Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R2082

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2082 tas-26 ta’ Novembru 2021 li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-iskema komuni Ewropea għall-klassifikazzjoni tar-riskji (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2021/8476

    ĠU L 426, 29.11.2021, p. 32–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 29/11/2021

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/2082/oj

    29.11.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 426/32


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2082

    tas-26 ta’ Novembru 2021

    li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-iskema komuni Ewropea għall-klassifikazzjoni tar-riskji

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta’ okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u (KE) Nru 1330/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(7) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    F’konformità mar-Regolament (UE) Nru 376/2014, l-Istati Membri u l-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (“l-Aġenzija”) huma meħtieġa jistabbilixxu mekkaniżmu għall-ġbir, l-evalwazzjoni, l-ipproċessar, l-analiżi u l-ħażna ta’ dettalji tal-okkorrenzi b’mod indipendenti. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jridu jfasslu rapporti tal-okkorrenzi abbażi tad-dettalji tal-okkorrenzi u jaħżnuhom f’bażi tad-data nazzjonali. L-istess obbligu jeżisti għall-Aġenzija, li trid tfassal rapporti tal-okkorrenzi abbażi tad-dettalji tal-okkorrenzi u taħżinhom f’bażi tad-data.

    (2)

    F’konformità mal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 376/2014, l-Istati Membri u l-Aġenzija għandhom jipparteċipaw fi skambju ta’ informazzjoni billi jagħmlu l-informazzjoni kollha relatata mas-sikurezza maħżuna fil-bażijiet tad-data ta’ rappurtar rispettivi tagħhom disponibbli permezz tar-Repożitorju Ċentrali Ewropew (ECR).

    (3)

    Skont ir-Regolament (UE) Nru 376/2014, ir-rapporti tal-okkorrenzi għandhom jinkludu klassifikazzjoni tar-riskju tas-sikurezza li hija soġġetta għal rieżami mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew mill-Aġenzija, u għandhom jiġu ttrasferiti fl-ECR. Sabiex jiġi żgurat li r-rapporti dwar l-okkorrenzi li jinsabu fl-ECR ikunu kollha kklassifikati b’mod armonizzat, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Aġenzija jiżguraw li l-klassifikazzjoni f’dawk ir-rapporti tiġi ddeterminata f’konformità mal-iskema komuni Ewropea għall-klassifikazzjoni tar-riskji (ERCS) kif stabbilit fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2034 (2).

    (4)

    Issa jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-arranġamenti għal implimentazzjoni armonizzata u konsistenti tal-ERCS mill-Aġenzija u mill-Istati Membri.

    (5)

    Meta r-rapporti dwar l-okkorrenzi jkun fihom klassifikazzjoni tar-riskju ddeterminata bl-użu ta’ metodoloġiji għajr l-ERCS, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew l-Aġenzija jikklassifikaw ir-riskju tal-okkorrenza kkonċernata f’konformità mal-ERCS kif definit fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2034.

    (6)

    F’każijiet fejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew l-Aġenzija jiddeċiedu li jużaw proċedura ta’ konverżjoni biex jikkonvertu l-klassifikazzjonijiet tar-riskju msemmija fil-premessa 5 fi klassifikazzjoni tal-ERCS, u fejn tali metodoloġiji jkunu ARMS-ERC 4x4 jew RAT “ATM Ġenerali”, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew l-Aġenzija jużaw il-proċedura ta’ konverżjoni diretta pprovduta f’dan ir-Regolament.

    (7)

    Meta l-proċedura ta’ konverżjoni stabbilita fl-Anness ma tkunx applikabbli, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-Aġenzija jitħallew jużaw proċeduri ta’ konverżjoni oħra sakemm tinkiseb klassifikazzjoni tal-ERCS ekwivalenti.

    (8)

    Jeħtieġ li l-ERCS tiġi mmonitorjata u mtejba b’mod kontinwu sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tagħha. Hemm bżonn li jiġu stabbiliti regoli dettaljati għal tali monitoraġġ u titjib, u jenħtieġ li l-Aġenzija tassisti lill-Kummissjoni b’dak ir-rieżami u monitoraġġ. Għal dak il-fini, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrappurtaw lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni dwar l-użu tal-ERCS u tal-valutazzjoni tagħha b’mod regolari u fi żmien l-iskadenzi stipulati.

