Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1691

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1691 tat-12 ta’ Lulju 2021 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti għaż-żamma tar-rekords għall-operaturi fil-produzzjoni organika (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/5001

ĠU L 334, 22.9.2021, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/1691/oj

22.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 334/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1691

tat-12 ta’ Lulju 2021

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti għaż-żamma tar-rekords għall-operaturi fil-produzzjoni organika

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 34(8) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 jistabbilixxi xi rekwiżiti għaż-żamma tar-rekords dwar ċerti regoli speċifiċi tal-produzzjoni. Ir-rekords jistgħu jkunu rilevanti għall-finijiet ta’ traċċabbiltà, kontroll intern tal-kwalità u għall-valutazzjoni tal-konformità mar-regoli dettaljati tal-produzzjoni organika stabbiliti f’dak l-Anness.

(2)

Minkejja d-dispożizzjonijiet dwar iż-żamma tar-rekords stabbiliti fil-punt (c) tal-Artikolu 9(10), l-Artikolu 34(5) u l-punt (a) tal-Artikolu 39(1) tar-Regolament (UE) 2018/848, huwa neċessarju li jiġu spjegati aktar ir-rekwiżiti minimi għaż-żamma tar-rekords f’kull qasam ta’ produzzjoni kopert mid-diversi partijiet tal-Anness II ta’ dak ir-Regolament.

(3)

Hemm bżonn ukoll li jiġu introdotti ċerti elementi speċifiċi biex tiġi żgurata l-konsistenza u bażi armonizzata għaż-żamma tar-rekords, li hija meqjusa kruċjali biex l-operaturi jkunu jistgħu jipprovdu evidenza tal-applikazzjoni effettiva tar-regoli dwar il-produzzjoni organika.

(4)

L-emendi li saru b’dan ir-Regolament huma mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti għaż-żamma tar-rekords stabbiliti f’atti oħra tal-Unjoni bħal dawk li jikkonċernaw l-ikel u s-sikurezza tal-ikel, l-għalf u s-sikurezza tal-għalf, is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, is-saħħa tal-pjanti, il-protezzjoni tal-pjanti u l-materjal riproduttiv tal-pjanti. Għalhekk, għall-finijiet tar-Regolament (UE) 2018/848, huma biss l-elementi komplementari li jippermettu l-verifika tal-konformità mar-regoli tal-produzzjoni organika li se jkollhom jiġu rreġistrati minn dawk l-operaturi li diġà jissodisfaw ir-rekwiżiti għaż-żamma tar-rekords skont atti oħra tal-Unjoni, mingħajr il-ħtieġa li jiġu dduplikati. Madankollu, ċerti rekwiżiti għaż-żamma tar-rekords huma ripetuti fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 kif emendat b’dan ir-Regolament, minħabba li huma rilevanti għall-operaturi f’pajjiżi terzi.

(5)

Fir-rigward tar-regoli tal-produzzjoni tal-pjanti, għall-fini tar-reġistrazzjoni tad-data dwar l-użu ta’ fertilizzanti u kondizzjonaturi tal-ħamrija, huwa meħtieġ li jiġu inklużi ċerti parametri tal-applikazzjoni peress li l-użu tal-fertilizzanti fil-produzzjoni organika huwa soġġett għal restrizzjonijiet kemm kwantitattivi kif ukoll kwalitattivi, li għandhom jitqiesu meta l-miżuri agronomiċi ma jkunux biżżejjed biex jissodisfaw il-ħtiġijiet nutrizzjonali tal-pjanti.

