Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D0368

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/368 tat-3 ta’ Marzu 2020 li tapprova l-pjan għall-eradikazzjoni tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-ħnieżer selvaġġi f’ċerti żoni tas-Slovakkja (notifikata bid-dokument C(2020) 1157) (It-test bis-Slovakk biss huwa awtentiku) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2020/1157

    ĠU L 67, 5.3.2020, p. 137–138 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021; Imħassar b' 32020R0687

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2020/368/oj

    5.3.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 67/137


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/368

    tat-3 ta’ Marzu 2020

    li tapprova l-pjan għall-eradikazzjoni tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-ħnieżer selvaġġi f’ċerti żoni tas-Slovakkja

    (notifikata bid-dokument C(2020) 1157)

    (It-test bis-Slovakk biss huwa awtentiku)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE tas-27 ta’ Ġunju 2002 li tistabbilixxi miżuri għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-qżieqeż u temenda d-Direttiva 92/119/KEE għar-rigward tal-marda Teschen u d-deni Afrikan tal-qżieqeż (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(1) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 2002/60/KE tistabbilixxi l-miżuri minimi tal-Unjoni li għandhom jittieħdu għall-kontroll tad-deni Afrikan tal-ħnieżer, fosthom dawk li għandhom jiġu applikati jekk jiġi kkonfermat każ tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-ħnieżer selvaġġi.

    (2)

    Barra minn hekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/709/UE (2) tistabbilixxi miżuri ta’ kontroll tas-saħħa tal-annimali marbutin mad-deni Afrikan tal-ħnieżer fl-Istati Membri jew f’żoni tagħhom kif elenkati fl-Anness tagħha (l-Istati Membri kkonċernati), u fl-Istati Membri kollha rigward movimenti tal-ħnieżer selvaġġi u l-obbligi ta’ informazzjoni. L-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/709/UE jiddemarka u jelenka ċerti żoni tal-Istati Membri kkonċernati, differenzjati skont il-livell tar-riskju abbażi tas-sitwazzjoni epidemjoloġika fir-rigward ta’ dik il-marda, inkluż lista ta’ żoni ta’ riskju għoli. Dak l-Anness ġie emendat diversi drabi sabiex jitqiesu l-bidliet fis-sitwazzjoni epidemjoloġika fl-Unjoni fir-rigward tad-deni Afrikan tal-ħnieżer li kellhom bżonn jiġu riflessi f’dak l-Anness.

    (3)

    Fl-2019 is-Slovakkja nnotifikat lill-Kummissjoni bil-każijiet tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-ħnieżer selvaġġi u ħadet il-miżuri għall-kontroll tal-mard meħtieġa mid-Direttiva 2002/60/KE.

    (4)

    Fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika attwali u f’konformità mal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/60/KE, is-Slovakkja ppreżentat lill-Kummissjoni pjan għall-eradikazzjoni tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fis-27 ta’ Novembru 2019 (il-pjan ta’ eradikazzjoni).

    (5)

    L-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/709/UE ġie emendat bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/46 (3) sabiex iqis, fost l-oħrajn, il-każijiet tad-deni Afrikan tal-ħnieżer fil-ħnieżer selvaġġi fis-Slovakkja u l-Partijiet I u II ta’ dak l-Anness issa jinkludu ż-żoni infettati fis-Slovakkja.

    (6)

    Il-pjan ta’ eradikazzjoni sottomess mis-Slovakkja ġie eżaminat mill-Kummissjoni u nstab li jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/60/KE. Għalhekk, jenħtieġ li dan il-pjan ta’ eradikazzjoni jiġi approvat skont dan.

    (7)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pjan imressaq mis-Slovakkja fis-27 ta’ Novembru 2019 f’konformità mal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2002/60/KE, dwar l-eradikazzjoni tad-deni Afrikan tal-ħnieżer mill-popolazzjoni tal-ħnieżer selvaġġi fiż-żoni msemmija fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/709/UE huwa b’dan approvat.

    Artikolu 2

    Is-Slovakkja għandha ddaħħal fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-pjan ta’ eradikazzjoni fi żmien perjodu ta’ 30 jum mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Slovakka.

    Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Marzu 2020.

    Għall-Kummissjoni

    Stella KYRIAKIDES

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 192, 20.7.2002, p. 27.

    (2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/709/UE tad-9 ta’ Ottubru 2014 dwar miżuri ta’ kontroll tas-saħħa tal-annimali marbutin mad-deni Afrikan tal-ħnieżer f’ċertu Stati Membri u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/178/UE (ĠU L 295, 11.10.2014, p. 63).

    (3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/46 tal-20 ta’ Jannar 2020 li temenda l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/709/UE dwar miżuri ta’ kontroll tas-saħħa tal-annimali marbutin mad-deni Afrikan tal-ħnieżer f’ċertu Stati Membri (ĠU L 16, 21.1.2020, p. 9).


    Top