    (9)

    Jeħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, u l-Aġenzija jħejju għall-applikazzjoni tal-ERCS, b’mod partikolari billi jaġġustaw il-proċessi interni tagħhom u possibbilment jallokaw riżorsi addizzjonali. Madankollu, l-Artikolu 24(3) tar-Regolament (UE) Nru 376/2014 jipprevedi li l-Artikolu 7(2) ta’ dak ir-Regolament, li jordna l-użu tal-ERCS mill-Istati Membri u mill-Aġenzija, għandu japplika ladarba jidħlu fis-seħħ l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw u jiżviluppaw l-ERCS. Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2034 li jiddefinixxi l-ERCS diġà daħal fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2020. Għalhekk, mhuwiex possibbli li l-applikabbiltà tal-obbligu tal-użu tal-ERCS tiġi ttardjata lil hinn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, għall-finijiet tar-rieżami annwali tas-sikurezza ppubblikat mill-Aġenzija f’konformità mal-Artikolu 72(7) tar-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), huwa essenzjali li r-rapporti tal-okkorrenzi li jiġu applowdjati fl-ECR fi żmien sena jingħataw punteġġ b’mod armonizzat. L-obbligu li l-okkorrenzi jiġu kklassifikati f’konformità mal-ERCS jenħtieġ li jibda japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Għalhekk, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2023.

    (10)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 127 tar-Regolament (UE) 2018/1139,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-iskema komuni Ewropea għall-klassifikazzjoni tar-riskji (“ERCS”) stabbilita fir-Regolament Delegat (UE) 2020/2034.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/2034.

    Japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “Metodoloġija tal-ARMS-ERC” tfisser il-metodoloġija żviluppata mill-grupp ta’ ħidma tal-industrija “Soluzzjonijiet ta’ Ġestjoni tar-Riskji tal-Linji tal-Ajru” (ARMS) għall-valutazzjoni tar-riskji operazzjonali;

    (2)

    “ATM” tfisser ġestjoni tat-traffiku tal-ajru kif definit fl-Artikolu 2(10) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4);

    (3)

    “Punteġġ tas-severità ATM fl-Ajru” tfisser il-parti tal-metodoloġija tal-RAT li tivvaluta l-prestazzjoni tal-operazzjoni fl-ajru tal-okkorrenza;

    (4)

    “Punteġġ tas-severità ATM fuq l-Art” tfisser il-parti tal-metodoloġija tal-RAT li tivvaluta l-prestazzjoni tas-sistema (proċeduri, tagħmir u element uman) tas-sistema tal-ATM;

    (5)

    “Punteġġ tas-severità ATM Ġenerali” tfisser il-punteġġ tas-severità ATM fuq l-Art u l-punteġġ tas-severità ATM fl-Ajru ikkombinati f’punteġġ wieħed;

    (6)

    “Metodoloġija tal-RAT” tfisser il-metodoloġija tal-Għodda għall-Analiżi tar-Riskji żviluppata mill-Eurocontrol li tintuża għall-klassifikazzjoni tal-okkorrenzi relatati mas-sikurezza fil-qasam tal-ATM;

    (7)

    “Eurocontrol” hija l-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sikurezza tan-Navigazzjoni bl-Ajru mwaqqfa bil-Konvenzjoni Internazzjonali tat-13 ta’ Diċembru 1960 dwar il-Koperazzjoni għas-Sikurezza tan-Navigazzjoni bl-Ajru (5).

    Artikolu 3

    Rieżami, emendar u approvazzjoni tal-klassifikazzjoni tar-riskju tas-sikurezza

    1.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru jew l-Aġenzija għandha tirrieżamina u, jekk ikun meħtieġ, temenda u tapprova l-klassifikazzjoni tar-riskju tas-sikurezza li tinsab fir-rapport tal-okkorrenzi tal-okkorrenza kkonċernata f’konformità mal-ERCS kif stabbilit fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2034.

