EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D1597

Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2019/1597 tat-3 ta' Mejju 2019 li tissupplimenta d-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' metodoloġija komuni u rekwiżiti minimi tal-kwalità għall-kejl uniformi tal-livelli tal-iskart tal-ikel (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2019/3211

ĠU L 248, 27.9.2019, p. 77–85 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_del/2019/1597/oj

27.9.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 248/77


DEĊIŻJONI DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1597

tat-3 ta' Mejju 2019

li tissupplimenta d-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' metodoloġija komuni u rekwiżiti minimi tal-kwalità għall-kejl uniformi tal-livelli tal-iskart tal-ikel

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(8) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2008/98/KE tistabbilixxi obbligu għall-Istati Membri biex jinkludu l-prevenzjoni tal-iskart tal-ikel fil-programmi tagħhom għall-prevenzjoni tal-iskart u biex jimmonitorjaw u jivvalutaw l-implimentazzjoni tal-miżuri tagħhom ta' prevenzjoni tal-iskart tal-ikel billi jkejlu l-livelli tal-iskart tal-ikel fuq il-bażi ta' metodoloġija komuni. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi dik il-metodoloġija komuni u tiffissa rekwiżiti minimi ta' kwalità għall-kejl uniformi tal-livelli tal-iskart tal-ikel abbażi tal-eżitu tal-ħidma tal-Pjattaforma tal-UE dwar it-Telf u l-Ħela tal-Ikel.

(2)

Id-definizzjoni ta' “ikel” stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) tinkludi l-ikel kollu kemm hu, tul il-katina kollha tal-provvista tal-ikel, mill-produzzjoni sal-konsum. L-ikel jinkludi wkoll partijiet li ma jittiklux, meta dawn ma jkunux isseparati mill-partijiet li jittieklu meta l-ikel ikun ġie prodott, bħal għadam marbut ma' laħam iddestinat għall-konsum mill-bniedem. Għalhekk, l-iskart tal-ikel jista' jinkludi oġġetti li jinkludu partijiet ta' ikel maħsuba li jiġu inġestiti u partijiet ta' ikel mhux maħsuba li jiġi inġestit.

(3)

L-iskart tal-ikel ma jinkludix telf fl-istadji tal-katina tal-provvista tal-ikel fejn ċerti prodotti jkunu għadhom ma sarux ikel kif definit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, bħal pjanti li jittieklu li ma jkunux inħasdu. Barra minn hekk, ma jinkludix prodotti sekondarji mill-produzzjoni ta' ikel li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2008/98/KE, peress li dawn il-prodotti sekondarji mhumiex skart.

(4)

L-iskart tal-ikel għandu jiġi evitat u mnaqqas tul il-katina kollha tal-provvista tal-ikel. Peress li t-tipi ta' skart tal-ikel u l-fatturi li jikkontribwixxu għall-ġenerazzjoni tal-iskart tal-ikel ivarjaw b'mod sinifikanti bejn l-istadji differenti tal-katina tal-provvista tal-ikel, jenħtieġ li l-iskart tal-ikel jitkejjel b'mod separat għal kull stadju.

(5)

L-attribuzzjoni tal-iskart tal-ikel għall-istadji differenti tal-katina tal-provvista tal-ikel jenħtieġ li ssir f'konformità mal-klassifikazzjoni statistika komuni tal-attivitajiet ekonomiċi fl-Unjoni stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) bħala “NACE Reviżjoni 2”. Fin-nuqqas ta' klassifikazzjoni pertinenti tan-NACE Rev. 2, l-attribuzzjoni lill-“unitajiet domestiċi” jenħtieġ li ssir b'referenza għall-punt 1.2 tat-Taqsima 8 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2150/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

(6)

Filwaqt li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE (5) li tistabbilixxi Lista Ewropea tal-Iskart mhux dejjem tippermetti identifikazzjoni preċiża tal-iskart tal-ikel, din tista' tipprovdi gwida għall-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest tal-kejl tal-iskart tal-ikel.

