Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0895

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/895 tal-24 ta’ Frar 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/1238 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ intervent fuq il-prodotti (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2021/1133

    ĠU L 197, 4.6.2021, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/895/oj

    4.6.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 197/1


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/895

    tal-24 ta’ Frar 2021

    li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/1238 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ intervent fuq il-prodotti

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1238 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar Prodott tal-Pensjoni Personali pan-Ewropew (PEPP) (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 65(9) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Jeħtieġ li l-EIOPA tkun tista’ tapplika kriterji u fatturi ċari meta tiddetermina l-eżistenza ta’ preokkupazzjoni sinifikanti fir-rigward tal-protezzjoni tal-investituri jew ta’ theddid għall-funzjonament ordnat u għall-integrità tas-swieq finanzjarji jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni, kollha jew parti minnha. Dan ir-Regolament ikompli jispeċifika dawn il-kriterji u l-fatturi, inklużi dawk elenkati fil-punti (a), (b), (c) u (d) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 65(9) tar-Regolament (UE) 2019/1238.

    (2)

    Huwa essenzjali li jiġi żgurat approċċ konsistenti fl-Unjoni filwaqt li tkun permessa azzjoni xierqa mill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) meta jseħħu avvenimenti jew żviluppi avversi mhux previsti li jkunu konsistenti mal-Artikolu 65(9) tar-Regolament (UE) 2019/1238. Il-Kummissjoni stiednet lill-EIOPA biex tipprovdi pariri tekniċi fil-qasam tal-prodott tal-pensjoni personali pan-Ewropew (PEPP).

    (3)

    L-eżistenza ta’ “theddida”, li hija waħda mill-prerekwiżiti għall-intervent tal-EIOPA fil-perspettiva tal-funzjonament ordnat u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew tal-komoditajiet jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, teħtieġ livell limitu ta’ valutazzjoni li jkun ogħla mill-eżistenza ta’ “tħassib sinifikanti”, li huwa l-prerekwiżit għall-intervent tal-EIOPA sabiex tiġi żgurata protezzjoni tal-investituri. Jenħtieġ li l-EIOPA tintervjeni f’każijiet fejn mill-inqas wieħed mill-fatturi jew kriterji f’dan ir-Regolament iwassal għal tali tħassib jew theddid.

    (4)

    Jeħtieġ ukoll li jitqiesu s-sitwazzjoni u ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-fornitur tal-PEPP jew tad-distributur tal-PEPP fir-rigward tal-kontribut potenzjali tagħhom għal tħassib jew theddid tat-tip previst mill-Artikolu 65(9) tar-Regolament (UE) 2019/1238,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-EIOPA għandha tapplika l-kriterji u l-fatturi li ġejjin meta tqis il-livell ta’ kumplessità tal-PEPP:

    (a)

    il-karatteristika tal-irtirar fit-tul tal-PEPP;

    (b)

    it-tip u l-livell ta’ trasparenza tal-assi sottostanti;

    (c)

    il-livell ta’ trasparenza tal-ispejjeż u tat-tariffi assoċjati mal-PEPP;

    (d)

    l-użu ta’ tekniki li jiġbdu l-attenzjoni tal-faddal f’PEPP għal karatteristiċi mhux essenzjali fil-preżentazzjoni tal-PEPP;

    (e)

    in-natura u t-trasparenza tar-riskji;

    (f)

    l-użu ta’ ismijiet ta’ prodotti jew ta’ terminoloġija jew informazzjoni oħra li timplika livelli akbar ta’ sigurtà jew redditu minn dawk li attwalment huma possibbli jew probabbli, jew karatteristiċi qarrieqa tal-prodott;

    (g)

    jekk kienx hemm informazzjoni biżżejjed, jew mhux biżżejjed affidabbli, dwar il-PEPP li tippermetti lill-parteċipanti fis-suq li għalihom kien immirat biex jiffurmaw il-ġudizzju tagħhom, jekk jitqiesu n-natura u t-tip tal-PEPP;

    (h)

    il-kumplessità tal-kalkolu tal-prestazzjoni, fil-kunsiderazzjoni b’mod partikolari ta’ jekk ir-ritorn ikunx dipendenti fuq it-twettiq ta’ waħda jew iktar mill-assi sottostanti, li min-naħa tagħhom huma affettwati minn fatturi oħra;

    (i)

    in-natura u d-daqs tar-riskji;

    (j)

    jekk il-PEPP ikunx raggruppat ma’ prodotti jew servizzi oħrajn;

    (k)

    il-kumplessità ta’ kwalunkwe terminu u kundizzjoni tal-PEPP;

    (l)

    l-eżistenza u l-livell ta’ disparità bejn ir-redditu mistenni tal-PEPP u r-riskju ta’ telf, waqt li jitqies dan li ġej:

    (1)

    l-istruttura tal-ispejjeż u spejjeż oħra;

    (2)

    id-disparità b’rabta mar-riskju tal-fornitur miżmum mill-fornitur;

    (3)

    il-profil tar-riskju u tar-redditu;

    (m)

    l-ipprezzar u l-ispejjeż assoċjati tal-PEPP, filwaqt li jitqies dan li ġej:

