EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R2059

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/2059 tal-14 ta’ Ġunju 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji tekniċi tal-ittestjar retrospettiv u r-rekwiżiti tal-attribuzzjoni u tal-profitt u t-telf skont l-Artikoli 325bf u 325bg tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/3800

ĠU L 276, 26.10.2022, p. 47–59 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 26/10/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/2059/oj

26.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 276/47


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2059

tal-14 ta’ Ġunju 2022

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji tekniċi tal-ittestjar retrospettiv u r-rekwiżiti tal-attribuzzjoni u tal-profitt u t-telf skont l-Artikoli 325bf u 325bg tar-Regolament (UE) Nru 575/2013

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 325bf(9), it-tielet subparagrafu, u l-Artikolu 325bg(4), it-tielet subparagrafu, tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 325bf(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jirrikjedi li l-istituzzjonijiet jgħoddu l-qbiż fil-valur ta’ kuljum fuq il-bażi ta’ ttestjar retrospettiv tal-bidliet ipotetiċi u reali fil-valur tal-portafoll tagħhom magħmul mill-pożizzjonijiet kollha assenjati lill-postijiet tan-negozjar tagħhom. Tali ttestjar retrospettiv huwa maħsub biex jivvaluta, skont il-livell li fih jitwettaq, jekk ikunx xieraq li jiġu kkalkolati r-rekwiżiti ta’ fondi proprji għal pożizzjonijiet f’post tan-negozjar bl-użu tal-approċċ ta’ mudell intern alternattiv, u jekk ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji assoċjati ma’ fatturi ta’ riskju li jistgħu jiġu mmudellati jkunux adegwati. L-Artikolu 325bf(4) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jirrikjedi li l-istituzzjonijiet jużaw il-valur ta’ tmiem il-jum tal-portafoll bħala punt tat-tluq għal tali ttestjar retrospettiv, inklużi l-aġġustamenti kollha, bħal riżervi jew kwalunkwe aġġustament tal-valutazzjoni.

(2)

Fl-ittestjar retrospettiv tan-numru tal-valur fir-riskju, xi effetti tar-riskju tas-suq li ma jinqabdux mill-mudell intern tal-kejl tar-riskji xorta jenħtieġ li jiġu inklużi fil-bidliet reali fil-valur tal-portafoll. Għaldaqstant, l-aġġustamenti kollha relatati mar-riskju tas-suq, irrispettivament mill-frekwenza li biha jiġu aġġornati mill-istituzzjonijiet, jenħtieġ li jiġu inklużi fil-bidliet reali fil-valur tal-portafoll. Madankollu, l-ittestjar retrospettiv tan-numru tal-valur fir-riskju bil-bidliet ipotetiċi fil-valur tal-portafoll, jenħtieġ li jitwettaq taħt is-suppożizzjoni ta’ portafoll statiku. Għalhekk, fil-komputazzjoni ta’ dawn il-bidliet ipotetiċi fil-valur tal-portafoll, l-istituzzjonijiet jenħtieġ li jinkludu biss dawk l-aġġustamenti li jiġu kkalkolati ta’ kuljum u li huma inklużi fil-mudell intern tal-kejl tar-riskji.

(3)

F’xi każijiet, huwa possibbli li, minħabba n-natura ta’ aġġustament u minħabba l-ġestjoni interna tar-riskju applikabbli għal dak l-aġġustament, dan tal-aħħar jiġi kkalkolat fuq settijiet ta’ pożizzjonijiet li huma assenjati lil aktar minn post wieħed tan-negozjar. Sabiex tiġi żgurata l-armonizzazzjoni madwar l-Unjoni, meta l-istituzzjonijiet jikkalkolaw il-bidliet reali u ipotetiċi fil-valur tal-portafoll ta’ post tan-negozjar, jenħtieġ li jintalbu li jew jikkalkolaw mill-ġdid tali aġġustament għal kull post tan-negozjar fuq il-bażi awtonoma tal-pożizzjonijiet assenjati lill-post tan-negozjar biss, jew, fejn jiġu ssodisfati kundizzjonijiet speċifiċi, li jirriflettu l-bidliet li jirriżultaw minn tali aġġustament biss fil-kuntest tal-ittestjar retrospettiv imsemmi fl-Artikolu 325bf(6) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Għaldaqstant, meta l-istituzzjonijiet iwettqu l-proċess ta’ valutazzjoni ta’ tmiem il-jum biex jiksbu l-valuri tal-portafoll ta’ tmiem il-jum tal-postijiet tan-negozjar, dawn jenħtieġ li ma jkunux permessi, meta jikkalkolaw bidliet ipotetiċi u reali fil-livell tal-post tan-negozjar, li jallokaw l-aġġustament lill-postijiet tan-negozjar b’mod li jkun proporzjonat għall-kontribuzzjoni ta’ kull wieħed mill-postijiet tan-negozjar għall-valur tal-aġġustament.

(4)

Ir-rekwiżit tal-attribuzzjoni tal-profitt u t-telf stabbilit fl-Artikolu 325bg tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għandu rwol prominenti fl-iżgurar li l-bidliet teoretiċi u l-bidliet ipotetiċi fil-valur tal-portafoll tal-post tan-negozjar ikunu qrib biżżejjed. It-testijiet statistiċi inklużi fl-istandards internazzjonali żviluppati mill-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja, il-koeffiċjent ta’ korrelazzjoni ta’ Spearman u l-metrika tat-test ta’ Kolmogorov-Smirnov, biex ir-rekwiżit ta’ attribuzzjoni tal-profitt u t-telf jiġi operazzjonalizzat huma xierqa għal dak il-għan u għalhekk jenħtieġ li jintużaw mill-istituzzjonijiet.

(5)

Fl-istandards internazzjonali, huwa stabbilit li l-istituzzjonijiet jenħtieġ li jissodisfaw rekwiżit kapitali addizzjonali fejn il-bidliet teoretiċi u ipotetiċi fil-valur tal-portafolli tal-postijiet tan-negozjar ma jkunux qrib biżżejjed. F’dik is-sitwazzjoni, l-istituzzjonijiet jenħtieġ li jkunu meħtieġa jikkalkolaw u jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti dak ir-rekwiżit kapitali addizzjonali għal dawk il-postijiet tan-negozjar.

(6)

Meta jirrapportaw ir-riżultati tal-attribuzzjoni ta’ profitti u telf f’konformità mal-Artikolu 325az(2)(d), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet jenħtieġ li jenfasizzaw ukoll fejn il-bidliet ipotetiċi u l-bidliet teoretiċi fil-valur tal-portafoll ta’ post tan-negozjar ikunu materjalment differenti. Dan jenħtieġ li jgħin lill-istituzzjonijiet jidentifikaw nuqqasijiet potenzjali fil-kalkolu tal-bidliet teoretiċi.