(7)

Il-materjal agrikolu msemmi fl-Artikolu 2(1)(f) tad-Direttiva 2008/98/KE u l-prodotti sekondarji tal-annimali msemmija fl-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2008/98/KE huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dik id-Direttiva u għalhekk jenħtieġ li ma jitkejlux bħala skart tal-ikel.

(8)

Sabiex il-metodoloġija tkun applikabbli fil-prattika u sabiex il-piż li jirriżulta mill-monitoraġġ ikun proporzjonali u raġonevoli, xi flussi ta' skart, li mhumiex mistennija jinkludu l-iskart tal-ikel jew jinkludu l-iskart tal-ikel fi kwantitajiet negliġibbli, jenħtieġ li ma jitkejlux bħala skart tal-ikel.

(9)

Sabiex tittejjeb il-preċiżjoni tal-kejl tal-iskart tal-ikel, il-materjali mhux tal-ikel imħallta flimkien mal-iskart tal-ikel (eż. il-ħamrija jew l-imballaġġ) jenħtieġ li jiġu esklużi mill-piż tal-iskart tal-ikel sa fejn ikun possibbli.

(10)

Hemm diversi tipi ta' ikel, li normalment jintremew bħala ilma mormi jew imħallta miegħu, bħal pereżempju ilma fil-fliexken u ilma minerali, xorb u likwidi oħra. Bħalissa ma hemm l-ebda metodu għall-kejl ta' dan l-iskart li jiżgura livelli suffiċjenti ta' fiduċja u komparabbiltà tad-data rrappurtata. Għalhekk, jenħtieġ li dawn it-tipi ta' ikel ma jitkejlux bħala skart tal-ikel. Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jirrapportaw informazzjoni dwar dawn it-tipi ta' ikel fuq bażi volontarja.

(11)

Filwaqt li s-sustanzi li huma maħsuba għall-użu bħala materjali tal-għalf imsemmija fl-Artikolu 2(2)(e) tad-Direttiva 2008/98/KE huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dik id-Direttiva u ma jenħtieġx għalhekk li jitkejlu bħala skart tal-ikel, l-informazzjoni dwar l-ikel li oriġinarjament kien maħsub għall-konsum mill-bniedem u mbagħad utilizzat għall-għalf tal-annimali (inkluż dawk li kienu oġġetti tal-ikel kif iddefinit fil-punt 3 tal-Parti A tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 68/2013 (6)) hija importanti għall-fehim ta' flussi materjali relatati mal-ikel u tista' tkun utli għall-ippjanar ta' politika mmirata għall-prevenzjoni tal-iskart tal-ikel. Għal din ir-raġuni, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jirrapportaw din l-informazzjoni b'mod uniformi fuq bażi volontarja.

(12)

Sabiex tkun tista' ssir indikazzjoni preċiża tal-kwantitajiet ta' skart tal-ikel iġġenerati f'kull stadju tal-katina tal-provvista tal-ikel, jenħtieġ li l-Istati Membri jwettqu kejl iddettaljat tal-kwantitajiet tal-iskart tal-ikel. Jenħtieġ li tali kejl iddettaljat jitwettaq fuq bażi regolari għal kull stadju tal-katina tal-provvista tal-ikel u tal-anqas darba kull erba' snin.

(13)

Skont l-Artikolu 37(3) tad-Direttiva 2008/98/KE, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw il-kwantitajiet ta' skart tal-ikel fuq bażi annwali. Sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità u sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, jenħtieġ li l-Istati Membri jingħataw firxa ta' metodi għall-kejl tal-iskart tal-ikel għall-finijiet ta' dawk ir-rapporti annwali, inklużi l-analiżijiet eżistenti tal-ġenerazzjoni tal-iskart tal-ikel, studji dedikati ġodda dwar l-iskart tal-ikel kif ukoll data miġbura għall-istatistika tal-iskart jew obbligi ta' rappurtar dwar l-iskart u data soċjoekonomika oħra, jew taħlita ta' dawn l-għażliet. Kemm jista' jkun, jenħtieġ li jintużaw sorsi stabbiliti ta' data bħas-Sistema Ewropea tal-Istatistika.

