Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1569

    Regolament tal-Kunsill (UE) 2023/1569 tat-28 ta’ Lulju 2023 li jemenda r-Regolament (UE) 2022/2309 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Haiti

    ST/11362/2023/INIT

    ĠU L 192, 31.7.2023, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1569/oj

    31.7.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 192/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2023/1569

    tat-28 ta’ Lulju 2023

    li jemenda r-Regolament (UE) 2022/2309 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Haiti

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/1574 tat-28 ta’ Lulju 2023 li temenda d-Deċiżjoni (PESK0 2022/2319 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Haiti (1)

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà u mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fil-25 ta’ Novembru 2022, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2022/2309 (2), li tirrigwarda miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Haiti.

    (2)

    Ir-Regolament (UE) 2022/2309 idaħħal fis-seħħ id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2319 (3) u jipprevedi l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi ta’ ċerti persuni ddeżinjati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew mill-kumitat tas-sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti rilevanti għall-involviment jew l-appoġġ tagħhom fil-konfront ta’ vjolenza ta’ gruppi kriminali, ta’ attivitajiet kriminali jew abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, jew għal azzjoni li thedded il-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà tal-Haiti u fir-reġjun.

    (3)

    Id-Deċiżjoni (PESK) 2023/1574 tistabbilixxi kriterji komplementari li abbażi tagħhom l-Unjoni tista’ tapplika b’mod awtonomu restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, iffriżar tal-assi u projbizzjonijiet tad-disponibbiltà ta’ għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi (“miżuri komplimentari”).

    (4)

    Id-Deċiżjoni (PESK) 2023/1574 tistabbilixxi wkoll li l-eżenzjoni umanitarja mill-miżuri tal-iffriżar tal-assi skont ir-Riżoluzzjoni 2664 (2022) tal-KSNU għandha tapplika wkoll għall-miżuri komplementari.

    (5)

    Għaldaqstant, hemm bżonn li l-Unjoni tieħu azzjoni regolatorja għad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni (PESK) 2023/1574, partikolarment bil-għan li jiġi żgurat li l-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri japplikawha b’manjiera uniformi.

    (6)

    Is-setgħa li jiġu stabbiliti u emendati l-listi li jinsabu fl-Annessi I u Ia għar-Regolament (UE) 2022/2309 jenħtieġ li tiġi eżerċitata mill-Kunsill sabiex tiġi żgurata konsistenza mal-proċess għall-istabbiliment, l-emendar u r-rieżami tal-Anness II għad-Deċiżjoni (PESK) 2022/2319.

    (7)

    Għaldaqstant jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2022/2309 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (UE) 2022/2309 jiġi emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 2 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 2

    Għandu jkun ipprojbit li:

    (a)

    li tingħata assistenza teknika relatata ma’ attivitajiet militari u mal-forniment, manifattura, manutenzjoni u l-użu ta’ armi u materjal relatat ta’ kull tip, inklużi armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari, u l-ispare parts għalihom, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness I jew fl-Anness Ia;

    (b)

    li jingħataw finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma’ attivitajiet militari, inklużi b’mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ armi u materjal relatat, jew għall-forniment ta’ assistenza teknika relatata, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness I jew fl-Anness Ia.”

    ;

    (2)

    L-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 3

    1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, li huma l-proprjetà, jew li huma fil-pussess jew taħt il-kontroll, b’mod dirett jew indirett, ta’ xi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness I jew fl-Anness Ia għandhom jiġu ffriżati.

    2.   L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandha ssir disponibbli, direttament jew indirettament, lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I jew fl-Anness Ia, jew għal benefiċċju tagħhom.”