(7)

Meta tiġi vvalutata l-konformità mar-rekwiżit tal-attribuzzjoni tal-profitt u t-telf, il-bidliet teoretiċi fil-valur tal-portafoll jitqabblu ma’ bidliet ipotetiċi li jiġu kkalkolati taħt is-suppożizzjoni ta’ portafoll statiku. Dak it-tqabbil għandu l-għan li jidentifika l-materjalità tad-differenzi fil-proċessi ta’ valutazzjoni tal-mudell tal-kejl tar-riskji tal-istituzzjoni li jipproduċu l-bidliet teoretiċi, u l-proċessi ta’ valutazzjoni tas-sistemi interni tal-istituzzjoni li jipproduċu l-bidliet ipotetiċi. Sabiex jiġi żgurat li t-tqabbil ma jiġix affettwat mill-bidliet fil-kompożizzjoni tal-portafoll, il-bidliet teoretiċi għall-valur tal-portafoll użat fir-rekwiżit tal-attribuzzjoni tal-profitt u t-telf jenħtieġ li jiġu kkalkolati wkoll taħt is-suppożizzjoni ta’ portafoll statiku.

(8)

Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-istandards internazzjonali, il-bidliet ipotetiċi fil-valur tal-portafoll li jiġu kkalkolati għall-fini tal-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżit tal-attribuzzjoni tal-profitt u t-telf jenħtieġ li jiġu allinjati mal-bidliet ipotetiċi fil-valur tal-portafoll, li istituzzjoni tikkalkula għall-finijiet tal-ittestjar retrospettiv.

(9)

Id-differenzi bejn il-proċessi ta’ valutazzjoni li jipproduċu bidliet ipotetiċi u teoretiċi fil-valur tal-portafoll jistgħu jirriżultaw minn ommissjonijiet ta’ ċerti fatturi ta’ riskju fil-mudell tal-kejl tar-riskji jew simplifikazzjonijiet tal-mudell tal-kejl tar-riskji. Differenzi oħra jistgħu jirriżultaw minn nuqqas ta’ allinjament fid-data li istituzzjoni tuża bħala inputs għad-determinazzjoni tal-valur tal-portafolli tagħha. Sabiex jiġu evitati sorsi addizzjonali ta’ diskrepanzi li jirriżultaw minn tali differenzi fid-data tal-input, l-istituzzjonijiet jenħtieġ li jitħallew jallinjaw id-data tal-input diment li jiġu ssodisfati xi kundizzjonijiet speċifiċi.

(10)

Il-frekwenza li biha għandhom jiġu rrapportati r-riżultati tar-rekwiżit tal-attribuzzjoni tal-profitt u t-telf jenħtieġ li tiġi allinjata mal-frekwenza li biha jiġi vvalutat kemm il-fatturi tar-riskju jistgħu jiġu mmudellati, u l-frekwenza li niha jiġu rrapportati r-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskju tas-suq. B’dak il-mod, l-istituzzjonijiet se jkunu jistgħu jiddeterminaw ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskju tas-suq abbażi ta’ riżultati konsistenti għar-rekwiżiti tal-ittestjar retrospettiv, ir-rekwiżiti tal-attribuzzjoni tal-profitt u t-telf u l-valutazzjoni tal-mudellabbiltà.

(11)

Il-mod li bih l-istituzzjonijiet jenħtieġ li jiġbru flimkien ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji totali tagħhom għar-riskju tas-suq jenħtieġ li jiġi allinjat mal-istandards internazzjonali. Għalhekk, il-formula ta’ aggregazzjoni jenħtieġ li tirrifletti r-riżultati tar-rekwiżit tal-attribuzzjoni tal-profitt u t-telf, inkluż ir-rekwiżit kapitali addizzjonali fejn il-bidliet teoretiċi u ipotetiċi ma jkunux qrib biżżejjed. Barra minn hekk, il-formula ta’ aggregazzjoni jenħtieġ li tirrifletti tnaqqis fil-benefiċċji tad-diversifikazzjoni fejn ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji għal post tan-negozjar jiġu kkalkolati bl-approċċ standardizzat alternattiv u mhux bl-approċċ alternattiv ta’ mudell intern.

(12)

Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jiġu megħjuna jivverifikaw il-konformità tal-istituzzjonijiet ma’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-istituzzjonijiet ikunu meħtieġa jiddokumentaw l-implimentazzjoni tagħhom ta’ dan ir-Regolament.

(13)

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament huma marbuta mill-qrib ma’ xulxin, peress li kollha jittrattaw elementi li għandhom jiġu inklużi fil-bidliet ta’ valur tal-portafoll ta’ post tan-negozjar għall-finijiet tal-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskji tas-suq bl-użu tal-approċċ alternattiv tal-mudell intern. Biex tiġi żgurata l-koerenza bejn dawk id-dispożizzjonijiet, li jenħtieġ li jidħlu fis-seħħ fl-istess ħin, biex jiġi ffaċilitat fehim komprensiv ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u biex jiġi żgurat aċċess faċli għalihom minn persuni soġġetti għall-obbligi stabbiliti fihom, ikun tajjeb li jiġu inklużi l-istandards tekniċi regolatorji kollha meħtieġa mill-Artikolu 325bf(9), it-tielet subparagrafu, u mill-Artikolu 325bg(4), it-tielet subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 f’Regolament wieħed.

(14)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomess lill-Kummissjoni mill-EBA.

(15)

L-ABE wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU 1

Elementi tekniċi li għandhom jiġu inklużi fil-bidliet reali u ipotetiċi fil-valur tal-portafoll għall-finijiet tar-rekwiżiti tal-ittestjar retrospettiv

Taqsima 1

elementi tekniċi li għandhom jiġu inklużi fil-bidliet reali fil-valur tal-portafoll

Artikolu 1

Elementi tekniċi li għandhom jiġu inklużi fil-bidliet reali fil-valur tal-portafoll ta’ post tan-negozjar għar-rekwiżiti ta’ ttestjar retrospettiv imwettqa fil-livell ta’ postijiet tan-negozjar

1.   Għall-finijiet tal-ittestjar retrospettiv tal-post tan-negozjar imsemmi fl-Artikolu 325bf(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet għandhom jikkalkolaw il-bidliet reali fil-valur tal-portafoll tal-post tan-negozjar billi jużaw l-istess tekniki, inklużi l-istess metodi ta’ pprezzar, il-parametrizzazzjonijiet tal-mudell u d-data tas-suq, bħal dawk użati fil-proċess li jintuża għall-kalkolu tal-valuri ta’ tmiem il-jum (“il-proċess ta’ valutazzjoni ta’ tmiem il-jum”), inklużi r-riżultati tal-verifika indipendenti tal-prezz imsemmija fl-Artikolu 105(8) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

2.   Meta jikkalkolaw il-bidliet reali fil-valur tal-portafoll ta’ post tan-negozjar, l-istituzzjonijiet għandhom jirriflettu l-bidliet fil-valur ta’ dak il-portafoll li huma dovuti għall-mogħdija taż-żmien.

