Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023L0946

Direttiva (UE) 2023/946 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Direttiva 2003/25/KE fir-rigward tal-inklużjoni ta’ rekwiżiti mtejba tal-istabbiltà u l-allinjament ta’ dik id-Direttiva mar-rekwiżiti tal-istabbiltà definiti mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

PE/76/2022/REV/1

ĠU L 128, 15.5.2023, p. 1–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2023/946/oj

15.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 128/1


DIRETTIVA (UE) 2023/946 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-10 ta’ Mejju 2023

li temenda d-Direttiva 2003/25/KE fir-rigward tal-inklużjoni ta’ rekwiżiti mtejba tal-istabbiltà u l-allinjament ta’ dik id-Direttiva mar-rekwiżiti tal-istabbiltà definiti mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2003/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tistabbilixxi livell uniformi ta’ rekwiżiti speċifiċi tal-istabbiltà għall-vapuri ro-ro tal-passiġġieri li jtejbu l-kapaċità ta’ sopravivenza ta’ dan it-tip ta’ bastiment fil-każ ta’ ħsara f’kolliżjoni u li jipprovdu livell għoli ta’ sikurezza għall-passiġġieri u l-ekwipaġġ flimkien mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (il-“Konvenzjoni SOLAS”) fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni ta’ dik id-Direttiva (“SOLAS 90”).

(2)

Fil-15 ta’ Ġunju 2017, l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (“OMI”) adottat ir-Riżoluzzjoni MSC.421(98) li temenda l-Konvenzjoni SOLAS u li tistabbilixxi rekwiżiti riveduti tal-istabbiltà għall-vapuri tal-passiġġieri f’kondizzjoni ta’ ħsara. Dawk ir-rekwiżiti japplikaw ukoll għall-vapuri ro-ro tal-passiġġieri. Huwa meħtieġ li dak l-iżvilupp jitqies fil-livell internazzjonali u li r-regoli u r-rekwiżiti tal-Unjoni jiġu allinjati ma’ dawk stabbiliti fil-Konvenzjoni SOLAS għall-vapuri ro-ro tal-passiġġieri involuti fi vjaġġi internazzjonali.

(3)

Ir-Riżoluzzjoni 14 tal-OMI tal-Konferenza SOLAS tal-1995 tippermetti lill-membri tal-OMI jikkonkludu ftehimiet reġjonali jekk jikkunsidraw li l-kondizzjonijiet prevalenti tal-baħar u kondizzjonijiet lokali oħra jirrikjedu rekwiżiti speċifiċi tal-istabbiltà f’żona deżinjata.

(4)

Ir-rekwiżiti tal-istabbiltà f’każ ta’ ħsara għall-vapuri ro-ro tal-passiġġieri stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 2003/25/KE huma deterministiċi fin-natura tagħhom. Bħala tali, ivarjaw mir-reġim internazzjonali probabilistiku l-ġdid stabbilit fil-Kapitolu II-1 tal-Konvenzjoni SOLAS, u b’mod partikolari minn rekwiżiti ġodda li jkejlu s-sikurezza ta’ vapur ro-ro tal-passiġġieri abbażi tal-probabbiltà ta’ sopravivenza wara kolliżjoni. Sabiex ir-rekwiżiti tal-Unjoni jinġiebu f’konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti internazzjonali l-ġodda, id-Direttiva 2003/25/KE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.

(5)

Ir-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jibqgħu applikabbli għall-vapuri ro-ro tal-passiġġieri. Il-valutazzjoni għal daqsijiet differenti ta’ vapuri ro-ro tal-passiġġieri tal-livell ta’ sikurezza żgurat mir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni SOLAS kif emendata l-aħħar bir-Riżoluzzjoni MSC.421(98) (“SOLAS 2020”) wasslet għall-konklużjoni li l-applikazzjoni tar-rekwiżiti tal-istabbiltà tas-SOLAS 2020 tirriżulta fi tnaqqis sinifikanti tar-riskju għall-vapuri ro-ro tal-passiġġieri ċċertifikati biex iġorru aktar minn 1 350 persuna abbord, meta mqabbel mal-livell ta’ sikurezza żġurat mill-applikazzjoni tar-rekwiżiti stabbilit fid-Direttiva 2003/25/KE.

