni. L-għażla tal-bażi tal-kejl l-aktar xierqa jenħtieġ li ssir għall-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni partikolari li jkunu qed jiġu kkunsidrati mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni.

    (20)

    Il-valwazzjonijiet għall-finijiet li jiġu infurmati l-għażla u t-tfassil tal-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni jenħtieġ li jivvalutaw il-valur ekonomiku tas-CCP u mhux il-valur kontabilistiku tagħha. Dawn il-valwazzjonijiet jenħtieġ li jikkunsidraw il-valur preżenti ta’ flussi ta’ flus li s-CCP tista’ tistenna b’mod raġonevoli, anki fejn dan jeħtieġ li jsir tluq minn qafas ta’ kontabbiltà jew ta’ valwazzjoni prudenzjali. Dawn il-valwazzjonijiet jenħtieġ li jikkunsidraw ukoll li l-flussi ta’ flus jistgħu jirriżultaw mill-kontinwazzjoni taż-żamma tal-assi, iżda jenħtieġ li jqisu l-effetti potenzjali tar-riżoluzzjoni fuq il-flussi futuri ta’ flus. Alternattivament, jekk is-CCP ma jkollhiex il-kapaċità li żżomm l-assi, jew id-disponiment tagħhom ikun meqjus neċessarju jew xieraq biex jintlaħqu l-objettivi tar-riżoluzzjoni, il-valwazzjoni jenħtieġ li tirrifletti l-fatt li dawk il-flussi ta’ flus jistgħu jirriżultaw mid-disponiment tal-assi, l-obbligazzjonijiet jew il-linji tan-negozju, ivvalutati tul perjodu definit ta’ disponiment.

    (21)

    Il-valur ta’ disponiment jenħtieġ li ġeneralment jinftiehem bħala ekwivalenti għall-prezz tas-suq osservabbli li jista’ jinkiseb fis-suq għal assi partikolari jew għal grupp ta’ assi u jista’ jirrifletti tnaqqis li huwa xieraq fid-dawl tal-ammont tal-assi li jkunu qed jiġu ttrasferiti. Madankollu, il-valwatur jenħtieġ li jkun jista’, fejn xieraq, wara li jqis l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu permezz tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, jiddetermina l-valur ta’ disponiment billi japplika tnaqqis f’dan il-prezz tas-suq osservabbli li jikkorrispondi għal bejgħ potenzjali aċċellerat. Jekk l-assi ma jkollhomx suq likwidu, il-valur ta’ disponiment jenħtieġ li jkun iddeterminat b’referenza għall-prezzijiet osservabbli fis-swieq fejn assi simili jkunu nnegozjati jew għal kalkoli bl-użu ta’ mudell li jużaw parametri osservabbli tas-suq bi skontijiet għal illikwidità fejn xieraq. Meta jiġi kkontemplat l-użu tal-għodda tal-bejgħ tan-negozju jew tal-għodda tas-CCP tranżizzjonali, jenħtieġ li jkun possibbli li jitqiesu aspettattivi raġonevoli għall-valur ta’ franchise meta jiġi ddeterminat il-valur tad-disponiment.

    (22)

    Għall-finijiet li tiġi żgurata l-konsistenza bejn il-kalkolu tal-istima tat-trattament li kull klassi ta’ azzjonisti u kredituri kienet tkun mistennija li tirċievi li kieku l-istituzzjoni jew l-entità ġiet stralċjata skont proċedimenti normali ta’ insolvenza, meħtieġa mill-Artikolu 25(5) tar-Regolament (UE) 2021/23, u l-valwazzjoni wara riżoluzzjoni skont l-Artikolu 61 ta’ dak ir-Regolament, huwa importanti li l-valwatur juża l-kriterji stabbiliti għall-valwazzjoni tal-aħħar, fejn xieraq.

    (23)

    Valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2021/23 li tifforma l-bażi tad-deċiżjoni dwar it-teħid tal-azzjoni ta’ riżoluzzjoni xierqa għandha tinkludi buffer intiż sabiex jagħti approssimazzjoni tal-ammont ta’ telf addizzjonali. Dan il-buffer jenħtieġ li jkun ibbażat fuq valutazzjoni ġusta, prudenti u realistika ta’ dan it-telf addizzjonali. Id-deċiżjonijiet u s-suppożizzjonijiet li jsostnu l-kalkolu tal-buffer jenħtieġ li jkunu spjegati u sostanzjati għal kollox fir-rapport ta’ valwazzjoni.

    (24)

    Jenħtieġ li l-buffer ma jippreġudikax il-valutazzjoni li trid issir mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni, inkluż jekk il-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni stabbiliti fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2021/23 ikunux issodisfati, kif ukoll meta tittieħed deċiżjoni infurmata dwar l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni xierqa li għandhom jittieħdu.

    (25)

    Il-valwazzjoni skont l-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) 2021/23 għandha titwettaq minn valwatur li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25 ta’ dak ir-Regolament mill-aktar fis possibbli wara li tkun saret l-azzjoni jew ikunu saru l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni, anki jekk it-tlestija tagħha tista’ tieħu xi żmien. Din il-valwazzjoni jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-informazzjoni disponibbli rilevanti fid-data meta tiġi adottata d-deċiżjoni sabiex tiġi riżolta CCP, biex jiġu riflessi b’mod xieraq ċirkostanzi speċifiċi, bħal kundizzjonijiet ta’ suq f’diffikultà, eżistenti f’din id-data tad-deċiżjoni tar-riżoluzzjoni. L-informazzjoni miksuba wara d-data tad-deċiżjoni tar-riżoluzzjoni jenħtieġ li tintuża biss meta din setgħet kienet raġonevolment magħrufa f’din id-data.

    (26)

    Biex jiġi żgurat li titwettaq valwazzjoni komprensiva u kredibbli, il-valwatur jenħtieġ li jkollu aċċess għal kull dokumentazzjoni legali xierqa, inkluża lista ta’ kull assi, pretensjoni, assi kontinġenti u pretensjoni kontinġenti identifikabbli kontra l-entità, ikklassifikati skont il-prijorità tagħhom skont proċeduri normali ta’ insolvenza. Il-valwatur jenħtieġ li jitħalla jagħmel arranġamenti biex jikseb pariri speċjalizzati jew għarfien espert kif mitlub miċ-ċirkostanzi.

    (27)

    Għall-finijiet li jiġi ddeterminat it-trattament li l-azzjonisti, il-membri tal-ikklerjar u kredituri oħra kienu jirċievu li kieku s-CCP ġiet stralċjata skont proċedimenti normali ta’ insolvenza, il-valwatur jenħtieġ li jivvaluta l-ammont skontat tal-flussi ta’ flus mistennija li kull azzjonist, membru tal-ikklerjar u kreditur ieħor kienu jirċievu taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza, wara l-applikazzjoni sħiħa tal-obbligi kuntrattwali applikabbli u arranġamenti oħra fir-regoli operazzjonali tas-CCP. Il-valwatur jenħtieġ li jinjora kull forniment ta’ appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju lis-CCP jew assistenza ta’ likwidità tal-bank ċentrali pprovduta skont kollateralizzazzjoni, terminu tal-kuntratt u termini tal-imgħax mhux standard.

    (28)

    Il-valwatur jenħtieġ li jqis ukoll stima kummerċjalment raġonevoli tal-kostijiet ta’ sostituzzjoni diretti mġarrba mill-membri tal-ikklerjar taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza. Dawn il-kostijiet jenħtieġ li jkopru l-kost imġarrab meta jiġu sostitwiti t-tranżazzjonijiet miftuħa fis-CCP qabel l-insolvenza, inklużi l-kostijiet tal-kreditu, tal-likwidità u tat-tranżazzjoni, kif ukoll il-kostijiet operazzjonali assoċjati ma’ konnessjonijiet ġodda ma’ kontroparti differenti, u kull kost materjali ta’ finanzjament għar-rekwiżiti l-ġodda tal-kollateral assoċjati ma’ dawk it-tranżazzjonijiet.

    (29)

    Id-dispożizzjonijiet f’dan ir-Regolament huma marbuta mill-qrib ma’ xulxin, peress li jittrattaw iċ-ċirkostanzi u l-metodoloġija għall-valwazzjoni tal-assi u tal-obbligazzjonijiet fil-kuntest tar-riżoluzzjoni ta’ CCP. Sabiex tiġi żgurata koerenza bejn dawk id-dispożizzjonijiet, li jenħtieġ li jidħlu fis-seħħ fl-istess ħin, u sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess ta’ riżoluzzjoni, hemm bżonn li s-CCPs, il-membri tal-ikklerjar, il-klijenti tagħhom, l-awtoritajiet u l-parteċipanti fis-suq, inklużi l-investituri li ma humiex residenti tal-Unjoni, ikollhom viżjoni globali u aċċess kompatt għall-obbligi u għad-drittijiet tagħhom. Għalhekk, huwa xieraq li l-istandards tekniċi regolatorji rilevanti meħtieġa mill-Artikoli 25(6), 26(4) u 61(5) tar-Regolament (UE) 2021/23 jiġu inklużi f’Regolament wieħed.

