EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0779

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/779 tat-13 ta’ April 2022 dwar il-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq mill-Polonja skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju (notifikata bid-dokument C(2022) 2304) (It-test bil-Pollakk biss huwa awtentiku) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/2304

ĠU L 139, 18.5.2022, p. 208–217 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/779/oj

18.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 139/208


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/779

tat-13 ta’ April 2022

dwar il-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq mill-Polonja skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju

(notifikata bid-dokument C(2022) 2304)

(It-test bil-Pollakk biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (1), u b’mod partikolari il-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317 tal-11 ta’ Frar 2019 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni u imposti fl-Ajru Uniku Ewropew (2), u b’mod partikolari l-Artikolu (14)(2) tiegħu,

Billi:

KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

(1)

Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 għandha titwaqqaf skema ta’ prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u għall-funzjonijiet tan-network. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, l-Istati Membri għandhom ifasslu, fil-livell nazzjonali jew fil-livell ta’ blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali (“FABs”), miri vinkolanti tal-prestazzjoni għal kull perjodu referenzjarju tal-iskema tal-prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u għall-funzjonijiet tan-network. Dawk il-miri tal-prestazzjoni għandhom ikunu konsistenti mal-miri mal-Unjoni kollha adottati mill-Kummissjoni għall-perjodu referenzjarju kkonċernat. Il-Kummissjoni hija responsabbli biex tivvaluta jekk il-miri tal-prestazzjoni proposti li jinsabu fl-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni mfassla mill-Istati Membri humiex konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha, billi tuża l-kriterji tal-valutazzjoni stabbiliti fl-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(2)

Mill-ewwel trimestru tas-sena kalendarja 2020, it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 ħalliet impatt sinifikanti fuq is-settur tat-trasport bl-ajru u mqabbla mal-livelli ta’ qabel il-pandemija, naqqset b’mod konsiderevoli l-volumi tat-traffiku tal-ajru minħabba l-miżuri meħuda mill-Istati Membri u minn pajjiżi terzi biex tiġi kkontrollata l-pandemija.

(3)

Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju (“RP3”) ġew oriġinarjament stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/903 (3). Minħabba li dawk il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha u l-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni fl-RP3 sussegwentement imressqin mill-Istati Membri tfasslu qabel it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, ma setgħux iqisu t-tibdil sinifikanti fiċ-ċirkostanzi li rriżultaw għat-trasport bl-ajru.

(4)

Bi tweġiba għall-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-provvista tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, miżuri eċċezzjonali għall-RP3, li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, ġew stabbiliti fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1627 (4). Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1627, fit-2 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891 (5) li tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni riveduti mal-Unjoni kollha għall-RP3.

(5)

Il-Kummissjoni tinnota li t-tbassir tat-traffiku bażi tas-Servizz tal-Istatistika u tat-Tbassir tal-Eurocontrol (“STATFOR”) ta’ Ottubru 2021 jipprevedi li t-traffiku tal-ajru fil-livell tal-Unjoni kollha se jilħaq il-livelli ta’ qabel il-pandemija tiegħu matul l-2023 u se jaqbeż dawk il-livelli fl-2024. Madankollu, il-livell ta’ inċertezza rigward l-iżvilupp tat-traffiku għadu partikolarment għoli minħabba r-riskji relatati mal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika tal-COVID-19. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-irkupru tat-traffiku mhuwiex mistenni li jkun uniformi fl-Istati Membri kollha.

(6)

L-Istati Membri kollha żviluppaw u adottaw abbozzi ta’ pjanijiet tal-prestazzjoni li fihom miri tal-prestazzjoni lokali riveduti għall-RP3, li ġew imressqin mill-Kummissjoni għall-valutazzjoni sal-1 ta’ Ottubru 2021. Wara l-verifika tal-kompletezza ta’ dawk l-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni, il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri jressqu abbozzi aġġornati tal-pjanijiet tal-prestazzjoni sas-17 ta’ Novembru 2021. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni ppreżentata f’din id-Deċiżjoni hija msejsa fuq l-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni aġġornat imressaq mill-Polonja.