(6)

Ikun diffiċli li r-rekwiżiti tal-istabbiltà stabbiliti f’din id-Direttiva għall-vapuri ro-ro tal-passiġġieri ċċertifikati biex iġorru 1 350 persuna jew anqas abbord jiġu implimentati għal ċerti disinji ta’ vapuri. Għalhekk, il-kumpaniji sidien jew operaturi ta’ dawk il-vapuri b’servizz regolari fl-Unjoni jenħtieġ li jkollhom l-opzjoni li japplikaw ir-rekwiżiti tal-istabbiltà applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. L-użu ta’ dik l-opzjoni jenħtieġ li jiġi nnotifikat mill-Istati Membri lill-Kummissjoni flimkien mad-data relatata mal-vapuri kkonċernati. Għaxar snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni jenħtieġ li tivvaluta l-użu tal-opzjoni sabiex tiddeċiedi jekk tkunx meħtieġa reviżjoni ulterjuri ta’ din id-Direttiva.

(7)

Għall-vapuri ro-ro tal-passiġġieri ċċertifikati biex iġorru 1 350 persuna jew anqas abbord, l-applikazzjoni fakultattiva tar-rekwiżiti tas-SOLAS 2020 jenħtieġ li tkun tiddependi minn livell ogħla ta’ indiċi-R minn dak definit fis-SOLAS 2020, sabiex jinkiseb il-livell xieraq ta’ sikurezza.

(8)

Sabiex jiġi żgurat il-livell meħtieġ ta’ sikurezza, ir-rekwiżiti speċifiċi tal-istabbiltà f’każ ta’ ħsara jenħtieġ li japplikaw ukoll għall-vapuri ro-ro tal-passiġġieri eżistenti li qatt ma jkunu ġew iċċertifikati f’konformità mad-Direttiva 2003/25/KE u li jkunu deħlin f’servizz regolari fl-Unjoni.

(9)

L-Istati tal-Port jenħtieġ li jikkooperaw kemm jista’ jkun sabiex jistabbilixxu l-lista taż-żoni tal-ibħra msemmija f’din id-Direttiva, filwaqt li jitqiesu s-sovranità tal-Istati fuq iż-żoni tal-ibħra taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom u l-prinċipji ġenerali tad-dritt marittimu.

(10)

L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) ilha tassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva 2003/25/KE u jenħtieġ li tagħmel ħilitha biex tkompli tali assistenza f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(11)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tevalwa u tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri jenħtieġ li jipprovdu data dwar kull vapur ro-ro tal-passiġġieri ġdid li jkun iċċertifikat biex iġorr 1 350 persuna jew anqas abbord għal servizz regolari f’konformità mar-rekwiżiti tal-istabbiltà li jinsabu f’din id-Direttiva. Din id-data jenħtieġ li tingħata f’konformità mal-istruttura stabbilita fl-Anness II. Din id-data jenħtieġ li tkun disponibbli għall-vapuri ro-ro tal-passiġġieri ġodda kollha, peress li huma mitluba jikkonformaw mar-rekwiżiti probabilistiċi tal-istabbiltà stabbiliti fis-SOLAS 2020.

(12)

Billi d-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) ġiet emendata, u d-Direttiva tal-Kunsill 1999/35/KE (7) tħassret bid-Direttiva (UE) 2017/2110 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), il-kunċett tal-“Istat ospitanti” ma għadux rilevanti u għalhekk jenħtieġ li jiġi ssostitwit b’dak tal-“Istat tal-port”.

(13)

Sabiex ma jiġix impost piż amministrattiv sproporzjonat fuq Stati Membri mingħajr kosta li ma għandhomx portijiet marittimi, u li ma għandhomx vapuri ro-ro tal-passiġġieri li jtajru l-bandiera tagħhom u li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/25/KE, jenħtieġ li tali Stati Membri jitħallew jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/25/KE. Dan ifisser li dment li dawk il-kondizzjonijiet ikunu sodisfatti, ma humiex obbligati jittrasponu dik id-Direttiva.