    (30)

    Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozzi tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentati lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq.

    (31)

    L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    Dispożizzjonijiet ġenerali

    Artikolu 1

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    1.

    “awtorità kompetenti rilevanti” tfisser:

    (a)

    l-awtorità ta’ riżoluzzjoni maħtura f’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2021/23;

    (b)

    l-awtorità kompetenti għall-kontroparti ċentrali (CCP) skont riżoluzzjoni maħtura f’konformità mal-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

    (c)

    il-membri u l-osservaturi tal-kulleġġ ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 4(2) u (4) tar-Regolament (UE) 2021/23;

    (d)

    il-membri tal-kulleġġ imsemmija fl-Artikolu 18(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

    (e)

    l-awtorità kompetenti għal kwalunkwe entità fl-istess grupp bħas-CCP taħt riżoluzzjoni;

    (f)

    l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti li s-CCP taħt riżoluzzjoni hija affiljata magħha, meta din is-CCP tkun awtorizzata wkoll bħala istituzzjoni ta’ kreditu f’konformità mad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4);

    (g)

    il-korp inkarigat mill-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni meta is-CCP tkun awtorizzata wkoll bħala istituzzjoni ta’ kreditu f’konformità mad-Direttiva 2013/36/UE;

    (h)

    fejn applikabbli, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tal-grupp li għalih tappartjeni s-CCP, u l-awtorità ta’ riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe entità fl-istess grupp bħas-CCP;

    (i)

    il-ministeru kompetenti maħtur skont l-Artikolu 3(8) tar-Regolament (UE) 2021/23;

    (j)

    kull awtorità pubblika oħra involuta fil-proċess ta’ riżoluzzjoni ta’ CCP.

    2.

    “valwatur” tfisser persuna ġuridika jew fiżika maħtura biex twettaq il-valwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 24, 26(1) u 61 tar-Regolament (UE) 2021/23;

    3.

    “valur ġust” tfisser il-prezz li jkun riċevut biex jinbiegħ assi jew li jiġi mħallas biex tiġi ttrasferita obbligazzjoni fi tranżazzjoni ordinata bejn parteċipanti fis-suq fid-data tal-valwazzjoni, kif definit skont il-qafas tal-kontabbiltà rilevanti;

    4.

    “valur ta’ żamma” tfisser il-valur attwali, imnaqqas b’rata xierqa, ta’ flussi ta’ flus li s-CCP tista’ tistenna b’mod raġonevoli taħt suppożizzjonijiet ġusti, prudenti u realistiċi talli jinżammu assi u obbligazzjonijiet partikolari, filwaqt li jiġu kkunsidrati fatturi li jaffettwaw l-imġiba tal-konsumatur jew ta’ kontroparti jew parametri ta’ valwazzjoni oħrajn fil-kuntest ta’ riżoluzzjoni;

    5.

    “valur tad-disponiment” tfisser il-valur ikkalkolat f’konformità mal-Artikolu 17(5);

    6.

    “valur ta’ franchise” tfisser il-valur attwali nett tal-flussi tal-flus, ogħla jew anqas mill-valur li jirriżulta mit-termini u l-kundizzjonijiet kuntrattwali tal-assi u l-obbligazzjonijiet eżistenti fid-data tal-valwazzjoni, li jista’ jkun raġonevolment mistenni li jirriżulta miż-żamma u mit-tiġdid tal-assi u tal-obbligazzjonijiet jew tan-negozji, u li jinkludi l-impatt ta’ kull opportunità ta’ negozju, kif rilevanti, inklużi dawk li jirriżultaw mill-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni differenti li jiġu vvalutati mill-valwatur;

    7.

    “valur tal-ekwità” tfisser prezz tas-suq stmat għal ishma ttrasferiti jew maħruġa, li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ metodoloġiji ta’ valwazzjoni ġeneralment aċċettati u li, skont in-natura tal-assi jew tan-negozju, jista’ jinkludi valur ta’ franchise;

    8.

    “bażijiet tal-kejl” tfisser l-approċċ għad-determinazzjoni tal-ammonti monetarji li bihom l-assi jew l-obbligazzjonijiet huma ppreżentati mill-valwatur;

    9.

    “data tad-deċiżjoni tar-riżoluzzjoni” tfisser id-data tad-deċiżjoni tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni li tieħu azzjoni ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ CCP f’konformità mal-Artikolu 71 tar-Regolament (UE) 2021/23.

    KAPITOLU II

    Indipendenza tal-valwaturi

    Artikolu 2

    Elementi tal-indipendenza

    1.   Il-valwatur għandu jitqies li jkun indipendenti minn kwalunkwe awtorità pubblika rilevanti u mis-CCP meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin fil-mument tal-ħatra tiegħu u matul il-valwazzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet tas-CCP imsemmija fl-Artikolu 24, l-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) 2021/23:

    (a)

    il-valwatur ma jkollu ebda interess komuni jew kunfliġġenti materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament;

    (b)

    il-valwatur ikollu l-kwalifiki, l-esperjenza, il-kapaċità, l-għarfien u r-riżorsi meħtieġa skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament biex ikun jista’ jwettaq b’mod effettiv il-valwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 24, l-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) 2021/23;

    (c)

    il-valwatur ikun separat mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u mis-CCP f’konformità mal-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament.

    2.   L-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tistabbilixxi lista ta’ valwaturi potenzjali li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu. Dik il-lista għandha tiġi rieżaminata fuq bażi regolari.

    Artikolu 3

    Interessi materjali komuni jew kunfliġġenti

    1.   Il-valwatur ma għandu jkollu l-ebda interess materjali proprju jew potenzjali komuni jew f’kunflitt ma’ xi awtorità pubblika rilevanti jew mas-CCP.

    2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tikkunsidra interess proprju jew potenzjali bħala materjali meta tqis li dan l-interess x’aktarx li jinfluwenza, jew x’aktarx li jitqies minn partijiet ikkonċernati esterni bħala li jinfluwenza l-ġudizzju tal-valwatur fit-twettiq tal-valwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 24, l-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) 2021/23.

    Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tikkunsidra dan li ġej:

    (a)

    il-forniment fil-passat jew fil-preżent ta’ servizzi mill-valwatur applikant lis-CCP jew lil awtorità pubblika rilevanti;

    (b)

    kull relazzjoni personali u finanzjarja bejn il-valwatur applikant u s-CCP jew awtorità pubblika rilevanti.

    3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tikkunsidra l-interessi komuni jew kunfliġġenti mal-partijiet li ġejjin bħala rilevanti:

    (a)

    il-maniġment superjuri u l-membri tal-korp maniġerjali tas-CCP u kwalunkwe kumpanija ta’ grupp tas-CCP kif imsemmi fl-Artikolu 2, il-punt (28), tar-Regolament (UE) 2021/23;

    (b)

    il-persuni ġuridiċi jew fiżiċi li jikkontrollaw jew li għandhom parteċipazzjoni kwalifikanti fis-CCP;

    (c)

    il-kredituri identifikati mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni bħala sinifikanti abbażi tal-informazzjoni disponibbli għall-awtorità ta’ riżoluzzjoni;

    (d)

    il-membri tal-ikklerjar tas-CCP kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (12), tar-Regolament (UE) 2021/23; klijenti tas-CCP kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (18), ta’ dak ir-Regolament; u klijenti indiretti tas-CCP kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (20), ta’ dak ir-Regolament;

    (e)

    CCPs interoperabbli kif definiti fl-Artikolu 2, il-punt (21), tar-Regolament (UE) 2021/23.

    4.   L-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tqis li valwatur ikollu interess materjali proprju komuni jew kunfliġġenti mas-CCP meta:

    (a)

    fis-sena ta’ qabel id-data li fiha tiġi vvalutata l-eliġibbiltà tal-valwatur, il-valwatur ikun lesta awditu statutorju tas-CCP skont id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5);

    (b)

    il-valwatur ikun ġie impjegat mis-CCP jew minn awtorità pubblika rilevanti matul il-perjodu ta’ 3 snin qabel il-valutazzjoni tal-indipendenza tiegħu.