3.   Meta jikkalkolaw il-bidliet reali fil-valur tal-portafoll ta’ post tan-negozjar, f’dak il-valur l-istituzzjonijiet għandhom jinkludu dawk l-aġġustamenti kollha li jkunu ġew ikkunsidrati fil-proċess ta’ valutazzjoni ta’ tmiem il-ġurnata msemmi fil-paragrafu 1 u li huma relatati mar-riskju tas-suq, bl-eċċezzjoni tal-aġġustamenti kollha li ġejjin:

(a)

aġġustamenti fil-valutazzjoni tal-kreditu li jirriflettu l-valur attwali tas-suq tar-riskju ta’ kreditu tal-kontropartijiet għall-istituzzjoni;

(b)

aġġustamenti attribwiti għar-riskju tal-kreditu proprju tal-istituzzjoni li jkunu ġew esklużi mill-fondi proprji f’konformità mal-Artikolu 33(1), il-punt (b) jew (c), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(c)

aġġustamenti tal-valur addizzjonali mnaqqsa mill-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni f’konformità mal-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

4.   L-istituzzjonijiet għandhom jikkalkolaw il-valur ta’ aġġustament kif imsemmi fil-paragrafu 3 abbażi tal-pożizzjonijiet kollha li huma assenjati lill-istess post tan-negozjar. L-istituzzjonijiet għandhom jinkludu bidliet fil-valur tal-aġġustament biss fid-data li fiha jiġi kkalkolat l-aġġustament.

5.   Minbarra l-esklużjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3, il-punti (a), (b), u (c), l-istituzzjonijiet jistgħu jeskludu mill-kalkolu tal-bidliet reali fil-valur tal-portafoll ta’ post tan-negozjar, aġġustament li jiġi kkalkolat fil-proċess ta’ valutazzjoni ta’ tmiem il-jum f’settijiet ta’ pożizzjonijiet assenjati lil aktar minn post tan-negozjar wieħed fuq bażi netta, fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

dak l-aġġustament ikun, minħabba n-natura tiegħu, ikkalkolat fuq bażi netta f’settijiet ta’ pożizzjonijiet li jkunu assenjati lil aktar minn post tan-negozjar wieħed;

(b)

il-ġestjoni interna tar-riskju ta’ dak l-aġġustament tkun konsistenti mal-livell li fih jiġi kkalkolat l-aġġustament;

(c)

l-istituzzjoni kkonċernata tiddokumenta dan kollu li ġej:

(i)

is-settijiet ta’ pożizzjonijiet li fihom jiġi kkalkolat l-aġġustament;

(ii)

ir-raġunament li jsostni l-kalkolu tal-aġġustament fis-settijiet ta’ pożizzjonijiet imsemmija fil-punt (i);

(iii)

il-ġustifikazzjoni għan-nuqqas ta’ kalkolu tal-aġġustament abbażi tal-pożizzjonijiet assenjati lil dak il-post tan-negozjar biss.

Artikolu 2

Elementi tekniċi li għandhom jiġu inklużi fil-bidliet reali fil-valur tal-portafoll għar-rekwiżiti tal-ittestjar retrospettiv imwettqa fil-livell tal-istituzzjoni

1.   Għall-finijiet tal-ittestjar retrospettiv imsemmi fl-Artikolu 325bf(6) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet għandhom jikkalkolaw il-bidliet reali fil-valur tal-portafoll billi jużaw l-istess tekniki, inklużi l-istess metodi ta’ pprezzar, il-parametrizzazzjonijiet tal-mudell u d-data tas-suq, bħal dawk użati fil-proċess ta’ valutazzjoni ta’ tmiem il-jum, inklużi r-riżultati tal-verifika indipendenti tal-prezz imsemmija fl-Artikolu 105(8) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

2.   Meta jikkalkolaw il-bidliet reali fil-valur tal-portafoll, l-istituzzjonijiet għandhom jirriflettu l-bidla fil-valur ta’ dak il-portafoll, li huma dovuti għall-mogħdija taż-żmien.

3.   Meta jikkalkolaw il-bidliet reali fil-valur tal-portafoll, f’dak il-valur l-istituzzjonijiet għandhom jinkludu l-aġġustamenti kollha li jkunu ġew ikkunsidrati fil-proċess ta’ valutazzjoni ta’ tmiem il-jum imsemmi fil-paragrafu 1 u li huma relatati mar-riskju tas-suq, bl-eċċezzjoni tal-aġġustamenti kollha li ġejjin:

(a)

aġġustamenti fil-valutazzjoni tal-kreditu li jirriflettu l-valur attwali tas-suq tar-riskju ta’ kreditu tal-kontropartijiet għall-istituzzjoni;

(b)

aġġustamenti attribwiti għar-riskju tal-kreditu proprju tal-istituzzjoni li jkunu ġew esklużi mill-fondi proprji f’konformità mal-Artikolu 33(1), il-punt (b) jew (c), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(c)

aġġustamenti tal-valur addizzjonali mnaqqsa mill-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni f’konformità mal-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

4.   L-istituzzjonijiet għandhom jikkalkolaw il-bidla fil-valur tal-aġġustamenti msemmija fil-paragrafu 3 abbażi ta’ waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

il-pożizzjonijiet kollha li jkunu assenjati għall-postijiet tan-negozjar li għalihom l-istituzzjonijiet jikkalkolaw ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskju tas-suq f’konformità mal-approċċ alternattiv tal-mudell intern stabbilit fil-Parti Tlieta, it-Titolu IV, tal-Kapitolu 1b tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(b)

il-pożizzjonijiet kollha soġġetti għar-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskju tas-suq.

5.   L-istituzzjonijiet għandhom jinkludu bidliet fil-valur tal-aġġustament biss fid-data li fiha jiġi kkalkolat l-aġġustament.

Taqsima 2

Elementi tekniċi li għandhom jiġu inklużi fil-bidliet ipotetiċi fir-rekwiżiti tal-valur tal-portafoll

Artikolu 3

Elementi tekniċi li għandhom jiġu inklużi fil-bidliet ipotetiċi fil-valur tal-portafoll ta’ post tan-negozjar għar-rekwiżiti ta’ ttestjar retrospettiv imwettqa fil-livell ta’ postijiet tan-negozjar

1.   Għall-finijiet tal-ittestjar retrospettiv tal-post tan-negozjar imsemmi fl-Artikolu 325bf(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet għandhom jikkalkolaw il-bidliet ipotetiċi fil-valur tal-portafoll tal-post tan-negozjar billi jużaw l-istess tekniki, inklużi l-istess metodi ta’ pprezzar, il-parametrizzazzjonijiet tal-mudell u d-data tas-suq, bħal dawk użati fil-proċess ta’ valutazzjoni ta’ tmiem il-jum, mingħajr ma jitqiesu l-ebda tariffa u kummissjoni.

