Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0767

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/767 tat-13 ta’ April 2022 dwar il-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq mill-Portugall skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju (notifikata bid-dokument C(2022) 2288) (It-test bil-Portugiż biss huwa awtentiku) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2022/2288

    ĠU L 139, 18.5.2022, p. 97–106 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/767/oj

    18.5.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 139/97


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/767

    tat-13 ta’ April 2022

    dwar il-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq mill-Portugall skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju

    (notifikata bid-dokument C(2022) 2288)

    (It-test bil-Portugiż biss huwa awtentiku)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (1), u b’mod partikolari il-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317 tal-11 ta’ Frar 2019 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni u imposti fl-Ajru Uniku Ewropew (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(2) tiegħu,

    Billi:

    KUNSIDERAZZJONIJIET ĠENERALI

    (1)

    Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 għandha titwaqqaf skema ta’ prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u għall-funzjonijiet tan-network. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, l-Istati Membri għandhom ifasslu, fil-livell nazzjonali jew fil-livell ta’ blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali (“FABs”), miri vinkolanti ta’ prestazzjoni għal kull perjodu referenzjarju tal-iskema ta’ prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u għall-funzjonijiet tan-network. Dawk il-miri tal-prestazzjoni jridu jkunu konsistenti mal-miri għall-Unjoni kollha adottati mill-Kummissjoni għall-perjodu referenzjarju kkonċernat. Il-Kummissjoni hija responsabbli biex tivvaluta jekk il-miri tal-prestazzjoni proposti li jinsabu fl-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni mfassla mill-Istati Membri humiex konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha, billi tuża l-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fl-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

    (2)

    Mill-ewwel trimestru tas-sena kalendarja 2020, it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 ħalliet impatt sinifikanti fuq is-settur tat-trasport bl-ajru u meta mqabbla mal-livelli ta’ qabel il-pandemija, naqqset b’mod konsiderevoli l-volumi tat-traffiku tal-ajru minħabba l-miżuri meħuda mill-Istati Membri u minn pajjiżi terzi biex tiġi kkontrollata l-pandemija.

    (3)

    Il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju (“RP3”) ġew oriġinarjament stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/903 (3). Minħabba li dawk il-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha u l-abbozz tal-pjanijiet tal-prestazzjoni fl-RP3 sussegwentement imressqin mill-Istati Membri tfasslu qabel it-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19, dawn ma setgħux iqisu ċ-ċirkostanzi li rriżultaw u nbidlu b’mod sinifikanti għat-trasport bl-ajru.

    (4)

    Bi tweġiba għall-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-provvista tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, ġew stabbiliti miżuri eċċezzjonali għall-RP3, li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1627 (4). Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1627, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891 (5) li tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni riveduti mal-Unjoni kollha għall-RP3 fit-2 ta’ Ġunju 2021.

    (5)

    Il-Kummissjoni tinnota li t-tbassir tat-traffiku bażi tas-Servizz tal-Istatistika u tat-Tbassir tal-Eurocontrol (“STATFOR”) ta’ Ottubru 2021 jipprevedi li t-traffiku tal-ajru fil-livell tal-Unjoni kollha se jilħaq il-livelli ta’ qabel il-pandemija tiegħu matul l-2023 u se jaqbeż dawk il-livelli fl-2024. Madankollu, il-livell ta’ inċertezza rigward l-iżvilupp tat-traffiku għadu partikolarment għoli minħabba r-riskji relatati mal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika tal-COVID-19. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-irkupru tat-traffiku mhuwiex mistenni li jkun uniformi fl-Istati Membri kollha.

    (6)

    L-Istati Membri kollha żviluppaw u adottaw abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni li fihom miri tal-prestazzjoni lokali riveduti għall-RP3, li tressqu mill-Kummissjoni għall-valutazzjoni sal-1 ta’ Ottubru 2021. Wara l-verifika tal-kompletezza ta’ dawk l-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni, il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri jressqu l-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni aġġornati sas-17 ta’ Novembru 2021. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni ppreżentata f’din id-Deċiżjoni hija msejsa fuq l-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni aġġornat imressaq mill-Portugall.

    (7)

    Il-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni, li jassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-iskema tal-prestazzjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004, ressaq rapport lill-Kummissjoni li jinkludi l-parir tiegħu dwar il-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni tal-RP3.