(7)

Il-korp tal-analiżi tal-prestazzjoni, li jassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-iskema tal-prestazzjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004, ressaq rapport lill-Kummissjoni li jinkludi l-parir tiegħu dwar il-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni tal-RP3.

(8)

F’konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni vvalutat il-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni lokali proposti mill-Polonja abbażi tal-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness IV ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, u qieset iċ-ċirkostanzi lokali. Fir-rigward ta’ kull qasam ewlieni tal-prestazzjoni u tal-miri tal-prestazzjoni relatati, il-Kummissjoni kkomplementat il-valutazzjoni billi rrieżaminat l-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni fir-rigward tal-elementi stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness IV ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

VALUTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Valutazzjoni tal-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tas-sikurezza

(9)

Fir-rigward tal-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tas-sikurezza, il-Kummissjoni vvalutat il-konsistenza tal-miri mressqin mill-Polonja rigward l-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza tal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru abbażi tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.1 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Dik il-valutazzjoni saret filwaqt li tqiesu ċ-ċirkostanzi lokali u ġiet ikkomplementata mir-rieżami tal-miżuri ppjanati biex jintlaħqu l-miri tas-sikurezza fir-rigward tal-elementi stabbiliti fil-punt 2.1(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(10)

L-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tas-sikurezza proposti mill-Polonja fir-rigward tal-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza, imqassmin skont l-objettiv tal-ġestjoni tas-sikurezza u espressi bħala livell ta’ implimentazzjoni, huma kif ġej:

Il-Polonja

Miri dwar l-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza, espressi bħala livell ta’ implimentazzjoni, li jvarjaw mil-livell A sa D tal-EASA

Fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru kkonċernat

Objettiv tal-ġestjoni tas-sikurezza

2021

2022

2023

2024

PANSA,

Warmia i Mazury sp. z o.o.,

Port Lotniczy Bydgoszcz S.A.

Politika u objettivi tas-sikurezza

C

C

C

C

Ġestjoni tar-riskju għas-sikurezza

C

C

C

D

Assigurazzjoni tas-sikurezza

C

C

C

C

Promozzjoni tas-sikurezza

C

C

C

C

Kultura tas-sikurezza

C

C

C

C

(11)

Fir-rigward tal-abbozzi tal-miri tas-sikurezza proposti mill-Polonja għall-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru koperti kollha, il-Kummissjoni sabet li fir-rigward tal-objettiv tal-“ġestjoni tar-riskju tas-sikurezza”, il-livell tal-mira tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha hija ppjanata li tinkiseb fl-2024, filwaqt li għall-“objettivi tal-ġestjoni tas-sikurezza” l-oħrajn, il-miri tal-prestazzjoni lokali jissodisfaw il-livell tal-mira tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għal kull sena kalendarja mill-2021 sal-2024.

(12)

Il-Kummissjoni tinnota li l-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni imressaq mill-Polonja jistabbilixxi miżuri għall-ANSPs biex jintlaħqu l-miri lokali tas-sikurezza, bħall-miżuri biex tiġi żgurata l-konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/373 (6), rieżami tal-proċessi tas-sikurezza, aġġornament tat-taħriġ tas-sikurezza għall-maniġers, l-iżvilupp tal-indikaturi tal-ġestjoni tas-sikurezza, promozzjoni tas-sikurezza kontinwa, kif ukoll l-implimentazzjoni tal-aħjar prattiki, dokumenti u proċeduri f’konformità mar-regolamenti nazzjonali u internazzjonali.

(13)

Abbażi tas-sejbiet stabbiliti fil-premessi (11) u (12), u meta wieħed iqis li l-miri tal-prestazzjoni tas-sikurezza mal-Unjoni kollha stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891 iridu jintlaħqu sal-aħħar sena tal-RP3, jiġifieri l-2024, jenħtieġ li l-abbozzi tal-miri inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Polonja jiġu vvalutati bħala konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tas-sikurezza.