    5.   Persuna maħtura bħala valwatur għandha:

    (a)

    iżżomm, f’konformità ma’ kwalunkwe kodiċi tal-etika u standard professjonali applikabbli, politiki u proċeduri biex tidentifika kull interess proprju jew potenzjali li jista’ jitqies li jikkostitwixxi interess materjali;

    (b)

    tinnotifika lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni mingħajr dewmien dwar kull interess proprju jew potenzjali komuni jew f’kunflitt ma’ kwalunkwe awtorità pubblika rilevanti jew mas-CCP li l-valwatur iqis li jista’, fil-valutazzjoni tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni, jitqies li jammonta għal interess materjali;

    (c)

    tieħu passi xierqa biex tiżgura li l-ebda membru tal-persunal jew persuni oħra involuti fit-twettiq tal-valwazzjoni ma jkollhom xi interess materjali komuni jew kunfliġġenti ma’ kwalunkwe awtorità pubblika rilevanti jew mas-CCP;

    (d)

    tinnotifika lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni dwar kull investiment materjali jew interessi finanzjarji materjali oħrajn u tikkonferma li ma jkunux kunfliġġenti mal-pożizzjoni tagħha bħala valwatur;

    (e)

    meta dik il-persuna tkun persuna ġuridika, tipprovdi evidenza ta’ separazzjoni strutturali effiċjenti jew ta’ arranġamenti oħrajn li jkunu tpoġġew fis-seħħ, jew li għandhom jitpoġġew fis-seħħ, biex jindirizzaw kull theddida għall-indipendenza bħal awtorieżami, awtointeress, rakkomandazzjoni, familjarità, fiduċja jew intimidazzjoni, inklużi arranġamenti biex jiddifferenzjaw bejn dawk il-membri tal-persunal li jistgħu jkunu involuti fil-valwazzjoni u membri oħrajn tal-persunal;

    (f)

    meta l-persuna tkun awditur statutorju, tiżgura li l-awditur ikun debitament kopert minn regoli interni għall-ġestjoni ta’ kwalunkwe kunflitt ta’ interess;

    (g)

    tinnotifika lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni dwar l-attivitajiet tagħhom rilevanti għall-ħatra għall-perjodu ta’ 3 snin qabel il-valutazzjoni tal-indipendenza tal-valwatur;

    (h)

    ma tfittix, jew ma taċċettax, vantaġġi finanzjarji jew xi vantaġġi oħrajn minn ebda awtorità pubblika rilevanti jew mis-CCP, mingħajr preġudizzju għall-pagament lill-valwatur ta’ remunerazzjoni u spejjeż li huma raġonevoli b’rabta mat-twettiq tal-valwazzjoni.

    Artikolu 4

    Il-kwalifiki, l-esperjenza, il-ħila, l-għarfien u r-riżorsi

    1.   Il-valwatur għandu jkollu l-kwalifiki, l-esperjenza, il-kapaċità u l-għarfien meħtieġa u għandu jżomm jew ikollu aċċess għal riżorsi umani u tekniċi suffiċjenti biex ikun jista’ jwettaq il-valwazzjoni b’mod effettiv u biex jivvaluta b’mod indipendenti l-valwazzjoni mingħajr dipendenza bla bżonn fuq xi awtorità pubblika rilevanti jew fuq is-CCP.

    2.   Il-valwatur għandu jkun kwalifikat bħala awditur statutorju jew ditta tal-awditjar statutorja kif definit fl-Artikolu 2, il-punti (2) u (3) tad-Direttiva 2006/43/KE.

    3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, persuna kkunsidrata għall-pożizzjoni ta’ valwatur għandha tipprovdi evidenza jew konferma bil-miktub tal-esperjenza, tal-kapaċità u tal-għarfien meħtieġa li ġejjin:

    (a)

    tal-valwazzjonijiet magħmula minn strumenti finanzjarji, tal-valwazzjoni wara n-negozjar, u b’mod partikolari tal-istrumenti kklerjati mis-CCP;

    (b)

    tar-Regolament (UE) 2021/23 u r-Regolament (UE) Nru 648/2012;

    (c)

    li tapplika u tifhem il-pjanijiet ta’ rkupru u l-kotba tar-regoli tas-CCP;

    (d)

    li tapplika u tifhem il-pjan ta’ riżoluzzjoni tas-CCP u l-għodod ta’ riżoluzzjoni applikabbli skont ir-Regolament (UE) 2021/23.

    4.   Il-valwatur għandu jkun jista’ japplika l-kompetenza u l-esperjenza tiegħu b’mod indipendenti u ma jkollux bżonn ifittex jew jieħu xi struzzjonijiet jew gwida minn xi awtorità pubblika rilevanti jew mis-CCP.

    5.   Il-paragrafu 4 ma għandux jipprevjeni l-għoti ta’ struzzjonijiet, gwida, bini, tagħmir tekniku jew forom oħra ta’ appoġġ meta l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tqis li dan ikun meħtieġ u li dan ma jaffettwax il-ġudizzju tal-valwatur fit-twettiq tal-valwazzjoni msemmija fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2021/23.

    Artikolu 5

    Separazzjoni strutturali

    1.   Il-valwatur għandu jkun legalment, strutturalment, operazzjonalment u effettivament separat minn kwalunkwe awtorità pubblika rilevanti u mis-CCP.

    2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

    (a)

    meta l-valwatur ikun persuna fiżika, il-valwatur ma għandu jkun impjegat jew kuntrattur ta’ ebda awtorità pubblika rilevanti jew tas-CCP;

    (b)

    meta l-valwatur ikun persuna ġuridika, il-valwatur ma għandux jappartjeni għall-istess grupp ta’ kumpaniji bħas-CCP.

    KAPITOLU III

    Metodoloġija għall-valutazzjoni tal-valur tal-assi u l-obbligazzjonijiet tas-ccp qabel u wara r-riżoluzzjoni

    Taqsima 1

    Dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-valwazzjonijiet skont l-Artikolu 24 u l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23

    Artikolu 6

    Kriterji ġenerali

    1.   Waqt il-valwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 24 u fl-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, il-valwatur, jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni meta twettaq valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, għandha tikkunsidra ċ-ċirkostanzi li jaffettwaw il-flussi ta’ flus mistennija u r-rati ta’ skont applikabbli għall-assi u l-obbligazzjonijiet tas-CCP li jirriżultaw mill-falliment tal-membri tal-ikklerjar tas-CCP jew avvenimenti mhux ta’ inadempjenza.

    Il-valwatur, jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni meta twettaq valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, għandu jkollha l-għan li tirrappreżenta b’mod ġust il-pożizzjoni finanzjarja tas-CCP fil-kuntest tal-opportunitajiet u r-riskji li jittrattaw.

    2.   Il-valwatur, jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni meta twettaq valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, għandha tiddivulga u tiġġustifika s-suppożizzjonijiet ewlenin użati fil-valwazzjoni.

    Kull devjazzjoni sinifikanti fil-valwazzjoni mis-suppożizzjonijiet jew mir-regoli użati mill-maniġment tas-CCP fil-preparazzjoni tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji u fil-kalkolu tal-kapital regolatorju tas-CCP u r-rekwiżiti kapitali għandha tiġi sostnuta mill-aħjar informazzjoni disponibbli.

    3.   Il-valwatur, jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni, meta twettaq valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, għandha tipprovdi l-aħjar stima tal-punt tal-valur ta’ assi, obbligazzjoni, jew kombinazzjonijiet partikolari tagħhom.

    Jekk ikun xieraq, ir-riżultati tal-valwazzjoni għandhom jiġu pprovduti wkoll fil-forma ta’ firxa ta’ valuri.

    4.   Il-kriterji stabbiliti f’dan ir-Regolament għall-kejl ta’ assi u obbligazzjonijiet individwali ta’ CCP, għandhom japplikaw ukoll għall-kejl ta’ portafolli jew gruppi ta’ assi jew assi u obbligazzjonijiet kombinati, negozji, jew is-CCP ikkunsidrata bħala ħaġa waħda, skont kif jirrikjedu ċ-ċirkostanzi.

    5.   Il-valwazzjoni għandha tagħmel subdiviżjoni tal-kredituri f’kategoriji skont il-klassifika ta’ prijorità tagħhom taħt il-liġi applikabbli ta’ insolvenza, u għandha tinkludi l-istimi li ġejjin:

    (a)

    il-valur ta’ pretensjonijiet ta’ kull kategorija skont il-liġi applikabbli ta’ insolvenza u, fejn ikun rilevanti u fattibbli, skont id-drittijiet kuntrattwali mogħtija fuq il-pretendenti;

    (b)

    ir-rikavati li kull kategorija tirċievi kieku s-CCP kellha tiġi stralċjata taħt proċeduri normali ta’ insolvenza.

    Meta jikkalkula l-istimi skont il-punti (a) u (b), il-valwatur jista’ jsegwi l-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 22 ta’ dan ir-Regolament.

    6.   Jekk ikun xieraq u fattibbli, filwaqt li tikkunsidra t-twaqqit u l-kredibbiltà tal-valwazzjoni, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ titlob bosta valwazzjonijiet. F’dak il-każ, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tistabbilixxi l-kriterji biex tiddetermina kif għandhom jintużaw dawk il-valwazzjonijiet għall-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2021/23.

