Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023H0682

    Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/682 tas-16 ta’ Marzu 2023 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn u t-tħaffif tar-ritorni meta tiġi implimentata d-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    C/2023/1763

    ĠU L 86, 24.3.2023, p. 58–64 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2023/682/oj

    24.3.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 86/58


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/682

    tas-16 ta’ Marzu 2023

    dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn u t-tħaffif tar-ritorni meta tiġi implimentata d-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jirrikjedi li l-Unjoni u l-Istati Membri jassistu lil xulxin, b’rispett reċiproku sħiħ, fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati.

    (2)

    Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) tistabbilixxi standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment.

    (3)

    Fit-12 ta’ Settembru 2018, il-Kummissjoni ressqet proposta għal riformulazzjoni tad-Direttiva 2008/115/KE li tnaqqas it-tul tal-proċeduri ta’ ritorn, tiżgura rabta aħjar bejn il-proċeduri tal-ażil u tar-ritorn u tiżgura użu aktar effettiv tal-miżuri għall-prevenzjoni tal-ħarba, filwaqt li tiżgura r-rispett għad-drittijiet fundamentali kif minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta).

    (4)

    Il-Patt il-Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil (2) għandu l-għan li jistabbilixxi sistema komuni tal-UE għar-ritorni li tgħaqqad strutturi aktar b’saħħithom fl-Unjoni ma’ kooperazzjoni aktar effettiva ma’ pajjiżi terzi dwar ir-ritorn u r-riammissjoni, bħala parti minn approċċ komprensiv dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni. Dak l-approċċ jiġbor flimkien il-politiki kollha fl-oqsma tal-migrazzjoni, l-ażil, l-integrazzjoni, il-ġestjoni tal-fruntieri, filwaqt li jirrikonoxxi li l-effettività ġenerali tiddependi fuq il-progress fuq il-fronti kollha. Proċess ta’ migrazzjoni aktar rapidu u bla xkiel u governanza aktar b’saħħitha tal-politiki dwar il-migrazzjoni u l-fruntieri, il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi inkluż dwar l-implimentazzjoni tal-ftehimiet u l-arranġamenti ta’ riammissjoni tal-UE, mirfuda minn sistemi moderni tal-IT u appoġġ mill-aġenziji rilevanti tal-UE se jrawmu proċess ta’ ritorn aktar effettiv u sostenibbli.

    (5)

    Il-Kunsill Ewropew enfasizza b’mod konsistenti l-importanza ta’ politika tal-Unjoni unifikata, komprensiva u effettiva dwar ir-ritorn u r-riammissjoni li tappella għal azzjoni rapida biex jiġu żgurati ritorni effettivi mill-Unjoni billi jitħaffu l-proċeduri ta’ ritorn. Il-Kunsill Ewropew stieden ukoll lill-Istati Membri biex jirrikonoxxu d-deċiżjonijiet ta’ ritorn ta’ xulxin (3).

    (6)

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Frar 2021 dwar “It-titjib tal-kooperazzjoni dwar ir-ritorn u r-riammissjoni bħala parti minn politika tal-UE dwar il-migrazzjoni ġusta, effettiva u komprensiva” (4) identifikat l-ostakli li jfixklu r-ritorn effettiv u indikat li, biex jingħelbu, hemm bżonn ta’ proċeduri mtejba li jnaqqsu l-frammentazzjoni tal-approċċi nazzjonali, kif ukoll kooperazzjoni aktar mill-qrib u solidarjetà msaħħa bejn l-Istati Membri kollha. Il-mekkaniżmu ta’ Evalwazzjoni u Monitoraġġ ta’ Schengen stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/922 (5) u l-informazzjoni miġbura permezz tan-Network Ewropew dwar il-Migrazzjoni (6) stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE ppermettew valutazzjoni komprensiva ta’ kif l-Istati Membri jimplimentaw il-politika tal-Unjoni dwar ir-ritorn u biex jiġu identifikati l-lakuni u l-ostakli eżistenti.

    (7)

    Fid-dawl tal-isfidi kontinwi fil-qasam tar-ritorn, u sakemm jiġu konklużi n-negozjati leġiżlattivi, b’mod partikolari dwar il-proposta għal riformulazzjoni tad-Direttiva 2008/115/KE, huma rakkomandati azzjonijiet addizzjonali biex tkompli tittejjeb l-applikazzjoni effettiva u effiċjenti tal-qafas legali eżistenti.