    (8)

    F’konformità mal-Artikolu 14(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni vvalutat il-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni lokali proposti mill-Portugall abbażi tal-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fil-punt 1 tal-Anness IV ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, u qieset iċ-ċirkostanzi lokali. Fir-rigward ta’ kull qasam ewlieni tal-prestazzjoni u tal-miri tal-prestazzjoni relatati, il-Kummissjoni kkomplementat il-valutazzjoni billi rrieżaminat l-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni fir-rigward tal-elementi stabbiliti fil-punt 2 tal-Anness IV ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

    VALUTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    Valutazzjoni tal-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tas-sikurezza

    (9)

    Fir-rigward tal-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tas-sikurezza, il-Kummissjoni vvalutat il-konsistenza tal-miri mressqin mill-Portugall rigward l-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza tal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru abbażi tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.1 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Dik il-valutazzjoni saret filwaqt li tqiesu ċ-ċirkostanzi lokali u ġiet ikkomplementata mir-rieżami tal-miżuri ppjanati biex jintlaħqu l-miri tas-sikurezza fir-rigward tal-elementi stabbiliti fil-punt 2.1(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

    (10)

    L-abbozzi tal-miri ta’ prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tas-sikurezza proposti mill-Portugall fir-rigward tal-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza, imqassma skont l-objettiv tal-ġestjoni tas-sikurezza u espressi bħala livell ta’ implimentazzjoni, huma kif ġej:

    Il-Portugall

    Miri dwar l-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza, espressi bħala livell ta’ implimentazzjoni, li jvarjaw mil-livell A sa D tal-EASA

    Fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru kkonċernat

    Objettiv tal-ġestjoni tas-sikurezza

    2021

    2022

    2023

    2024

    NAV Portugal

    Politika u objettivi tas-sikurezza

    C

    C

    C

    C

    Ġestjoni tar-riskju għas-sikurezza

    C

    C

    C

    D

    Assigurazzjoni tas-sikurezza

    C

    C

    C

    C

    Promozzjoni tas-sikurezza

    C

    C

    C

    C

    Kultura tas-sikurezza

    C

    C

    C

    C

    (11)

    Fir-rigward tal-abbozzi tal-miri tas-sikurezza proposti mill-Portugall għall-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (NAV Portugal), il-Kummissjoni sabet li l-livell tal-mira tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha huwa ppjanat li jintlaħaq fl-2024 fir-rigward tal-objettiv tal-“ġestjoni tar-riskju għas-sikurezza”, filwaqt li għall-“objettivi tal-ġestjoni għas-sikurezza” l-oħrajn, il-miri tal-prestazzjoni lokali jilħqu l-livell tal-mira tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għal kull sena kalendarja mill-2021 sal-2024.

    (12)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq mill-Portugall jistabbilixxi miżuri għal NAV Portugal biex jintlaħqu l-miri tas-sikurezza lokali, bħall-aġġornament ta’ għodod eżistenti, it-titjib tal-proċess ta’ monitoraġġ tal-indikaturi tas-sikurezza u tar-rapportar dwar il-kultura tas-sikurezza, kif ukoll ir-reviżjoni tal-istruttura ta’ taħriġ rigward is-sistema ta’ ġestjoni tas-sikurezza.

    (13)

    Abbażi tas-sejbiet stabbiliti fil-premessi (11) u (12), u meta jitqies li l-miri tal-prestazzjoni tas-sikurezza mal-Unjoni kollha stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891 iridu jintlaħqu sal-aħħar sena tal-RP3, jiġifieri l-2024, jenħtieġ li l-abbozzi tal-miri inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Portugall jiġu vvalutati bħala konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tas-sikurezza.