    2.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru jew l-Aġenzija għandha tuża l-proċedura ta’ konverżjoni diretta stabbilita fl-Anness meta tikkonverti l-klassifikazzjoni tar-riskju għas-sikurezza determinata permezz tal-metodoloġiji ARMS/ERC 4x4 jew RAT “ATM Ġenerali”. Għal klassifikazzjonijiet tar-riskju għas-sikurezza ddeterminati permezz ta’ metodoloġiji oħra, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru jew l-Aġenzija tista’ tuża l-proċedura ta’ konverżjoni manwali stabbilita fil-punt 2 tal-Anness, jew proċeduri oħra ta’ konverżjoni kif jitqies xieraq, sakemm tinkiseb klassifikazzjoni tal-ERCS ekwivalenti.

    Artikolu 4

    Monitoraġġ u titjib tal-ERCS

    1.   Fil-31 ta’ Marzu 2026 u kull ħames snin wara dik id-data, kull Stat Membru għandu jipprovdi lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija b’rapport dwar l-użu tal-ERCS.

    2.   L-Aġenzija għandha tirrieżamina l-informazzjoni li tirċievi mingħand l-Istati Membri f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, kif ukoll informazzjoni oħra li l-Aġenzija tista’ tirċievi rigward l-implimentazzjoni tal-ERCS. Ir-rieżami mill-Aġenzija jista’ jqis il-kompetenza tan-Network ta’ Analisti tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (NoA) imsemmi fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) Nru 376/2014 u tal-gruppi ta’ esperti rilevanti jekk ikunu stabbiliti mill-Aġenzija.

    Artikolu 5

    Monitoraġġ tal-kompatibbiltà ma’ skemi oħra għall-klassifikazzjoni tar-riskji

    1.   Il-proċeduri ta’ konverżjoni stabbiliti fl-Anness għandhom ikunu soġġetti għal rieżami b’mod regolari mill-Aġenzija, sabiex tiġi żgurata l-kontinwazzjoni tar-rilevanza tagħha. Ir-rieżami jista’ jqis l-għarfien espert tal-NoA u tal-gruppi ta’ esperti rilevanti jekk ikunu stabbiliti mill-Aġenzija.

    2.   Fejn applikabbli, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija dwar l-użu tal-proċedura ta’ konverżjoni manwali stabbilita fil-punt 2 tal-Anness u proċeduri oħra ta’ konverżjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 6

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2023.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Novembru 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 122, 24.4.2014, p. 18.

    (2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2034 tas-6 ta’ Ottubru 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-iskema komuni Ewropea għall-klassifikazzjoni tar-riskji (ĠU L 416, 11.12.2020, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1).

    (5)  Konvenzjoni modifikata bil-protokoll tat-12 ta’ Frar 1981 u riveduta bil-Protokoll tas-27 ta’ Ġunju 1997.


    ANNESS

    Il-proċeduri ta’ konverżjoni mill-Għodda għall-Analiżi tar-Riskji (RAT) u s-Soluzzjonijiet ta’ Ġestjoni tar-Riskji tal-Avjazzjoni – Punteġġi tal-Klassifikazzjoni tar-Riskji tal-Avvenimenti (ARMS-ERC) lejn l-Iskema Komuni Ewropea għall-Klassifikazzjoni tar-Riskji (ERCS).

    Dan l-Anness jistabbilixxi proċeduri ta’ konverżjoni mill-punteġġi tal-RAT u tal-ARMS ERC lejn il-punteġġ tal-ERCS (1) definit fil-Pass 2 tal-Anness tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2034.

    Il-proċeduri ta’ konverżjoni li ġejjin jipprovdu konverżjoni diretta jew manwali biex tinkiseb klassifikazzjoni tal-ERCS ekwivalenti għall-punteġġi tal-RAT u/jew tal-ARMS ERC f’konformità mal-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

    1.   KONVERŻJONI DIRETTA

    Il-proċedura ta’ konverżjoni mandatorja tikkonsisti miż-żewġ flussi tax-xogħol li ġejjin:

    Il-fluss tax-xogħol 1 — jipprovdi konverżjoni diretta biex jinkiseb il-punteġġ tas-severità tal-ERCS.

    Il-fluss tax-xogħol 2 — jipprovdi konverżjoni diretta biex jinkiseb il-punteġġ tal-probabbiltà tal-ERCS.

