Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R2448

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2448 tat-13 ta’ Diċembru 2022 dwar l-istabbiliment ta’ gwida operazzjonali fuq l-evidenza għall-wiri tal-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijomassa forestali stabbiliti fl-Artikolu 29 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2022/9134

    ĠU L 320, 14.12.2022, p. 4–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2022/2448/oj

    14.12.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 320/4


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2448

    tat-13 ta’ Diċembru 2022

    dwar l-istabbiliment ta’ gwida operazzjonali fuq l-evidenza għall-wiri tal-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-bijomassa forestali stabbiliti fl-Artikolu 29 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 29(8) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tistabbilixxi kriterji ġodda ta’ sostenibbiltà għall-bijomassa forestali użata għall-produzzjoni tal-enerġija, sabiex din tal-aħħar tiġi kontabilizzata kontra l-miri Ewropej u l-kontributi nazzjonali, tkun parti mill-obbligi tal-enerġija rinnovabbli li jirriżultaw mill-Artikoli 23 u 25, u tkun eliġibbli għall-appoġġ pubbliku. Barra minn hekk, id-Direttiva (UE) 2018/2001 teħtieġ li l-Istati Membri jqisu l-provvista sostenibbli disponibbli ta’ bijomassa u jqisu debitament il-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari u tal-ġerarkija tal-iskart stabbiliti fid-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) fl-iżvilupp ta’ skemi ta’ appoġġ għal enerġija rinnovabbli, sabiex jiġu evitati distorsjonijiet mhux meħtieġa ta’ swieq tal-materja prima.

    (2)

    F’dan il-kuntest, il-bijomassa forestali użata għall-produzzjoni tal-enerġija għandha titqies sostenibbli jekk tissodisfa l-kriterji ta’ sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 29(6) u (7) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, li jindirizzaw rispettivament il-ħsad tal-foresti u l-emissjonijiet mill-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF).

    (3)

    Sabiex tiġi żgurata koerenza bejn l-objettivi tad-Direttiva (UE) 2018/2001 u l-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Unjoni u implimentazzjoni robusta u armonizzata tal-kriterji l-ġodda ta’ sostenibbiltà għall-bijomassa forestali mill-Istati Membri u mill-operaturi ekonomiċi, id-Direttiva (UE) 2018/2001 teħtieġ li l-Kummissjoni tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu gwida operazzjonali dwar l-evidenza għall-wiri tal-konformità ma’ dawn il-kriterji.

    (4)

    Sabiex jiġi mminimizzat ir-riskju ta’ użu tal-bijomassa forestali li ma tkunx konformi mal-kriterji tal-ħsad sostenibbli, l-operaturi ekonomiċi jenħtieġ li jwettqu valutazzjoni bbażata fuq ir-riskju, li tibni fuq il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, inkluż sistemi ta’ monitoraġġ u infurzar, fis-seħħ fil-pajjiż tal-oriġini tal-bijomassa forestali. Għal dak il-għan, il-bijomassa forestali maħsuda jenħtieġ li tkun soġġetta għal liġijiet u regolamenti nazzjonali u subnazzjonali li jissodisfaw il-kriterji tal-ħsad stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 29(6) tad-Direttiva (UE) 2018/2001. L-operaturi ekonomiċi jenħtieġ li jivvalutaw ukoll jekk hemmx sistemi ta’ monitoraġġ u infurzar, u jekk ma hemmx evidenza ta’ nuqqas sinifikanti ta’ infurzar tal-liġijiet nazzjonali jew subnazzjonali rilevanti. Għal dak il-għan, l-operaturi ekonomiċi jenħtieġ li jużaw il-valutazzjonijiet u r-rapporti legali mħejjija mill-Kummissjoni Ewropea (3), minn organizzazzjonijiet governattivi internazzjonali jew nazzjonali, inkluż ukoll l-informazzjoni pprovduta minn organizzazzjonijiet mhux governattivi u organizzazzjonijiet xjentifiċi esperti tal-foresti. Il-valutazzjoni bbażata fuq ir-riskju għandha tqis ukoll kwalunkwe proċedura ta’ ksur rilevanti li tkun għaddejja mnedija mill-Kummissjoni, li hija riflessa fil-bażi tad-data tal-Kummissjoni dwar il-ksur disponibbli għall-pubbliku, u tqis kwalunkwe deċiżjoni ta’ ksur rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bħala evidenza ta’ nuqqas ta’ infurzar.