2.   Meta jikkalkolaw il-bidliet ipotetiċi fil-valur tal-portafoll tal-post tan-negozjar, l-istituzzjonijiet għandhom jirriflettu l-bidliet fil-valur tal-portafoll tal-post tan-negozjar li jkunu dovuti għall-mogħdija taż-żmien bl-istess mod li jirriflettu dawn il-bidliet fil-kalkolu:

(a)

tal-kejl tar-riskju tan-nuqqas mistenni msemmi fl-Artikolu 325ba(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(b)

tal-kejl tar-riskju tax-xenarju ta’ kriżi msemmi fl-Artikolu 325bk tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

3.   Meta jikkalkolaw il-bidliet ipotetiċi fil-valur tal-portafoll ta’ post tan-negozjar, f’dak il-valur l-istituzzjonijiet għandhom jinkludu dawk l-aġġustamenti kollha li jkunu ġew ikkunsidrati fil-proċess ta’ valutazzjoni ta’ tmiem il-ġurnata msemmi fil-paragrafu 1 u li huma relatati mar-riskju tas-suq, li jiġu kkalkolati fuq bażi ta’ kuljum, u li huma inklużi fil-mudell tal-kejl tar-riskji tal-istituzzjoni, bl-eċċezzjoni tal-aġġustamenti kollha li ġejjin:

(a)

aġġustamenti fil-valutazzjoni tal-kreditu li jirriflettu l-valur attwali tas-suq tar-riskju ta’ kreditu tal-kontropartijiet għall-istituzzjoni;

(b)

aġġustamenti attribwiti għar-riskju tal-kreditu proprju tal-istituzzjoni li jkunu ġew esklużi mill-fondi proprji f’konformità mal-Artikolu 33(1), il-punt (b) jew (c), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(c)

aġġustamenti tal-valur addizzjonali mnaqqsa mill-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni f’konformità mal-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

4.   L-istituzzjonijiet għandhom jikkalkolaw il-valur ta’ aġġustament kif imsemmi fil-paragrafu 3 abbażi tal-pożizzjonijiet kollha assenjati lil dak il-post tan-negozjar. L-istituzzjonijiet għandhom jinkludu bidliet fil-valur tal-aġġustament abbażi ta’ tqabbil bejn il-valur tal-aġġustament ta’ tmiem il-jum u, jekk wieħed jassumi pożizzjonijiet mhux mibdula fil-portafoll tal-post tan-negozjar, il-valur tal-aġġustament fi tmiem il-jum sussegwenti.

5.   Minbarra l-esklużjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3, il-punti (a), (b), u (c), l-istituzzjonijiet jistgħu jeskludu wkoll mill-kalkolu tal-bidliet ipotetiċi fil-valur tal-portafoll ta’ post tan-negozjar aġġustament li jiġi kkalkolat fuq bażi netta fil-proċess ta’ valutazzjoni ta’ tmiem il-jum f’settijiet ta’ pożizzjonijiet assenjati lil aktar minn post tan-negozjar wieħed, fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

dak l-aġġustament ikun, minħabba n-natura tiegħu, ikkalkolat fuq bażi netta f’settijiet ta’ pożizzjonijiet li jkunu assenjati lil aktar minn post tan-negozjar wieħed;

(b)

il-ġestjoni interna tar-riskju ta’ dak l-aġġustament tkun konsistenti mal-livell li fih jiġi kkalkolat l-aġġustament;

(c)

l-istituzzjoni tiddokumenta dan kollu li ġej:

(i)

is-settijiet ta’ pożizzjonijiet li fihom jiġi kkalkolat l-aġġustament;

(ii)

ir-raġunament li jsostni l-kalkolu tal-aġġustament fis-settijiet ta’ pożizzjonijiet imsemmija fil-punt (i);

(iii)

il-ġustifikazzjoni għan-nuqqas ta’ kalkolu tal-aġġustament abbażi tal-pożizzjonijiet assenjati lil dak il-post tan-negozjar biss.

Artikolu 4

Elementi tekniċi li għandhom jiġu inklużi fil-bidliet ipotetiċi fil-valur tal-portafoll għar-rekwiżiti tal-ittestjar retrospettiv imwettqa fil-livell tal-istituzzjoni

1.   Għall-finijiet tal-ittestjar retrospettiv imsemmi fl-Artikolu 325bf(6) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet għandhom jikkalkolaw il-bidliet ipotetiċi fil-valur tal-portafoll billi jużaw l-istess tekniki, inklużi l-istess metodi ta’ pprezzar, il-parametrizzazzjonijiet tal-mudell u d-data tas-suq, bħal dawk użati fil-proċess ta’ valutazzjoni ta’ tmiem il-jum, mingħajr ma titqies l-ebda tariffa u kummissjoni.

2.   Meta jikkalkolaw il-bidliet ipotetiċi fil-valur tal-portafoll, l-istituzzjonijiet għandhom jirriflettu l-bidliet fil-valur tal-portafoll li jkunu dovuti għall-mogħdija taż-żmien bl-istess mod li jirriflettu dawn il-bidliet fil-kalkolu:

(a)

tal-kejl tar-riskju tan-nuqqas mistenni msemmi fl-Artikolu 325ba(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(b)

tal-kejl tar-riskju tax-xenarju ta’ kriżi msemmi fl-Artikolu 325bk tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

3.   Meta jikkalkolaw bidliet ipotetiċi fil-valur tal-portafoll, f’dak il-valur l-istituzzjonijiet għandhom jinkludu dawk l-aġġustamenti kollha li jkunu ġew ikkunsidrati fil-proċess ta’ valutazzjoni ta’ tmiem il-ġurnata msemmi fil-paragrafu 1 u li huma relatati mar-riskju tas-suq, li jiġu kkalkolati fuq bażi ta’ kuljum, u li huma inklużi fil-mudell tal-kejl tar-riskji tal-istituzzjoni, bl-eċċezzjoni tal-aġġustamenti kollha li ġejjin:

(a)

aġġustamenti fil-valutazzjoni tal-kreditu li jirriflettu l-valur attwali tas-suq tar-riskju ta’ kreditu tal-kontropartijiet għall-istituzzjoni;

(b)

aġġustamenti attribwiti għar-riskju tal-kreditu proprju tal-istituzzjoni li jkunu ġew esklużi mill-fondi proprji f’konformità mal-Artikolu 33(1), il-punt (b) jew (c), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(c)

aġġustamenti tal-valutazzjoni addizzjonali mnaqqsa mill-kapital tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni f’konformità mal-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

4.   L-istituzzjonijiet għandhom jikkalkolaw il-bidliet fil-valur tal-aġġustamenti msemmija fil-paragrafu 3 abbażi ta’ waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

dawk il-pożizzjonijiet kollha li jkunu assenjati għall-postijiet tan-negozjar li għalihom l-istituzzjonijiet jikkalkolaw ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskju tas-suq f’konformità mal-approċċ alternattiv tal-mudell intern stabbilit fil-Parti Tlieta, it-Titolu IV, tal-Kapitolu 1b tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(b)

il-pożizzjonijiet kollha soġġetti għal rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskju tas-suq.

