Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R0005

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/5 tat-3 ta’ Jannar 2023 li jawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ trab tal-Acheta domesticus (grillu tad-djar) bi tneħħija parzjali tax-xaħam bħala ikel ġdid u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2023/6

    ĠU L 2, 4.1.2023, p. 9–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/5/oj

    4.1.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 2/9


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/5

    tat-3 ta’ Jannar 2023

    li jawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ trab tal-Acheta domesticus (grillu tad-djar) bi tneħħija parzjali tax-xaħam bħala ikel ġdid u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar ikel ġdid, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001 (1), u b’mod partikolari, l-Artikolu 12 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) 2015/2283 jipprevedi li huwa biss ikel ġdid awtorizzat u inkluż fil-lista tal-Unjoni li jista’ jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni.

    (2)

    Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/2283, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 (2) stabbilixxa lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid awtorizzat.

    (3)

    Fl-24 ta’ Lulju 2019, il-kumpanija Cricket One Co. Ltd (“l-applikant”) ressqet applikazzjoni lill-Kummissjoni għal awtorizzazzjoni f’konformità mal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283 biex tqiegħed trab tal-Acheta domesticus (grillu tad-djar) bi tneħħija parzjali tax-xaħam fis-suq tal-Unjoni bħala ikel ġdid. L-applikazzjoni talbet biex trab tal-Acheta domesticus (grillu tad-djar) bi tneħħija parzjali tax-xaħam jintuża f’ħobż u bziezen b’diversi qmuħ, crackers u grissini, bars taċ-ċereali, taħlitiet nexfin lesti minn qabel għal prodotti moħmija, gallettini, prodotti bbażati fuq l-għaġin nexfin lesti minn qabel mimlijin jew mhux mimlijin, zlazi, prodotti pproċessati tal-patata, platti bbażati fuq il-legumi u fuq il-ħaxix, pizza, prodotti bbażati fuq l-għaġin, trab tax-xorrox, analogi tal-laħam, sopop u konċentrati jew trabijiet tas-soppa, snacks ibbażati fuq id-dqiq tal-qamħirrum, xarbiet simili għall-birra, ħelu taċ-ċikkulata, ġewż u żrieragħ taż-żejt, snacks għajr għall-krips, u preparazzjonijiet tal-laħam, maħsuba għall-popolazzjoni ġenerali.

    (4)

    Fl-24 ta’ Lulju 2019, l-applikant għamel ukoll talba lill-Kummissjoni għall-protezzjoni tal-istudji u tad-data xjentifiċi proprjetarji mressqa b’appoġġ tal-applikazzjoni, jiġifieri deskrizzjoni dettaljata tal-proċess tal-produzzjoni (3); riżultati tal-analiżijiet prossimi (4); data analitika dwar il-kontaminanti (5); riżultati tal-istudji dwar l-istabbiltà (6); data analitika dwar il-parametri mikrobijoloġiċi (7); u riżultati tal-istudji tad-diġestibilità tal-proteina (8).

    (5)

    Fit-8 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) twettaq valutazzjoni tat-trab tal-Acheta domesticus (grillu tad-djar) bi tneħħija parzjali tax-xaħam bħala ikel ġdid.

    (6)

    Fit-23 ta’ Marzu 2022, l-Awtorità adottat l-opinjoni xjentifika tagħha “Safety of partially defatted whole Acheta domesticus (house cricket) powder as a novel food pursuant to Regulation (EU) 2015/2283” (9) f’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2015/2283.

    (7)

