This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019R0907
Commission Delegated Regulation (EU) 2019/907 of 14 March 2019 establishing a Common Training Test for ski instructors under Article 49b of Directive 2005/36/EC of the European Parliament and of the Council on the recognition of the professional qualifications (Text with EEA relevance.)
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/907 tal-14 ta' Marzu 2019 li jistabbilixxi Test ta' Taħriġ Komuni għall-istrutturi tal-iski skont l-Artikolu 49b tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/907 tal-14 ta' Marzu 2019 li jistabbilixxi Test ta' Taħriġ Komuni għall-istrutturi tal-iski skont l-Artikolu 49b tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)
C/2019/1935
ĠU L 145, 4.6.2019, p. 7–18
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 18/05/2023
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Corrected by | 32019R0907R(01) | (DE, PL) | |||
Corrected by | 32019R0907R(02) | ||||
Corrected by | 32019R0907R(03) | (HU) | |||
Modified by | 32023R0865 | Sostituzzjoni | anness I tabella Test | 18/05/2023 | |
Modified by | 32023R0865 | Żieda | anness I tabella NOTE | 18/05/2023 | |
Modified by | 32023R0865 | Sostituzzjoni | artikolu 8 paragrafu 1 | 18/05/2023 | |
Modified by | 32023R0865 | Tħassir | anness I tabella Test | 18/05/2023 | |
Modified by | 32023R0865 | Tħassir | artikolu 8 paragrafu 3 | 18/05/2023 | |
Modified by | 32023R0865 | Żieda | anness I tabella Test | 18/05/2023 |
4.6.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 145/7 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/907
tal-14 ta' Marzu 2019
li jistabbilixxi Test ta' Taħriġ Komuni għall-istrutturi tal-iski skont l-Artikolu 49b tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 49b(4) tagħha,
Billi:
(1) |
Attwalment, l-istrutturi tal-iski jibbenefikaw mill-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki tagħhom skont id-Direttiva 2005/36/KE. L-istabbiliment ta' test ta' taħriġ komuni għall-istrutturi tal-iski (“CTT”) jintroduċi rikonoxximent awtomatiku għal ċerti kwalifiki tal-istrutturi tal-iski biex id-detenturi ta' dawk il-kwalifiki jkunu jistgħu jiċċaqilqu aktar faċilment bejn l-Istati Membri. Is-CTT huwa mod wieħed kif tiġi ffaċilitata l-mobbiltà tal-istrutturi tal-iski madwar l-Unjoni. Fir-rigward tal-istrutturi tal-iski li mhumiex eliġibbli biex jieħdu sehem fis-CTT jew li ma jkunux għaddew mis-CTT, ikompli japplika l-qafas ġenerali għar-rikonoxximent tal-kwalifiki tagħhom skont id-Direttiva 2005/36/KE. |
(2) |
Il-professjoni ta' istruttur tal-iski jew alternattivament, l-edukazzjoni u t-taħriġ li jwasslu għall-kwalifika bħala istruttur tal-iski huma regolati f'aktar minn terz tal-Istati Membri u għalhekk ir-rekwiżiti skont l-Artikolu 49b(2) tad-Direttiva 2005/36/KE huma ssodisfati. |
(3) |
Fl-2012, ġie ffirmat Memorandum ta' Qbil (il-“Memorandum”) li jistabbilixxi proġett pilota għal karta professjonali li jeħtieġ tinħareġ għall-istrutturi tal-iski fl-Unjoni minn disa' Stati Membri, jiġifieri l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, ir-Rumanija, Spanja u r-Renju Unit. Sussegwentement, is-Slovenja u r-Repubblika Ċeka ffirmaw il-Memorandum fl-2014. Il-Memorandum irrikonoxxa d-drittijiet miksuba tal-istrutturi tal-iski li kienu ċittadini ta' dawk l-Istati Membri firmatarji mid-data tal-Memorandum. Il-Memorandum stabbilixxa wkoll li t-tlestija b'suċċess tal-Eurotest u tat-test tal-Eurosecurity kienet prerekwiżit għar-rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifika bħala istruttur tal-iski fost dawk l-Istati Membri, mid-data tal-iffirmar tal-Memorandum. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza tad-dritt, huwa xieraq u raġonevoli li dawn iż-żewġ testijiet iservu ta' bażi għall-kontenut tas-CTT u li d-dispożizzjonijiet li ġew miftiehma fil-Memorandum jitqiesu bħala bażi għal dan ir-Regolament. |
(4) |
Kwalunkwe istruttur tal-iski kopert minn dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun jista' jiżgura li l-klassijiet tat-tagħlim tal-iski jitwettqu b'mod sikur u b'awtonomija sħiħa f'ambjent muntanjuż mimli borra, iżda minbarra f'dawk iż-żoni fejn huma meħtieġa tekniki għat-tixbit mal-muntanji. Għalhekk, sabiex tiġi żgurata kwalità għolja tat-tagħlim tal-iski, jixraq li l-kwalifiki li jagħtu l-eliġibbiltà tal-kandidati li jieħdu sehem fis-CTT jenħtieġ li jinkludu wkoll ċerti ħiliet ta' tagħlim. |
(5) |
Il-parteċipazzjoni fil-kompetizzjonijiet ġestiti mill-Fédération Internationale du Ski (“FIS”) u kwalunkwe punt tal-FIS li jingħata bħala parti minn dawk il-kompetizzjonijiet jenħtieġ li fejn xieraq, jitqiesu meta tiġi pproċessata talba għal eżenzjoni fir-rigward tal-Parti I tas-CTT relatata maċ-ċertifikazzjoni tal-kapaċità teknika. |
(6) |
Fl-interessi taċ-ċertezza tad-dritt, jeħtieġ li jiġu rikonoxxuti d-drittijiet miksuba kemm tal-istrutturi tal-iski li għandhom karta professjonali maħruġa skont il-Memorandum, kif ukoll dawk li għandhom kwalifika elenkata fl-Anness I fi Stat Membru, li mhuwiex firmatarju tal-Memorandum, fejn dawn ikunu jistgħu juru l-esperjenza meħtieġa bħala istrutturi tal-iski f'kundizzjonijiet speċifiċi, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Kamp ta' applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu japplika għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jixtiequ jeżerċitaw il-professjoni ta' istruttur tal-iski fi Stat Membru għajr dak li fih ikunu kisbu kwalifika elenkata fl-Anness I.
