Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D1355

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1355 tal-25 ta’ Settembru 2020 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Rumanija biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

    ĠU L 314, 29.9.2020, p. 55–58 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 20/07/2022

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2020/1355/oj

    29.9.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 314/55


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1355

    tal-25 ta’ Settembru 2020

    li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Rumanija biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fis-7 ta’ Awwissu 2020, ir-Rumanija talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni bil-għan li tissupplimenta l-isforzi nazzjonali tagħha biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u tirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi tat-tifqigħa għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom.

    (2)

    It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri straordinarji implimentati mir-Rumanija biex titrażżan it-tifqigħa u l-impatt tagħha kemm soċjoekonomiku kif ukoll dak sanitarju mistennija li jkollhom impatt qawwi fuq il-finanzi pubbliċi. Skont il-previżjoni tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni, ir-Rumanija kienet mistennija li jkollha defiċit u dejn tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 9,2 % u 46,2 % tal-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament sa tmiem l-2020. Skont il-previżjoni interim tas-sajf 2020 tal-Kummissjoni, il-PDG tar-Rumanija huwa mbassar li jonqos b’6,0 % fl-2020.

    (3)

    It-tifqigħa tal-COVID-19 waqqfet parti sostanzjali mill-forza tax-xogħol fir-Rumanija. Dan wassal għal żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika fir-Rumanija fir-rigward ta’ skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, kif ukoll miżuri relatati mas-saħħa, kif stabbilit fil-premessi minn (4) sa (11).

    (4)

    ‘L-Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 30/2020’ (2), imsemmija fit-talba tar-Rumanija tas-7 ta’ Awwissu 2020, tipprovdi benefiċċju lill-impjegati ta’ dawk l-impjegaturi li jnaqqsu jew li temporanjament jinterrompu l-attività tagħhom minħabba l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19. Il-benefiċċju huwa limitat għal 75 % tas-salarju bażiku ta’ dawk l-impjegati (iżda mhux aktar minn 75 % tas-salarju gross medju fl-ekonomija) għal kemm idum l-istat ta’ emerġenza.

    (5)

    “L-Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 92/2020” (3), imsemmija fit-talba tar-Rumanija tas-7 ta’ Awwissu 2020, introduċiet benefiċċju għal dawk li l-kuntratt ta’ impjieg tagħhom ġie sospiż għal mill-inqas 15-il jum matul l-istat ta’ emerġenza jew ta’ twissija, sakemm ir-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom tinżamm sal-31 ta’ Diċembru 2020. Il-benefiċċju jammonta għal 41,5 % tas-salarju bażiku gross ta’ dawk l-impjegati (iżda mhux aktar minn 41,5 % tas-salarju gross medju fl-ekonomija).

    (6)

    “L-Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 132/2020” (4) introduċiet skema ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, li skontha, fil-każ ta’ tnaqqis temporanju tal-attività kkawżat minn stat ta’ emerġenza jew ta’ twissija, l-impjegatur għandu l-possibbiltà li jnaqqas is-sigħat tax-xogħol tal-impjegati b’sa 50 %. Matul il-perijodu ta’ tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol, il-ħaddiema milquta jibbenefikaw minn kumpens ta’ 75 % tad-differenza bejn is-salarju gross għall-ħin tax-xogħol normali u s-salarju effettiv tagħhom.

    (7)

    Għal dawk li jaħdmu għal rashom u għall-professjonijiet liberi, ġew introdotti żewġ miżuri. Għal dawk li waqfu jaħdmu kompletament minħabba l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19, l-istat jipprovdi benefiċċju ta’ 75 % tas-salarju gross medju (5). Għal dawk li jnaqqsu s-sigħat tax-xogħol tagħhom, l-Istat jipprovdi benefiċċju sa 41,5 % tas-salarju gross medju.

    (8)

    Għal dawk li jaħdmu bil-ġurnata li jieqfu mix-xogħol b’konsegwenza tas-sospensjoni tal-attivitajiet kummerċjali minħabba l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19, l-awtoritajiet introduċew miżura li tipprovdi benefiċċju ta’ appoġġ ta’ 35 % tar-remunerazzjoni dovuta għal kull jum ta’ xogħol, għal perijodu massimu ta’ tliet xhur.

    (9)

    “L-Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 11/2020” (6), imsemmija fit-talba tar-Rumanija tas-7 ta’ Awwissu 2020, tipprovdi bonus għal xogħol supplimentari lill-persunal tal-istrutturi speċjalizzati tal-Istitut Nazzjonali tas-Saħħa Pubblika u tad-direttorati tas-saħħa pubblika tal-kontej u/jew tad-direttorat tas-saħħa pubblika ta’ Bucharest li jaġixxi biex jikkoordina u jimplimenta l-miżuri ta’ prevenzjoni u limitazzjoni ta’ avvenimenti li l-WHO ddikjarathom emerġenza tas-saħħa pubblika globali minħabba l-infezzjonijiet tal-COVID-19. Il-miżura tipprovdi benefiċċju ekwivalenti għal 75 % tas-salarju bażiku, għas-sigħat maħduma matul is-sigħat normali tax-xogħol u għal 100 % tas-salarju bażiku, għas-sigħat maħduma fi tmiem il-ġimgħa, fil-ġranet festivi u fi ġranet oħra mhux magħduda bħala jiem ta’ xogħol. Dik il-miżura tista’ titqies li hija miżura relatata mas-saħħa, kif imsejħa fir-Regolament (UE) 2020/672.