(14)

Sabiex jiġi żgurat monitoraġġ uniformi tal-flussi materjali fil-katina tal-provvista tal-ikel fil-kuntest ta' politika mmirata ta' prevenzjoni tal-iskart tal-ikel, jenħtieġ li jiġi żgurat li l-Istati Membri li jiddeċiedu li jkejlu l-iskart tal-ikel f'aktar dettall jew li jestendu l-kopertura tal-kejl fi flussi materjali relatati, jistgħu jagħmlu dan b'mod uniformi.

(15)

Sabiex jippermettu l-verifika tad-data rrappurtata u t-titjib tal-metodi tal-kejl u sabiex tiġi żgurata l-komparabbiltà ta' dawk il-metodi, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu informazzjoni addizzjonali marbuta mal-metodi ta' kejl u mal-kwalità tad-data miġbura,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-ambitu tal-kejl tal-iskart tal-ikel

1.   Il-kwantitajiet tal-iskart tal-ikel għandhom jitkejlu b'mod separat għall-istadji tal-katina tal-provvista tal-ikel li ġejjin:

(a)

il-produzzjoni primarja;

(b)

l-ipproċessar u l-manifattura;

(c)

il-bejgħ bl-imnut u d-distribuzzjoni tal-ikel;

(d)

ir-ristoranti/is-servizzi tal-ikel

(e)

l-unitajiet domestiċi.

2.   L-iskart tal-ikel għandu jiġi attribwit għal kull stadju tal-katina tal-provvista tal-ikel imsemmi fil-paragrafu 1 f'konformità mal-Anness I.

3.   Il-kejl għandu jkopri skart tal-ikel li huwa kklassifikat taħt il-kodiċijiet tal-iskart imsemmija fl-Anness II jew taħt kwalunkwe kodiċi ieħor tal-iskart għal skart li jinkludi l-iskart tal-ikel.

4.   Il-kejl tal-iskart tal-ikel ma għandux ikopri l-oġġetti li ġejjin:

(a)

materjal agrikolu kif imsemmi fl-Artikolu 2(1)(f) tad-Direttiva 2008/98/KE;

(b)

prodotti sekondarji tal-annimali kif imsemmijin fl-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2008/98/KE;

(c)

residwi ta' skart tal-ikel miġbura fi ħdan l-iskart mill-imballaġġ ikklassifikat taħt il-kodiċi tal-iskart “15 01 — Materjal tal-ippakkjar (li jinkludi skart ta' materjal tal-ippakkjar muniċipali miġbur separatament)” fil-lista Ewropea tal-iskart kif stabbilita fid-Deċiżjoni 2000/532/KE;

(d)

ir-residwi tal-iskart tal-ikel miġbura fi ħdan l-iskart ikklassifikat taħt il-kodiċi tal-iskart: “20 03 03 — fdalijiet tat-tindif tat-toroq” fil-lista Ewropea tal-iskart kif stabbilita fid-Deċiżjoni 2000/532/KE;

(e)

materjali mhux tal-ikel li jitħalltu flimkien ma' skart tal-ikel meta jinġabru, sa fejn ikun possibbli.

5.   Il-kejl tal-skart tal-ikel ma għandux ikopri l-oġġetti li ġejjin, mingħajr preġudizzju għall-kejl volontarju msemmi fl-Artikolu 3:

(a)

skart tal-ikel mormi bħala ilma mormi jew mħallat miegħu;

(b)

sustanzi li huma maħsuba għall-użu bħala materjali tal-għalf imsemmija fl-Artikolu 2(2)(e) tad-Direttiva 2008/98/KE.