Artikolu 2
Suġġett
1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kontenuti tat-Test ta' Taħriġ Komuni (“CTT”) u l-kundizzjonijiet li jeħtieġ jiġu ssodisfati kemm biex wieħed jieħu sehem fis-CTT, kif ukoll biex jgħaddi minnu.
2. Is-CTT għandu jkun magħmul minn test li jiċċertifika l-kapaċità teknika tal-istrutturi tal-iski u test li jiċċertifika l-kompetenzi relatati mas-sikurezza tal-istrutturi tal-iski f'konformità mar-regoli stabbiliti fil-Partijiet I u II rispettivament tal-Anness II.
Artikolu 3
Entitajiet kompetenti
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, “awtorità kompetenti” tfisser kwalunkwe entità li hija elenkata fl-Anness I, li tagħti kwalifika li tikkonferixxi d-dritt li wieħed jieħu sehem fis-CTT skont l-Artikolu 5.
Artikolu 4
Prinċipju tar-rikonoxximent awtomatiku
1. L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu ċ-ċertifikati li jinħarġu f'konformità mal-Artikolu 8 li jikkonfermaw it-tlestija b'suċċess tas-CTT. Kwalunkwe ċittadin tal-Unjoni li għandu tali ċertifikat li jinħareġ fi Stat Membru għandu jkun intitolat li jikseb l-aċċess għall-attivitajiet professjonali tal-istrutturi tal-iski fi Stati Membri oħra, soġġett għall-istess kundizzjonijiet bħall-istrutturi tal-iski li jkunu kisbu l-kwalifika tagħhom f'dawk l-Istati Membri.
2. L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu ċ-ċertifikati li jinħarġu f'konformità mal-Artikolu 8 għall-istrutturi tal-iski li jibbenefikaw mid-drittijiet miksuba kif stabbilit fl-Artikolu 7. Kwalunkwe ċittadin tal-Unjoni li għandu tali ċertifikat li jinħareġ fi Stat Membru għandu jkun intitolat li jikseb l-aċċess għall-attivitajiet professjonali tal-istrutturi tal-iski fi Stati Membri oħra, soġġett għall-istess kundizzjonijiet bħall-istrutturi tal-iski li jkunu kisbu l-kwalifika tagħhom f'dawk l-Istati Membri.
Artikolu 5
Parteċipazzjoni fis-CTT
Iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li għandhom jew li qed jitħarrġu biex jiksbu kwalifika elenkata fl-Anness I (2) għandhom ikunu intitolati biex jieħdu sehem fis-CTT.
Artikolu 6
Eżenzjonijiet
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5, l-istrutturi tal-iski għandhom jiġu eżentati mir-rekwiżit li jgħaddu mit-test li jiċċertifika l-kapaċità teknika kif imsemmi fil-Parti I tal-Anness II, meta dawn ikollhom jew ikunu qed jitħarrġu biex jiksbu kwalifika elenkata fl-Anness I u jew:
(a) |
ikunu jistgħu jipprovdu evidenza li jkunu ngħataw mill-inqas 100 punt għall-iskijjar fl-Alpi mill-Fédération Internationale du Ski għall-irġiel u mill-inqas 85 punt għall-iskijjar fl-Alpi mill-Fédération Internationale du Ski għan-nisa, f'waħda mid-dixxiplini tekniċi tas-slalom jew tas-slalom il-kbira tul kwalunkwe perjodu ta' ħames snin; jew |
(b) |
ikunu għaddew mill-Eurotest. |
2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5, l-istrutturi tal-iski li jkunu għaddew mit-test tal-Eurosecurity għandhom jiġu eżentati mir-rekwiżit li jgħaddu mit-test li jiċċertifika l-kompetenzi relatati mas-sikurezza kif imsemmi fil-Parti II tal-Anness II, meta dawn ikollhom jew ikunu qed jitħarrġu biex jiksbu kwalifika elenkata fl-Anness I.
3. Dawk l-istrutturi tal-iski li jkunu għaddew, bħala parti mis-CTT, jew mit-test li jiċċertifika l-kapaċità teknika kif imsemmi fil-Parti I tal-Anness II jew mit-test li jiċċertifika l-kompetenzi relatati mas-sikurezza kif imsemmi fil-Parti II tal-Anness II, ma għandhomx jintalbu jirrepetu dik il-parti tas-CTT li dawn ikunu temmew b'suċċess.
Artikolu 7
Drittijiet miksuba
1. L-istrutturi tal-iski li, qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, ikollhom karta professjonali li tkun inħarġet skont il-Memorandum għandhom jibbenefikaw mill-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku kif stabbilit fl-Artikolu 4(2).
2. L-istrutturi tal-iski li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u li jkunu għaddew kemm mill-Eurotest kif ukoll mit-test tal-Eurosecurity, għandhom jibbenefikaw mill-prinċipju tar-rikonoxximent awtomatiku kif stabbilit fl-Artikolu 4(2), meta dawn ikollhom ukoll kwalifika elenkata fl-Anness I.