    (8)

    Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/432 (7) li tirrakkomanda sensiela ta’ miżuri u azzjonijiet biex ir-ritorni jsiru aktar effettivi meta tiġi implimentata d-Direttiva 2008/115/KE, tibqa’ rilevanti u jenħtieġ li tkompli tiggwida lill-Istati Membri għal proċess ta’ ritorn aktar rapidu. Ir-rakkomandazzjoni (UE) 2017/432 ġiet inkorporata fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2338 (8) li tippermetti valutazzjoni kontinwa tal-implimentazzjoni tagħha bħala parti mill-Mekkaniżmu ta’ Evalwazzjoni u Monitoraġġ ta’ Schengen.

    (9)

    Bħala pass lejn sistema komuni tal-UE għar-ritorni, ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn jista’ jiffaċilita u jaċċellera l-proċessi ta’ ritorn għall-Istat Membru responsabbli għar-ritorn u jsaħħaħ il-kooperazzjoni u l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri biex tkompli tiżdied il-konverġenza bejn l-Istati Membri dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni. Ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn maħruġa preċedentement fi Stat Membru ieħor jista’ jikkontribwixxi wkoll biex jiskoraġġixxi l-migrazzjoni irregolari u jiskoraġġixxi movimenti sekondarji mhux awtorizzati fl-Unjoni. Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/40/KE (9) tistabbilixxi qafas għar-rikonoxximent reċiproku. Dan il-qafas ġie kkomplementat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/191/KE (10) li tistabbilixxi l-kriterji u l-arranġamenti prattiċi għall-kumpens tal-iżbilanċi finanzjarji li jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/40/KE, li tippreċedi ħafna mill-appoġġ li minn dak iż-żmien ġie żviluppat fil-livell tal-Unjoni. Il-progress dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn jenħtieġ li jikkontribwixxi wkoll għad-diskussjonijiet li għaddejjin dwar il-proposta tal-Kummissjoni għar-riformulazzjoni tad-Direttiva 2008/115/KE.

    (10)

    In-nuqqas ta’ sistema fl-Unjoni kollha li tindika jekk ċittadin ta’ pajjiż terz maqbud huwiex diġà soġġett għal deċiżjoni ta’ ritorn maħruġa minn Stat Membru ieħor preċedentement xekkel ir-rikors għar-rikonoxximent reċiproku.

    (11)

    Mis-7 ta’ Marzu 2023 meta beda japplika r-Regolament (UE) 2018/1860 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), l-Istati Membri huma meħtieġa jdaħħlu allert dwar ritorn fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen mingħajr dewmien wara l-ħruġ ta’ deċiżjoni ta’ ritorn. Permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, l-Istati Membri issa jistgħu jaraw immedjatament jekk ċittadin ta’ pajjiż terz maqbud mill-awtorità kompetenti huwiex diġà soġġett għal deċiżjoni ta’ ritorn maħruġa minn Stat Membru ieħor.

    (12)

    Il-valur miżjud ta’ din il-karatteristika ġdida fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen jiddependi fuq l-użu attiv u s-segwitu adegwat tal-allerti dwar ir-ritorn inkluż permezz ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjoni ta’ ritorn maħruġa qabel minn Stati Membri oħra. Dan jista’ jħaffef b’mod sinifikanti u jagħmel il-proċess ta’ ritorn aktar effiċjenti b’mod partikolari meta r-ritorn ikun jista’ jiġi infurzat immedjatament, inkluż fejn il-perijodu għat-tluq volontarju mogħti fid-deċiżjoni ta’ ritorn mill-Istat Membru emittenti jkun skada u fejn ir-rimedji kontra tali deċiżjoni ta’ ritorn ikunu ġew eżawriti.

    (13)

    Il-finanzjament iddedikat taħt il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (12) se jappoġġa l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni u b’mod partikolari, ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, jenħtieġ li jingħata appoġġ prattiku u operazzjonali mill-Aġenziji kompetenti tal-UE fl-implimentazzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni.