    L-Illustrazzjoni 1 tipprovdi ħarsa ġenerali tal-proċeduri. Il-punt tat-tluq tal-proċess huwa l-kaxxa “Rapport tal-Okkorrenza Ippreżentat”, u l-output huwa l-kaxxa “Punteġġ ERCS Ekwivalenti”. Il-linji bit-tikek fl-Illustrazzjoni 1 jindikaw li huwa meħtieġ sors wieħed biss għal kull riżultat tal-proċess.

    Image 1
    Illustrazzjoni 1 Proċeduri ta’ konverżjoni

    1.1.    FLUSS TAX-XOGĦOL 1 — punteġġ tas-severità tal-ERCS

    a.   Informazzjoni tal-“Kategorija tal-okkorrenza” u tal-“Grupp tal-massa”

    Jekk ir-rapport tal-okkorrenza jkun fih informazzjoni dwar il-“kategorija tal-okkorrenza” tal-okkorrenza u l-“grupp tal-massa”, dawn jistgħu jiġu kkonvertiti lejn il-punteġġ tal-ERCS “Severità tal-eżitu potenzjali tal-aċċident”. Il-pass li jmiss huwa (b) tal-Illustrazzjoni 1.

    Jekk ir-rapport tal-okkorrenza ma jkun fih l-ebda informazzjoni dwar il-“kategorija tal-okkorrenza” jew il-“grupp tal-massa”, jew it-tnejn, il-konverżjoni diretta ma tkunx possibbli. Jekk tintuża l-konverżjoni manwali deskritta fil-punt 2 ta’ dan l-Anness, il-pass li jmiss huwa (D) tal-Illustrazzjonijiet 1 u 5.

    b.   Konverżjoni tal-“kategorija tal-okkorrenza” u tal-Qasam ta’ Riskju Ewlieni (KRA) tal-ERCS

    Jekk il-“kategorija tal-okkorrenza” tar-rapport tal-okkorrenza tikkorrispondi direttament ma’ waħda mill-Oqsma ta’ Riskju Ewlenin tal-ERCS definiti fil-punt 1.2 tal-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2020/2034, il-pass li jmiss huwa (c) tal-Illustrazzjoni 1.

    Għal rapporti tal-okkorrenzi b’“kategoriji tal-okkorrenza” differenti mill-Oqsma ta’ Riskju Ewlenin tal-ERCS, ma jkunx hemm konverżjoni diretta. Jekk tintuża l-konverżjoni manwali deskritta fil-punt 2 ta’ dan l-Anness, il-pass li jmiss huwa (D) tal-Illustrazzjonijiet 1 u 5.

    c.   Punteġġ tal-ERCS “Severità tal-eżitu potenzjali tal-aċċident” — konverżjoni diretta

    Jekk ir-rapport tal-okkorrenza jkun fih informazzjoni dwar il-“kategorija tal-okkorrenza” u l-“grupp tal-massa”, il-punteġġ tas-severità jiġi kkonvertit direttament lejn punteġġ xieraq tal-ERCS “Severità tal-eżitu potenzjali tal-aċċident. Ir-riżultat huwa (k), li jagħti l-ewwel ċifra li tikkorrispondi għall-valur alfabetiku li jirriżulta mill-kalkolu tas-severità tal-okkorrenza (punteġġ tas-severità A sa X).

    1.2.    FLUSS TAX-XOGĦOL 2 — punteġġ tal-probabbiltà tal-ERCS

    e.   Rapport tal-okkorrenzi mogħti punteġġ bl-użu tal-RAT

    Jekk ir-rapport tal-okkorrenzi jkun ingħata punteġġ bl-użu tal-metodoloġija tal-RAT (2):

    Ir-rapporti dwar l-okkorrenzi li jkollhom klassifikazzjoni tal-punteġġ tas-severità tal-RAT “ATM Ġenerali” jistgħu jiġu mmappjati direttament fil-kolonni tal-probabbiltà tal-ERCS kif spjegat fl-istadju (g) tal-Illustrazzjoni 2.

    Ir-rapporti tal-okkorrenzi li għandhom biss punteġġ tas-severità (3) tal-RAT “ATM fuq l-Art” iridu jiġu kkonvertiti manwalment biex jiġi pprovdut il-punteġġ tal-probabbiltà tal-ERCS. Jekk tintuża l-konverżjoni manwali deskritta fil-punt 2 ta’ dan l-Anness, il-pass li jmiss huwa (L) tal-Illustrazzjoni 5.