3. L-istrutturi tal-iski li jkunu kisbu kwalifika elenkata fl-Anness I fi Stat Membru ieħor li mhuwiex firmatarju tal-Memorandum fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u jkunu jistgħu juru esperjenza professjonali ta' mill-inqas 200 jum matul il-ħames snin li jiġu immedjatament qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, għandhom jibbenefikaw mill-prinċipju tar-rikonoxximent awtomatiku kif stabbilit fl-Artikolu 4(2).
4. Dawk l-istrutturi tal-iski li jgawdu l-benefiċċju tad-drittijiet miksuba kif stabbilit fil-paragrafi 1, 2 u 3, għandhom ikunu intitolati li japplikaw għal ċertifikat ta' kompetenza skont l-Artikolu 8.
Artikolu 8
Ċertifikat ta' kompetenza
1. L-istrutturi tal-iski li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u li jew ikunu għaddew b'suċċess mis-CTT jew igawdu mid-drittijiet miksuba skont l-Artikolu 7, għandu jinħarġilhom ċertifikat ta' kompetenza. Iċ-ċertifikat għandu jinħareġ mill-Istat Membru jew mill-entità kompetenti fi Stat Membru, li jkunu taw il-kwalifika professjonali li tikkonferixxi d-dritt lill-professjonist biex jieħu sehem fis-CTT skont l-Artikolu 5.
2. Iċ-ċertifikat ta' kompetenza għandu jindika mill-inqas dan li ġej:
(a) |
l-isem tal-istruttur tal-iski; |
(b) |
ir-riżultati miksuba fis-CTT u d-data ta' meta wieħed ikun għadda mis-CTT, jekk applikabbli; |
(c) |
id-dritt miksub speċifiku li jgawdi l-istruttur tal-iski skont l-Artikolu 7, jekk applikabbli; |
(d) |
l-Istat Membru jew l-entità kompetenti emittenti; |
(e) |
il-kwalifika elenkata fl-Anness I li għandu l-istruttur tal-iski. |
3. Iċ-ċertifikat ta' kompetenza għandu jkun akkumpanjat minn stiker li jeħtieġ titwaħħal mal-karta nazzjonali tal-istruttur tal-iski. L-istiker għandha tafferma li jkun inħareġ ċertifikat ta' kompetenza lill-istruttur tal-iski u għandha tindika mill-inqas:
(a) |
l-isem tal-istruttur tal-iski; |
(b) |
is-sena li fiha jkun inħareġ iċ-ċertifikat ta' kompetenza; |
(c) |
l-Istat Membru jew l-entità kompetenti emittenti. |
4. Kopja doppja taċ-ċertifikat ta' kompetenza għandha tinħareġ fi kwalunkwe ħin fuq talba mill-istruttur tal-iski.
Artikolu 9
Proċedura ta' notifika
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn bi kwalunkwe bidla fil-kwalifiki elenkati fl-Anness I, kif ukoll bl-eżistenza ta' kwalunkwe kwalifika ġdida li tkun komparabbli, f'termini tal-ħiliet u l-għarfien, ma' dawk elenkati fl-Anness I. Dawn in-notifiki għandhom jiġu trażmessi permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).
Artikolu 10
Taħriġ u esperjenza fit-tul
L-istrutturi tal-iski li għandhom kwalifika elenkata fl-Anness I u li jistgħu juru li wettqu taħriġ tal-iski teoretiku u prattiku ta' mill-inqas 95 jum u esperjenza ta' xogħol bħala istrutturi tal-iski ta' 95 jum se jiġu rikonoxxuti fl-Awstrija fil-livell ta' “Diplomschilehrer”.
Artikolu 11
Dispożizzjonijiet finali
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Marzu 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.
(2) Għall-Awstrija, din hija mifhuma bħala l-kwalifika ta' Diplomschilehrer - li preċedentement kienet intitolata bħala staatlich geprüfter Schilehrer.
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1024/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/49/KE (ĠU L 316, 14.11.2012, p. 1).