Artikolu 5

Rekwiżiti ta’ dokumentazzjoni

L-istituzzjonijiet għandu jkollhom politiki u proċeduri fis-seħħ li jistabbilixxu kif jikkalkolaw il-bidliet reali u ipotetiċi fil-valur ta’ portafoll ta’ post tan-negozjar jew fil-valur ta’ portafoll f’konformità mal-Artikoli 1 sa 4 ta’ dan ir-Regolament. Dawk il-politiki u l-proċeduri għandu jkun fihom l-elementi kollha li ġejjin:

(a)

meta jiġi deskritt kif jiġu kkalkolati l-bidliet reali fil-valur tal-portafoll ikkonċernat, deskrizzjoni tad-differenzi bejn il-bidliet fil-valuri tal-portafoll ta’ tmiem il-jum prodotti mill-proċess ta’ valutazzjoni ta’ tmiem il-jum u l-bidliet reali fil-valur tal-portafoll ikkonċernat;

(b)

it-tariffi u l-kummissjonijiet u kif tiġi applikata l-esklużjoni msemmija fl-Artikolu 325bf(4), il-punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(c)

lista tal-aġġustamenti kollha, li tispeċifika għal kull aġġustament dawn kollha li ġejjin:

(i)

deskrizzjoni u fini tal-aġġustament;

(ii)

il-metodoloġija u l-proċess użati għall-kalkolu tal-aġġustament;

(iii)

il-frekwenza tal-kalkolu tal-aġġustament u, meta l-frekwenza tkun inqas minn kuljum, ir-raġuni għal tali frekwenza;

(iv)

jekk l-aġġustament ikunx sensittiv għar-riskju tas-suq;

(v)

is-settijiet ta’ pożizzjonijiet li fihom jiġi kkalkolat l-aġġustament u r-raġunijiet għat-twettiq tal-kalkolu f’dawn is-settijiet;

(vi)

jekk u kif ir-riskju li jirriżulta mill-bidliet fl-aġġustament ikunx iħħeġġjat b’mod attiv u liema post jew postijiet tan-negozjar ikunu responsabbli għal tali ħħeġġjar;

(vii)

jekk u kif l-aġġustament jitqies fil-bidliet reali fil-valur tal-portafoll ikkonċernat għall-finijiet tal-ittestjar retrospettiv imsemmi fl-Artikolu 325bf(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u l-ittestjar retrospettiv imsemmi fl-Artikolu 325bf(6) ta’ dak ir-Regolament;

(viii)

jekk u kif l-aġġustament jitqies fil-bidliet ipotetiċi fil-valur tal-portafoll ikkonċernat għall-finijiet tal-Artikoli 325bf u 325bg tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, u deskrizzjoni ta’ kif tiġi kkalkolata l-bidla fl-aġġustament jekk jiġu preżunti pożizzjonijiet mhux mibdula fil-portafoll.

KAPITOLU 2

Speċifikazzjoni teknika tar-rekwiżit tal-attribuzzjoni tal-profitt u t-telf

Taqsima 1

Il-kriterji meħtieġa biex jiġi żgurat li l-bidliet teoretiċi u l-bidliet ipotetiċi fil-valur tal-portafoll ta’ post tan-negozjar ikunu qrib biżżejjed u l-konsegwenzi għall-postijiet tan-negozjar li ma jissodisfawx dik il-kundizzjoni

Artikolu 6

Rekwiżiti ġenerali

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 325bg(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet għandhom jikkalkolaw, għal portafoll partikolari ta’ post tan-negozjar partikolari, il-koeffiċjent ta’ korrelazzjoni ta’ Spearman stabbilit fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament, u l-metrika tat-test ta’ Kolmogorov-Smirnov stabbilita fl-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament u, abbażi tar-riżultati ta’ dawk il-kalkoli, japplikaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament. Meta, skont dawk il-kriterji, il-bidliet teoretiċi u l-bidliet ipotetiċi fil-valur tal-portafoll ta’ post tan-negozjar ma jkunux qrib biżżejjed, l-istituzzjonijiet għandhom ikunu soġġetti għall-konsegwenza stabbilita fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-istituzzjonijiet jistgħu jallinjaw il-punt taż-żmien (ħin tal-istampa) li għalih jikkalkolaw il-bidliet teoretiċi fil-valur tal-portafoll tal-post tan-negozjar mal-ħin tal-istampa li għalih jikkalkolaw il-bidliet ipotetiċi f’dak il-valur.

Artikolu 7

Kalkolu tal-koeffiċjent ta’ korrelazzjoni ta’ Spearman

1.   L-istituzzjonijiet għandhom jikkalkolaw il-koeffiċjent ta’ korrelazzjoni ta’ Spearman imsemmi fl-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament billi jwettqu l-passi li ġejjin fl-ordni li ġejja:

(a)

huma għandhom jiddeterminaw is-serje kronoloġika tal-osservazzjonijiet tal-bidliet ipotetiċi u teoretiċi fil-valur tal-portafoll tal-post tan-negozjar għall-aktar 250 jum ta’ xogħol riċenti;

(b)

mis-serje kronoloġika tal-bidliet ipotetiċi u teoretiċi msemmija fil-punt (a), l-istituzzjonijiet għandhom jipproduċu s-serje ta’ żmien korrispondenti tal-gradi f’konformità mal-paragrafu 2, filwaqt li jittrattaw is-serje kronoloġika tal-bidliet ipotetiċi u teoretiċi bħala s-serje ta’ żmien tal-oriġini;

(c)

huma għandhom jikkalkolaw il-koeffiċjent ta’ korrelazzjoni ta’ Spearman f’konformità mal-formula li ġejja:

Formula

Fejn:

R HPL

=

is-serje kronoloġika tal-gradi prodotta mis-serje kronoloġika tal-bidliet ipotetiċi msemmija fil-punt (b);

R RTPL

=

is-serje kronoloġika tal-gradi prodotta mis-serje kronoloġika tal-bidliet ipotetiċi msemmija fil-punt (b);

Formula

=

id-devjazzjoni standard tas-serje kronoloġika tal-gradi RHPL ikkalkolata f’konformità mal-paragrafu 3, il-punt (a);

Formula

=

id-devjazzjoni standard tas-serje kronoloġika tal-gradi RRTPL ikkalkolata f’konformità mal-paragrafu 3, il-punt (b);

cov (RHPL , RRTPL )

=

il-kovarjanza kkalkolata f’konformità mal-paragrafu 3, il-punt (c), bejn is-serje kronoloġika tal-gradi RHPL u RRTPL .