    (5)

    Fejn ma jkun hemm l-ebda evidenza ta’ konformità fil-livell nazzjonali ma’ wieħed mill-kriterji jew aktar tal-ħsad stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 29(6) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, il-bijomassa forestali jenħtieġ li titqies bħala ta’ riskju għoli. F’każijiet bħal dawn, l-operaturi ekonomiċi jenħtieġ li jipprovdu evidenza aktar dettaljata li l-kriterji tal-ħsad stabbiliti fil-punt (b) tal-Artikolu 29(6) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 jiġu ssodisfati permezz ta’ sistemi ta’ ġestjoni fil-livell taż-żona tas-sors. F’dak ir-rigward, huwa neċessarju li tiġi stabbilita f’aktar dettall l-evidenza dwar is-sostenibbiltà li jenħtieġ li tiġi pprovduta mill-operaturi ekonomiċi permezz ta’ sistemi ta’ ġestjoni fil-livell taż-żona tas-sors tal-foresta, meta mqabbla ma’ dik meħtieġa skont il-valutazzjoni tal-konformità nazzjonali u subnazzjonali. Dan se jiżgura li l-kriterji tal-ħsad jiġu ssodisfati b’mod effettiv, b’mod partikolari l-kriterji dwar ir-riġenerazzjoni tal-foresti, il-konservazzjoni ta’ żoni protetti, il-minimizzazzjoni tal-impatti tal-ħsad fuq il-kwalità tal-ħamrija u l-bijodiversità, u dwar iż-żamma jew it-titjib tal-kapaċità tal-produzzjoni fit-tul tal-foresti.

    (6)

    Sabiex jiġi żgurat li l-emissjonijiet u l-assorbimenti bijoġeniċi assoċjati mal-ħsad tal-bijomassa forestali jitqiesu b’mod korrett, huwa meħtieġ li l-bijomassa forestali tissodisfa l-kriterji tal-LULUCF fil-livell nazzjonali. B’mod partikolari, il-pajjiż jew l-organizzazzjoni ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali tal-oriġini li minnhom toriġina l-bijomassa jenħtieġ li jkunu parti għall-Ftehim ta’ Pariġi. Barra minn hekk, il-pajjiż jew l-organizzazzjoni tal-integrazzjoni ekonomika reġjonali rilevanti jenħtieġ li jkunu ppreżentaw Kontribut Determinat fil-Livell Nazzjonali (NDC), fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Pariġi, li jkopri l-emissjonijiet u l-assorbimenti mill-użu tal-art, mill-agrikoltura u mill-forestrija, li jiżgura li l-bidliet fil-ħażna tal-karbonju assoċjati mal-ħsad tal-bijomassa jiġu kontabilizzati lejn l-impenn tal-pajjiż jew tal-organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika biex jitnaqqsu jew jiġu limitati l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, kif speċifikat fin-NDC. Inkella, jenħtieġ li jkollhom leġiżlazzjoni nazzjonali jew subnazzjonali, applikabbli għall-qasam tal-ħsad, biex jikkonservaw u jsaħħu l-ħażniet u l-bjar tal-karbonju. Barra minn hekk, jenħtieġ li tiġi pprovduta evidenza li l-emissjonijiet irrappurtati mis-settur tal-LULUCF ma jaqbżux l-assorbimenti u li l-bjar tal-karbonju fil-foresti jinżammu jew jissaħħu matul perjodu ta’ referenza rilevanti.

    (7)

    Fejn ma tkunx tista’ tintwera l-konformità mal-kriterji tal-LULUCF stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 29(7) tad-Direttiva (UE) 2018/2001, huwa meħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jipprovdu evidenza addizzjonali tal-eżistenza ta’ sistemi tal-ġestjoni fil-livell taż-żona tas-sors, sabiex jiġi żgurat li kemm il-ħażniet kif ukoll il-bjar tal-karbonju fil-foresti jinżammu, jew jissaħħu, fuq perjodu fit-tul. Tali sistemi jenħtieġ li jinkludu, mill-inqas, informazzjoni minn ippjanar li jħares ’il quddiem u monitoraġġ perjodiku tal-iżvilupp tal-ħażniet u l-bjar tal-karbonju fil-foresti fil-livell taż-żona tas-sors tal-foresti.

    (8)

    Sabiex tiġi żgurata verifika robusta tal-kriterji l-ġodda ta’ sostenibbiltà dwar il-bijomassa forestali, l-informazzjoni pprovduta mill-operaturi ekonomiċi jenħtieġ li tkun trasparenti, preċiża, affidabbli u mħarsa kontra l-frodi, u l-operaturi ekonomiċi jenħtieġ li jkunu jistgħu jibbażaw fuq regoli ta’ ċertifikazzjoni affidabbli. Dawk ir-regoli jenħtieġ li jqisu r-rwol ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni nazzjonali jew internazzjonali volontarji, rikonoxxuti mill-Kummissjoni, skont il-paragrafu 4 tal-Artikolu 30 tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

    (9)

    Sabiex jiġi minimizzat il-piż amministrattiv, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw il-ħidma tal-operaturi ekonomiċi billi jagħmlu disponibbli data, inkluż data spazjali u inventarji, għal skopijiet ta’ ppjanar u monitoraġġ.