Valutazzjoni tal-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent

(14)

Fir-rigward tal-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent, il-konsistenza tal-miri mressqin mill-Polonja rigward l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali ġiet ivvalutata abbażi tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.2 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Għaldaqstant, il-miri proposti li jinsabu fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Polonja tqabblu mal-valuri referenzjarji rilevanti tal-effiċjenza tat-titjir orizzontali en route stabbiliti fil-Pjan ta’ Titjib tan-Network Ewropew tar-Rotot (“ERNIP”) disponibbli fiż-żmien tal-adozzjoni tal-miri tal-prestazzjoni riveduti mal-Unjoni kollha għall-RP3, jiġifieri fit-2 ta’ Ġunju 2021. Dik il-valutazzjoni saret filwaqt li tqiesu ċ-ċirkostanzi lokali u ġiet ikkomplementata mir-rieżami tal-miżuri ppjanati biex jintlaħqu l-miri tal-ambjent skont il-punt 2.1(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(15)

Fir-rigward tas-sena kalendarja 2020, il-mira tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-RP3 fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent, li inizjalment ġiet stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903, ma ġietx riveduta mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891, meta wieħed iqis li l-perjodu ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’ dik il-mira kien skada u li għalhekk l-implimentazzjoni tagħha kienet saret definittiva u ma ħalliet l-ebda possibbiltà għal aġġustamenti retroattivi. Għaldaqstant, fl-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni mressqa sal-1 ta’ Ottubru 2021, l-Istati Membri ma ntalbux jirrevedu l-miri tal-prestazzjoni lokali tagħhom għas-sena kalendarja 2020 fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent. Għalhekk, jenħtieġ li l-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni tal-ambjent lokali tiġi vvalutata mal-miri tal-prestazzjoni korrispondenti mal-Unjoni kollha fir-rigward tas-snin kalendarji 2021, 2022, 2023 u 2024.

(16)

L-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent proposti mill-Polonja u l-valuri referenzjarji nazzjonali korrispondenti għall-RP3 mill-ERNIP, espressi bħala l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali, huma kif ġej:

 

2021

2022

2023

2024

Abbozzi tal-miri tal-ambjent en route tal-Polonja, espressi bħala l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali

1,65  %

1,65  %

1,65  %

1,65  %

Valuri referenzjarji għall-Polonja

1,65  %

1,65  %

1,65  %

1,65  %

(17)

Il-Kummissjoni tosserva li l-abbozzi tal-miri tal-ambjent proposti mill-Polonja huma ugwali għall-valuri referenzjarji nazzjonali korrispondenti għal kull sena kalendarja mill-2021 sal-2024.

(18)

Fir-rigward tal-punt 2.1(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tinnota li fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni, il-Polonja ppreżentat diversi miżuri biex jintlaħqu l-miri tal-ambjent lokali li jinkludu r-riorganizzazzjoni tal-konfigurazzjonijiet tas-settur għaċ-Ċentru ta’ Kontroll tal-Erja ta’ Varsavja, l-implimentazzjoni tal-użu flessibbli avvanzat tal-kunċetti tal-ispazju tal-ajru kif ukoll titjib fiż-Żona ta’ Kontroll tat-Terminal ta’ Varsavja.

(19)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li minn Frar 2019, il-Polonja diġà implimentat l-ispazju tal-ajru b’rotot liberi (FRA) bejn il-livell 95 ta’ titjir u l-livell 660 ta’ titjir. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-Polonja qed tippjana biex tespandi l-FRA mal-FAB tal-Baltiku, mas-Slovakkja u mal-Ukrajna fis-sena kalendarja 2024.

(20)

Abbażi tas-sejbiet stabbiliti fil-premessi (17) sa (19), jenħtieġ li l-abbozzi tal-miri inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Polonja jiġu vvalutati bħala konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent.