2.   L-istituzzjonijiet għandhom jipproduċu s-serje kronoloġika tal-gradi msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b), minn serje kronoloġika tal-oriġini billi jwettqu l-passi li ġejjin fl-ordni li ġejja:

(a)

għal kull osservazzjoni fis-serje kronoloġika ta’ oriġini, l-istituzzjonijiet għandhom jgħoddu l-għadd ta’ osservazzjonijiet b’valur aktar baxx minn dik l-osservazzjoni f’dik is-serje kronoloġika;

(b)

l-istituzzjonijiet għandhom jittikkettaw kull osservazzjoni bin-numru li jirriżulta mill-kalkolu stabbilit fil-punt (a) miżjud b’wieħed;

(c)

fejn, b’riżultat tat-tikkettar f’konformità mal-punt (b), żewġ osservazzjonijiet jew aktar ikunu ttikkettati bl-istess numru, l-istituzzjonijiet għandhom ukoll iżidu n-numri ta’ dawk it-tikketti bil-frazzjoni li ġejja:

Formula

fejn N hija ugwali għall-kwantità tat-tikketti bl-istess numru;

(d)

l-istituzzjonijiet għandhom iqisu is-serje kronoloġika tat-tikketti miksuba f’konformità mal-punti (b) u (c) bħala serje kronoloġika ta’ gradi.

3.   L-istituzzjonijiet għandhom jikkalkolaw id-devjazzjoni standard tas-serje kronoloġika tal-gradi RHPL f’konformità mal-formula stabbilita fil-punt (a), id-devjazzjoni standard tas-serje kronoloġika tal-gradi RRTPL f’konformità mal-formula stabbilita fil-punt (b), u l-kovarjanza bejn dawk is-serje kronoloġiċi f’konformità mal-formula stabbilita fil-punt (c) kif ġej:

(a)

Formula

;

(b)

Formula

;

(c)

Formula

;

Fejn:

I

=

l-indiċi li jindika l-osservazzjoni fis-serje kronoloġika tal-gradi;

Formula

=

l-osservazzjoni ‘i-th’ tas-serje kronoloġika tal-gradi R HPL ;

Formula

=

il-medja tas-serje kronoloġika tal-gradi RHPL;

Formula

=

l-osservazzjoni “i-th” tas-serje kronoloġika tal-gradi RRTPL ;

Formula

=

il-medja tas-serje kronoloġika tal-gradi RRTPL .

Artikolu 8

Kalkolu tal-metrika tat-test ta’ Kolmogorov-Smirnov

1.   L-istituzzjonijiet għandhom jikkalkolaw il-metrika tat-test ta’ Kolmogorov-Smirnov imsemmija fl-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament billi jwettqu l-passi li ġejjin fl-ordni li ġejja:

(a)

huma għandhom jiddeterminaw is-serje kronoloġika tal-aktar 250 jum ta’ xogħol riċenti ta’ osservazzjonijiet tal-bidliet ipotetiċi u teoretiċi fil-valur tal-portafoll tal-post tan-negozjar;

(b)

huma għandhom jikkalkolaw il-funzjoni ta’ distribuzzjoni kumulattiva empirika tal-bidliet ipotetiċi fil-valur tal-portafoll tal-post tan-negozjar mis-serje kronoloġika tal-bidliet ipotetiċi msemmija fil-punt (a);

(c)

huma għandhom jikkalkolaw il-funzjoni ta’ distribuzzjoni kumulattiva empirika tal-bidliet teoretiċi fil-valur tal-portafoll tal-post tan-negozjar mis-serje kronoloġika tal-bidliet teoretiċi msemmija fil-punt (a);

(d)

huma għandhom jiksbu l-metrika tat-test ta’ Kolmogorov-Smirnov billi jikkalkolaw id-differenza massima bejn iż-żewġ distribuzzjonijiet kumulattivi empiriċi kkalkolati f’konformità mal-punti (b) u (c) fi kwalunkwe valur possibbli ta’ profitt u telf.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-funzjoni ta’ distribuzzjoni empirika miksuba minn serje kronoloġika għandha tiġi mifhuma bħala l-funzjoni li, jekk jitqies kwalunkwe numru bħala input, tirriżulta fil-proporzjon tal-għadd ta’ osservazzjonijiet fis-serje kronoloġika b’valur aktar baxx min-numru tal-input, jew daqsu, għall-għadd totali ta’ osservazzjonijiet fis-serje kronoloġika.

Artikolu 9

Speċifikazzjoni tal-kriterji meħtieġa biex jiġi żgurat li l-bidliet teoretiċi u l-bidliet ipotetiċi fil-valur ta’ portafoll ta’ post tan-negozjar ikunu qrib biżżejjed

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 325bg(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet għandhom jikklassifikaw kull wieħed mill-postijiet tan-negozjar bħala post ta’ żona ħadra, oranġjo, safra jew ħamra f’konformtià mal-paragrafi 2 sa 5.

Meta post tan-negozjar jiġi kklassifikat bħala post ta’ żona ħadra, bidliet teoretiċi u l-bidliet ipotetiċi fil-valur tal-portafoll ta’ dak il-post tan-negozjar għandhom jitqiesu qrib biżżejjed.

Meta post tan-negozjar ikun ikklassifikat bħala post ta’ żona oranġjo, safra jew ħamra, bidliet teoretiċi u l-bidliet ipotetiċi fil-valur tal-portafoll ta’ dak il-post tan-negozjar ma għandhomx jitqiesu qrib biżżejjed.

2.   Post tan-negozjar għandu jiġi kklassifikat bħala “post ta’ żona ħadra” meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-koeffiċjent ta’ korrelazzjoni ta’ Spearman għall-post tan-negozjar, ikkalkolat f’konformità mal-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament, ikun akbar minn 0,8;

(b)

il-metrika tat-test ta’ Kolmogorov-Smirnov għall-post tan-negozjar, ikkalkolata f’konformità mal-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament, tkun inqas minn 0,09.

3.   Post tan-negozjar għandu jiġi kklassifikat bħala “post ta’ żona ħamra” meta tiġi ssodisfata xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet:

(a)

il-koeffiċjent ta’ korrelazzjoni ta’ Spearman għall-post tan-negozjar, ikkalkolat f’konformità mal-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament, ikun inqas minn 0,7;

(b)

il-metrika tat-test ta’ Kolmogorov-Smirnov għall-post tan-negozjar, ikkalkolata f’konformità mal-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament, tkun akbar minn 0,12.