Artikolu 2

Metodoloġija għall-kejl tal-iskart tal-ikel

1.   Kull sena l-Istati Membri għandhom ikejlu l-kwantitajiet tal-iskart tal-ikel iġġenerat f'sena kalendarja sħiħa.

2.   L-Istati Membri għandhom ikejlu l-kwantità tal-iskart tal-ikel għal stadju partikolari tal-katina tal-provvista bl-użu tal-metodoloġija stabbilita fl-Anness III tal-anqas darba kull erba' snin.

3.   Meta ma tintużax il-metodoloġija stabbilita fl-Anness III, l-Istati Membri għandhom ikejlu l-kwantità tal-iskart tal-ikel għal stadju partikolari tal-katina tal-provvista bl-użu tal-metodoloġija stabbilita fl-Anness IV.

4.   Għall-ewwel perjodu ta' rapportar, kif imsemmi fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 37(3) tad-Direttiva 2008/98/KE, l-Istati Membri għandhom ikejlu l-kwantità tal-iskart tal-ikel għall-istadji kollha tal-katina alimentari billi jużaw il-metodoloġija stabbilita fl-Anness III. Għal dak il-perjodu, l-Istati Membri jistgħu jużaw data li tkun diġà nġabret skont arranġamenti eżistenti għas-sena 2017 jew iktar tard.

5.   Il-kwantitajiet tal-iskart tal-ikel għandhom jitkejlu f'tunnellati metriċi ta' massa friska.

Artikolu 3

Kejl volontarju

L-Istati Membri jistgħu jkejlu u jipprovdu lill-Kummissjoni b'data ulterjuri relatata mal-livelli u mal-prevenzjoni tal-iskart tal-ikel. Din id-data tista' tinkludi:

(a)

il-kwantitajiet tal-iskart tal-ikel meqjusa bħala kostitwiti minn partijiet ta' ikel maħsuba biex jiġu inġeriti mill-bniedem;

(b)

il-kwantitajiet tal-iskart tal-ikel mormija bħala ilma mormi jew imħallta miegħu;

(c)

il-kwantitajiet ta' ikel li jkunu ġew distribwiti mill-ġdid għall-konsum mill-bniedem kif imsemmi fl-Artikolu 9(1)(h) tad-Direttiva 2008/98/KE;

(d)

il-kwantitajiet ta' ikel li ma għadhomx maħsuba għall-konsum mill-bniedem imqiegħda fis-suq biex jiġu ttrasformati f'għalf minn operatur tan-negozju tal-għalf kif iddefinit fl-Artikolu 3(6) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002;

(e)

l-oġġetti tal-ikel preċedenti kif iddefiniti fil-punt 3 tal-Parti A tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 68/2013.

Artikolu 4

Rekwiżiti minimi ta' kwalità

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jiżguraw l-affidabbiltà u l-preċiżjoni tal-kejl tal-iskart tal-ikel. B'mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

il-kejl imwettaq f'konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Anness III ikun ibbażat fuq kampjun rappreżentattiv tal-popolazzjoni li għaliha jiġu applikati r-riżultati tagħha, u li jirrifletti b'mod adegwat il-varjazzjonijiet fid-data dwar il-kwantitajiet tal-iskart tal-ikel li jridu jitkejlu;

(b)

il-kejl imwettaq f'konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Anness IV huwa bbażat fuq l-aħjar informazzjoni disponibbli.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni dwar il-metodi li jużaw għall-kejl tal-iskart tal-ikel għal kull wieħed mill-istadji tal-katina tal-provvista tal-ikel u dwar kull modifika sinifikanti għall-metodi użati meta mqabbla mal-metodi użati għal kejl preċedenti.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta' Mejju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.

(2)  Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta' attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 2150/2002 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2002 dwar l-istatistika tal-iskart (ĠU L 332, 9.12.2002, p. 1).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE tat-3 ta' Mejju 2000 li tissostitwixxi d-Deċiżjoni 94/3/KE li tistabbilixxi lista ta' skart skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE dwar l-iskart u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/904/KE li tistabbilixxi lista ta' skart perikoluż skont l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE dwar skart perikoluż (ĠU L 226, 6.9.2000, p. 3).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 68/2013 tas-16 ta' Jannar 2013 dwar il-Katalgu tal-materjali tal-għalf (ĠU L 29, 30.1.2013, p. 1).