    (10)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sostenibbiltà tal-Bijokarburanti, il-Bijolikwidi u l-karburanti mill-Bijomassa,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi gwida operazzjonali li għandha tiġi applikata mill-Istati Membri biex tiġi żgurata implimentazzjoni robusta u armonizzata tal-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-produzzjoni tal-bijofjuwils, tal-bijolikwidi u tal-fjuwils tal-bijomassa minn bijomassa forestali stabbiliti fl-Artikolu 29(6) u (7) tad-Direttiva (UE) 2018/2001.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    “kriterji tal-ħsad fil-livell nazzjonali jew subnazzjonali” tfisser il-kriterji stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 29(6) tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

    “kriterji tal-ħsad fil-livell taż-żona tas-sors” tfisser il-kriterji stabbiliti fil-punt (b) tal-Artikolu 29(6) tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

    “pajjiż tal-ħsad” tfisser il-pajjiż jew it-territorju fejn tkun ġiet maħsuda l-materja prima tal-bijomassa forestali;

    “foresta mħawla” tfisser foresta li fil-biċċa l-kbira hija magħmula minn siġar stabbiliti permezz tat-tħawwil u/jew taż-żrigħ intenzjonat sakemm is-siġar imħawla jew miżrugħa jkunu mistennija jikkostitwixxu aktar minn ħamsin fil-mija tal-injam wieqaf mal-maturità; dan jinkludi l-imsajġar minn siġar li oriġinarjament ikunu ġew imħawla jew miżrugħin.

    “foresta ta’ tħawwil” tfisser foresta mħawla li hija ġestita b’mod intensiv u li tissodisfa, mat-tħawwil u mal-maturità, il-kriterji kollha li ġejjin: speċi waħda jew tnejn, klassi tal-età ugwali, u spazjar regolari. Dan jinkludi pjantaġġuni ta’ rotazzjoni qasira għall-injam, għall-fibra u għall-enerġija, u jeskludi l-foresti mħawla għall-protezzjoni jew għall-irkupru tal-ekosistema, kif ukoll il-foresti stabbiliti permezz tat-tħawwil jew tat-tiżrigħ li fil-maturità jixbhu jew se jixbhu foresti li jirriġeneraw b’mod naturali.

    “ġdur u għeruq” tfisser partijiet mill-volum kollu tas-siġra, minbarra l-volum tal-bijomassa tal-injam ta’ fuq il-ġidra, meta l-għoli tal-ġidra jitqies bħala l-għoli li fih tinqata’ s-siġra taħt prattiki normali ta’ tqaċċit fil-pajjiż jew fir-reġjun rilevanti;

    “injam mejjet” tfisser il-bijomassa kollha tal-injam mhux ħaj li ma tkunx tinsab fil-mifrex, jew tkun wieqfa, tinsab mal-art, jew fil-ħamrija, inkluż injam li jkun jinsab fuq il-wiċċ, fdalijiet ta’ siġar u friegħi mejta, għeruq mejta, u ġdur ta’ mhux inqas minn 10 cm fid-dijametru jew kwalunkwe dijametru ieħor użat mill-pajjiż ikkonċernat;

    “kapaċità tal-produzzjoni fit-tul” tfisser is-saħħa tal-foresti u l-kapaċità tagħhom li kontinwament u b’mod sostenibbli jwasslu oġġetti, bħal injam ta’ diversi gradi ta’ kwalità, u prodotti tal-foresti mhux tal-injam u servizz tal-ekosistema, inkluż il-purifikazzjoni tal-arja u tal-ilma, iż-żamma tal-ħabitat tal-organiżmi selvaġġi, ir-rikreazzjoni jew il-kapital kulturali, fuq perjodu ta’ żmien twil, u fejn applikabbli, il-konnessjoni ta’ diversi rotazzjonijiet suċċessivi tal-forestrija;

    “sistema tal-ġestjoni” tfisser informazzjoni miġbura dwar iż-żona tal-foresti fil-livell taż-żona tas-sors, inkluż fil-forma ta’ test, mapep, tabelli u graffs, u strateġiji jew attivitajiet ta’ ġestjoni ppjanati u implimentati biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ ġestjoni jew ta’ żvilupp tar-riżorsi tal-foresti;

    “disturbi naturali” għandha t-tifsira attribwita lilha skont il-punt (9) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4);

    “inkrement annwali nett” tfisser it-tkabbir annwali fil-volum tal-istokk ta’ siġar ħajjin disponibbli mingħajr il-mortalità naturali medja ta’ dak l-istokk;

    “kriterji tal-LULUCF fil-livell nazzjonali” tfisser il-kriterji stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 29(7) tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

    “kriterji tal-LULUCF fil-livell taż-żona tas-sors” tfisser il-kriterji stabbiliti fil-punt (b) tal-Artikolu 29(7) tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

    “ħażna tal-karbonju” għandha t-tifsira attribwita lilha skont il-punt (4) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2018/841;