4.   Post tan-negozjar għandu jiġi kklassifikat bħala “post ta’ żona oranġjo” meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-post tan-negozjar ma jkunx ikklassifikat jew bħala post ta’ żona ħadra jew bħala post ta’ żona ħamra;

(b)

ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji għall-pożizzjonijiet kollha assenjati lil dak il-post tan-negozjar ikunu ġew ikkalkolati fit-trimestru preċedenti abbażi tal-approċċ standardizzat alternattiv stabbilit fil-Parti Tlieta, it-Titolu IV, tal-Kapitolu 1a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

5.   Post tan-negozjar li ma jkunx ikklassifikat bħala post ta’ żona ħadra, oranġjo jew ħamra, għandu jiġi kklassifikat bħala “post ta’ żona safra”.

Artikolu 10

Konsegwenzi għall-postijiet tan-negozjar li jkunu kklassifikati bħala uffiċċji ta’ żona safra, oranġjo jew ta’ ħamra

1.   L-istituzzjonijiet li jikkalkolaw ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji f’konformità mal-approċċ alternattiv ta’ mudell intern stabbilit fil-Parti Tlieta, it-Titolu IV, tal-Kapitolu 1b tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għal pożizzjonijiet assenjati lill-postijiet tan-negozjar li jkunu ġew ikklassifikati bħala ħomor, oranġjo jew sofor f’konformità mal-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament għandhom jikkalkolaw, fir-rigward ta’ dawk il-pożizzjonijiet, ħlas addizzjonali kapitali f’konformità mal-formula li ġejja:

Formula

Fejn:

k

=

kif speċifikat fil-paragrafu 2;

SAima

=

ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskji tas-suq ikkalkolati f’konformità mal-approċċ standardizzat alternattiv stabbilit fil-Parti Tlieta, it-Titolu IV, tal-Kapitolu 1a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għall-portafoll tal-pożizzjonijiet kollha assenjati lill-postijiet tan-negozjar li għalihom l-istituzzjoni tikkalkula r-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskji tas-suq f’konformità mal-approċċ alternattiv tal-mudell intern alternattiv fil-Parti Tlieta, it-Titolu IV, tal-Kapitolu 1b tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

IMAima

=

ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskji tas-suq ikkalkolati f’konformità mal-approċċ alternattiv tal-mudell intern stabbilit fil-Parti Tlieta, it-Titolu IV, tal-Kapitolu 1b tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għall-portafoll tal-pożizzjonijiet kollha assenjati lill-postijiet tan-negozjar li għalihom l-istituzzjoni tikkalkula r-rekwiżiti ta’ fondi proprji f’konformità mal-Parti Tlieta, it-Titolu IV, tal-Kapitolu 1b tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-koeffiċjent k għandu jiġi kkalkolat f’konformità mal-formula li ġejja:

Formula

Fejn:

SA i

=

ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskji tas-suq ikkalkolati f’konformità mal-approċċ standardizzat alternattiv stabbilit fil-Parti Tlieta, it-Titolu IV, tal-Kapitolu 1a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għall-pożizzjonijiet kollha attribwiti lill-post tan-negozjar “i”;

Formula

=

l-indiċijiet tal-postijiet tan-negozjar kollha li jkunu ġew ikklassifikati bħala ħomor, oranġjo jew sofor f’konformità mal-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament fost dawk li għalihom ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskji tas-suq jiġu kkalkolati f’konformità mal-approċċ alternattiv tal-mudell intern stabbilit fil-Parti Tlieta, tat-Titolu IV, tal-Kapitolu 1b tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

Formula

=

l-indiċijiet tal-postijiet tan-negozjar kollha li għalihom ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskji tas-suq jiġu kkalkolati f’konformità mal-approċċ tal-mudell intern alternattiv stabbilit fil-Parti Tlieta, it-Titolu IV, tal-Kapitolu 1b tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

3.   L-istituzzjonijiet li jikkalkolaw ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskji tas-suq f’konformità mal-approċċ alternattiv tal-mudell intern stabbilit fil-Parti Tlieta, it-Titolu IV, tal-Kapitolu 1b tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għall-pożizzjonijiet assenjati lill-postijiet tan-negozjar li jkunu ġew ikklassifikati bħala postijiet ta’ żona ħamra jew oranġjo f’konformità mal-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament għandhom jinformaw lill-awtorità kompetenti b’dan meta jirrapportaw ir-riżultati tar-rekwiżit tal-attribuzzjoni tal-profitt u t-telf f’konformità mal-Artikolu 325az(2), il-punt (d), tar-Regolament (UE) Nru 2013/575.

Artikolu 11

Frekwenza tal-valutazzjoni ta’ konformità mar-rekwiżit tal-attribuzzjoni tal-profitt u t-telf

L-istituzzjonijiet għandhom jivvalutaw il-konformità mar-rekwiżit tal-attribuzzjoni tal-profitt u t-telf fuq bażi trimestrali għall-postijiet tan-negozjar kollha li għalihom dawk l-istituzzjonijiet ikollhom il-permess imsemmi fl-Artikolu 325az(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 biex jikkalkolaw ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji bl-użu ta’ mudelli interni.

Taqsima 2

Elementi tekniċi li għandhom jiġu inklużi fil-bidliet teoretiċi u ipotetiċi fil-valur tal-portafoll tal-post tan-negozjar għall-finijiet tar-rekwiżit tal-attribuzzjoni tal-profitt u t-telf

Artikolu 12

Elementi tekniċi li għandhom jiġu inklużi fil-bidliet teoretiċi fil-valur tal-portafoll tal-post tan-negozjar

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 325bg tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet għandhom jikkalkolaw il-bidliet teoretiċi f’valur tal-portafoll tal-post tan-negozjar abbażi ta’ tqabbil bejn il-valur ta’ tmiem il-jum tal-portafoll u, jekk wieħed jassumi pożizzjonijiet mhux mibdula fil-portafoll tal-post tan-negozjar, il-valur ta’ dak il-portafoll fi tmiem il-jum sussegwenti.

2.   L-istituzzjonijiet għandhom jikkalkolaw il-bidliet teoretiċi f’portafoll tal-post tan-negozjar billi jużaw l-istess tekniki, inklużi l-istess metodi ta’ pprezzar, il-parametrizzazzjonijiet tal-mudell u d-data tas-suq bħal dawk użati fil-mudell tal-kejl tar-riskji.

3.   Il-bidliet teoretiċi fil-valur tal-portafoll tal-post tan-negozjar għandhom jinkludu biss il-bidliet fil-valur tal-fatturi kollha ta’ riskju inklużi fil-mudell tal-kejl tar-riskji li għalih l-istituzzjonijiet japplikaw ix-xenarji ta’ xokkijiet futuri.