ANNESS I

L-attribuzzjoni tal-iskart tal-ikel għall-istadji differenti tal-katina tal-provvista tal-ikel

 

 

Attività li tiġġenera l-iskart

L-istadji tal-katina tal-provvista tal-ikel

Intestatura rilevanti fl-Istatistika tal-Iskart (1) li tinkludi stadju partikolari tal-katina tal-provvista tal-ikel

Kodiċi tan-NACE Rev. 2 rilevanti

Deskrizzjoni

Produzzjoni primarja

Parti mill-Intestatura 1

Sezzjoni A

Agrikoltura, forestrija u sajd

 

Diviżjoni 01

Produzzjoni ta' għelejjel u annimali, kaċċa u attivitajiet ta' servizz relatati

 

Diviżjoni 03

Sajd u akkwakultura

Proċessar u manifattura

Parti mill-Intestatura 3

Sezzjoni C

Manifattura

 

Diviżjoni 10

Manifattura ta' prodotti tal-ikel

 

Diviżjoni 11

Manifattura ta' xarbiet

Bejgħ bl-imnut u distribuzzjoni oħra ta' ikel

Parti mill-Intestatura 17

Sezzjoni G

Kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut; tiswija ta' vetturi motorizzati u muturi

 

Diviżjoni 46

Negozju bl-ingrossa, għajr ta' vetturi bil-mutur u muturi

 

Diviżjoni 47

Negozju bl-imnut, għajr ta' vetturi bil-mutur u muturi

Ristoranti u servizzi tal-ikel

Parti mill-Intestatura 17

Sezzjoni I

Akkomodazzjoni u attivitajiet tas-servizzi tal-ikel

 

Diviżjoni 55

Akkomodazzjoni

 

Diviżjoni 56

Attivitajiet ta' servizz ta' ikel u xorb

Sezzjonijiet N, O, P, Q, R, S

 

 

Diviżjonijiet li jkopru attivitajiet li fihom jiġu pprovduti servizzi tal-ikel (bħal catering tal-persunal, kura tas-saħħa, edukazzjoni, u catering tal-ivvjaġġar).

 

Unitajiet domestiċi

Intestatura 19

“Unitajiet domestiċi” kif imsemmi fl-Anness I, is-Sezzjoni 8, il-punt 1.2 tar-Regolament (KE) Nru 2150/2002 dwar l-istatistika tal-iskart

L-iskart iġġenerat mid-djar privati


(1)  Il-Punt 1 tas-Sezzjoni 8 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2150/2002.


ANNESS II

Kodiċijiet tal-iskart inklużi fil-lista Ewropea tal-iskart għal tipi ta' skart li tipikament jinkludu skart tal-ikel

 

Produzzjoni primarja

02 01 02

skart tat-tessut tal-annimali

02 01 03

skart tat-tessut tal-pjanti

 

Proċessar u manifattura

02 02

skart mill-preparazzjoni u l-ipproċessar ta' laħam, ħut u ikel ieħor li jkun ġej mill-annimali

02 03

skart mill-preparazzjoni u l-ipproċessar tal-frott, il-ħaxix, iċ-ċereali, iż-żjut alimentari, il-kawkaw, il-kafè, it-te u t-tabakk; il-produzzjoni tal-marmellati; il-produzzjoni tal-ħmira u tal-estratti tal-ħmira, il-preparazzjoni u l-fermentazzjoni tal-melassa

02 04

skart mill-ipproċessar taz-zokkor

02 05

skart mill-industrija tal-prodotti tal-ħalib

02 06

skart mill-industriji tal-ħami u d-dolċerija

02 07

skart mill-produzzjoni ta' xorb alkoħoliku u mhux alkoħoliku (għajr għall-kafè, it-te u l-kawkaw)