    Valutazzjoni tal-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent

    (14)

    Fir-rigward tal-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent, ġiet ivvalutatata l-konsistenza tal-miri mressqin mill-Portugall rigward l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali abbażi tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.2 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Għaldaqstant, il-miri proposti li jinsabu fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Portugall tqabblu mal-valuri referenzjarji rilevanti tal-effiċjenza tat-titjir orizzontali en route stabbiliti fil-Pjan ta’ Titjib tan-Network Ewropew tar-Rotot (“ERNIP”) disponibbli fiż-żmien tal-adozzjoni tal-miri tal-prestazzjoni riveduti mal-Unjoni kollha għall-RP3, jiġifieri fit-2 ta’ Ġunju 2021. Dik il-valutazzjoni saret filwaqt li tqiesu ċ-ċirkostanzi lokali u ġiet ikkomplementata mir-rieżami tal-miżuri ppjanati biex jintlaħqu l-miri tal-ambjent skont il-punt 2.1(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

    (15)

    Fir-rigward tas-sena kalendarja 2020, il-mira tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-RP3 fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent, li inizjalment ġiet stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903, ma ġietx riveduta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891, meta wieħed iqis li l-perjodu ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’ dik il-mira kien skada u li għalhekk l-implimentazzjoni tagħha kienet saret definittiva u ma ħalliet l-ebda possibbiltà għal aġġustamenti retroattivi. Għaldaqstant, fl-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni mressqin sal-1 ta’ Ottubru 2021, l-Istati Membri ma ntalbux jirrevedu l-miri tal-prestazzjoni lokali tagħhom għas-sena kalendarja 2020 fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent. Għalhekk, jenħtieġ li l-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni ambjentali lokali mal-miri tal-prestazzjoni korrispondenti mal-Unjoni kollha tiġi vvalutata fir-rigward tas-snin kalendarji 2021, 2022, 2023 u 2024.

    (16)

    L-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent proposti mill-Portugall u l-valuri referenzjarji nazzjonali korrispondenti għall-RP3 mill-ERNIP, espressi bħala l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali, huma kif ġej:

     

    2021

    2022

    2023

    2024

    Abbozzi tal-miri tal-ambjent en route tal-Portugall, espressi bħala l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali

    1,80  %

    1,80  %

    1,80  %

    1,80  %

    Valuri referenzjarji għall-Portugall

    1,80  %

    1,80  %

    1,80  %

    1,80  %

    (17)

    Il-Kummissjoni tosserva li l-abbozzi tal-miri tal-ambjent proposti mill-Portugall huma ugwali għall-valuri referenzjarji nazzjonali korrispondenti għal kull sena kalendarja mill-2021 sal-2024.

    (18)

    Fir-rigward tal-punt 2.1 (a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tinnota li fl-abbozz tal-pjan ta’ prestazzjoni, il-Portugall ippreżenta diversi miżuri biex jintlaħqu l-miri ambjentali lokali li jinkludu l-ottimizzazzjoni u l-estensjoni taż-Żona ta’ Kontroll tat-Terminal (TMA) ta’ Madeira, l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ tranżizzjoni għan-navigazzjoni bbażata fuq il-prestazzjoni (PBN), strutturi ġodda tat-Tluq Strumentali Standard (SID) u tal-Wasliet Strumentali Standard (STAR) f’Cascais, sistema “point merge” tat-TMA ta’ Lisbona kif ukoll diversi miżuri biex tiżdied il-kollaborazzjoni transfruntiera ma’ Franza, Spanja u l-Marokk.

    (19)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-Portugall diġà implimenta l-ispazju tal-ajru b’rotot liberi (FRA) mil-livell 245 ta’ titjir fir-Reġjun ta’ Informazzjoni dwar it-Titjir (FIR) ta’ Lisbona u qed jippjana biex lejn tmiem l-2024, jestendi l-FRA sal-FIR ta’ Santa Maria.

    (20)

    Abbażi tas-sejbiet stabbiliti fil-premessi (17) sa (19), jenħtieġ li l-abbozzi tal-miri inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Portugall jiġu vvalutati bħala konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-ambjent.

    Valutazzjoni tal-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità

    (21)

    Fir-rigward tal-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità, ġiet ivvalutata l-konsistenza tal-miri mressqin mill-Portugall rigward id-dewmien medju tal-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru (“ATFM”) en route għal kull titjira abbażi tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.3 tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Għaldaqstant, il-miri proposti li jinsabu fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Portugall tqabblu mal-valuri referenzjarji rilevanti stabbiliti fil-Pjan Operazzjonali tan-Network disponibbli fiż-żmien tal-adozzjoni tal-miri tal-prestazzjoni riveduti mal-Unjoni kollha għall-RP3, jiġifieri fit-2 ta’ Ġunju 2021. Dik il-valutazzjoni saret filwaqt li tqiesu ċ-ċirkostanzi lokali u ġiet ikkomplementata mir-rieżami tal-miżuri ppjanati biex jintlaħqu l-miri tal-kapaċità skont il-punt 2.1(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