    (14)

    L-ostakli għall-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-ażil u l-proċeduri ta’ ritorn jirrappreżentaw sfida strutturali ewlenija għal proċess ta’ ritorn aktar effiċjenti. Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti kollha tal-Istati Membri involuti fil-fażijiet differenti tal-proċess ta’ ritorn jaħdmu u jikkoordinaw mill-qrib.

    (15)

    Rabtiet aktar mill-qrib bejn il-proċeduri tal-ażil u tar-ritorn u proċeduri rapidi fil-fruntieri esterni tal-Istati Membri jistgħu jżidu b’mod konsiderevoli l-effiċjenza tar-ritorn. Meta d-deroga mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2008/115/KE abbażi tal-Artikolu 2(2)(a) ma tkunx applikabbli, hemm il-ħtieġa li jitħaffef, fi ħdan il-qafas leġiżlattiv attwali, b’mod partikolari r-ritorn effettiv ta’ dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali tkun ġiet irrifjutata u għal każijiet fil-viċinanza tal-fruntiera esterna tal-Istati Membri, permezz ta’ proċess ta’ ritorn aktar mgħaġġel li jipprevedi li r-rispett tad-drittijiet fundamentali tagħhom jiġi żgurat matul il-proċess kollu ta’ ritorn.

    (16)

    L-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) 2018/1860 jipprevedi l-possibbiltà li ma jiddaħħlux allerti dwar ritorn fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen meta d-deċiżjoni ta’ ritorn tinħareġ fil-fruntiera esterna ta’ Stat Membru u tiġi eżegwita immedjatament. Madankollu, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2018/1860 jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-allerti jiddaħħlu fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen mingħajr dewmien meta r-ritorn ma jkunx ġie eżegwit immedjatament mill-fruntieri esterni.

    (17)

    Sabiex jiġu inċentivati u mħeġġa r-ritorni volontarji, il-possibbiltajiet previsti mid-Direttiva 2008/115/KE jistgħu jintużaw biex jiġi kkunsidrat li ma tinħariġx projbizzjoni fuq id-dħul fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jikkooperaw mal-awtoritajiet u li jipparteċipaw fi programm ta’ ritorn volontarju assistit u riintegrazzjoni, mingħajr preġudizzju għall-obbligi stabbiliti mill-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2008/115/KE. F’każijiet bħal dawn, l-Istati Membri għandhom itawlu l-perjodu għat-tluq volontarju kif xieraq, f’konformità mal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2008/115/KE.

    (18)

    Il-prevenzjoni ta’ ħarba u movimenti mhux awtorizzati fl-Unjoni hija essenzjali biex tiġi żgurata l-effettività tas-sistema komuni tal-UE għar-ritorni. Huwa meħtieġ approċċ komprensiv, li jinkludi l-għodod ewlenin għall-valutazzjoni u l-prevenzjoni tar-riskju ta’ ħarba, biex tiġi ffaċilitata u ssimplifikata l-valutazzjoni ta’ dan ir-riskju f’każijiet individwali, biex jissaħħaħ l-użu ta’ alternattivi effiċjenti għad-detenzjoni, u biex tiġi żgurata kapaċità ta’ detenzjoni suffiċjenti — meta d-detenzjoni tintuża bħala l-aħħar miżura u għal perjodu qasir kemm jista’ jkun f’konformità mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115/KE.

    (19)

    L-appoġġ fil-livell tal-Unjoni huwa disponibbli għall-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni inkluż mill-Koordinatur tar-Ritorn tal-UE u n-Network ta’ Livell Għoli għar-Ritorn iggwidat minn strateġija operazzjonali dwar ir-ritorn. L-appoġġ operazzjonali huwa disponibbli wkoll permezz tal-Aġenziji kompetenti tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Frontex, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil u l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali.

    (20)

    L-awtoritajiet nazzjonali tar-ritorn huma parti mill-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta li hija responsabbli biex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-Ġestjoni Integrata Ewropea tal-Fruntieri. Il-Frontex għandha rwol ċentrali bħala l-fergħa operazzjonali tas-sistema komuni tal-UE għar-ritorni u tipprovdi assistenza lill-Istati Membri fil-fażijiet kollha tal-proċess ta’ ritorn skont il-mandat tagħha skont ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).

