This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32022R0805
Commission Delegated Regulation (EU) 2022/805 of 16 February 2022 supplementing Regulation (EU) 2016/1011 of the European Parliament and of the Council by specifying fees applicable to the supervision by the European Securities Markets Authority of certain benchmark administrators (Text with EEA relevance)
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/805 tas-16 ta’ Frar 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jispeċifika t-tariffi applikabbli għas-superviżjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq ta’ ċerti amministraturi ta’ parametri referenzjarji (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/805 tas-16 ta’ Frar 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jispeċifika t-tariffi applikabbli għas-superviżjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq ta’ ċerti amministraturi ta’ parametri referenzjarji (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
C/2022/851
ĠU L 145, 24.5.2022, p. 14–19
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Completion | 32016R1011 | 27/05/2022 |
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Modified by | 32024R1705 | Żieda | artikolu 2a | 01/01/2025 | |
Modified by | 32024R1705 | Sostituzzjoni | artikolu 5 paragrafu mhux numerat 1 | 01/01/2025 | |
Modified by | 32024R1705 | Sostituzzjoni | artikolu 6 | 01/01/2025 | |
Modified by | 32024R1705 | Sostituzzjoni | artikolu 7 paragrafu 2 | 01/01/2025 |
24.5.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 145/14 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/805
tas-16 ta’ Frar 2022
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jispeċifika t-tariffi applikabbli għas-superviżjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq ta’ ċerti amministraturi ta’ parametri referenzjarji
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 48 l(3) tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 48 l tar-Regolament (UE) 2016/1011 jirrikjedi li l-ESMA titlob lill-amministraturi ta’ parametri referenzjarji kritiċi u lill-amministraturi ta’ parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi tariffi assoċjati mal-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 34 u għal rikonoxximent skont l-Artikolu 32 ta’ dak ir-Regolament u t-tariffi annwali assoċjati mat-twettiq tal-kompiti tagħha f’konformità ma’ dak ir-Regolament fir-rigward ta’ parametri referenzjarji kritiċi u amministraturi ta’ parametri referenzjarji rikonoxxuti ta’ pajjiżi terzi. L-Artikolu 48 l(2) tar-Regolament (UE) 2016/1011 jirrikjedi li tali tariffi jkunu proporzjonati għall-fatturat tal-amministratur tal-parametru referenzjarju kkonċernat u jkopru l-kostijiet kollha mġarrba mill-ESMA għall-awtorizzazzjoni jew għar-rikonoxximent u għat-twettiq tal-kompiti tagħha fir-rigward tal-amministraturi ta’ parametri referenzjarji kritiċi u tal-amministraturi ta’ parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi f’konformità ma’ dak ir-Regolament. |
(2) |
It-tariffi imposti għall-attivitajiet tal-ESMA relatati mal-amministraturi ta’ parametri referenzjarji kritiċi u ta’ parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’livell sabiex tiġi evitata akkumulazzjoni sinifikanti ta’ defiċit jew surplus. Fejn ikun hemm surplus jew defiċit sinifikanti rikorrenti, il-livell tat-tariffi jenħtieġ li jiġi rivedut. |
(3) |