    “bir tal-karbonju” għandha t-tifsira attribwita lilha skont il-punt (1) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2018/841;

    “l-ewwel punt ta’ ġbir” għandha t-tifsira attribwita lilha mill-Artikolu 2(12) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/996 (5);

    “awditjar mill-ewwel parti” tfisser awtodikjarazzjoni minn operatur ekonomiku li jforni lill-ewwel punt ta’ ġbir;

    “awditjar mit-tieni parti” tfisser l-awditjar ta’ fornitur mill-operatur ekonomiku li jiġġestixxi l-ewwel punt ta’ ġbir;

    “awditjar tat-tielet parti” tfisser l-awditjar ta’ operatur ekonomiku mwettaq minn parti terza li tkun indipendenti mill-organizzazzjoni soġġetta għall-awditjar;

    “operatur ekonomiku” għandha t-tifsira attribwita lilha mill-Artikolu 2(11) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/996.

    Artikolu 3

    Valutazzjoni tal-konformità mal-kriterji tal-ħsad fil-livell nazzjonali jew subnazzjonali

    1.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-operaturi ekonomiċi jipprovdu informazzjoni awditjata li tistabbilixxi l-konformità mal-kriterji tal-ħsad fil-livell nazzjonali jew subnazzjonali. Għal dak il-għan, l-operaturi ekonomiċi għandhom iwettqu valutazzjoni bbażata fuq ir-riskju li tipprovdi evidenza preċiża, aġġornata u verifikabbli tal-elementi kollha li ġejjin:

    (a)

    il-pajjiż tal-ħsad, u, fejn applikabbli, ir-reġjun subnazzjonali fejn tkun ġiet maħsuda l-bijomassa forestali; u

    (b)

    li l-liġi nazzjonali jew subnazzjonali applikabbli għaż-żona tal-ħsad tiżgura:

    (i)

    il-legalità tal-operazzjonijiet tal-ħsad, li għandhom jiġu pprovati billi tingħata evidenza tal-konformità tal-ħsad mal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-pajjiż tal-ħsad, kif stabbilit fil-punt (h) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6);

    (ii)

    ir-riġenerazzjoni tal-foresti, li tista’ tiġi ppruvata billi tingħata evidenza li l-liġijiet applikabbli jeħtieġu riġenerazzjoni naturali jew artifiċjali, jew taħlita tat-tnejn, bl-għan li tiġi stabbilita foresta ġdida fl-istess żona u fi żmien perjodu xieraq skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti;

    (iii)

    il-protezzjoni effettiva ta’ żoni deżinjati mil-liġi internazzjonali jew nazzjonali, jew mill-awtorità kompetenti rilevanti, għal finijiet ta’ ħarsien tan-natura, inklużi żoni li jkunu qed jiġu definiti bħala artijiet mistagħdra u torbiera;

    (iv)

    dak il-ħsad tal-foresti jsir b’mod li jimminimizza l-impatti negattivi fuq il-kwalità tal-ħamrija u l-bijodiversità, li jista’ jiġi ppruvat billi tiġi pprovduta evidenza li l-liġi applikabbli, jew ir-regoli rilevanti tal-ġestjoni tal-foresti:

    (1)

    jirrikjedu li l-foresti primarji u ż-żoni protetti skont 1 (b) (iii) ma jiġux degradati jew sostitwiti minn foresti ta’ tħawwil, li jistgħu jinkludu, iżda ma għandhomx ikunu limitati għas-salvagwardjar li ż-żona tal-foresti riġenerata tipprevedi għal ammont xieraq lokalment u adegwat ta’ pjanti u speċijiet ta’ siġar;

    (2)

    tipprevedi għall-protezzjoni tal-ħamrija u tal-ispeċijiet u l-ħabitats inklużi dawk protetti mil-liġi internazzjonali jew nazzjonali. Biex jiffaċilitaw il-ħidma tal-operaturi ekonomiċi, l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jipprovdu data dwar karatteristiċi ambjentali speċifiċi għas-sit; u

    (3)

    jimminimizzaw, fejn xieraq, it-tneħħija tal-ġdur, tal-għeruq u tal-injam mejjet;

    (v)

    li l-kapaċità tal-produzzjoni fit-tul tal-foresta tinżamm jew tiżdied, li jista’ jiġi ppruvat billi tiġi pprovduta evidenza li l-liġi applikabbli fil-livell nazzjonali jew subnazzjonali tiżgura li, abbażi ta’ data annwali medja, it-tqaċċit tas-siġar ma jaqbiżx iż-żieda netta fuq perjodu xieraq skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, ħlief f’każijiet fejn ikun iġġustifikat temporanjament minħabba pesti tal-foresti, maltempati jew disturbi naturali oħra dokumentati. Dan jista’ jiġi ppruvat bl-użu ta’:

    (1)

    rapporti tal-inventarju nazzjonali tal-foresti,

    (2)

    l-evidenza msemmija fl-Artikolu 5 (ii) jew

    (3)

    rapporti tal-inventarju simili fil-livell subnazzjonali;