(6)

L-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u ta’ prodotti tat-tindif u tad-diżinfezzjoni, bħall-bijoċidi u d-deterġenti, huwa soġġett għal restrizzjonijiet fil-produzzjoni organika u huwa limitat għal każijiet fejn il-miżuri preventivi ma jfixklux l-okkorrenza u t-tixrid ta’ pesti u mard u fil-każijiet kollha għall-prodotti u s-sustanzi approvati skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2018/848. Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti għaż-żamma tar-rekords stabbiliti fir-Regolamenti (KE) Nru 1107/2009 (2) u (KE) Nru 852/2004 (3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, huwa meħtieġ li l-operaturi jintalbu jirreġistraw il-kundizzjonijiet dettaljati tal-applikazzjoni meta jkollhom jirrikorru għall-użu ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti, bijoċida jew deterġent sabiex, fejn rilevanti, juru l-konformità mar-restrizzjonijiet applikabbli, ir-rispett tal-frekwenza rakkomandata u l-perijodu ta’ qabel il-ħsad.

(7)

Peress li l-irqajja’ tal-art jista’ jkollhom karatteristiċi differenti u jospitaw għelejjel differenti, il-kundizzjonijiet agronomiċi jistgħu jvarjaw. Dan jimplika li, meta jiġu applikati inputs esterni, l-użu tagħhom ivarja minn roqgħa tal-art għal oħra. Għalhekk, l-inputs esterni jenħtieġ li jiġu rreġistrati b’rabta mar-roqgħa tal-art fejn jintuża l-input biex l-operaturi jkunu jistgħu jimmonitorjaw l-effikaċja u jipprovdu rekords xierqa għall-finijiet ta’ traċċabbiltà u, fejn rilevanti, evidenza dokumentarja relatata ma’ kwalunkwe deroga mir-regoli tal-produzzjoni tal-pjanti miksuba f’konformità mal-punt 1.8.5 tal-Parti I tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848.

(8)

Meta jinġabru l-pjanti selvaġġi u l-prodotti tagħhom, jeħtieġ li l-operaturi jintalbu jżommu rekords tal-ispeċijiet ikkonċernati u l-kwantitajiet u l-perijodi tal-ġbir f’ħabitat naturali speċifiku biex jippermettu t-traċċabbiltà u l-verifika tal-konformità mal-kundizzjonijiet tal-ħabitat naturali.

(9)

Fir-rigward tar-regoli dwar il-produzzjoni tal-bhejjem, fid-dawl tad-derogi possibbli minn dawk ir-regoli mogħtija skont il-punti 1.3.4.3, 1.3.4.4, 1.7.5, 1.7.8, 1.9.3.1(c) u 1.9.4.2(c) tal-Parti II tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848, jenħtieġ li l-operaturi jżommu disponibbli evidenza dokumentarja relatata ma’ tali derogi biex jippermettu t-traċċabbiltà u l-kontroll tal-konformità mal-kundizzjonijiet applikabbli.

(10)

Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 852/2004 u tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), jenħtieġ li l-operaturi jżommu rekords dettaljati dwar l-oriġini tal-annimali introdotti fl-azjenda u r-rekords veterinarji preċedenti rilevanti tagħhom sabiex ikunu jistgħu jiżguraw it-traċċabbiltà u juru l-konformità mal-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fil-Partijiet II u III tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848.

(11)

Barra minn hekk, sabiex tiġi ddokumentata l-konformità mal-ħtiġijiet nutrizzjonali speċifiċi għall-ispeċi u mar-regoli rilevanti dwar in-nutrizzjoni stabbiliti għall-gruppi differenti ta’ annimali fil-Parti II tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848, jenħtieġ li l-operaturi jżommu rekords dettaljati tar-reġim tal-għalf u tal-perijodi tar-ragħa.

(12)

Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti għaż-żamma tar-rekords u l-identifikazzjoni stabbiliti fir-Regolamenti (KE) Nru 852/2004 u (UE) 2016/429, fir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u fid-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), fid-dawl tal-limitazzjonijiet speċifiċi stabbiliti skont ir-regoli dwar il-produzzjoni organika, huwa xieraq li jiġu stabbiliti xi rekwiżiti speċifiċi għaż-żamma tar-rekords tat-trattamenti veterinarji u tat-tindif u d-diżinfezzjoni tal-bini, l-installazzjonijiet u l-annimali sabiex l-operaturi jkunu jistgħu juru lill-awtorità kompetenti jew lill-korp ta’ kontroll li r-rekwiżiti rilevanti ta’ effikaċja qed jiġu ssodisfati filwaqt li jiġi permess li jiġu vverifikati r-rekwiżiti speċifiċi tal-effikaċja.