ANNESS I
Kwalifiki
Il-kwalifiki elenkati f'dan l-Anness għandhom jitfasslu biex jiżguraw approċċ bilanċjat bejn it-tagħlim teoretiku u t-traineeship prattiku, inkluż l-iski fuq il-pista u barra l-pista, u għandhom jipprovdu b'mod partikolari l-ħiliet u l-għarfien li ġejjin:
(a) |
il-fehim tal-metodoloġiji tat-tagħlim, l-istruzzjoni u t-taħriġ, u l-kapaċità li wieħed japplikahom kemm għall-istruzzjoni tal-iski fl-Alpi fuq il-pista, kif ukoll barra l-pista; |
(b) |
il-kapaċità li wieħed jaġġusta sessjoni ta' tagħlim fid-dawl tal-kundizzjonijiet tat-temp varjabbli; |
(c) |
il-kapaċità li wieħed joħloq, jimplimenta u jivvaluta r-rekwiżiti tal-istruzzjoni xierqa għall-klassijiet kollha f'kull livell tal-istruzzjoni tal-iski fl-Alpi, minn dawk ġodda għal dawk esperti, b'mod awtonomu; |
(d) |
il-kapaċità li wieħed ifassal programm ta' struzzjoni għall-iski fl-Alpi billi juża tekniki tat-tagħlim xierqa; |
(e) |
il-kapaċità li wieħed joħloq sitwazzjoni ta' taħriġ; |
(f) |
il-kapaċità li wieħed iħejji materjali ta' tagħlim, ta' struzzjoni u ta' taħriġ li jeħtieġ jintużaw waqt kwalunkwe tip ta' struzzjoni tal-iski fl-Alpi; |
(g) |
il-kapaċità li wieħed iwettaq dimostrazzjoni teknika, inkluż li jispjega l-elementi differenti tagħha għall-klassijiet kollha f'kull livell tal-istruzzjoni tal-iski fl-Alpi; |
(h) |
il-kapaċità li wieħed jivvaluta sessjoni jew ċiklu tat-tagħlim tal-iski fl-Alpi; |
(i) |
l-għarfien u l-kapaċità li wieħed japplika l-prinċipji tal-ewwel għajnuna fil-każ ta' aċċident tal-isport tax-xitwa u li jibda s-salvataġġ. |
Stat Membru |
Kwalifiki |
Entitajiet li jagħtu l-kwalifiki |
||||||||
L-Awstrija |
Diplomschilehrer jew Landesschilehrer/Schilehrer f'Vorarlberg |
|
||||||||
Il-Belġju |
|
|
||||||||
Il-Bulgarija |
Ски учител клас C |
Българско ски училище |
||||||||
Il-Kroazja |
Učitelj skijanja |
|
||||||||
Ir-Repubblika Ċeka |
Instruktor lyžování APUL A |
Asociace profesionálních učitelů lyžování a lyžařských škol, o.s. (APUL) |
||||||||
Id-Danimarka |
Euro Ski Pro |
Den Danske Skiskole |
||||||||
Il-Finlandja |
Level 3 – hiihdonopettaja |
|
||||||||
Franza |
|
Ecole Nationale des Sports de Montagne (ENSM) |
||||||||
Il-Ġermanja |
Staatlich geprüfter Skilehrer |
|
||||||||
Il-Greċja |
Ski instructor Downhill A |
Γενική Γραμματεία Αθλητισμού — Υπουργείο Πολιτισμού και Αθλητισμού |
||||||||
L-Ungerija |
Síoktató **** |
Síktatók Magyarországi Szövetsége |
||||||||
L-Irlanda |
Alpine Ski Teacher – Level 4 |
Irish Association of Snowsports instructors (IASI) |
||||||||
L-Italja |
Maestro di Sci |
|
||||||||
Il-Latvja |
Profesionāls slēpošanas instruktors |
Latvijas Slēpošanas un snovborda instruktoru asociācija (LSSIA) |
||||||||
Il-Litwanja |
A kategorijos instruktorių pažymėjimai |
National Russian League of Instructors (NRLI)/DruSkiSchool |
||||||||
In-Netherlands |
Ski-instructeur niveau 4 |
Nederlandse Ski Vereniging |
||||||||
Il-Polonja |
Instruktor Zawodowy – PZN |
Stowarzyszenie Instruktorów i Trenerów Narciarstwa Polskiego Związku Narciarskiego (SITN PZN) |
||||||||
Il-Portugall |
Treinadores de esqui alpino de grau 2 |
|
||||||||
Ir-Rumanija |
Monitor de schi I |
Federația română de schi biatlon |
||||||||
Is-Slovakkja |
Inštruktor lyžovnia III. kvalifikačného stupňa |
|
||||||||
Is-Slovenja |
Strokovni delavec 2 – športno treniranje – smučanje – alpsko |
Smučarska zveza Slovenije |
||||||||
Spanja |
Técnico deportivo de esquí alpino |
Ministerio de Educación, Cultura y Deporte |
||||||||
L-Iżvezja |
Svenska skidlärarexamen |
Det svenska skidrådet |
||||||||
Ir-Renju Unit |
Livell 4 tal-Alpi – Diploma ta' Għalliem tal-Iski Internazzjonali |
BASI – Assoċjazzjoni Brittanika tal-Istrutturi tal-Isport fil-Borra |
ANNESS II
Organizzazzjoni tat-Test ta' Taħriġ Komuni (“CTT”)
1. PARTI I — TEST LI JIĊĊERTIFIKA L-KAPAĊITÀ TEKNIKA (“TEST TEKNIKU”)
1.1. Prinċipji ġenerali
1.1.1. Regoli applikabbli
It-Test Tekniku għandu jkun magħmul minn slalom kbira tal-iski fl-Alpi. Dan għandu jsir skont ir-regoli tekniċi stipulati mill-Fédération Internationale du Ski (“FIS”) u aġġustat biex jitqiesu l-objettivi tat-Test Tekniku.
1.1.2. Kandidati eliġibbli
Iċ-ċittadini tal-Unjoni li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament jistgħu jieħdu sehem fit-Test Tekniku. Il-kandidati eliġibbli jistgħu jirrepetu t-test mingħajr restrizzjoni, meta dawn ma jkunux għaddew f'tentattivi preċedenti. Il-kandidati eliġibbli għandhom japplikaw direttament mal-Istat Membru organizzatur jew ma' entità kompetenti f'dak l-Istat Membru, li jorganizza t-test, sabiex jieħdu sehem fit-Test Tekniku.
1.1.3. Tiġrijiet
It-Test Tekniku għandu jkun magħmul minn żewġ tiġrijiet. L-ordni tat-tluq għall-ewwel tiġrija għandha tintgħażel bil-polza, filwaqt li l-ordni tat-tluq għat-tieni tiġrija għandha tkun fl-ordni inversa tal-ewwel tiġrija. Il-kandidati li jgħaddu mit-Test Tekniku matul l-ewwel tiġrija ma għandhomx jieħdu sehem fit-tieni tiġrija. Il-kandidati li ma jgħaddux mit-Test Tekniku waqt l-ewwel tiġrija, jistgħu jieħdu sehem fit-tieni tiġrija.