    Artikolu 7

    Data tal-valwazzjoni

    Id-data tal-valwazzjoni għandha tkun waħda mid-dati li ġejjin:

    (a)

    data ta’ referenza kif iddeterminata mill-valwatur, jew mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni meta twettaq valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, u stabbilita kemm jista’ jkun qrib id-data mistennija ta’ deċiżjoni mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni biex tieħu azzjoni ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tas-CCP f’konformità mal-Artikolu 71 tar-Regolament (UE) 2021/23, jew biex teżerċita s-setgħa li strumenti ta’ sjieda u ta’ dejn jew obbligazzjonijiet mhux garantiti oħrajn stabbiliti fl-Artikolu 33 ta’ dak ir-Regolament jiġu vvalutati b’mod negattiv jew jiġu konvertiti;

    (b)

    meta titwettaq valwazzjoni definittiva meħtieġa mill-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2021/23, id-data tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni;

    (c)

    fir-rigward tal-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn kuntratti msemmija fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, id-data li fiha dawk il-kuntratti jiġu tterminati.

    Artikolu 8

    Sorsi ta’ informazzjoni

    Il-valwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq kull informazzjoni li tkun disponibbli fid-data tal-valwazzjoni u meqjusa rilevanti mill-valwatur, jew mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni meta twettaq valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23. Minbarra d-dikjarazzjonijiet finanzjarji, ir-rapporti ta’ valwazzjoni, ir-rapporti tal-awditjar u r-rapportar regolatorju relatati tas-CCP fuq perjodu li jintemm kemm jista’ jkun qrib id-data tal-valwazzjoni, din l-informazzjoni rilevanti tista’ tinkludi dan li ġej:

    (a)

    id-dikjarazzjonijiet finanzjarji aġġornati u r-rapportar regolatorju ppreparati mis-CCP kemm jista’ jkun qrib id-data tal-valwazzjoni;

    (b)

    spjegazzjoni tar-regoli, il-metodoloġiji, is-suppożizzjonijiet u l-ġudizzji ewlenin użati mis-CCP sabiex jitħejjew ir-rapporti finanzjarji u r-rapportar regolatorju;

    (c)

    data inkluża fir-rekords tas-CCP;

    (d)

    data dwar is-suq rilevanti;

    (e)

    konklużjonijiet tal-valwatur minn diskussjonijiet mal-maniġment u mal-awdituri;

    (f)

    fejn ikunu disponibbli, valutazzjonijiet superviżorji tal-kundizzjoni finanzjarja tas-CCP, inkluża l-informazzjoni miksuba skont l-Artikolu 18(1), il-punt (h), tar-Regolament (UE) 2021/23;

    (g)

    valutazzjonijiet tal-industrija kollha dwar il-kwalità tal-assi, fejn rilevanti għall-assi tas-CCP, kif ukoll ir-riżultati tat-testijiet tal-istress;

    (h)

    valwazzjonijiet tal-pari, aġġustati fejn u kif xieraq biex ikopru ċ-ċirkostanzi speċifiċi tas-CCP;

    (i)

    informazzjoni storika, aġġustata b’mod adegwat biex jiġu eliminati fatturi li ma għadhomx rilevanti, u biex jiġu inkorporati fatturi oħrajn li ma affettwawx l-informazzjoni storika; jew

    (j)

    analiżijiet tax-xejriet, aġġustati fejn u kif xieraq biex jirriflettu ċ-ċirkostanzi speċifiċi tas-CCP.

    Artikolu 9

    Impatt tal-arranġamenti tal-grupp

    1.   Meta s-CCP tifforma parti minn grupp, il-valwatur, jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni li twettaq valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, għandha tqis l-impatt tal-arranġamenti kuntrattwali ta’ appoġġ intragrupp eżistenti fuq il-valur tal-assi u l-obbligazzjonijiet meta, abbażi taċ-ċirkostanzi, huwa probabbli li dawk l-arranġamenti jidħlu fis-seħħ.

    2.   Il-valwatur, jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni meta twettaq valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, għandha tqis biss l-impatt ta’ arranġamenti formali jew informali oħra ta’ appoġġ fi ħdan il-grupp meta, abbażi taċ-ċirkostanzi, jkun probabbli li dawk l-arranġamenti jibqgħu fis-seħħ fil-kuntest tal-kundizzjoni finanzjarja taħt stress ta’ grupp jew f’riżoluzzjoni.

    3.   Il-valwatur, jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni meta twettaq valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, għandha tiddetermina jekk ir-riżorsi ta’ CCP li hija parti minn grupp ikunux disponibbli biex jiġi ssodisfat it-telf ta’ entitajiet oħra tal-grupp.

    Artikolu 10

    Impatt tal-arranġamenti tal-interoperabbiltà

    Meta s-CCP tkun daħlet f’arranġamenti ta’ interoperabbiltà f’konformità mal-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, il-valwatur, jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni meta twettaq valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, għandha tqis l-impatt potenzjali ta’ dawn l-arranġamenti fuq il-valur tal-assi u l-obbligazzjonijiet tas-CCP.

    Artikolu 11

    Rapport ta’ valwazzjoni

    Il-valwatur għandu jipprepara rapport ta’ valwazzjoni għall-awtorità ta’ riżoluzzjoni, li għandu jinkludi mill-inqas dan li ġej:

    (a)

    l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 25(4) tar-Regolament (UE) 2021/23, ħlief fir-rigward ta’ valwazzjonijiet provviżorji kif imsemmi fl-Artikolu 26(1) ta’ dak ir-Regolament;

    (b)

    l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 25(5) tar-Regolament (UE) 2021/23, ħlief fir-rigward ta’ valwazzjonijiet provviżorji kif imsemmi fl-Artikolu 26(1) ta’ dak ir-Regolament;

    (c)

    il-valwazzjoni tal-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn kuntratti msemmija fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament (UE) 2021/23;

    (d)

    sommarju tal-valwazzjoni inkluż spjegazzjoni tal-aħjar stima tal-punt, firxa ta’ valuri u s-sorsi ta’ inċertezza tal-valwazzjoni;

    (e)

    spjegazzjoni tal-metodoloġiji u s-suppożizzjonijiet prinċipali użati mill-valwatur meta jwettaq il-valwazzjoni, flimkien ma’ spjegazzjoni ta’ kemm hija sensittiva l-valwazzjoni għall-għażliet ta’ dawk il-metodoloġiji u suppożizzjonijiet u, fejn fattibbli, spjegazzjoni ta’ kif dawk il-metodoloġiji u s-suppożizzjonijiet huma differenti minn dawk użati għal valwazzjonijiet rilevanti oħrajn, inklużi valwazzjonijiet preliminari ta’ riżoluzzjoni;

    (f)

    kull informazzjoni addizzjonali li fl-opinjoni tal-valwatur tassisti lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni jew lill-awtorità kompetenti għall-finijiet tal-Artikolu 24(1), (2) u (3) u l-Artikolu 26(1), (2) u (3) tar-Regolament (UE) 2021/23.

    Taqsima 2

    Kriterji għat-twettiq ta’ valwazzjonijiet għall-finijiet tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament (UE) 2021/23

    Artikolu 12

    Prinċipji ġenerali

    1.   Il-valwazzjonijiet imwettqa għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 24(2) tar-Regolament (UE) 2021/23 għandhom ikunu bbażati fuq suppożizzjonijiet ġusti, prudenti u realistiċi, u għandhom ifittxu li jiżguraw li t-telf taħt ix-xenarju xieraq ikun kompletament rikonoxxut.

    Meta jkun hemm valwazzjoni bħal din disponibbli, hija għandha tinforma l-valutazzjoni tal-awtorità kompetenti jew tal-awtorità ta’ riżoluzzjoni kif xieraq, meta jiġi ddeterminat li CCP “tkun qed tfalli jew x’aktarx li tfalli” kif imsemmi fl-Artikolu 22(1), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2021/23.

    Abbażi ta’ gwida superviżorja eżistenti jew ta’ sorsi rikonoxxuti b’mod ġenerali oħrajn li jistabbilixxu kriterji għall-kejl ġust u realistiku ta’ tipi differenti ta’ assi u obbligazzjonijiet, il-valwatur, jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni meta twettaq valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, tista’ tikkontesta r-regoli, is-suppożizzjonijiet, id-data, il-metodoloġiji u l-ġudizzji li fuqhom is-CCP ibbażat il-valwazzjonijiet li użat għas-sodisfar tal-obbligi ta’ rapportar finanzjarju tagħha jew għall-kalkolu tal-kapital regolatorju tagħha jew tar-rekwiżiti kapitali tagħha u tinjorahom għall-finijiet tal-valwazzjoni tagħhom.

    2.   Il-valwatur, jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni meta twettaq valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, għandha tiddetermina l-aktar metodoloġiji ta’ valwazzjoni xierqa, li jistgħu jibbażaw fuq il-mudelli u r-regoli interni tas-CCP fejn il-valwatur, jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni meta twettaq valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, tikkunsidra li jkun xieraq filwaqt li tqis in-natura tal-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tas-CCP u l-kwalità tad-data u l-informazzjoni disponibbli.