    (22)

    Fir-rigward tas-sena kalendarja 2020, il-mira tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għall-RP3 fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità, li inizjalment ġiet stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903, ma ġietx riveduta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891, meta wieħed iqis li l-perjodu ta’ żmien għall-applikazzjoni ta’ dik il-mira kien skada u li għalhekk l-implimentazzjoni tagħha kienet saret definittiva u ma ħalliet l-ebda possibbiltà għal aġġustamenti retroattivi. Għaldaqstant, fl-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni mressqin sal-1 ta’ Ottubru 2021, l-Istati Membri ma ntalbux jirrevedu l-miri tal-prestazzjoni lokali tagħhom għas-sena kalendarja 2020 fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità. Għalhekk, jenħtieġ li l-konsistenza tal-miri tal-prestazzjoni tal-kapaċità lokali mal-miri tal-prestazzjoni korrispondenti mal-Unjoni kollha tiġi vvalutata fir-rigward tas-snin kalendarji 2021, 2022, 2023 u 2024.

    (23)

    L-abbozzi tal-miri tal-kapaċità en route proposti mill-Portugall għall-RP3, espressi f’minuti ta’ dewmien tal-ATFM għal kull titjira, kif ukoll il-valuri referenzjarji korrispondenti mill-Pjan Operazzjonali tan-Network huma kif ġej:

     

    2021

    2022

    2023

    2024

    Abbozzi tal-miri tal-kapaċità en route tal-Portugall, f’minuti ta’ dewmien tal-ATFM għal kull titjira

    0,09

    0,13

    0,13

    0,13

    Valuri referenzjarji għall-Portugall

    0,09

    0,13

    0,13

    0,13

    (24)

    Il-Kummissjoni tosserva li l-abbozzi tal-miri tal-kapaċità proposti mill-Portugall huma ugwali għall-valuri referenzjarji nazzjonali korrispondenti għal kull sena kalendarja mill-2021 sal-2024.

    (25)

    Fir-rigward tal-punt 2.1(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tinnota li fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tiegħu, il-Portugall ippreżenta firxa ta’ miżuri biex jintlaħqu l-miri tal-kapaċità lokali en route. Dawk il-miżuri jinkludu t-tranżizzjoni lejn sistema ġdida tal-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (ATM) u sala ġdida tal-Operazzjonijiet (OPS), bidliet fl-ispazju tal-ajru inkluż l-inizjattivi transfruntiera tal-FRA, it-tisħiħ tal-proċeduri tal-Ġestjoni tal-Fluss u tal-Kapaċità tat-Traffiku tal-Ajru (ATFCM) kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ pjan ta’ reklutaġġ biex l-FTEs tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru jiżdiedu b’mod sinifikanti (+ 25 % sal-2024 meta mqabbel mal-livelli tal-2019).

    (26)

    Abbażi tas-sejbiet stabbiliti fil-premessi (24) u (25), jenħtieġ li l-abbozzi tal-miri inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Portugall jiġu vvalutati bħala konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità.

    Rieżami tal-abbozzi tal-miri tal-kapaċità għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal

    (27)

    Fir-rigward tal-ajruporti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 kif stabbilit fl-Artikoli 1(3) u (4) ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni kkomplementat il-valutazzjoni tagħha tal-abbozzi tal-miri tal-kapaċità en route bir-rieżami tal-abbozzi tal-miri tal-kapaċità għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal f’konformità mal-punt 2.1(b) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Instab li dawk l-abbozzi tal-miri jqajmu tħassib fir-rigward tal-Portugall.

    (28)

    Il-Kummissjoni tosserva li meta tqabbel l-abbozzi tal-miri nazzjonali dwar id-dewmien medju tal-ATFM tal-wasla mal-prestazzjoni ta’ ajruporti simili fil-livell tal-ajruport matul it-tieni perjodu referenzjarju (“RP2”), il-Kummissjoni sabet li l-ajruporti ta’ Lisbona u Porto huma mistennija jesperjenzaw dewmien tal-ATFM ogħla minn dak previst għal ajruporti simili.