    (c)

    l-eżistenza ta’ sistemi li jiżguraw il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-liġijiet nazzjonali u subnazzjonali msemmija fil-paragrafu (b), inkluża informazzjoni dwar l-elementi li ġejjin: l-awtoritajiet kompetenti għat-twettiq tal-monitoraġġ, l-implimentazzjoni u l-infurzar, is-sanzjonijiet għan-nuqqas ta’ konformità, is-sistemi ta’ appell kontra d-deċiżjonijiet, u l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni;

    (d)

    li ma hemm l-ebda nuqqas sinifikanti ta’ infurzar tal-liġijiet u tar-regolamenti nazzjonali u/jew subnazzjonali msemmija fil-punt (b).

    2.   Fir-rigward tal-evidenza meħtieġa mill-punt (d) tal-paragrafu 1, l-operaturi ekonomiċi għandhom iqisu kwalunkwe valutazzjoni u rapport legali, imħejji minn organizzazzjonijiet governattivi nazzjonali jew internazzjonali, li jagħti dettalji dwar nuqqas ta’ infurzar tal-liġijiet nazzjonali jew subnazzjonali msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1. Għandha titqies ukoll kwalunkwe proċedura ta’ ksur rilevanti li tkun għaddejja mressqa mill-Kummissjoni Ewropea kontra Stat Membru, abbażi tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni. L-eżistenza ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja kontra Stat Membru, għall-ksur tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, bħar-Regolament (UE) Nru 995/2010, għandha titqies bħala evidenza ta’ tali nuqqas ta’ infurzar.

    3.   Sabiex jiġi mminimizzat il-piż amministrattiv għall-operaturi ekonomiċi, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu bażijiet tad-data pubbliċi b’informazzjoni aġġornata dwar l-elementi msemmija f’dan l-Artikolu u għandhom jiffaċilitaw l-aċċess tal-operaturi għall-informazzjoni, inkluż id-data spazjali u l-inventarji pubbliċi. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu taħriġ rilevanti għal dan l-għan.

    4.   L-operaturi ekonomiċi jistgħu jiddeċiedu li juru direttament il-konformità mal-kriterji tal-ħsad fil-livell taż-żona tas-sors f’konformità mal-Artikolu 4.

    Artikolu 4

    Valutazzjoni tal-konformità mal-kriterji tal-ħsad fil-livell taż-żona tas-sors tal-foresti

    Fejn ma jkunx hemm disponibbli evidenza ta’ konformità ma’ kriterju wieħed jew aktar tal-ħsad fil-livell nazzjonali jew subnazzjonali, l-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi jipprovdu informazzjoni awditjata li dawk il-kriterji ġew issodisfati permezz ta’ sistemi tal-ġestjoni li jkunu fis-seħħ u implimentati fil-livell taż-żona tas-sors. Għal dak il-għan, l-operaturi ekonomiċi għandhom jipprovdu evidenza preċiża, aġġornata u verifikabbli tal-elementi li ġejjin:

    (a)

    Il-konfini spazjali taż-żona tas-sors li għaliha trid tintwera l-konformità, u li fuqha japplikaw is-sistemi tal-ġestjoni msemmija fil-punt (b), inkluż permezz ta’ koordinati ġeografiċi jew ta’ rqajja’.

    (b)

    Sistemi tal-ġestjoni applikabbli għaż-żona tas-sors li jiżguraw:

    (i)

    il-legalità tal-operazzjonijiet tal-ħsad, li għandha tiġi ppruvata billi tiġi pprovduta evidenza tal-konformità tal-ħsad mas-sistema ta’ diliġenza dovuta definita fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

    (ii)

    li din ir-riġenerazzjoni tal-foresti titwettaq b’mod li tal-inqas iżomm il-kwalità u l-kwantità taż-żoni forestali maħsuda, li jista’ jiġi pprovat billi tiġi pprovduta evidenza tal-istabbiliment ta’ foresta ġdida fl-istess żona fi żmien massimu ta’ għaxar snin wara l-ħsad. Dan jista’ jiġi pprovat bl-użu, fost l-oħrajn, ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti, protokolli operazzjonali, valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali, u riżultati tal-awditi u l-ispezzjonijiet tal-konformità rilevanti;

    (iii)

    li l-bijomassa forestali ma toriġinax minn żoni deżinjati mil-liġi internazzjonali jew nazzjonali jew minn awtorità kompetenti rilevanti għall-protezzjoni tan-natura, inkluż artijiet mistagħdra u torbiera, sakemm ma jkunx hemm evidenza li l-ħsad tal-attivitajiet tal-materja prima ma jkunx jinterferixxi mal-objettivi tal-protezzjoni taż-żoni deżinjati. Dan jista’ jiġi pprovat bl-użu ta’ bażijiet tad-data internazzjonali u nazzjonali, mapep uffiċjali, pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti, protokolli operazzjonali, protokolli tal-ħsad, immaġnijiet satellitari, valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali, u permessi uffiċjali tal-qtugħ tas-siġar għall-injam inkluż il-kundizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet li jiżguraw li ma hemm l-ebda kunflitt mal-objettivi rilevanti tal-ħarsien tan-natura, u r-riżultati tal-awditi u tal-ispezzjonijiet tal-konformità rilevanti;

