Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R1541

    Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1541 tat-2 ta' Ottubru 2018 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 904/2010 u (UE) 2017/2454 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud

    ST/10472/2018/INIT

    ĠU L 259, 16.10.2018, p. 1–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1541/oj

    16.10.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 259/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2018/1541

    tat-2 ta' Ottubru 2018

    li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 904/2010 u (UE) 2017/2454 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

    Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġislattiva speċjali,

    Billi:

    (1)

    Is-sistema attwali tat-tassazzjoni tal-kummerċ bejn l-Istati Membri hija bbażata fuq arranġamenti tranżitorji introdotti fl-1993 li saru antikwati u suxxettibbli għal frodi fil-kuntest ta' sistema tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) kumplessa ħafna. F'Ottubru 2017, il-Kummissjoni ressqet proposta leġislattiva li tistabbilixxi l-prinċipji għal sistema definittiva tal-VAT għall-kummerċ transfruntier bejn in-negozji bejn l-Istati Membri li tkun ibbażata fuq it-tassazzjoni tal-provvisti transfruntiera fl-Istat Membru ta' destinazzjoni. Peress li s-sistema definittiva tal-VAT għall-kummerċ intra-Unjoni tista' tieħu diversi snin biex tkun implimentata b'mod sħiħ, hemm bżonn ta' miżuri fuq perjodu qasir li jiġġieldu l-frodi tal-VAT transfruntiera b'mod aktar effettiv u f'waqtu. It-titjib u s-simplifikazzjoni tal-istrumenti ta' kooperazzjoni amministrattiva, b'mod partikolari l-Eurofisc, huma wkoll ta' importanza sinifikanti fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT inġenerali u biex tissaħħaħ il-fiduċja bejn l-awtoritajiet tat-taxxa qabel ma tiġi introdotta s-sistema definittiva tal-VAT.

    (2)

    Ta' spiss ikollhom jitwettqu inkjesti amministrattivi għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT, b'mod partikolari meta l-persuna taxxabbli ma tkunx stabbilita fl-Istati Membri fejn tkun trid titħallas it-taxxa. Biex jiġi żgurat l-infurzar xieraq tal-VAT u biex jiġu evitati x-xogħol doppju u l-piż amministrattiv tal-awtoritajiet tat-taxxa u tan-negozji, meta mill-inqas żewġ Stati Membri jqisu li tkun meħtieġa inkjesta amministrattiva fl-ammonti ddikjarati minn persuna taxxabbli mhux stabbilita fit-territorju tagħhom iżda taxxabbli fih, jenħtieġ li l-inkjesta titwettaq mill-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-persuna taxxabbli sakemm ma jkunx kapaċi jipprovdi l-informazzjoni mitluba. L-Istati Membri rikjedenti jenħtieġ li jkunu lesti jassistu lill-Istat Membru ta' stabbiliment billi jieħdu sehem b'mod attiv fl-inkjesta. Peress li l-uffiċjali tal-Istati Membri rikjedenti jista' jkollhom għarfien aħjar tal-fatti u ċ-ċirkostanzi tal-każ u fejn l-Istat Membru rikjest ma jkunx ħtieġ uffiċjali mill-Istati Membri rikjedenti, jenħtieġ li l-uffiċjali ta' dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jkunu preżenti waqt l-inkjesta amministrattiva sa fejn ikunu ssodisfati l-kondizzjonijiet għal tali preżenza fil-qafas tal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rikjest. F'din l-okkażjoni, jenħtieġ li l-uffiċjali tal-Istati Membri rikjedenti jkollhom aċċess għall-istess bini u dokumenti bħall-uffiċjali tal-Istat Membru rikjest permezz tal-intermedjazzjoni tagħhom. Fejn il-leġislazzjoni tal-Istat Membru rikjest fiha tali kondizzjonijiet għall-provvediment tal-preżenza jenħtieġ li jkun preżunt li l-Istat Membru rikjest għandu jwettaq l-azzjonijiet meħtieġa biex jissodisfa dawn il-kondizzjonijiet. Fi kwalunkwe każ, jenħtieġ li uffiċjali mill-Istati Membri rikjedenti, fejn iqisuh meħtieġ, ikollhom il-possibbiltà li jkunu preżenti għal konsultazzjoni dwar l-inkjesta fl-Istat Membru rikjest mal-uffiċjali tiegħu wara li jinfurmawhom. L-għan ta' tali konsultazzjoni jista' jkun biex ikun hemm skambju ta' fehmiet u ta' informazzjoni dwar l-iżvilupp tal-inkjesta u biex jiġu proposti u diskussi azzjonijiet possibbli.

    (3)

    It-trażmissjoni ta' informazzjoni mingħajr talba minn qabel lill-awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri oħra skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 (3) jenħtieġ li tkun kemm jista' jkun sempliċi u effettiva. Għalhekk huwa neċessarju li l-awtoritajiet kompetenti jitħallew jittrażmettu l-informazzjoni b'mezzi oħra minbarra l-formoli standard meta jqisu mezzi sikuri oħra aktar xierqa u jaqblu li jużawhom jew meta l-informazzjoni tkun ġiet riċevuta minn pajjiż terz.