    Fil-każ ta’ rapporti tal-okkorrenzi kodifikati bħala “okkorrenza speċifika għall-ATM”, il-konverżjoni bejn il-punteġġi tal-RAT u tal-ERCS mhijiex possibbli.

    f.   Punteġġ tas-severità tal-RAT “ATM Ġenerali”

    Jekk rapport tal-okkorrenzi jkun fih il-punteġġ tas-severità “ATM ġenerali”, il-pass li jmiss huwa (g) tal-Illustrazzjoni 1.

    g.   Il-kolonna tal-ERCS “Probabbiltà tal-eżitu potenzjali tal-aċċident” konvertita mill-valur tal-RAT “ATM Ġenerali” (rilevanti biss għall-valuri A, B, C, E)

    Għar-rapporti tal-okkorrenzi bi klassifikazzjoni tas-severità “ATM Ġenerali” (A, B, C, E), tapplika l-konverżjoni diretta li ġejja lejn kategoriji ta’ probabbiltà tal-ERCS:

    Image 2
    Illustrazzjoni 2 Konverżjoni tal-punteġġ tas-severità tal-RAT ATM Ġenerali lejn il-punteġġ tal-probabbiltà tal-ERCS

    h.   Rapporti tal-okkorrenzi kklassifikati bl-użu tal-metodoloġija tal-ARMS-ERC

    Għar-rapporti tal-okkorrenzi li ngħataw punteġġ skont l-ARMS-ERC, il-pass li jmiss huwa (i) tal-Illustrazzjoni 1.

    Għar-rapporti tal-okkorrenzi li ma ġewx ivvalutati skont il-metodoloġija tal-ARMS-ERC, il-pass li jmiss huwa (M) tal-Illustrazzjoni 5.

    i.   Matriċi standard 4x4 ARMS-ERC

    Jekk il-matriċi 4x4 ARMS-ERC murija fl-Illustrazzjoni 3 tintuża għall-għoti ta’ punteġġ lir-rapport tal-okkorrenzi, il-pass li jmiss huwa (j) tal-Illustrazzjoni 1.

    Image 3
    Illustrazzjoni 3 Matriċi standard 4x4 ARMS-ERC

    j.   Punteġġ tal-ERCS “Probabbiltà tal-eżitu potenzjali tal-aċċident” — konverżjoni diretta

    Jekk ir-rapport tal-okkorrenzi jkun fih klassifikazzjoni tal-ARMS “Effettività tal-ilqugħ”, biex jiġi ddeterminat il-punteġġ tal-ERCS “Probabbiltà tal-eżitu potenzjali tal-aċċident” tintuża konverżjoni diretta suċċessiva lejn il-matriċi tal-ERCS.

    Image 4
    Illustrazzjoni 4 Konverżjoni tal-ARMS-ERC lejn il-kategoriji ta’ probabbiltà tal-ERCS

    k.   Punteġġ tal-ERCS ekwivalenti

    Il-kombinament tal-punteġġi tal-ERCS “Severità tal-eżitu potenzjali tal-aċċident” u “Probabbiltà tal-eżitu potenzjali tal-aċċident” huma kkombinati fil-matriċi tal-ERCS biex jiġi ġġenerat punteġġ ekwivalenti tal-ERCS kif stabbilit fil-Pass 2 tal-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2020/2034.

    2.   KONVERŻJONI MANWALI

    Din il-konverżjoni manwali tikkonsisti miż-żewġ flussi tax-xogħol li ġejjin:

    Il-fluss tax-xogħol 1 — jipprovdi konverżjoni manwali biex jinkiseb il-punteġġ tas-severità tal-ERCS;

    Il-fluss tax-xogħol 2 — jipprovdi konverżjoni manwali biex jinkiseb il-punteġġ tal-probabbiltà tal-ERCS.

