EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1472

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1472 tas-17 ta’ Lulju 2023 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1055/2008 fir-rigward tal-frekwenza li biha l-Istati Membri jipprovdu r-rapport tal-kwalità tagħhom (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

C/2023/4710

ĠU L 181, 18.7.2023, p. 44–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1472/oj

18.7.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 181/44


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1472

tas-17 ta’ Lulju 2023

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1055/2008 fir-rigward tal-frekwenza li biha l-Istati Membri jipprovdu r-rapport tal-kwalità tagħhom

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Jannar 2005 dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ tal-pagamenti, il-kummerċ internazzjonali f’servizzi u investiment dirett barrani (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-valutazzjoni tal-kwalità tad-data fl-oqsma tal-istatistika dwar il-bilanċ tal-pagamenti (BOP), tal-istatistika dwar il-pożizzjoni tal-investiment internazzjonali (IIP), l-istatistika dwar il-kummerċ internazzjonali tas-servizzi, u l-istatistika dwar l-investiment dirett barrani ssir f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Barra minn hekk, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1055/2008 (3) jistabbilixxi l-kriterji tal-kwalità u l-kontenut u l-frekwenza tar-rapporti tal-kwalità.

(2)

Il-monitoraġġ tal-kwalità tad-data hu essenzjali u jenħtieġ li jsir fil-ħin. Jenħtieġ li jinkiseb il-bilanċ it-tajjeb bejn il-ħtieġa tal-monitoraġġ u l-frekwenza tar-rapportar tal-informazzjoni rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jiġi evitat il-piż sproporzjonat.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li l-frekwenza annwali li biha l-Istati Membri jipprovdu rapport tal-kwalità lill-Kummissjoni (Eurostat) tinbidel għal rappurtar biennali.

(4)

L-Istati Membri jenħtieġ li jippreżentaw ir-rapport tal-kwalità li jmiss tagħhom lill-Kummissjoni (Eurostat) sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Mejju 2025, u mbagħad kull sentejn.

(5)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 1055/2008 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1055/2008 huwamendat kif ġej:

(a)

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Mis-sena 2025 ’il quddiem, u jibdew minn dik is-sena, l-Istati Membri għandhom jipprovdu rapport tal-kwalità fuq bażi biennali mfassal skont ir-regoli stabbiliti fl-Anness.”

;

(b)

L-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rapporti tal-kwalità tagħhom sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Mejju ta’ kull sentejn”

;

(c)

l-Anness huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Lulju 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 35, 8.2.2005, p. 23.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data soġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1055/2008 tas-27 ta’ Ottubru 2008 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ kriterji tal-kwalità u rappurtar tal-kwalità għall-istatistiċi ta’ bilanċ tal-pagamenti (ĠU L 283, 28.10.2008, p. 3).


ANNESS

“ANNESS

1.   Introduzzjoni

Ir-rapport tal-kwalità għandu jinkludi indikaturi kwantitattivi u anki kwalitattivi tal-kwalità. Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tipprovdi r-riżultati tal-indikaturi kwantitattivi għal kull Stat Membru, ikkalkulati abbażi tad-data mogħtija. L-Istati Membri għandhom jinterpretaw u jikkummentaw dwarhom fid-dawl tal-metodoloġija tal-ġbir tagħhom.

2.   Kronoloġija

Kull sentejn, sa tmiem l-ewwel kwart tas-sena, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tipprovdi abbozzi ta’ dokumenti lill-Istati Membri għar-rapporti tal-kwalità, abbażi tad-data mibgħuta s-sena ta’ qabel, li jkunu diġà mimlija parzjalment minn qabel b’ħafna mill-indikaturi kwantitattivi u informazzjoni oħra disponibbli lill-Kummissjoni (Eurostat).

Kull sentejn, fi żmien xahrejn minn meta jasal ir-rapport tal-kwalità mimli minn qabel u sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Mejju, l-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rapport tal-kwalità lest lill-Kummissjoni (Eurostat).

3.   Kriterji tal-kwalità

Ir-rapport tal-kwalità għandu jkun fih indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi li jkopru l-kriterji kollha tal-kwalità stabbiliti fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009.


Top