Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021H2122

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/2122 tas-26 ta’ Novembru 2021 dwar Patt għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-Ewropa

ST/13701/2021/INIT

ĠU L 431, 2.12.2021, pp. 1–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2021/2122/oj

2.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 431/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/2122

tas-26 ta’ Novembru 2021

dwar Patt għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-Ewropa

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 flimkien mal-Artikolu 182(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-30 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar “ŻER ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni”, li fiha tistabbilixxi viżjoni ġdida għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) u tħabbar l-intenzjoni li tipproponi Patt għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (R&I) fl-Ewropa.

(2)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar iż-Żona Ewropea tar-Riċerka l-ġdida, adottati fl-1 ta’ Diċembru 2020, jappellaw lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiżviluppaw fl-2021 aġenda ta’ politika taż-ŻER u mudell ta’ governanza f’diversi livelli biex jinkisbu riżultati konkreti rigward l-ambizzjoni l-ġdida għaż-ŻER.

(3)

Matul l-aħħar għoxrin sena, l-implimentazzjoni taż-ŻER ikkontribwiet għal xi kisbiet ewlenin f’oqsma bħall-infrastrutturi ta’ riċerka, ix-xjenza miftuħa, il-kooperazzjoni internazzjonali u tranżnazzjonali, il-bilanċ bejn il-ġeneri fir-R&I, il-programmazzjoni konġunta, il-karrieri fir-riċerka u l-mobbilità tar-riċerkaturi, kif ukoll għal riformi strutturali. Madankollu, ir-ritmu tal-progress fl-investiment fil-qasam tar-R&I fil-livell tal-Unjoni waqa’ lura b’mod ġenerali reċentement u jeħtieġ li jsir aktar biex titreġġa’ lura dik it-tendenza.

(4)

Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi globali u tiġi appoġġata l-kompetittività tal-Ewropa, jenħtieġ li l-kooperazzjoni internazzjonali permezz taż-ŻER tqis il-prijoritajiet tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni, abbażi tal-multilateraliżmu u l-ftuħ reċiproku bbilanċjat u jenħtieġ li tippromwovi kondizzjonijiet ekwivalenti u reċiproċità mirfuda minn valuri fundamentali u kondizzjonijiet qafas komuni.

(5)

Biex tinkiseb ŻER li tkun adattata għall-futur, jeħtieġ li tissaħħaħ il-koordinazzjoni u li tiġi approfondita l-koerenza bejn il-politiki tal-Unjoni, nazzjonali u reġjonali. Għaldaqstant, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “ŻER ġdida għar-Riċerka u l-Innovazzjoni” tappella għall-mobilizzazzjoni tal-Istati Membri madwar prinċipji u valuri ewlenin komuni u biex jiġu identifikati oqsma ta’ prijorità komuni għall-azzjoni. Dan huwa partikolarment rilevanti fi żmien meta huma meħtieġa aktar finanzjament u riformi nazzjonali u reġjonali u li jkunu aktar iffukati sabiex iħaffu l-kontribut għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), għat-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali u sabiex jiġu implimentati l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi, skont l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

(6)

Huwa meħtieġ sett komuni ta’ prinċipji u valuri biex jiġu affermati mill-ġdid pedamenti sodi għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fl-Unjoni, li jenfasizzaw il-valuri (l-etika u l-integrità; il-libertà tar-riċerka xjentifika; l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-opportunitajiet indaqs), jistabbilixxu kondizzjonijiet tax-xogħol aħjar (ċirkolazzjoni libera tar-riċerkaturi, l-għarfien u t-teknoloġija fl-Unjoni kollha; it-tfittxija għall-eċċellenza; il-ħolqien tal-valur u l-impatt tar-R&I) u ż-żieda fil-kooperazzjoni (il-koordinazzjoni, il-koerenza, l-impenn; is-sensibilizzazzjoni globali; l-inklużività; ir-responsabbiltà tas-soċjetà).

(7)

L-oqsma ta’ prijorità kondiviżi jikkostitwixxu indikazzjoni ċara lill-partijiet ikkonċernati tal-oqsma u l-azzjonijiet li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jikkunsidraw bħala prijoritajiet komuni tagħhom u fejn jimpenjaw ruħhom li jaħdmu flimkien fuq ġeometrija varjabbli, billi joħolqu qafas stabbli għal dawk li jfasslu l-politika, il-finanzjaturi pubbliċi, l-investituri privati u l-eżekuturi.

(8)

Fil-Konklużjonijiet tiegħu dwar iż-Żona Ewropa tar-Riċerka l-ġdida, il-Kunsill afferma mill-ġdid il-mira ta’ investiment ta’ 3 % tal-PDG tal-Unjoni fir-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż). Sabiex tingħata prijorità lill-investimenti u r-riformi, l-Istati Membri jistgħu jaġġornaw il-miri nazzjonali tagħhom biex jirriflettu l-prijoritajiet il-ġodda tal-Unjoni u ċ-ċirkostanzi nazzjonali.

(9)

Biex jikkwalifikaw l-istrateġija nazzjonali tagħhom lejn il-kisba tal-mira ta’ 3 %, l-Istati Membri huma mħeġġa jikkunsidraw l-użu ta’ sottomiri addizzjonali, li jsibu l-bilanċ it-tajjeb bejn aġenda taż-ŻER ambizzjuża biżżejjed u waħda li tista’ tinkiseb u realistika, inkluż għall-Istati Membri fil-livell nazzjonali.