    3.   Il-valwazzjonijiet għandhom ikunu konsistenti mal-qafas tal-kontabbiltà u prudenzjali applikabbli.

    Artikolu 13

    Oqsma li jeħtieġu attenzjoni partikolari fil-valwazzjoni

    Il-valwatur, jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni meta twettaq valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, għandha tiffoka b’mod partikolari fuq oqsma soġġetti għal inċertezza sinifikanti fil-valwazzjoni li għandhom impatt sinifikanti fuq il-valwazzjoni ġenerali għall-finijiet tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament (UE) 2021/23.

    Għall-oqsma msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-valwatur, jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni meta twettaq valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, għandha tipprovdi r-riżultati tal-valwazzjoni fil-forma ta’ stimi tal-aħjar punt u, fejn xieraq, firxiet tal-valur, kif stabbilit fl-Artikolu 6(3). Dawk l-oqsma għandhom jinkludu:

    (a)

    kuntratti msemmija fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament (UE) 2021/23;

    (b)

    self, li l-flussi ta’ flus mistennija tiegħu jiddependu fuq il-kapaċità, ir-rieda jew l-inċentiv ta’ kontroparti li twettaq l-obbligi tagħha;

    (c)

    assi riposseduti, li l-flussi ta’ flus tagħhom ikunu affettwati kemm mill-valur ġust tal-assi fiż-żmien meta s-CCP tipprekludi t-titolu jew il-privileġġ relatati, kif ukoll mill-evoluzzjoni mistennija ta’ dan il-valur wara l-preklużjoni;

    (d)

    kwalunkwe strument ieħor imkejjel bil-valur ġust meta l-kalkolu ta’ dan il-valur ġust f’konformità mar-rekwiżiti kontabilistiċi jew prudenzjali li japplikaw għall-evalwazzjoni tagħhom b’referenza għall-prezz tas-suq jew b’referenza għal mudell ma jkunx għadu applikabbli jew validu meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi;

    (e)

    avvjament u assi intanġibbli, meta t-test ta’ indeboliment jista’ jiddependi fuq ġudizzju suġġettiv, inkluż fir-rigward tal-fluss tal-flus li jista’ jintlaħaq b’mod raġonevoli, ir-rati ta’ tnaqqis, u l-perimetru ta’ unitajiet li jiġġeneraw il-flus;

    (f)

    tilwim legali u azzjonijiet regolatorji, li l-flussi ta’ flus mistennija tagħhom jistgħu jkunu soġġetti għal gradi differenti ta’ inċertezza relatata mal-ammont jew mat-twaqqit tagħhom;

    (g)

    oġġetti li jinkludu assi u obbligazzjonijiet tal-pensjoni u oġġetti tat-taxxa differita.

    Artikolu 14

    Fatturi li jaffettwaw il-valwazzjoni

    1.   Il-valwatur, jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni meta twettaq valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, għandha tqis il-fatturi ġenerali li jistgħu jaffettwaw is-suppożizzjonijiet ewlenin li fuqhom huma bbażati l-valuri tal-assi u tal-obbligazzjonijiet fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 13, inklużi l-fatturi li ġejjin:

    (a)

    iċ-ċirkostanzi ekonomiċi u tal-industrija li jaffettwaw lis-CCP, inklużi avvenimenti ta’ inadempjenza, jew avvenimenti mhux ta’ inadempjenza u l-iżviluppi rilevanti tas-suq;

    (b)

    il-mudell tan-negozju tas-CCP u bidliet fl-istrateġija tagħha;

    (c)

    il-kriterji tal-għażla tal-assi tas-CCP;

    (d)

    ċirkostanzi u prattiki li x’aktarx iwasslu għal xokkijiet ta’ pagament;

    (e)

    ċirkostanzi li jaffettwaw ir-rekwiżiti kapitali;

    (f)

    l-impatt tal-istruttura finanzjarja tas-CCP fuq il-kapaċità tas-CCP li żżomm assi u kuntratti għall-perjodu ta’ żamma mistenni u l-kapaċità tas-CCP li tiġġenera flussi prevedibbli ta’ flus;

    (g)

    ir-regoli operazzjonali u l-allokazzjoni tat-telf tas-CCP;

    (h)

    tħassib dwar il-likwidità ġenerali jew speċifika għas-CCP jew tħassib dwar il-finanzjament.

    2.   Il-valwatur, jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni meta twettaq valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, għandha tissepara b’mod ċar kull qligħ mhux realizzat materjali identifikat fil-proċess ta’ valwazzjoni, safejn dak il-qligħ ma jkunx ġie rikonoxxut fil-valwazzjoni, u għandha tipprovdi informazzjoni xierqa fir-rapport ta’ valwazzjoni taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jkunu wasslu għal dak il-qligħ.

    TAQSIMA 3

    Kriterji għat-twettiq ta’ valwazzjonijiet għall-finijiet tal-Artikolu 24(3) u l-Artikolu 26(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/23

    Artikolu 15

    Prinċipji ġenerali

    1.   Il-valwatur, jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni meta twettaq valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, għandha tivvaluta l-impatt fuq il-valwazzjoni ta’ kull azzjoni ta’ riżoluzzjoni li l-awtorità ta’ riżoluzzjoni x’aktarx tadotta biex tinforma d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 24(3) tar-Regolament (UE) 2021/23.

    Mingħajr preġudizzju għall-indipendenza tal-valwatur, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni tista’ tikkonsulta mal-valwatur sabiex tidentifika l-firxa ta’ azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni li jkunu qegħdin jiġu kkunsidrati minn din l-awtorità, inklużi azzjonijiet li jinsabu fil-pjan ta’ riżoluzzjoni jew, jekk differenti, kull skema ta’ riżoluzzjoni proposta.

    2.   Il-valwatur, f’konsultazzjoni mal-awtorità ta’ riżoluzzjoni jew mal-awtorità ta’ riżoluzzjoni meta jwettaq valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23 għandu, fejn xieraq, jippreżenta valwazzjonijiet separati li jirriflettu l-impatt ta’ firxa varjata biżżejjed ta’ azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni.

    3.   Il-valwatur, jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni meta twettaq valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, għandha tiżgura li, meta jiġu applikati l-għodod ta’ riżoluzzjoni jew meta tiġi eżerċitata s-setgħa ta’ valwazzjoni negattiva jew ta’ konverżjoni ta’ strumenti ta’ sjieda u ta’ dejn jew ta’ obbligazzjonijiet mhux garantiti oħrajn imsemmija fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2021/23, kull telf fuq l-assi tas-CCP jiġi rikonoxxut għal kollox taħt xenarji li jkunu rilevanti għall-firxa ta’ azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni li jkunu qed jiġu kkunsidrati.

    4.   Meta l-valuri fil-valwazzjoni mwettqa mill-valwatur, jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni meta twettaq valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, ivarjaw b’mod sinifikanti mill-valuri ppreżentati mis-CCP fir-rapporti finanzjarji tagħha, il-valwatur, jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni meta twettaq valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, għandha tuża s-suppożizzjonijiet tal-valwazzjoni tagħha stess biex tinforma l-aġġustamenti għas-suppożizzjonijiet u l-politiki kontabilistiċi meħtieġa għat-tħejjija tal-karta bilanċjali aġġornata kif meħtieġ skont l-Artikolu 25(4), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/23, b’mod konsistenti mal-qafas kontabilistiku applikabbli.

    Il-valwatur, jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni meta twettaq valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, għandha tispeċifika l-ammont ta’ telf li tkun identifikat iżda li ma jistax jiġi rikonoxxut fil-karta bilanċjali aġġornata, tiddeskrivi r-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-determinazzjoni ta’ dan it-telf u tipprovdi l-probabbiltà u l-perjodu ta’ żmien tal-okkorrenza tagħhom.

    5.   Meta strumenti ta’ sjieda u strumenti ta’ dejn jew obbligazzjonijiet oħra mhux garantiti jkunu kkonvertiti f’ekwità, il-valwazzjoni għandha tipprovdi stima tal-valur ta’ ekwità wara l-konverżjoni ta’ ishma ġodda trasferiti jew maħruġa bħala konsiderazzjoni lid-detenturi tal-kapital konvertiti jew kredituri oħrajn. Din l-istima għandha tkun il-bażi għad-determinazzjoni tar-rata ta’ konverżjoni jew tar-rati skont l-Artikolu 33(7), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/23.

    Artikolu 16

    Għażla tal-bażi tal-kejl

    1.   Meta jagħżel l-aktar bażi jew bażijiet ta’ kejl xierqa, il-valwatur, jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni meta twettaq valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, għandha tqis il-firxa ta’ azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni vvalutati f’konformità mal-Artikolu 15(1).