(14)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2003/25/KE tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2003/25/KE

Id-Direttiva 2003/25/KE hija emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punti (b) u (c) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(b)

‘vapur ro-ro tal-passiġġieri eżistenti’ tfisser vapur ro-ro tal-passiġġieri li l-prim tiegħu jkun tqiegħed jew li jkun fi stadju simili tal-kostruzzjoni qabel il-5 ta’ Diċembru 2024; stadju simili tal-kostruzzjoni jfisser l-istadju li fih:

(i)

tibda l-kostruzzjoni identifikabbli ma’ vapur speċifiku; u

(ii)

ikun beda l-assemblaġġ ta’ dak il-vapur li jkun jinkludi mill-anqas 50 tunnellata jew 1 % tal-massa stmata tal-materjal strutturali, skont liema minnhom tkun l-anqas;

(c)

‘vapur ro-ro tal-passiġġieri ġdid’ tfisser vapur ro-ro tal-passiġġieri li ma jkunx vapur ro-ro tal-passiġġieri eżistenti;”;

(b)

il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

‘Konvenzjoni SOLAS’ tfisser il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar tal-1974 u l-emendi għaliha fis-seħħ;”;

(c)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“(ea)

‘SOLAS 90’ tfisser il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar tal-1974, kif emendata l-aħħar bir-Riżoluzzjoni MSC.117(74);

(eb)

‘SOLAS 2009’ tfisser il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar tal-1974, kif emendata l-aħħar bir-Riżoluzzjoni MSC.216(82);

(ec)

‘SOLAS 2020’ tfisser il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar tal-1974, kif emendata l-aħħar bir-Riżoluzzjoni MSC.421(98);”;

(d)

il-punt (f) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(f)

‘servizz regolari’ tfisser serje ta’ vjaġġi ta’ vapuri ro-ro tal-passiġġieri operati sabiex jaqdu t-traffiku bejn l-istess żewġ portijiet jew aktar, jew serje ta’ vjaġġi minn u lejn l-istess port mingħajr waqfiet intermedji, jew:

(i)

f’konformità ma’ skeda ppubblikata; jew

(ii)

bi vjaġġi tant regolari jew frekwenti li jikkostitwixxu serje sistematika li tista’ tingħaraf;”;

(e)

il-punt (i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

‘Stat tal-Port’ tfisser Stat Membru li vapur ro-ro tal-passiġġieri jkun involut f’servizz regolari lejn il-portijiet tiegħu jew minnhom;”;

(f)

il-punt (k) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(k)

‘rekwiżiti speċifiċi tal-istabbiltà’ tfisser, meta tintuża bħala terminu kollettiv, ir-rekwiżiti tal-istabbiltà msemmija fl-Artikolu 6;”;

(g)

jiżdied il-punt li ġej:

“(n)

‘kumpanija’ tfisser is-sid tal-vapur ro-ro tal-passiġġieri jew kwalunkwe organizzazzjoni jew persuna oħra, bħall-maniġer jew min jinnoleġġja vapur mingħajr ekwipaġġ, li jkun ħa r-responsabbiltà għat-tħaddim tal-vapur tal-passiġġieri mingħand is-sid.”;

(2)

fl-Artikolu 3, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Kull Stat Membru, fil-kapaċità tiegħu ta’ Stat tal-Port, għandu jiżgura li l-vapuri ro-ro tal-passiġġieri li jtajru l-bandiera ta’ Stat li mhuwiex Stat Membru jikkonformaw għal kollox mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva qabel ma jkunu involuti ma’ vjaġġi f’servizz regolari minn jew lejn il-portijiet ta’ dak l-Istat Membru f’konformità mad-Direttiva (UE) 2017/2110 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*).