(10)

It-tisħiħ taż-ŻER jeħtieġ kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Dan jista’ jinkiseb billi l-Kummissjoni tistabbilixxi u tmantni sistema ta’ monitoraġġ u ta’ koordinazzjoni simplifikata għal tagħlim reċiproku u djalogu bilaterali u multilaterali msaħħaħ.

(11)

Jenħtieġ li l-koordinazzjoni tal-investimenti u r-riformi tal-Unjoni u nazzjonali, inkluż dawk reġjonali, titjieb sabiex jissaħħu s-sistemi nazzjonali tar-R&I u jiżdied l-impatt tagħhom fil-livell tal-Unjoni: filwaqt li l-politiki nazzjonali tar-R&I jixprunaw l-iżvilupp ta’ sistemi nazzjonali lejn objettivi nazzjonali, huma jikkontribwixxu wkoll għall-objettivi taż-ŻER u prijoritajiet oħra kondiviżi tal-Unjoni f’oqsma strateġiċi ta’ interess komuni,

B’HEKK JIRRAKKOMANDA LI:

I.   Valuri u prinċipji għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-Unjoni

1.

L-Istati Membri jenħtieġ li japplikaw is-sett komuni ta’ valuri u prinċipji li ġejjin għar-R&I fl-Unjoni fis-sistemi ta’ R&I tagħhom, f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati. Dawk il-valuri u l-prinċipji jenħtieġ li jiġu promossi wkoll mill-Istati Membri u l-Unjoni fl-interazzjonijiet tagħhom ma’ pajjiżi terzi sabiex jinkisbu kondizzjonijiet ekwivalenti u kondizzjonijiet ta’ qafas komuni.

Difiża tal-valuri

(a)

Etika u integrità tar-R&I: Ir-riċerkaturi, il-proċessi ta’ riċerka u s-sistema tar-R&I għandhom ikunu konformi b’mod ġenerali mar-regoli u l-prattiki stretti tal-etika u l-integrità, li huma l-pedamenti ta’ riċerka responsabbli u affidabbli, ħielsa minn interferenza mhux xierqa - prerekwiżit għall-kisba tal-eċċellenza - u jirfdu r-responsabbiltà tar-riċerkaturi biex iħarsu kontra l-preġudizzji u x-shortcuts metodoloġiċi u jikkontrobattu t-tixrid ta’ psewdoxjenzi u miżinformazzjoni billi jżidu l-isforz tad-disseminazzjoni xjentifika u l-pedagoġija tagħha;

(b)

Libertà tar-riċerka xjentifika: Bħala parti minn kultura ta’ riċerka li hija inerenti għaż-ŻER, u kondizzjoni meħtieġa għar-riċerkaturi biex jiddefinixxu liberament il-mistoqsijiet, it-teoriji u l-metodi ta’ riċerka tagħhom, b’mod miftuħ u sigur u li jipproduċu, jikkondividu u jxerrdu l-għarfien, id-data u riżultati oħra;

(c)

Ugwaljanza bejn il-ġeneri u opportunitajiet indaqs għal kulħadd: l-Inklużjoni tal-bilanċ bejn il-ġeneri fit-timijiet ta’ riċerka fil-livelli kollha, inkluż fil-maniġment u fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, il-ġlieda kontra l-vjolenza u l-fastidju abbażi tal-ġeneru u l-indirizzar tal-preġudizzju tal-ġeneru, u l-integrazzjoni tad-dimensjoni tal-ġeneri fil-kontenut tar-R&I, u b’kont meħud tad-diversità f’sens aktar ġenerali relatata ma’, fost l-oħrajn, il-ġeneru, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diversità soċjali, id-diżabilità, l-età, l-orjentazzjoni sesswali u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq kwalunkwe bażi;

Ħidma aħjar

(d)

Ċirkolazzjoni libera: iċ-ċirkolazzjoni libera tar-riċerkaturi u l-persunal ta’ appoġġ, l-għarfien xjentifiku u t-teknoloġija għandhom jiġu promossi, filwaqt li jiġi attirat it-talent u jiġi evitat l-eżodu potenzjali tat-talent. Dan jinvolvi l-kondiviżjoni tal-għarfien xjentifiku, tad-data u tal-għodod kmieni kemm jista’ jkun, b’mod partikolari permezz ta’ prattiki tax-xjenza miftuħa, ta’ karrieri attraenti u bbażati fuq il-mertu, tar-rikonoxximent tal-ħiliet tar-riċerkaturi u tal-persunal ta’ appoġġ tul il-karriera tagħhom, it-titjib tal-kondizzjonijiet ta’ qafas għall-mobbilità tar-riċerkaturi, kontribut għaċ-ċirkolazzjoni tar-riċerkaturi fl-Unjoni kollha, u tħeġġiġ tal-iskambji bejn l-akkademja u l-industrija (kif ukoll setturi oħra), tixrid tal-innovazzjoni u appoġġ għall-aċċess miftuħ għall-infrastrutturi ta’ riċerka, l-infrastrutturi teknoloġija u s-servizzi tagħhom;

(e)

