This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32020D1350
Council Implementing Decision (EU) 2020/1350 of 25 September 2020 granting temporary support under Regulation (EU) 2020/672 to the Republic of Lithuania to mitigate unemployment risks in the emergency following the COVID-19 outbreak
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1350 tal-25 ta’ Settembru 2020 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika tal-Litwanja biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1350 tal-25 ta’ Settembru 2020 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika tal-Litwanja biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19
ĠU L 314, 29.9.2020, p. 35–37
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 28/10/2022
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Modified by | 32021D0678 | Sostituzzjoni | artikolu 2 paragrafu 4 | 26/04/2021 | |
Modified by | 32021D0678 | Sostituzzjoni | artikolu 4 | 26/04/2021 | |
Modified by | 32021D0678 | Sostituzzjoni | artikolu 3 | 26/04/2021 | |
Modified by | 32021D0678 | Sostituzzjoni | artikolu 2 paragrafu 1 | 26/04/2021 | |
Modified by | 32022D2080 | Sostituzzjoni | artikolu 2 paragrafu 1 | 28/10/2022 | |
Modified by | 32022D2080 | Sostituzzjoni | artikolu 3 | 28/10/2022 | |
Modified by | 32022D2080 | Sostituzzjoni | artikolu 2 paragrafu 2 | 28/10/2022 | |
Modified by | 32022D2080 | Sostituzzjoni | artikolu 2 paragrafu 4 | 28/10/2022 |
29.9.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 314/35 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1350
tal-25 ta’ Settembru 2020
li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika tal-Litwanja biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
Fis-7 ta’ Awwissu 2020, il-Litwanja talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni bil-ħsieb li tikkomplementa l-isforzi nazzjonali tagħha biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u tirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi tat-tifqigħa għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom. |
(2) |
It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri straordinarji implimentati mil-Litwanja biex titrażżan it-tifqigħa u l-impatt soċjoekonomiku kif ukoll dak sanitarju tagħha huma mistennija li jkollhom impatt drammatiku fuq il-finanzi pubbliċi. Skont il-previżjoni tar-Rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni, kien mistenni li l-Litwanja jkollha defiċit u dejn tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 6,9 % u 48,5 % tal-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament sa tmiem l-2020. Skont il-previżjoni interim tas-Sajf 2020 tal-Kummissjoni, il-PDG tal-Litwanja huwa projettat li jkun naqas b’7,1 % fl-2020. |
(3) |
It-tifqigħa tal-COVID-19 ipparalizzat parti sostanzjali tal-forza tax-xogħol fil-Litwanja. Dan wassal għal żieda f’daqqa u severa fin-nefqa pubblika fil-Litwanja fir-rigward tas-sussidji fuq il-pagi matul u wara żmien inattiv mix-xogħol u l-benefiċċji għal dawk li jaħdmu għal rashom, inklużi l-benefiċċji għal dawk li jaħdmu għal rashom li huma involuti f’attivitajiet agrikoli, kif stabbilit fil-premessi (4) sa (7). |
(4) |
“Il-Liġi dwar l-Impjieg Nru XII-2470”, imsemmija fit-talba tal-Litwanja tas-7 ta’ Awwissu 2020, introduċiet skema biex tħallas sussidji lil dawk li jħaddmu biex tkopri l-pagi stmati għal kull persuna impjegata li qed tiffaċċja żmien inattiv mix-xogħol. Min iħaddem jista’ jagħżel bejn sussidji li jkopru 70 % tas-salarju, sa massimu ta’ darba u nofs il-paga minima, jew 90 % tas-salarju (100 % fil-każ ta’ impjegati ta’ 60 u aktar), sa massimu tal-paga minima. Dawk li jħaddmu li jkunu pparteċipaw fl-iskema għandhom iżommu mill-inqas 50 % tal-impjegati tagħhom għal mill-inqas tliet xhur wara li jintemm is-sussidju mħallas. |
(5) |
Is-sussidji jitħallsu wkoll għall-impjegati li jirritornaw miż-żmien inattiv mix-xogħol, sa sitt xhur wara li jirritornaw lura għax-xogħol. Soġġett għal limitu ta’ paga minima jew darbtejn il-paga minima, li tiddependi fuq l-attività ekonomika mwettqa mill-impjegatur, l-ammont ta’ sussidji mħallsa fl-ewwel u fit-tieni xhur wara r-ritorn jista’ jkun għoli daqs 100 % tas-salarju tal-impjegat, fit-tielet u r-raba’ xhar, 50 % u fil-ħames u s-sitt xahar, 30 %. Dawk is-sussidji jistgħu jitqiesu bħala miżura simili għal skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2020/672, peress li għandhom l-għan li jipprovdu appoġġ għad-dħul għall-impjegati u jgħinu biex jinżammu r-relazzjonijiet ta’ impjieg eżistenti. |
(6) |
L-awtoritajiet introduċew ukoll benefiċċji għal dawk li jaħdmu għal rashom, inklużi l-persuni li jaħdmu għal rashom li jeżerċitaw attività agrikola b’azjenda agrikola jew azjenda agrikola ta’ mhux inqas minn erba’ unitajiet ta’ daqs ekonomiku, li jammontaw għal EUR 257 fix-xahar u mħallsa matul il-perjodu ta’ kwarantina u fix-xahrejn ta’ wara. Il-benefiċċju għal dawk li jaħdmu għal rashom jistgħu jitqiesu li huma miżura simili għal skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmija fir-Regolament (UE) 2020/672, peress li għandha l-għan li tipproteġi lil dawk li jaħdmu għal rashom jew kategoriji simili ta’ ħaddiema minn tnaqqis fl-introjtu jew it-telf tiegħu. |
(7) |
