Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D0592

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/592 tas-7 ta’ April 2021 dwar it-tressiq, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ proposta li l-klorpirifos jiġi elenkat fl-Anness A tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes

    ST/6921/2021/INIT

    ĠU L 125, 13.4.2021, p. 52–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/592/oj

    13.4.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 125/52


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/592

    tas-7 ta’ April 2021

    dwar it-tressiq, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ proposta li l-klorpirifos jiġi elenkat fl-Anness A tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fl-14 ta’ Ottubru 2004, il-Komunità Ewropea approvat il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (il-“Konvenzjoni”) permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/507/KE (1).

    (2)

    Bħala Parti għall-Konvenzjoni, l-Unjoni tista’ tressaq proposti biex jiġu emendati l-Annessi tal-Konvenzjoni. L-Anness A għall-Konvenzjoni jelenka kimiċi ili għandhom jiġu eliminati.

    (3)

    Skont it-tagħrif xjentifiku u skont ir-rapporti ta’ analiżi disponibbli, u fid-dawl tal-kriterji tal-iskrinjar stipulati fl-Anness D tal-Konvenzjoni, il-klorpirifos juri xi karatteristiċi ta’ pollutant organiku persistenti.

    (4)

    Il-klorpirifos mhuwiex approvat bħala sustanza attiva skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u għalhekk mhuwiex permess li jitqiegħed fis-suq jew li jintuża fl-Unjoni f’prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Il-klorpirifos lanqas ma huwa approvat bħala sustanza attiva skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u għalhekk mhuwiex permess li jitqiegħed fis-suq jew li jintuża fl-Unjoni f’prodotti bijoċidali. Barra minn hekk, il-klorpirifos mhuwiex irreġistrat għall-ebda użu ieħor f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u, konsegwentement, mhuwiex permess li jiġi mmanifatturat jew imqiegħed fis-suq fl-Unjoni għal tali użu ieħor fi kwantitajiet ta’ tunnellata waħda jew aktar fis-sena għal kull manifattur jew importatur.

    (5)

    Għalkemm il-klorpirifos ġie eliminat gradwalment fl-Unjoni, jidher li għadu jintuża bħala pestiċida u jinfirex fl-ambjent barra mill-Unjoni. Minħabba l-potenzjal tal-klorpirifos għat-trasport fl-ambjent fuq distanzi twal, il-miżuri li ttieħdu fil-livell nazzjonali jew tal-Unjoni mhumiex biżżejjed biex jitħares il-livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u ta’ saħħet il-bniedem. Għaldaqstant, hija meħtieġa azzjoni internazzjonali fuq firxa aktar wiesgħa.

    (6)

    Għalhekk, jenħtieġ li l-Unjoni tressaq proposta lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni biex il-klorpirifos jiġi elenkat fl-Anness A tal-Konvenzjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Unjoni għandha tressaq proposta biex il-klorpirifos (CAS Nru: 2921-88-2, KE Nru 220-864-4) jiġi elenkat fl-Anness A tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes.

    Il-Kummissjoni għandha, f’isem l-Unjoni, tikkomunika l-proposta msemmija fl-ewwel subparagrafu lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni, bl-informazzjoni kollha meħtieġa skont l-Anness D tal-Konvenzjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ April 2021.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. P. ZACARIAS


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/507/KE tal-14 ta’ Ottubru 2004 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (ĠU L 209, 31.7.2006, p. 1).

    (2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).


    Top