EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0529

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/529 tal-31 ta’ Marzu 2022 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom lift taż-żrieragħ żejtnija ġenetikament modifikat 73496 (DP-Ø73496-4), li jikkonsistu minnu jew magħmulin minnu, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2022) 1868) (It-test bl-Olandiż biss huwa awtentiku) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/1868

ĠU L 105, 4.4.2022, p. 39–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/529/oj

4.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 105/39


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/529

tal-31 ta’ Marzu 2022

li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom lift taż-żrieragħ żejtnija ġenetikament modifikat 73496 (DP-Ø73496-4), li jikkonsistu minnu jew magħmulin minnu, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2022) 1868)

(It-test bl-Olandiż biss huwa awtentiku)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 19(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-15 ta’ Mejju 2012, Pioneer Overseas Corporation, ibbażata fil-Belġju, ressqet applikazzjoni f’isem il-kumpanija Pioneer Hi-Bred International, Inc., ibbażata fl-Istati Uniti, lill-awtorità kompetenti nazzjonali tan-Netherlands (“l-applikazzjoni”) għat-tqegħid fis-suq ta’ ikel, ta’ ingredjenti tal-ikel u ta’ għalf li fihom lift taż-żrieragħ żejtnija ġenetikament modifikat 73496, li jikkonsistu minnu jew magħmulin minnu, f’konformità mal-Artikolu 5 u mal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003. L-applikazzjoni kkonċernat ukoll it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom il-lift taż-żrieragħ żejtnija ġenetikament modifikat 73496 jew li jikkonsistu minnu għal użi għajr għall-ikel u għall-għalf, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 5(5) u mal-Artikolu 17(5) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, l-applikazzjoni kienet tinkludi l-informazzjoni u l-konklużjonijiet dwar il-valutazzjoni tar-riskju mwettqa f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Anness II tad-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Kienet tinkludi wkoll l-informazzjoni meħtieġa skont l-Annessi III u IV ta’ dik id-Direttiva u pjan ta’ sorveljar għall-effetti ambjentali f’konformità mal-Anness VII ta’ dik id-Direttiva.

(3)

Fis-17 ta’ Ġunju 2021, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ħarġet opinjoni xjentifika favorevoli f’konformità mal-Artikoli 6 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 (3). L-Awtorità kkonkludiet li l-lift taż-żrieragħ żejtnija ġenetikament modifikat 73496, kif deskritt fl-applikazzjoni, huwa sikur daqs il-kontroparti konvenzjonali tiegħu u daqs varjetajiet ta’ referenza ta’ lift taż-żrieragħ żejtnija mhux ġenetikament modifikati li ġew ittestjati, fir-rigward tal-effetti potenzjali fuq saħħet il-bniedem u tal-annimali kif ukoll l-ambjent. L-Awtorità kkonkludiet ukoll li l-konsum tal-lift taż-żrieragħ żejtnija ġenetikament modifikat 73496 ma jirrappreżentax problemi nutrizzjonali.

(4)

Fl-opinjoni xjentifika tagħha, l-Awtorità qieset it-tħassib u l-mistoqsijiet kollha mressqa mill-Istati Membri fil-kuntest tal-konsultazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kif previst fl-Artikolu 6(4) u fl-Artikolu 18(4) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

(5)

L-Awtorità kkonkludiet ukoll li l-pjan ta’ monitoraġġ għall-effetti ambjentali li ressaq l-applikant, li jikkonsisti minn pjan ta’ sorveljanza ġenerali, jaqbel mal-użi maħsuba tal-prodotti.