    ;

    (3)

    jiddaħħal l-artikolu li ġej:

    “Artikolu 4a

    1.   L-Anness Ia għandu jinkludi l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi identifikati mill-Kunsill li jkunu:

    (a)

    responsabbli jew kompliċi, jew involuti, direttament jew indirettament, f’azzjonijiet li jheddu l-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tal-Haiti, inkluż:

    (i)

    l-involviment dirett jew indirett f’attivitajiet kriminali u vjolenza li jinvolvu gruppi armati u networks kriminali li jippromwovu l-vjolenza, inkluż ir-reklutaġġ furzat ta’ tfal minn tali gruppi u networks, ħtif ta’ persuni, traffikar ta’ persuni u faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, u omiċidji u vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, jew l-appoġġ għalihom;

    (ii)

    l-appoġġ għat-traffikar illeċitu u d-devjazzjoni ta’ armi u materjal relatat, jew flussi finanzjarji illeċiti relatati magħhom;

    (iii)

    ħadu azzjoni għal jew f’isem, jew taħt id-direzzjoni, jew jappoġġaw b’mod ieħor jew jiffinanzjaw persuna jew entità deżinjata b’konnessjoni mal-attività deskritta fil-punti (i) u (ii), inkluż bl-użu dirett jew indirett tar-rikavat mill-kriminalità organizzata, inklużi rikavati mill-produzzjoni illeċita u t-traffikar tad-drogi u tal-prekursuri tagħhom li joriġinaw fil-Haiti jew li jgħaddu minnha, it-traffikar ta’ persuni u l-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali mill-Haiti jew il-kuntrabandu u t-traffikar ta’ armi lejn jew mill-Haiti;

    (iv)

    ħadu azzjoni bi ksur tal-embargo fuq l-armi jew li jkunu fornew, biegħu jew trasferew direttament jew indirettament armi jew kwalunkwe materjal relatat, jew kwalunkwe parir tekniku, taħriġ jew assistenza, inkluż finanzjament u assistenza finanzjarja, lil gruppi armati jew networks kriminali fil-Haiti, jew ikunu rċevew xi wieħed/waħda minn dawn, b’rabta mal-attivitajiet vjolenti ta’ gruppi armati jew networks kriminali fil-Haiti;

    (v)

    ippjanaw, idderieġew, jew wettqu atti li jiksru l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jew atti li jikkostitwixxu abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk li jinvolvu eżekuzzjoni ekstraġudizzjarja, inkluż tan-nisa u tat-tfal, u l-ikkummissjonar ta’ atti ta’ vjolenza, is-sekwestru ta’ persuna, l-għajbien furzat jew il-ħtif ta’ persuna għal riskatt fil-Haiti;

    (vi)

    ippjanaw, idderieġew jew wettqu atti li jinvolvu vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, inklużi stupru u skjavitù sesswali, fil-Haiti;

    (vii)

    l-ostakolar tal-provvista ta’ assistenza umanitarja lill-Haiti jew l-aċċess għall-assistenza umanitarja jew id-distribuzzjoni tagħha fil-Haiti;;

    (viii)

    l-attakk fuq il-persunal jew bini ta’ delegazzjonijiet tal-Unjoni u missjonijiet diplomatiċi u operazzjonijiet tal-Istati Membri fil-Haiti, jew il-forniment ta’ appoġġ għal attakki bħal dawn.;

    (b)

    imminaw id-demokrazija jew tal-istat tad-dritt fil-Haiti permezz ta’ mġiba finanzjarja ħażina serja li tikkonċerna fondi pubbliċi jew l-esportazzjoni mhux awtorizzata ta’ kapital; jew

    (c)

    jkunu assoċjati mal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ddezinjati fil-punti (a) u (b);

    2.   L-Anness Ia għandu jinkludi r-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista tal-persuni u l-entitajiet imsemmija fih.

    3.   L-Anness Ia għandu jinkludi wkoll, fejn disponibbli, l-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġu identifikati l-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati. Fir-rigward tal-persuni fiżiċi, din l-informazzjoni tista’ tinkludi: ismijiet, kif ukoll il-psewdonimi; id-data u l-post tat-twelid; iċ-ċittadinanza; in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità; is-sess; l-indirizz; jekk magħruf; u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward ta’ entitajiet, tali informazzjoni tista’ tinkludi: l-ismijiet; il-post u d-data tar-reġistrazzjoni; in-numru tar-reġistrazzjoni; u l-post tan-negozju.”