    (4)

    L-eżenzjoni mill-VAT għall-importazzjonijiet ta' merkanzija prevista fl-Artikolu 143(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (4) (“il-proċeduri doganali 42 u 63”) tiġi ta' sikwit abbużata u l-merkanzija tiġi ddevjata għas-suq illeċitu mingħajr ma titħallas VAT. Għalhekk huwa essenzjali li, meta l-uffiċjali doganali jivverifikaw jekk humiex issodisfati r-rekwiżiti għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni, dawn ikollhom aċċess għar-reġistru tan-numri ta' identifikazzjoni tal-VAT u d-dikjarazzjonijiet rikapitulattivi. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-informazzjoni miġbura mill-awtoritajiet doganali, bħala parti minn din il-proċedura, tkun disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun mistenni li jsir l-akkwist intra-Komunitarju sussegwenti.

    (5)

    Biex tiġi indirizzata l-frodi li tirriżulta mis-sistema doppja tal-VAT applikabbli għall-karozzi, jenħtieġ li l-uffiċjali ta' kollegament tal-Eurofisc ikunu jistgħu jaċċessaw id-data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi b'mod awtomatizzat. Din id-data tippermettilhom jidentifikaw malajr min ikun wettaq tranżazzjonijiet frawdolenti u fejn ikunu twettqu. Jenħtieġ li tali aċċess ikun disponibbli permezz tal-applikazzjoni tas-softwer tas-Sistema ta' Informazzjoni Ewropea tal-Liċenzji tal-Vetturi u tas-Sewqan (EUCARIS), li l-użu tagħha huwa obbligatorju għall-Istati Membri skont id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/615/ĠAI (5) u 2008/616/ĠAI (6), fir-rigward tad-data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi.

    (6)

    Biex jiġu żgurati l-kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess awtomatizzat għall-informazzjoni miġbura mill-awtoritajiet doganali u għad-data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta' implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

    (7)

    Bil-għan li jiġi żgurat il-monitoraġġ effettiv u effiċjenti tal-VAT fit-tranżazzjonijiet transfruntiera, ir-Regolament (UE) Nru 904/2010 jipprevedi l-preżenza ta' uffiċjali fl-uffiċċji amministrattivi u waqt l-inkjesti amministrattivi fi Stati Membri oħra. Sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-awtoritajiet tat-taxxa biex jivverifikaw il-provvisti transfruntiera, jenħtieġ li jkun hemm inkjesti amministrattivi li jitwettqu b'mod konġunt li jippermettu lill-uffiċjali minn żewġ Stati Membri jew aktar jagħmlu parti minn tim wieħed u jieħdu sehem b'mod attiv f'inkjesta amministrattiva li titwettaq b'mod konġunt.

    (8)

    Sabiex tiġi miġġielda il-frodi transfruntiera l-aktar serja, jenħtieġ li jiġu ċċarati u msaħħa l-governanza, il-kompiti u l-funzjonament tal-Eurofisc. Jenħtieġ li l-uffiċjali ta' kollegament tal-Eurofisc ikunu jistgħu jaċċessaw, jiskambjaw, jipproċessaw u janalizzaw malajr l-informazzjoni kollha meħtieġa u jikkoordinaw kull azzjoni ta' segwitu. Madankollu, tali koordinazzjoni ma timplikax id-dritt li tintalab xi azzjoni ta' inkjesta speċifika mill-Istat Membru parteċipanti. Huwa meħtieġ ukoll li tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT fil-livell tal-Unjoni, b'mod partikolari billi l-koordinaturi tal-oqsma ta' ħidma tal-Eurofisc jingħataw il-kapaċità li jitolbu informazzjoni mmirata mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (“Europol”) u l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (“OLAF”). Għalhekk, sabiex jirċievu bħala skambju informazzjoni rilevanti miżmuma mill-Europol u l-OLAF, il-koordinaturi tal-oqsma ta' ħidma tal-Eurofisc jenħtieġ li jkunu jistgħu jibagħtu kull informazzjoni neċessarja lill-Europol u lill-OLAF.

    (9)

    Biex ikunu żgurati l-kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-Eurofisc, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta' implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    (10)

    L-organizzazzjoni tat-trażmissjoni tat-talbiet għal rifużjonijiet tal-VAT - skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE (8) toffri l-opportunità li jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-awtoritajiet kompetenti biex jirkupraw obbligazzjonijiet ta' taxxa mhux imħallsa fl-Istat Membru ta' stabbiliment.

    (11)

    L-Istati Membri jistgħu jikkomunikaw ukoll informazzjoni rilevanti lill-OLAF meta jqisu li dan ikun xieraq, Dan jippermetti lill-OLAF jissodisfa l-mandat tiegħu li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi kontra l-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u jipprovdi assistenza lill-Istati Membri biex jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom ħalli jħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kontra l-frodi.

    (12)

    Il-Kummissjoni jista' jkollha aċċess għall-informazzjoni kkomunikata jew miġbura skont ir-Regolament (UE) Nru 904/2010 biss meta dan ikun meħtieġ għall-kura, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tas-sistemi elettroniċi ospitati mill-Kummissjoni u użati mill-Istati Membri għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.