Valutazzjoni tal-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità

(21)

Fir-rigward tal-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità, il-konsistenza tal-miri mressqin mill-Polonja rigward id-dewmien medju fil-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru (“ATFM”) en route għal kull titjira ġie vvalutat abbażi tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.3 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Għaldaqstant, il-miri proposti li jinsabu fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Polonja tqabblu mal-valuri referenzjarji rilevanti stabbiliti fil-Pjan Operazzjonali tan-Network disponibbli fiż-żmien tal-adozzjoni tal-miri tal-prestazzjoni riveduti mal-Unjoni kollha għall-RP3, jiġifieri fit-2 ta’ Ġunju 2021. Dik il-valutazzjoni saret filwaqt li tqiesu ċ-ċirkostanzi lokali u ġiet ikkomplementata mir-rieżami tal-miżuri ppjanati biex jintlaħqu l-miri tal-kapaċità skont il-punt 2.1(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(22)

Fir-rigward tas-sena kalendarja 2020, il-mira tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-RP3 fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità, li inizjalment ġiet stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903, ma ġietx riveduta mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891, meta wieħed iqis li l-perjodu ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’ dik il-mira kien skada u li għalhekk l-implimentazzjoni tagħha kienet saret definittiva u ma ħalliet l-ebda possibbiltà għal aġġustamenti retroattivi. Għaldaqstant, fl-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni mressqin sal-1 ta’ Ottubru 2021, l-Istati Membri ma ntalbux jirrevedu l-miri tal-prestazzjoni lokali tagħhom għas-sena kalendarja 2020 fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità. Għalhekk, jenħtieġ li l-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni tal-kapaċità lokali tiġi vvalutata mal-miri tal-prestazzjoni korrispondenti mal-Unjoni kollha fir-rigward tas-snin kalendarji 2021, 2022, 2023 u 2024.

(23)

L-abbozzi tal-miri tal-kapaċità en route proposti mill-Polonja għall-RP3, espressi f’minuti ta’ dewmien tal-ATFM għal kull titjira, kif ukoll il-valuri referenzjarji korrispondenti mill-Pjan Operazzjonali tan-Network huma kif ġej:

 

2021

2022

2023

2024

Abbozzi tal-miri tal-kapaċità en route tal-Polonja, f’minuti ta’ dewmien tal-ATFM għal kull titjira

0,07

0,12

0,12

0,12

Valuri referenzjarji għall-Polonja

0,07

0,12

0,12

0,12

(24)

Il-Kummissjoni tosserva li l-abbozzi tal-miri tal-kapaċità proposti mill-Polonja huma ugwali għall-valuri referenzjarji nazzjonali korrispondenti għal kull sena kalendarja mill-2021 sal-2024.

(25)

Fir-rigward tal-punt 2.1(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tinnota li fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tagħha, il-Polonja ppreżentat firxa ta’ miżuri biex jintlaħqu l-miri tal-kapaċità lokali en route. Dawk il-miżuri jinkludu taħriġ kontinwu tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru, ippjanar u rosters aktar flessibbli għall-persunal, żieda fl-għadd ta’ setturi u titjib fil-ħinijiet tal-ftuħ tas-settur kif ukoll l-implimentazzjoni tal-FRA transfruntier.

(26)

Abbażi tas-sejbiet stabbiliti fil-premessi (24) u (25), jenħtieġ li l-abbozzi tal-miri inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Polonja jiġu vvalutati bħala konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità.

Rieżami tal-abbozzi tal-miri tal-kapaċità għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal

(27)

Fir-rigward tal-ajruporti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 kif stabbilit fl-Artikoli 1(3) u (4) ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni kkomplementat il-valutazzjoni tagħha tal-abbozzi tal-miri tal-kapaċità en route bir-rieżami tal-abbozzi tal-miri tal-kapaċità għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal f’konformità mal-punt 2.1(b) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Instab li dawk l-abbozzi tal-miri jqajmu tħassib fir-rigward tal-Polonja.