    Fl-opinjoni xjentifika tagħha, l-Awtorità kkonkludiet li t-trab tal-Acheta domesticus (grillu tad-djar) bi tneħħija parzjali tax-xaħam huwa sikur skont il-kundizzjonijiet tal-użu u l-livelli tal-użu proposti. Għalhekk, dik l-opinjoni xjentifika tagħti biżżejjed raġunijiet biex jiġi stabbilit li t-trab tal-Acheta domesticus (grillu tad-djar) bi tneħħija parzjali tax-xaħam meta jintuża f’ħobż u bziezen b’diversi qmuħ, crackers u grissini, bars taċ-ċereali, taħlitiet nexfin lesti minn qabel għal prodotti moħmija, gallettini, prodotti bbażati fuq l-għaġin nexfin lesti minn qabel mimlijin jew mhux mimlijin, zlazi, prodotti pproċessati tal-patata, platti bbażati fuq il-legumi u fuq il-ħaxix, pizza, prodotti bbażati fuq l-għaġin, trab tax-xorrox, analogi tal-laħam, sopop u konċentrati jew trabijiet tas-soppa, snacks ibbażati fuq id-dqiq tal-qamħirrum, xarbiet simili għall-birra, ħelu taċ-ċikkulata, ġewż u żrieragħ taż-żejt, snacks għajr għall-krips, u preparazzjonijiet tal-laħam, maħsuba għall-popolazzjoni ġenerali, jissodisfa l-kundizzjonijiet għat-tqegħid tiegħu fis-suq f’konformità mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283.

    (8)

    Abbażi ta’ evidenza limitata ppubblikata dwar l-allerġiji tal-ikel relatati mal-insetti b’mod ġenerali, li rabtet b’mod ekwivoku l-konsum tal- Acheta domesticus ma’ għadd ta’ eventi tal-anafilassi, u abbażi ta’ evidenza li turi li l-Acheta domesticus fih għadd ta’ proteini potenzjalment allerġeniċi, l-Awtorità fl-opinjoni kkonkludiet ukoll li l-konsum ta’ dan l-ikel ġdid jista’ jikkawża s-sensitizzazzjoni għall-proteini tal- Acheta domesticus. L-Awtorità rrakkomandat li titwettaq aktar riċerka dwar l-allerġeniċità tal-Acheta domesticus.

    (9)

    Sabiex tindirizza r-rakkomandazzjoni tal-Awtorità, il-Kummissjoni bħalissa qed tesplora l-modi biex twettaq ir-riċerka meħtieġa dwar l-allerġeniċità tal-Acheta domesticus. Sakemm id-data ġġenerata mir-riċerka tiġi vvalutata mill-Awtorità, u meta jitqies li, sal-lum, l-evidenza li torbot direttament il-konsum tal-Acheta domesticus ma’ każijiet ta’ sensitizzazzjoni primarja u allerġiji hija inkonklużiva, il-Kummissjoni tqis li ma jenħtieġx jiġi inkluż l-ebda rekwiżit ta’ tikkettar speċifiku li jikkonċerna l-potenzjal tal-Acheta domesticus li jikkawża sensitizzazzjoni primarja fil-lista tal-Unjoni ta’ ikel ġdid awtorizzat.

    (10)

    Fl-opinjoni tagħha, l-Awtorità qieset ukoll li l-konsum ta’ trab tal-Acheta domesticus (grillu tad-djar) bi tneħħija parzjali tax-xaħam jista’ jikkawża reazzjonijiet allerġiċi f’persuni li huma allerġiċi għall-krustaċji, għall-molluski u għall-akari tat-trab. Barra minn hekk, l-Awtorità nnutat li jista’ jkun hemm allerġeni addizzjonali li jispiċċaw fl-ikel ġdid, jekk tali allerġeni jkunu preżenti fis-substrat mitmugħ lill-insetti. Għalhekk, jixraq li l-ikel li fih trab tal-Acheta domesticus (grillu tad-djar) bi tneħħija parzjali tax-xaħam ikun ittikkettat kif xieraq f’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2015/2283.

    (11)

    Fl-opinjoni xjentifika tagħha, l-Awtorità nnotat ukoll li l-konklużjoni tagħha dwar is-sikurezza tat-trab tal-Acheta domesticus (grillu tad-djar) bi tneħħija parzjali tax-xaħam kienet ibbażata fuq l-istudji u d-data xjentifiċi dwar id-deskrizzjoni dettaljata tal-proċess tal-produzzjoni; ir-riżultati tal-analiżijiet prossimi; id-data analitika dwar il-kontaminanti; ir-riżultati tal-istudji dwar l-istabbiltà; id-data analitika dwar il-parametri mikrobijoloġiċi; u r-riżultati tal-istudji dwar id-diġestibbiltà tal-proteini, li mingħajrhom ma setgħetx tivvaluta l-ikel ġdid u tasal għall-konklużjoni tagħha.

