Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0402

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/402 tat-13 ta' Marzu 2019 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità 19

    C/2019/1888

    ĠU L 72, 14.3.2019, p. 6–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/10/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R1803

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/402/oj

    14.3.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 72/6


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/402

    tat-13 ta' Marzu 2019

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità 19

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 (2) ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fil-15 ta' Ottubru 2008.

    (2)

    Fis-7 ta' Frar 2018, il-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (International Accounting Standards Board, IASB) ippubblika Emendar, Tnaqqis jew Saldu tal-Pjan (Emendi għal IAS 19), fil-qafas tal-proċess tat-titjib regolari tiegħu, li għandu l-għan li jissimplifika u jiċċara l-istandards. L-objettiv tal-emendi huwa li jiġi ċċarat li, fejn wara li jseħħ emendar, tnaqqis jew saldu ta' pjan ta' benefiċċji definiti, entità għandha tapplika s-suppożizzjonijiet aġġornati mill-kejl mill-ġdid tal-obbligazzjoni (assi) netta tal-benefiċċju definit għall-bqija tal-perjodu ta' rappurtar.

    (3)

    Wara l-konsultazzjoni mal-Grupp Konsultattiv Ewropew għar-Rappurtar Finanzjarju, il-Kummissjoni tikkonferma li l-emendi għall-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 19 Benefiċċji tal-Impjegati jissodisfaw il-kriterji għall-adozzjoni stipulati fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

    (4)

    Jenħtieġ għalhekk li r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 jiġi emendat skont dan.

    (5)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju tal-Kontabilità,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1126/2008 l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) 19 Benefiċċji tal-Impjegati hu emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Kull kumpanija għandha tapplika l-emendi msemmija fl-Artikolu 1 sa mhux aktar tard mid-data li fiha tibda l-ewwel sena finanzjarja tagħha, fl-1 ta' Jannar 2019 jew wara.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Marzu 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta' Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1).


    ANNESS

    Emenda, Tnaqqis jew Saldu tal-Pjan

    (Emendi għall-IAS 19)

    Emendi għall-IAS 19 Benefiċċji tal-Impjegati

    Jiżdiedu l-paragrafi 101 A, 122 A, 123 A u 179 u l-paragrafi 57, 99, 120, 123, 125, 126 u 156 huma emendati. Tiżdied intestatura qabel il-paragrafu 122 A.

    BENEFIĊĊJI TA' WARA L-IMPJIEG: PJANIJIET TA' BENEFIĊĊJU DEFINIT

    Rikonoxximent u kejl

    57.

    Il-kontabbiltà minn entità għal pjanijiet ta' benefiċċju definit tinvolvi l-passi li ġejjin:

    (c)

    id-determinazzjoni tal-ammonti li għandhom jiġu rikonoxxuti fi profitt jew telf:

    (i)

    il-kost tas-servizz kurrenti (ara l-paragrafi 70-74 u l-paragrafu 122 A).

    Kost tas-servizz passat u qligħ u telf mas-saldu

    99.

    Meta jiġi determinat il-kost tas-servizz passat, jew qligħ jew telf mas-saldu, entità għandha tkejjel mill-ġdid l-obbligazzjoni tal-benefiċċju definit (assi) billi tuża l-valur ġust kurrenti tal-assi tal-pjan u suppożizzjonijiet attwarjali kurrenti (fosthom ir-rati tal-imgħax kurrenti tas-suq u prezzijiet kurrenti oħra tas-suq) li jirrifletti:

    (a)

    il-benefiċċji offruti skont il-pjan u l-assi tal-pjan qabel l-emenda fil-pjan, tnaqqis jew saldu; u

    (b)

    il-benefiċċji offruti skont il-pjan u l-assi tal-pjan wara l-emenda fil-pjan, tnaqqis jew saldu.