    (1)

    l-użu ta’ imposti moħbijin jew sekondarji;

    (2)

    imposti li ma jirriflettux il-livell ta’ servizz ipprovdut;

    (3)

    l-ispejjeż tal-garanziji jew l-ispejjeż li ma jirriflettux l-ispiża reali jew il-valur ġust tal-garanzija kapitali fil-każ tal-PEPP Bażiku;

    (n)

    il-faċilità u l-ispiża li bihom il-faddal f’PEPP ikun jista’ jagħmel użu mis-servizzi tal-bdil u tal-portabbiltà, filwaqt li jitqiesu dawn:

    (1)

    l-użu ta’ servizzi ta’ bdil u tal-portabilità fir-rigward tal-fażi li fiha jintuża s-servizz, it-tariffi u l-imposti applikati jew it-telf ta’ vantaġġi u inċentivi;

    (2)

    il-fatt li l-użu ta’ servizzi ta’ bdil u tal-portabbiltà mhuwiex permess jew isir fattwalment impossibbli.

    Artikolu 2

    L-EIOPA għandha tapplika l-kriterji u l-fatturi li ġejjin meta tqis ir-relazzjoni tal-PEPP mat-tip ta’ faddal f’PEPP li lilu jiġi kkummerċjalizzat jew mibjugħ il-PEPP:

    (a)

    fatturi li jikkaratterizzaw il-ħiliet u l-abbiltajiet tal-faddala f’PEPP, inkluż il-livell ta’ esdukazzjoni, l-għarfien u l-esperjenza ta’ prodotti oħra tal-pensjoni, prodotti ta’ investiment fit-tul jew prattiki tal-bejgħ u l-vulnerabbiltà tal-faddal f’PEPP.

    (b)

    fatturi li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni ekonomika tal-faddal f’PEPP, inkluż l-introjtu, il-ġid u l-livell ta’ dipendenza fuq il-PEPP għal introjtu adegwat tal-irtirar;

    (c)

    l-objettivi finanzjarji ewlenin tal-faddala f’PEPP, inklużi t-tfaddil għall-pensjoni u l-ħtieġa ta’ kopertura għar-riskju, inklużi r-riskji bijometriċi;

    (d)

    jekk il-PEPP huwiex qiegħed jinbiegħ lil faddal f’PEPP barra mis-suq fil-mira intenzjonat jew jekk is-suq fil-mira ġiex identifikat kif xieraq;

    (e)

    l-eliġibbiltà għal kopertura minn skema nazzjonali ta’ garanzija, jekk jeżistu tali skemi.

    Artikolu 3

    L-EIOPA għandha tapplika l-kriterji u l-fatturi li ġejjin meta tqis il-livell ta’ innovazzjoni tal-PEPP jew ta’ attività jew ta’ prattika:

    (a)

    il-livell ta’ innovazzjoni b’rabta mal-istruttura u l-karatteristiċi tal-PEPP, b’mod partikolari l-livell ta’ innovazzjoni tat-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju jew tal-forom ta’ pagamenti maħruġa jew tad-disinn ta’ benefiċċji oħra tal-PEPP;

    (b)

    il-grad tad-diffużjoni tal-innovazzjoni, inkluż jekk il-PEPP huwiex innovattiv għal kategoriji partikolari ta’ faddala f’PEPP;

    (c)

    l-innovazzjoni li tinvolvi l-ingranaġġ;

    (d)

    l-esperjenza tal-passat tas-suq b’PEPPs simili jew prattiki ta’ bejgħ għall-PEPPs.

    Artikolu 4

    L-EIOPA għandha tapplika l-kriterji u l-fatturi li ġejjin meta tqis l-ingranaġġ li PEPP jew prattika jipprovdu:

    (a)

    il-karatteristiċi partikolari tal-assi sottostanti tal-PEPP, waqt li jitqies l-ingranaġġ inerenti fil-PEPP;

    (b)

    l-ingranaġġ dovut għall-finanzjament;

    (c)

    il-karatteristiċi ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli;

    Artikolu 5

    L-EIOPA għandha tapplika l-kriterji u l-fatturi li ġejjin meta tqis id-daqs jew l-ammont totali ta’ kapital akkumulat tal-PEPP:

    (a)

    id-daqs tal-konsegwenzi detrimentali potenzjali mill-perspettiva tal-faddal individwali f’PEPP u fil-każ ta’ għadd kbir ta’ faddala f’PEPP attwali u potenzjali, il-konsegwenzi detrimentali potenzali għal raggruppament ta’ faddala f’PEPP, waqt li jitqiesu b’mod partikolari:

    (b)

    id-daqs u l-ammont totali tal-kapital akkumulat tal-PEPP;

    (c)

    il-valur nozzjonali tal-PEPP;

    (d)

    il-probabbiltà, id-daqs u n-natura ta’ kwalunkwe detriment, inkluż l-ammont tat-telf li jista’ jiġġarrab;

    (e)

    il-persistenza antiċipata tal-konsegwenzi detrimentali;

    (f)

    il-volum tal-kontribuzzjonijiet;

    (g)

    l-għadd, u r-rekwiżiti ta’ kompetenza u idoneità tal-intermedjarji involuti;

    (h)

    it-tkabbir tas-suq jew tal-bejgħ;

    (i)

    l-ammont medju investiti minn kull faddal f’PEPP fil-PEPP.