    (12)

    Il-Kummissjoni talbet lill-applikant biex jiċċara aktar il-ġustifikazzjoni pprovduta fir-rigward tal-pretensjoni proprjetarja tiegħu fuq dawk l-istudji u d-data xjentifiċi u biex jiċċara t-talba tiegħu għal dritt esklużiv ta’ referenza għalihom f’konformità mal-Artikolu 26(2)(b) tar-Regolament (UE) 2015/2283.

    (13)

    L-applikant iddikjara li kellu drittijiet proprjetarji u esklużivi ta’ referenza għall-istudji u għad-data xjentifiċi dwar id-deskrizzjoni dettaljata tal-proċess ta’ produzzjoni; ir-riżultati tal-analiżijiet prossimi; id-data analitika dwar il-kontaminanti; ir-riżultati tal-istudji dwar l-istabbiltà; id-data analitika dwar il-parametri mikrobijoloġiċi; u r-riżultati tal-istudji dwar id-diġestibbiltà tal-proteini, skont il-liġi nazzjonali fiż-żmien li ressqu l-applikazzjoni u li l-partijiet terzi ma jistgħux jaċċessaw, jużaw jew jirreferu b’mod legali għal dik id-data u l-istudji.

    (14)

    Il-Kummissjoni vvalutat l-informazzjoni kollha mogħtija mill-applikant u qieset li kien issostanzja biżżejjed it-twettiq tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2015/2283. Għalhekk, jenħtieġ li l-istudji u d-data xjentifiċi dwar id-deskrizzjoni dettaljata tal-proċess ta’ produzzjoni; ir-riżultati tal-analiżijiet prossimi, id-data analitika dwar il-kontaminanti; ir-riżultati tal-istudji dwar l-istabbiltà; id-data analitika dwar il-parametri mikrobijoloġiċi; u r-riżultati tal-istudji dwar id-diġestibbiltà tal-proteini, jiġu protetti f’konformità mal-Artikolu 27(1) tar-Regolament (UE) 2015/2283. Għaldaqstant jenħtieġ li l-applikant biss ikun awtorizzat iqiegħed trab tal-Acheta domesticus (grillu tad-djar) bi tneħħija parzjali tax-xaħam fis-suq fl-Unjoni matul perjodu ta’ ħames snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    (15)

    Madankollu, ir-restrizzjoni tal-awtorizzazzjoni tat-trab tal-Acheta domesticus (grillu tad-djar) bi tneħħija parzjali tax-xaħam, u tar-referenza għall-istudji u għad-data xjentifiċi li jinsabu fil-fajl tal-applikant għall-użu tiegħu biss ma twaqqafx lil applikanti sussegwenti milli japplikaw għal awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tal-istess ikel ġdid, dment li l-applikazzjoni tagħhom tissejjes fuq informazzjoni miksuba legalment li tappoġġa t-tali awtorizzazzjoni.

    (16)

    Jenħtieġ li t-trab tal-Acheta domesticus (grillu tad-djar) bi tneħħija parzjali tax-xaħam jiddaħħal fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid stabbilita fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470. Għaldaqstant jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 jiġi emendat skont dan.

    (17)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    (1)   It-trab tal-Acheta domesticus (grillu tad-djar) bi tneħħija parzjali tax-xaħam huwa awtorizzat li jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni.

    It-trab tal-Acheta domesticus (grillu tad-djar) bi tneħħija parzjali tax-xaħam għandu jiġi inkluż fil-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid stabbilita fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470.

    (2)   L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Il-kumpanija Cricket One Co. Ltd (10) biss hija awtorizzata li tqiegħed fis-suq tal-Unjoni l-ikel il-ġdid imsemmi fl-Artikolu 1, għal perjodu ta’ ħames snin mill-24 ta’ Jannar 2023, sakemm xi applikant sussegwenti ma jiksibx awtorizzazzjoni għal dak l-ikel il-ġdid mingħajr referenza għad-data xjentifika protetta skont l-Artikolu 3 jew bi ftehim ma’ Cricket One Co Ltd.