1.1.4. Ġuriji tat-test
Il-ġuriji tat-test għandhom jissorveljaw u jiżguraw l-implimentazzjoni korretta tat-Test Tekniku. Is-sħubija tal-ġuriji tat-test għat-Test Tekniku għandha tkun miftuħa għal ċittadini kkwalifikati minn kwalunkwe Stat Membru. Dawk iċ-ċittadini biss li jew ikunu għaddew mill-Eurotest qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament jew li jkunu għaddew mis-CTT, għandhom jitqiesu bħala eliġibbli biex jinħatru għall-ġurija tat-test sabiex jivvalutaw il-moduli tat-Test Tekniku.
Dawk il-ġuriji tat-test għandhom jinħatru mill-Istat Membru organizzatur jew mill-entità kompetenti, kif xieraq, abbażi tal-kompetenza u tal-esperjenza professjonali tagħhom fis-settur. L-Istat Membru organizzatur jew l-entità kompetenti għandhom ikunu jistgħu jiddelegaw dan il-poter tal-ħatra lil partijiet terzi, iżda l-membri tal-ġurija tat-test għandhom jirrappreżentaw f'kull ħin mill-inqas tliet Stati Membri. L-Istati Membri jew l-entitajiet kompetenti għajr dawk li jorganizzaw is-CTT, jistgħu jressqu proposti għall-kompożizzjoni tal-ġurija tat-test. F'dan il-każ, l-Istat Membru organizzatur jew l-entità kompetenti, kif xieraq, jistgħu jirrifjutaw tali proposta biss abbażi ta' raġunijiet iġġustifikati kif jistħoqq.
1.1.5. Proċedura ta' rieżami
Il-kandidati jistgħu jitlobu li titwettaq valutazzjoni mill-ġdid tal-prestazzjoni tat-Test Tekniku tagħhom mill-ġurija tat-test, meta dawn iqisu li jkunu saru żbalji materjali. F'dak il-każ, il-ġurija tat-test għandha tivvaluta t-talba u għandha twieġeb mingħajr dewmien billi tistabbilixxi r-raġunijiet għaż-żamma jew għall-bidla tar-riżultati tat-Test Tekniku għal dak il-kandidat individwali. Il-ġurija tat-test għandha tiddeċiedi b'maġġoranza sempliċi tal-membri tagħha.
1.1.6. Dokumentazzjoni tar-riżultati
L-Istat Membru organizzatur jew l-entità kompetenti, kif xieraq, għandhom jinformaw bir-riżultati tat-Test Tekniku lill-Istati Membri jew lill-entitajiet kompetenti li joħorġu l-kwalifiki kif elenkati fl-Anness I, fi żmien sebat ijiem ta' xogħol wara li jkun ġie organizzat avveniment għall-implimentazzjoni tas-CTT. L-Istati Membri jew l-entitajiet kompetenti, kif xieraq, għandhom iżommu u jippubblikaw fuq bażi annwali, lista aġġornata tal-istrutturi tal-iski li jkunu temmew b'suċċess it-Test Tekniku jew li jkunu bbenefikaw mid-drittijiet jew mill-eżenzjonijiet miksuba, meta dawn ikunu taw kwalifika lil dak l-istruttur tal-iski li tikkorrispondi għal dawk elenkati fl-Anness I.
1.2. Il-korsa
1.2.1. Kriterji ġenerali tal-korsa
It-Test Tekniku għandu jsir fuq korsa tas-slalom kbira li tissodisfa l-kriterji stipulati mill-FIS u aġġustati biex jitqiesu l-objettivi tat-Test Tekniku, speċjalment fir-rigward tat-tul, il-waqgħa vertikali u l-għadd ta' passaġġi. L-Istat Membru organizzatur jew l-entità kompetenti, kif xieraq, għandhom jikkomunikaw id-dati tat-Test Tekniku mill-inqas xahrejn qabel lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra jew lill-entitajiet kompetenti tagħhom.
Il-waqgħa vertikali għandha tkun bejn 250 metru u 300 metru. L-għadd ta' passaġġi għandu jkun bejn 11 % u 15 % tal-waqgħa vertikali f'metri, iżda idealment bejn 12 % u 13 % sabiex tiġi vvalutata l-kapaċità tat-tidwir tal-istrutturi tal-iski, pjuttost milli l-kapaċità tal-igglajdjar tagħhom.
Il-kriterji f'din it-Taqsima u fit-Taqsima 1.2.2 jistgħu jipproduċu b'mod regolari ħinijiet mhux ikkumpensati għall-prekursuri fil-bidu tat-Test Tekniku ta' bejn 45 u 60 sekonda.
It-Test Tekniku għandu jippermetti li l-korsa tiġi stabbilita mingħajr il-passaġġi ta' barra ħlief għall-ewwel u l-aħħar passaġġi u l-passaġġi ta' dewmien.
1.2.2. Profili tal-ġnub tal-muntanji
Il-profili tal-ġnub tal-muntanji fuq il-korsa tas-slalom kbira, kemm jista' jkun iridu jikkonformaw mal-kombinazzjonijiet li ġejjin:
(a) |
terz tal-korsa jenħtieġ li jkun magħmul minn ġenb tal-muntanji medju bi gradjent perċentwali bejn 26 % u 43 %; |
(b) |
terz tal-korsa jenħtieġ li jkun magħmul minn ġenb tal-muntanja wieqaf bi gradjent perċentwali bejn 45 % u 52 %; |
(c) |
terz tal-korsa jenħtieġ li jkun magħmul minn ġenb tal-muntanja bi gradjent perċentwali bejn 25 % u 26 %. |
1.2.3. Approvazzjoni tal-korsa
Il-korsa għandha tiġi approvata minn kummissjoni teknika, li l-membri tagħha għandhom jinħatru mill-Istat Membru organizzatur jew mill-entità kompetenti, kif xieraq, abbażi tal-kompetenza u l-esperjenza professjonali tagħhom. L-Istati Membri jew l-entitajiet kompetenti għajr dawk li jorganizzaw is-CTT, jistgħu jressqu proposti għall-kompożizzjoni tal-kummissjoni teknika. F'dan il-każ, l-Istat Membru li jorganizza jew l-entità kompetenti jistgħu biss jirrifjutaw proposta abbażi ta' raġunijiet iġġustifikati kif jistħoqq. Ladarba tiġi approvata, l-Istat Membru jew l-entità kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn bid-dettalji prattiċi ta' kwalunkwe avveniment li jkun se jiġi organizzat sabiex is-CTT jitwettaq fuq dik il-korsa, mill-inqas xahrejn qabel.