Tfittxija għall-eċċellenza: L-impenn għall-programmazzjoni, it-twettiq ta’ jew l-appoġġ għal riċerka tal-ogħla kwalità possibbli, bl-għan li tinkiseb u tiġi premjata l-eċċellenza bħala prerekwiżit għall-impatt xjentifiku, teknoloġiku, ekonomiku, soċjetali u ta’ politika, u b’hekk titwessa’ l-bażi ta’ għarfien kumplessiva tal-Ewropa. Dan jimplika li l-appoġġ pubbliku għar-R&I għandu jkollu l-għan li jagħżel u jiffinanzja inizjattivi ta’ kwalità għolja - il-kwalità timplika li r-riċerka tkun ta’ klassi dinjija, tipproduċi riżultati verifikabbli u riproduċibbli u titwettaq permezz ta’ proċessi u metodoloġiji ta’ riċerka trasparenti u permezz ta’ ġestjoni ta’ riċerka li tippermetti l-użu sistematiku mill-ġdid ta’ riżultati preċedenti. Is-sistema ta’ valutazzjoni tar-riċerka - għar-riċerka, ir-riċerkaturi, it-timijiet u l-istituzzjonijiet - għandha tkun konformi ma’ dan il-prinċipju u tippremja l-kwalità kif xieraq; l-appoġġ pubbliku għandu jagħraf li r-riċerka fundamentali hija essenzjali biex jiġu żgurati l-eċċellenza, l-attraenza u l-vantaġġ kompetittiv tal-ekosistemi tar-R&I u għandu jikseb bilanċ bejn ir-riċerka “mmexxija mill-kurżità” u dik “orjentata lejn missjoni”;

(f)

Ħolqien tal-valur u l-impatt soċjetali u ekonomiku: Li jiżdied l-impatt tar-R&I billi tinbidel it-tmexxija tal-Ewropa fil-ħolqien tal-għarfien billi jsir użu mill-għarfien fis-soċjetà, pereżempju permezz ta’ prodotti, servizzi, proċessi u soluzzjonijiet li jappoġġaw il-benesseri taċ-ċittadini fuq pjaneta sostenibbli, il-prosperità ekonomika, l-innovazzjoni miftuħa, it-tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza u l-awtonomija strateġika filwaqt li tinżamm ekonomija miftuħa; dan jinvolvi, fost l-oħrajn, ħidma bejn politiki diversi, l-inkoraġġiment u l-ippremjar ta’ interkonnessjoni aktar b’saħħitha bejn l-atturi f’kollaborazzjoni multidixxiplinari u transettorjali, l-investiment fin-nies, id-disponibbiltà tal-infrastrutturi ta’ riċerka u tat-teknoloġija, l-interazzjoni mal-industrija u atturi oħra, u l-promozzjoni ta’ riċerka bażika mmexxija mir-riċerkaturi u r-rwol tagħha fil-ġenerazzjoni ta’ avvanzi rivoluzzjonarji u bażi ta’ għarfien usa’;

Ħidma flimkien

(g)

Koordinazzjoni, koerenza u impenn: L-Istati Membri jintegraw id-dimensjoni Ewropea fil-politiki nazzjonali u reġjonali tar-R&I u jiżguraw aċċettazzjoni u impenn nazzjonali akbar għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-prijoritajiet taż-ŻER. L-Istati Membri, bl-appoġġ tal-Unjoni, jikkoordinaw il-politiki u l-programmi ta’ R&I tagħhom f’oqsma ta’ interess komuni, inkluż billi jiżguraw il-komplementarjetà u jrawmu sinerġiji mal-programmi qafas tal-Unjoni għar-R&I u programmi u fondi oħra tal-Unjoni, biex b’hekk tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni tranżnazzjonali fiż-ŻER, u jidderieġu l-investimenti u r-riformi fir-R&I lejn il-kisba taż-ŻER u jħaffu t-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali;

(h)

Sensibilizzazzjoni globali: l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom f’kollaborazzjoni ta’ benefiċċju għal kulħadd u reċiproka u attivitajiet konġunti ta’ R&I ma’ sħab minn pajjiżi u reġjuni terzi, abbażi tal-interessi strateġiċi u l-valuri tal-Unjoni u l-prinċipji stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni, fl-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU u fi strumenti internazzjonali rilevanti oħra;

(i)

Inklużività: L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom biex jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ taż-ŻER sabiex ikunu kompetittivi fil-livell globali; għaldaqstant, l-Istati Membri u r-reġjuni bi prestazzjoni aktar baxxa għandhom jingħataw pariri u appoġġ bil-ħsieb li jsaħħu l-isforzi tagħhom biex iżidu l-prestazzjoni u d-daqs tas-sistemi tagħhom ta’ R&I u jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom, kemm umani kif ukoll infrastrutturali, inkluż billi jisfruttaw is-sinerġiji bejn il-finanzjament nazzjonali u reġjonali tagħhom u l-fondi tal-Unjoni. L-isforzi għandhom ikunu appoġġati fil-livell tal-Unjoni sabiex jisfruttaw il-potenzjal ta’ eċċellenza fl-Istati Membri u jgħaqqdu l-eżekuturi tar-R&I mir-reġjuni li għandhom prestazzjoni aktar baxxa ma’ networks Ewropej eċċellenti madwar l-Unjoni;

(j)

Responsabbiltà soċjetali: Isir kull sforz biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tas-soċjetà sabiex jiżdiedu l-kapaċitajiet kollettivi u jinkiseb impatt soċjetali u ambjentali akbar u sabiex tiżdied il-fiduċja u l-impenn lejn ix-xjenza u l-innovazzjoni billi jiġu involuti l-partijiet ikkonċernati, il-komunitajiet lokali u ċ-ċittadini fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki tar-R&I, billi jissaħħu l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni xjentifika u billi jiġi żgurat li dawk il-politiki jkunu flessibbli, adattabbli u aġġustabbli għal sfidi mhux mistennija.

II.   Oqsma ta’ prijorità għal azzjoni konġunta fl-Unjoni

2.