(13)

Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ traċċabbiltà stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), sabiex ikunu jistgħu jsiru t-traċċabbiltà u l-verifika tal-konformità mar-regoli dwar il-produzzjoni organika, inklużi dawk dwar il-perijodi ta’ konverżjoni għall-ispeċijiet varji, jenħtieġ li l-operaturi jżommu rekords dettaljati dwar kwalunkwe annimal li ġej jew ħiereġ mill-azjenda.

(14)

Fost ir-rekwiżiti tal-akkomodazzjoni u tal-prattiki ta’ trobbija għat-tjur, hemm rekwiżiti speċifiċi li japplikaw għal ċerti sistemi ta’ trobbija fir-rigward tar-rispett ta’ perijodu fejn il-binjiet jitbattlu. Jenħtieġ li l-evidenza dokumentarja rilevanti tinżamm biex tippermetti monitoraġġ xieraq.

(15)

Minħabba r-rilevanza tal-pożizzjoni tal-imġiebaħ f’żoni li jenħtieġ li jiżguraw id-disponibbiltà tan-nektar u tat-trab tad-dakra minn għelejjel prodotti b’mod organiku jew minn żoni naturali mhux kontaminati jew minn għelejjel b’metodi ta’ impatt ambjentali baxx biex tiġi evitata kwalunkwe kontaminazzjoni ta’ mġiebaħ tan-naħal, huwa meħtieġ li l-operaturi jżommu mappa taż-żoni użati kif ukoll rekords ta’ kwalunkwe input estern użat u operazzjonijiet imwettqa fuq id-doqqajs.

(16)

Fir-rigward tar-regoli dwar il-produzzjoni tal-annimali tal-akkwakultura, fid-dawl tad-derogi possibbli minn dawk ir-regoli mogħtija skont il-punti 3.1.2.1(d) u (e) tal-Parti III tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848, jenħtieġ li l-operaturi jżommu evidenza dokumentarja relatata ma’ tali derogi biex jippermettu t-traċċabbiltà u l-kontroll tal-konformità mal-kundizzjonijiet applikabbli.

(17)

B’mod partikolari, l-użu ta’ inputs esterni huwa soġġett għal restrizzjonijiet skont ir-Regolament (UE) 2018/848 u għandu jiġi rreġistrat bħal fil-każ ta’ fertilizzanti jew nutrijenti użati fil-produzzjoni organika tal-alga, li jistgħu jintużaw biss meta awtorizzati skont l-Artikolu 24 ta’ dak ir-Regolament u li huma limitati għal faċilitajiet fuq ġewwa u li għandhom jiġu applikati f’ċerti kundizzjonijiet. Għalhekk, jenħtieġ li l-operaturi jirreġistraw tali użi biex juru l-konformità mal-kundizzjonijiet applikabbli.

(18)

Huwa neċessarju wkoll li jiġu stabbiliti rekwiżiti għaż-żamma tar-rekords fir-rigward tad-dispożizzjonijiet speċifiċi għaż-żgħar għal skopijiet ta’ tnissil u ta’ tkabbir, b’mod partikolari fir-rigward taż-żmien preċiż tal-okkorrenza tagħhom matul iċ-ċiklu tal-produzzjoni tal-annimali u perijodu inizjali ta’ konverżjoni.