    (iv)

    dak il-ħsad tal-foresti jsir b’mod li jkollu l-għan li tal-inqas jipprevjeni impatti negattivi fuq il-kwalità tal-ħamrija u fuq il-bijodiversità. Dan jista’ jiġi ppruvat billi tiġi pprovduta evidenza li r-riskji rilevanti assoċjati mal-ħsad tal-bijomassa tal-foresti għall-produzzjoni tal-enerġija ġew identifikati minn qabel; u li ġew implimentati azzjonijiet xierqa ta’ mitigazzjoni bħal dawn li ġejjin:

    (1)

    il-foresti primarji u ż-żoni protetti taħt (b) (iii) mhumiex degradati jew sostitwiti b’foresti ta’ tħawwil;

    (2)

    il-ħsad tal-ġdur u tal-għeruq jitnaqqas kemm jista’ jkun;

    (3)

    ma jsir l-ebda ħsad fuq ħamrija vulnerabbli;

    (4)

    il-ħsad isir permezz ta’ sistemi ta’ qtugħ tas-siġar għall-injam li jimminimizzaw l-impatti fuq il-kwalità tal-ħamrija, inkluż il-kompattazzjoni tal-ħamrija;

    (5)

    il-ħsad isir b’mod li jimminimizza l-impatti fuq il-karatteristiċi u l-ħabitats tal-bijodiversità, inkluż il-pjanti u l-annimali protetti skont il-leġiżlazzjoni internazzjonali jew nazzjonali;

    (6)

    titħalla fil-foresta kwantità u taħlita lokali xierqa ta’ injam mejjet; u

    (7)

    jiġi minimizzat it-tqaċċit totali tas-siġar ħlief f’każijiet fejn ikun iġġustifikat temporanjament minħabba pesti tal-foresti dokumentati, maltempati jew disturbi naturali oħra.

    Dawk l-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni jistgħu jiġu pprovati billi jintużaw bażijiet tad-data internazzjonali u nazzjonali, mapep uffiċjali u immaġnijiet satellitari, pjanijiet ta’ ġestjoni tal-foresti, protokolli operazzjonali, u protokolli tal-ħsad, riżultati tal-awditi u spezzjonijiet tal-konformità rilevanti;

    (v)

    il-ħsad iżomm jew itejjeb il-kapaċità tal-produzzjoni fit-tul tal-foresta. Dan jista’ jiġi pprovat billi tiġi pprovduta evidenza li t-tqaċċit annwali tas-siġar ma jaqbiżx l-inkrement annwali nett fiż-żona tas-sors rilevanti bħala medja fil-perjodu ta’ għaxar snin qabel l-intervent tal-ħsad, sakemm ma jkunux debitament ġustifikati ammonti differenti sabiex tittejjeb il-kapaċità tal-produzzjoni futura tal-foresta; jew minħabba pesti tal-foresti dokumentati, maltempati jew disturb naturali ieħor. Dan jista’ jiġi pprovat bl-użu ta’ data pubblika jew privata dwar l-inventarju tal-foresti.

    Artikolu 5

    Valutazzjoni tal-konformità mal-kriterji tal-LULUCF fil-livell nazzjonali

    L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi jipprovdu informazzjoni awditjata li tikkonferma l-konformità mal-kriterji dwar l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF) fil-livell nazzjonali. Għal dak il-għan, l-operaturi ekonomiċi għandhom jipprovdu evidenza preċiża, aġġornata u verifikabbli li l-pajjiż jew l-organizzazzjoni ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali li minnhom toriġina l-bijomassa forestali, hija Parti għall-Ftehim ta’ Pariġi u tissodisfa waħda minn dawn iż-żewġ settijiet ta’ kundizzjonijiet li ġejjin:

    (i)

    tkun ippreżentat kontribut determinat fil-livell nazzjonali (NDC), skont il-Ftehim ta’ Pariġi tal-2015 dwar it-Tibdil fil-Klima wara l-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, li jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

    (a)

    l-NDC jinkludi s-setturi tal-agrikoltura, tal-forestrija u tal-użu tal-art, ikkombinati bħala settur wieħed tal-agrikoltura, tal-forestrija u ta’ użu ieħor tal-art (AFOLU), jew bħala setturi tal-agrikoltura u tal-LULUCF separatament;

    (b)

    l-NDC jispjega kif is-setturi tal-agrikoltura, tal-forestrija u tal-użu tal-art ġew ikkunsidrati fl-NDC;