    (21)

    Jenħtieġ li din ir-Rakkomandazzjoni tiġi indirizzata lill-Istati Membri kollha marbuta bid-Direttiva 2008/115/KE.

    (22)

    L-Istati Membri huma mħeġġa jagħtu struzzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali tagħhom kompetenti li jwettqu kompiti relatati mar-ritorn biex japplikaw din ir-Rakkomandazzjoni meta jwettqu dmirijiethom.

    (23)

    Din ir-Rakkomandazzjoni tikkonforma mad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta. B’mod partikolari, din ir-Rakkomandazzjoni tiżgura rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u l-applikazzjoni tal-Artikoli 1, 4, 14, 18, 19, 21, 24 u 47 tal-Karta u għandha tiġi implimentata kif xieraq.

    ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

    Rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn

    (1)

    Bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat u jitħaffef il-proċess ta’ ritorn, jenħtieġ li l-Istat Membru responsabbli għar-ritorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz b’soġġorn illegali jirrikonoxxi b’mod reċiproku kwalunkwe deċiżjoni ta’ ritorn maħruġa preċedentement lill-istess persuna minn Stat Membru ieħor sakemm l-effett ta’ tali deċiżjoni ta’ ritorn ma jkunx ġie sospiż. Għal dan l-għan jenħtieġ li l-Istati Membri:

    (a)

    jagħmlu użu sħiħ mill-informazzjoni kondiviża permezz ta’ allerti dwar ritorn fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen stabbilita fir-Regolament (UE) 2018/1860;

    (b)

    jiżguraw li l-marki tas-swaba’ jkunu disponibbli għall-inklużjoni f’allert skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2018/1860;

    (c)

    jivverifikaw sistematikament fis-sistema awtomatizzata għall-identifikazzjoni tal-marki tas-swaba’ tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen jekk ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun qiegħed fil-pajjiż illegalment huwiex is-suġġett ta’ allert dwar ritorn fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen;

    (d)

    jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għar-ritorn jikkooperaw mill-qrib mal-Uffiċċju SIRENE nazzjonali meta jitqies ir-rwol tiegħu stabbilit mir-Regolament (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u r-rwol tiegħu fl-iskambju ta’ informazzjoni skont ir-Regolament (UE) 2018/1860;

    (e)

    jikkooperaw u fejn meħtieġ jiskambjaw informazzjoni supplimentari biex jiffaċilitaw ir-rikonoxximent u l-infurzar tad-deċiżjoni ta’ ritorn;

    (f)

    jeżaminaw is-sitwazzjoni taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat wara li jkunu semgħu lil dik il-persuna biex jiżguraw il-konformità mal-liġi nazzjonali u mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115/KE, qabel ma jirrikonoxxi deċiżjoni ta’ ritorn maħruġa minn Stat Membru ieħor u qabel it-tneħħija. B’mod partikolari għat-tfal, jenħtieġ li l-Istat Membru tal-infurzar jiżgura li tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-aħjar interessi tat-tfal;

    (g)

    jinnotifika liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat bil-miktub li d-deċiżjoni ta’ ritorn maħruġa minn Stat Membru ieħor li għalih hija soġġetta dik il-persuna ġiet rikonoxxuta. Jenħtieġ li n-notifika tiddikjara mill-ġdid ir-raġunijiet fil-fatt u fil-liġi previsti fid-deċiżjoni ta’ ritorn u għandha tipprovdi informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli;

    (h)

    jinforma minnufih lill-Istat Membru emittenti dwar it-tneħħija taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat, sabiex l-Istat Membru emittenti jkun jista’ jaġġorna s-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen f’konformità mal-Artikolu 24(1) (b) tar-Regolament (UE) 2018/1861.

    It-tħaffif tar-ritorni

    (2)

    Għall-fini li jitħaffu l-proċeduri ta’ ritorn, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu kooperazzjoni b’saħħitha bejn l-awtoritajiet responsabbli għad-deċiżjonijiet li jtemmu s-soġġorn legali u dawk responsabbli għall-ħruġ ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn, inkluż l-iskambju regolari ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni operazzjonali, abbażi tal-approċċ integrat u kkoordinat rakkomandat fir-Rakkomandazzjoni (UE) 2017/432.