1.3. Prekursuri
1.3.1. Rekwiżiti għall-prekursuri li jieħdu sehem fit-Test Tekniku
Għandu jkun hemm għadd minimu ta' tliet prekursuri li jieħdu sehem fit-Test Tekniku. L-Istat Membru li jorganizza jew l-entità kompetenti għandhom ikunu obbligati jagħżlu l-prekursuri.
Il-prekursuri għandhom ikunu ċittadini minn kwalunkwe Stat Membru. Dawn iridu jkunu għaddew mill-Eurotest jew mit-test tal-Eurosecurity qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, jew ikunu għaddew mis-CTT bil-kisba ta' koeffiċjent korrettiv ugwali għal 0,8700 jew akbar fit-test tal-kalibrar għall-istaġun attwali.
1.3.2. It-test tal-kalibrazzjoni għall-prekursuri
Il-prekursuri għat-Test Tekniku għandhom ikunu soġġetti għat-test tal-kalibrazzjoni. L-għan tat-test tal-kalibrazzjoni huwa li jalloka koeffiċjent korrettiv għal kull prekursur sabiex jiġi stabbilit il-ħin bażi għall-kandidati tat-Test Tekniku. Kull prekursur jista' jlesti żewġ tiġrijiet waqt it-test tal-kalibrazzjoni u l-aħjar riżultat għandu jiġi allokat lill-prekursur rispettiv. Il-koeffiċjent korrettiv allokat għal kull prekursur għandu jiġi rieżaminat fuq bażi annwali.
It-test tal-kalibrazzjoni għandu jiġi organizzat minn kummissjoni tat-test tal-kalibrazzjoni. Il-membri tal-kummissjoni tat-test tal-kalibrazzjoni għandhom jinħatru mill-Istat Membru organizzatur jew mill-entità kompetenti, kif xieraq, abbażi tal-kompetenza u l-esperjenza professjonali tagħhom. L-Istati Membri jew l-entitajiet kompetenti għajr dawk li jorganizzaw it-test tal-kalibrazzjoni, jistgħu jressqu proposti għall-kompożizzjoni tal-kummissjoni tat-test tal-kalibrazzjoni. F'dan il-każ, l-Istat Membru organizzatur jew l-entità kompetenti jistgħu biss jirrifjutaw tali proposta abbażi ta' raġunijiet iġġustifikati.
L-Istat Membru organizzatur jew l-entità kompetenti, kif xieraq, għandhom jikkomunikaw id-dati tat-test tal-kalibrar mill-inqas xahrejn qabel lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra jew lill-entitajiet kompetenti.
Ir-riżultati tat-test tal-kalibrazzjoni għandhom jiġu ppubblikati mill-Istat Membru organizzatur qabel ma jiġi skedat li jsir is-CTT f'dak l-Istat Membru.
1.3.3. Il-koeffiċjent korrettiv tal-prekursuri
Il-ħinijiet ikkumpensati għall-prekursuri għandhom jiġu kkalkolati billi l-ħin li bih il-prekursur rispettiv ikun għadda mit-test tal-kalibrazzjoni jiġi mmultiplikat bil-koeffiċjent korrettiv allokat.
Il-ħin bażi għat-test tal-kalibrazzjoni għandu jiġi ikkalkolat bħala l-medja tal-aħjar żewġ ħinijiet ikkumpensati tal-prekursuri ta' referenza. Għandhom jintgħażlu erba' prekursuri ta' referenza mill-kummissjoni tat-test tal-kalibrazzjoni abbażi tal-lista tar-riżultati tal-prekursuri mis-sena preċedenti.
Il-koeffiċjent korrettiv tal-prekursuri għandu jiġi kkalkolat bħala:
Koeffiċjent korrettiv = il-ħin bażi tat-test tal-kalibrazzjoni/il-ħin biex il-prekursuri għaddew.
1.4. Meta wieħed jgħaddi mit-Test Tekniku
1.4.1. Il-kalkolu tal-ħin bażi għat-Test Tekniku
Il-ħin bażi għat-Test Tekniku għandu jiġi kkalkolat b'minimu ta' tliet prekursuri li jibdew it-tiġrijiet tagħhom u b'mill-inqas tnejn li jlestu t-tiġrijiet tagħhom skont ir-regoli li ġejjin:
(a) |
għandha tittieħed il-medja taż-żewġ l-aħjar ħinijiet ikkumpensati tal-prekursuri li jkunu lestew it-tiġrija qabel ma jibda l-ewwel kandidat tat-tiġrija; |
(b) |
għandha tittieħed il-medja taż-żewġ l-aħjar ħinijiet ikkumpensati tal-prekursuri li jkunu lestew it-tiġrija wara li jibda l-aħħar kandidat tat-tiġrija; |
(c) |
il-ħin bażi tat-Test Tekniku għandu jkun il-medja taż-żewġ medji msemmija fil-punti (a) u (b). |
Kull prekursur jista' jerġa' jibda, jekk ma setax itemm it-tiġrija b'mod normali.