It-tariffi assoċjati mal-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni (“tariffi ta’ awtorizzazzjoni”) u rikonoxximent (“tariffi ta’ rikonoxximent”) jenħtieġ li jiġu imposti fuq l-amministraturi ta’ parametri referenzjarji kritiċi u ta’ pajjiżi terzi biex ikopru l-kostijiet tal-ESMA għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni u rikonoxximent, inkluż il-kostijiet għall-verifika li l-applikazzjonijiet huma kompluti, għat-talba għal informazzjoni addizzjonali, għall-abbozzar ta’ deċiżjonijiet u kostijiet relatati mal-valutazzjoni tal-importanza sistemika ta’ parametri referenzjarji kritiċi kif ukoll il-konformità ta’ amministraturi ta’ parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi. |
(4) |
Meta wieħed iqis li l-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet hija ugwalment intensiva fir-riżorsi kemm jekk tiġi sottomessa minn amministraturi kbar kif ukoll żgħar, it-tariffa ta’ rikonoxximent jenħtieġ li tkun tariffa ta’ rikonoxximent ta’ somma f’daqqa identika għall-amministraturi kollha ta’ pajjiżi terzi. |
(5) |
Abbażi tal-ammont ta’ xogħol mistenni u l-kost li dan jirrappreżenta għall-ESMA, li għandu jkun kopert bis-sħiħ mit-tariffa ta’ rikonoxximent ta’ darba, il-kost tal-valutazzjoni ta’ applikazzjoni għal rikonoxximent jenħtieġ li jiġi stabbilit għal EUR 40 000. |
(6) |
Il-parametri referenzjarji kritiċi huma soġġetti għal skrutinju aktar intens skont ir-Regolament (UE) 2016/1011, u l-amministraturi tagħhom iridu jikkonformaw ma’ rekwiżiti organizzazzjonali aktar stretti. B’riżultat ta’ dan, il-proċess ta’ awtorizzazzjoni jirrappreżenta ammont ta’ xogħol ogħla għall-ESMA. Għalhekk, it-tariffa ta’ awtorizzazzjoni għall-amministratur ta’ parametru referenzjarju kritiku jenħtieġ li tkun ogħla b’mod sinifikanti mit-tariffa għall-valutazzjoni ta’ applikazzjoni għal rikonoxximent. |
(7) |
Sabiex jiġu promossi l-kwalità u l-kompletezza tal-applikazzjonijiet riċevuti u f’konformità mal-approċċ tal-ESMA lejn ir-reġistrazzjoni tal-entitajiet li tissorvelja, it-tariffa ta’ rikonoxximent jenħtieġ li tkun dovuta fiż-żmien tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni. |
(8) |
It-tariffi annwali għandhom jiġu imposti wkoll fuq l-amministraturi ta’ parametri referenzjarji kritiċi u ta’ parametru referenzjarju rikonoxxut ta’ pajjiż terz biex ikopru l-kostijiet tal-ESMA għat-twettiq tal-kompiti tagħha skont ir-Regolament (UE) 2016/1011 fir-rigward tas-superviżjoni kontinwa ta’ tali amministraturi. Għal parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi, tali tariffi jenħtieġ li jkopru l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ arranġamenti ta’ kooperazzjoni ma’ awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi u l-monitoraġġ ta’ żviluppi regolatorji u superviżorji f’pajjiżi terzi. Għal parametri referenzjarji kritiċi, it-tariffi jenħtieġ li jkopru wkoll l-ispejjeż sostnuti mill-ESMA fir-rigward tas-superviżjoni fuq bażi kontinwa tal-konformità minn dawk l-amministraturi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 48 l u fit-Titoli VI tar-Regolament (UE) 2016/1011, inkluż permezz ta’ konformità komparabbli, fejn tingħata. |
(9) |
Il-kost tas-superviżjoni kontinwa ta’ parametru referenzjarju kritiku jiddependi fuq jekk dan jirrikjedix li l-ESMA tikkostitwixxi u tippresjedi kulleġġ ta’ superviżuri għal dak il-parametru referenzjarju, li jirrappreżenta ammont ta’ xogħol addizzjonali konsiderevoli. B’riżultat ta’ dan, huwa xieraq li ssir distinzjoni bejn iż-żewġ każijiet fl-istabbiliment ta’ tariffi ta’ superviżjoni. B’kuntrast ma’ dan, jenħtieġ li fil-kategorija ta’ parametri referenzjarji kritiċi ma jkunx meħtieġ li ssir distinzjoni bejn it-tariffi ta’ superviżjoni f’konformità mal-fatturat annwali tal-amministratur, peress li l-parametri referenzjarji kritiċi minnhom infushom għandhom impatt sistemiku fl-Unjoni. |