    (13)

    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) japplika għall-ipproċessar tad-data personali għall-fini tar-Regolament (UE) Nru 904/2010. Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) japplika għall-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni għall-fini ta' dak ir-Regolament. Il-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT hija rikonoxxuta bħala objettiv importanti ta' interess pubbliku ġenerali kemm tal-Unjoni kif ukoll tal-Istati Membri tagħha. Għall-finijiet tal-ksib tal-objettivi tar-Regolament (UE) Nru 904/2010, jiġifieri l-objettiv ta' kooperazzjoni u skambju ta' informazzjoni li tgħin biex tiġi effettwata valutazzjoni korretta tal-VAT, biex isir monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-VAT, b'mod partikolari ta' tranżazzjonijiet intra-Komunitarji, u biex tiġi miġġielda l-frodi tal-VAT, huwa adatt li jkunu previsti restrizzjonijiet speċifiċi u limitati fuq ċerti drittijiet u obbligi stipulati mir-Regolament (UE) 2016/679.

    (14)

    B'mod aktar speċifiku, l-applikazzjoni sħiħa tad-drittijiet u l-obbligi previsti fir-Regolament (UE) 2016/679 iddgħajjef serjament l-effettività tal-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT peress li b'mod partikolari tippermetti li s-suġġetti tad-data jfixklu l-investigazzjonijiet u l-ipprofilar tar-riskju li għaddejjin. Dan jipperikola inkjesti, analiżi, investigazzjonijiet jew proċeduri uffiċjali jew legali li jitwettqu f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 904/2010. Dan jiddiżattiva wkoll il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet kompetenti li huma strument ewlieni għall-fini tal-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT. Konsegwentement, jenħtieġ li jkunu previsti restrizzjonijiet fir-rigward tad-dritt għall-informazzjoni trasparenti, id-dritt li tiġi riċevuta informazzjoni fejn tinġabar id-data personali mis-suġġett tad-data, id-dritt li tiġi riċevuta informazzjoni fejn ma tkunx inkisbet id-data personali mis-suġġett tad-data, id-dritt ta' aċċess mis-suġġett tad-data, id-dritt għal tħassir, id-dritt għall-oġġezzjoni tal-ipproċessar ta' data personali u d-dritt li jikkonċerna t-teħid ta' deċiżjonijiet individwali awtomatizzat, inkluż l-ipprofilar. L-eżerċizzju ta' dawn id-drittijiet jenħtieġ li jkun ristrett biss għall-perijodu li jkun neċessarju sabiex ma jkunux imminati l-finijiet segwiti skont l-Artikolu 1tar-Regolament (UE) Nru 904/2010. Jenħtieġ li din ir-restrizzjoni tapplika biss fir-rigward ta' ċerti kategoriji tad-data msemmija fl-Artikoli 1, 14 u 17 ta' dak ir-Regolament sa fejn ikun strettament neċessarju sabiex tkun żgurata l-konformità mal-leġislazzjoni tal-VAT, u mad-dispożizzjonijiet relevanti ta' dan ir-Regolament.

    (15)

    Peress li l-objettiv tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-individwazzjoni tal-evażjoni tal-VAT u l-frodi tal-VAT ma jistax jinkiseb minn mezzi oħra inqas restrittivi ta' effettività ugwali, dawn ir-restrizzjonijiet huma strettament neċessarji biex jinkiseb l-iskop speċifiku inkwistjoni. Huma wkoll proporzjonati fid-dawl tat-telf ta' dħul għall-Unjoni u l-Istati Membri u l-importanza kruċjali li l-informazzjoni ssir disponibbli sabiex tiġi miġġielda l-frodi b'mod effettiv. L-ipproċessar u l-ħżin tal-informazzjoni miġbura u skambjata skont dan ir-Regolament huma limitati għall-objettivi tal-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT. L-informazzjoni miġbura u skambjata skont dan ir-Regolament ma tikkonċernax data sensittiva. Ma tistax tiġi pproċessata ulterjorment b'mod li jkun inkompatibbli ma' tali finijiet, inkluż il-projbizzjoni li tiġi pproċessata għal finijiet kummerċjali. Fir-rigward tas-salvagwardji għall-prevenzjoni tal-abbuż jew tal-aċċess jew trasferiment illegali, ir-Regolament (UE) Nru 904/2010 diġà jipprevedi kondizzjonijiet dettaljati dwar l-aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data u l-użu sussegwenti tagħha sabiex jinkiseb l-għan ġenerali ta' dak ir-Regolament. Il-perijodu ta' żamma tad-data jenħtieġ li jkun limitat għal dak li huwa neċessarju għall-fini li jinkisbu l-objettivi segwiti.