    (29)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li, b’rabta mal-adozzjoni tal-pjan tal-prestazzjoni finali tagħha f’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 16 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, jenħtieġ li fid-dawl tal-osservazzjonijiet stabbiliti hawn fuq, il-Portugall jiġġustifika ulterjorment il-miri tal-kapaċità fit-terminal, jew jirrevedi ’l isfel dawk il-miri.

    Valutazzjoni tal-abbozzi tal-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza

    (30)

    Fir-rigward tal-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza, ġiet ivvalutata l-konsistenza tal-miri mressqin mill-Portugall rigward il-kostijiet unitarji ddeterminati (“DUC”) għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route abbażi tal-kriterji stabbiliti fil-punti 1.4(a), (b) u (c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Dawk il-kriterji jikkonsistu mix-xejra tad-DUC matul l-RP3, mix-xejra fit-tul tad-DUC matul l-RP2 u l-RP3 (2015-2024), u mill-valur bażi għad-DUC fil-livell taż-żona tal-imposti meta mqabbel mal-valur medju taż-żoni tal-imposti fejn il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru għandhom ambjent operazzjonali u ekonomiku simili.

    (31)

    Il-valutazzjoni tal-miri tal-kosteffiċjenza en route saret filwaqt li tqiesu ċ-ċirkostanzi lokali. Dan ġie kkomplementat mir-rieżami tal-fatturi u l-parametri ewlenin li jirfdu dawk il-miri kif speċifikat fil-punt 2.1(d) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

    (32)

    L-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza en route proposti mill-Portugall għall-RP3 huma kif ġej:

    Żona tal-imposti en route tal-Portugall Kontinentali

    Valur bażi tal-2014

    Valur bażi tal-2019

    2020 - 2021

    2022

    2023

    2024

    Abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza en route, espressi bħala kost unitarju ddeterminat en route (f’termini reali bil-prezzijiet tal-2017)

    36,13 EUR

    34,88 EUR

    65,82 EUR

    40,78 EUR

    40,37 EUR

    37,87 EUR

    (33)

    Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(a) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li x-xejra tad-DUC en route tal-Portugall fil-livell taż-żona tal-imposti ta’ +2,1 % kull sena matul l-RP3 hija inqas mix-xejra mal-Unjoni kollha ta’ +1,0 % matul l-istess perjodu.

    (34)

    Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(b) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li x-xejra fit-tul tad-DUC en route tal-Portugall fil-livell taż-żona tal-imposti matul l-RP2 u l-RP3 ta’ +0,5 % kull sena hija inqas mix-xejra fit-tul mal-Unjoni kollha ta’ -1,3 % matul l-istess perjodu.

    (35)

    Madankollu, meta jitqabblu x-xejriet tad-DUC lokali u tal-Unjoni kollha msemmija fil-premessi (33) u (34), jenħtieġ li jitqies li t-tbassir tat-tkabbir fit-traffiku en route mill-Eurocontrol STATFOR għall-Portugall matul l-RP3 huwa previst li jkun ferm aktar baxx mit-tkabbir medju tat-traffiku fil-livell tal-Unjoni kollha. Dan jagħmilha aktar diffiċli għall-Portugall biex jissodisfa x-xejriet tad-DUC mal-Unjoni kollha.

    (36)

    Fir-rigward tal-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li l-valur bażi għad-DUC ta’ EUR 34,88 tal-Portugall f’termini reali bil-prezzijiet tal-2017 (EUR 2017) huwa 12,2 % inqas mill-valur bażi medju ta’ EUR 39,73 fl-EUR 2017 tal-grupp komparatur rilevanti. Il-Kummissjoni tinnota li l-kost unitarju ddeterminat en route tal-Portugall għall-2024 se jkompli jkun aktar baxx b’9,8 % mill-medja tal-grupp komparatur.

    (37)

    Il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk id-devjazzjonijiet osservati fil-premessi (33) u (34) jistgħux jitqiesu neċessarji u proporzjonati skont il-punt 1.4(d) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, diment li d-devjazzjonijiet osservati mix-xejra tad-DUC mal-Unjoni kollha jew mix-xejra fit-tul tad-DUC mal-Unjoni kollha jkunu dovuti esklussivament għall-kostijiet iddeterminati addizzjonali relatati mal-miżuri neċessarji biex jintlaħqu l-miri tal-prestazzjoni fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kapaċità jew għall-miżuri ta’ ristrutturar skont it-tifsira tal-Artikolu 2(18) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

    (38)

    Fir-rigward tal-kriterju speċifikat fil-punt 1.4(d)(i) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, il-Kummissjoni tosserva li fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tiegħu, il-Portugall ippreżenta miżuri u investimenti li għandhom jiġu implimentati mill-fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, jiġifieri NAV Portugal, għall-fini li jintlaħqu l-miri tal-kapaċità lokali.