(10) |
L-applikazzjoni għal rikonoxximent fl-Unjoni hija deċiżjoni li tittieħed mill-amministraturi ta’ parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi għal raġunijiet kummerċjali, peress li l-offerta tal-parametri referenzjarji tagħhom fl-Unjoni hija mistennija li tiġġenera dħul. Għalhekk, għall-amministraturi ta’ parametri referenzjarji rikonoxxuti ta’ pajjiżi terzi, it-tariffi superviżorji jenħtieġ li jiġu modulati bħala funzjoni tad-dħul li jirriżultaw mill-użu ta’ dawn il-parametri referenzjarji fl-Unjoni. F’każijiet fejn ma jiġi ġġenerat l-ebda dħul, jenħtieġ li tiġi stabbilita tariffa superviżorja minima għal EUR 20 000. |
(11) |
Sabiex jiġu skoraġġuti applikazzjonijiet ripetuti jew bla bażi, jenħtieġ li t-tariffi ta’ rikonoxximent u ta’ awtorizzazzjoni ma jiġux rimborżati f’każ fejn applikant jirtira l-applikazzjoni tiegħu. Peress li l-ħidma amministrattiva meħtieġa fil-każ ta’ applikazzjoni għal rikonoxximent jew għal awtorizzazzjoni li tiġi rrifjutata hija l-istess bħal dik meħtieġa fil-każ ta’ applikazzjoni li tiġi aċċettata, it-tariffi ta’ rikonoxximent u t-tariffi ta’ awtorizzazzjoni jenħtieġ li ma jiġux rimborżati jekk l-awtorizzazzjoni jew ir-rikonoxximent jiġi rifjutat. |
(12) |
F’konformità mar-Regolament (UE) 2021/168 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi jistgħu jintużaw fl-Unjoni mingħajr il-ħtieġa li l-amministraturi rilevanti jfittxu ekwivalenza, rikonoxximent jew approvazzjoni f’perjodu tranżitorju estiż sal-2023. Matul dan il-perjodu tranżitorju, ir-rikonoxximent fl-Unjoni huwa reġim ta’ inklużjoni fakultattiva għall-amministraturi ta’ parametri referenzjarji li jinsabu f’pajjiżi terzi, li jindika li l-parametri referenzjarji tagħhom se jibqgħu disponibbli għall-użu fl-Unjoni wara li jintemm il-perjodu tranżitorju. B’konsegwenza, matul tali perjodu, id-dispożizzjonijiet dwar it-tariffi ta’ rikonoxximent u superviżorji jenħtieġ li japplikaw biss għall-amministraturi li jinsabu f’pajjiżi terzi li jkunu applikaw b’mod volontarju għal rikonoxximent qabel l-iskadenza tal-perjodu tranżitorju introdott mir-Regolament (UE) 2021/168 u fejn l-awtorità nazzjonali kompetenti rilevanti jew l-ESMA tkun tat rikonoxximent. |
(13) |
Dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b’urġenza biex tiġi żgurata l-applikazzjoni bla xkiel tas-setgħat superviżorji l-ġodda attribwiti lill-ESMA, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar it-tariffi li l-ESMA tista’ timponi fuq l-amministraturi ta’ parametri referenzjarji fir-rigward tal-awtorizzazzjoni, ir-rikonoxximent u s-superviżjoni.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
“parametru referenzjarju kritiku” tfisser parametru referenzjarju kritiku skont l-Artikolu 20(1), il-punti (a) u (c), tar-Regolament (UE) 2016/1011; |
(2) |
“parametru referenzjarju ta’ pajjiż terz” tfisser parametru referenzjarju li l-amministratur tiegħu jinsab barra mill-Unjoni. |
Artikolu 3
Tariffi ta’ rikonoxximent u tariffi ta’ awtorizzazzjoni
1. Amministratur ta’ parametru referenzjarju stabbilit f’pajjiż terz li japplika għal rikonoxximent skont l-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) 2016/1011 għandu jħallas tariffa ta’ rikonoxximent ta’ EUR 40 000.