    (16)

    Peress li r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/2454 (11) emenda wkoll l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 904/2010, b'applikazzjoni mill-1 ta' Jannar 2021, huwa meħtieġ li jiġi emendat ir-Regolament (UE) 2017/2454 biex jiġu aġġornati l-kontroreferenzi rilevanti għal dak l-Artikolu. Peress li r-Regolament (UE) 2017/2454 emenda wkoll l-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 904/2010, b'applikazzjoni mill-1 ta' Jannar 2021, huwa meħtieġ li jiġi emendat ir-Regolament (UE) 2017/2454 peress li l-Anness I ma għadux meħtieġ u għalhekk jenħtieġ li jitħassar.

    (17)

    Peress li l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess awtomatizzat għall-informazzjoni miġbura mill-awtoritajiet doganali u għad-data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi tirrikjedi żviluppi teknoloġiċi ġodda, huwa neċessarju li tiġi differita l-applikazzjoni tagħhom biex l-Istati Membri u l-Kummissjoni jkunu jistgħu jwettqu dawk l-iżviluppi.

    (18)

    Peress li l-objettivi ta' dan ir-Regolament, jiġifieri t-titjib tal-istrumenti ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-ġlieda kontra l-frodi transfruntiera fil-qasam tal-VAT, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jintlaħqu dawk l-objettivi.

    (19)

    Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) 45/2001 u ta l-kummenti formali tiegħu fil-21 ta' Marzu 2018.

    (20)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 904/2010 u r-Regolament (UE) 2017/2454 jiġu emendati skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi tar-Regolament (UE) Nru 904/2010

    Ir-Regolament (UE) Nru 904/2010 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    jitħassar il-paragrafu 3;

    (b)

    il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “4.   It-talba msemmija fil-paragrafu 1 tista' tinkludi talba motivata għal inkjesta amministrattiva speċifika. L-awtorità rikjesta għandha twettaq l-inkjesta amministrattiva f'konsultazzjoni mal-awtorità rikjedenti fejn meħtieġ. Jekk l-awtorità rikjesta tkun tal-fehma li mhi meħtieġa l-ebda inkjesta amministrattiva, din għandha tinforma minnufih lill-awtorità rikjedenti bir-raġunijiet għal dan.

    Minkejja l-ewwel subparagrafu, inkjesta dwar l-ammonti ddikjarati jew dawk li jenħtieġu li ġew iddikjarati minn persuna taxxabbli stabbilita fl-Istat Membru tal-awtorità rikjesta, b'rabta ma' provvisti ta' merkanzija jew servizzi li jkunu saru minn din il-persuna taxxabbli u li jkunu taxxabbli fl-Istat Membru tal-awtorità rikjedenti, tista' tiġi rifjutata biss għal xi waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

    (a)

    għar-raġunijiet previsti fl-Artikolu 54(1), ivvalutati mill-awtorità rikjesta skont id-dikjarazzjoni tal-aħjar prattiki dwar l-interazzjoni ta' dan il-paragrafu u l-Artikolu 54(1), li għandha tiġi adottata skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 58(2);

    (b)

    għar-raġunijiet previsti fl-Artikolu 54(2), (3) u (4);

    (c)

    għar-raġunijiet li l-awtorità rikjesta tkun diġà pprovdiet lill-awtorità rikjedenti bl-informazzjoni dwar l-istess persuna taxxabbli, bħala riżultat ta' inkjesta amministrattiva mwettqa inqas minn sentejn qabel.

    Meta l-awtorità rikjesta tirrifjuta inkjesta amministrattiva msemmija fit-tieni subparagrafu għar-raġunijiet stabbiliti fil-punt (a) jew (b), hija għandha xorta waħda tipprovdi lill-awtorità rikjedenti bid-dati u bl-ammonti ta' kull provvista rilevanti magħmula mill-persuna taxxabbli fl-Istat Membru tal-awtorità rikjedenti matul l-aħħar sentejn.”;

    (c)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “4a.   Fejn l-awtoritajiet kompetenti ta' mill-inqas żewġ Stati Membri jqisu li tkun meħtieġa inkjesta amministrattiva fl-ammonti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu u jippreżentaw talba motivata komuni li fiha indikazzjonijiet jew evidenza ta' riskji ta' evażjoni jew frodi tal-VAT, l-awtorità rikjesta ma għandhiex tirrifjuta li twettaq dik l-inkjesta ħlief għar-raġunijiet previsti fil-punt (b) tal-Artikolu 54 (1), l-Artikolu 54(2), (3) jew (4). Fejn l-Istat Membru rikjest diġà għandu l-informazzjoni mitluba, dan għandu jipprovdi din l-informazzjoni lill-Istati Membri rikjedenti. Fejn l-Istati Membri rikjedenti ma jkunux issodisfati bl-informazzjoni riċevuta, għandhom jinfurmaw lill-Istat Membru rikjest biex ikompli jipproċedi bl-inkjesta amministrattiva.