    (c)

    l-NDC jgħodd l-emissjonijiet u l-assorbimenti mis-setturi tal-agrikoltura, tal-forestrija u tal-użu tal-art kontra l-mira ġenerali tal-pajjiż għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, inkluż l-emissjonijiet assoċjati mal-ħsad tal-bijomassa forestali; jew

    (ii)

    hemm liġijiet nazzjonali jew subnazzjonali, applikabbli għaż-żona tal-ħsad, għall-konservazzjoni u għat-tisħiħ tal-ħażniet u l-bjar tal-karbonju fil-foresti. Barra minn hekk, għandha tiġi pprovduta evidenza li l-emissjonijiet irrapportati tas-settur tal-LULUCF ma jaqbżux l-assorbimenti, li jista’ jiġi pprovat billi tiġi pprovduta evidenza li l-emissjonijiet irrapportati tas-settur tal-LULUCF ma jaqbżux l-assorbimenti bħala medja matul l-għaxar snin ta’ qabel il-ħsad tal-bijomassa forestali u li l-ħażniet u l-bjar tal-karbonju jkunu kkonservati jew imsaħħa bejn l-aħħar żewġ perjodi suċċessivi ta’ għaxar snin qabel il-ħsad tal-bijomassa forestali.

    Sabiex jiġi mminimizzat il-piż amministrattiv għall-operaturi ekonomiċi, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu informazzjoni aġġornata dwar l-elementi msemmija f’dan l-Artikolu lill-operaturi.

    Artikolu 6

    Valutazzjoni tal-konformità mal-kriterji tal-LULUCF fil-livell taż-żona tas-sors tal-foresti

    Fejn ma jkunx hemm evidenza ta’ konformità mal-kriterji tal-LULUCF disponibbli fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-operaturi ekonomiċi jipprovdu informazzjoni awditjata li tikkonferma l-eżistenza u l-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ ġestjoni fil-livell taż-żona tas-sors tal-foresti, biex jiġi żgurat li l-livelli tal-ħażniet u l-bjar tal-karbonju fil-foresta jinżammu jew jissaħħu fuq perjodu ta’ żmien twil. Għal dak il-għan, l-operaturi ekonomiċi għandhom jipprovdu evidenza preċiża, aġġornata u verifikabbli f’konformità mar-rekwiżiti li ġejjin:

    (a)

    jidentifikaw il-konfini spazjali taż-żona tas-sors li għalihom jeħtieġ li tintwera l-konformità, pereżempju permezz ta’ koordinati ġeografiċi, plottijiet jew irqajja’ tal-art, inklużi popolamenti u biċċiet ta’ art, u jidentifikaw ir-raggruppamenti tal-karbonju tal-foresti rilevanti, inklużi l-bijomassa ta’ fuq l-art, il-bijomassa ta’ taħt l-art, iż-żibel, l-injam mejjet u l-karbonju organiku fil-ħamrija;

    (b)

    jikkalkulaw il-ħażniet u l-bjar tal-karbonju fil-foresti matul perjodu ta’ referenza storiku bil-għan li jiġi stabbilit livell limitu għat-tqabbil tal-manutenzjoni jew tat-tisħiħ tal-ħażniet u l-bjar tal-karbonju fil-foresti ta’ żona tas-sors. L-operaturi ekonomiċi għandhom jużaw il-perjodu ta’ referenza tal-2000-2009, jew perjodu ieħor ta’ tul simili u qrib kemm jista’ jkun tal-2000-2009 biex jiffaċilitaw l-użu ta’ data tal-inventarju tal-foresti jew biex jiġu mmitigati l-impatti ta’ disturbi naturali jew ta’ avvenimenti estremi oħra. L-operaturi ekonomiċi għandhom jiġġustifikaw debitament l-għażla tal-perjodu ta’ referenza tagħhom. L-operatur ekonomiku għandu jistma l-valuri ta’ referenza għar-raggruppamenti tal-karbonju rilevanti kollha identifikati b’mod individwali skont il-punt (a);

    (c)

    jiddeskrivu x-xenarju tal-prattiki mistennija tal-ġestjoni tal-foresti f’żona tas-sors għal perjodu fit-tul previst, li jkopri mill-inqas 30 sena wara l-avveniment tal-ħsad li minnu toriġina l-bijomassa. Dak ix-xenarju għandu jinbena abbażi tal-prattiki tal-ġestjoni tal-foresti f’żona tas-sors dokumentata għall-perjodu ta’ referenza storiku, jew fuq pjanijiet ta’ ġestjoni eżistenti tal-foresti jew evidenza verifikabbli oħra;