2. L-amministratur ta’ parametru referenzjarju kritiku li japplika għal awtorizzazzjoni f’konformità mal-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) 2016/1011 għandu jħallas tariffa tal-applikazzjoni ta’ EUR 250 000.
3. It-tariffa tal-awtorizzazzjoni u t-tariffa ta’ rikonoxximent għandhom jitħallsu fiż-żmien tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni, mal-wasla tan-nota ta’ debitu tal-ESMA.
4. Fil-każ tal-applikazzjonijiet li jaslu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti wara l-1 ta’ Ottubru 2021 u ttrasferiti lill-ESMA, it-tariffi ta’ rikonoxximent għandhom jitħallsu fil-bidu tal-2022.
5. It-tariffi ta’ rikonoxximent u t-tariffi ta’ awtorizzazzjoni ma għandhomx jiġu rimborżati.
Artikolu 4
Tariffi superviżorji annwali
1. L-amministratur ta’ parametru referenzjarju kritiku wieħed jew aktar għandu jħallas tariffa superviżorja annwali:
(a) |
ta’ EUR 250 000, f’każijiet fejn l-ESMA jkollha tippresjedi kulleġġ ta’ superviżuri skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2016/1011; |
(b) |
ta’ EUR 200 000, f’każijiet fejn l-ESMA ma jkollhiex għalfejn tippresjedi kulleġġ ta’ superviżuri skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2016/1011. |
2. Amministratur ta’ parametru referenzjarju stabbilit f’pajjiż terz rikonoxxut mill-ESMA għandu jħallas tariffa superviżorja annwali kkalkulata kif ġej:
(a) |
it-tariffa superviżorja annwali għal sena partikolari (n) għandha tkun it-tariffa annwali totali għall-amministraturi rikonoxxuti ta’ pajjiżi terzi aġġustata mill-koeffiċjent tal-fatturat; |
(b) |
it-tariffa annwali totali għall-amministraturi rikonoxxuti ta’ pajjiżi terzi għal sena partikolari (n) għandha tkun ugwali għall-baġit superviżorju tal-ESMA għar-Regolament (UE) 2016/1011 għal dik is-sena (n) bit-tnaqqis tat-tariffi superviżorji annwali li għandhom jitħallsu lill-ESMA minn amministraturi ta’ parametri referenzjarji kritiċi għas-sena (n); |
(c) |
għal kull amministratur ta’ pajjiż terz, il-koeffiċjent tal-fatturat għandu jkun is-sehem tiegħu tal-fatturat applikabbli fil-fatturat aggregat iġġenerat mill-amministraturi rikonoxxuti kollha ta’ pajjiżi terzi |
(d) |
it-tariffa superviżorja annwali minima għall-amministraturi rikonoxxuti ta’ pajjiżi terzi għandha tkun ta’ EUR 20 000, inkluż meta l-fatturat applikabbli tal-amministratur rikonoxxut ta’ pajjiż terz ikun ta’ żero. |
3. L-amministraturi ta’ parametri referenzjarji għandhom iħallsu t-tariffi superviżorji annwali rilevanti tagħhom lill-ESMA sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu tas-sena kalendarja li fiha jkunu dovuti. Jekk l-informazzjoni għas-snin kalendarji preċedenti ma tkunx disponibbli, it-tariffi għandhom jiġu kkalkulati abbażi tal-aħħar informazzjoni disponibbli għat-tariffi annwali. It-tariffi annwali mħallsa ma jiġux rimborżati.