    Image 5
    Illustrazzjoni 5 Konverżjoni manwali

    2.1.    FLUSS TAX-XOGĦOL 1

    D.   Punteġġ tal-ERCS “Severità tal-eżitu potenzjali tal-aċċident” — konverżjoni manwali

    Jekk ir-rapport tal-okkorrenza ma jkun fih l-ebda informazzjoni dwar il-“kategorija tal-okkorrenza” jew il-“grupp tal-massa”, jew it-tnejn li huma, il-metodoloġija tal-ERCS definita fl-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2020/2034 tapplika biex jiġi ddeterminat l-“Eżitu Potenzjali tal-Aċċident” jew il-Qasam ta’ Riskju Ewlieni. Ir-riżultat finali huwa (k), li jagħti l-ewwel ċifra li tikkorrispondi għall-valur alfabetiku li jirriżulta mill-kalkolu tas-severità tal-okkorrenza (punteġġ tas-severità A sa X).

    2.2.    FLUSS TAX-XOGĦOL 2

    L.   Il-kolonna tal-ERCS “Probabbiltà tal-eżitu potenzjali tal-aċċident” — proċedura manwali

    Għar-rapporti tal-okkorrenzi li ma fihom l-ebda severità “ATM Ġenerali”, ma hemm l-ebda konverżjoni diretta lejn il-punteġġ tal-ERCS “Probabbiltà tal-eżitu potenzjali tal-aċċident”.

    Madankollu, is-severità “ATM fuq l-Art” tista’ tipprevedi konverżjoni parzjali permezz tal-immappjar tal-valutazzjoni tal-ilqugħ “ATM fuq l-Art” u tal-proċess tal-valutazzjoni tal-ilqugħ tal-ERCS definit fil-punt 2.1.3 tal-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2020/2034.

    M.   Punteġġ tal-ERCS “Probabbiltà tal-eżitu potenzjali tal-aċċident” — proċess manwali

    Jekk ir-rapporti tal-okkorrenzi ma jużawx il-matriċi 4x4 ARMS-ERC biex jingħata punteġġ lill-okkorrenza, biex jiġi ġġenerat punteġġ tal-ERCS “Probabbiltà tal-eżitu potenzjali tal-aċċident”, il-valur tal-valutazzjoni tal-ilqugħ tal-ARMS-ERC jiġi kkonvertit lejn il-valutazzjoni tal-ilqugħ tal-ERCS stabbilita fil-punt 2.1.3 tal-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2020/2034.

    k.   Punteġġ tal-ERCS ekwivalenti

    Il-kombinament tal-punteġġi tal-ERCS “Severità tal-eżitu potenzjali tal-aċċident” u “Probabbiltà tal-eżitu potenzjali tal-aċċident” huma kkombinati fil-matriċi tal-ERCS biex jiġi ġġenerat punteġġ ekwivalenti tal-ERCS kif stabbilit fil-Pass 2 tal-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2020/2034.


    (1)  Il-punteġġ tal-ERCS huwa valur ta’ żewġ ċifri li l-ewwel ċifra tiegħu tikkorrispondi għall-valur alfabetiku li jirriżulta mill-kalkolu tas-severità tal-okkorrenza (punteġġ tas-severità A sa X), filwaqt li t-tieni ċifra tiegħu tirrappreżenta l-valur numeriku mill-kalkolu tal-punteġġ korrispondenti tal-okkorrenza (probabbiltà).

    (2)  Il-metodoloġija tal-RAT tikklassifika okkorrenzi relatati mal-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru. Il-metodoloġija tal-RAT ma tagħtix punteġġ lill-aċċidenti, peress li tkejjel biss kemm l-okkorrenza tal-ATM waslet viċin li ssir aċċident. Il-metodoloġija tal-RAT hija maqsuma f’diversi elementi ewlenin (jiġifieri “ATM fuq l-Art”, “ATM fl-Ajru”), li fihom kull wieħed jagħti parti mill-input għall-punteġġ finali tas-severità tal-RAT “ATM Ġenerali”. Sabiex jinkiseb il-punteġġ tas-severità “ATM Ġenerali”, iridu jkunu disponibbli kemm il-punteġġ tas-severità “ATM fuq l-Art” kif ukoll il-punteġġ tas-severità “ATM fl-Ajru”.

    (3)  Is-“severità” skont il-metodoloġija tal-RAT tindika kemm kienet ħażina l-okkorrenza attwali meta mqabbla ma’ okkorrenzi oħra. Il-metodoloġija tal-RAT tiddetermina s-“severità” permezz ta’ valutazzjoni tad-difiżi/tal-ilqugħ.


    Top