(6)

Barra minn hekk, l-Awtorità rrakkomandat li jiġi implimentat pjan ta’ monitoraġġ ta’ wara t-tqegħid fis-suq, li jiffoka fuq il-ġbir tad-data dwar l-importazzjonijiet li jidħlu fl-Unjoni fir-rigward tal-lift taż-żrieragħ żejtnija ġenetikament modifikat 73496 u tal-prodotti derivati mil-lift taż-żrieragħ żejtnija ġenetikament modifikat 73496 għall-ikel u għall-għalf, u fuq il-ġbir tad-data dwar il-konsum għall-bnedmin u għall-annimali sabiex jiġi vverifikat li l-kundizzjonijiet tal-użu tal-lift taż-żrieragħ żejtnija ġenetikament modifikat 73496 huma dawk ikkunsidrati matul il-valutazzjoni tar-riskju ta’ qabel it-tqegħid fis-suq.

(7)

L-opinjoni tal-Awtorità ma tiġġustifikax l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet jew ta’ restrizzjonijiet speċifiċi oħra għat-tqegħid fis-suq, għall-użu u għall-maniġġ jew għall-ħarsien ta’ ekosistemi/ambjent u/jew ta’ żoni ġeografiċi partikolari, kif previst fl-Artikolu 6(5)(e) u fl-Artikolu 18(5)(e) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

(8)

Meta jitqiesu dawk il-konklużjonijiet, jenħtieġ li jiġi awtorizzat it-tqegħid fis-suq tal-prodotti li fihom, lift taż-żrieragħ żejtnija ġenetikament modifikat 73496, li jikkonsistu minnu jew magħmulin minnu, għall-użi elenkati fl-applikazzjoni.

(9)

Permezz ta’ ittra datata l-1 ta’ Novembru 2021, Pioneer Hi-Bred International, Inc. talbet li l-Kummissjoni tittrasferixxi d-drittijiet u l-obbligi ta’ Pioneer Hi-Bred International, Inc., marbuta mal-awtorizzazzjonijiet u mal-applikazzjonijiet pendenti kollha għall-prodotti ġenetikament modifikati, lil Corteva Agriscience LLC, ibbażata fl-Istati Uniti u rrappreżentata fl-Unjoni minn Corteva Agriscience Belgium B.V., ibbażata fil-Belġju. Permezz ta’ ittra datata l-1 ta’ Novembru 2021, Corteva Agriscience Belgium B.V. ikkonfermat il-kunsens tagħha għal dan it-trasferiment f’isem Corteva Agriscience LLC.

(10)

Jenħtieġ li jiġi assenjat identifikatur uniku għal-lift taż-żrieragħ żejtnija ġenetikament modifikat 73496 f’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 65/2004 (4).

(11)

Ma jidher li hu meħtieġ l-ebda rekwiżit speċifiku tat-tikkettar għall-prodotti koperti b’din id-Deċiżjoni, għajr dawk previsti fl-Artikolu 13(1) u fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 1830/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Madankollu, sabiex jiġi żgurat li dawk il-prodotti jintużaw fil-limiti tal-awtorizzazzjoni mogħtija b’din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li t-tikkettar tal-prodotti li fihom lift taż-żrieragħ żejtnija ġenetikament modifikat 73496 jew li jikkonsistu minnu, bl-eċċezzjoni tal-ikel u tal-ingredjenti tal-ikel, ikollu indikazzjoni ċara li dawn mhumiex maħsuba għall-kultivazzjoni.

(12)

Jenħtieġ li d-detentur tal-awtorizzazzjoni jressaq rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni u dwar ir-riżultati tal-attivitajiet stabbiliti fil-pjan ta’ monitoraġġ għall-effetti ambjentali. Jenħtieġ li dawk ir-riżultati jiġu ppreżentati f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/770/KE (6).

(13)

Jenħtieġ li d-detentur tal-awtorizzazzjoni jressaq ukoll lill-Kummissjoni rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-attivitajiet stabbiliti fil-pjan ta’ monitoraġġ ta’ wara t-tqegħid fis-suq.