Artikolu 5
Tariffi superviżorji annwali fis-sena ta’ rikonoxximent jew awtorizzazzjoni
B’deroga mill-Artikolu 4, it-tariffa superviżorja fl-ewwel sena għall-amministraturi rikonoxxuti ta’ pajjiżi terzi u għall-amministraturi ta’ parametri referenzjarji kritiċi awtorizzati, b’referenza għas-sena li fiha jkunu ġew rikonoxxuti jew awtorizzati għandhom jiġu kkalkolati billi titnaqqas it-tariffa superviżorja u tiġi aġġustata bil-koeffiċjent li ġej:
It-tariffa superviżorja tal-ewwel sena għandha titħallas wara li l-amministratur ikun ġie nnotifikat mill-ESMA li l-applikazzjoni tiegħu tkun irnexxiet u fi żmien 30 jum mid-data tal-ħruġ tan-nota ta’ debitu rilevanti tal-ESMA.
B’deroga, meta amministratur ta’ parametru referenzjarju jkun awtorizzat matul ix-xahar ta’ Diċembru, dan ma għandux iħallas tariffa superviżorja tal-ewwel sena.
Artikolu 6
Fatturat applikabbli
Il-fatturat ta’ amministratur ta’ parametru referenzjarju ta’ pajjiż terz rikonoxxut għandu jkun id-dħul tiegħu akkumulat fir-rigward tal-użu tal-parametri referenzjarji tiegħu minn entitajiet taħt superviżjoni fl-Unjoni matul is-sena finanzjarja kompluta l-aktar reċenti tal-amministratur ta’ parametru referenzjarju.
Amministratur ta’ parametru referenzjarju rikonoxxut ta’ pajjiż terz għandu jipprovdi lill-ESMA, fuq bażi annwali, b’ċifri awditjati li jikkonfermaw id-dħul tiegħu akkumulat fir-rigward tal-użu tal-parametri referenzjarji tiegħu fl-Unjoni. Iċ-ċifri għandhom jiġu ċċertifikati minn awditu estern u għandhom jiġu sottomessi lill-ESMA b’mezzi elettroniċi qabel it-30 ta’ Settembru ta’ kull sena. Jekk amministratur ta’ pajjiż terz jiġi rikonoxxut wara t-30 ta’ Settembru ta’ sena kalendarja, dan għandu jipprovdi ċ-ċifri immedjatament mar-rikonoxximent u sa tmiem is-sena kalendarja tar-rikonoxximent. Id-dokumenti li fihom ċifri awditjati għandhom jiġu pprovduti f’lingwa li tintuża mis-servizzi finanzjarji.
Jekk id-dħul rapportat jiġi espress f’munita għajr l-euro, l-ESMA għandha tikkonvertih f’ammont f’euro permezz tar-rata medja tal-kambju tal-euro applikabbli għall-perjodu li matulu ġie rreġistrat id-dħul. Għal dan il-għan, għandha tintuża r-rata ta’ referenza tal-kambju tal-euro ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew.
L-amministraturi ta’ pajjiżi terzi rikonoxxuti qabel l-1 ta’ Jannar 2022 għandhom jipprovdu lill-ESMA bil-fatturat tagħhom tal-2020 sal-31 ta’ Jannar 2022.
Artikolu 7
Modalitajiet ġenerali ta’ pagament
1. It-tariffi kollha għandhom jitħallsu f’euro.
2. Kwalunkwe ħlas tard għandu jkun soġġett għal penali ta’ kuljum ugwali għal 0,1 % tal-ammont dovut.
Artikolu 8
Ħlas tat-tariffi ta’ applikazzjoni u ta’ awtorizzazzjoni
1. It-tariffi għall-applikazzjoni, l-awtorizzazzjoni jew l-estensjoni tal-awtorizzazzjoni għandhom ikunu dovuti fiż-żmien li japplika l-amministratur ta’ parametru referenzjarju u għandhom jitħallsu kollha fi żmien 30 jum mid-data tal-ħruġ tal-fattura tal-ESMA.