 

Bejgħ bl-imnut u distribuzzjoni oħra ta' ikel

20 01 08

skart bijodegradabbli mill-kċina u l-kantin

20 01 25

żejt u xaħam alimentari

20 03 01

skart muniċipali mħallat

20 03 02

skart mis-swieq

16 03 06

skart organiku għajr għal dak imsemmi f'16 03 05

 

Ristoranti u servizzi tal-ikel

20 01 08

skart bijodegradabbli mill-kċina u l-kantin

20 01 25

żejt u xaħam alimentari

20 03 01

skart muniċipali mħallat

 

Unitajiet domestiċi

20 01 08

skart bijodegradabbli mill-kċina u l-kantin

20 01 25

żejt u xaħam alimentari

20 03 01

skart muniċipali mħallat


ANNESS III

Metodoloġija għall-kejl dettaljat tal-iskart tal-ikel

Il-kwantità ta' skart tal-ikel fi stadju tal-katina tal-provvista tal-ikel għandha tiġi stabbilita billi jitkejjel l-iskart tal-ikel iġġenerat minn kampjun ta' operaturi tan-negozju tal-ikel jew ta' unitajiet domestiċi f'konformità ma' kwalunkwe wieħed mill-metodi li ġejjin jew taħlita ta' dawk il-metodi jew kwalunkwe metodu ieħor ekwivalenti f'termini ta' rilevanza, rappreżentanza u affidabbiltà.

L-istadji tal-katina tal-provvista tal-ikel

Metodi tal-kejl

Produzzjoni primarja

Kejl dirett

Bilanċ tal-massa

 

Kwestjonarji u intervisti

Koeffiċjenti u statistika l-produzzjoni.

Analiżi tal-kompożizzjoni tal-iskart

Proċessar u manifattura

Bejgħ bl-imnut u distribuzzjoni oħra ta' ikel

Analiżi tal-kompożizzjoni tal-iskart

Għadd/skennjar

 

Ristoranti u servizzi tal-ikel

 

Djarji

Unitajiet domestiċi

 

Deskrizzjoni tal-metodi

Metodi bbażati fuq l-aċċess dirett għall-iskart tal-ikel/kejl dirett

Il-metodi li ġejjin għandhom jintużaw minn entità b'aċċess dirett (fiżiku) għall-iskart tal-ikel sabiex titkejjel il-kwantità tal-iskart tal-ikel jew biex titwettaq approssimazzjoni:

Kejl dirett (użin jew valutazzjoni metrika)

L-użu ta' apparat ta' kejl biex jiddetermina l-massa ta' kampjuni tal-iskart tal-ikel jew frazzjonijiet ta' skart sħiħ, direttament jew determinat fuq il-bażi tal-volum. Din il-metodoloġija tinkludi l-kejl tal-iskart tal-ikel miġbur separatament.

Għadd/skennjar

Il-valutazzjoni tal-għadd ta' oġġetti li jikkostitwixxu l-iskart tal-ikel, u l-użu tar-riżultat biex tiġi ddeterminata l-massa.

Analiżi tal-kompożizzjoni tal-iskart

Separazzjoni fiżika tal-iskart tal-ikel minn frazzjonijiet oħra sabiex tiġi ddeterminata l-massa tal-frazzjonijiet klassifikati.

Djarji

Reġistru ta' informazzjoni dwar l-iskart tal-ikel jinżamm aġġornat fuq bażi regolari minn persuna waħda jew minn grupp ta' persuni.

Metodi oħra

Il-metodi li ġejjin għandhom jintużaw meta ma jkunx hemm aċċess (fiżiku) dirett għall-iskart tal-ikel jew meta l-kejl dirett ma jkunx fattibbli:

Bilanċ tal-massa

Il-kalkolu tal-kwantità ta' skart tal-ikel fuq il-bażi ta' tal-massa tal-ikel li jidħol u joħroġ fis-sistema mkejla kif ukoll tal-ipproċessar u tal-konsum tal-ikel fi ħdan is-sistema.

