Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0244

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/244 tal-24 ta’ Settembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-ammont tal-marġni totali għall-kalkolu tal-fattur-K “marġni ċar mogħti” (K-CMG) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2021/6776

    ĠU L 41, 22.2.2022, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/244/oj

    22.2.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 41/1


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/244

    tal-24 ta’ Settembru 2021

    li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-ammont tal-marġni totali għall-kalkolu tal-fattur-K “marġni ċar mogħti” (K-CMG)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 575/2013, (UE) Nru 600/2014 u (UE) Nru 806/2014 (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 23(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Għall-finijiet tal-ispeċifikazzjoni tal-kalkolu tal-ammont tal- “marġni totali meħtieġ”, imsemmi fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament (UE) 2019/2033, u sabiex tiżdied iċ-ċarezza u l-konsistenza fir-rigward tal-komponenti tiegħu, jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-ammont tal-marġni totali meħtieġ jinkludi kwalunkwe kollateral meħtieġ mill-membru tal-ikklerjar skont il-mudell tal-marġni tiegħu.

    (2)

    Skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (UE) 2019/2033, il-marġni totali meħtieġ fuq bażi ta’ kuljum jintuża għall-kalkolu ta’ K-CMG. Meta l-membri tal-ikklerjar jadattaw il-marġni meħtieġ tagħhom fi żmien ġurnata, dan jirriżulta f’aktar minn sejħa waħda għall-marġni fl-istess jum. Sabiex tiġi evitata l-inċertezza dwar liema minn dawk ir-rekwiżiti ta’ marġni għandu jintuża u meta jitqies li t-tielet l-ogħla ammont matul perijodu ta’ tliet xhur għandu jintuża għall-kalkolu ta’ K-CMG, huwa meħtieġ li jiġi speċifikat li l-ammont ta’ marġni ta’ kuljum meħtieġ għandu jkun l-ogħla minn fost dawk ir-rekwiżiti ta’ marġni ta’ jum partikolari.

    (3)

    Id-ditti tal-investiment jistgħu jużaw is-servizzi tal-ikklerjar ta’ membri tal-ikklerjar multipli. Għal pożizzjonijiet li għalihom huwa applikat K-CMG, id-determinazzjoni tal-ammont tal-marġni totali meħtieġ mid-ditta tal-investiment għandha tkun komprensiva u tinkludi l-marġni sħiħ meħtieġ mill-membri tal-ikklerjar kollha. Għalhekk, meta ditta tal-investiment tuża K-CMG għal pożizzjonijiet li huma soġġetti għall-ikklerjar minn membri tal-ikklerjar multipli, is-CMG jenħtieġ li jiġi kkalkulat bħala s-somma tal-marġnijiet meħtieġa fost il-membri tal-ikklerjar kollha. Ditta tal-investiment għandha, għaldaqstant, l-ewwel tikkalkula l-ammont totali ta’ kuljum tal-marġni meħtieġ bħala s-somma tal-marġni totali meħtieġ mill-membri tal-ikklirjar kollha, qabel ma tiddetermina t-tielet l-ogħla ammont tal-marġnijiet totali meħtieġa fuq bażi ta’ kuljum kif meħtieġ mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament (UE) 2019/2033.

    (4)

    Għall-applikazzjoni ta’ K-CMG fuq bażi ta’ portafoll, fejn il-portafoll kollu huwa soġġett għal ikklerjar jew proviżjonament ta’ marġni, għandhom jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2019/2033. Għalhekk, portafoll ta’ pożizzjonijiet ikklerjati assenjat lil post tan-negozjar wieħed jista’ jagħmel użu minn K-CMG filwaqt li, fl-istess ħin, portafoll ta’ pożizzjonijiet ikklerjati assenjat lil post tan-negozjar ieħor jista’ jagħmel użu mill- “riskju ta’ pożizzjoni netta” tal-fattur-K (K-NPR). Sabiex jiġi evitat l-arbitraġġ, l-użu ta’ K-CMG u K-NPR fil-postijiet tan-negozjar għandu jkun konsistenti. Għalhekk, l-istess approċċ għandu jintuża għall-postijiet tan-negozjar li huma simili f’termini ta’ strateġija tan-negozju u pożizzjonijiet fil-portafoll tan-negozjar.