    (d)

    jistmaw il-ħażniet u l-bjar medji tal-karbonju taż-żona tas-sors matul il-perjodu fit-tul previst, li jkopri mill-inqas 30 sena skont ir-rata ta’ tkabbir tal-foresti, wara l-ħsad tal-bijomassa forestali. Sabiex tiġi żgurata l-komparabbiltà mal-perjodu ta’ referenza storiku, dawk l-istimi għandhom jużaw l-istess raggruppamenti tal-karbonju, data u metodi msemmija fil-punti (a) u (b). Meta l-operaturi ekonomiċi ma jkunux jistgħu jikkwantifikaw wieħed mir-raggruppamenti jew aktar identifikati skont il-punt (a), dawn għandhom jipprovdu ġustifikazzjoni mistħoqqa;

    (e)

    iqabblu l-ħażna medja u l-bjar medji tal-karbonju fiż-żona rilevanti tas-sors tal-foresti tal-perjodu fit-tul ipproġettat mal-ħażniet u l-bjar tal-karbonju fil-foresti tal-perjodu ta’ referenza storiku. Jekk il-ħażniet u l-bjar tal-karbonju fil-foresti tal-perjodu fit-tul ipproġettat ikunu daqs jew ogħla mill-ħażniet u l-bjar tal-karbonju fil-foresti tal-perjodu ta’ referenza storiku, il-bijomassa forestali tkun konformi mal-kriterji tal-LULUCF fil-livell taż-żona tas-sors tal-foresti. L-operaturi ekonomiċi għandhom jistabbilixxu sistemi adegwati ta’ monitoraġġ u verifika tal-iżvilupp attwali tal-ħażniet u l-bjar tal-karbonju f’konformità murija mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-artikolu.

    Artikolu 7

    Awditjar u verifika

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi:

    (a)

    jippreżentaw informazzjoni affidabbli li tissostanzja t-talbiet tagħhom dwar is-sostenibbiltà, li turi li r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 6 ġew debitament issodisfati, u jpoġġu għad-dispożizzjoni, fuq talba, id-data dettaljata li ntużat għall-kompilazzjoni ta’ dik l-informazzjoni. Jekk tiġi pprovduta evidenza oħra biex tintwera l-konformità mal-kriterji tal-ħsad u tal-LULUCF, tali evidenza għandha tissodisfa standard għoli ta’ affidabbiltà u verifikabbiltà;

    (b)

    jużaw is-sistema ta’ bilanċ tal-massa msemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 30 tad-Direttiva (UE) 2018/2001;

    (c)

    jagħmlu arranġamenti għal standard adegwat ta’ awditjar indipendenti minn partijiet terzi tal-informazzjoni ppreżentata, ħlief għall-konformità fil-livell nazzjonali u subnazzjonali mal-kriterji tal-ħsad u tal-LULUCF, li għalihom tista’ tiġi pprovduta verifika tal-ewwel parti jew tat-tieni parti sal-ewwel punt ta’ ġbir tal-bijomassa forestali;

    (d)

    jiżguraw livell adegwat ta’ trasparenza filwaqt li jqisu l-ħtieġa għal skrutinju pubbliku tal-approċċ tal-awditjar;

    (e)

    jipprovdu evidenza li l-awditi rilevanti jitwettqu b’mod regolari, inkluż permezz ta’ spezzjonijiet perjodiċi fejn rilevanti.

    2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-awditjar imsemmi fil-punt (c) tal-ewwel paragrafu jevalwa l-frekwenza u l-metodoloġija tal-kampjunar u r-robustezza tad-data, u jivverifikaw li l-informazzjoni ppreżentata mill-operaturi ekonomiċi tkun preċiża, affidabbli u protetta kontra l-frodi.

    3.   L-operaturi ekonomiċi jistgħu jagħmlu użu minn skemi nazzjonali jew skemi volontarji internazzjonali rikonoxxuti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 30(4) tad-Direttiva (UE) 2018/2001 biex juru l-konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 6 ta’ dan ir-Regolament.

    4.   L-awditjar ta’ grupp jista’ jitwettaq skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 12 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/996 biex jgħin itaffi l-piż amministrattiv b’mod partikolari fuq l-operaturi ekonomiċi ż-żgħar.

    Artikolu 8

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Diċembru 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82

    (2)  Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).

    (3)  Bħall-proġett “REDIIBIO. Assistenza Teknika għat-tħejjija tal-gwida għall-implimentazzjoni tal-kriterji l-ġodda tas-sostenibbiltà tal-bijoenerġija stabbiliti fid-Direttiva riveduta dwar l-Enerġija Rinnovabbli, 2021”.

    (4)  Ir-Regolament (UE) 2018/841 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-inklużjoni tal-emissjonijiet u l-assorbimenti ta’ gassijiet serra minn użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija fil-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 u d-Deċiżjoni Nru 529/2013/UE (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 1).

    (5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/996 tal-14 ta’ Ġunju 2022 dwar regoli biex jiġu vverifikati l-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u l-kriterji ta’ riskju baxx ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art (ĠU L 168, 27.6.2022, p. 1).

    (6)  Ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23).


    Top