L-Istati Membri għandhom jadottaw fuq bażi volontarja l-oqsma ta’ prijorità li ġejjin għal azzjoni konġunta b’appoġġ għaż-ŻER, li abbażi tagħhom ser jitfasslu l-azzjonijiet taż-ŻER fl-aġenda ta’ politika taż-ŻER. Dawk l-azzjonijiet għandhom jiżguraw l-allinjament mill-qrib mal-valuri u l-prinċipji għar-R&I l-Unjoni, kif stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni, u jappoġġawhom kif xieraq.

Approfondiment ta’ suq intern li jiffunzjona għalkollox għall-għarfien

(a)

Xjenza miftuħa: Tiġi appoġġata u ppremjata kultura ta’ xjenza miftuħa u sinċiera madwar l-Unjoni, inkluż l-integrazzjoni ta’ aċċess miftuħ għal pubblikazzjonijiet akkademiċi u data tar-riċerka (jiġifieri nimxu mal-prinċipju “kemm jista’ jkun miftuħ, magħluq kemm meħtieġ”) u d-diffużjoni u l-adozzjoni ta’ prinċipji u prattiki ta’ xjenza miftuħa, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-differenzi bejn id-dixxiplinarji u d-differenzi kulturali, inkluż il-multilingwiżmu, jiġi appoġġat l-iżvilupp tal-ħiliet tax-xjenza miftuħa, filwaqt li jkun hemm żvilupp u integrazzjoni ulterjuri tal-infrastruttura u s-servizzi diġitali mirfuda;

(b)

Infrastrutturi tar-riċerka: L-iżvilupp ulterjuri tal-aċċess miftuħ għal, u l-isfruttament u l-konnessjoni aħjar ta’ infrastrutturi tar-riċerka Ewropej u nazzjonali eżistenti u ġodda, inkluż l-infrastrutturi elettroniċi, fl-oqsma kollha tax-xjenza; tiġi sfruttata aħjar il-funzjoni integrattiva tagħhom fl-ekosistema tal-għarfien u l-innovazzjoni u l-potenzjal tagħhom fil-provvediment ta’ soluzzjonijiet għall-isfidi globali, fil-formazzjoni ta’ sħubijiet u l-akkomunament tar-riżorsi u l-konnessjoni mal-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa; tittejjeb il-konnessjoni u l-interazzjoni tagħhom mal-infrastrutturi tat-teknoloġija u l-industrija biex iżidu l-impatt tagħhom; jiġi promoss il-ħolqien ta’ kapaċitajiet infrastrutturali ġodda fuq skala Ewropea. Dan ser jipprovdi pedamenti għall-eċċellenza xjentifika u jgħin lix-xjenza Ewropea tikkollabora u tikkompeti globalment, jikkontribwixxi biex jitnaqqas id-distakk fir-R&I u jrawwem l-inklużività fiż-ŻER; dan ser ikun jeħtieġ, fost l-oħrajn, it-tħaddim ta’ firxa usa’ ta’ sorsi ta’ finanzjament għal infrastrutturi ta’ riċerka minn ta’ quddiem fid-dinja u l-esplorazzjoni ta’ modi ġodda ta’ finanzjament tal-aċċess tranżnazzjonali u virtwali;

(c)

Ugwaljanza bejn il-ġeneri, opportunitajiet indaqs u l-inklużività: Jiġu żgurati perkorsi tal-karrieri ġusti, miftuħa, inklużivi u ugwali bejn il-ġeneri fir-riċerka biex jiffaċilitaw bidla istituzzjonali u strutturali sistemika fl-organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw u jwettqu r-R&I; jiġu miġġielda l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-fastidju sesswali; jitneħħew l-inugwaljanzi irrispettivament mill-ġeneru, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali; jiġu monitorjati u evalwati l-politiki u l-pjanijiet nazzjonali dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fir-R&I;

(d)

Karrieri u l-mobbilità tar-riċerkaturi u l-valutazzjoni tar-riċerka u s-sistemi ta’ premjazzjoni: Tingħata aktar attenzjoni lill-karrieri tar-riċerkaturi b’mod ġenerali u b’mod speċifiku l-karrieri tar-riċerkaturi fi stadju bikri u medju, inkluż l-ostakli speċifiċi li jiffaċċaw in-nisa f’dawk l-istadji, il-karrieri tagħhom isiru aktar attraenti u jingħataw it-taħriġ u l-ħiliet meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet li qed jinbidlu tar-rwol tar-riċerkatur fl-Unjoni, inkluż it-tmexxija u t-tagħlim; il-bini fuq il-programmi strumentali u tiġi żgurata l-konsistenza magħhom, bħal Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie. Dan ser jinkiseb bil-ħolqien ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjiegi stabbli, attraenti, inklużivi, trasparenti u ta’ appoġġ u billi jiġu pprovduti perkorsi ta’ karrieri ċari u aktar diversi, u gwida biex jagħmlu għażliet ta’ karriera infurmati sew. L-indirizzar taċ-ċirkolazzjoni żbilanċjata tar-riċerkaturi madwar l-Unjoni kif ukoll bejn is-setturi u l-amministrazzjonijiet pubbliċi, filwaqt li jiġi evitat l-eżodu tat-talent u tiżdied l-attraenza lejn it-talenti mid-dinja. Jiġu żviluppati aktar is-sistemi attwali ta’ valutazzjoni tar-riċerka għar-riċerka, ir-riċerkaturi, it-timijiet u l-istituzzjonijiet, biex jippremjaw il-kwalità, l-impatt, il-prattiki tax-xjenza miftuħa, it-tmexxija u l-involviment mas-soċjetà u l-kollaborazzjoni mal-industrija u ma’ setturi oħra ta’ attività, inkluż pariri xjentifiċi indipendenti għal dawk li jfasslu l-politika infurmati bl-evidenza; titqies firxa wiesgħa ta’ riżultati u attivitajiet ta’ riċerka, b’kont meħud ukoll tat-tagħlim fil-livell ta’ edukazzjoni għolja, u jiġu permessi perkorsi ta’ karrieri diversi. Is-sistemi ta’ premjazzjoni għandhom jagħtu attenzjoni xierqa biex tiġi żgurata t-trasparenza, il-ftuħ u l-mertu, u jevitaw il-preġudizzji, id-diskriminazzjoni u t-trattament inġust. Dan għandu jsir effettiv u jkun immonitorjat regolarment permezz tal-użu ta’ indikaturi adegwati u l-osservatorju tal-karrieri fir-riċerka;