    (39)

    Partikolarment, il-Portugall qed jippjana li jqiegħed fis-servizz sistema ġdida tal-ATM, peress li s-sistema li qed tintuża bħalissa laħqet tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tagħha u għandha tiġi sostitwita. Din l-azzjoni hija tabilħaqq importanti sabiex fil-futur tiġi pprovduta kapaċità adegwata, peress li s-sistema tal-ATM eżistenti kienet responsabbli għal parti sostanzjali mid-dewmien tal-ATFM iġġenerat min-NAV Portugal fl-RP2, fiċ-ċirkostanzi ta’ qabel il-COVID. Is-sistema ġdida tal-ATM se tnaqqas l-ammont ta’ xogħol tal-ATCO għal kull inġenju u se tippermetti funzjonalitajiet ġodda, u b’hekk twassal għal kisbiet operazzjonali.

    (40)

    Barra minn hekk, il-Portugall qed jippjana li matul l-RP3, iżid b’mod sinifikanti n-numru ta’ ATCOs ekwivalenti għall-full time fl-operat. Dan l-iżvilupp huwa essenzjali sabiex jippermetti l-ftuħ ta’ għadd akbar ta’ setturi fl-ispazju tal-ajru en route tal-Portugall sa tmiem l-RP3, li se jtejjeb il-kapaċità pprovduta.

    (41)

    Abbażi tal-analiżi dettaljata mill-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni, il-Kummissjoni tqis li l-miżuri rilevanti deskritti mill-Portugall fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni huma fil-fatt neċessarji biex jintlaħqu l-miri tal-kapaċità lokali. Barra minn hekk, wara li tqieset l-evalwazzjoni li saret mill-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni, jista’ jiġi konkluż li l-kostijiet addizzjonali ta’ dawk il-miżuri huma akbar mid-devjazzjonijiet mix-xejra tad-DUC mal-Unjoni kollha u mix-xejra fit-tul tad-DUC mal-Unjoni kollha msemmija fil-premessi (33) u (34).

    (42)

    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fil-premessi (38) sa (41), il-Kummissjoni għalhekk issib li l-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(i) ġie ssodisfat fir-rigward tal-Portugall.

    (43)

    Mill-osservazzjonijiet preċedenti jirriżulta li mhuwiex neċessarju li jiġi eżaminat ulterjorment jekk il-kriterju stabbilit fil-punt 1.4(d)(ii) huwiex se jiġi sodisfatt fir-rigward tal-Portugall.

    (44)

    Abbażi tas-sejbiet stabbiliti fil-premessi (33) sa (43), jenħtieġ li l-abbozzi tal-miri inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Portugall jiġu vvalutati bħala konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza.

    Rieżami tal-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal

    (45)

    Fir-rigward tal-ajruporti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 kif stabbilit fl-Artikoli 1(3) u (4) ta’ dak ir-Regolament, il-Kummissjoni kkomplementat il-valutazzjoni tagħha tal-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza en route bir-rieżami tal-abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fit-terminal f’konformità mal-punt 2.1(c) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Ma nstabx li dawk l-abbozzi tal-miri jqajmu tħassib fir-rigward tal-Portugall.

    Rieżami tal-iskemi ta’ inċentivi msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317 li jikkomplementa l-valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-abbozzi tal-miri tal-kapaċità

    (46)

    F’konformità mal-punt 2.1(f) tal-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, b’rabta mal-valutazzjoni tal-abbozzi tal-miri tal-kapaċità, il-Kummissjoni kkomplementat il-valutazzjoni tagħha b’rieżami tal-abbozzi tal-iskemi ta’ inċentivi msemmija fl-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-abbozzi tal-iskemi ta’ inċentivi jissodisfawx ir-rekwiżiti sostantivi stabbiliti fl-Artikolu 11(1) u (3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317. Instab li l-abbozzi tal-iskemi ta’ inċentivi li jinsabu fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Portugall iqajmu tħassib.