    (10)

    Lill-impjegati tas-sistema nazzjonali tad-difiża, tal-istabbilimenti ta’ detenzjoni, tal-unitajiet tas-saħħa pubblika u ta’ kategoriji oħra stabbiliti permezz ta’ ordnijiet ministerjali, l-awtoritajiet ipprovdewlhom bonus għat-tħaris tat-tfal. Il-benefiċċju huwa bil-kundizzjoni li l-ġenitur l-ieħor li ma jibbenefikax minn drittijiet alternattivi li jagħtu jiem ta’ liv lill-ġenituri għas-superviżjoni ta’ tfal fil-każ tal-għeluq temporanju tal-unitajiet edukattivi. Dik il-miżura tista’ titqies li hija miżura simili għal skemi ta’ xogħol għal żmien qasir, kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2020/672, peress li tipprovdi appoġġ għall-introjtu lill-impjegati, li se tgħin biex jiġu koperti l-ispejjeż tat-tħaris tat-tfal waqt li l-iskejjel jinsabu magħluqa u għalhekk tgħin lill-ġenituri biex ikomplu jaħdmu, u b’hekk tipprevjeni li r-relazzjoni tax-xogħol titqiegħed f’riskju.

    (11)

    Fl-aħħar nett, il-“Liġi Nru 56/2020” (7), imsemmija fit-talba tar-Rumanija tas-7 ta’ Awwissu 2020, tintroduċi bonus fir-rigward ta’ kundizzjonijiet partikolarment perikolużi sa 30 % tas-salarju tal-persunal mediku li jipparteċipa fl-azzjonijiet mediċi kontra l-COVID-19.

    (12)

    Ir-Rumanija tissodisfa l-kundizzjonijiet biex tintalab assistenza finanzjarja stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672. Ir-Rumanija pprovdiet lill-Kummissjoni b’evidenza xierqa li n-nefqa pubblika attwali u ppjanata żdiedet b’EUR 4 370 779 006 mill-1 ta’ Frar 2020 minħabba ż-żieda fl-ammonti direttament relatati mal-benefiċċji tal-qgħad għall-impjegati u għal kategoriji oħra għajr l-impjegati, benefiċċju għal impjegati li jirritornaw għax-xogħol u kategoriji oħra għajr l-impjegati, skema imminenti ta’ xogħol għal żmien qasir, benefiċċju ta’ appoġġ għal dawk li jaħdmu bil-ġurnata u bonus għat-tħaris tat-tfal lil persunal speċifiku. Dan jikkostitwixxi żieda għal għarrieda u qawwija minħabba li huwa marbut ma’ miżuri ġodda, li jkopru proporzjon sinifikanti ta’ impriżi u tal-forza tax-xogħol fir-Rumanija. Ir-Rumanija biħsiebha tiffinanzja EUR 271 534 419 tal-ammont miżjud tan-nefqa permezz tal-fondi tal-Unjoni.

    (13)

    Il-Kummissjoni kkonsultat lir-Rumanija u vverifikat iż-żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika attwali u ppjanata direttament relatata mal-iskemi tax-xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, kif ukoll ir-rikors għal miżuri rilevanti relatati mas-saħħa marbuta mat-tifqigħa tal-COVID-19, imsemmija fit-talba tas-7 ta’ Awwissu 2020, b’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/672.

    (14)

    Għalhekk jenħtieġ li tingħata assistenza finanzjarja bil-għan li tgħin lir-Rumanija tindirizza l-effetti soċjoekonomiċi tat-tfixkil ekonomiku gravi kkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjonijiet rigward il-maturitajiet, il-qies u r-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali u tal-partijiet f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali.

    (15)

    Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura relatata ma’ distorsjonijiet tal-operat tas-suq intern li tista’ titwettaq, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Hija ma tneħħix il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-Trattat.

    (16)

    Jenħtieġ li r-Rumanija tinforma lill-Kummissjoni fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-punt sa fejn ir-Rumanija implimentat dik in-nefqa.

    (17)

    Id-deċiżjoni li tingħata assistenza finanzjarja ttieħdet b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet eżistenti u dawk mistennija tar-Rumanija, kif ukoll it-talbiet għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) 2020/672 diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, filwaqt li ġew applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Ir-Rumanija tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672.

    Artikolu 2

    1.   L-Unjoni għandha tagħmel disponibbli self lir-Rumanija li jammonta għal massimu ta’ EUR 4 099 244 587. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.