(e)

Valorizzazzjoni tal-għarfien: Tiżdied il-kooperazzjoni u l-interkonnessjonijiet bejn l-atturi tar-R&I, u jiġu kkoordinati aħjar il-politiki u l-programmi fil-livell tal-Unjoni, dak nazzjonali u dak reġjonali, b’mod partikolari permezz ta’ oqfsa favorevoli għar-R&I, inkluż l-appoġġ regolatorju u tal-politika, għall-valorizzazzjoni tal-għarfien, l-użu tar-riżultati tar-riċerka u l-aċċess għalihom, it-titjib tal-ħiliet u l-ġestjoni tal-assi intellettwali;

(f)

Tmexxija xjentifika: Tingħata spinta lill-kapaċitajiet u l-finanzjament għar-riċerka fundamentali minn isfel għal fuq u għar-riċerka applikata. Dan ser jgħin lill-Unjoni tikseb pożizzjoni minn ta’ quddiem bħala soċjetà tal-għarfien u forza xjentifika globali, li hija prekundizzjoni għal politika ta’ innovazzjoni effettiva u għall-kapaċità tal-Unjoni li tifhem, tħejji u tirreaġixxi għall-isfidi futuri bħat-tibdil fil-klima jew il-kriżijiet tas-saħħa.

(g)

Involviment globali: Tiġi żviluppata strateġija koerenti ta’ involviment globali u għodod komuni, jiġu promossi valuri Ewropej kondiviżi u prinċipji għar-R&I f’termini ta’ kooperazzjoni internazzjonali u l-kapitalizzazzjoni dwar l-attraenza tar-riċerka fl-Unjoni; tiġi żgurata l-awtonomija strateġika tal-Unjoni fil-qasam xjentifiku u tal-innovazzjoni, filwaqt li tinżamm ekonomija miftuħa; jiġu promossi kundizzjonijiet ekwivalenti u r-reċiproċità bbażati fuq valuri fundamentali; jiġu msaħħa s-sħubijiet tar-R&I u tissaħħaħ, titwessa’ u tiġi approfondita l-kollaborazzjoni ma’ pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet reġjonali.

Jiġu indirizzati flimkien it-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali u sfidi oħra b’impatt fuq is-soċjetà, u tiżdied il-parteċipazzjoni tas-soċjetà fiż-ŻER

(h)

Azzjonijiet taż-ŻER ibbażati fuq l-isfidi: Jingħaqdu l-Istati Membri u l-Kummissjoni, inkluż ir-reġjuni u l-entitajiet lokali, kif ukoll pajjiżi terzi, partijiet ikkonċernati u l-industrija tar-R&I, fejn jgħaqqdu l-punti b’saħħithom permezz ta’ koordinazzjoni mill-qrib, kodisinn, kooperazzjoni, kondiviżjoni tad-data u finanzjament konġunt biex jitrawmu soluzzjonijiet ibbażati fuq r-R&I u jiġu mitigati riskji futuri bil-ħsieb tal-iżvilupp ta’ politiki settorjali b’appoġġ għall-għanijiet ta’ reżiljenza u sostenibbiltà tal-Ewropa b’rabta mat-tranżizzjoni ekoloġika u tat-trasformazzjoni diġitali; dawn l-azzjonijiet taż-ŻER għandhom:

jibnu fuq il-programmi qafas u l-istrumenti ta’ riċerka tal-Unjoni bħall-Missjonijiet tar-R&I, is-Sħubijiet Ewropej inkluż l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija, il-Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni tal-EIT (KKI tal-EIT), inizjattivi ta’ programmazzjoni konġunta, kif ukoll azzjonijiet oħra lil hinn mill-programmi qafas ta’ riċerka tal-Unjoni, bħall-alleanzi multilaterali tar-R&I;

jindirizzaw sfidi ġodda u persistenti bħat-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità u l-preservazzjoni tal-bijodiversità, it-tranżizzjonijiet tal-enerġija u diġitali, il-migrazzjoni, it-tniġġis mill-plastik, il-kanċer, il-mard relatat mal-età u mard rari jew it-theddid għas-saħħa pubblika inkluż mard infettiv (ri)emerġenti;

jibnu fuq il-kontribuzzjoni tal-ispettru sħiħ tad-dixxiplini, billi jippermettu li l-isfidi jiġu indirizzati b’mod komprensiv;

jużaw l-esperjenzi ta’ inizjattivi ta’ koordinazzjoni eżistenti bħall-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija, il-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima, u l-eżempju tal-inizjattiva ERAvsCorona;

(i)