    2.   Il-valwatur, jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni meta twettaq valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, għandha tiddetermina, abbażi ta’ suppożizzjonijiet ġusti, prudenti u realistiċi, il-flussi ta’ flus li s-CCP tista’ tistenna mill-assi u mill-obbligazzjonijiet eżistenti tagħha wara l-adozzjoni tal-azzjoni jew tal-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni identifikati u skontati b’rata xierqa ddeterminata f’konformità mal-paragrafu 6.

    3.   Il-flussi ta’ flus għandhom jiġu ddeterminati fil-livell xieraq ta’ aggregazzjoni.

    4.   Jekk l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 15(1) jeħtieġu li l-assi u l-obbligazzjonijiet iridu jkunu miżmuma minn CCP li tkompli tkun entità li tqajjem tħassib, il-valwatur għandu juża l-valur ta’ żamma bħala l-bażi tal-kejl xierqa.

    Il-valur ta’ żamma jista’, jekk jitqies ġust, prudenti u realistiku mill-valwatur, jew mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni meta jwettaq valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, jantiċipa normalizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq.

    Il-valur ta’ żamma ma għandux jintuża bħala l-bażi tal-kejl meta l-assi jiġu ttrasferiti lil CCP tranżizzjonali skont l-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2021/23, jew meta tintuża għodda ta’ bejgħ ta’ negozju skont l-Artikolu 40 ta’ dak ir-Regolament.

    5.   Meta l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 15(1) jipprevedu l-bejgħ tal-assi, il-flussi ta’ flus mistennija għandhom jikkorrispondu għall-valuri tad-disponiment imsemmija fl-Artikolu 17(5) ikkunsidrati għall-orizzont ta’ disponiment mistenni.

    6.   Ir-rati ta’ skont għandhom jiġu ddeterminati wara kunsiderazzjoni għat-twaqqit tal-flussi ta’ flus, il-profil tar-riskju, il-kostijiet ta’ finanzjament u l-kundizzjonijiet tas-suq kif xieraq għall-assi jew għall-obbligazzjoni li jkunu qed jitkejlu, għall-istrateġija tad-disponiment ikkunsidrata u għall-pożizzjoni finanzjarja tas-CCP wara r-riżoluzzjoni.

    Artikolu 17

    Fatturi speċifiċi relatati mal-istima u mat-tnaqqis ta’ flussi ta’ flus mistennija

    1.   Meta jiġu stmati l-flussi tal-flus, il-valwatur, jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni meta twettaq valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, għandha tapplika l-ġudizzju espert tagħha fid-determinazzjoni tal-karatteristiċi ewlenin tal-assi jew tal-obbligazzjonijiet li jkunu qegħdin jitkejlu.

    Il-valwatur, jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni meta twettaq valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, għandha tapplika wkoll il-ġudizzju espert tagħha fid-determinazzjoni ta’ kif il-kontinwazzjoni, it-tiġdid potenzjali jew ir-rifinanzjament, ir-run-off jew id-disponiment ta’ dawk l-assi jew obbligazzjonijiet, kif previst fl-azzjoni ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 15(1) jaffettwaw dawk il-flussi ta’ flus.

    2.   Meta l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 15(1) tipprevedi CCP li jkollha assi, iżżomm obbligazzjoni, jew tkompli negozju, il-valwatur, jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni meta twettaq valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, tista’ tqis il-fatturi li ġejjin li potenzjalment jaffettwaw il-flussi futuri ta’ flus:

    (a)

    bidliet fis-suppożizzjonijiet jew fl-aspettattivi, meta mqabbla ma’ dawk prevalenti sad-data tal-valwazzjoni, b’mod konsistenti max-xejriet storiċi fuq terminu twil u orizzont raġonevoli ta’ żmien konsistenti mal-perjodu ta’ żamma mistenni għall-assi jew mal-perjodu mistenni għall-irkupru tas-CCP;

    (b)

    bażijiet ta’ valwazzjoni addizzjonali jew alternattivi jew metodoloġiji li huma kkunsidrati xierqa mill-valwatur u konsistenti ma’ dan ir-Regolament, inkluż fil-kuntest tal-valutazzjoni tal-valur ta’ ekwità wara l-konverżjoni tal-ishma.

    3.   Fir-rigward ta’ gruppi ta’ assi u obbligazzjonijiet jew ta’ negozji previsti li jiġu likwidati, il-valwatur, jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni meta twettaq valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, għandha tqis il-kostijiet u l-benefiċċji ta’ workout.

    4.   Jekk is-sitwazzjoni ta’ CCP ma tippermettilhiex li żżomm assi jew li tkompli negozju, jew meta l-bejgħ jitqies neċessarju mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni biex jintlaħqu l-objettivi ta’ riżoluzzjoni, il-flussi ta’ flus mistennija għandhom jiġu vvalutati għall-valuri tad-disponiment mistennija f’perjodu speċifiku ta’ disponiment.

    5.   Il-valur ta’ disponiment għandu jiġi ddeterminat mill-valwatur, jew mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni meta twettaq valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, fuq il-bażi tal-flussi ta’ flus, nett mill-kostijiet tad-disponiment u nett mill-valur mistenni ta’ kull garanzija mogħtija, li s-CCP tista’ tistenna b’mod raġonevoli fil-kundizzjonijiet tas-suq prevalenti permezz ta’ bejgħ jew trasferiment b’mod ordinat ta’ assi jew obbligazzjonijiet.

    Fejn xieraq, wara li jitqiesu l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu taħt l-iskema ta’ riżoluzzjoni, il-valwatur, jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni meta twettaq valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, tista’ tiddetermina l-valur tad-disponiment billi tapplika skont għal bejgħ aċċellerat potenzjali għall-prezz tas-suq osservabbli ta’ dak il-bejgħ jew trasferiment.

    Meta jiddetermina l-valur tad-disponiment tal-assi li ma għandhomx suq likwidu, il-valwatur jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni li twettaq valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, għandha tikkunsidra l-prezzijiet osservabbli fis-swieq meta assi simili jiġu nnegozjati jew il-kalkoli mudell jużaw il-parametri tas-suq osservabbli, bi skontijiet għal illikwidità riflessi, kif xieraq.

    6.   Il-valwatur, jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni meta twettaq valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, għandha tqis il-fatturi li ġejjin li jistgħu jaffettwaw il-valuri tad-disponiment u l-perjodi tad-disponiment:

    (a)

    il-valuri tad-disponiment u l-perjodi tad-disponiment osservati fi tranżazzjonijiet simili, aġġustati b’mod adegwat biex iqisu d-differenzi fil-mudell tan-negozju u fl-istruttura finanzjarja tal-partijiet għal dawk it-tranżazzjonijiet;

    (b)

    il-vantaġġi jew l-iżvantaġġi ta’ tranżazzjoni partikolari li huma speċifiċi għall-partijiet involuti jew għal subsett ta’ parteċipanti tas-suq;

    (c)

    l-attributi partikolari ta’ assi jew negozju li jistgħu jkunu rilevanti biss għal xerrej potenzjali speċifiku, jew għal subsett ta’ parteċipanti tas-suq;

    (d)

    l-impatt li x’aktarx ikollu l-bejgħ mistenni fuq il-valur ta’ franchise tas-CCP.

    7.   Meta jivvaluta l-valur tan-negozji għall-finijiet tal-użu tal-bejgħ ta’ negozju jew tal-għodda tas-CCP tranżizzjonali, il-valwatur, jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni meta twettaq valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, tista’ tqis l-aspettattivi raġonevoli tal-valur tal-franchise. Aspettattivi bħal dawn għall-valur tal-franchise għandhom jinkludu dawk li jirriżultaw minn tiġdid tal-assi, minn rifinanzjament ta’ portafoll miftuħ, jew minn tkomplija jew mill-issoktar ta’ negozju fil-kuntest tal-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni.

    8.   Valwatur, jew awtorità ta’ riżoluzzjoni meta twettaq valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, li tivvaluta li ma hemm l-ebda prospett realistiku għad-disponiment ta’ assi jew ta’ negozju, ma għandhiex tkun meħtieġa li tiddetermina l-valur tad-disponiment iżda għandha tistma l-flussi ta’ flus relatati abbażi tal-prospetti rilevanti għall-kontinwazzjoni jew run-off.

    L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għall-bejgħ ta’ għodda tan-negozju.

    9.   Fir-rigward ta’ partijiet ta’ grupp ta’ assi jew ta’ negozju li x’aktarx jiġu likwidati taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza, il-valwatur, jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni meta twettaq valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, tista’ tikkunsidra l-valuri tad-disponiment u l-perjodi ta’ disponiment osservati f’irkantijiet li jinvolvu assi ta’ natura u kundizzjoni simili.