(28)

B’mod speċifiku, il-Kummissjoni sabet li meta fil-livell tal-ajruport tqabbel l-abbozzi tal-miri nazzjonali dwar id-dewmien medju tal-ATFM tal-wasla mal-prestazzjoni ta’ ajruporti simili matul it-tieni perjodu referenzjarju (“RP2), l-ajruporti ta’ Warszawa-Chopin, Warszawa-Modlin, Krakow-Balice u Katowice-Pyrzowice huma mistennija jesperjenzaw dewmien ogħla tal-ATFM minn dak previst għal ajruporti simili.

(29)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li, b’rabta mal-adozzjoni tal-pjan tal-prestazzjoni finali tagħha f’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 16 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, jenħtieġ li fid-dawl tal-osservazzjonijiet stabbiliti fil-premessa (28), il-Polonja tiġġustifika ulterjorment il-miri tal-kapaċità fit-terminal għall-RP3 jew li tirrevedi ’l isfel dawk il-miri.

Valutazzjoni tal-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza

(30)

Fir-rigward tal-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza, il-konsistenza tal-miri mressqin mill-Polonja rigward il-kostijiet unitarji ddeterminati (“DUC”) għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route ġiet ivvalutata abbażi tal-kriterji stabbiliti fil-punti 1.4(a), (b) u (c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Dawk il-kriterji jikkonsistu mix-xejra tad-DUC matul l-RP3, mix-xejra fit-tul tad-DUC matul l-RP2 u l-RP3 (2015-2024), u mill-valur bażi għad-DUC fil-livell taż-żona tal-imposti mqabbel mal-valur medju taż-żoni tal-imposti fejn il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru għandhom ambjent operazzjonali u ekonomiku simili.

(31)

Il-valutazzjoni tal-miri tal-kosteffiċjenza en route saret filwaqt li tqiesu ċ-ċirkostanzi lokali. Dan ġie kkomplementat mir-rieżami tal-fatturi u l-parametri ewlenin li jirfdu dawk il-miri kif speċifikat fil-punt 2.1(d) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(32)

L-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza en route proposti mill-Polonja għall-RP3 huma kif ġej:

Żona tal-imposti en route tal-Polonja

Valur bażi tal-2014

Valur bażi tal-2019

2020 - 2021

2022

2023

2024

Abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza en route, espressi bħala kost unitarju ddeterminat en route (f’termini reali bil-prezzijiet tal-2017)

169,6 PLN

174,8 PLN

320,1 PLN

200,2 PLN

172,0 PLN

163,2 PLN

39,85 EUR

41,07 EUR

75,24 EUR

47,05 EUR

40,42 EUR

38,35 EUR

(33)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li x-xejra tad-DUC en route tal-Polonja fil-livell taż-żona tal-imposti ta’ -1,7 % kull sena matul l-RP3 hija inqas mix-xejra ta’ +1,0 % mal-Unjoni kollha matul l-istess perjodu.

(34)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(b) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li x-xejra fit-tul tad-DUC en route tal-Polonja fil-livell taż-żona tal-imposti matul l-RP2 u l-RP3 ta’ -0,4 % kull sena hija inqas mix-xejra fit-tul ta’ -1,3 % mal-Unjoni kollha matul l-istess perjodu.

(35)

Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li l-valur bażi għad-DUC ta’ EUR 41,07 tal-Polonja f’termini reali bil-prezzijiet tal-2017 (“EUR 2017”) huwa 5,4 % ogħla mill-valur bażi medju ta’ EUR 38,96 fl-EUR 2017 tal-grupp komparatur rilevanti. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li l-kost unitarju ddeterminat en route tal-Polonja għall-2024 huwa inqas b’aktar minn 6,7 % mill-medja tal-grupp komparatur.