    (j)

    il-livell ta’ kopertura speċifikat fil-liġi nazzjonali dwar skemi nazzjonali ta’ garanzija, fejn skemi bħal dawn jeżistu;

    (k)

    il-valur tad-dispożizzjonijiet tekniċi fir-rigward tal-PEPPs.

    (l)

    jekk l-assi sottostanti tal-PEPP jippreżentawx riskju għoli għall-prestazzjoni tat-tranżazzjonijiet li jidħlu fihom il-parteċipanti jew il-faddala f’PEPP fis-suq rilevanti;

    (m)

    jekk il-karatteristiċi tal-PEPP jagħmluhx suxxettibbli b’mod partikolari biex jintuża għall-fini ta’ reati finanzjarji u, b’mod partikolari jekk dawk il-karatteristiċi jistgħux potenzjalment jinkoraġġixxu l-użu tal-PEPP għal:

    (1)

    kwalunkwe frodi jew diżonestà;

    (2)

    kondotta ħażina jew użu ħażin tal-informazzjoni relatata ma’ suq finanzjarju;

    (3)

    it-trattament tar-rikavati minn attività kriminali;

    (4)

    il-finanzjament tat-terroriżmu;

    Artikolu 6

    L-EIOPA għandha tikkunsidra wkoll il-fatturi li ġejjin li jistgħu jaffettwaw il-funzjonament ordnat u l-integrità tas-swieq finanzjarji:

    (a)

    jekk l-attivitajiet finanzjarji jew il-prattiki finanzjarji tal-fornitur jew tad-distributur tal-PEPP jippreżentawx riskju partikolarment għoli għar-reżiljenza jew l-operat mingħajr xkiel tas-swieq;

    (b)

    jekk il-PEPP jew l-attivitajiet finanzjarji jew il-prattiki finanzjarji tal-fornitur jew tad-distributur tal-PEPP fir-rigward tal-PEPP jistgħux iwasslu għal disparità sinifikanti u artifiċjali bejn il-prezzijiet ta’ derivattiv u dawk fis-suq sottostanti;

    (c)

    jekk il-PEPP jew l-attivitajiet finanzjarji jew il-prattiki finanzjarji tal-fornitur jew tad-distributur tal-PEPP fir-rigward tal-PEPP ikunux ta’ riskju għoli għas-suq jew l-infrastruttura tas-sistemi ta’ pagament, inklużi s-sistemi tal-kummerċ, tal-ikklerjar u s-saldu;

    (d)

    jekk il-PEPP jew l-attivitajiet finanzjarji jew il-prattiki finanzjarji tal-fornitur jew id-distributur tal-PEPP fir-rigward tal-PEPP jistgħux jheddu l-fiduċja tal-faddala f’PEPP fis-sistema finanzjarja;

    (e)

    Jekk il-PEPP jew l-attivitajiet finanzjarji jew il-prattiki finanzjarji tal-fornitur jew tad-distributur tal-PEPP fir-rigward tal-PEPP ikunux ta’ riskju għoli ta’ tfixkil għall-istituzzjonijiet finanzjarji li jitqiesu importanti għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni.

    Artikolu 7

    L-EIOPA għandha tqis ukoll il-fatturi li ġejjin li japplikaw għas-sitwazzjoni speċifika u ċ-ċirkostanzi tal-fornitur jew tad-distributur tal-PEPP, filwaqt li jitqies dan li ġej:

    (a)

    is-sitwazzjoni finanzjarja u s-solvenza tiegħu;

    (b)

    l-attivitajiet finanzjarji jew il-prattiki finanzjarji tiegħu;

    (c)

    il-mudell kummerċjali tiegħu, inklużi s-sostenibbiltà u t-trasparenza tiegħu;

    (d)

    is-sostenibbiltà tal-arranġamenti ta’ riassigurazzjoni u ta’ garanzija rigward il-PEPP;

    (e)

    id-dipendenza tal-fornitur tal-PEPP fuq partijiet terzi għal karatteristiċi importanti tal-PEPP, bħall-kopertura tar-riskji bijometriċi, il-garanziji u l-portabilità tal-PEPP;

    (f)

    il-prattiki tal-bejgħ assoċjati mal-PEPP, filwaqt li jitqiesu:

    (1)

    il-kanali ta’ komunikazzjoni u distribuzzjoni użati;

    (2)

    il-materjal ta’ informazzjoni, kummerċjalizzazzjoni jew promozzjonali ieħor;

    (3)

    il-livell ta’ innovazzjoni relatat mal-mudell ta’ distribuzzjoni, bħat-tul tal-katina ta’ intermedjazzjoni jew id-dipendenza fuq tekniki innovattivi għall-mudell ta’ distribuzzjoni.

    Artikolu 8

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Frar 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 198, 25.7.2019, p. 1.


    Top