    Jekk l-Istat Membru rikjest ikun jeħtieġ hekk, l-uffiċjali awtorizzati mill-awtoritajiet rikjedenti għandhom jieħdu sehem fl-inkjesta amministrattiva. Tali inkjesta amministrattiva għandha titwettaq b'mod konġunt u għandha titwettaq taħt id-direzzjoni u skont il-leġislazzjoni tal-Istat Membru rikjest. L-uffiċjali tal-awtoritajiet rikjedenti għandu jkollhom aċċess għall-istess postijiet u dokumenti bħall-uffiċjali tal-awtorità rikjesta u, sa fejn ikun permess skont il-leġislazzjoni tal-Istat Membru rikjest għall-uffiċjali tiegħu, ikunu jistgħu jagħmlu intervista ma' persuni taxxabbli. Is-setgħat ta' spezzjoni tal-uffiċjali tal-awtoritajiet rikjedenti għandhom jiġu eżerċitati għall-fini unika li titwettaq l-inkjesta amministrattiva.

    Fejn l-Istat Membru rikjest ma jkunx ħtieġ uffiċjali mill-Istati Membri rikjedenti, l-uffiċjali minn kwalunkwe Stat Membru rikjedenti għandhom ikunu jistgħu jkunu preżenti waqt l-inkjesta amministrattiva u jeżerċitaw is-setgħat previsti fl-Artikolu 28(2), sa fejn ikunu ssodisfati l-kondizzjonijiet taħt il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rikjest. Fi kwalunkwe każ, l-uffiċjali minn dawk l-Istati Membri rikjedenti għandhom ikunu jistgħu jkunu preżenti għal konsultazzjoni.

    Fejn l-uffiċjali mill-Istati Membri rikjedenti jkollhom jipparteċipaw jew ikollhom ikunu preżenti, l-inkjesta amministrattiva għandha titwettaq biss meta tkun żgurata t-tali parteċipazzjoni jew preżenza għall-finijiet tal-inkjesta amministrattiva.”;

    (2)

    fl-Artikolu 13, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “3.   L-informazzjoni għandha tintbagħat permezz ta' formoli standard ħlief fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 50 jew f'każijiet speċifiċi meta l-awtoritajiet kompetenti rispettivi jqisu li mezzi siguri oħra jkunu aktar xierqa u jaqblu li jużawhom.

    Il-Kummissjoni għandha tadotta permezz ta' atti ta' implimentazzjoni l-formoli standard. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 58(2).”;

    (3)

    L-Artikolu 17 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 1, jiżdied il-punt li ġej:

    “(f)

    l-informazzjoni li jiġbor skont il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 143(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, kif ukoll il-pajjiż tal-oriġini, il-pajjiż tad-destinazzjoni, il-kodiċi tal-prodott, il-munita, l-ammont totali, ir-rata tal-kambju, il-prezz tal-oġġett u l-piż nett.”;

    (b)

    il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta permezz ta' atti ta' implimentazzjoni d-dettalji tekniċi dwar l-inkjesta awtomatizzata tal-informazzjoni msemmija fil-punti (a) sa (f) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 58(2).”;

    (c)

    jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “3.   Il-Kummissjoni għandha tiddetermina permezz ta' atti ta' implimentazzjoni l-elementi tad-data tal-informazzjoni msemmija fil-punt (f) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 58(2).”;

    (4)

    L-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “1a.   Kull Stat Membru għandu jagħti lill-uffiċjali tiegħu li jivverifikaw ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 143(2) tad-Direttiva 2006/112/KE aċċess għall-informazzjoni msemmija fil-punti (a) sa (c) tal-Artikolu(17)(1) ta' dan ir-Regolament li għalihom jingħata aċċess awtomatizzat mill-Istati Membri l-oħra.”;

    (b)

    fil-paragrafu 2, il-punt (e) huwa emendat kif ġej:

    (i)

    il-punti (i) u (ii) huma sostitwiti b'dan li ġej:

    “(i)

    l-aċċess huwa marbut ma' investigazzjoni dwar suspett ta' frodi jew biex jiġi individwat frodi;

    (ii)

    l-aċċess jingħata permezz ta' uffiċjal ta' kollegament tal-Eurofisc, kif imsemmi fl-Artikolu 36(1), li jkollu identifikazzjoni personali tal-utent għas-sistemi elettroniċi li jippermettu l-aċċess għal din l-informazzjoni.”;

    (ii)

    jitħassar il-punt (iii);

    (c)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “2a.   Fir-rigward tal-informazzjoni msemmija fil-punt (f) tal-Artikolu 17(1), id-dettalji li ġejjin għandhom ikunu aċċessibbli:

    (a)

    in-numri ta' identifikazzjoni tal-VAT maħruġa mill-Istat Membru li qed jirċievi l-informazzjoni;

    (b)

    in-numri ta' identifikazzjoni tal-VAT tal-importatur jew tar-rappreżentant tat-taxxa tiegħu li jforni l-merkanzija lill-persuni li għandhom numru ta' identifikazzjoni tal-VAT imsemmi fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu;

    (c)

    il-pajjiż tal-oriġini, il-pajjiż tad-destinazzjoni, il-kodiċi tal-prodott, l-ammont totali u l-piż nett tal-merkanzija importata segwiti bi provvista intra-Komunitarja ta' merkanzija minn kull persuna msemmija fil-punt (b) ta' dan il-paragrafu għal kull persuna li għandha numru ta' identifikazzjoni tal-VAT imsemmi fil-punt (a) ta' dan il-paragrafu;