(36)

Il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk id-devjazzjonijiet osservati fil-premessi (34) u (35) jistgħux jitqiesu neċessarji u proporzjonati skont il-punt 1.4(d) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, diment li d-devjazzjoni osservata mix-xejra fit-tul tad-DUC mal-Unjoni kollha tkun esklusssivament dovuta għall-kostijiet iddeterminati addizzjonali relatati mal-miżuri neċessarji biex jintlaħqu l-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità jew għall-miżuri ta’ ristrutturar skont it-tifsira tal-Artikolu 2(18) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

(37)

Fir-rigward tal-kriterju speċifikat fil-punt 1.4(d)(i) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tinnota li fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tagħha, il-Polonja tistabbilixxi firxa wiesgħa ta’ miżuri meħuda mill-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (PANSA) għall-fini li jintlaħqu l-miri tal-kapaċità lokali. Dawk il-miżuri huma ddettaljati u kkwantifikati fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni.

(38)

Fil-fatt, il-Polonja tippjana żieda sinifikanti matul l-RP3 fl-għadd ta’ kontrolluri tat-traffiku tal-ajru fl-operazzjonijiet fiċ-ċentru ta’ kontroll tal-erja ta’ Varsavja. Il-Polonja tispjega wkoll li t-taħriġ u r-reklutaġġ tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru addizzjonali se jippermettu lill-PANSA timplimenta r-risettorizzazzjoni tal-ispazju tal-ajru kif ukoll takkomoda d-domanda tat-traffiku prevista li hija mistennija tilħaq il-livelli tal-2019 sa tmiem l-RP3.

(39)

Il-Kummissjoni tosserva żieda fil-kostijiet tal-investiment relatati mal-proġetti li jsaħħu l-kapaċità bħall-aġġornamenti u l-bidliet assoċjati tas-sistema tal-ATM, l-użu ta’ swali tal-operazzjonijiet ġodda u ta’ stazzjonijiet għall-komunikazzjonijiet bir-radio, kif ukoll is-sostituzzjoni u l-iżvilupp tal-infrastruttura ta’ sorveljanza. Il-Polonja tirrimarka li n-nefqa kapitali ppjanata fl-RP3 hija ffukata fuq l-investimenti relatati mal-kapaċità, u se tippermetti l-ottimizzazzjoni tal-ispazju tal-ajru (pereż. it-tqassim vertikali tal-ispazju tal-ajru fi tliet saffi) kif ukoll it-tisħiħ tar-reżiljenza, tal-iskalabbiltà u tal-flessibbiltà tal-forniment tas-servizzi.

(40)

Abbażi tal-analiżi dettaljata mill-korp tal-analiżi tal-prestazzjoni, il-Kummissjoni tqis li l-miżuri rilevanti deskritti mill-Polonja fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni huma fil-fatt meħtieġa biex jinkisbu l-miri tal-kapaċità lokali. Barra minn hekk, wara li ġiet meqjusa l-evalwazzjoni li saret mill-korp tal-analiżi tal-prestazzjoni, jista’ jiġi konkluż li l-kostijiet addizzjonali ta’ dawk il-miżuri huma akbar mid-devjazzjoni mix-xejra tad-DUC fit-tul madwar l-Unjoni kollha msemmija fil-premessa (34).

(41)

Għalhekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fil-premessi (37) sa (40), il-Kummissjoni ssib li l-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(i) huwa ssodisfat fir-rigward tal-Polonja.

(42)

Mill-osservazzjonijiet preċedenti jirriżulta li mhuwiex neċessarju li jiġi eżaminat ulterjorment jekk il-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(ii) huwiex se jiġi sodisfatt fir-rigward tal-Polonja.

(43)

Abbażi tas-sejbiet stabbiliti fil-premessi (33) sa (42), jenħtieġ li l-miri proposti inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Polonja jiġu vvalutati bħala konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza.

Rieżami tal-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal

(44)

Fir-rigward tal-ajruporti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 kif stabbilit fl-Artikoli 1(3) u (4) ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni kkomplementat il-valutazzjoni tagħha tal-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza en route bir-rieżami tal-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal f’konformità mal-punt 2.1(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Instab li dawk l-abbozzi tal-miri jqajmu tħassib fir-rigward tal-Polonja.