    (5)

    Għall-finijiet tal-valutazzjoni skont l-Artikolu 23(1), il-punt (e), tar-Regolament (UE) 2019/2033, l-awtorità kompetenti għandha tkun meħtieġa tivvaluta jekk l-approċċ K-CMG huwiex xieraq sa fejn dan jirrifletti l-profil tar-riskju tal-pożizzjonijiet tal-portafoll tan-negozjar tad-ditta tal-investiment. Ditta tal-investiment għandha tkun meħtieġa tqabbel regolarment il-valutazzjoni tar-riskju tagħha stess mal-marġini meħtieġa mill-membri tal-ikklerjar, għall-fini li tivvaluta jekk dawk il-marġnijiet għadhomx indikatur tajjeb tal-livell ta’ riskju għas-suq tad-ditta tal-investiment. Fil-punt tal-valutazzjoni mill-awtorità kompetenti, id-ditta tal-investiment jenħtieġ li tagħmel paragun bejn ir-rekwiżiti kapitali skont K-NPR u K-CMG u jenħtieġ li tkun tista’ tiġġustifika b’mod adegwat id-differenza bejn dawk ir-rekwiżiti kapitali lill-awtorità kompetenti. Valutazzjoni mill-awtorità kompetenti għandha tkun pożittiva biss meta jiġu ssodisfati dawn il-kundizzjonijiet kollha. B’mod partikolari, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li d-ditta ta’ investiment tkun kapaċi timmonitorja u tiġġustifika b’mod adegwat id-differenza bejn l-eżitu taż-żewġ metodoloġiji, K-NPR u K-CMG, speċjalment f’każijiet ta’ varjazzjonijiet kbar fil-marġni meħtieġa.

    (6)

    Frekwenza għolja ta’ qlib bejn l-użu ta’ K-NPR u K-CMG hija indikatur qawwi ta’ użu potenzjalment sproporzjonat jew mhux sod tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji. Huwa possibbli li jiġi evitat l-arbitraġġ regolatorju billi tiġi ristretta l-frekwenza tal-bdil tal-pożizzjonijiet bejn l-użu ta’ K-NPR u K-CMG. Rekwiżit biex isir użu kontinwu minn wieħed miż-żewġ metodi għal post tan-negozjar għal mill-inqas sentejn ikun proporzjonat biex jiġi indirizzat ir-riskju ta’ arbitraġġ regolatorju. Madankollu, f’każijiet eċċezzjonali (eż. ristrutturar tan-negozju) fejn post tan-negozjar jinbidel b’tali mod li jista’ jitqies bħala post tan-negozjar differenti, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tippermetti lil ditta tal-investiment tibdel il-metodi f’dak il-perjodu ta’ sentejn.

    (7)

    Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea (European Banking Authority, EBA).

    (8)

    L-EBA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Kalkolu tal-ammont tal-marġni totali meħtieġ

    1.   L-ammont tal-marġni totali msemmi fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament (UE) 2019/2033 għandu jkun l-ammont meħtieġ ta’ kollateral li jinkludi l-marġni inizjali, il-marġni ta’ varjazzjoni u kollateral ieħor, kif meħtieġ mill-membru tal-ikklerjar abbażi tal-mudell tal-marġni tiegħu tad-ditta tal-investiment għall-postijiet tan-negozjar soġġetti għal K-CMG. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “post tan-negozjar” tfisser post tan-negozjar kif definit fil-punt (144) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

    2.   Meta l-membru tal-ikklerjar ma jiddifferenzjax bejn marġnijiet li huma meħtieġa għall-post tan-negozjar li huwa soġġett għal K-CMG u l-marġnijiet li huma meħtieġa għal postijiet tan-negozjar oħrajn, id-ditta tal-investiment għandha tikkunsidra t-total tal-marġnijiet meħtieġa għall-postijiet tan-negozjar kollha bħala marġnijiet skont il-paragrafu 1.

    3.   It-tariffi mħallsa mid-ditta tal-investiment lill-membru tal-ikklerjar biex jagħmel użu mis-servizzi tal-membru tal-ikklerjar tagħha ma għandhomx jitqiesu bħala marġnijiet skont il-paragrafu 1.

    4.   Meta l-membru tal-ikklerjar jaġġorna l-marġni totali meħtieġ aktar minn darba matul jum, il-marġni totali meħtieġ f’dak il-jum għandu jkun l-ogħla minn dawk l-ammonti tal-marġini totali meħtieġa mill-membru tal-ikklerjar matul dik il-ġurnata.