(*)  Id-Direttiva (UE) 2017/2110 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2017 dwar sistema ta’ spezzjonijiet għall-operazzjoni bla periklu ta’ vapuri ro-ro tal-passiġġieri u inġenji ta’ veloċità għolja għall-passiġġieri f’servizz regolari u li temenda d-Direttiva 2009/16/KE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 1999/35/KE (ĠU L 315, 30.11.2017, p. 61).”;"

(3)

fl-Artikolu 3, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   L-Istati Membri li ma għandhomx portijiet marittimi u li ma għandhomx vapuri ro-ro tal-passiġġieri li jtajru l-bandiera tagħhom li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva bl-eċċezzjoni tal-obbligu stabbilit fit-tieni subparagrafu.

Dawk l-Istati Membri li biħsiebhom jagħmlu użu minn tali deroga għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni sal-5 ta’ Diċembru 2024 jekk il-kondizzjonijiet ikunu ġew issodisfati, u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidla sussegwenti. Tali Stati Membri jistgħu jippermettu li vapuri ro-ro tal-passiġġieri li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jtajru l-bandiera tagħhom ladarbajkunu ttrasponew u implimentaw din id-Direttiva.”

;

(4)

l-Artikolu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 4

Għoli sinifikanti tal-mewġ

L-għoli sinifikanti tal-mewġ (hS) għandu jintuża sabiex jiġi stabbilit l-għoli tal-ilma fuq il-gverta tal-karozzi meta jiġu applikati r-rekwiżiti speċifiċi tal-istabbiltà li jinsabu fl-Anness I, it-Taqsima A. Iċ-ċifri tal-għoli sinifikanti tal-mewġ għandhom ikunu dawk li ma jinqabżux bi probabbiltà ta’ aktar minn 10 % fuq bażi annwali.”

;

(5)

l-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati tal-Port għandhom jistabbilixxu u jżommu aġġornata lista taż-żoni tal-ibħra salpati mill-vapuri ro-ro tal-passiġġieri li joperaw f’servizz regolari lejn il-portijiet tagħhom jew minnhom kif ukoll il-valuri korrispondenti tal-għoli sinifikanti tal-mewġ f’dawn iż-żoni.”

;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Il-lista għandha tiġi ppubblikata f’bażi tad-data pubblika disponibbli fuq is-sit web tal-awtorità marittima kompetenti. Il-post ta’ tali informazzjoni kif ukoll kwalunkwe aġġornament fil-lista u r-raġunijiet għal tali aġġornamenti għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni.”

;

(6)

l-Artikolu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 6

Rekwiżiti speċifiċi tal-istabbiltà

1.   Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*), il-vapuri ro-ro tal-passiġġieri l-ġodda ċċertifikati biex iġorru aktar minn 1 350 persuna abbord għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti speċifiċi tal-istabbiltà stabbiliti fil-Kapitolu II-1, il-Parti B, tas-SOLAS 2020.

2.   Fuq l-għażla tal-kumpanija, il-vapuri ro-ro tal-passiġġieri l-ġodda ċċertifikati biex iġorru 1 350 persuna jew anqas abbord għandhom jikkonformaw ma’:

(a)

ir-rekwiżiti speċifiċi tal-istabbiltà stabbiliti fl-Anness I, it-Taqsima A, ta’ din id-Direttiva, jew

(b)

ir-rekwiżiti speċifiċi tal-istabbiltà stabbiliti fl-Anness I, it-Taqsima B, ta’ din id-Direttiva.

Għal kull wieħed mit-tali vapuri, l-amministrazzjoni tal-Istat tal-Bandiera għandha tinnotifika lill-Kummissjoni, fi żmien xahrejn mid-data tal-ħruġ taċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 8, dwar l-għażla magħmula rigward l-opzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu u għandha tinkludi f’tali notifika d-dettalji msemmija fl-Anness III.

3.   Meta jkunu qegħdin japplikaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I, it-Taqsima A, l-Istati Membri għandhom jużaw il-linji gwida stabbiliti fl-Anness II, sa fejn u sakemm dan ikun prattikabbli u kompatibbli mad-disinn tal-vapur inkwistjoni.