    (d)

    il-pajjiż tal-oriġini, il-pajjiż tad-destinazzjoni, il-kodiċi tal-prodott, il-munita, l-ammont totali, ir-rata tal-kambju, il-prezz tal-oġġett u l-piż nett tal-merkanzija importata segwiti bi provvista intra-Komunitarja ta' merkanzija minn kull persuna msemmija fil-punt (b) ta' dan il-paragrafu għal kull persuna li għandha numru ta' identifikazzjoni tal-VAT maħruġ minn Stat Membru ieħor skont il-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (i)

    l-aċċess huwa marbut ma' investigazzjoni dwar suspett ta' frodi jew biex jiġi individwat frodi;

    (ii)

    l-aċċess jingħata permezz ta' uffiċjal ta' kollegament tal-Eurofisc, kif imsemmi fl-Artikolu 36(1), li jkollu identifikazzjoni personali tal-utent għas-sistemi elettroniċi li jippermettu l-aċċess għal din l-informazzjoni.

    Il-valuri msemmija fil-punti (c) u (d) tal-ewwel subparagrafu għandhom jingħataw fil-munita tal-Istat Membru li jipprovdi l-informazzjoni u għandhom jirreferu għal kull element ta' merkanzija tad-dikjarazzjoni doganali.”;

    (d)

    jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “3.   Il-Kummissjoni għandha tiddetermina permezz ta' atti ta' implimentazzjoni l-arranġamenti prattiċi dwar il-kondizzjonijiet previsti fil-punt (e) tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu sabiex l-Istat Membru li qed jipprovdi l-informazzjoni jkun jista' jidentifika l-uffiċjal ta' kollegament tal-Eurofisc li jkollu aċċess għall-informazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 58(2).”;

    (e)

    il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “3.   Il-Kummissjoni għandha tiddetermina permezz ta' atti ta' implimentazzjoni l-arranġamenti prattiċi dwar il-kondizzjonijiet previsti fil-punt (e) tal-paragrafu 2, u fil-punt (d) tal-paragrafu 2a, ta' dan l-Artikolu sabiex l-Istat Membru li jipprovdi l-informazzjoni jkun jista' jidentifika l-uffiċjal ta' kollegament tal-Eurofisc li jkollu aċċess għall-informazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 58(2).”;

    (5)

    jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 21a

    1.   Kull Stat Membru għandu jagħti lill-awtorità kompetenti ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor aċċess awtomatizzat għall-informazzjoni li ġejja dwar ir-reġistrazzjonijiet tal-vetturi nazzjonali:

    (a)

    id-data ta' identifikazzjoni dwar il-vetturi;

    (b)

    id-data ta' identifikazzjoni dwar is-sidien u d-detenturi tal-vettura li f'isimhom tkun irreġistrata l-vettura, kif definit fil-liġi tal-Istat Membru tar-reġistrazzjoni.

    2.   L-aċċess għall-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandu jingħata skont il-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-aċċess huwa marbut ma' investigazzjoni dwar suspett ta' frodi tal-VAT jew biex jiġi individwat frodi tal-VAT;

    (b)

    l-aċċess jingħata permezz ta' uffiċjal ta' kollegament tal-Eurofisc, kif imsemmi fl-Artikolu 36(1), li jkollu identifikazzjoni personali tal-utent għas-sistemi elettroniċi li jippermettu l-aċċess għal din l-informazzjoni.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tiddetermina permezz ta' atti ta' implimentazzjoni l-elementi tad-data u d-dettalji tekniċi li jikkonċernaw it-tiftix awtomatizzat tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u l-arranġamenti prattiċi dwar il-kondizzjonijiet previsti fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu sabiex l-Istat Membru li jipprovdi l-informazzjoni jkun jista' jidentifika l-uffiċjali ta' kollegament tal-Eurofisc li jkollu aċċess għall-informazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 58(2).”;

    (6)

    l-Artikolu 24 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 24

    Fejn, għall-finijiet tal-Artikoli 17 sa 21a, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jiskambjaw informazzjoni b'mezzi elettroniċi, huma għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw il-konformità mal-Artikolu 55.

    L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-iżviluppi kollha meħtieġa għas-sistemi tagħhom biex jippermettu l-iskambju ta' dik l-informazzjoni bl-użu tan-netwerk CCN/CSI jew bi kwalunkwe netwerk simili ieħor użat għall-iskambju ta' informazzjoni msemmi fl-Artikolu 21a b'mezzi elettroniċi.”;

    (7)

    it-titolu tal-Kapitolu VII huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “PREŻENZA F'UFFIĊĊJI AMMINISTRATTIVI U MATUL INKJESTI AMMINISTRATTIVI U INKJESTI AMMINISTRATTIVI MWETTQA B'MOD KONĠUNT”;