    (4)

    fl-Artikolu 5, punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(f)

    atturi xierqa oħra kif determinat mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet fir-rigward tal-Anness I u mill-Kunsill fir-rigward tal-Anness Ia.”;

    (5)

    l-Artikolu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 6

    1.   B’deroga mill-Artikolu 3, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew jagħmlu disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, skont dawk il-kundizzjonijiet li jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew riżorsi ekonomiċi kkonċernati jkunu:

    (a)

    meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I, u tal-membri dipendenti tal-familji ta’ dawn il-persuni fiżiċi, inklużi ħlasijiet għall-ikel, għall-kera jew għall-ipotekar, għall-mediċini u għat-trattament mediku, għat-taxxi, għall-primjums tal-assigurazzjoni u għall-ispejjeż tas-servizzi pubbliċi;

    (b)

    maħsuba esklużivament għall-ħlas ta’ tariffi professjonali raġonevoli jew għar-rimborż tal-ispejjeż imġarrba assoċjati mal-provvista ta’ servizzi legali;

    (c)

    maħsuba esklużivament għall-pagament ta’ tariffi jew imposti ta’ servizzi ta’ kustodja jew ġestjoni normali ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati,

    fejn l-awtorizzjoni tikkonċerna persuna fiżika jew ġuridika, entita’ jew korp elenkat fl-Anness I u sakemm l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat tkun innotifikat lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet dwar dik il-konstatazzjoni u dwar l-intenzjoni tagħha li tagħti awtorizzazzjoni u fin-nuqqas ta’ deċiżjoni negattiva mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet fi żmien 5 ijiem tax-xogħol ta’ din in-notifika.

    2.   B’deroga mill-Artikolu 3, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi u riżorsi ekonomiċi ffriżati jew jagħmlu disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, b’dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, wara li jkun iddeterminaw li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati huma meħtieġa għal spejjeż straordinarji, sakemm:

    (a)

    meta l-awtorizzazzjoni tkun tikkonċerna persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness I, dik il-konstatazzjoni tkun ġiet notifikata lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat u li d-determinazzjoni tkun ġiet approvata minn dak il-Kumitat; u

    (b)

    meta l-awtorizzazzjoni tkun tikkonċerna persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness Ia, l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifika lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet għaliex iqis li jenħtieġ li tingħata awtorizzazzjoni speċifika, mill-anqas ġimagħtejn qabel ma tingħata l-awtorizzazzjoni.

    3.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jgħarraf lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt dan l-Artikolu fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.”

    ;

    (6)

    jiddaħħlu l-artikoli li ġejjin:

    “Artikolu 6a

    1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5, b’deroga mill-Artikolu 3(1) u (2) u fir-rigward ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness Ia, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, skont dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-provvista ta’ tali fondi jew riżorsi ekonomiċi tkun neċessarja għal għoti fil-ħin tal-assistenza umanitarja jew sabiex tappoġġja attivitajiet oħra li jappoġġjaw il-ħtiġijiet bażiċi umani.

    2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni li jagħti skont il-paragrafu 1 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.

    Artikolu 6b

    1.   B’deroga mill-Artikolu 3, u fir-rigward ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness Ia, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jew jagħmlu disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, bil-kundizzjonijiet li jqisu li jkunu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati jridu jitħallsu ġo kont jew minn kont ta’ missjoni diplomatika jew konsulari jew organizzazzjoni internazzjonali li tgawdi minn immunitajiet f’konformità mad-dritt internazzjonali, sakemm dawn il-pagamenti jkunu maħsuba biex jintużaw għal finijiet uffiċjali tal-missjoni diplomatika jew konsulari jew organizzazzjoni internazzjonali.

    2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jgħarraf lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt il-paragrafu 1 fi żmien ġimagħtejn mill-awtorizzazzjoni.”