4.   Skont l-għażla tal-kumpanija, il-vapuri ro-ro tal-passiġġieri eżistenti ċċertifikati biex iġorru aktar minn 1 350 persuna abbord li l-kumpanija tintroduċi għall-operat ta’ servizz regolari lejn port ta’ Stat Membru jew minnu wara l-5 ta’ Diċembru 2024, u li qatt ma kienu ċċertifikati f’konformità ma’ din id-Direttiva, għandhom jikkonformaw ma’:

(a)

ir-rekwiżiti speċifiċi tal-istabbiltà stabbiliti fil-Kapitolu II-1, il-Parti B, tas-SOLAS 2020; jew

(b)

ir-rekwiżiti speċifiċi tal-istabbiltà stabbiliti fl-Anness I, it-Taqsima A ta’ din id-Direttiva, flimkien ma’ dawk stabbiliti fil-Kapitolu II-1, il-Parti B, tas-SOLAS 2009.

Ir-rekwiżiti tal-istabbiltà li jiġu applikati għandhom jitniżżlu fiċ-ċertifikat tal-vapur meħtieġ skont ma jirrikjedi l-Artikolu 8.

5.   Skont l-għażla tal-kumpanija, il-vapuri ro-ro tal-passiġġieri eżistenti ċċertifikati biex iġorru 1 350 persuna jew anqas abbord li, l-kumpanija tintroduċi għall-operat ta’ servizz regolari lejn port ta’ Stat Membru jew minnu wara l-5 ta’ Diċembru 2024, u li qatt ma kienu ċċertifikati f’konformità ma’ din id-Direttiva, għandhom jikkonformaw ma’:

(a)

ir-rekwiżiti speċifiċi tal-istabbiltà, stabbiliti fl-Anness I, it-Taqsima A ta’ din id-Direttiva, jew

(b)

ir-rekwiżiti speċifiċi tal-istabbiltà, stabbiliti fl-Anness I, it-Taqsima B ta’ din id-Direttiva.

Ir-rekwiżiti tal-istabbiltà li jiġu applikati għandhom jitniżżlu fiċ-ċertifikat tal-vapur imsemmi fl-Artikolu 8.

6.   Il-vapuri ro-ro tal-passiġġieri eżistenti li kienu involuti f’operat ta’ servizz regolari lejn port ta’ Stat Membru jew minnu sal-5 ta’ Diċembru 2024 għandhom ikomplu jikkonformaw mar-rekwiżiti speċifiċi tal-istabbiltà stabbiliti fl-Anness I fil-verżjoni li kienet tapplika qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva (UE) 2023/946 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**).

(*)  Id-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1)."

(**)  Id-Direttiva (UE) 2023/946 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Mejju 2023 li temenda d-Direttiva 2003/25/KE fir-rigward tal-inklużjoni ta’ rekwiżiti mtejba tal-istabbiltà u l-allinjament ta’ dik id-Direttiva mar-rekwiżiti tal-istabbiltà definiti mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (ĠU L 128, 15.5.2023, p. 1).”;."

(7)

l-Artikolu 7 jitħassar.

(8)

l-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 8

Ċertifikati

1.   Il-vapuri ro-ro tal-passiġġieri ġodda jew eżistenti li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru għandhom iġorru ċertifikat li jikkonferma l-konformità mar-rekwiżiti speċifiċi tal-istabbiltà msemmija fl-Artikolu 6.

Iċ-ċertifikati għandhom jinħarġu mill-amministrazzjoni tal-Istat tal-bandiera u jistgħu jiġu kkombinati ma’ ċertifikati relatati oħra. Għall-vapuri ro-ro tal-passiġġieri li jikkonformaw mar-rekwiżiti speċifiċi tal-istabbiltà stabbiliti fl-Anness I, it-Taqsima A, iċ-ċertifikat għandu jindika l-għoli sinifikanti tal-mewġ sa fejn il-vapur jista’ jissodisfa r-rekwiżiti speċifiċi tal-istabbiltà.

Iċ-ċertifikat għandu jibqa’ validu dment li l-vapur ro-ro tal-passiġġieri jopera f’żona bl-istess valur tal-għoli sinifikanti tal-mewġ jew b’valur iżjed baxx.

2.   Kull Stat Membru li jaġixxi fil-kapaċità tiegħu bħala Stat tal-Port għandu jirrikonoxxi ċ-ċertifikati maħruġa minn Stat Membru ieħor f’konformità ma’ din id-Direttiva.