(19)

Ir-reġimi tal-għalf tal-annimali tal-akkwakultura huma maħsuba biex jindirizzaw il-ħtiġijiet nutrittivi speċifiċi ta’ kull speċi fl-istadji varji tal-iżvilupp. Għalhekk, meta wieħed iqis id-dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-materjali tal-għalf awtorizzati, inkluż meta jkunu ġejjin minn oriġini mhux organika, jenħtieġ li jinżammu rekords tar-reġim tal-għalf għal kull speċi kkonċernata, b’data għad-diversi stadji tal-iżvilupp.

(20)

Il-kura tas-saħħa tal-annimali tal-akkwakultura hija bbażata fuq il-prevenzjoni u l-monitoraġġ tal-benessri tal-annimali. Għalhekk, huwa neċessarju li jinżammu r-rekords tal-azzjonijiet varji stabbiliti biex jiġi limitat kemm jista’ jkun ir-rikors għal trattamenti veterinarji, li huma soġġetti għal limitazzjonijiet stretti f’termini ta’ frekwenza u numru skont it-tul taċ-ċiklu tal-ħajja tal-ispeċi kkonċernata. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti korrispondenti għaż-żamma tar-rekords.

(21)

Prattiki xierqa ta’ trobbija jiddeterminaw il-benessri tal-annimali. Fil-kuntest tal-akkwakultura, il-kwalità tal-ilma u l-limiti għad-densitajiet tal-ħażna u l-parametri kimiċi fiżiċi rilevanti huma fundamentali għall-benessri tal-annimali. Għalhekk, jenħtieġ li jkun hemm rekords ta’ tali data kif ukoll tat-tip u l-ħin tal-interventi mwettqa biex tiġi mmonitorjata ż-żamma tal-aħjar kundizzjonijiet għall-annimali tal-akkwakultura u l-miżuri meħuda biex jiġu rrispettati r-regoli tal-produzzjoni organika fl-istadji differenti tal-iżvilupp ta’ dawk l-annimali. Fl-akkwakultura organika, l-użu ta’ arjazzjoni huwa permess, iżda l-użu tal-ossiġenu huwa limitat għal każijiet speċifiċi. Għalhekk, jenħtieġ li jinżammu rekords dwar dawn it-tipi ta’ interventi.

(22)

Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti għaż-żamma tar-rekords skont ir-Regolament (KE) Nru 852/2004, l-operaturi li jipproduċu ikel organiku pproċessat u/jew għalf organiku pproċessat jenħtieġ li jżommu rekords dettaljati biex juru l-konformità mar-regoli tal-produzzjoni organika, b’mod partikolari dwar il-miżuri ta’ prekawzjoni stabbiliti biex jiżguraw l-integrità tal-prodotti organiċi, il-kundizzjonijiet speċifiċi għall-użu ta’ inputs esterni u tal-prodotti tat-tindif u tad-diżinfezzjoni. Barra minn hekk, biex tkun tista’ ssir verifika xierqa tal-bilanċ tal-input u tal-output, jenħtieġ li l-operaturi jżommu disponibbli data dwar l-input użat u fil-każ ta’ prodotti komposti, ir-riċetti/formuli kompluti kif ukoll, fejn applikabbli, evidenza dokumentarja dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-użu ta’ ingredjenti agrikoli mhux organiċi skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/848.

(23)

Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti għaż-żamma tar-rekords skont ir-Regolament (KE) Nru 852/2004, l-operaturi li jipproduċu l-inbid organiku jenħtieġ li jżommu rekords dettaljati biex juru l-konformità mar-regoli tal-produzzjoni organika, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwalunkwe prodott estern u sustanza użata fil-produzzjoni tal-inbid u għat-tindif u d-diżinfezzjoni.

(24)

Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti għaż-żamma tar-rekords skont ir-Regolament (KE) Nru 852/2004, l-operaturi li jipproduċu l-ħmira organika jenħtieġ li jżommu rekords dettaljati biex juru l-konformità mar-regoli tal-produzzjoni organika, b’mod partikolari fir-rigward tal-prodotti u s-sustanzi użati fil-produzzjoni tal-ħmira u għat-tindif u d-diżinfezzjoni.

