Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0500

Regolament (UE) 2019/500 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Marzu 2019 li jistabbilixxi miżuri ta' kontinġenza fil-qasam tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

PE/62/2019/REV/1

ĠU L 85I, 27.3.2019, p. 35–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/500/oj

27.3.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 85/35


REGOLAMENT (UE) 2019/500 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta' Marzu 2019

li jistabbilixxi miżuri ta' kontinġenza fil-qasam tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 48 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit ippreżenta in-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). It-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta' dan, sentejn wara li tkun saret dik in-notifika, jiġifieri mit-30 ta' Marzu 2019, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi qbil mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b'mod unanimu li jestendi dak il-perjodu.

(2)

Fin-nuqqas ta' ftehim dwar il-ħruġ jew ta' estensjoni tal-perjodu ta' sentejn wara n-notifika tar-Renju Unit tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni, ir-regoli tal-Unjoni dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali previsti fir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 (2) u (KE) Nru 987/2009 (3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit u fir-Renju Unit mit-30 ta' Marzu 2019.

(3)

B'konsegwenza ta' dan, persuni li, fil-kapaċità tagħhom ta' ċittadini tal-Unjoni, leġittimament eżerċitaw id-dritt tal-moviment liberu jew tal-libertà tal-istabbiliment minquxa fl-Artikoli 45 u 49 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) qabel id-data tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, kif ukoll il-membri tal-familja u s-superstiti tagħhom, ma għadhomx jistgħu jiddependu fuq ir-regoli tal-Unjoni dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali fir-rigward tal-intitolamenti tas-sigurtà soċjali tagħhom abbażi ta' fatti u avvenimenti li seħħew u fuq perjodi ta' assigurazzjoni, impjieg, impjieg indipendenti jew residenza kkompletati qabel id-data tal-ħruġ, u li kienu jinvolvu r-Renju Unit. Il-persuni mingħajr Stat u r-refuġjati li huma jew li kienu soġġetti għal-leġiżlazzjoni ta' wieħed jew aktar mill-Istati Membri u li huma jew kienu f'sitwazzjonijiet li jinvolvu r-Renju Unit, kif ukoll il-membri tal-familji u s-superstiti tagħhom, se jiġu affettwati bl-istess mod.

(4)

Biex jinkiseb l-għan li jiġu salvagwardjati l-intitolamenti tas-sigurtà soċjali għall-persuni kkonċernati, jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu japplikaw il-prinċipji tal-Unjoni ta' trattament ugwali, ta' assimilazzjoni u ta' aggregazzjoni kif stabbiliti mir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009, kif ukoll ir-regoli ta' dawk ir-Regolamenti li huma meħtieġa biex jagħtu effett lil dawk il-prinċipji, fir-rigward tal-persuni koperti, tal-fatti jew tal-avvenimenti li seħħew, u tal-perjodi li ġew ikkompletati qabel il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni.

(5)

Dan ir-Regolament ma jaffettwax il-konvenzjonijiet u l-ftehimiet eżistenti dwar is-sigurtà soċjali bejn ir-Renju Unit u wieħed jew aktar mill-Istati Membri li huma f'konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u mal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Unjoni jew l-Istati Membri jieħdu miżuri li jindirizzaw il-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju tal-informazzjoni mal-istituzzjonijiet kompetenti tar-Renju Unit għall-iskop li jagħtu effett lill-prinċipji ta' dan ir-Regolament. Barra minn hekk, dan ir-Regolament ma jaffettwa ebda kompetenza tal-Unjoni jew tal-Istati Membri li jikkonkludu konvenzjonijiet u ftehimiet dwar is-sigurtà soċjali ma' pajjiżi terzi jew mar-Renju Unit li jkopru l-perjodu wara l-jum li fih it-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit.

(6)

Dan ir-Regolament ma jaffettwa ebda dritt li jkun inkiseb, jew li kien fil-proċess li jinkiseb, skont il-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru matul il-perjodu qabel id-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Hemm bżonn ta' kooperazzjoni tajba biex dawn id-drittijiet jiġu protetti u rrispettati. Huwa importanti li jiġi żgurat li informazzjoni xierqa u f'waqtha tkun disponibbli għall-persuni kkonċernati.