(14)

Jenħtieġ li l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-awtorizzazzjoni tal-prodotti koperti b’din id-Deċiżjoni tiddaħħal fir-reġistru Komunitarju ta’ ikel u għalf modifikati ġenetikament imsemmi fl-Artikolu 28(1) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

(15)

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata permezz taċ-Ċentru ta’ Skambju ta’ Informazzjoni dwar il-Bijosikurezza lill-Partijiet tal-Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Bijosigurtà lill-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, skont l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 15(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1946/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(16)

Il-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf ma tax opinjoni fil-limitu ta’ żmien stipulat mill-President tiegħu. Dan l-att ta’ implimentazzjoni tqies li huwa neċessarju u l-president ressqu lill-kumitat ta’ appell għal deliberazzjoni ulterjuri. Il-kumitat tal-appell ma tax opinjoni,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Organiżmu ġenetikament modifikat u identifikatur uniku

Il-lift taż-żrieragħ żejtnija (Brassica napus L.) ġenetikament modifikat 73496, kif speċifikat fil-punt (b) tal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, huwa assenjat l-identifikatur uniku DP-Ø73496-4, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 65/2004.

Artikolu 2

Awtorizzazzjoni

Il-prodotti li ġejjin huma awtorizzati għall-finijiet tal-Artikolu 4(2) u tal-Artikolu 16(2) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni:

(a)

l-ikel u l-ingredjenti tal-ikel li fihom lift taż-żrieragħ żejtnija ġenetikament modifikat DP-Ø73496-4, li jikkonsistu minnu jew li magħmulin minnu;

(b)

l-għalf li fih il-lift taż-żrieragħ żejtnija ġenetikament modifikat DP-Ø73496-4, li jikkonsisti minnu jew li magħmul minnu;

(c)

il-prodotti li fihom lift taż-żrieragħ żejtnija ġenetikament modifikat DP-Ø73496-4, jew li jikkonsistu minnu għal użi għajr dawk previsti fil-punti (a) u (b), bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni.

Artikolu 3

Tikkettar

1.   Għall-finijiet tar-rekwiżiti tat-tikkettar stabbiliti fl-Artikolu 13(1) u fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 1830/2003, l-“isem tal-organiżmu” għandu jkun “lift taż-żrieragħ żejtnija”.

2.   Il-kelmiet “mhux għall-kultivazzjoni” għandhom jidhru fuq it-tikketta u fid-dokumenti li jakkumpanjaw il-prodotti li fihom il-lift taż-żrieragħ żejtnija ġenetikament modifikat DP-Ø73496-4 jew li jikkonsistu minnu, kif imsemmi fl-Artikolu 1, bl-eċċezzjoni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 2(a).

Artikolu 4

Metodu għad-detezzjoni

Il-metodu stabbilit fil-punt (d) tal-Anness għandu japplika għad-detezzjoni tal-lift taż-żrieragħ żejtnija ġenetikament modifikat DP-Ø73496-4.

Artikolu 5

Monitoraġġ għall-effetti ambjentali

1.   Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jiżgura li l-pjan ta’ monitoraġġ għall-effetti ambjentali, kif stabbilit fil-punt (h) tal-Anness, jitqiegħed fis-seħħ u jiġi implimentat.

2.   Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jressaq rapporti annwali lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-attivitajiet stabbiliti fil-pjan ta’ monitoraġġ, f’konformità mal-format stabbilit fid-Deċiżjoni 2009/770/KE.

Artikolu 6

Monitoraġġ ta’ wara t-tqegħid fis-suq

1.   Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jiżgura li l-pjan ta’ monitoraġġ ta’ wara t-tqegħid fis-suq għal-lift taż-żrieragħ żejtnija DP-Ø73496-4 ġenetikament modifikat, kif stabbilit fil-punt (i) tal-Anness, jiddaħħal fis-seħħ u jiġi implimentat.

2.   Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jressaq lill-Kummissjoni rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-attivitajiet stabbiliti fil-pjan ta’ monitoraġġ ta’ wara t-tqegħid fis-suq.

Artikolu 7

Reġistru Komunitarju

L-informazzjoni stabbilita fl-Anness għandha tiddaħħal fir-reġistru Komunitarju ta’ ikel u għalf modifikati ġenetikament, kif imsemmi fl-Artikolu 28(1) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003.