Sinerġiji mal-edukazzjoni u l-Aġenda Ewropea għall-Ħiliet: ir-R&I u l-edukazzjoni għolja huma l-muturi ewlenin tal-innovazzjoni u l-ħolqien, id-diffużjoni u l-użu tal-għarfien. L-azzjonijiet għandhom:

jiżviluppaw, jappoġġaw u jisfruttaw is-sinerġiji bejn iż-ŻER u ż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja, b’mod partikolari permezz ta’ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja u infrastrutturi ta’ riċerka, inkluż infrastrutturi elettroniċi, politiki tax-xjenza miftuħa u tal-edukazzjoni miftuħa li jsaħħu lil xulxin, kif ukoll il-KKI tal-EIT;

jipprovdu gwida u appoġġ mal-partijiet ikkonċernati rilevanti għat-tranżizzjoni tas-sistema ta’ edukazzjoni għolja lejn kooperazzjoni, inklużjoni, eċċellenza u diġitalizzazzjoni aktar għolja, fost l-oħrajn, billi jiġi appoġġat b’mod konċertat, fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali, l-iżvilupp ulterjuri tal-inizjattiva “Università Ewropea” bħala katalist għal istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja aktar moderni, inklużivi u orjentati lejn il-futur fl-Unjoni;

jiġu żviluppati u implimentati inizjattivi biex jiġu mgħammra riċerkaturi bil-ħiliet kollha meħtieġa mis-suq tax-xogħol u għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħiliet permezz ta’ taħriġ immirat;

(j)

Sinerġiji mal-politiki settorjali u l-politika industrijali, sabiex tingħata spinta lill-ekosistemi tal-innovazzjoni: R&I u industrija aġli huma kruċjali biex jixprunaw il-kompetittività u jiksbu awtonomija strateġika filwaqt li jippreservaw ekonomija miftuħa. L-azzjonijiet għandhom:

jiżviluppaw, jappoġġaw u jisfruttaw is-sinerġiji bejn iż-ŻER, il-politiki transettorjali u l-istrateġija industrijali aġġornata (1);

jippromwovu l-koordinazzjoni tal-politiki u l-programmi tar-R&I biex jappoġġaw l-iżvilupp ta’ innovazzjonijiet rivoluzzjonarji u inkrementali madwar l-Unjoni, b’mod partikolari permezz tal-infrastrutturi tar-riċerka kif ukoll dawk tat-teknoloġija, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni, is-sħubiji ta’ Orizzont Ewropa inklużi l-KKI tal-EIT, l-Alleanzi Industrijali, proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni, l-Inizjattivi ta’ Raggruppamenti Konġunti, il-pjattaformi tematiċi ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, u l-pjanijiet direzzjonali komuni tat-teknoloġija industrijali (mir-riċerka bażika sal-implimentazzjoni) f’oqsma strateġiċi ewlenin, b’mod partikolari dawk relatati mal-ekosistemi industrijali identifikati fil-politika industrijali Ewropea mġedda;

jiġu kożviluppati mal-Istati Membri, l-industrija (inkluż l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju) u partijiet ikkonċernati oħra fir-R&I; kif ukoll

jindikaw oqsma ta’ prijorità speċifiċi (jew ktajjen ta’ valur ta’ prijorità) biex jgħinu fl-allinjament tal-investimenti pubbliċi u privati;

(k)

Involviment attiv miċ-ċittadini u s-soċjetà fir-R&I fid-dimensjonijiet kollha tiegħu: Il-kontribuzzjoni u l-kapaċità li jkun hemm benefiċċju mill-fehmiet u l-kontribuzzjonijiet taċ-ċittadini, u l-promozzjoni tal-involviment taċ-ċittadini, ser iqajmu sensibilizzazzjoni tal-benefiċċji u tal-impatt tar-R&I fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies, jiżguraw diversità akbar tal-approċċi għat-tfassil u għall-implimentazzjoni tal-politika tar-R&I u jagħmlu r-R&I iżjed rilevanti għas-soċjetà billi jiġu ffaċilitati l-aċċettazzjoni u l-affordabbiltà ta’ soluzzjonijiet ġodda;

It-titjib tal-aċċess għall-eċċellenza fir-riċerka u l-innovazzjoni madwar l-Unjoni u t-titjib tal-interkonnessjonijiet bejn l-ekosistemi tal-innovazzjoni madwar l-Unjoni

(l)

Iktar investimenti u riformi f’pajjiżi u reġjuni bi prestazzjoni aktar baxxa fir-R&I: Il-mobilizzazzjoni effettiva tal-finanzjament nazzjonali u tal-Unjoni għall-investiment tar-R&I, flimkien mal-appoġġ u l-assistenza biex ikun hemm involviment fir-riformi tar-R&I neċessarji;

(m)

Sinerġiji bejn programmi ta’ finanzjament tal-Unjoni, nazzjonali u reġjonali: Is-sinerġiji bejn il-programmi ta’ finanzjament tal-Unjoni u l-iskemi nazzjonali u reġjonali ta’ finanzjament fir-R&I għandhom ikunu ggwidati mill-valuri u l-prinċipji stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni u jiġu mħeġġa, operazzjonalizzati u msaħħa, abbażi ta’ linji gwida stabbiliti sew għall-implimentazzjoni tagħhom, b’mod partikolari bejn Orizzont Ewropa, il-politika ta’ koeżjoni u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza;

(n)

Aktar rabtiet kollaborattivi u l-integrazzjoni bbażata fuq l-eċċellenza ta’ organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka minn pajjiżi u reġjuni ultraperiferiċi bi prestazzjoni aktar baxxa fir-R&I fin-networks xjentifiċi Ewropej u fl-ekosistemi tal-innovazzjoni, “ċirkolazzjoni tal-imħuħ” aktar ibbilanċjata fi ħdan iż-ŻER, ħiliet u taħriġ xierqa għat-titjib tal-aċċess għall-eċċellenza;