Koeffiċjenti

L-użu ta' koeffiċjenti tal-iskart tal-ikel stabbiliti qabel jew persentaġġi rappreżentattivi għal sottosettur tal-industrija tal-ikel jew għal operatur tan-negozju individwali. Dawn il-koeffiċjenti jew persentaġġi għandhom jiġu stabbiliti permezz ta' teħid ta' kampjuni, permezz ta' data pprovduta minn operaturi tan-negozju tal-ikel jew permezz ta' metodi oħra.


ANNESS IV

Metodoloġija għall-kejl tal-iskart tal-ikel jekk ma jintużax kejl dettaljat f'konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Anness III

Meta ma jintużax kejl dettaljat kif imsemmi fl-Artikolu 2, il-kwantitajiet tal-iskart tal-ikel iġġenerati fi stadju partikolari tal-katina tal-provvista tal-ikel għandhom jitkejlu bl-użu ta' kwalunkwe wieħed mill-metodi li ġejjin jew taħlita ta' dawn il-metodi:

(a)

Il-kalkolu tal-kwantità tal-iskart tal-ikel fuq il-bażi tal-aħħar data disponibbli dwar il-proporzjon tal-iskart tal-ikel fi stadju partikolari tal-katina tal-provvista tal-ikel (stabbilita skont l-Anness III) u l-ġenerazzjoni totali tal-iskart f'dak l-istadju. Il-ġenerazzjoni totali tal-iskart tal-ikel fi stadju partikolari tal-katina tal-provvista tal-ikel għandha tiġi stabbilita fuq il-bażi tad-data rrappurtata f'konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 2150/2002 għal kull stadju tal-katina tal-provvista tal-ikel imsemmi fl-Anness I. F'każijiet fejn din id-data ma tkunx disponibbli għal sena partikolari, għandha tintuża d-data għas-sena ta' qabel.

(b)

Il-kalkolu tal-kwantità tal-iskart tal-ikel fuq il-bażi tad-data soċjoekonomika rilevanti għall-istadji rispettivi tal-katina tal-provvista tal-ikel. Il-kalkolu tal-iskart tal-ikel għandu jkun ibbażat fuq l-aħħar data dwar il-kwantitajiet ta' skart tal-ikel iġġenerati fi stadju tal-katina tal-provvista tal-ikel u ż-żieda jew it-tnaqqis, fil-perjodu bejn is-sena tal-aħħar kejl ta' dik id-data u l-perjodu attwali ta' rapportar, tal-livell ta' wieħed jew aktar mill-indikaturi soċjoekonomiċi li ġejjin:

L-istadji tal-katina tal-provvista tal-ikel

Indikatur

Produzzjoni primarja

Il-produzzjoni tal-ikel fl-agrikoltura, is-sajd u l-kaċċa

Proċessar u manifattura

Il-produzzjoni ta' ikel ipproċessat — fuq il-bażi tad-data PRODCOM (1).

Bejgħ bl-imnut u distribuzzjoni oħra ta' ikel

Fatturat ta' prodotti tal-ikel

Popolazzjoni

Ristoranti u servizzi tal-ikel

Fatturat

L-impjiegi (f'Ekwivalenti għall-Full Time)

Unitajiet domestiċi

Popolazzjoni

Introjtu disponibbli tal-unitajiet domestiċi (2)

L-Istati Membri jistgħu jużaw indikaturi oħra, jekk ikunu kkorrelati aħjar mal-ġenerazzjoni tal-iskart tal-ikel fi stadju partikolari tal-katina tal-provvista tal-ikel.


(1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 912/2004 tad-29 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3924/91 dwar l-istabbiliment ta' stħarriġ tal-Komunità dwar il-produzzjoni industrijali (ĠU L 163, 30.4.2004, p. 71).

(2)  Kif irrappurtat mill-Eurostat.


Top