(25)

Għalhekk jenħtieġ li l-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 jiġi emendat skont dan.

(26)

Fl-interess taċ-ċarezza u taċ-ċertezza tad-dritt, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/848,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 150, 14.6.2018, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“il-Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 (ĠU L 204, 11.8.2000, p. 1).

(6)  Id-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji (ĠU L 311, 28.11.2001, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).


ANNESS

L-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/848 huwa emendat kif ġej:

1.

il-Parti I hija emendata kif ġej:

(a)

fil-punt 1.9.3., it-tieni sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“L-operaturi għandhom iżommu rekords tal-użu ta’ dawk il-prodotti, inklużi d-data jew id-dati li fihom intuża kull prodott, l-isem tal-prodott, l-ammont applikat u l-uċuħ tar-raba’ u l-irqajja’ tal-art ikkonċernati.”;

(b)

fil-punt 1.10.2., it-tieni sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“L-operaturi għandhom iżommu rekords li jagħtu prova tal-ħtieġa għall-użu ta’ tali prodotti, inklużi d-data jew id-dati li fihom intuża kull prodott, l-isem tal-prodott, is-sustanzi attivi tiegħu, l-ammont applikat, l-għelejjel u l-irqajja’ tal-art ikkonċernati, u l-pest jew il-marda li għandhom jiġu kkontrollati.”;

(c)

fil-punt 1.11., tiżdied is-sentenza li ġejja:

“L-operaturi għandhom iżommu rekords tal-użu ta’ dawk il-prodotti, inklużi d-data jew id-dati li fihom intuża kull prodott, l-isem tal-prodott, is-sustanzi attivi tiegħu, u l-post fejn intuża.”;

(d)

fil-punt 1.12., tiżdied is-sentenza li ġejja:

“B’mod partikolari, l-operaturi għandhom iżommu rekords ta’ kwalunkwe input estern ieħor użat fuq kull roqgħa art u, fejn applikabbli, iżommu disponibbli evidenza dokumentarja dwar kwalunkwe deroga mir-regoli tal-produzzjoni miksuba f’konformità mal-punt 1.8.5.”;

(e)

fil-punt 2.2, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“L-operaturi għandhom iżommu rekords tal-perijodu u l-post tal-ġbir, l-ispeċijiet ikkonċernati u l-kwantità ta’ pjanti selvaġġi miġbura.”;

2.

il-Parti II hija emendata kif ġej:

(a)

fil-punt 1.1 jiżdied il-paragrafu li ġej:

“L-operaturi għandhom iżommu disponibbli evidenza dokumentarja dwar kwalunkwe deroga mir-regoli tal-produzzjoni tal-bhejjem miksuba f’konformità mal-punti 1.3.4.3, 1.3.4.4, 1.7.5, 1.7.8, 1.9.3.1(c) u 1.9.4.2(c).”;

(b)

Jiddaħħal il-punt 1.3.4.5. li ġej:

“1.3.4.5.

L-operaturi għandhom iżommu rekords jew evidenza dokumentarja tal-oriġini tal-annimali, jidentifikaw l-annimali f’konformità mas-sistemi xierqa (għal kull annimal jew għal kull lott/qatgħa/doqqajs), tar-rekords veterinarji tal-annimali introdotti fl-azjenda, id-data tal-wasla, u l-perijodu ta’ konverżjoni.”;

(c)

Jiddaħħal il-punt 1.4.4 li ġej:

“1.4.4.   Żamma tar-rekords tar-reġim tal-għalf

L-operaturi għandhom iżommu rekords tar-reġim tal-għalf u, fejn rilevanti, tal-perijodu tar-ragħa. B’mod partikolari, għandhom iżommu rekords tal-isem tal-għalf, inklużi kwalunkwe forma ta’ għalf użat, eż: għalf kompost, proporzjonijiet ta’ diversi materjali tal-għalf tal-porzjonijiet u l-proporzjon tal-għalf mill-azjenda tagħhom stess jew mill-istess reġjun u, fejn rilevanti, il-perijodi ta’ aċċess għaż-żoni tar-ragħa, il-perijodi ta’ transumanza fejn japplikaw ir-restrizzjonijiet u evidenza dokumentarja tal-applikazzjoni tal-punti 1.4.2 u 1.4.3.”;

