Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019D0832

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/832 tat-22 ta' Mejju 2019 li temenda d-Deċiżjoni 2012/392/PESK dwar il-missjoni ta' PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger)

    ST/8385/2019/INIT

    ĠU L 137, 23.5.2019, p. 64–65 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/832/oj

    23.5.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 137/64


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2019/832

    tat-22 ta' Mejju 2019

    li temenda d-Deċiżjoni 2012/392/PESK dwar il-missjoni ta' PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari l-Artikoli 42(4) u 43(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fis-16 ta' Lulju 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/392/PESK (1) li tistabbilixxi missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer sabiex tappoġġa l-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-atturi tas-sigurtà tan-Niġer fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata (EUCAP SAHEL Niger).

    (2)

    Fit-18 ta' Settembru 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/1247 (2) li testendi l-EUCAP Sahel Niger u li tipprovdilha ammont ta' referenza finanzjarja sat-30 ta' Settembru 2020.

    (3)

    Fil-25 ta' Ġunju 2018, fil-konklużjonijiet tiegħu dwar is-Saħel/Mali, il-Kunsill issottolinja l-importanza tar-reġjonalizzazzjoni tal-PSDK fis-Saħel bil-għan li jissaħħaħ, kif adatt, l-appoġġ ċivili u militari għal kooperazzjoni transkonfinali, l-istrutturi ta' kooperazzjoni reġjonali, b'mod partikolari dawk tal-G5 tas-Saħel, u l-kapaċità u s-sjieda tal-pajjiżi tal-G5 biex jindirizzaw l-isfidi ta' sigurtà fir-reġjun.

    (4)

    Fil-15 ta' Frar 2019, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tar-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania laqa' l-iskjerament previst tal-EUCAP Sahel Niger b'appoġġ għall-G5 tas-Saħel u għall-kapaċitajiet nazzjonali tal-Mauritania.

    (5)

    Fit-18 ta' Frar 2019, il-Kunsill approva Kunċett tal-Operazzjonijiet ċivili-militari konġunt dwar ir-Reġjonalizzazzjoni tal-azzjoni tal-PSDK fis-Saħel.

    (6)

    Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/392/PESK tiġi emendata skont dan.

    (7)

    Il-EUCAP Sahel Niger ser titwettaq fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' xxekkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2012/392/PESK tiġi emendata kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 3 jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “3a.   Barra minn hekk, il-EUCAP Sahel Niger ser tikkontribwixxi, mingħajr preġudizzju għall-mandat ċentrali tagħha fin-Niġer, għar-reġjonalizzazzjoni tal-azzjoni tal-PSDK fis-Saħel billi tikkontribwixxi għat-titjib tal-interoperabbiltà u l-koordinazzjoni bejn il-forzi ta' sigurtà interna tal-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel, kif ukoll billi tappoġġa l-kooperazzjoni transkonfinali, billi tappoġġa l-istrutturi ta' kooperazzjoni reġjonali u tikkontribwixxi għat-titjib tal-kapaċitajiet nazzjonali tal-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel. Il-EUCAP Sahel Niger tista' twettaq dawk l-attivitajiet kif meħtieġ fil-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel f'konformità mal-Kunċett ċivil-militari konġunt tal-Operazzjonijiet dwar ir-Reġjonalizzazzjoni tal-PESK. Għal dak il-fini, bl-appoġġ, bħala faċilitatur, taċ-Ċellula ta' Konsulenza u Koordinazzjoni Reġjonali stabbilita ġewwa l-EUCAP Sahel Mali, il-EUCAP Sahel Mali għandha tipprovdi taħriġ, konsulenza u appoġġ speċifiku ieħor lill-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel, skont il-mezzi u l-kapaċitajiet tagħha, fuq talba mill-pajjiż konċernat u b'kont meħud tas-sitwazzjoni ta' sigurtà. Qabel ma tinbeda attività ġdida f'pajjiż tal-G5 tas-Saħel ġdid, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà għandu jiġi infurmat b'dan.”;

    (2)

    fl-Artikolu 13(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

    “L-ammont ta' referenza finanzjarja biex ikopri l-ispiża relatata mal-EUCAP Sahel Niger għall-perijodu mill-1 ta' Ottubru 2018 sat-30 ta' Settembru 2020 għandu jkun ta' EUR 63 400 000,00.”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Mejju 2019.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    C.B. MATEI


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/392/PESK tas-16 ta' Lulju 2012 dwar il-missjoni ta' PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger) (ĠU L 187, 17.7.2012, p. 48).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1247 tat-18 ta' Settembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2012/392/PESK dwar il-missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger) (ĠU L 235, 19.9.2018, p. 7).


    Top