    (8)

    l-Artikolu 28 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “2a.   Bi ftehim bejn l-awtoritajiet rikjedenti u l-awtorità rikjesta, u f'konformità mal-arranġamenti stabbiliti minn din tal-aħħar, uffiċjali awtorizzati mill-awtoritajiet rikjedenti, bil-ħsieb li jiġbru u jiskambjaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1, jistgħu jieħdu sehem fl-inkjesti amministrattivi mwettqa fit-territorju tal-Istat Membru rikjest. Tali inkjesti amministrattivi għandhom jitwettqu b'mod konġunt mill-uffiċjali tal-awtoritajiet rikjedenti u dawk rikjesti u għandhom jitwettqu taħt id-direzzjoni u skont il-leġislazzjoni tal-Istat Membru rikjest. L-uffiċjali tal-awtoritajiet rikjedenti għandu jkollhom aċċess għall-istess postijiet u dokumenti bħall-uffiċjali tal-awtorità rikjesta u, sa fejn ikun permess skont il-leġislazzjoni tal-Istat Membru rikjest għall-uffiċjali tiegħu, ikunu jistgħu jagħmlu intervista ma' persuni taxxabbli.

    Meta huwa permess skont il-leġislazzjoni tal-Istat Membru rikjest, l-uffiċjali tal-Istati Membri rikjedenti għandhom jeżerċitaw l-istess setgħat ta' spezzjoni bħal dawk ikkonferiti fuq uffiċjali tal-Istat Membru rikjest.

    Is-setgħat ta' spezzjoni tal-uffiċjali tal-awtoritajiet rikjedenti għandhom jiġu eżerċitati għall-fini unika li titwettaq l-inkjesta amministrattiva.

    Bi qbil bejn l-awtoritajiet rikjedenti u l-awtorità rikjesta, u f'konformità mal-arranġamenti stabbiliti mill-awtorità rikjesta, l-awtoritajiet parteċipanti jistgħu jabbozzaw rapport ta' inkjesta komuni.”;

    (b)

    il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “3.   L-uffiċjali tal-awtorità rikjedenti preżenti fi Stat Membru ieħor skont il-paragrafi 1, 2 u 2a jridu f'kull waqt ikunu jistgħu juru l-awtorizzazzjoni bil-miktub li tiddikjara l-identità u l-kariga uffiċjali tagħhom.”;

    (9)

    l-Artikolu 33 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “1.   Sabiex tiġi promossa u ffaċilitata l-kooperazzjoni multilaterali fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT, dan il-Kapitolu jistabbilixxi netwerk għall-iskambju, l-ipproċessar u l-analiżi fil-pront ta' informazzjoni mmirata dwar frodi transfruntiera bejn l-Istati Membri u għall-koordinazzjoni ta' kwalunkwe azzjoni ta' segwitu (“Eurofisc”).”;

    (b)

    il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

    (i)

    il-punti (b) u (c) huma sostitwiti b'dan li ġej:

    “(b)

    iwettqu u jikkoordinaw l-iskambju multilaterali fil-pront u l-ipproċessar u l-analiżi konġunti ta' informazzjoni mmirata dwar frodi transkonfinali fl-oqsma ta' ħidma li fihom topera l-Eurofisc (“l-oqsma ta' ħidma tal-Eurofisc”);

    (c)

    jikkoordinaw il-ħidma tal-uffiċjali ta' kollegament tal-Eurofisc kif imsemmi fl-Artikolu 36(1) tal-Istati Membri parteċipanti li jaġixxu fuq it-twissijiet u l-informazzjoni li jirċievu;”;

    (ii)

    jiżdied il-punt li ġej:

    “(d)

    jikkoordinaw l-inkjesti amministrattivi tal-Istati Membri parteċipanti ta' frodi identifikata mill-uffiċjali ta' kollegament tal-Eurofisc kif imsemmi fl-Artikolu 36(1) mingħajr is-setgħa li l-Istati Membri jkunu jeħtieġu jwettqu inkjesti amministrattivi.”;

    (10)

    fl-Artikolu 34, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “2.   L-Istati Membri li jkunu għażlu li jieħdu sehem f'qasam ta' ħidma tal-Eurofisc għandhom jipparteċipaw b'mod attiv fl-iskambju multilaterali u l-ipproċessar u l-analiżi konġunti ta' informazzjoni mmirata dwar frodi transkonfinali bejn l-Istati Membri parteċipanti kollha u fil-koordinazzjoni ta' kull azzjoni ta' segwitu.”;

    (11)

    l-Artikolu 35 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 35

    Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Eurofisc b'appoġġ tekniku u loġistiku. Il-Kummissjoni ma għandux ikollha aċċess għall-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1, li tista' tiġi skambjata fil-Eurofisc, għajr fiċ-ċirkostanzi previsti fl-Artikolu 55(2).”;

    (12)

    l-Artikolu 36 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “1a.   L-uffiċjali ta' kollegament tal-Istati Membri għandhom jaħtru president tal-Eurofisc fost l-uffiċjali ta' kollegament tal-Eurofisc, għal perjodu limitat ta' żmien.