(d)

fil-punt 1.5.1.6., tiżdied is-sentenza li ġejja:

“L-operaturi għandhom iżommu rekords tal-użu ta’ dawk il-prodotti, inklużi d-data jew id-dati li fihom intuża l-prodott, l-isem tal-prodott, is-sustanzi attivi tiegħu, u l-post ta’ tali użu.”;

(e)

Jiddaħħal il-punt 1.5.2.7. li ġej:

“1.5.2.7.

L-operaturi għandhom iżommu rekords jew evidenza dokumentarja ta’ kwalunkwe trattament applikat u, b’mod partikolari, l-identifikazzjoni tal-annimali ttrattati, id-data tat-trattament, id-dijanjożi, il-pożoloġija, l-isem tal-prodott tat-trattament u, fejn applikabbli, ir-riċetta veterinarja għall-kura veterinarja, u l-perijodu tal-irtirar applikat qabel ma l-prodotti tal-bhejjem ikunu jistgħu jiġu kummerċjalizzati u ttikkettati bħala organiċi.”;

(f)

Jiddaħħal il-punt 1.7.12 li ġej:

“1.7.12.

L-operaturi għandhom iżommu rekords jew evidenza dokumentarja ta’ kwalunkwe operazzjoni speċifika applikata u ġustifikazzjonijiet għall-applikazzjoni tal-punti 1.7.5, 1.7.8, 1.7.9 jew 1.7.10. Fir-rigward ta’ annimali li jitilqu mill-azjenda, għandha tiġi rreġistrata d-data li ġejja, fejn rilevanti: l-età, l-għadd ta’ annimali, il-piż tal-annimali għall-qatla, identifikazzjoni xierqa (għal kull annimal jew skont il-lott/il-qatgħa/id-doqqajs) id-data tat-tluq u tad-destinazzjoni.”;

(g)

fil-punt 1.9.4.4, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

il-binjiet għandhom jitbattlu mill-annimali bejn kull lott ta’ tjur imrobbi. Il-binjiet u l-armar għandhom jitnaddfu u jiġu diżinfettati matul dan iż-żmien. Barra minn hekk, meta t-trobbija ta’ kull lott ta’ tjur tkun lesta, il-gallinari fil-miftuħ għandhom jitħallew battala għal perijodu li jiġi stabbilit mill-Istati Membri, sabiex il-veġetazzjoni titħalla terġa’ tikber. L-operatur għandu jżomm rekords jew evidenza dokumentarja tal-applikazzjoni ta’ dan il-perjodu. Dawk ir-rekwiżiti ma għandhomx japplikaw meta t-tjur ma jitrabbewx f’lottijiet, ma jinżammux f’gallinari fil-miftuħ u jkunu liberi li jimirħu matul il-jum;”;

(h)

Jiddaħħal il-punt 1.9.6.6 li ġej:

“1.9.6.6.   Obbligi taż-żamma tar-rekords

L-operaturi għandhom iżommu mappa fuq skala jew koordinati ġeografiċi xierqa tal-post tad-doqqajs li għandha tiġi pprovduta lill-awtorità ta’ kontroll jew lill-korp ta’ kontroll li turi li ż-żoni aċċessibbli għall-kolonji jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

L-informazzjoni li ġejja għandha tiddaħħal fir-reġistru tal-miġbħa fir-rigward tal-użu tal-għalf: l-isem tal-prodott użat, id-dati, il-kwantitajiet u d-doqqajs fejn jintuża l-prodott.