    5.   Meta ditta tal-investiment tagħmel użu mis-servizzi ta’ aktar minn membru tal-ikklerjar wieħed għall-postijiet tan-negozjar soġġetti għall-K-CMG, l-ammont tal-marġni totali msemmi fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament (UE) 2019/2033 għandu jiġi kkalkulat fuq bażi ta’ kuljum billi jiżdiedu l-ammonti tal-marġini meħtieġa minn kull membru tal-ikklirjar kif stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

    Artikolu 2

    Prevenzjoni tal-arbitraġġ

    1.   Ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 23(1), il-punt (e) tar-Regolament (UE) 2019/2033 għandu jiġi ssodisfat meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (a)

    meta d-ditta ta’ investiment tikkalkula r-rekwiżiti kapitali ta’ K-CMG fuq portafoll ta’ pożizzjonijiet ikklerjati assenjati lil post tan-negozjar wieħed, hija tapplika l-istess metodoloġija għall-pożizzjonijiet kollha ta’ dak il-post tan-negozjar għal perjodu kontinwu ta’ mill-inqas 24 xahar jew l-istrateġija jew l-operazzjonijiet tan-negozju tal-grupp ta’ negozjanti ta’ dak il-post tan-negozjar ikunu nbidlu sal-punt li jistgħu jitqiesu bħala post tan-negozjar differenti;

    (b)

    id-ditta tal-investiment tuża K-CMG b’mod konsistenti fil-postijiet tan-negozjar li huma simili f’termini ta’ strateġija tan-negozju u pożizzjonijiet tal-portafoll tan-negozjar;

    (c)

    id-ditta tal-investiment ikollha politiki u proċeduri fis-seħħ li juru li l-għażla tal-portafoll (i) soġġett (i) għal K-CMG tkun tirrifletti r-riskji tal-pożizzjonijiet tal-portafoll tan-negozjar ta’ ditta tal-investiment, inklużi l-perjodi ta’ parteċipazzjoni mistennija, l-istrateġiji tan-negozjar applikati u ż-żmien li tista’ tieħu biex tkopri jew timmaniġġja r-riskji tal-pożizzjonijiet tal-portafoll tan-negozjar tagħha;

    (d)

    id-ditta tal-investiment għandha politiki u proċeduri fis-seħħ li jippermettulha tqabbel ir-rekwiżiti kapitali kkalkolati abbażi ta’ K-CMG mar-rekwiżiti kapitali kkalkolati fuq il-bażi ta’ K-NPR u biex tirraġuna b’mod adegwat kwalunkwe differenza bejniethom filwaqt li tqis il-fatturi stabbiliti fil-paragrafu 2 f’kull wieħed mill-każijiet li ġejjin:

    (i)

    fejn bidla fl-istrateġija tan-negozju ta’ post tan-negozjar tirriżulta f’bidla ta’ 20 % jew aktar fir-rekwiżiti kapitali għal dak il-post tan-negozjar abbażi tal-approċċ K-CMG;

    (ii)

    fejn bidla fil-mudell tal-marġni tal-membru tal-ikklerjar tirriżulta f’bidla fil-marġini meħtieġa ta’ 10 % jew aktar għall-istess portafoll ta’ pożizzjonijiet sottostanti għal post tan-negozjar;

    (e)

    id-ditta tal-investiment tagħmel użu mill-eżitu tal-kalkolu K-CMG fil-qafas tal-ġestjoni tar-riskju tagħha u tqabbel regolarment ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju tagħha stess mal-marġini meħtieġa mill-membri tal-ikklerjar;

    (f)

    id-ditta tal-investiment qabblet ir-rekwiżiti kapitali kkalkolati minn K-CMG mar-rekwiżiti kapitali kkalkolati minn K-NPR għal kull post tan-negozjar fil-punt tal-valutazzjoni mill-awtorità kompetenti, u pprovdiet lill-awtorità kompetenti b’ġustifikazzjoni adegwata ta’ kwalunkwe differenza bejniethom filwaqt li qieset il-fatturi stabbiliti fil-paragrafu 2.

    2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punti (d) u (f), l-awtorità kompetenti għandha tqis il-fatturi li ġejjin sabiex tivvaluta jekk id-differenza fir-rekwiżiti kapitali kkalkolati bl-applikazzjoni ta’ K-CMG u K-NPR hijiex ġustifikata:

    (a)

    ir-referenza għall-istrateġiji ta’ negozjar rilevanti;

    (b)

    il-qafas tal-ġestjoni tar-riskju tad-ditta tal-investiment stess;

    (c)

    il-livell tar-rekwiżiti globali ta’ fondi proprji tad-ditta tal-investiment ikkalkulat skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2019/2033;

    (d)

    ir-riżultati tar-rieżami superviżorju u l-proċess ta’ evalwazzjoni, jekk disponibbli.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Settembru 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 314, 5.12.2019, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

    (3)  Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).


    Top