EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D1778

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1778 tal-5 ta’ Ottubru 2021 li tawtorizza lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja biex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

ST/11666/2021/INIT

ĠU L 360, 11.10.2021, p. 117–119 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/1778/oj

11.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 360/117


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1778

tal-5 ta’ Ottubru 2021

li tawtorizza lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja biex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1), l-ewwel subparagrafu tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE jistipula li persuna taxxabbli li tkun qed twettaq il-forniment tal-merkanzija jew is-servizzi hija, bħala regola ġenerali, responsabbli biex tħallas it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-awtoritajiet tat-taxxa.

(2)

Permezz ta’ ittra rreġstrata mal-Kummissjoni l-15 ta’ Marzu 2021, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (‘il-Ġermanja’) ppreżentat talba lill-Kummissjoni għal awtorizzazzjoni biex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE rigward il-persuni responsabbli għall-ħlas tal-VAT fl-eventwalità tat-trasferiment tal-kwoti tal-emissjonijiet innegozjati f’sistema nazzjonali ta’ negozjar fl-ambitu tal-Att dwar in-Negozjar tal-Kwoti tal-Emissjonijiet tal-Fjuwil (Gesetz über einen nationalen Zertifikatehandel für Brennstoffemissionen — “BEHG”) tat-12 ta’ Diċembru 2019 (“it-talba”).

(3)

Skont l-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni, permezz tal-ittri bid-data tas-7 ta’ April 2021, bagħtet it-talba lill-Istati Membri l-oħra u, permezz tal-ittra bid-data tat-8 ta’ April 2021, innotifikat lill-Ġermanja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

(4)

L-Artikolu 199a(1), il-punti (a) u (b), tad-Direttiva 2006/112/KE jippermetti lill-Istati Membri jaħtru persuni taxxabbli li jirċievu trasferimenti ta’ kwoti għall-emissjoni ta’ gassijiet serra, kif definiti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), u għat-trasferiment ta’ unitajiet oħra li jistgħu jintużaw mill-operaturi għall-konformità ma’ dik id-Direttiva, bħala responsabbli għall-ħlas tal-VAT (“il-mekkaniżmu tar-reverse charge”). Dawk id-dispożizzjonijiet ġew inklużi fid-Direttiva 2006/112/KE permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/23/UE (3) sabiex jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT. L-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge għan-negozjar fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont l-Artikolu 199a(1), il-punti (a) u (b), tad-Direttiva 2006/112/KE hija limitata għall-kwoti nnegozjati fl-ambitu tas-sistema tal-UE għan-negozjar ta’ emissjonijiet (“EU ETS”).

(5)

Fl-ambitu tal-BEHG, il-Ġermanja ħolqot qafas legali għal skema nazzjonali għan-negozjar tal-emissjonijiet, li jkopri emissjonijiet li ma jaqgħux fl-ambitu tal-EU ETS. Għaldaqstant, l-Artikolu 199a(1), il-punti (a) u (b), tad-Direttiva 2006/112/KE ma jipprovdux bażi ġuridika għall-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge għan-negozjar fl-ambitu tal-BEHG.

(6)

Skont il-Ġermanja, in-negozjar fil-kwoti huwa vulnerabbli ferm għall-frodi tal-VAT. In-negozjar fil-kwoti għall-emissjonijiet tal-fjuwil fl-ambitu tal-BEHG jaf jiġi sfruttat għal skopijiet frawdolenti bl-istess mod bħal fl-ambitu tal-EU ETS. Il-kwoti tal-emissjonijiet jistgħu jiġu skambjati f’qasir żmien, b’mod ripetut u faċilment. Huwa għadaqstant diffiċli ferm għall-awtoritajiet li jindividwaw tali bidliet u li jiżguraw li jiġi intaxxat l-ammont xieraq ta’ taxxa.. L-akkwirent tal-kwoti, ladarba tkun persuna taxxabbli bid-dritt għal tnaqqis, jista’ jnaqqas il-VAT imġarrba, mingħajr ma l-fornitur ikun ħallas it-taxxa fatturata fuq il-fatturat lill-awtoritajiet tat-taxxa. B’mod partikolari, l-involviment fil-katina tal-provvista ta’ “negozjanti nieqsa”, li jgħibu f’qasir żmien jew li ma jkollhomx assi, ma jħallix li tinġabar mill-awtoritajiet it-taxxa oġġett tal-evażjoni, li jħalli impatt negattiv fuq il-baġit. Biex tagħmel tajjeb għat-telf fid-dħul pubbliku, il-Ġermanja talbet awtorizzazzjoni sabiex tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE sabiex iddaħħal il-mekkaniżmu tar-reverse charge għat-trasferiment tal-kwoti tal-emissjonijiet.

(7)

Il-ħatra tar-riċevitur li jkun persuna taxxabbli bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT f’dawn il-każijiet partikolari tissimplifika l-proċedura għall-ġbir tal-VAT u tevita l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Ġermanja tiġi awtorizzata tapplika l-mekkaniżmu tar-reverse charge għat-trasferiment tal-kwoti tal-emissjonijiet innegozjati f’sistema nazzjonali ta’ negozjar fl-ambitu tal-BEHG (“il-miżura speċjali”).

(8)

Jenħtieġ li l-miżura speċjali tkun limitata fiż-żmien. Għalhekk, jenħtieġ li l-Ġermanja tkun awtorizzata tapplika l-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024.

(9)

Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni u n-novità tal-miżura speċjali, huwa importanti li jiġi evalwat l-impatt tagħha. Għaldaqstant, fl-eventwalità li l-Ġermanja tkun tixtieq testendi l-miżura speċjali lil hinn mill-2024, jenħtieġ li tippreżenta rapport lill-Kummissjoni, inkluż rieżami tal-miżura speċjali, flimkien mat-talba għal estensjoni, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2024. Dak ir-rapport jenħtieġ li jinkludi valutazzjoni tal-impatt tal-miżura speċjali fuq il-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT u l-għadd ta’ kummerċjanti u tranżazzjonijiet milquta mill-miżura speċjali.

(10)

Il-miżura speċjali mhu se jkollha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni provenjenti mill-VAT,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija awtorizzata tipprovdi li l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT hija l-persuna taxxabbli li lilha jsir it-trasferiment tal-kwoti tal-emissjonijiet innegozjati f’sistema nazzjonali ta’ negozjar fl-ambitu tal-Att dwar in-Negozjar tal-Kwoti tal-Emissjonijiet tal-Fjuwil (Gesetz über einen nationalen Zertifikatehandel für Brennstoffemissionen) tat-12 ta’ Diċembru 2019.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2024.

Kwalunkwe talba għall-estensjoni tal-miżura speċjali prevista f’din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2024 u għandha tiġi akkumpanjata minn rapport dwar l-applikazzjoni ta’ din il-miżura li jinkludi valutazzjoni tal-impatt tal-miżura fuq il-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT u l-għadd ta’ kummerċjanti u tranżazzjonijiet milquta mill-miżura.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-5 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. ŠIRCELJ


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2010/23/UE tas-16 ta’ Marzu 2010 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, fir-rigward ta’ applikazzjoni fakultattiva u temporanja tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fil-konfront tal-fornimenti ta’ ċerti servizzi suxxettibbli għal frodi (ĠU L 72, 20.3.2010, p. 1).


Top