Avvanz fl-investimenti u r-riformi miftiehma tar-riċerka u l-innovazzjoni

(o)

Appoġġ biex jiġu prijoritizzati u żgurati l-investimenti u r-riformi ta’ politika fir-R&I ta’ terminu twil: Fil-livelli kollha ta’ governanza (tal-Unjoni, nazzjonali u reġjonali), b’koordinazzjoni u parteċipazzjoni transsettorjali mtejba, inkluż b’ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja u klawżoli ta’ esperimentazzjoni; it-tfassil, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni għandhom imorru id f’id sabiex jiġu massimizzati s-sinerġiji u l-impatt;

(p)

Koordinazzjoni tal-investimenti tar-R&I:: Billi jiġu appoġġati l-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-investimenti u r-riformi koordinati sabiex tissaħħaħ id-dimensjoni taż-ŻER madwar il-livelli ta’ governanza kollha fl-Unjoni u sabiex jiġi massimizzat l-impatt tagħhom għall-benefiċċju tas-sistemi tax-xjenza u tal-innovazzjoni tal-Unjoni; u bit-trawwim tal-interoperabbiltà ta’ sistemi li jibnu fuq it-tagħlimiet meħuda mill-programmazzjoni konġunta u l-infrastrutturi Ewropej tar-riċerka.

III.   Prijoritizzazzjoni tal-investimenti u r-riformi

3.

L-Istati Membri għandhom jipprijoritizzaw l-investimenti u r-riformi li jindirizzaw il-prijoritajiet taż-ŻER u jipprovdu l-kundizzjonijiet u l-appoġġ neċessarji għal investiment privat aktar b’saħħtu tar-R&I fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali u reġjonali billi jistabbilixxu miri volontarji nazzjonali realistiċi, iżda ambizzjużi għall-investiment u r-riżultati fir-R&Ż filwaqt li jagħrfu ċ-ċirkostanzi nazzjonali:

(a)

In-nefqa pubblika fuq ir-R&Ż u l-investimenti privati fir-R&I jirrikjedu qafas ta’ politika u regolatorju adegwat biex jiġu massimizzati l-effettività u l-effiċjenza u jiġi żgurat impatt ekonomiku u soċjali; min-naħa l-oħra, ir-riforma tal-qafas ta’ politika tar-R&I jew l-implimentazzjoni ta’ aġenda trasformattiva jirrikjedu l-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi xierqa (pereżempju l-finanzjament, ir-riżorsi umani, il-ħiliet u postijiet tar-riċerka) sabiex jixprunaw il-bidla u jitjiebu l-prestazzjoni u l-output tas-sistema tar-R&I;

(b)

Il-miri tal-investiment fir-R&Ż mhux biss jagħtu spinta lir-rata kumplessiva ta’ żieda fin-nefqa fuq ir-R&Ż iżda jirriflettu wkoll fuq objettivi aktar kwalitattivi, f’termini xjentifiċi, teknoloġiċi, soċjetali jew orjentazzjonijiet industrijali; dan japplika b’mod partikolari għan-nefqa pubblika fir-R&Ż li tappoġġa l-prijoritajiet taż-ŻER, inklużi r-riformi tas-sistemi nazzjonali u reġjonali ta’ R&I, ekonomija sostenibbli u kompetittiva u t-tranżizzjonijiet doppji;

4.

L-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu għall-mira fil-livell tal-Unjoni li jinvestu 3 % tal-PDG tal-Unjoni fir-R&Ż billi jistabbilixxu, fuq bażi volontarja, miri nazzjonali, għan-nefqa totali tagħhom fuq ir-R&Ż.

5.

L-Istati Membri għandhom jikkwalifikaw l-istrateġija biex jilħqu l-miri nazzjonali tagħhom għan-nefqa totali fuq ir-R&Ż billi jistabbilixxu volontarjament sottomiri nazzjonali, pereżempju dwar:

(a)

in-nefqa pubblika maħsuba fuq ir-R&Ż espressa bħala persentaġġ tal-PDG;

(b)

il-persentaġġ tan-nefqa pubblika nazzjonali fuq ir-R&Ż impenjata għal programmi u inizjattivi konġunti, infrastrutturi tar-riċerka u Sħubijiet Ewropej;

(c)

iż-żieda mistennija fin-nefqa totali fuq ir-R&Ż, għal dawk l-Istati Membri li qed jaqgħu lura meta mqabbla man-nefqa medja tal-Unjoni fuq ir-R&Ż, espressa bħala persentaġġ tal-PDG.

6.

L-Istati Membri jieħdu nota tal-proposti tal-Kummissjoni biex tiġi inkluża mira ġdida ta’ sforz pubbliku ta’ 1,25 % tal-PDG tal-Unjoni li għandha tintlaħaq mill-Istati Membri sal-2030 b’mod ikkoordinat mill-Unjoni u żewġ miri volontarji ġodda għall-Istati Membri biex jimpenjaw 5 % tal-finanzjament pubbliku nazzjonali tar-R&Ż għal programmi konġunti u sħubiji Ewropej sal-2030 u biex jiżdied b’50 % l-investiment fir-R&Ż -f’dawk l-Istati Membri li huma taħt il-medja tal-intensità tar-R&Ż tal-Unjoni.