Iż-żona fejn tkun tinsab il-miġbħa għandha tiġi rreġistrata flimkien mal-identifikazzjoni tad-doqqajs u l-perijodu taċ-ċaqliq.

Il-miżuri kollha applikati għandhom jiġu rreġistrati fir-reġistru tal-miġbħa, inkluż it-tneħħija tas-supers u l-operazzjonijiet tal-estrazzjoni tal-għasel. L-ammont u d-dati tal-ġbir tal-għasel għandhom jiġu rreġistrati wkoll.”;

3.

Il-Parti III hija emendata kif ġej:

(a)

Jiddaħħal il-punt 1.11 li ġej:

“1.11.

L-operaturi għandhom iżommu disponibbli evidenza dokumentarja dwar kwalunkwe deroga mir-regoli tal-produzzjoni għall-annimali tal-akkwakultura miksuba f’konformità mall-punti 3.1.2.1 (d) u (e).”;

(b)

fil-punt 2.2.2(c), tiżdied is-sentenza li ġejja:

“L-operaturi għandhom iżommu rekords tal-użu ta’ dawk il-prodotti, inklużi d-data jew id-dati li fihom intuża kull prodott, l-isem tal-prodott, u l-ammont applikat flimkien ma’ informazzjoni dwar il-lottijiet/it-tankijiet/il-baċiri kkonċernati.”;

(c)

fil-punt 2.3.2, tiżdied is-sentenza li ġejja:

“L-operaturi għandhom iżommu rekords tal-użu ta’ dawk il-prodotti, inklużi d-data jew id-dati li fihom intuża l-prodott, it-tip u l-isem tal-prodott, u l-ammont applikat flimkien ma’ informazzjoni dwar il-lottijiet/it-tankijiet/il-baċiri kkonċernati.”;

(d)

Jiddaħħal il-punt 3.1.2.4 li ġej:

“3.1.2.4.

L-operaturi għandhom iżommu rekords tal-oriġini tal-annimali, li jidentifikaw l-annimali/il-lottijiet ta’ annimali, id-data tal-wasla u t-tip ta’ speċijiet, il-kwantitajiet, l-istatus organiku jew mhux organiku, u l-perijodu ta’ konverżjoni.”;

(e)

Jiddaħħal il-punt 3.1.3.5 li ġej:

“3.1.3.5.

L-operaturi għandhom iżommu rekords ta’ reġimi speċifiċi tal-għalf, b’mod partikolari, dwar l-isem u l-kwantità ta’ għalf u l-użu ta’ għalf addizzjonali, u l-annimali/gruppi ta’ annimali rispettivi mitmugħa.”;

(f)

Jiddaħħal il-punt 3.1.4.3 li ġej:

“3.1.4.3.   Żamma tar-rekords tal-prevenzjoni tal-mard

L-operaturi għandhom iżommu rekords tal-miżuri għall-prevenzjoni tal-mard applikati li jagħtu dettalji dwar il-mistrieħ sanitarju, it-tindif u t-trattament tal-ilma, u ta’ kwalunkwe trattament veterinarju u trattament parassita ieħor applikat u b’mod partikolari, id-data tat-trattament, id-dijanjożi, il-pożoloġija, l-isem tal-prodott tat-trattament, u r-riċetta veterinarja għall-kura veterinarja, fejn applikabbli, u l-perijodi tal-irtirar applikati qabel ma l-prodotti tal-akkwakultura jkunu jistgħu jiġu kkummerċjalizzati u ttikkettati bħala organiċi.”;

(g)

Fil-punt 3.1.5.3., jiżdied il-paragrafu li ġej:

“L-operaturi għandhom iżommu rekords tal-miżuri tal-monitoraġġ u tal-manutenzjoni li jikkonċernaw il-benesseri tal-annimali u l-kwalità tal-ilma. Fil-każ tal-fertilizzazzjoni tal-għadajjar u tal-lagi, l-operaturi għandhom iżommu rekords tal-applikazzjoni tal-fertilizzanti u tal-kondizzjonaturi tal-ħamrija, inklużi d-data tal-applikazzjoni, l-isem tal-prodott, l-ammont applikat, u l-post tal-applikazzjoni kkonċernata.”;

(h)

Fil-punt 3.1.6.5., jiżdied il-paragrafu li ġej:

“L-operaturi għandhom iżommu rekords ta’ dawn l-użi, filwaqt li jindikaw jekk humiex applikati taħt il-punt (a) (b) jew (c).”;

4.