(45)

L-ewwel nett, meta qabblet ix-xejra tad-DUC fit-terminal għall-RP3 max-xejra tad-DUC en route, il-Kummissjoni sabet li x-xejra tad-DUC fit-terminal taż-żona tal-imposti 1 tal-Polonja ta’ +2,2 % u ż-żona tal-imposti 2 ta’ +1,9 % rispettivament, huma ogħla mix-xejra ta’ -1,7 % tad-DUC en route tal-Polonja fil-livell taż-żona tal-imposti matul l-RP3.

(46)

It-tieni, il-Kummissjoni tosserva li l-abbozzi tal-miri għax-xejra tad-DUC fit-terminal għaż-żona tal-imposti fit-terminal 1 tal-Polonja ta’ +2,2 % matul l-RP3 huma ogħla mix-xejra ta’ -8,9 % tad-DUC reali fit-terminal osservata matul l-RP2. Barra minn hekk, l-abbozzi tal-miri għax-xejra ta’ +1,9 % tad-DUC fit-terminal għaż-żona tal-imposti fit-terminal 2 tal-Polonja matul l-RP3 huma ogħla mix-xejra ta’ -2,6 % tad-DUC reali fit-terminal osservat matul l-RP2.

(47)

Għalhekk, b’rabta mal-adozzjoni tal-pjan tal-prestazzjoni finali tagħha f’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 16 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tqis li fid-dawl tal-osservazzjonijiet stabbiliti fil-premessi (45) u (46), jenħtieġ li l-Polonja tiġġustifika ulterjorment il-miri tal-kosteffiċjenza fit-terminal għall-RP3, jew li tirrevedi ’l isfel dawk il-miri.

KONKLUŻJONIJIET

(48)

Abbażi tal-valutazzjoni stabbilita fil-premessi (9) sa (47), il-Kummissjoni sabet li l-miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq mill-Polonja huma konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha.

(49)

Il-Kummissjoni tinnota li xi Stati Membri indikaw li biħsiebhom jinkludu l-entrati tal-kostijiet relatati mad-detezzjoni tad-droni tal-ajruport fil-bażijiet tal-kostijiet tal-RP3 tagħhom. Abbażi tal-elementi li jinsabu fl-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni, ma kienx possibbli li jiġi stabbilit b’mod preċiż, sa liema punt l-Istati Membri inkludew tali kostijiet iddeterminati fil-bażijiet tal-kostijiet tal-RP3 tagħhom u, fejn dawn il-kostijiet ġew inklużi, sa liema punt jiġġarrbu b’rabta mal-forniment tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u għalhekk jistgħu jitqiesu eliġibbli skont l-iskema tal-prestazzjoni u tal-imposti. Is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu talba għal informazzjoni ad hoc lill-Istati Membri kollha sabiex jiġbru informazzjoni rilevanti, u se jkomplu jeżaminaw il-kostijiet tad-detezzjoni tad-droni fl-ajruporti rrapportati fil-kuntest tal-verifika tal-konformità tar-rata unitarja. Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għas-sejbiet u għall-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-suġġett tal-kostijiet tad-detezzjoni tad-droni.

(50)

B’reazzjoni għall-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna, li bdiet fl-24 ta’ Frar 2022, l-Unjoni adottat miżuri restrittivi li jipprojbixxu lit-trasportaturi tal-ajru Russi, lil kwalunkwe inġenju tal-ajru rreġistrat fir-Russja u lil kwalunkwe inġenju tal-ajru mhux irreġistrat fir-Russja li huwa l-proprjetà jew mikri, jew ikkontrollat minn persuna fiżika jew ġuridika Russa, minn entità jew minn korp Russu milli jinżlu fit-territorju tal-Unjoni, jew jitilqu minnu, jew jittajru fuqu. Dawk il-miżuri qed iwasslu għal tnaqqis fit-traffiku tal-ajru fl-ispazju tal-ajru fuq it-territorju tal-Unjoni. Madankollu, jenħtieġ li l-impatt fil-livell tal-Unjoni kollha ma jkunx komparabbli mat-tnaqqis tat-traffiku tal-ajru li rriżulta mit-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 f’Marzu 2020. Għalhekk, jixraq li jinżammu l-miżuri u l-proċessi eżistenti għall-implimentazzjoni tal-iskema tal-prestazzjoni u tal-imposti fl-RP3.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq mill-Polonja, skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 u elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, huma konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ April 2022.