Artikolu 8

Detentur tal-awtorizzazzjoni

Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jkun Corteva Agriscience LLC, irrappreżentata fl-Unjoni minn Corteva Agriscience Belgium B.V.

Artikolu 9

Validità

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal perjodu ta’ 10 snin mid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 10

Destinatarju

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lil Corteva Agriscience LLC, 9330 Zionsville Road Indianapolis, Indiana, 46268-1054, l-Istati Uniti, irrappreżentata fl-Unjoni minn Corteva Agriscience Belgium B.V., Bedrijvenlaan 9, 2800 Mechelen, il-Belġju.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Marzu 2022.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.

(2)  Id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE (ĠU L 106, 17.4.2001, p. 1).

(3)  Il-Bord EFSA dwar l-OĠM (Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati), 2021. Scientific Opinion on assessment of genetically modified oilseed rape 73496 for food and feed uses, under Regulation (KE) Nru 1829/2003 (application EFSA-GMO-NL-2012-109). EFSA Journal 2021; 19(6):6610, 57 pp. https://doi.org/10.2903/j.efsa.2021.6610.

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 65/2004 tal-14 ta’ Jannar 2004 li jistabbilixxi sistema għall-iżvilupp u l-assenjazzjoni ta’ identifikaturi uniċi għal organiżmi modifikati ġenetikament (ĠU L 10, 16.1.2004, p. 5).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1830/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar it-traċċabilità u l-ittikkettar ta’ organiżmi modifikati ġenetikament u t-traċċabilità ta’ prodotti tal-ikel u għalf manifatturati minn organiżmi modifikati ġenetikament u li jemenda d-Direttiva 2001/18/KE (ĠU L 268, 18.10.2003, p. 24).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/770/KE tat-13 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi formati standard tar-rappurtar għall-preżentazzjoni tar-riżultati tal-monitoraġġ tar-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi modifikati ġenetikament, bħala jew fi prodotti, għal għan tat-tqegħid fis-suq, skont id-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 275, 21.10.2009, p. 9).

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 1946/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar il-movimenti transkonfinali ta’ organiżmi modifikati ġenetikament (ĠU L 287, 5.11.2003, p. 1).


ANNESS

(a)

Applikant u detentur tal-awtorizzazzjoni:

Isem

:

Corteva Agriscience LLC

Indirizz

:

9330 Zionsville Road, Indianapolis, IN 46268-1054, l-Istati Uniti.

Rappreżentata fl-Unjoni minn: Corteva Agriscience Belgium B.V., Bedrijvenlaan 9, 2800 Mechelen, il-Belġju.

(b)

Denominazzjoni u speċifikazzjoni tal-prodotti:

(1)

l-ikel u l-ingredjenti tal-ikel li fihom lift taż-żrieragħ żejtnija ġenetikament modifikat DP-Ø73496-4, li jikkonsistu minnu jew li magħmulin minnu;

(2)

l-għalf li fih lift taż-żrieragħ żejtnija ġenetikament modifikat DP-Ø73496-4, li jikkonsisti minnu jew li magħmul minnu;

(3)

il-prodotti li fihom lift taż-żrieragħ żejtnija ġenetikament modifikat DP-Ø73496-4, li jikkonsistu minnu jew li magħmulin minnu għal użi għajr dawk previsti fil-punti (1) u (2), bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni.

Il-lift taż-żrieragħ żejtnija ġenetikament modifikat DP-Ø73496-4 jesprimi l-ġene gat4621, li jikkonferixxi tolleranza għall-erbiċidi li għandhom bażi ta’ glifosat.

(c)

Tikkettar:

(1)

Għall-finijiet tar-rekwiżiti tat-tikkettar stabbiliti fl-Artikolu 13(1) u fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u fl-Artikolu 4(6) tar-Regolament (KE) Nru 1830/2003, l-“isem tal-organiżmu” għandu jkun “lift taż-żrieragħ żejtnija”.