2. L-ESMA ma għandhiex tirrimborża t-tariffi lil amministratur ta’ parametru referenzjarju li jiddeċiedi li jirtira l-applikazzjoni tiegħu għal awtorizzazzjoni.
Artikolu 9
Ħlas tat-tariffi superviżorji annwali
1. It-tariffa superviżorja annwali msemmija fl-Artikolu 4 għal sena finanzjarja għandha titħallas lill-ESMA qabel il-31 ta’ Marzu tas-sena kalendarja li għaliha tkun dovuta. It-tariffi għandhom jiġu kkalkolati abbażi tal-aħħar informazzjoni disponibbli għat-tariffi annwali.
2. L-ESMA ma għandhiex tirrimborża t-tariffi superviżorji annwali.
3. L-ESMA għandha tibgħat il-fattura lill-amministratur tal-parametru referenzjarju mill-inqas 30 jum qabel ma jkun dovut il-ħlas.
Artikolu 10
Rimborż tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti
1. Fil-każ ta’ delega ta’ kompiti mill-ESMA lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, l-ESMA biss għandha timponi t-tariffa ta’ rikonoxximent u t-tariffi superviżorji annwali fuq l-amministraturi ta’ parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi u dawk kritiċi.
2. L-ESMA għandha tirrimborża awtorità nazzjonali kompetenti għall-kostijiet attwali mġarrba bħala riżultat tax-xogħol imwettaq skont ir-Regolament (UE) 2016/1011, b’ammont li jissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
l-ammont ikun maqbul mill-ESMA u mill-awtorità kompetenti qabel ma ssir id-delega tal-kompiti; |
(b) |
l-ammont huwa anqas mill-ammont totali ta’ tariffi superviżorji mħallsa lill-ESMA mill-amministraturi rilevanti tal-parametri referenzjarji. |
Artikolu 11
Dispożizzjonijiet tranżizzjonali
1. L-Artikolu 3 ma għandux japplika għal amministraturi ta’ parametri referenzjarji kritiċi u ta’ parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi diġà awtorizzati jew rikonoxxuti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
2. B’deroga mill-Artikolu 12(1), f’każ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ wara t-tielet xahar tal-2022, it-tariffi superviżorji annwali għall-2022 applikabbli għall-amministraturi ta’ parametri referenzjarji taħt is-superviżjoni tal-ESMA għandhom ikunu dovuti fi żmien 30 jum mid-data tal-ħruġ tal-fattura tal-ESMA.
3. Għall-finijiet tal-kalkolu fl-Artikolu 4(2) tat-tariffi superviżorji annwali applikabbli għall-amministraturi ta’ parametri referenzjarji taħt is-superviżjoni tal-ESMA għas-sena 2022, il-fatturat applikabbli għandu, b’deroga mill-Artikolu 4(2)(a)-(d), ikun ibbażat b’mod provviżorju fuq id-dħul iġġenerat fl-2021. Meta l-kontijiet awditjati matul l-2021 isiru disponibbli, l-amministraturi ta’ parametri referenzjarji għandhom jissottomettuhom lill-ESMA mingħajr dewmien. L-ESMA se tikkalkula mill-ġdid it-tariffi superviżorji annwali matul is-sena 2021 abbażi tal-kontijiet awditjati u se tissottometti fattura finali, għad-differenza, lil kull amministratur ta’ parametru referenzjarju.
Artikolu 12
Dħul fis-seħħ u data ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ u japplika fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Frar 2022.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1.
(2) Ir-Regolament (UE) 2021/168 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Frar 2021 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1011 fir-rigward tal-eżenzjoni ta’ ċerti parametri referenzjarji tal-kambju spot ta’ pajjiżi terzi u l-iffissar ta’ sostituti għal ċerti parametri referenzjarji li jkunu se jitwaqqfu, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 49, 12.2.2021, p. 6).