Artikolu 13

Elementi tekniċi li għandhom jiġu inklużi fil-bidliet ipotetiċi fil-valur tal-portafoll tal-post tan-negozjar għar-rekwiżit tal-attribuzzjoni tal-profitt u t-telf

Għall-finijiet tal-Artikolu 325bg tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet għandhom jikkalkolaw il-bidliet ipotetiċi fil-valur tal-portafoll tal-post tan-negozjar f’konformità mal-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 14

Allinjament tad-data għar-rekwiżiti tal-attribuzzjoni tal-profitt u t-telf

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 325bg tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet jistgħu jissostitwixxu l-valur tad-data tal-input għal fattur ta’ riskju partikolari użat fil-kalkolu tal-bidliet teoretiċi fil-valur tal-portafoll tal-post tan-negozjar bil-valur tad-data tal-input tal-istess natura għall-istess fattur ta’ riskju użat fil-kalkolu tal-bidliet ipotetiċi fil-valur tal-portafoll tal-post tan-negozjar, dment li tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

id-differenzi fid-data tal-input ikunu dovuti għall-fatt li d-data tkun inkisbet minn fornituri differenti tad-data;

(b)

id-differenzi fid-data tal-input ikunu dovuti għall-fatt li d-data tal-input tiġi estratta mis-sors tad-data tas-suq f’ħinijiet differenti matul l-istess jum ta’ negozju.

2.   Għall-finijiet tal-Artikolu 325bg tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-istituzzjonijiet jistgħu jissostitwixxu l-valur ta’ fattur ta’ riskju użat fil-kalkolu tal-bidliet teoretiċi fil-valur tal-portafoll tal-post tan-negozjar bil-valur tal-istess fattur ta’ riskju użat fil-kalkolu tal-bidliet ipotetiċi fil-valur tal-portafoll tal-post tan-negozjar fejn dawn il-kundizzjonijiet kollha jiġu ssodisfati:

(a)

il-fattur ta’ riskju użat fil-kalkolu tal-bidliet ipotetiċi fil-valur tal-portafoll tal-post tan-negozjar ma jikkorrispondix direttament mad-data tal-input;

(b)

il-fattur tar-riskju jkun ġie derivat mid-data tal-input bl-użu ta’ tekniki tas-sistemi ta’ valutazzjoni użati għall-bidliet ipotetiċi fil-valur tal-portafoll tal-post tan-negozjar;

(c)

l-ebda waħda mit-tekniki tas-sistemi ta’ valutazzjoni msemmija fil-punt (b) ma tkun ġiet mibnija mill-ġdid fis-sistemi ta’ valutazzjoni użati fil-mudell tal-kejl tar-riskji sabiex jiġi derivat il-valur tal-fattur tar-riskju li jintuża fil-kalkolu tal-bidliet teoretiċi fil-valur tal-portafoll tal-post tan-negozjar.

Artikolu 15

Rekwiżiti ta’ dokumentazzjoni

1.   L-istituzzjonijiet għandu jkollhom fis-seħħ politiki u proċeduri li jistabbilixxu kif jikkalkolaw il-bidliet teoretiċi f’konformità mal-Artikoli 12 u 14 ta’ dan ir-Regolament, li għandu jkun fihom spjegazzjoni ta’ kif il-bidliet teoretiċi fil-valur tal-portafoll tal-post tan-negozjar jiġu kkalkolati għal fatturi ta’ riskju li jistgħu jiġu mmudellati u dawk li ma jistgħux.

2.   Meta jfasslu l-proċeduri għall-allinjament tad-data kif imsemmi fl-Artikolu 14 ta’ dan ir-Regolament, l-istituzzjonijiet għandhom japplikaw dawn it-tnejn li ġejjin:

(a)

huma għandhom iqabblu l-bidliet teoretiċi fil-valur tal-portafoll tal-post tan-negozjar mingħajr l-allinjamenti msemmija fl-Artikolu 14 ta’ dan ir-Regolament mal-bidliet teoretiċi fil-valur tal-portafoll tal-post tan-negozjar mal-allinjamenti msemmija fl-Artikolu 14 ta’ dan ir-Regolament, u għandhom jiddokumentaw dak it-tqabbil;

(b)

huma għandhom jivvalutaw l-effett tal-allinjamenti fuq il-metriċi tat-testijiet użati għall-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżit tal-attribuzzjoni tal-profitt u t-telf imsemmi fl-Artikoli 7 u 8 ta’ dan ir-Regolament u jiddokumentaw dik il-valutazzjoni.

3.   L-istituzzjonijiet għandhom jiddokumentaw kwalunkwe aġġustament, imwettaq f’konformità mal-Artikolu 14 ta’ dan ir-Regolament, għad-data tal-input għall-fatturi ta’ riskju fil-kalkolu tal-bidliet teoretiċi fil-portafoll tal-post tan-negozjar, kif ukoll ir-raġunament għal tali aġġustamenti.

Taqsima 3

Rekwiżiti ta’ fondi proprji kkalkolati f’konformità mal-approċċ alternattiv tal-mudell intern

Artikolu 16

Kalkolu tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskju tas-suq skont l-approċċ alternattiv tal-mudell intern għall-istituzzjonijiet li għandhom postijiet tan-negozjar

L-istituzzjonijiet li jikkalkolaw ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskji tas-suq f’konformità mal-approċċ alternattiv tal-mudell intern stabbilit fil-Parti Tlieta, it-Titolu IV, tal-Kapitolu 1b tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għall-pożizzjonijiet assenjati lil xi wħud mill-postijiet tan-negozjar tagħhom għandhom jikkalkolaw ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji għall-pożizzjonijiet kollha tagħhom fil-portafoll tan-negozjar u għall-pożizzjonijiet kollha tagħhom fil-portafoll mhux tan-negozjar li jiġġeneraw riskji ta’ kambju jew komoditajiet barranin bħala s-somma tar-riżultati tal-formuli stabbiliti fil-punti (a) u (b) kif ġej:

(a)

Formula

(b)

Formula

Fejn:

IMAima

=

IMAima kif speċifikat fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament;

SAima

=

SAima kif speċifikat fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament;

Ħlas addizzjonali kapitali

=

il-ħlas addizzjonali kapitali kkalkolat f’konformità mal-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament;

C U

=

ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji kkalkolati f’konformità mal-Parti Tlieta, it-Titolu IV, tal-Kapitolu 1a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għall-portafoll ta’ pożizzjonijiet mhux assenjati lill-postijiet tan-negozjar li għalihom l-istituzzjonijiet jikkalkolaw ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskji tas-suq f’konformità mal-approċċ alternattiv tal-mudell intern stabbilit fil-Parti Tlieta, it-Titolu IV, tal-Kapitolu 1b, tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

SAil-postijietkollha

=

ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskji tas-suq tal-pożizzjonijiet kollha tal-portafoll tan-negozjar u l-pożizzjonijiet kollha tal-portafoll mhux tan-negozjar li jiġġeneraw riskji tal-kambju jew tal-komoditajiet f’konformità mal-approċċ alternattiv tal-mudell intern stabbilit fil-Parti Tlieta, it-Titolu IV, tal-Kapitolu 1a tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Ġunju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).


Top