Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0448

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/448 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni tat-trattament tad-derivattivi OTC b’rabta ma’ ċerti titolizzazzjonijiet sempliċi, trasparenti u standardizzati għal finijiet ta’ ħħeġġjar (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2019/8950

ĠU L 94, 27.3.2020, p. 8–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/448/oj

27.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 94/8


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/448

tas-17 ta’ Diċembru 2019

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni tat-trattament tad-derivattivi OTC b’rabta ma’ ċerti titolizzazzjonijiet sempliċi, trasparenti u standardizzati għal finijiet ta’ ħħeġġjar

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(15) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 11(15) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 ġie emendat bl-Artikolu 42(3) tar-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Dik l-emenda saret biex ikun aċċertat li, fir-rigward tar-rekwiżiti tal-marġini għad-derivattivi OTC ikklirjati mhux ċentralment, derivattivi assoċjati ma’ bonds koperti u derivattivi assoċjati ma’ titolizzazzjonijiet jiġu ttrattati bl-istess mod. Billi r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2251 (3) huwa bbażat fuq l-Artikolu 11(15) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, dak ir-Regolament Delegat jenħtieġ li jiġi emendat biex jirrifletti l-emenda li saret fl-Artikolu 11(15) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u b’hekk biex jinkludi regoli dwar it-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għall-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklirjati minn kontroparti ċentrali konklużi minn entità bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni b’rabta ma’ titolizzazzjoni.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 11(15) emendat tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, regoli bħal dawn dwar it-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għall-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklirjati minn kontroparti ċentrali u konklużi minn entità bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni b’rabta ma’ titolizzazzjoni, jenħtieġ li jqisu l-impedimenti li jiffaċċjaw dawk l-entitajiet bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni meta jipprovdu l-kollateral. Minħabba li l-entitajiet bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni normalment ikunu strutturati b’tali mod li jiġġeneraw ftit li xejn eċċess ta’ likwidità, dawn għandhom inqas assi x’jużaw għall-iskambju tal-kollateral. Dak l-impediment ma jħallix lill-entitajiet bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni jiskambjaw il-kollateral b’tali mod li jikkonforma mija fil-mija mar-rekwiżiti tar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251. Għaldaqstant, taħt sett speċifiku ta’ kundizzjonijiet, l-entitajiet bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni b’rabta ma’ titolizzazzjoni Sempliċi, Trasparenti u Standardizzata (“STS”) jenħtieġ li ma jkollhomx l-obbligu li jiddepożitaw il-kollateral. Dan suppost li jagħti lok għal daqsxejn ta’ flessibbiltà għall-entitajiet bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni b’rabta ma’ titolizzazzjoni STS, filwaqt li jaċċerta li r-riskji għall-kontropartijiet tagħhom ikunu limitati. Madankollu, ma hemm l-ebda restrizzjoni għall-entitajiet bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni b’rabta ma’ titolizzazzjoni STS biex jiġbru l-kollateral mill-kontropartijiet tagħhom u biex sussegwentement jirritornawh meta jkun dovut. Il-kontropartijiet ta’ entitajiet bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni b’rabta ma’ titolizzazzjoni STS huma għaldaqstant obbligati li jiddepożitaw il-marġni ta’ varjazzjoni fi flus. Jenħtieġ li jkollhom id-dritt li jieħduh lura parzjalment jew kollu kemm hu, filwaqt li l-entitajiet bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni jenħtieġ li jkollhom biss l-obbligu li jiġbru l-marġni ta’ varjazzjoni riċevut fi flus u li jiddepożitaw il-marġni ta’ varjazzjoni għall-ammont riċevut fi flus. Dan huwa konformi mal-premessa 41 tar-Regolament (UE) 2017/2402 li jirreferi għall-ħtieġa li tiġi żgurata l-konsistenza fit-trattament bejn derivattivi assoċjati ma’ bonds koperti u derivattivi assoċjati ma’ titolizzazzjonijiet, fir-rigward tal-obbligu tal-ikklirjar u tar-rekwiżiti tal-marġni dwar derivattivi OTC mhux ikklirjati ċentralment.

(3)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2016/2251 jiġi emendat skont dan,

(4)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati ppreżentati mill-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq lill-Kummissjoni.

(5)

L-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għamlu konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzaw il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbu l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Assigurazzjoni u r-Riassigurazzjoni u l-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Qasam tal-Pensjonijiet tax-Xogħol stabbiliti skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), u l-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda għar-Regolament Delegat (UE) 2016/2251

Fir-Regolament Delegat (UE) 2016/2251, jiddaħħal l-Artikolu 30a li ġej:

“Artikolu 30a

It-trattament tad-derivattivi b’rabta mat-titolizzazzjonijiet għal finijiet ta’ ħħeġġjar

1.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 2(2) u meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jiġu ssodisfati, il-kontropartijiet jistgħu, fil-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju tagħhom, jipprevedu dan li ġej b’rabta mal-kuntratti tad-derivattivi OTC konklużi minn entità bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni b’rabta ma’ titolizzazzjoni, kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) u li tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 4(5) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012:

(a)

li l-marġni ta’ varjazzjoni ma jiġix iddepożitat mill-entità bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni iżda jinġabar mill-kontroparti tiegħu fi flus u jingħata lura lill-kontroparti tiegħu meta jkun dovut;

(b)

li l-marġni inizjali ma jiġix iddepożitat jew miġbur.

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-kontroparti għad-derivattivi OTC konklużi minn entità bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni b’rabta ma’ titolizzazzjoni tiġi kklassifikata tal-inqas pari passu mad-detenturi tal-aktar nota ta’ titolizzazzjoni superjuri, dment li l-kontroparti la tkun il-parti inadempjenti u lanqas il-parti affettwata;

(b)

l-entità bi skop speċjali tat-titolizzazzjoni għat-titolizzazzjoni li l-kuntratt tad-derivattivi tal-OTC ikun assoċjat magħha, tkun soġġetta, fuq bażi kontinwa, għal livell ta’ titjib tal-kreditu tal-aktar nota ta’ titolizzazzjoni superjuri ta’ minn tal-anqas 2 % tan-noti pendenti;

(c)

is-sett tan-nettjar ma jinkludix kuntratti tad-derivattivi OTC mhux relatati mat-titolizzazzjoni.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Diċembru 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35).

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2251 tal-4 ta’ Ottubru 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet rigward standards tekniċi regolatorji għal tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għall-kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklirjati minn kontroparti ċentrali (ĠU L 340, 15.12.2016, p. 9).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).


Top