3.   Kull Stat Membru li jaġixxi fil-kapaċità tiegħu ta’ Stat tal-Port għandu jaċċetta ċ-ċertifikati maħruġa minn pajjiż terz li jiċċertifikaw li vapur ro-ro tal-passiġġieri jikkonforma mar-rekwiżiti speċifiċi tal-istabbiltà stabbiliti f’din id-Direttiva.”

;

(9)

l-Artikolu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 9

Operati staġunali u oħrajn għal perjodu ta’żmien qasir

1.   Jekk kumpanija li topera servizz regolari matul is-sena kollha tkun tixtieq iddaħħal vapuri ro-ro tal-passiġġieri addizzjonali sabiex topera għal perjodu iqsar fuq dak is-servizz, għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat jew l-Istati tal-Port mhux aktar tard minn xahar qabel il-vapuri msemmija jibdew joperaw fuq dak is-servizz.

2.   Madankollu, f’każijiet meta, minħabba ċirkostanzi mhux previsti, vapur ro-ro tal-passiġġieri ta’ sostituzzjoni jkun irid jiġi introdott malajr sabiex jiżgura l-kontinwità tas-servizz, l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva (UE) 2017/2110 u l-punt 1.3 tal-Anness XVII tad-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*) għandhom japplikaw minflok ir-rekwiżit ta’ notifika tal-paragrafu 1.

3.   Jekk kumpanija tkun tixtieq topera servizz regolari fuq bażi staġunali għal perjodu iqsar li ma jaqbiżx sitt xhur fis-sena, għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat jew l-Istati tal-Port mhux aktar tard minn tliet xhur qabel isir dak l-operat.

4.   Għall-vapuri ro-ro tal-passiġġieri li jikkonformaw mar-rekwiżiti speċifiċi fl-Anness I, it-Taqsima A, meta operati skont it-tifsira tal-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu jitwettqu taħt kondizzjonijiet ta’ għoli sinifikanti tal-mewġ aktar baxx minn dawk stabbiliti għall-istess żona tal-baħar għall-operat matul is-sena kollha, l-awtorità kompetenti tista’ tuża l-valur tal-għoli sinifikanti tal-mewġ applikabbli għall-perjodu iqsar sabiex tiddetermina l-għoli tal-ilma fuq il-gverta meta jiġu applikati r-rekwiżiti speċifiċi tal-istabbiltà li jinsabu fl-Anness I, it-Taqsima A. Il-valur tal-għoli sinifikanti tal-mewġ applikabbli għal dan il-perjodu iqsar ta’ żmien għandu jiġi miftiehem bejn l-Istati Membri jew, kull meta jkun applikabbli u possibbli, bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi fiż-żewġt itruf tar-rotta.

5.   Wara l-qbil tal-awtorità kompetenti tal-Istat jew l-Istati tal-Port għall-operati skont it-tifsira tal-paragrafi 1, 2 u 3, il-vapur ro-ro tal-passiġġieri li jagħmel tali operati għandu jkollu l-obbligu jġorr ċertifikat li jikkonferma l-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, kif previst fl-Artikolu 8(1).

(*)  Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57).”;"

(10)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 13a

Rieżami

Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u tissottometti r-riżultati tal-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-5 ta’ Ġunju 2033. L-informazzjoni bbażata fuq in-notifiki msemmija fl-Artikolu 6(2) għandha tkun disponibbli f’forma anonimizzata.”

;

(11)

L-Annessi I u II tad-Direttiva 2003/25/KE huma emendati f’konformità mal-Anness I ta’ din id-Direttiva;

(12)

It-test stabbilit fl-Anness II ta’ din id-Direttiva jiżdied bħala l-Anness III tad-Direttiva 2003/25/KE.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-5 ta’ Diċembru 2024. Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f’dak ir-rigward.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jinkludu dik ir-referenza meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir dik ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, l-10 ta’ Mejju 2023.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

J. ROSWALL


(1)   ĠU C 323, 26.8.2022, p. 119.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Marzu 2023 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2023.