    2.   Il-perijodu ta’ disponibbiltà għall-għajnuna finanzjarja mogħtija b’din id-Deċiżjoni għandu jkun ta’ 18-il xahar li jibdew mill-ewwel jum wara li din id-Deċiżjoni ssir effettiva.

    3.   L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni lir-Rumanija f’massimu ta’ tmien ħlasijiet. L-iżborż ta’ kull ħlas parzjali jista’ jsir f’parti waħda jew aktar. Il-maturitajiet tal-partijiet taħt l-ewwel ħlas parzjali jistgħu jkunu itwal mill-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1. F’każijiet bħal dawn, il-maturitajiet ta’ partijiet ulterjuri għandhom ikunu stabbiliti b’tali mod li l-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1 tintlaħaq ladarba jsir l-iżborż tal-ħlasijiet parzjali kollha.

    4.   L-ewwel ħlas parzjali għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim tas-self previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672.

    5.   Ir-Rumanija għandha tħallas il-kost tal-finanzjament tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2020/672 għal kull ħlas parzjali flimkien ma’ kull tariffa, kost u spiża tal-Unjoni li jirriżultaw minn kull finanzjament relatat mas-self mogħti skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

    6.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar id-daqs u r-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali, kif ukoll dwar id-daqs tal-partijiet.

    Artikolu 3

    Ir-Rumanija tista’ tiffinanzja l-miżuri li ġejjin:

    (a)

    il-benefiċċju tal-qgħad tekniku għal impjegati ta’ impjegaturi li jnaqqsu jew jinterrompu temporanjament l-attività tagħhom, kif previst fl-“Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 30/2020”, l-Artikolu XI;

    (b)

    il-benefiċċju applikat għall-impjegati ta’ dawk l-impjegaturi li jnaqqsu jew jinterrompu temporanjament l-attività tagħhom kif previst fll-“Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 92/2020”, l-Artikolu I;

    (c)

    l-iskema ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif previst fl-“Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 132/2020”, l-Artikolu 1;

    (d)

    il-benefiċċju simili għal dak imsemmi fil-punt (a) għal kategoriji oħra għajr l-impjegati, inklużi dawk li jaħdmu għal rashom u l-professjonijiet liberi, kif previst fl-“Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 30/2020”, l-Artikolu XV;

    (e)

    il-benefiċċju pprovdut mil-“Liġi Nru 6/2020 dwar il-baġit tal-Assigurazzjoni Soċjali tal-Istat għall-2020” għal kategoriji oħra għajr l-impjegati inklużi dawk li jaħdmu għal rashom u l-professjonijiet liberi, kif previst fl-“Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 132/2020”, l-Artikolu 3;

    (f)

    il-benefiċċju ta’ sostenn għal dawk li jaħdmu bil-ġurnata kif previst fl-“Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 132/2020”, l-Artikolu 4;

    (g)

    il-bonus fir-rigward ta’ xogħol supplimentari għall-persunal tal-istrutturi speċjalizzati tal-Istitut Nazzjonali tas-Saħħa Pubblika u tad-direttorati tas-saħħa pubblika tal-kontej u/jew tad-direttorat tas-saħħa pubblika ta’ Bucharest, kif previst fl-“Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 11/2020”, l-Artikolu 8(6);

    (h)

    il-bonus għat-tħaris tat-tfal mogħti lill-impjegati tas-sistema nazzjonali tad-difiża, tal-istabbilimenti ta’ detenzjoni, tal-unitajiet tas-saħħa pubblika u ta’ kategoriji oħra stabbiliti permezz ta’ ordnijiet ministerjali, kif previst fl-“Ordinanza ta’ Emerġenza tal-Gvern 30/2020”, l-Artikolu I(6);

    (i)

    il-bonus fir-rigward ta’ kundizzjonijiet partikolarment perikolużi mogħti b’rikonoxximent tal-merti tal-persunal mediku, kif previst mil-“Liġi Nru 56/2020”, l-Artikolu 7.

    Artikolu 4

    Ir-Rumanija għandha tinforma lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Marzu 2021, u kull sitt xhur wara l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata sakemm dik in-nefqa pubblika ppjanata tkun ġiet implimentata b’mod sħiħ.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

    Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha lid-destinatarju.

    Artikolu 6

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Settembru 2020.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. ROTH


    (1)  ĠU L 159, 20.5.2020, p. 1.

    (2)  Ippubblikata fil-Monitor Uffiċjali 231 tal-21 ta’ Marzu 2020.

    (3)  Ippubblikata fil-Monitor Uffiċjali 459 tad-29 ta’ Mejju 2020.

    (4)  Ippubblikata fil-Monitor Uffiċjali 720 tal-10 ta’ Awwissu 2020.

    (5)  Kif previst mil-“Liġi Nru 6/2020 dwar il-baġit tal-Assigurazzjoni Soċjali tal-Istat għall-2020”.

    (6)  Ippubblikata fil-Monitor Uffiċjali 102 tal-11 ta’ Frar 2020.

    (7)  Ippubblikata fil-Monitor Uffiċjali 402 tal-15 ta’ Mejju 2020.


    Top