    Meta jiġu ddeterminati l-flussi ta’ flus mistennija, il-valwatur, jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni meta twettaq valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, għandha tqis l-illikwidità, in-nuqqas ta’ inputs affidabbli għad-determinazzjoni tal-valuri tad-disponiment, u l-ħtieġa li tirriżulta li wieħed jiddependi fuq metodoloġiji ta’ valwazzjoni bbażati fuq inputs li ma humiex osservabbli.

    Artikolu 18

    Metodoloġija għall-kalkolu u l-inklużjoni ta’ buffer għal telf addizzjonali

    1.   Il-valwatur, jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni meta twettaq valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, għandha tinkludi fil-valwazzjoni, buffer li jirrifletti l-fatti u ċ-ċirkostanzi li jappoġġaw l-eżistenza ta’ telf addizzjonali ta’ ammont jew ta’ twaqqit inċert.

    Is-suppożizzjonijiet li jappoġġaw il-kalkolu tal-buffer għandhom jiġu spjegati u ssostanzjati biżżejjed mill-valwatur, jew mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni meta twettaq valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23.

    2.   Meta jiġi ddeterminat l-ammont tal-buffer, il-valwatur, jew l-awtorità ta’ riżoluzzjoni meta twettaq valwazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) 2021/23, għandha tidentifika fatturi li jistgħu jaffettwaw il-flussi ta’ flus mistennija bħala riżultat ta’ azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni li x’aktarx jiġu adottati.

    KAPITOLU IV

    Separazzjoni tal-valwazzjoni taħt ir-riżoluzzjoni u l-valwazzjoni għall-applikazzjoni tal-prinċipju u l-metodoloġija “l-ebda kreditur ma jmur agħar” għat-twettiq tal-valwazzjoni għall-applikazzjoni tal-prinċipju “l-ebda kreditur ma jmur agħar”

    Artikolu 19

    Dispożizzjonijiet ġenerali

    1.   Meta tiddetermina t-trattament tal-azzjonisti u l-kredituri skont proċeduri normali ta’ insolvenza, il-valwazzjoni għandha tkun ibbażata biss fuq informazzjoni dwar il-fatti u ċ-ċirkostanzi li kienu jeżistu u li setgħu raġonevolment kienu magħrufa fid-data tad-deċiżjoni tar-riżoluzzjoni li, kieku l-valwatur kien jafhom, kien jiġi affettwat il-kejl tal-assi u l-obbligazzjonijiet tas-CCP f’din id-data.

    2.   Meta jiddetermina t-trattament proprju tal-azzjonisti u l-kredituri f’riżoluzzjoni, il-valwatur għandu jibbaża fuq l-informazzjoni disponibbli dwar il-fatti u ċ-ċirkostanzi eżistenti tad-data jew tad-dati li fihom l-azzjonisti u l-kredituri jkunu rċevew kumpens (“id-data jew id-dati tat-trattament reali”).

    3.   Id-data ta’ referenza tal-valwazzjoni għandha tkun id-data tad-deċiżjoni tar-riżoluzzjoni, li tista’ tkun differenti mid-data proprja tat-trattament.

    Meta l-valwatur jikkunsidra bħala negliġibbli l-impatt ta’ xi skontar ta’ rikavat, ir-rikavat mhux skontat fid-data li fiha tittieħed l-azzjoni tar-riżoluzzjoni jista’ jiġi mqabbel direttament mal-ammont skontat tar-rikavat ipotetiku li l-azzjonisti u l-kredituri jkunu rċevew kieku s-CCP daħlet fi proċedimenti normali ta’ insolvenza fid-data tad-deċiżjoni tar-riżoluzzjoni.

    Artikolu 20

    Inventarju tal-assi u l-pretensjonijiet

    1.   Il-valwatur għandu jistabbilixxi inventarju tal-assi identifikabbli u kontinġenti kollha li jkunu proprjetà tas-CCP.

    Dak l-inventarju għandu jinkludi l-assi li għalihom tintwera jew tista’ tkun raġonevolment mistennija l-eżistenza tal-flussi ta’ flus assoċjati.

    2.   Is-CCP għandha tagħmel disponibbli għall-valwatur lista tal-pretensjonijiet kollha u tal-pretensjonijiet kontinġenti kollha kontra s-CCP.

    Dik il-lista għandha tqiegħed f’kategoriji l-pretensjonijiet kollha u l-pretensjonijiet kontinġenti kollha skont il-livelli ta’ prijorità tagħhom fi proċedimenti normali ta’ insolvenza. Il-valwatur għandu jitħalla jagħmel arranġamenti għal pariri speċjalizzati jew għal għarfien espert f’dak li għandu x’jaqsam mal-konsistenza tal-klassifikazzjoni tal-pretensjonijiet skont il-liġi applikabbli tal-insolvenza.

    3.   Il-valwatur għandu jidentifika separatament l-assi gravati u l-pretensjonijiet iggarantiti minn dawk l-assi.

    Artikolu 21

    Passi tal-valwazzjoni

    Meta jiddetermina jekk teżistix differenza fit-trattament kif imsemmi fl-Artikolu 61(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2021/23, il-valwatur għandu jivvaluta dan li ġej:

    (a)

    it-trattament li kienu jirċievu l-azzjonisti u l-kredituri li fir-rigward tagħhom ikunu ttieħdu azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni li kieku s-CCP daħlet fi proċedimenti normali ta’ insolvenza, wara l-applikazzjoni sħiħa tal-obbligi kuntrattwali applikabbli u arranġamenti oħra fir-regoli operazzjonali tagħha, fid-data tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, filwaqt li jiġi injorat kull għoti ta’ appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju;

    (b)

    il-valur tal-pretensjonijiet ristrutturati wara l-applikazzjoni tas-setgħat u tal-għodda ta’ riżoluzzjoni u l-valur ta’ rikavat ieħor riċevut mill-azzjonisti u l-kredituri f’data jew f’dati tat-trattament reali, skontati lura għad-data tad-deċiżjoni tar-riżoluzzjoni jekk ikun ikkunsidrat bħala meħtieġ biex ikun jista’ jsir paragun ġust mat-trattament imsemmi fil-punt (a);

    (c)

    jekk it-trattament imsemmi fil-punt (a) jaqbiżx it-trattament imsemmi fil-punt (b) għal kull kreditur skont l-ordni ta’ prijorità tagħhom taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza, kif identifikat skont l-Artikolu 20.

    Artikolu 22

    Determinazzjoni tat-trattament tal-azzjonisti u l-kredituri skont proċeduri normali ta’ insolvenza

    1.   Il-metodu għat-twettiq tal-valwazzjoni skont l-Artikolu 21, il-punt (a), għandu jikkonsisti fid-determinazzjoni tal-ammont skontat tal-flussi ta’ flus mistennija fi proċedimenti normali ta’ insolvenza.

    2.   Il-flussi ta’ flus mistennija għandhom ikunu skontati bir-rata jew bir-rati li jkunu jirriflettu, kif xieraq, it-twaqqit assoċjat ma’ dawn il-flussi ta’ flus mistennija, iċ-ċirkostanzi prevalenti bħad-data ta’ deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, ir-rati tal-imgħax mingħajr riskju, il-primjums tar-riskju għal strumenti finanzjarji simili maħruġa minn entitajiet simili, il-kundizzjonijiet tas-suq jew ir-rati tal-iskont applikati minn xerrejja potenzjali u karatteristiċi relevanti oħrajn tal-element jew tal-elementi li jkunu qegħdin jiġu vvalutati.

    3.   Il-metodoloġija stabbilita fil-paragrafu 2 għall-kalkolu tar-rata ta’ skont ma għandhiex tintuża meta rati ta’ skont partikolari rilevanti għall-valwazzjoni jkunu speċifikati fil-liġi jew fil-prattika applikabbli dwar l-insolvenza.

    4.   Il-valwatur għandu jqis dawn li ġejjin meta jiġi biex jiddetermina l-ammont skontat tal-flussi ta’ flus mistennija skont proċeduri normali tal-insolvenza:

    (a)

    ir-regoli operazzjonali, l-arranġamenti kuntrattwali, il-liġi u l-prattika applikabbli tas-CCP fil-ġuriżdizzjoni rilevanti li jistgħu jinfluwenzaw il-valwazzjoni;

    (b)

    il-kostijiet tal-amministrazzjoni raġonevolment prevedibbli, tat-tranżazzjoni, taż-żamma, tad-disponiment u kostijiet oħrajn li kien ikollhom jiġġarrbu minn amministratur jew minn prattikant tal-insolvenza, kif ukoll il-kostijiet ta’ finanzjament;

    (c)

    l-informazzjoni dwar il-każijiet ta’ insolvenza reċenti ta’ entitajiet simili, fejn ikun disponibbli u rilevanti;

    (d)

    stima tal-kostijiet ta’ sostituzzjoni diretti mġarrba mill-membri tal-ikklerjar, ikkalkolata f’konformità mal-Artikolu 23.