Il-kandidati għandhom jiġu informati dwar il-koeffiċjent tal-prekursuri qabel ma jibda t-Test Tekniku.
1.4.2. Il-ħin massimu biex wieħed jgħaddi
Il-kandidati li ġejjin għandhom jitqiesu li għaddew mit-Test Tekniku:
(a) |
kandidati rġiel li jlestu tiġrija f'ħin ugwali għall-ħin bażi tat-Test Tekniku jew inqas b'żieda ta' 19 %. |
(b) |
kandidati nisa li jlestu tiġrija f'ħin ugwali għall-ħin bażi tat-Test Tekniku jew inqas b'żieda ta' 25 %. |
Konsegwentement, il-ħin massimu biex wieħed jgħaddi għandu jiġi kkalkolat kif ġej:
(a) |
il-ħin massimu biex wieħed jgħaddi għall-irġiel = il-ħin bażi tat-Test Tekniku x 1,19. |
(b) |
il-ħin massimu biex wieħed jgħaddi għan-nisa = il-ħin bażi tat-Test Tekniku x 1,25. |
2. PARTI II — TEST LI JIĊĊERTIFIKA KOMPETENZI RELATATI MAS-SIKUREZZA (IT-“TEST TAS-SIKUREZZA”)
2.1. Prinċipji ġenerali
2.1.1. Objettiv tat-Test tas-Sikurezza
It-Test tas-Sikurezza għandu jsegwi l-objettiv li jivvaluta l-issodisfar tar-rekwiżiti minimi relatati mas-sikurezza tal-kandidati, li huma essenzjali għall-għalliema tal-iski li jaħdmu f'ambjenti speċifiċi.
2.1.2. Kandidati eliġibbli
Iċ-ċittadini tal-Unjoni jistgħu jieħdu sehem fit-Test tas-Sikurezza, jekk dawn ikunu għaddew b'suċċess mit-Test Tekniku. Il-kandidati eliġibbli jistgħu jirrepetu t-test mingħajr restrizzjoni, meta dawn ma jkunux għaddew f'tentattivi preċedenti. Sabiex jieħdu sehem fit-Test tas-Sikurezza, il-kandidati eliġibbli għandhom japplikaw direttament mal-Istat Membru organizzatur jew ma' entità kompetenti f'dak l-Istat Membru, li jorganizza t-test.
2.1.3. Awtorità responsabbli
L-organizzazzjoni tat-Test tas-Sikurezza għandha taqa' taħt ir-responsabbiltà tal-entità kompetenti għat-taħriġ tal-għalliema tal-iski fit-territorju rispettiv tal-Istat Membri fejn jitwettaq it-Test tas-Sikurezza wara ftehim ma' kummissjoni teknika li tkun inħolqot għal dak l-iskop. Il-kummissjoni teknika għandha tkun magħmula minn ċittadini kkwalifikati minn kwalunkwe Stat Membru u għandha tirrappreżenta mill-inqas tliet Stati Membri. Dawn għandhom jinħatru mill-Istat Membru organizzatur jew mill-entità kompetenti, kif xieraq, abbażi tal-kompetenza u tal-esperjenza professjonali tagħhom fis-settur. L-Istat Membru organizzatur jew l-entità kompetenti għandhom jikkomunikaw mill-inqas xahrejn qabel, id-dati tat-Test tas-Sikurezza lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra jew lill-entitajiet kompetenti.
2.1.4. Ġuriji tat-test
Il-ġuriji tat-test għandhom jissorveljaw u jiżguraw l-implimentazzjoni korretta tat-Test tas-Sikurezza. Is-sħubija tal-ġuriji tat-test għat-Test tas-Sikurezza għandha tkun miftuħa għal ċittadini kkwalifikati minn kwalunkwe Stat Membru. Dawk iċ-ċittadini biss li jkunu għaddew mit-test tal-Eurosecurity qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament jew li jkunu għaddew mis-CTT, għandhom jitqiesu bħala eliġibbli biex jinħatru għall-ġurija tat-test sabiex jivvalutaw il-moduli tat-Test tas-Sikurezza.
Dawk il-ġuriji tat-test għandhom jinħatru mill-Istat Membru organizzatur jew mill-entità kompetenti, kif xieraq, abbażi tal-kompetenza u tal-esperjenza professjonali tagħhom fis-settur. L-Istat Membru organizzatur jew l-entità kompetenti għandhom ikunu jistgħu jiddelegaw din is-setgħa tal-ħatra lil partijiet terzi, iżda l-membri tal-ġurija tat-test f'kull ħin għandhom jirrappreżentaw mill-inqas tliet Stati Membri. L-Istati Membri jew l-entitajiet kompetenti għajr dawk li jorganizzaw is-CTT jistgħu jressqu proposti għall-kompożizzjoni tal-ġurija tat-test. F'każ bħal dan, l-Istat Membru organizzatur jew l-entità kompetenti, kif xieraq, jistgħu biss jirrifjutaw tali proposta abbażi ta' raġunijiet iġġustifikati kif jistħoqq.
2.1.5. Proċedura ta' rieżami
Il-kandidati jistgħu jitlobu li titwettaq valutazzjoni mill-ġdid tal-prestazzjoni tat-Test tas-Sikurezza tagħhom mill-ġurija tat-test, meta dawn iqisu li jkunu saru żbalji materjali. F'dak il-każ, il-ġurija tat-test għandha tivvaluta t-talba u għandha twieġeb mingħajr dewmien billi tistabbilixxi r-raġunijiet għaż-żamma jew għall-bidla tar-riżultati tat-Test tas-Sikurezza għal dak il-kandidat individwali. Il-ġurija tat-test għandha tiddeċiedi b'maġġoranza sempliċi tal-membri tagħha.