(3)  Id-Direttiva 2003/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ April 2003 dwar ir-rekwiżiti speċifiċi tal-istabbiltà għall-vapuri tal-passiġġieri ro-ro (ĠU L 123, 17.5.2003, p. 22).

(4)  Id-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1).

(6)  Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57).

(7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/35/KE tad-29 ta’ April 1999 dwar sistema ta’ stħarriġ obbligatorju għall-operazzjoni bla perikolu ta’ laneċ ro-ro regolari u servizzi tal-inġenji tal-baħar ta’ veloċità kbira għall-passiġġieri (ĠU L 138, 1.6.1999, p. 1).

(8)  Id-Direttiva (UE) 2017/2110 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2017 dwar sistema ta’ spezzjonijiet għall-operazzjoni bla periklu ta’ vapuri ro-ro tal-passiġġieri u inġenji ta’ veloċità għolja għall-passiġġieri f’servizz regolari u li temenda d-Direttiva 2009/16/KE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 1999/35/KE (ĠU L 315, 30.11.2017, p. 61).


ANNESS I

1.   

L-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)

wara t-titolu, tiddaħħal l-intestatura li ġejja:

“Taqsima A”;

(b)

wara dik l-intestatura l-ġdida, tiddaħħal is-sentenza introduttorja li ġejja:

“Għall-finijiet tat-Taqsima A, ir-referenzi għar-regolamenti tal-Konvenzjoni SOLAS għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dawk ir-regolamenti kif kienu japplikaw skont is-SOLAS 90.”;

(c)

fil-punt 1, il-paragrafu qabel il-punti 1.1 sa 1.6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.

Minbarra r-rekwiżiti tar-Regolament II-1/B/8 tal-Konvenzjoni SOLAS relatati mas-subdiviżjoni impermeabbli u l-istabbiltà f’kondizzjoni ta’ ħsara, għandhom jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ din it-taqsima.”;

(d)

il-punt 3.1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.1.

Għall-vapuri, li għandhom jiġu operati biss għal perjodu iqsar skont it-tifsira tal-Artikolu 9, l-Istati tal-Port inklużi fir-rotta għandhom jaqblu dwar l-għoli sinifikanti tal-mewġ applikabbli.”;

(e)

Tiżdied it-taqsima li ġejja:

“Taqsima B

Għandu jkun hemm konformità mar-rekwiżiti tal-Kapitolu II-1, il-Parti B, tas-SOLAS 2020. Madankollu, permezz ta’ deroga mir-Regolament II-1/B/6.2.3 tas-SOLAS 2020, l-indiċi R tas-subdiviżjoni meħtieġ għandu jiġi ddeterminat kif ġej:

Persuni abbord (N)

Indiċi tas-Subdiviżjoni (R)

N < 1 000

R = 0,000088 *N +0,7488

1 000 ≤ N ≤1 350

R = 0,0369 * ln (N +89,048 ) +0,579

Fejn:

N

=

l-għadd totali ta’ persuni abbord.”

2.   

L-Anness II huwa emendat kif ġej:

Il-paragrafu introduttorju f’“Applikazzjoni” huwa sostitwit b’dan li ġej:

“F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(3) ta’ din id-Direttiva, dawn il-linji gwida għandhom jintużaw mill-amministrazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri meta japplikaw ir-rekwiżiti speċifiċi tal-istabbiltà stabbiliti fl-Anness I, it-Taqsima A, sa fejn dan ikun prattikabbli u kompatibbli mad-disinn tal-vapur inkwistjoni. In-numri tal-paragrafi li jidhru hawn taħt jikkorrispondu għal dawk fl-Anness I, it-Taqsima A.”.


ANNESS II

“ANNESS III

DETTALJI TAN-NOTIFIKA

Id-data li għandha tiġi nnotifikata f’konformità mal-Artikolu 6(2):

I.