    101 A

    Meta sseħħ emenda fil-pjan, tnaqqis jew saldu finali, entità għandha tirrikonoxxi u tkejjel kwalunkwe kost tas-servizz passat, jew qligħ jew telf mas-saldu, f'konformità mal-paragrafi 99–101 u l-paragrafi 102–112. Meta tagħmel dan, entità għandha tikkunsidra l-effett tal-livell massimu tal-assi. Entità għandha mbagħad tiddetermina l-effett tal-livell massimu tal-assi wara emenda fil-pjan, tnaqqis jew saldu finali u għandha tirrikonoxxi kwalunkwe bidla f'dak is-sens skont il-paragrafu 57(d).

    Komponenti tal-kost ta' benefiċċju definit

    120.

    Entità għandha tirrikonoxxi l-komponenti ta' kost ta' benefiċċju definit, ħlief sal-punt li IFRS ieħor jitlob jew jippermetti l-inklużjoni tagħhom fil-kost ta' assi, kif ġej:

    (a)

    kost tas-servizz (ara l-paragrafi 66-112 u l-paragrafu 122 A) fi profitt jew telf;

    Kost tas-servizz kurrenti

    122 A

    Entità għandha tiddetermina l-kost tas-servizz kurrenti bl-użu ta' suppożizzjonijiet attwarjali determinati fil-bidu tal-perjodu ta' rappurtaġġ annwali. Madankollu, jekk entità tkejjel mill-ġdid l-obbligazzjoni netta tal-benefiċċju definit (assi) f'konformità mal-paragrafu 99, hija għandha tiddetermina l-kost tas-servizz kurrenti għall-bqija tal-perjodu annwali tar-rappurtaġġ wara emenda fil-pjan, tnaqqis jew saldu bl-użu fis-suppożizzjonijiet attwarjali użati biex tkejjel mill-ġdid l-obbligazzjoni tal-benefiċċju definit nett (assi) f'konformità mal-paragrafu 99(b).

    Imgħax nett fuq obbligazzjoni tal-benefiċċju definit nett (assi)

    123.

    Entità għandha tiddetermina l-imgħax nett fuq l-obbligazzjoni netta tal-benefiċċju definit (assi) bil-multiplikazzjoni tal-obbligazzjoni tal-benefiċċju definit nett (assi) permezz tar-rata ta' skont speċifikata fil-paragrafu 83.

    123 A

    Biex tiddetermina l-imgħax nett f'konformità mal-paragrafu 123, entità għandha tuża l-obbligazzjoni tal-benefiċċju definit nett (assi) u r-rata ta' skont determinata fil-bidu tal-perjodu ta' rappurtaġġ annwali. Madankollu, jekk entità tkejjel mill-ġdid l-obbligazzjoni netta tal-benefiċċju definit (assi) f'konformità mal-paragrafu 99, l-entità tistabbilixxi l-imgħax nett għall-bqija tal-perjodu annwali tar-rappurtaġġ wara emenda fil-pjan, tnaqqis jew saldu bl-użu ta':

    (a)

    l-obbligazzjoni tal-benefiċċju definit nett (assi) determinati skont il-paragrafu 99(b); u

    (b)

    ir-rata ta' skont użata biex tkejjel mill-ġdid l-obbligazzjoni tal-benefiċċju definit nett (assi) f'konformità mal-paragrafu 99(b).

    Fl-applikazzjoni tal-paragrafu 123 A, l-entità għandha tqis ukoll kwalunkwe tibdil fl-obbligazzjoni netta tal-benefiċċju definit (assi) matul il-perjodu li jirriżulta minn kontribuzzjonijiet jew pagamenti tal-benefiċċji.

    125.