    (3)

    Biex tiġi żgurata d-disponibbiltà f’waqtha ta’ informazzjoni dwar l-identità u s-sitwazzjoni legali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għal deċiżjoni ta’ ritorn meħtieġa għall-monitoraġġ u s-segwitu ta’ każijiet individwali, u biex tiġi stabbilita u tinżamm stampa tas-sitwazzjoni nazzjonali dwar ir-ritorn, l-Istati Membri huma mistiedna jistabbilixxu, mingħajr dewmien, sistema komprensiva ta’ ġestjoni tal-każijiet ta’ ritorn tal-IT, ibbażata fuq il-mudell żviluppat mill-Frontex skont l-Artikolu 48(1) (c) tar-Regolament (UE) 2019/1896. Jenħtieġ li l-Istati Membri għandhom ukoll jagħmlu użu sħiħ mis-Sistemi ta’ Ġestjoni ta’ Każijiet ta’ Riammissjoni li ġew stabbiliti biex irawmu l-implimentazzjoni ta’ ftehimiet jew arranġamenti ta’ riammissjoni ma’ pajjiżi terzi.

    (4)

    Sabiex jiġi żgurat li deċiżjoni li tirrifjuta applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiġi segwita malajr bi proċeduri ta’ ritorn, jenħtieġ li l-Istati Membri:

    (a)

    jistabbilixxu kanal ta’ komunikazzjoni dirett u standard bejn l-awtoritajiet tal-ażil u tar-ritorn għal koordinazzjoni bla xkiel bejn iż-żewġ proċeduri;

    (b)

    joħorġu fl-istess att, jew f’atti separati fl-istess ħin jew direttament wara, deċiżjoni ta’ ritorn u deċiżjoni li tirrifjuta applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, filwaqt li tagħmel l-aħjar użu mill-possibbiltà msemmija fl-Artikolu 6(6) tad-Direttiva 2008/115/KE;

    (c)

    jipprevedu l-possibbiltà li jiġu ppreżentati appelli kontra d-deċiżjoni li tirrifjuta l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali u d-deċiżjoni ta’ ritorn fl-istess ħin quddiem l-istess qorti jew tribunal, jew il-possibbiltà ta’ appell taż-żewġ deċiżjonijiet fl-istess perjodu ta’ żmien;

    (d)

    jipprevedu s-sospensjoni awtomatika tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn matul proċedura ta’ appell biss sa fejn ikun meħtieġ li jkun hemm konformità mal-Artikolu 19(2) u l-Artikolu 47 tal-Karta;

    (e)

    jieħdu passi biex jiżguraw li jista’ jiġi eżerċitat rimedju minn pajjiż terz, b’mod partikolari permezz ta’ rappreżentanza legali xierqa u billi jsir użu minn għodod innovattivi bħall-vidjokonferenzi, dment li jkun hemm konformità mad-dritt għal rimedju effettiv u mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/115/KE.

    (5)

    Sabiex jiġi żgurat ritorn aktar mgħaġġel qrib il-fruntieri esterni, jenħtieġ li l-Istati Membri:

    (a)

    jistabbilixxu timijiet ta’ appoġġ mobbli li jlaqqgħu flimkien l-awtoritajiet kompetenti kollha għar-ritorn volontarju u furzat u s-servizzi ta’ appoġġ rilevanti, inklużi l-interpreti, is-servizzi tas-saħħa, il-pariri legali u l-ħaddiema soċjali;

    (b)

    jistabbilixxu faċilitajiet adegwati (b’mod partikolari għat-tfal u l-familji) fil-viċinanza taż-żona tal-fruntiera esterna biex jospitaw ċittadini ta’ pajjiżi terzi sakemm jirritornaw li jirrispettaw id-dinjità tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta, inklużi d-drittijiet għall-ħajja privata u tal-familja, u n-nondiskriminazzjoni;

    (c)

    fejn applikabbli, jagħmlu użu sħiħ mill-proċeduri aċċellerati previsti fil-ftehimiet ta’ riammissjoni konklużi bejn l-Unjoni jew l-Istati Membri u pajjiżi terzi, filwaqt li jirrispettaw il-garanziji proċedurali f’konformità, b’mod partikolari, mal-Artikolu 47 tal-Karta;

    (d)

    f’konformità mal-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2018/1860, iddaħħal allert dwar ritorn fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen meta ma jkunx possibbli li r-ritorn jiġi eżegwit immedjatament.