Data ġenerali

(1)

Rekwiżiti speċifiċi tal-istabbiltà: Taqsima A jew Taqsima B tal-Anness I

(2)

Numru ta’ identifikazzjoni tal-vapur (Numru tal-OMI, Sinjal tas-sejħa)

(3)

Dettalji ewlenin

(4)

Pjan tal-arranġament ġenerali

(5)

Għadd ta’ persuni abbord

(6)

GT

(7)

Il-vapur għandu żewġt itruf: Iva/Le

(8)

Il-vapur għandu stivi twal aktar baxxi: Iva/Le

II.

Data speċifika – għall-vapuri ro-ro tal-passiġġieri soġġetti għar-rekwiżiti probabilistiċi stabbiliti fil-Konvenzjoni SOLAS

(1)

dl, dp, ds;

(2)

R — l-indiċi meħtieġ;

(3)

pjan tat-tqassim (pjan tal-integrità tal-impermeabbiltà) għas-subkompartimenti bil-punti tal-ftuħ interni u esterni kollha inklużi s-subkompartimenti konnessi tagħhom, u d-dettalji użati fil-kejl tal-ispazji, bħall-pjan tal-arranġament ġenerali u l-pjan tat-tank; il-limiti tas-subdiviżjoni, lonġitudinali, trażversali u vertikali, iridu jiġu inklużi (1);

(4)

indiċi A tas-subdiviżjoni miksub b’tabella sommarja għall-kontribuzzjonijiet kollha għaż-żoni danneġġati (2) kollha b’kolonna separata bl-indiċi tas-subdiviżjoni li jista’ jinkiseb (w*p*v);

(5)

għal 1 u 2 każijiet ta’ ħsara fiż-Żona, il-perċentwal ta’ każijiet ta’ ħsara li ma ġewx investigati (jiġifieri każijiet mhux inklużi fil-fattur (w*p*v)), meta s = 0, s = 1 u 0<s< 1;

(6)

għal 1 u 2 każijiet ta’ ħsara fiż-Żona, il-perċentwal ta’ każijiet ta’ ħsara li jinvolvu spazji ro-ro li ma ġewx investigati (jiġifieri każijiet mhux inklużi fil-fattur (w*p*v)), meta s = 0, s = 1 u 0<s< 1;

(7)

għal kull ħsara li tikkontribwixxi għall-indiċi A tas-subdiviżjoni miksub, l-identifikazzjoni tal-ispazji mgħarrqa, il-valur tal-kontribuzzjoni u l-fattur “s” (3);

(8)

dettalji ta’ ħsarat mhux ta’ kontribuzzjoni (s = 0 u p > 0) għall-vapuri ro-ro tal-passiġġieri mgħammra bi stiva twila aktar baxxa, inklużi d-dettalji kollha tal-fatturi kkalkulati (4).

III.

Data speċifika – għall-vapuri ro-ro tal-passiġġieri li japplikaw l-Anness I, it-Taqsima A

(1)

Metodu ta’ konformità:

Testijiet fuq Mudelli

Kalkoli

Jekk jogħġbok indika jekk il-kalkoli tal-ilma fuq il-gverta ġewx evitati minħabba, pereżempju, li l-ispazju ħieles residwali jkun ogħla minn 2,0 m fil-każijiet kollha ta’ ħsara: Iva/Le

(2)

Għoli sinifikanti tal-mewġ skont id-Direttiva 2003/25/KE.

.

(1)  Din id-dokumentazzjoni għandha tintbagħat lill-Amministrazzjonijiet f’konformità mal-punt 2.2 tal-Appendiċi tar-Riżoluzzjoni MSC.429(98) tal-OMI.

(2)  Din id-dokumentazzjoni għandha tintbagħat lill-Amministrazzjonijiet f’konformità mal-punt 2.3.1 tal-Appendiċi tar-Riżoluzzjoni MSC.429(98) tal-OMI.

(3)  Din id-dokumentazzjoni għandha tintbagħat lill-Amministrazzjonijiet f’konformità mal-punt 2.3.1 tal-Appendiċi tar-Riżoluzzjoni MSC.429(98) tal-OMI.

(4)  Din id-dokumentazzjoni għandha tintbagħat lill-Amministrazzjonijiet f’konformità mal-punt 2.3.1 tal-Appendiċi tar-Riżoluzzjoni MSC.429(98) tal-OMI.”


Top