Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D1324

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1324 tal-21 ta’ Settembru 2020 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali dwar l-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995

    ĠU L 311, 25.9.2020, p. 6–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/1324/oj

    25.9.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 311/6


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1324

    tal-21 ta’ Settembru 2020

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali dwar l-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995 (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/88/KE (1) u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1995. Il-Konvenzjoni ġiet konkluża għal perijodu ta’ tliet snin.

    (2)

    Skont l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni, il-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali jista’ jestendi l-Konvenzjoni għal perijodi suċċessivi ta’ mhux aktar minn sentejn kull darba. Mill-konklużjoni tagħha, il-Konvenzjoni ġiet estiża regolarment għal perijodi oħra ta’ sentejn. Il-Konvenzjoni ġiet estiża l-aħħar permezz tad-deċiżjoni tal-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali fl-10 ta’ Ġunju 2019 (2), u ser tibqa’ fis-seħħ sat-30 ta’ Ġunju 2021.

    (3)

    Skont l-Artikolu 27(2) tal-Konvenzjoni, il-Konvenzjoni hija miftuħa għall-adeżjoni mill-Gvernijiet tal-Istati kollha taħt il-kundizzjonijiet li l-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali jqis xierqa.

    (4)

    Fid-9 ta’ April 2020, ir-Renju Unit applika formalment għall-adeżjoni mal-Konvenzjoni mill-1 ta’ Jannar 2021.

    (5)

    Ir-Renju Unit huwa produttur ewlieni taċ-ċereali, b’mod partikolari tax-xgħir u l-qamħ. Jekk tingħata l-approvazzjoni tal-applikazzjoni tar-Renju Unit biex jissieħeb mal-Konvenzjoni u konsegwentement biex jipparteċipa fil-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali, ir-Renju Unit se jkun membru importatur f’konformità mal-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni. Peress li l-Unjoni hija membru esportatur, l-adeżjoni tar-Renju Unit mhix se timpatta n-numru ta’ voti allokati lill-Unjoni għall-finijiet tal-votazzjoni skont l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni. Madankollu, mis-sena finanzjarja tal-2021/22, l-adeżjoni tar-Renju Unit se tnaqqas in-numru tal-voti allokati lill-Unjoni skont l-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni, li jiddeterminaw il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-membri.

    (6)

    Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali u li tiġi approvata l-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Konvenzjoni dment li l-adeżjoni ma tidħolx fis-seħħ u l-Konvenzjoni ma tiġix applikata b’mod proviżorju fir-rigward tar-Renju Unit qabel tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni msemmi fl-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (3),

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali għandha tkun li tiġi approvata l-adeżjoni tar-Renju Unit mal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995, dment li l-adeżjoni ma tidħolx fis-seħħ u li l-Konvenzjoni ma tiġix applikata b’mod proviżorju fir-rigward tar-Renju Unit qabel tmiem il-perijodu ta’ tranżizzjoni msemmi fl-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Settembru 2020.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. KLOECKNER


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 96/88/KE tad-19 ta’ Diċembru 1995 dwar l-approvazzjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali u l-Konvenzjoni dwar l-Għajnuna Alimentari, li jikkostitwixxu l-Ftehim Internazzjonali dwar iċ-Ċereali tal-1995 (ĠU L 21, 27.1.1996, p. 47).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/813 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Internazzjonali taċ-Ċereali fir-rigward tal-estensjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ taċ-Ċereali tal-1995 (ĠU L 133, 21.5.2019, p. 19).

    (3)  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.


    Top