(7)

Billi l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li tinkiseb l-applikazzjoni unilaterali uniformi tal-prinċipji tas-sigurtà soċjali ta' trattament ugwali, ta' assimilazzjoni u ta' aggregazzjoni, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, imma pjuttost, minħabba l-koordinazzjoni tar-rispons tagħhom, jista' jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità kif stipulat f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak il-għan.

(8)

Fid-dawl tal-fatt li, fin-nuqqas ta' ftehim dwar il-ħruġ jew ta' estensjoni tal-perjodu ta' sentejn wara n-notifika mir-Renju Unit tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni, it-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit mit-30 ta' Marzu 2019, u fid-dawl tal-ħtieġa li tingħata ċertezza legali, tqies f'loku li tkun prevista eċċezzjoni għall-perjodu ta' tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE, mat-TFUE u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(9)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ b'urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u jenħtieġ li japplika mill-jum ta' wara dak li fih it-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit, sakemm ma jkunx daħal fis-seħħ ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit sa dik id-data,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009.

Artikolu 2

Persuni koperti

Dan ir-Regolament japplika għall-persuni li ġejjin:

(a)

ċittadini ta' Stat Membru, persuni mingħajr Stat u refuġjati li jkunu jew li kienu soġġetti għal-leġiżlazzjoni ta' wieħed jew aktar mill-Istati Membri u li jkunu jew li kienu f'sitwazzjoni li tinvolvi r-Renju Unit qabel id-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, kif ukoll il-membri tal-familji u s-superstiti tagħhom;

(b)

ċittadini tar-Renju Unit li jkunu jew li kienu soġġetti għal-leġiżlazzjoni ta' wieħed jew aktar mill-Istati Membri qabel id-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, kif ukoll il-membri tal-familji u s-superstiti tagħhom.

Artikolu 3

Materji koperti

Dan ir-Regolament japplika għall-oqsma kollha tas-sigurtà soċjali previsti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004.

Artikolu 4

Trattament ugwali

Il-prinċipju ta' trattament ugwali kif stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 għandu japplika għall-persuni msemmija fl-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament fir-rigward ta' kwalunkwe sitwazzjoni li seħħet qabel id-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Assimilazzjoni u aggregazzjoni

1.   Il-prinċipju ta' assimilazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 għandu japplika fir-rigward tal-benefiċċji jew id-dħul akkwistati u l-fatti jew l-avvenimenti li seħħew fir-Renju Unit qabel id-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

2.   Il-prinċipju ta' aggregazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 għandu japplika fir-rigward ta' perjodi ta' assigurazzjoni, impjieg, impjieg indipendenti jew residenza fir-Renju Unit li ġew ikkompletati qabel id-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

3.   Għandha tapplika kwalunkwe dispożizzjoni oħra tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 li tkun meħtieġa biex tagħti effett lill-prinċipji stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 6

Relazzjonijiet ma' strumenti oħra ta' koordinazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-konvenzjonijiet u l-ftehimiet eżistenti dwar is-sigurtà soċjali bejn ir-Renju Unit u wieħed jew aktar mill-Istati Membri li huma f'konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u mal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009.

2.   Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għal konvenzjonijiet u ftehimiet dwar is-sigurtà soċjali bejn ir-Renju Unit u wieħed jew aktar mill-Istati Membri konklużi wara l-jum li fih it-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(3) TUE u li jkopru l-perjodu qabel id-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, sakemm dawk il-konvenzjonijiet u ftehimiet jagħtu effett lill-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 5(1) u (2) ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(3) ta' dan ir-Regolament, ikunu bbażati fuq il-prinċipji tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, u jkunu fi qbil mal-ispirtu tiegħu.

Artikolu 7

Rapport

Sena wara d-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament. Dak ir-rapport għandu jindirizza, b'mod partikolari, il-problemi prattiċi li jinqalgħu għall-persuni kkonċernati, inklużi dawk ikkawżati min-nuqqas ta' kontinwità tal-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-jum wara dak li fih it-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(3) TUE.

Madankollu, dan ir-Regolament ma għandux japplika jekk sad-data tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament ikun daħal fis-seħħ ftehim dwar l-ħruġ konkluż mar-Renju Unit f'konformità mal-Artikolu 50(2) TUE.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta' Marzu 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Marzu 2019 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2019.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali (ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta' sigurtà soċjali (ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1).


Top