    Artikolu 3

    Id-data xjentifika li tinsab fil-fajl tal-applikazzjoni u li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2015/2283 ma għandhiex tintuża għall-benefiċċju ta’ applikant sussegwenti għal perjodu ta’ ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament mingħajr qbil ma’ Cricket One Co. Ltd.

    Artikolu 4

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Jannar 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 327, 11.12.2015, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2470 tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-ikel ġdid skont ir-Regolament (UE) 2015/2283 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (ĠU L 351, 30.12.2017, p. 72).

    (3)  Cricket One CO. 2019, 2020 and 2021 (mhux pubblikat).

    (4)  Cricket One CO. 2019, 2020 and 2021 (mhux pubblikat).

    (5)  Cricket One CO. 2018, 2019, 2020 and 2021 (mhux pubblikat).

    (6)  Cricket One CO. 2020 (mhux pubblikat).

    (7)  Cricket One CO. 2018, 2019, 2020 and 2021 (mhux pubblikat).

    (8)  Cricket One CO. 2019, 2020 and 2021 (mhux pubblikat).

    (9)  EFSA Journal 2022;20(5):7258.

    (10)  Cricket One Co. Ltd 383/3/51 Quang Trung Street, Ward 10, Go Vap district, Ho Chi Minh City, Il-Vjetnam.


    ANNESS

    L-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2470 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fit-Tabella 1 (Ikel ġdid awtorizzat), tiddaħħal l-entrata li ġejja:

    Ikel ġdid awtorizzat

    Kundizzjonijiet li fihom jista’ jintuża l-ikel ġdid

    Rekwiżiti tat-tikkettar speċifiċi oħrajn

    Rekwiżiti oħrajn

    Protezzjoni tad-data

    Trab tal-Acheta domesticus (grillu tad-djar) bi tneħħija parzjali tax-xaħam

    Kategorija tal-ikel speċifikat

    Livelli massimi (g/100 g)

    (kummerċjalizzati bħala tali jew rikostitwiti skont l-istruzzjonijiet)

    1.

    Id-denominazzjoni tal-ikel ġdid fuq it-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li fihom minn dan l-ikel għandha tkun “Acheta domesticus (grillu tad-djar) bi tneħħija parzjali tax-xaħam”.

    2.

    It-tikkettar tal-oġġetti tal-ikel li fihom l-Acheta domesticus (grillu tad-djar) bi tneħħija parzjali tax-xaħam għandu jkollu dikjarazzjoni li dan l-ingredjent jista’ jikkawża reazzjonijiet allerġiċi lill-konsumaturi b’allerġiji magħrufa għall-krustaċji, għall-molluski u għall-prodotti tagħhom, kif ukoll għall-akari tat-trab.

    Din id-dikjarazzjoni għandha tkun qrib il-lista tal-ingredjenti.

     

    Awtorizzat nhar l-24.1.2023. Din l-inklużjoni hija bbażata fuq evidenza u data xjentifiċi proprjetarji protetti f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2015/2283.

    Applikant: “Cricket One Co. Ltd”, 383/3/51 Quang Trung street, Ward 10, Go Vap district, Ho Chi Minh City, il-Vjetnam.

    Matul il-perjodu tal-protezzjoni tad-data, l-ikel ġdid Acheta domesticus (grillu tad-djar) bi tneħħija parzjali tax-xaħam ikun awtorizzat għat-tqegħid fis-suq fl-Unjoni minn “Cricket One Co. Ltd” biss, sakemm xi applikant sussegwenti ma jiksibx awtorizzazzjoni għal dak l-ikel ġdid mingħajr referenza għall-evidenza xjentifika jew għad-data xjentifika proprjetarja protetta f’konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2015/2283 jew bi ftehim ma’ “Cricket One Co. Ltd”.

    Id-data ta’ tmiem il-protezzjoni tad-data: 24.1.2028.”

