Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1288

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1288 tad-9 ta’ Settembru 2020 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

C/2020/6283

ĠU L 302, 16.9.2020, p. 8–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1288/oj

16.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 302/8


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1288

tad-9 ta’ Settembru 2020

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stipula r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija totalment jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżid xi suddiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jkun hemm l-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi previst li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta’ tliet xhur.

(5)

Il-Kumitat tal-Kodiċi Doganali ma tax opinjoni fil-limitu ta’ żmien stabbilit mill-President tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella kif imniżżla fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ din it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Settembru 2020.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Gerassimos THOMAS

Direttur Ġenerali

Id-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni


(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Klassifikazzjoni (Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Prodott li jikkonsisti f’likwidu bla kulur f’kontenitur ċilindriku żgħir, li jesa’ 2 ml, b’pinzell fin wieħed fuq l-għatu li jinqala’. Il-pinzell huwa ddisinjat biex jintuża biex jiġi applikat il-likwidu.

Il-prodott huwa conditioner għax-xagħar tal-għajnejn u huwa maħsub biex jintuża biex irattabhom u bħala nutrijent. Jgħin biex jipproteġihom mill-fraġilità u mit-tkissir u billi tiġi estiża l-fażi ta’ tkabbir tax-xagħar tal-għajnejn u b’hekk it-tul tal-ħajjithom.

Il-prodott fih l-ingredjenti ewlenin li ġejjin:

bijotina;

dekloro diidrossi difluworo etilkloprostenolammid;

bijotinoil tripeptid-1;

estratt tal-kalendula;

estratt tal-ġinseng.

Il-prodott huwa ppreżentat f’kaxxa tal-kartun, għall-bejgħ bl-imnut.

3304 99 00

Il-klassifikazzjoni hija determinata bir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u mill-kliem tal-kodiċi tan-NM 3304 u 3304 99 00.

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 3305 hija eskluża minħabba li l-prodott huwa preparat li jiġi applikat fuq ix-xagħar f’partijiet tal-ġisem tal-bniedem għajr ir-ras (ara wkoll in-Nota ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata (NSSA) għall-intestatura 3305, nota ta’ esklużjoni).

Peress li l-prodott jgħin biex ix-xagħar ikun aktar flessibbli, artab u jleqq, jitqies bħala preparat għas-sbuħija (ara wkoll n-NSSA tal-intestatura 3304, (A)(3)). Għalhekk, il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 3307 bħala “preparati tal-fwejjaħ, kosmetiċi jew tat-twaletta oħrajn, mhux speċifikati jew inklużi banda oħra” hija eskluża.

Konsegwentement, il-prodott irid jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 3304 99 00 bħala preparat tas-sbuħija.


Top