    (47)

    Il-Kummissjoni tosserva li kemm l-iskema ta’ inċentivi tal-kapaċità en route kif ukoll l-iskema ta’ inċentivi tal-kapaċità fit-terminal proposti fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni tal-Portugall jinkludu żvantaġġ finanzjarju massimu li jammonta għal 0,5 % tal-kostijiet iddeterminati u vantaġġ finanzjarju massimu li jammonta għal 0,5 % tal-kostijiet iddeterminati.

    (48)

    Fir-rigward ta’ dawk l-iskemi ta’ inċentivi, abbażi tal-parir espert ipprovdut mill-korp ta’ analiżi tal-prestazzjoni, il-Kummissjoni għandha dubji kbar dwar jekk l-iżvantaġġ finanzjarju massimu propost, li jammonta għal 0,5 % tal-kostijiet iddeterminati, huwiex se jkollu xi impatt materjali fuq id-dħul f’riskju, kif meħtieġ skont il-punt (a) tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317.

    (49)

    Għalhekk, jenħtieġ li l-Portugall jirrevedi, b’rabta mal-adozzjoni tal-pjan tal-prestazzjoni finali tiegħu f’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 16 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, l-iskemi ta’ inċentivi tiegħu għall-ilħuq tal-miri tal-kapaċità en route u fit-terminal sabiex l-iżvantaġġi finanzjarji massimi li jirriżultaw minn dawk l-iskemi ta’ inċentivi jiġu stabbiliti f’livell li jkollu impatt materjali fuq id-dħul f’riskju, kif meħtieġ b’mod dirett skont il-punt (a) tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/317, li fil-fehma tal-Kummissjoni jenħtieġ li jwassal għal żvantaġġ finanzjarju massimu li jkun daqs jew ogħla minn 1 % tal-kostijiet iddeterminati.

    KONKLUŻJONIJIET

    (50)

    Abbażi tal-valutazzjoni stabbilita fil-premessi (9) sa (49), il-Kummissjoni sabet li l-miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq mill-Portugall huma konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha.

    (51)

    Il-Kummissjoni tinnota li xi Stati Membri indikaw li biħsiebhom jinkludu l-entrati tal-kostijiet relatati mad-detezzjoni tad-droni tal-ajruport fil-bażijiet tal-kostijiet tal-RP3 tagħhom. Ma kienx possibbli li jiġi stabbilit b’mod preċiż, abbażi tal-elementi li jinsabu fl-abbozzi tal-pjanijiet tal-prestazzjoni, sa liema punt l-Istati Membri inkludew tali kostijiet iddeterminati fil-bażijiet tal-kostijiet tal-RP3 tagħhom u, fejn ġew inklużi dawn il-kostijiet, sa liema punt jiġġarrbu fir-rigward tal-forniment ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u b’hekk jistgħux jitqiesu eliġibbli skont l-iskema ta’ prestazzjoni u ta’ imposti. Is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu talba għal informazzjoni ad hoc lill-Istati Membri kollha sabiex jiġbru informazzjoni rilevanti, u se jkomplu jeżaminaw il-kostijiet tad-detezzjoni tad-droni fl-ajruporti rrapportati fil-kuntest tal-verifika tal-konformità tar-rata unitarja. Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għas-sejbiet u għall-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-suġġett tal-kostijiet tad-detezzjoni tad-droni.

    (52)

    B’reazzjoni għall-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna, li bdiet fl-24 ta’ Frar 2022, l-Unjoni adottat miżuri restrittivi li jipprojbixxu lit-trasportaturi tal-ajru Russi, lil kwalunkwe inġenju tal-ajru rreġistrat fir-Russja u lil kwalunkwe inġenju tal-ajru mhux irreġistrat fir-Russja li huwa l-proprjetà jew mikri, jew ikkontrollat minn persuna fiżika jew ġuridika Russa, minn entità jew minn korp Russu milli jinżlu fit-territorju tal-Unjoni, jew jitilqu minnu, jew jittajru fuqu. Dawk il-miżuri qed iwasslu għal tnaqqis fit-traffiku tal-ajru fl-ispazju tal-ajru fuq it-territorju tal-Unjoni. Madankollu, jenħtieġ li l-impatt fil-livell tal-Unjoni kollha ma jkunx komparabbli mat-tnaqqis tat-traffiku tal-ajru li rriżulta mit-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 f’Marzu 2020. Għalhekk, jixraq li jinżammu l-miżuri u l-proċessi eżistenti għall-implimentazzjoni tal-iskema tal-prestazzjoni u tal-imposti fl-RP3,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-miri tal-prestazzjoni li jinsabu fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni mressaq mill-Portugall, skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 u elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, huma konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/891.