Għall-Kummissjoni

Adina VĂLEAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317 tal-11 ta’ Frar 2019 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni u imposti fl-Ajru Uniku Ewropew u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013 (ĠU L 56, 25.2.2019, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/903 tad-29 ta’ Mejju 2019 li tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għat-tielet perjodu ta’ referenza li jibda fl-1 ta’ Jannar 2020 u li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2024 (ĠU L 144, 3.6.2019, p. 49).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1627 tat-3 ta’ Novembru 2020 dwar miżuri eċċezzjonali għat-tielet perjodu ta’ referenza (2020-2024) tal-iskema ta’ prestazzjoni u imposti tal-ajru uniku Ewropew minħabba l-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 366, 4.11.2020, p. 7).

(5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/891 tat-2 ta’ Ġunju 2021 li tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni riveduti mal-Unjoni kollha għan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għat-tielet perjodu referenzjarju (2020-2024) u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903 (ĠU L 195, 3.6.2021, p. 3).

(6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/373 tal-1 ta’ Marzu 2017 li jistabbilixxi r-rekwiżiti komuni għall-fornituri ta’ servizzi fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru/tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u funzjonijiet oħrajn tan-netwerk tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u s-sorveljanza tagħhom, iħassar ir-Regolament (KE) Nru 482/2008, ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1034/2011, (UE) Nru 1035/2011 u (UE) 2016/1377 u jemenda r-Regolament (UE) Nru 677/2011 (ĠU L 62, 8.3.2017, p. 1).


ANNESS

Miri tal-prestazzjoni inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni, imressaq mill-Polonja skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004, li nstabu konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju

QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAS-SIKUREZZA

Effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza

Il-Polonja

Miri dwar l-effettività tal-immaniġġjar tas-sikurezza, espressi bħala livell ta’ implimentazzjoni, li jvarjaw mil-livell A sa D tal-EASA

Fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru kkonċernati

Objettiv tal-immaniġġjar tas-sikurezza

2021

2022

2023

2024

PANSA

Warmia i Mazury sp. z o.o.

Port Lotniczy Bydgoszcz S.A.

Politika u objettivi tas-sikurezza

C

C

C

C

Ġestjoni tar-riskju għas-sikurezza

C

C

C

D

Assigurazzjoni tas-sikurezza

C

C

C

C

Promozzjoni tas-sikurezza

C

C

C

C

Kultura tas-sikurezza

C

C

C

C

QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAL-AMBJENT

Effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali

 

2021

2022

2023

2024

Abbozzi tal-miri tal-ambjent en route tal-Polonja, espressi bħala l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali

1,65  %

1,65  %

1,65  %

1,65  %

Valuri referenzjarji għall-Polonja

1,65  %

1,65  %

1,65  %

1,65  %

QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAL-KAPAĊITÀ

Dewmien medju tal-ATFM en route f’minuti għal kull titjira

 

2021

2022

2023

2024

Abbozzi tal-miri tal-kapaċità en route tal-Polonja, f’minuti ta’ dewmien tal-ATFM għal kull titjira

0,07

0,12

0,12

0,12

Valuri referenzjarji għall-Polonja

0,07

0,12

0,12

0,12

QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAL-KOSTEFFIĊJENZA

Kost unitarju ddeterminat għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route

Żona tal-imposti en route tal-Polonja

Valur bażi tal-2014

Valur bażi tal-2019

2020 - 2021

2022

2023

2024

Abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza en route, espressi bħala kost unitarju ddeterminat en route (f’termini reali bil-prezzijiet tal-2017)

169,6 PLN

174,8 PLN

320,1 PLN

200,2 PLN

172,0 PLN

163,2 PLN

39,85 EUR

41,07 EUR

75,24 EUR

47,05 EUR

40,42 EUR

38,35 EUR


Top