Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D1944

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1944 tat-13 ta’ Ottubru 2022 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2018/1544 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-proliferazzjoni u l-użu ta’ armi kimiċi

    ST/12589/2022/INIT

    ĠU L 268, 14.10.2022, p. 24–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/1944/oj

    14.10.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 268/24


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/1944

    tat-13 ta’ Ottubru 2022

    li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2018/1544 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-proliferazzjoni u l-użu ta’ armi kimiċi

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fil-15 ta’ Ottubru 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/1544 (1) li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-proliferazzjoni u l-użu ta’ armi kimiċi.

    (2)

    Id-Deċiżjoni (PESK) 2018/1544 tapplika sas-16 ta’ Ottubru 2022. Abbażi ta’ rieżami ta’ dik id-Deċiżjoni, jenħtieġ li l-miżuri restrittivi stabbiliti fiha jiġu estiżi sas-16 ta’ Ottubru 2023 u jenħtieġ li tiġi aġġornata entrata waħda fil-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikoli 2 u 3, kif stabbilit fl-Anness għal dik id-Deċiżjoni.

    (3)

    Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2018/1544 tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni (PESK) 2018/1544 hija emendata kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 8

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sas-16 ta’ Ottubru 2023. Din id-Deċiżjoni għandha tinżamm taħt rieżami kostanti. Għandha tiġi mġedda, jew emendata kif xieraq, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma jkunux intlaħqu.”;

    (2)

    l-Anness huwa emendat kif stabbilit fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fil-Lussemburgu, it-13 ta’ Ottubru 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. BLAŽEK


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1544 tal-15 ta’ Ottubru 2018 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra l-proliferazzjoni u l-użu ta’ armi kimiċi (ĠU L 259, 16.10.2018, p. 25).


    ANNESS

    L-entrata Nru 12 fuq il-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikoli 2 u 3, kif stabbilita fl-Anness għad-Deċiżjoni (PESK) 2018/1544, taħt l-intestatura “A. Persuni fiżiċi”, hija sostitwita bl-entrata li ġejja:

     

    Isem

    Informazzjoni dwar l-identità

    Raġunijiet għad-deżinjazzjoni

    Data tal-elenkar

    “12.

    Sergei Ivanovich MENYAILO

    (Сергей Иванович МЕНЯЙЛО)

    Sess: raġel;

    Data tat-twelid: 22 ta’ Awwissu 1960;

    Post tat-twelid: Alagir;

    Nazzjonalità: Russa;

    Titlu: Kap tal-Ossezja tat-Tramuntana-Alania.

    Sergei Menyailo huwa l-Kap tal-Ossezja tat-Tramuntana-Alania. Huwa kien Rappreżentant Plenipotenzjarju tal-President tal-Federazzjoni Russa fid-Distrett Federali Siberjan bejn l-2016 u April 2021. F’dik il-kapaċità, huwa kien responsabbli għall-iżgurar tal-implementazzjoni tas-setgħat kostituzzjonali tal-President, inkluż l-implimentazzjoni tal-politika interna u barranija tal-Istat.

    Sergei Menyailo kien membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Federazzjoni Russa sa Awwissu 2021.

    15.10.2020”

     

     

     

    Alexei Navalny kien fil-mira ta’ intimidazzjoni u repressjoni sistematiċi minn atturi ġudizzjarji u tal-Istat fil-Federazzjoni Russa minħabba r-rwol prominenti tiegħu fl-oppożizzjoni politika. L-attivitajiet ta’ Alexei Navalny kienu mmonitorjati mill-qrib mill-awtoritajiet tal-Federazzjoni Russa matul il-vjaġġ tiegħu lejn is-Siberja f’Awwissu 2020. Fl-20 ta’ Awwissu 2020, huwa marad serjament u ddaħħal fi sptar f’Omsk, il-Federazzjoni Russa. Fit-22 ta’ Awwissu 2020, huwa ttieħed lejn sptar f’Berlin, il-Ġermanja. Laboratorju speċjalizzat fil-Ġermanja sussegwentement sab evidenza ċara, ikkorroborata wkoll minn laboratorji fi Franza u l-Iżvezja, li Alexei Navalny ġie avvelenat minn aġent nervin tossiku tal-grupp Novichok. Dan l-aġent tossiku huwa aċċessibbli biss għall-awtoritajiet tal-Istat fil-Federazzjoni Russa. F’dawk iċ-ċirkostanzi, huwa raġonevoli li wieħed jikkonkludi li l-avvelenament ta’ Alexei Navalny kien possibbli biss bil-kunsens tal-Uffiċċju Eżekuttiv Presidenzjali.

     

     

     

     

    Minħabba r-rwol tiegħu ta’ tmexxija f’livell għoli bħala l-eks rappreżentant ta’ dak l-Uffiċċju fid-Distrett Federali tas-Siberja, Sergei Menyailo huwa għalhekk responsabbli li instiga u appoġġa lill-persuni li wettqu jew li kienu involuti fl-avvelenament ta’ Alexei Navalny bl-aġent nervin Novichok, li jirrappreżenta użu ta’ armi kimiċi skont il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi.

     


    Top