    Dħul mill-imgħax fuq l-assi tal-pjan huwa komponent tar-redditu mill-assi tal-pjan, u jiġi determinat bil-multiplikazzjoni tal-valur ġust tal-assi tal-pjan permezz tar-rata ta' skont speċifikata fil-paragrafu 123 A. Entità għandha tiddetermina l-valur ġust tal-assi tal-pjan fil-bidu tal-perjodu ta' rappurtaġġ annwali. Madankollu, jekk entità tkejjel mill-ġdid l-obbligazzjoni netta tal-benefiċċju definit (assi) f'konformità mal-paragrafu 99, l-entità għandha tiddetermina d-dħul mill-imgħax għall-bqija tal-perjodu annwali tar-rappurtaġġ wara emenda fil-pjan, tnaqqis jew saldu bl-użu fis-suppożizzjonijiet attwarjali użati biex tkejjel mill-ġdid l-obbligazzjoni tal-benefiċċju definit nett (assi) f'konformità mal-paragrafu 99(b). Fl-applikazzjoni tal-paragrafu 125, l-entità għandha tqis ukoll kwalunkwe tibdil fl-assi tal-pjan matul il-perjodu li jirriżultaw minn kontribuzzjonijiet jew pagamenti tal-benefiċċji. Id-differenza bejn l-introjtu mill-imgħax fuq l-assi tal-pjan u r-redditu fuq l-assi tal-pjan tiġi inkluża fil-kejl mill-ġdid tal-obbligazzjoni tal-benefiċċju definit nett (assi).

    126.

    Imgħax fuq l-effett tal-livell massimu tal-assi huwa parti mill-bidla totali fl-effett tal-livell massimu tal-assi, u jiġi determinat billi l-effett tal-livell massimu tal-assi jiġi mmultiplikat bir-rata tal-iskont speċifikata fil-paragrafu 123 A. Entità għandha tiddetermina l-effett tal-limitu tal-assi fil-bidu tal-perjodu ta' rappurtaġġ annwali. Madankollu, jekk entità tkejjel mill-ġdid l-obbligazzjoni netta tal-benefiċċju definit (assi) f'konformità mal-paragrafu 99, l-entità għandha tiddetermina l-imgħax fuq l-effett tal-limitu tal-assi għall-bqija tal-perjodu annwali tar-rappurtaġġ wara l-emenda fil-pjan, it-tnaqqis jew is-saldu billi jiġi kkunsidrat kwalunkwe bidla fl-effett tal-limitu tal-assi f'konformità mal-paragrafu 101 A. Id-differenza bejn l-imgħax fuq l-effett tal-limitu massimu tal-assi u l-bidla totali fl-effett tal-limitu tal-assi hija inkluża fil-kejl mill-ġdid tal-obbligazzjoni tal-benefiċċju definit nett (assi).

    BENEFIĊĊJI OĦRAJN GĦAT-TUL TAL-IMPJEGATI

    Rikonoxximent u kejl

    156.

    Fir-rigward ta' benefiċċji fuq perjodu twil taż-żmien tal-impjegati, entità għandha tirrikonoxxi t-total nett tal-ammonti li ġejjin fi profitt jew telf, ħlief sal-punt li IFRS ieħor jitlob jew jippermetti l-inklużjoni tagħhom fil-kost ta' assi:

    (a)

    il-kost tas-servizz (ara l-paragrafi 66-112 u l-paragrafu 122 A);

    TRANŻIZZJONI U DATA EFFETTIVA

    179.

    Emenda, Tnaqqis jew Saldu tal-Pjan (Emendi għall-IAS 19), maħruġ fi Frar 2018, żied il-paragrafi 101 A, 122 A u 123 A, u emenda l-paragrafi 57, 99, 120, 123, 125, 126 u 156. Entità għandha tapplika dawn l-emendi għal emendi fil-pjan, tnaqqis jew saldi li jseħħu fil-bidu jew wara l-ewwel perjodu ta' rappurtaġġ annwali li jibda fl-1 ta' Jannar 2019 jew wara. Hija permessa applikazzjoni aktar bikrija. Jekk entità tapplika dawn l-emendi aktar kmieni, hija għandha tiddivulga dak il-fatt.

    Top