(2)

Għandu jidher il-kliem “mhux għall-kultivazzjoni” fuq it-tikketta tal-prodotti u fid-dokumenti li jakkumpanjaw il-prodotti li fihom lift taż-żrieragħ żejtnija ġenetikament modifikat DP-Ø73496-4 jew li jikkonsistu minnu, bl-eċċezzjoni tal-prodotti msemmija fil-punt (b)(1).

(d)

Metodu għad-detezzjoni:

(1)

Metodu kwantitattiv fil-ħin reali speċifiku għall-event u abbażi tal-PCR u għad-detezzjoni tal-lift taż-żrieragħ żejtnija ġenetikament modifikat DP-Ø73496-4;

(2)

Ivvalidat mil-Laboratorju ta’ Referenza tal-UE stabbilit skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, ippubblikat fuq http://gmo-crl.jrc.ec.europa.eu/StatusOfDossiers.aspx;

(3)

Materjal ta’ Referenza: ERM®-BF434 huwa aċċessibbli permezz taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni Ewropea fuq https://crm.jrc.ec.europa.eu/

(e)

Identifikatur uniku:

DP-Ø73496-4

(f)

Informazzjoni meħtieġa skont l-Anness II tal-Protokoll ta’ Cartagena dwar il-Bijosigurtà lill-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika:

[in-numru tal-ID tar-Rekord taċ-Ċentru ta’ Skambju ta’ Informazzjoni dwar il-Bijosikurezza: ippubblikat fir-reġistru Komunitarju ta’ ikel u għalf modifikati ġenetikament meta jiġi nnotifikat].

(g)

Kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq, għall-użu jew għall-maniġġ tal-prodotti:

Mhux meħtieġa.

(h)

Pjan ta’ monitoraġġ għall-effetti ambjentali:

Pjan ta’ sorveljar għall-effetti ambjentali f’konformità mal-Anness VII tad-Direttiva 2001/18/KE

[Link: pjan ippubblikat fir-reġistru Komunitarju ta’ ikel u għalf modifikati ġenetikament]

(i)

Pjan ta’ monitoraġġ ta’ wara t-tqegħid fis-suq:

1.

Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jiġbor din l-informazzjoni:

(i)

kwantitajiet ta’ lift taż-żrieragħ żejtnija ġenetikament modifikat DP-Ø73496-4 importat fl-Unjoni għat-tqegħid fis-suq u ta’ prodotti dderivati mil-lift taż-żrieragħ żejtnija ġenetikament modifikat DP-Ø73496-4 għall-ikel u għall-għalf;

(ii)

fil-każ tal-importazzjoni, id-data dwar il-konsum għall-bnedmin u għall-annimali ta’ lift taż-żrieragħ żejtnija ġenetikament modifikat DP-Ø73496-4 u tal-prodotti dderivati mil-lift taż-żrieragħ żejtnija ġenetikament modifikat DP-Ø73496-4 għall-ikel u għall-għalf.

2.

Id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu, abbażi tal-informazzjoni miġbura u rrappurtata:

(i)

jirrevedi d-data prevista dwar il-konsum taż-żrieragħ tal-lift żejtnija ġenetikament modifikat DP-Ø73496-4;

(ii)

jivverifika li l-kundizzjonijiet tal-użu tal-lift taż-żrieragħ żejtnija ġenetikament modifikat DP-Ø73496-4 huma dawk ikkunsidrati matul il-valutazzjoni tar-riskju ta’ qabel it-tqegħid fis-suq.

Nota: għandu mnejn li l-links għad-dokumenti rilevanti jkollhom bżonn jinbidlu minn żmien għall-ieħor. Dawk it-tibdiliet se jkunu disponibbli għall-pubbliku permezz tal-aġġornament tar-reġistru Komunitarju ta’ ikel u għalf modifikati ġenetikament.


Top