    Artikolu 2

    Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ April 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Adina VĂLEAN

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/317 tal-11 ta’ Frar 2019 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni u imposti fl-Ajru Uniku Ewropew u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 u (UE) Nru 391/2013 (ĠU L 56, 25.2.2019, p. 1).

    (3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/903 tad-29 ta’ Mejju 2019 li tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għat-tielet perjodu ta’ referenza li jibda fl-1 ta’ Jannar 2020 u li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2024 (ĠU L 144, 3.6.2019, p. 49).

    (4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1627 tat-3 ta’ Novembru 2020 dwar miżuri eċċezzjonali għat-tielet perjodu ta’ referenza (2020-2024) tal-iskema ta’ prestazzjoni u imposti tal-ajru uniku Ewropew minħabba l-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 366, 4.11.2020, p. 7).

    (5)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/891 tat-2 ta’ Ġunju 2021 li tistabbilixxi l-miri tal-prestazzjoni riveduti mal-Unjoni kollha għan-network tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għat-tielet perjodu referenzjarju (2020-2024) u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/903 (ĠU L 195, 3.6.2021, p. 3).


    ANNESS

    Miri tal-prestazzjoni inklużi fl-abbozz tal-pjan tal-prestazzjoni, imressaq mill-Portugall skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004, li nstabu konsistenti mal-miri tal-prestazzjoni mal-Unjoni kollha għat-tielet perjodu referenzjarju.

    QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAS-SIKUREZZA

    Effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza

    Il-Portugall

    Miri dwar l-effettività tal-ġestjoni tas-sikurezza, espressi bħala livell ta’ implimentazzjoni, li jvarjaw mil-livell A sa D tal-EASA

    Fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru kkonċernat

    Objettiv tal-ġestjoni tas-sikurezza

    2021

    2022

    2023

    2024

    NAV Portugal

    Politika u objettivi tas-sikurezza

    C

    C

    C

    C

    Ġestjoni tar-riskju għas-sikurezza

    C

    C

    C

    D

    Assigurazzjoni tas-sikurezza

    C

    C

    C

    C

    Promozzjoni tas-sikurezza

    C

    C

    C

    C

    Kultura tas-sikurezza

    C

    C

    C

    C

    QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAL-AMBJENT

    Effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali

     

    2021

    2022

    2023

    2024

    Abbozzi tal-miri ambjentali en route tal-Portugall, espressi bħala l-effiċjenza tat-titjir medja orizzontali en route tat-trajettorja reali

    1,80  %

    1,80  %

    1,80  %

    1,80  %

    Valuri referenzjarji għall-Portugall

    1,80  %

    1,80  %

    1,80  %

    1,80  %

    QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAL-KAPAĊITÀ

    Dewmien medju tal-ATFM en route f’minuti għal kull titjira

     

    2021

    2022

    2023

    2024

    Abbozzi tal-miri tal-kapaċità en route tal-Portugall, f’minuti ta’ dewmien tal-ATFM għal kull titjira

    0,09

    0,13

    0,13

    0,13

    Valuri referenzjarji għall-Portugall

    0,09

    0,13

    0,13

    0,13

    QASAM EWLIENI TAL-PRESTAZZJONI TAL-KOSTEFFIĊJENZA

    Kost unitarju ddeterminat għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru en route

    Żona tal-imposti en route tal-Portugall Kontinentali

    Valur bażi tal-2014

    Valur bażi tal-2019

    2020 - 2021

    2022

    2023

    2024

    Abbozzi tal-miri tal-kosteffiċjenza en route, espressi bħala kost unitarju ddeterminat en route (f’termini reali bil-prezzijiet tal-2017)

    36,13 EUR

    34,88 EUR

    65,82 EUR

    40,78 EUR

    40,37 EUR

    37,87 EUR


    Top