2.1.6. Dokumentazzjoni tar-riżultati
L-Istat Membru organizzatur jew l-entità kompetenti, kif xieraq, għandhom jinformaw bir-riżultati tat-Test tas-Sikurezza, lill-Istati Membri jew lill-entitajiet kompetenti li joħorġu l-kwalifiki kif elenkati fl-Anness I, fi żmien sebat ijiem ta' xogħol wara li jkun ġie organizzat avveniment għall-implimentazzjoni tas-CTT. L-Istati Membri jew l-entitajiet kompetenti, kif xieraq, għandhom iżommu u jippubblikaw fuq bażi annwali lista aġġornata ta' istrutturi tal-iski li jkunu temmew b'suċċess it-Test ta' Sikurezza jew li jkunu bbenefikaw minn drittijiet jew eżenzjonijiet miksuba, meta dawn ikunu taw kwalifika lil dak l-istruttur tal-iski li tikkorrispondi għal dawk elenkati fl-Anness I.
2.2. Struttura tat-test
It-Test tas-Sikurezza għandu jkun magħmul minn żewġ partijiet inklużi ħames moduli obbligatorji, li kull wieħed minnhom huwa soġġett għal evalwazzjoni individwali. It-Test tas-Sikurezza għandu jivvaluta l-għarfien u l-ħiliet relatati mas-sikurezza tal-kandidati permezz ta' eżami teoretiku u eżami prattiku.
Jekk kandidat ma jgħaddix minn wieħed jew aktar minn dawn il-moduli, jew jekk it-Test tas-Sikurezza ma jkunx jinkludi l-moduli kollha, dan irid jerġa' jwettaq it-test fl-intier tiegħu.
Il-kontenut tad-diversi moduli huwa stabbilit hawn taħt.
2.2.1. L-eżami teoretiku
Modulu: “Agħmel telefonata ta' emerġenza bil-lingwa tal-pajjiż ospitant lis-servizzi tas-salvataġġ lokali wara aċċident ta' valanga.”
L-eżami teoretiku għandu jitlesta b'suċċess meta tkun saret it-telefonata ta' emerġenza lis-servizzi tas-salvataġġ b'mod ċar u komprensibbli u billi tingħata informazzjoni preċiża li tippermettilhom iwettqu d-dmirijiet tagħhom.
2.2.2. L-eżami prattiku
L-eżami prattiku għall-iski barra mill-pista huwa magħmul minn tliet moduli tat-tagħlim li jiffukaw fuq it-tmexxija ta' grupp u modulu li huwa magħmul mit-tfittxija u s-salvataġġ ta' żewġ persuni li jkunu midfuna taħt valanga. L-eżami prattiku jrid jitwettaq b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru fejn jitwettaq it-test.
It-tliet moduli dwar it-tmexxija ta' grupp għandhom idumu 15-il minuta minbarra 15-il minuta ta' ħin għat-tħejjija. Dawn il-moduli tat-tagħlim għandhom jitlestew b'suċċess, meta mill-inqas 75 % tal-eżerċizzji jkunu twettqu b'mod sodisfaċenti.
2.2.2.1.
Modulu 1: “Interpreta t-tbassir ta' valanga flimkien mal-grupp tiegħek. Qabbel l-informazzjoni fit-tbassir mal-osservazzjonijiet li għamilt inti stess fuq il-post u vvaluta s-sitwazzjoni.”
Modulu 2: “Ħu l-grupp tiegħek fuq niżla barra l-pista u pproponi rotta billi tqis fatturi bħall-għażla tal-borra, il-punti tal-assemblaġġ u l-għamliet ta' organizzazzjoni tal-grupp. Aħdem mal-grupp tiegħek biex tivvaluta r-riskji tan-niżla.”
Modulu 3: Għamla oħra ta' valutazzjoni għandha tintgħażel b'mod każwali mill-possibbiltajiet li ġejjin:
(a) |
L-interpretazzjoni u l-fehim tal-Meteoroloġija
|
(b) |
Il-fehim tal-perikli f'reġjuni ta' muntanji għoljin
|
(c) |
Il-kapaċità li tivvaluta u tifhem il-kopertura tal-borra
|
2.2.2.2.
L-għan tal-modulu huwa li jiġu skoperti żewġ Detetturi tal-Vittmi tal-Valangi (“AVD”) u jiġi rkuprat b'suċċess mill-inqas wieħed miż-żewġ apparati. Kull AVD għandu jitpoġġa f'basket b'insulatur li jkun wiesa' madwar 60 cm u għandu jindifen, iżda mingħajr sinjali superimposti f'fond ta' madwar metru. Jista' jintuża AVD ta' taħriġ. Iż-żona tat-tfittxija għandha tkun limitata għal żona massima ta' 50 metru x 50 metru. Il-ħin massimu permess biex wieħed isib żewġ AVDs u jiġi rkuprat wieħed minnhom għandu jkun ta' tmien minuti. Sabiex jieħdu sehem fil-modulu tat-tfittxija, il-kandidati għandhom jeħtieġu AVD diġitali b'mill-inqas tliet antenni. Il-kandidati b'AVDs analogi mhux se jkunu permessi li jwettqu dan il-modulu tat-test. Dan il-modulu għandu jitlesta b'suċċess meta żewġ AVDs midfuna jinstabu b'suċċess u wieħed minnhom jiġi rkuprat fil-limitu taż-żmien.