    5.   Għall-assi nnegozjati f’suq attiv, il-valwatur għandu juża l-prezz osservat, ħlief meta ċirkostanzi speċifiċi jxekklu l-kummerċjabbiltà tal-assi tas-CCP.

    Għal assi li ma jkunux innegozjati f’suq attiv, il-valwatur għandu jikkunsidra għadd ta’ fatturi meta jiddetermina l-ammont u t-twaqqit tal-flussi ta’ flus mistennija:

    (a)

    il-prezzijiet osservati fi swieq attivi fejn jiġu nnegozjati assi simili;

    (b)

    il-prezzijiet osservati fi proċedimenti normali ta’ insolvenza jew fi tranżazzjonijiet li huma b’xi mod f’diffikultà li kienu jinvolvu assi ta’ natura u kundizzjoni simili;

    (c)

    il-prezzijiet osservati fi tranżazzjonijiet li jinvolvu l-bejgħ ta’ negozju jew it-trasferiment lil CCP tranżizzjonali f’kuntest ta’ riżoluzzjoni relatat ma’ entitajiet simili;

    (d)

    il-probabbiltà ta’ assi li jiġġenera flussi ta’ flus netti skont proċeduri normali ta’ insolvenza;

    (e)

    kundizzjonijiet mistennija tas-suq fil-perjodu ta’ disponiment, inkluż il-profondità tas-suq u l-kapaċità tas-suq li jiskambja l-volum tal-assi rilevanti f’dak il-perjodu; u

    (f)

    t-tul ta’ perjodu ta’ disponiment partikolari li jirrifletti l-implikazzjonijiet tal-liġi applikabbli dwar l-insolvenza.

    6.   Il-valwatur għandu jikkunsidra jekk il-kundizzjoni finanzjarja tas-CCP setgħetx affettwat il-flussi tal-flus mistennija, inkluż permezz ta’ restrizzjonijiet fuq il-kapaċità tal-amministratur li jinnegozja t-termini max-xerrejja potenzjali.

    7.   Fejn possibbli, u soġġett għal kull dispożizzjoni applikabbli tal-qafas tal-insolvenza rilevanti, il-flussi ta’ flus għandhom jirriflettu d-drittijiet kontrattwali, statutorji jew drittijiet legali oħrajn tal-kredituri jew ta’ prassi normali ta’ insolvenza.

    8.   Ir-rikavat ipotetiku li jirriżulta mill-valwazzjoni għandu jiġi allokat lill-azzjonisti u lill-kredituri f’konformità mal-ordni ta’ prijorità tagħhom skont il-liġi applikabbli dwar l-insolvenza, kif identifikat fl-Artikolu 20.

    Artikolu 23

    Kostijiet diretti ta’ sostituzzjoni mġarrba mill-membri tal-ikklerjar taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza

    1.   Meta jikkalkula l-kostijiet imsemmija fl-Artikolu 22(4), il-punt (d), il-valwatur għandu jqis stima kummerċjalment raġonevoli tal-kostijiet ta’ sostituzzjoni diretti mġarrba mill-membri tal-ikklerjar biex jerġgħu jinfetħu, f’perjodu xieraq, pożizzjonijiet netti komparabbli fis-suq, kif stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 61(3), il-punt (c) tar-Regolament (UE) 2021/23.

    2.   Il-valwatur għandu jikkunsidra l-kostijiet li ġejjin għall-membri tal-ikklerjar:

    (a)

    l-iskoperturi ta’ kreditu ipotetiku tal-membri tal-ikklerjar għas-CCP fiż-żmien tal-ftuħ mill-ġdid tal-pożizzjonijiet netti komparabbli, li kieku dawk il-pożizzjonijiet baqgħu miftuħa fis-CCP sa dik id-data;

    (b)

    kwalunkwe kost tal-likwidità u tal-konċentrazzjoni mġarrba mill-membri tal-ikklerjar meta jerġgħu jiftħu l-pożizzjonijiet netti komparabbli;

    (c)

    kwalunkwe kost operazzjonali materjali inevitabbli mġarrab mill-membri tal-ikklerjar fir-rigward tal-konnessjonijiet jew it-tranżazzjonijiet ġodda bejn il-membri tal-ikklerjar u kull kontroparti jew CCP, inklużi s-sħubija, in-negozjar, l-ikklerjar, il-pagament, it-tariffi tas-saldu u tal-kustodja;

    (d)

    kwalunkwe kost ta’ finanzjament materjali addizzjonali li jirriżulta mid-differenza fir-rekwiżiti tal-marġni applikabbli u fil-kontribuzzjonijiet tal-fond tal-inadempjenza u assoċjat mal-ftuħ mill-ġdid ta’ pożizzjonijiet netti ma’ kull kontroparti jew CCP.

    Artikolu 24

    Determinazzjoni tat-trattament proprju tal-azzjonisti u l-kredituri f’riżoluzzjoni

    1.   Il-valwatur għandu jidentifika l-pretensjonijiet kollha pendenti wara l-valwazzjoni negattiva jew il-konverżjoni tal-istrumenti kapitali u l-applikazzjoni ta’kull azzjoni ta’ riżoluzzjoni, u għandu jassenja dawk il-pretensjonijiet lill-persuni ġuridiċi u fiżiċi li kienu l-azzjonisti u l-kredituri tas-CCP fid-data tad-deċiżjoni tar-riżoluzzjoni.

    Il-valwatur għandu jiddetermina t-trattament proprju tal-persuni ġuridiċi u fiżiċi li kienu l-azzjonisti u l-kredituri tas-CCP fid-data tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni f’konformità mal-paragrafi 2, 3 u 4, ħlief meta dawk il-persuni jirċievu kumpens fi flus bħala riżultat tar-riżoluzzjoni.

    2.   Jekk dawk il-persuni ġuridiċi u fiżiċi li kienu l-azzjonisti u l-kredituri tas-CCP fid-data tad-deċiżjoni tar-riżoluzzjoni jirċievu kumpens f’ekwità bħala riżultat tar-riżoluzzjoni, il-valwatur għandu jiddetermina t-trattament attwali tagħhom billi jipprovdi stima tal-valur totali tal-ishma ttrasferiti jew maħruġa bħala korrispettiv għad-detenturi ta’ strumenti kapitali, strumenti tad-dejn jew obbligazzjonijiet oħra mhux garantiti li ġew konvertiti. Dik l-istima tista’ tkun ibbażata fuq prezz tas-suq ivvalutat li jirriżulta minn metodoloġiji ta’ valwazzjoni aċċettati b’mod ġenerali.

    3.   Meta l-persuni ġuridiċi u fiżiċi li kienu l-azzjonisti u l-kredituri tas-CCP fid-data tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni jirċievu kumpens tad-dejn bħala riżultat tar-riżoluzzjoni, il-valwatur għandu jiddetermina t-trattament proprju billi jqis il-bidliet fil-flussi tal-flus kuntrattwali li jirriżultaw mit-tniżżil fil-valur jew mill-konverżjoni, l-applikazzjoni ta’ azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni oħrajn u r-rata ta’ skont rilevanti kkalkolata skont il-metodoloġija stabbilita fl-Artikolu 22(2) ta’ dan ir-Regolament.

    4.   Għal kull pretensjoni pendenti, il-valwatur jista’ jqis, fejn disponibbli u flimkien mal-fatturi deskritti fil-paragrafi 2 u 3, il-prezzijiet osservati fi swieq attivi għal strumenti identiċi jew simili maħruġa mis-CCP taħt riżoluzzjoni jew entitajiet simili oħrajn.

    5.   Il-valwatur għandu jqis ukoll il-kostijiet ta’ sostituzzjoni diretti attwali mġarrba mill-membri tal-ikklerjar u elenkati fl-Artikolu 23(2) meta jqabbel it-trattament proprju tal-azzjonisti u tal-kredituri f’riżoluzzjoni mal-valwazzjoni għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ “l-ebda kreditur ma jmur agħar”.

    Artikolu 25

    Rapport ta’ valwazzjoni

    Il-valwatur għandu jipprepara rapport ta’ valwazzjoni għall-awtorità ta’ riżoluzzjoni, li għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

    (a)

    sommarju tal-valwazzjoni, inkluża preżentazzjoni tal-firxiet ta’ valwazzjoni u s-sorsi ta’ inċertezza tal-valwazzjoni;

    (b)

    spjegazzjoni tal-metodoloġiji u s-suppożizzjonijiet ewlenin li ġew adottati, u kemm tkun sensittiva l-valwazzjoni għal dawn l-għażliet;

    (c)

    spjegazzjoni, meta fattibbli, għalfejn il-valwazzjoni hija differenti minn valwazzjonijiet oħrajn relevanti, inklużi l-valwazzjonijiet tar-riżoluzzjoni mwettqa f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/23 jew valwazzjonijiet oħra prudenzjali jew ta’ kontabilità.

    Artikolu 26

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Mejju 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 22, 22.1.2021, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

    (4)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

    (5)  Id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87).


    Top