    Ħobż u bziezen b’diversi qmuħ; crackers u grissini

    2

    Bars taċ-ċereali

    3

    Taħlitiet lesti minn qabel għal prodotti moħmija (niexfa)

    3

    Gallettini

    1,5

    Prodotti bbażati fuq l-għaġin (niexef)

    0,25

    Prodotti bbażati fuq l-għaġin mimli (niexef)

    3

    Zlazi

    1

    Prodotti tal-patata pproċessati, platti bbażati fuq il-legumi u fuq il-ħaxix, pizza, platti bbażati fuq l-għaġin

    1

    Trab tax-xorrox

    3

    Analogi tal-laħam

    5

    Sopop u konċentrati jew tat-trab tas-sopop

    1

    Snacks magħmulin mid-dqiq tal-qamħirrum

    4

    Xorb li jixbaħ lill-birer

    0,1

    Ħelu taċ-ċikkulata

    2

    Ġewż u żrieragħ taż-żejt

    2

    Snacks għajr għall-krips

    5

    Preparazzjonijiet tal-laħam

    2

     

    (2)

    fit-Tabella 2 (Speċifikazzjonijiet), tiddaħħal l-entrata li ġejja:

    Ikel ġdid awtorizzat

    Speċifikazzjonijiet

    Trab tal-Acheta domesticus (grillu tad-djar) bi tneħħija parzjali tax-xaħam

    Deskrizzjoni/Definizzjoni:

    L-ikel ġdid huwa trab tal-Acheta domesticus (grillu tad-djar) bi tneħħija parzjali tax-xaħam wara serje ta’ passi li jinvolvu perjodu ta’ sawm ta’ 24 siegħa tal-insetti biex ikunu jistgħu jbattlu msarinhom, il-qtil tal-insetti permezz tal-iffriżar, il-ħasil, l-ipproċessar termali, it-tnixxif, l-estrazzjoni taż-żejt (estrużjoni mekkanika), u t-tħin.

    Karatteristiċi/Kompożizzjoni:

    Proteina mhux raffinata (N × 6,25) (% w/w): 74,0 – 78,0

    Xaħam (% w/w): 9,0 – 12,0

    Indewwa (% w/w): 3,0 – 6,0

    Fibra mhux raffinata (% w/w): 8,0 – 10,0

    Kitina (*1) (% w/w): 4,0 – 8,5

    Irmied (% w/w): ≤ 5,6

    Valur tal-perossidu (Meq O2/kg xaħam): ≤ 5,0

    Manganiż: ≤ 100,0 mg/kg

    Ċjanur: ≤ 5,0 mg/kg

    Metalli tqal:

    Ċomb: ≤ 0,1 mg/kg

    Kadmju: ≤ 0,025 mg/kg

    Mikotossini:

    Aflatossini (Is-somma ta’ B1, B2, G1, G2): ≤ 0,4 μg/kg

    Deossinivalenol: ≤ 200,0 μg/kg

    Okratossina A: ≤ 1,0 μg/kg

    Diossini u PCBs simili għad-diossini:

    Is-somma tad-diossini u tal-PCBs simili għad-diossini UB, ( (*2)WHO2005 PCDD/F-PCB-TEF): ≤ 1,25 pg/g xaħam

    Kriterji mikrobijoloġiċi:

    Għadd totali ta’ mikrobi aerobiċi: ≤ 105 CFU/g

    Ħmira u moffa: ≤ 100 CFU/g

    Escherichia coli: ≤ 50 CFU/g

    Salmonella spp.: Mhux individwata f’25 g

    Listeria monocytogenes: Mhux individwata f’25 g

    Bacillus cereus (test preżuntiv): ≤ 100 CFU/g

    Enterobacteriaceae (test preżuntiv): < 100 CFU/g

    Staphylococci Koagulażi-pożittivi: ≤ 100 CFU/g


    (*1)  Il-kitina kkalkulata bħala d-differenza bejn il-frazzjoni tal-Fibra tad-Deterġenti tal-Aċidu u l-frazzjoni ta’ Lignin tad-Deterġenti tal-Aċidu (ADF-ADL), kif deskritt minn Hahn et al. (2018).

    (*2)  Is-somma ta’ livell superjuri tal-poliklorodibenżo-para-diossini (PCDDs)-poliklorodibenżofurani (PCDFs) u tal-poliklorobifenili simili għad-diossini (PCB) espressa bħala l-Fatturi tal-Ekwivalenti Tossiku tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (bl-użu tal-WHO-TEF tal-2005)).

    CFU: Colony Forming Units (Unitajiet li jiffurmaw kolonji).”


    Top