    ;

    (7)

    fl-Artikolu 7, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   B’deroga mill-Artikolu 3(1), l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I jew l-Anness Ia, jew jagħmlu disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I jew l-Anness Ia jekk ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma s-suġġett ta’:

    (i)

    għal persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness I, deċiżjoni ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali stabbilita qabel id-data ta’ meta l-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmi fl-Artikolu 4 ġie inkluż fl-Anness I, jew ta’ garanzija ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali mogħtija qabel dik id-data;

    (ii)

    għal persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness Ia, deċiżjoni arbitrali mogħtija qabel id-data ta’ meta l-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmi fl-Artikolu 4a ġew inklużi fl-Anness Ia, jew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel jew wara dik id-data;

    (b)

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu se jintużaw esklussivament biex jiġu ssodisfati l-pretensjonijiet iggarantiti minn deċiżjoni kif imsemmi fil-punt (a) jew rikonoxxuti bħala validi f’tali deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta’ persuni li jkollhom tali pretensjonijiet;

    (c)

    id-deċiżjoni jew garanzija ma tkunx għall-benefiċċju ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I jew l-Anness Ia;

    (d)

    ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni jew tal-impenn ma jkunx imur kontra l-politika pubblika fl-Istat Membru kkonċernat; u

    (e)

    għal persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness I, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun ġie nnotifikat mill-Istat Membru bid-deċiżjoni jew bil-garanzija.”

    (8)

    L-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   B’deroga mill-Artikolu 3(1) u bil-kundizzjoni li pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness I jew fl-Anness Ia jkun dovut skont kuntratt jew ftehim li ġie konkluż minn, jew obbligu li rriżulta għall-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikkonċernat, qabel id-data ta’ meta dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp iddaħħlu fl-Anness I jew fl-Anness Ia, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, jistgħu jawtorizzaw, taħt dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu adattati, ir-rilaxx ta’ ċerti fondi ffriżati jew ta’ riżorsi ekonomiċi, dejjem jekk l-awtorità kompetenti kkonċernata tkun iddeterminat li:

    (a)

    il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi ser jintużaw għal pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness I jew l-Anness Ia; kif ukoll,

    (b)

    il-pagament ma jiksirx l-Artikolu 3(2).”

    (b)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “1a.   Għal persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness I, l-intenzjoni li tingħata awtorizzazzjoni għandha tiġi nnotifikata mill-Istat Membru rilevanti lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet għaxart ijiem tax-xogħol bil-quddiem.”

    ;

    (9)

    fl-Artikolu 9, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   L-Artikolu 3(2) ma għandux japplika għaż-żieda ma’ kontijiet iffriżati ta’:

    (a)

    imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet;

    (b)

    pagamenti dovuti taħt kuntratti, ftehimiet jew obbligi li ġew konklużi jew li rriżultaw qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmijin fl-Artikolu 4 ġew inklużi fl-Anness I jew l-Anness Ia; jew

    (c)

    pagamenti dovuti lil persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness Ia taħt deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali mogħtija fl-Unjoni jew infurzabbli fl-Istat Membru kkonċernat,

    dment li kwalunkwe tali imgħax, qligħ u pagamenti oħra jiġu ffriżati f’konformità mal-Artikolu 3.”

    ;

    (10)

    l-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   Persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ddeżinjati, elenkati fl-Anness I jew fl-Anness Ia, għandhom:

    (a)

    jirrapportaw qabel id-9 ta’ Jannar 2023 jew fi żmien 6 ġimgħat mid-data tal-elenkar fl-Anness I, skont liema jiġi l-aħħar, fondi jew riżorsi ekonomiċi fil-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru li jappartjenu, huma l-proprjetà, jinżammu jew huma kkontrollati minnhom, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jinsabu dawk il-fondi jew riżorsi ekonomiċi;

    (aa)

    rapport qabel id-9 ta’ Settembru 2023 jew fi żmien 6 ġimgħat mid-data tal-elenkar fl-Anness I, skont liema jiġi l-aħħar, fondi jew riżorsi ekonomiċi fil-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru li jappartjenu, huma l-proprjetà, jinżammu jew huma kkontrollati minnhom, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jinsabu dawk il-fondi jew riżorsi ekonomiċi; u

    (b)

    jikkooperaw mal-awtorità kompetenti fi kwalunkwe verifika ta’ tali informazzjoni.”