    (6)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jiddependu fuq u jużaw kemm jista’ jkun l-appoġġ kollu pprovdut mill-Frontex, inkluż l-appoġġ operazzjonali tagħha lill-awtoritajiet nazzjonali, l-assistenza fl-identifikazzjoni tal-persuni rimpatrijati u l-akkwist ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar, l-organizzazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ ritorn u l-appoġġ għat-tluq volontarju u r-riintegrazzjoni.

    Inċentivi għar-ritorn volontarju

    (7)

    Sabiex iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment jiġu mħeġġa jirritornaw volontarjament, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu strutturi ta’ konsulenza dwar ir-ritorn u r-riintegrazzjoni biex jipprovdulhom informazzjoni u gwida kmieni kemm jista’ jkun fil-proċess u jidderiġuhom lejn programm ta’ ritorn volontarju assistit u riintegrazzjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-informazzjoni dwar ir-ritorn tiġi pprovduta wkoll matul il-proċess tal-ażil, peress li r-ritorn huwa eżitu possibbli f’każ li l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiġi rrifjutata.

    (8)

    Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Istati Membri:

    (a)

    jikkunsidraw li jżommu lura milli joħorġu projbizzjoni fuq id-dħul lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti u li jirreġistraw fi programm ta’ ritorn volontarju assistit u riintegrazzjoni, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2008/115/KE; f’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-Istati Membri jtawlu l-perjodu għat-tluq volontarju kif xieraq, f’konformità mal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2008/115/KE;

    (b)

    jipprevedu proċedura faċilment aċċessibbli u prattikament operazzjonali għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz biex jitlob l-irtirar, is-sospensjoni jew it-tqassir ta’ projbizzjoni fuq id-dħul f’dawk il-każijiet li fihom ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun soġġett għal projbizzjoni fuq id-dħul ikun telaq mit-territorju ta’ Stat Membru f’konformità sħiħa ma’ deċiżjoni ta’ ritorn fil-perjodu mogħti għat-tluq volontarju, f’konformità mal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2008/115/KE.

    Approċċ komprensiv għall-ħarba

    (9)

    Għall-fini tal-istabbiliment ta’ proċess simplifikat u kkoordinat, jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu approċċ komprensiv li jinkludi l-għodod ewlenin li ġejjin għall-valutazzjoni u l-prevenzjoni tar-riskju ta’ ħarba:

    (a)

    kriterji oġġettivi għall-valutazzjoni tal-eżistenza tar-riskju ta’ ħarba f’kull każ individwali;

    (b)

    alternattivi effettivi għad-detenzjoni biex jaqblu mal-livelli differenti ta’ riskju ta’ ħarba u ċ-ċirkostanzi individwali;

    (c)

    id-detenzjoni bħala miżura tal-aħħar istanza u għal perjodu qasir kemm jista’ jkun skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/115/KE u l-Artikolu 6 tal-Karta.

    (10)

    Biex tiġi vvalutata l-eżistenza ta’ raġunijiet f’każ individwali biex wieħed jemmen li ċittadin ta’ pajjiż terz min huwa s-suġġett ta’ proċeduri ta’ ritorn jista’ jaħrab skont it-tifsira tal-punt 7 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115/KE, jenħtieġ li l-Istati Membri jintroduċu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali ċ-ċirkostanzi u l-kriterji oġġettivi msemmija rispettivament fil-punti 15 u 16 tar-Rakkomandazzjoni (UE) 2017/432. Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu firxa wiesgħa ta’ alternattivi għad-detenzjoni li jkunu effettivi biex jipprevjenu l-ħarba taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali u li jkunu mmirati lejn iċ-ċirkostanzi individwali tal-individwi kkonċernati. Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu proċeduri adegwati biex jiżguraw li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jikkonformaw ma’ tali miżuri. Jenħtieġ li jiġu previsti miżuri effiċjenti iżda inqas koerċittivi mid-detenzjoni u jistgħu jinkludu:

    (a)

    l-obbligu ta’ rapportar regolari lill-awtoritajiet kompetenti, li jvarja minn kull 24 siegħa sa darba fil-ġimgħa, skont il-livell tar-riskju ta’ ħarba;

    (b)

    l-obbligu li l-passaport, id-dokument tal-ivvjaġġar jew id-dokument tal-identità jiġu ċeduti lill-awtoritajiet kompetenti;

    (c)

    l-obbligu ta’ residenza f’post magħżul mill-awtoritajiet, bħal residenza privata, kenn jew ċentru ddedikat;

    (d)

    l-obbligu li jiġi rrappurtat indirizz tad-dar lill-awtoritajiet kompetenti, inkluż kwalunkwe bidla f’tali indirizz;

    (e)

    depożitu ta’ garanzija finanzjarja adegwata;

    (f)

    l-użu ta’ teknoloġija innovattiva.

    (11)

    Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-kapaċità ta’ detenzjoni tkun konformi mal-ħtiġijiet reali, filwaqt li jitqies l-għadd ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali soġġetti għal deċiżjoni ta’ ritorn u l-għadd stmat ta’ dawk li huma mistennija li jiġu rritornati fuq terminu medju.

    Implimentazzjoni, Monitoraġġ u Rappurtar

    (12)

    Meta jimplimentaw din ir-Rakkomandazzjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jiddependu fuq u jużaw bis-sħiħ l-appoġġ kollu pprovdut fil-livell tal-Unjoni, inkluż:

    (a)

    il-koordinatur tar-Ritorn tal-UE u n-Network ta’ Livell Għoli għar-Ritorn;

    (b)

    appoġġ mill-Aġenziji kompetenti tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Frontex, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil, eu-LISA, u l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali;

    (c)

    l-għarfien espert u l-informazzjoni miġbura u skambjati fin-netwerks u l-gruppi tal-Unjoni li jittrattaw kwistjonijiet ta’ ritorn.

    (13)

    Għall-fini tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, l-Istati Membri huma mistiedna jirrapportaw kull sena lill-Kummissjoni, inkluż dwar l-għadd ta’ deċiżjonijiet ta’ ritorn ta’ Stati Membri oħra li jkunu ġew rikonoxxuti b’mod reċiproku.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Marzu 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Ylva JOHANSSON

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98).

    (2)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil (COM(2020) 609 final).

    (3)  Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-9 ta’ Frar 2023, 1/23.

    (4)  COM(2021) 56 final.

    (5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/922 tad-9 ta’ Ġunju 2022 dwar l-istabbiliment u l-operazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta’ Schengen, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1053/2013 (ĠU L 160, 15.6.2022, p. 1).

    (6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE tal-14 ta’ Mejju 2008 li tistabbilixxi Network Ewropew dwar il-Migrazzjoni (ĠU L 131, 21.5.2008, p. 7).

    (7)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/432 tas-7 ta’ Marzu 2017 dwar ir-ritorni aktar effettivi fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 66, 11.3.2017, p. 15).

    (8)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2338 tas-16 ta’ Novembru 2017 li tistabbilixxi “Manwal dwar ir-Ritorn” li għandu jintuża mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri meta jkunu qed iwettqu l-kompiti relatati mar-ritorn (ĠU L 339, 19.12.2017, p. 83).

    (9)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/40/KE tat-28 ta’ Mejju 2001 dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet dwar l-espulsjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (ĠU L 149, 2.6.2001, p. 34).

    (10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/191/KE tat-23 ta’ Frar 2004 li tistabbilixxi l-kriterji u l-arranġamenti prattiċi għall-kumpens tal-iżbilanċi finanzjarji li jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/40/KE dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet dwar l-espulsjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (ĠU L 60, 27.2.2004, p. 55).

    (11)  Ir-Regolament (UE) 2018/1860 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’soġġorn illegali (ĠU L 312, 7.12.2018, p. 1).

    (12)  Ir-Regolament (UE) 2021/1147 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (ĠU L 251, 15.7.2021, p. 1).

    (13)  Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1).

    (14)  Ir-Regolament (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-verifiki fuq il-fruntieri, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, u li jemenda u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 (ĠU L 312, 7.12.2018, p. 14).


    Top