Fl-aħħar nett, ġew introdotti benefiċċji għal persuni li jaħdmu għal rashom li huma involuti fl-agrikoltura ma’ azjenda agrikola jew azjenda agrikola ta’ inqas minn erba’ unitajiet ta’ daqs ekonomiku, li ma kinux koperti mill-miżura deskritta fil-premessa (6). Il-miżura tikkonsisti f’pagament ta’ darba ta’ EUR 200 għal dawk il-bdiewa żgħar li ma kellhom l-ebda impjieg ieħor. Għall-bdiewa żgħar li kienu impjegati, minbarra l-attività agrikola tagħhom li jaħdmu għal rashom, u ma kinux jaqilgħu aktar mill-paga minima, il-miżura tikkonsisti f’pagament ta’ EUR 200, għal kull wieħed mit-tliet xhur tal-perijodu ta’ kwarantina u tal-perijodu ta’ emerġenza tal-istat. Il-miżura tista’ titqies li hija miżura simili għal skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmija fir-Regolament (UE) 2020/672, peress li għandha l-għan li tipproteġi lil dawk li jaħdmu għal rashom jew kategoriji simili ta’ ħaddiema minn tnaqqis fl-introjtu jew it-telf tiegħu. |
(8) |
Il-Litwanja tissodisfa l-kundizzjonijiet għat-talba ta’ assistenza finanzjarja stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672. Il-Litwanja pprovdiet lill-Kummissjoni b’evidenza xierqa li n-nefqa pubblika attwali u ppjanata żdiedet bi EUR 746 660 000 mill-1 ta’ Frar 2020 minħabba l-miżuri nazzjonali meħuda biex jiġu indirizzati l-effetti soċjoekonomiċi tat-tifqigħa tal-COVID-19. Din tikkostitwixxi żieda qawwija u f’daqqa minħabba li l-miżuri l-ġodda jkopru proporzjon sinifikanti ta’ impriżi u tal-forza tax-xogħol fil-Litwanja. Il-Litwanja beħsiebha tiffinanzja EUR 144 350 000 tal-ammont miżjud tan-nefqa permezz tal-fondi tal-Unjoni. |
(9) |
Il-Kummissjoni kkonsultat lill-Litwanja u vverifikat iż-żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika attwali u ppjanata direttament relatata mal-iskemi tax-xogħol għal żmien qasir u miżuri simili skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/672. |
(10) |
Għalhekk jenħtieġ li tingħata assistenza finanzjarja bil-għan li l-Litwanja tiġi megħjuna tindirizza l-effetti soċjo-ekonomiċi tat-taqlib ekonomiku gravi kkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjonijiet rigward il-maturitajiet, il-qies u r-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali u tal-partijiet f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali. |
(11) |
Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura relatata ma’ distorsjonijiet tal-operat tas-suq intern li tista’ ssir, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Hija ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-Trattat. |
(12) |
Jenħtieġ li l-Litwanja tinforma lill-Kummissjoni regolarment dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-punt sa fejn il-Litwanja implimentat dik in-nefqa. |
(13) |
Id-deċiżjoni li tingħata assistenza finanzjarja ttieħdet b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet eżistenti u dawk mistennija tal-Litwanja, kif ukoll it-talbiet għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) 2020/672 diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Litwanja tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672.
Artikolu 2
1. L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Litwanja self li jammonta għal massimu ta’ EUR 602 310 000. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.
2. Il-perijodu ta’ disponibbiltà għall-għajnuna finanzjarja mogħtija b’din id-Deċiżjoni għandu jkun ta’ 18-il xahar li jibdew mill-ewwel jum wara li din id-Deċiżjoni ssir effettiva.
3. L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni lil-Litwanja f’massimu ta’ tmien ħlasijiet parzjali. Ħlas parzjali jista’ jingħata f’parti waħda jew iktar. Il-maturitajiet tal-partijiet taħt l-ewwel ħlas parzjali jistgħu jkunu itwal mill-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1. F’każijiet bħal dawn, il-maturitajiet ta’ partijiet oħrajn għandhom ikunu stabbiliti b’tali mod li l-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1 tiġi rispettata ladarba jsir l-iżborż tal-ħlasijiet parzjali kollha.
4. L-ewwel ħlas parzjali għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim tas-self previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672.
5. Il-Litwanja għandha tħallas l-ispiża tal-finanzjament tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2020/672 għal kull ħlas parzjali flimkien ma’ kwalunkwe tariffa, kost u spiża tal-Unjoni li jirriżultaw minn kwalunkwe finanzjament relatat mas-self mogħti skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.
6. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar id-daqs u r-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali, kif ukoll dwar id-daqs tal-partijiet.
Artikolu 3
Il-Litwanja tista’ tiffinanzja l-miżuri li ġejjin:
(a) |
sussidji fuq il-pagi matul u wara lż-żmien inattiv tax-xogħol, kif previst fl-Artikolu 41 tal-“Liġi dwar l-Impjieg Nru XII-2470”; |
(b) |
benefiċċji għal dawk li jaħdmu għal rashom, kif previst fl-Artikolu 5-1 tal-“Liġi dwar l-Impjieg Nru XII-2470”; |
(c) |
benefiċċji għal dawk li jaħdmu għal rashom involuti fl-agrikoltura, kif previst fl-Artikolu 5- 2 tal-“Liġi dwar l-Impjieg Nru XII-2470”. |
Artikolu 4
Il-Litwanja għandha tinforma lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Marzu 2021, u kull sitt xhur wara l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata sakemm dik in-nefqa pubblika ppjanata tkun ġiet implimentata b’mod sħiħ.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Litwanja.
Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha lid-destinatarju.
Artikolu 6
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Settembru 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
M. ROTH