Il-Parti IV hija emendata kif ġej:

(a)

Fil-punt 1.4, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

jieħdu miżuri ta’ prekawzjoni u jżommu rekords ta’ dawk il-miżuri;”;

(b)

Jiddaħħal il-punt 1.7 li ġej:

“1.7.

L-operaturi għandhom iżommu disponibbli evidenza dokumentarja dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-użu ta’ ingredjenti agrikoli mhux organiċi għall-produzzjoni ta’ ikel organiku pproċessat f’konformità mal-Artikolu 25 jekk ikunu kisbu tali awtorizzazzjonijiet jew użawhom.”

(c)

Fil-punt 2.2.3., tiżdied is-sentenza li ġejja:

“L-operaturi għandhom iżommu rekords tal-użu ta’ dawk il-prodotti, inklużi d-data jew id-dati li fihom intuża kull prodott, l-isem tal-prodott, is-sustanzi attivi tiegħu, u l-post fejn intuża.”;

(d)

Jiddaħħal il-punt 2.3 li ġej:

“2.3.

L-operaturi għandhom iżommu rekords ta’ kwalunkwe input użat fil-produzzjoni tal-ikel. Fil-każ ta’ produzzjoni ta’ prodotti komposti, għandhom jinżammu disponibbli r-riċetti/il-formoli kompluti li juru l-kwantitajiet ta’ input u output għall-awtorità kompetenti jew il-korp ta’ kontroll.”;

5.

Il-Parti V hija emendata kif ġej:

(a)

Fil-punt 1.4, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

jieħdu l-miżuri ta’ prekawzjoni u jżommu rekords ta’ dawk il-miżuri;”;

(b)

Fil-punt 2.4., tiżdied is-sentenza li ġejja:

“L-operaturi għandhom iżommu rekords tal-użu ta’ dawk il-prodotti, inklużi d-data jew id-dati li fihom intuża kull prodott, l-isem tal-prodott, is-sustanzi attivi tiegħu, u l-post fejn intuża.”;

(c)

Jiddaħħal il-punt 2.5 li ġej:

“2.5.

L-operaturi għandhom iżommu rekords ta’ kwalunkwe input użat fil-produzzjoni tal-għalf. Fil-każ ta’ produzzjoni ta’ prodotti komposti, ir-riċetti/il-formoli kompluti li juru l-kwantitajiet ta’ input u output għandhom jinżammu disponibbli għall-awtorità kompetenti jew il-korp ta’ kontroll.”;

6.

Fil-Parti VI, jiddaħħal il-punt 2.3 li ġej:

“2.3.

L-operaturi għandhom iżommu rekords tal-użu ta’ kwalunkwe prodott u sustanza użati fil-produzzjoni tal-inbid u għat-tindif u d-diżinfezzjoni, inklużi d-data jew id-dati li fihom intuża kull prodott, l-isem tal-prodott, is-sustanzi attivi tiegħu, u fejn applikabbli, il-post ta’ tali użu.”;

7.

Fil-Parti VII, jiddaħħal il-punt 1.5 li ġej:

“1.5.

L-operaturi għandhom iżommu rekords ta’ kwalunkwe prodott u sustanza użati għall-produzzjoni tal-ħmira u għat-tindif u d-diżinfezzjoni, inklużi d-data jew id-dati li fihom intuża kull prodott, l-isem tal-prodott, is-sustanzi attivi tiegħu, u l-post ta’ tali użu.”.

Top