IV.   Koordinazzjoni u monitoraġġ tal-politika

7.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jimplimentaw mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni msaħħaħ, biex jiżguraw progress fil-prijoritajiet taż-ŻER. Jeħtieġ li dan jinkludi koordinazzjoni u appoġġ fil-livell tal-Unjoni, mill-istadji tal-ippjanar strateġiku u t-tfassil għall-istadji tal-implimentazzjoni u l-monitoraġġ, permezz ta’ firxa ta’ għodod u ta’ proċessi ta’ politika aktar sempliċi u ta’ inqas piż:

Aġenda ta’ politika taż-ŻER approvata mill-Kunsill, li tistabbilixxi l-azzjonijiet taż-ŻER li għandhom jiġu implimentati b’mod konġunt u volontarju b’mod ikkoordinat u flessibbli mingħajr ma jiżdied il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri, b’appoġġ għall-prinċipji għar-R&I u l-prijoritajiet taż-ŻER stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni,- u l-indirizzar tal-isfidi ffaċċjati mill-komunitajiet tar- R&I tal-Unjoni u dawk nazzjonali u s-soċjetà inġenerali. L-aġenda ta’ politika taż-ŻER għandha tkun ċara u azzjonabbli u tipprovdi valur miżjud reali għall-Unjoni, tiddefinixxi u tiddeskrivi kull azzjoni bil-ħsieb tal-implimentazzjoni tagħha (fil-livell tal-Unjoni u/jew nazzjonali);

Proċess nazzjonali jew mezz ta’ politika mfassal apposta, użat fuq bażi volontarja minn kull Stat Membru, pereżempju fil-forma ta’ strateġija, Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali taż-ŻER jew Pjan Direzzjonali, biex jiġu identifikati miżuri operattivi jew ippjanati fil-livell nazzjonali jew reġjonali li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-aġenda ta’ politika taż-ŻER u għal oqsma oħra ta’ prijorità għal azzjoni konġunta;

Pjattaforma online apposta tal-politika taż-ŻER li tkun faċli għall-utent biex tagħti informazzjoni dwar (i) l-implimentazzjoni tal-aġenda ta’ politika taż-ŻER fil-livell tal-Unjoni u nazzjonali u (ii) investimenti, riformi u attivitajiet rilevanti oħra li jappoġġaw il-prinċipji u l-oqsma prijoritarji taż-ŻER stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni. Il-pjattaforma online tal-politika taż-ŻER għandha tkun ibbażata fuq riżorsi u għodod eżistenti u tnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri u l-Kummissjoni;

8.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jimplimentaw mekkaniżmu ta’ monitoraġġ imsaħħaħ, biex jiżguraw bażi xierqa għat-tfassil ta’ politika bbażata fuq l-evidenza fiż-ŻER u biex jipprovdu evidenza u analiżi fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Dan għandu jinkludi dan li ġej:

Tabella ta’ valutazzjoni taż-ŻER, li timmonitorja l-progress lejn l-objettivi taż-ŻER fil-livell tal-Unjoni, u dashboard aktar dettaljat li jimmonitorja l-progress fl-objettivi taż-ŻER fil-livell nazzjonali, permezz ta’ kombinazzjoni rikka ta’ indikaturi rilevanti tal-kontributi, ir-riżultati u l-impatti u analiżijiet kwalitattivi li jakkomodaw iċ-ċirkostanzi differenti tal-Istati Membri u li huma relatati mal-prijoritajiet taż-ŻER. It-tabella ta’ valutazzjoni taż-ŻER għandha tiġi aġġornata regolarment. It-tabella ta’ valutazzjoni taż-ŻER għandha tivvaluta l-konsolidazzjoni ġenerali u l-progress kollettiv tal-prijoritajiet taż-ŻER u għandha turi biss data aggregata fil-livell tal-Unjoni;

Djalogi regolari ta’ politika bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni – kemm bilateralment, kif ukoll multilateralment – biex tiġi attivament ivvalutata u ggwidata l-implimentazzjoni tal-aġenda ta’ politika taż-ŻER, b’mod partikolari permezz tal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u eżerċizzji ta’ tagħlim reċiproku, ser isiru wkoll fil-Forum taż-ŻER, apparti djalogi ta’ politika oħrajn fil-Kumitat taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-Innovazzjoni. Il-Kummissjoni ser tipprovdi aktar appoġġ permezz tal-Faċilità ta’ Appoġġ għall-Politiki ta’ Orizzont u l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku.

9.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jaqsmu l-informazzjoni permezz tal-pjattaforma online tal-politika taż-ŻER dwar il-politiki u l-programmi attwali u ppjanati tagħhom li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-aġenda ta’ politika taż-ŻER, u jikkontribwixxu b’mod usa’ għall-prinċipji u l-prijoritajiet stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni.

10.

Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-implimentazzjoni tal-aġenda ta’ politika taż-ŻER kull 18-il xahar u toħroġ rapport għall-kunsiderazzjoni tal-Kunsill dwar is-sitwazzjoni attwali tal-implimentazzjoni tagħha bil-ħsieb li tmexxi l-aġenda ta’ politika taż-ŻER li għaddejja bħalissa u tħejji r-rieżamijiet u l-aġġornamenti tagħha li ser jiġu diskussi u approvati mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi kull sena lil kull Stat Membru rapport dwar il-progress tiegħu b’appoġġ għad-djalogi ta’ politika regolari bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

V.   Rieżami

11.

Il-Kunsill jenħtieġ li jivvaluta mill-ġdid l-oqsma ta’ prijorità għal azzjoni konġunta, stabbiliti fir-rakkomandazzjoni (2), mhux aktar tard minn kull sitt snin wara l-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Novembru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

S. KUSTEC


(1)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020: Nibnu Suq Uniku aktar b’saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa”.


Top