    ;

    (b)

    il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “4.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni fi żmien ġimagħtejn bl-informazzjoni li jkun irċieva skont il-paragrafu 2, il-punt (a) u (aa).”

    ;

    (c)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “5a.   L-obbligu fil-paragrafu 2, il-punt (aa), ma għandux japplika sat-2 ta’ Settembru 2023 fir-rigward ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi li jinsabu fi Stat Membru li kien stabbilixxa obbligu ta’ rapportar simili skont il-liġi nazzjonali qabel l-1 ta’ Awwissu 2023.”

    ;

    (11)

    fl-Artikolu 13(1), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness I jew fl-Anness Ia;”;

    (12)

    fl-Artikolu 14(1), il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    il-fondi ffriżati skont l-Artikolu 3(1) u l-awtorizzazzjonijiet mogħtija skont l-Artikoli 6, 6a, 6b, 7 u 8;”;

    (13)

    fl-Artikolu 16 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 16

    1.   Fejn il-Kunsill tas-Sigurtà jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jelenka persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp u jkun ipprovda dikjarazzjoni tar-raġunijiet għad-deżinjazzjoni, il-Kunsill għandu jinkludi lil dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fl-Anness I.

    1a.   Il-Kunsill għandu jistabbilixxi u jemenda l-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi stabbiliti fl-Anness Ia.

    1b.   Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu lil persuna fiżika jew ġuridika, lill-entità jew lill-korp kif imsemmija fil-paragrafi 1 u 1a, inkluż ir-raġunijiet għall-elenkar, direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, u jagħti lil dik il-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp opportunità biex jippreżentaw osservazzjonijiet.

    2.   Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew fejn tiġi ppreżentata evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernati b’dan.

    3.   Fejn il-Kunsill tas-Sigurtà jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jiddeċiedi li jneħħi mil-lista xi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp, jew li jemenda d-data ta’ identifikazzjoni ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati, il-Kunsill għandu jemenda l-Anness I skont dan.

    Il-lista stabbilita fl-Anness Ia għandha tiġi rieżaminata f’intervalli regolari u mill-inqas kull 12-il xahar.”

    (14)

    fl-Artikolu 18, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “1.   Il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) għandhom jipproċessaw id-data personali sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament. Dawk il-kompiti jinkludu:

    (a)

    fir-rigward tal-Kunsill, it-tħejjija u l-emendar tal-Anness I u Ia;

    (b)

    fir-rigward tar-Rappreżentant Għoli, it-tħejjija ta’ emendi għall-Annessi I u Ia;

    (c)

    fir-rigward tal-Kummissjoni:

    (i)

    l-inklużjoni tal-kontenut tal-Annessi I u Ia fil-lista kkonsolidata elettronika tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet soġġetti għal sanzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni u fil-mappa interattiva dwar is-sanzjonijiet, li jkunu t-tnejn disponibbli għall-pubbliku;

    (ii)

    l-ipproċessar ta’ informazzjoni dwar l-impatt tal-miżuri previsti f’dan ir-Regolament, bħall-valur tal-fondi ffriżati u informazzjoni dwar awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti.

    2.   Il-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli jistgħu jipproċessaw, fejn applikabbli, data rilevanti relatata ma’ reati kriminali mwettqa minn persuni fiżiċi elenkati, ma’ kundanni kriminali ta’ tali persuni jew ma’ miżuri ta’ sigurtà li jikkonċernaw lil tali persuni, biss sa fejn tali pproċessar ikun meħtieġ għat-tħejjija tal-Annessi I u Ia.”

    ;

    (15)

    it-test li jinsab fl-Anness ta’ dan ir-Regolament jiddaħħal bħala Anness Ia.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Lulju 2023.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. NAVARRO RÍOS


    (1)  Ara paġna 21. ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2309 tal-25 ta’ Novembru 2022 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Haiti (ĠU L 307 28.11.2022, p. 17).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/2319 tal-25 ta’ Novembru 2022 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Haiti (ĠU L 307, 28.11.2022, p. 135).


    ANNESS

    “ANNESS Ia

    Lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 4a.


    Top