    L-uffiċjali ta' kollegament tal-Istati Membri għandhom:

    (a)

    jaqblu dwar l-istabbiliment u t-terminazzjoni tal-oqsma ta' ħidma tal-Eurofisc;

    (b)

    jeżaminaw kull kwistjoni relatata mal-funzjonament operazzjonali tal-Eurofisc;

    (c)

    jivvalutaw, tal-inqas fuq bażi annwali, l-effikaċja u l-effiċjenza tal-operat tal-attivitajiet tal-Eurofisc;

    (d)

    japprovaw ir-rapport annwali, imsemmi fl-Artikolu 37.”;

    (b)

    il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “2.   L-uffiċjali ta' kollegament tal-Istati Membri li jipparteċipaw f'qasam ta' ħidma partikolari tal-Eurofisc (“l-uffiċjali ta' kollegament parteċipanti tal-Eurofisc”) għandhom jaħtru koordinatur tal-qasam ta' ħidma tal-Eurofisc, fost l-uffiċjali ta' kollegament parteċipanti tal-Eurofisc, għal perijodu limitat ta' żmien.

    Il-koordinaturi tal-oqsma ta' ħidma tal-Eurofisc, għandhom:

    (a)

    jiġbru flimkien l-informazzjoni li jirċievu mill-uffiċjali ta' kollegament parteċipanti tal-Eurofisc kif maqbul mill-parteċipanti fl-oqsma ta' ħidma u jqiegħdu l-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tal-uffiċjali ta' kollegament parteċipanti l-oħra tal-Eurofisc; din l-informazzjoni għandha tiġi skambjata b'mezzi elettroniċi;

    (b)

    jiżguraw li l-informazzjoni rċevuta mill-uffiċjali ta' kollegament parteċipanti tal-Eurofisc tiġi pproċessata u analizzata flimkien mal-informazzjoni mmirata rilevanti dwar frodi transkonfinali kkomunikata jew miġbura skont dan ir-Regolament, kif maqbul mill-parteċipanti fl-oqsma ta' ħidma, u jqiegħdu r-riżultat disponibbli għall-uffiċjali ta' kollegament parteċipanti kollha tal-Eurofisc;

    (c)

    jipprovdu feedback lill-uffiċjali ta' kollegament parteċipanti tal-Eurosfisc kollha;

    (d)

    jippreżentaw rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-oqsma ta' ħidma lill-uffiċjali ta' kollegament tal-Istati Membri.”;

    (c)

    jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

    “3.   Il-koordinaturi tal-oqsma ta' ħidma tal-Eurofisc jistgħu jitolbu informazzjoni rilevanti mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (“Europol”) u l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (“OLAF”). Għal dan l-iskop u kif maqbul mill-parteċipanti fl-oqsma ta' ħidma huma jistgħu jibagħtulhom informazzjoni kemm meħtieġa sabiex jirċievu l-informazzjoni mitluba.

    4.   Il-koordinaturi tal-oqsma ta' ħidma tal-Eurofisc għandhom jqiegħdu l-informazzjoni li tasal mingħand il-Europol u l-OLAF għad-dispożizzjoni tal-uffiċjali ta' kollegament parteċipanti l-oħra tal-Eurofisc; din l-informazzjoni għandha tiġi skambjata b'mezzi elettroniċi.

    5.   Il-koordinaturi tal-oqsma ta' ħidma tal-Eurofisc għandhom jiżguraw ukoll li l-informazzjoni li tasal mingħand il-Europol u l-OLAF tiġi proċessata u analizzata flimkien mal-informazzjoni mmirata rilevanti kkomunikata jew miġbura skont dan ir-Regolament, kif maqbul mill-parteċipanti fl-oqsma ta' ħidma, u jqiegħdu r-riżultati għad-dispożizzjoni tal-uffiċjali ta' kollegament parteċipanti tal-Eurofisc.”;

    (13)

    l-Artikolu 37 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 37

    Il-president tal-Eurofisc għandu jippreżenta rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-oqsma kollha ta' ħidma lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 58(1).

    Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, l-arranġamenti proċedurali fir-rigward tal-Eurofisc. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 58(2).”;

    (14)

    fl-Artikolu 48(1), jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

    “Meta l-Istat Membru ta' stabbiliment isir jaf li persuna taxxabbli li tagħmel talba għal rifużjoni tal-VAT, skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/9/KE, għandha obbligazzjonijiet tat-taxxa f'dak l-Istat Membru ta' stabbiliment, dan jista' jitlob il-kunsens tal-persuna taxxabbli għat-trasferiment tar-rifużjoni tal-VAT direttament lil dan l-Istat Membru biex jiġu rilaxxati l-obbligazzjonijiet pendenti tat-taxxa. Meta l-persuna taxxabbli tagħti l-kunsens għal dan it-trasferiment, l-Istat Membru ta' stabbiliment għandu jinforma lill-Istat Membru ta' rifużjoni l-ammont li dwaru jinkiseb il-kunsens u l-Istat Membru ta' rifużjoni, f'isem il-persuna taxxabbli, għandu jittrasferixxi dan l-ammont lill-Istat Membru ta' stabbiliment. L-Istat Membru ta' stabbiliment għandu jinforma lill-persuna taxxabbli jekk l-ammont ittrasferit jammontax għal rilaxx sħiħ jew parzjali tal-kwittanza tat-taxxa f'konformità mal-prattiki legali u amministrattivi nazzjonali tiegħu. Madankollu, it-trasferiment tar-rifużjoni tal-VAT fl-Istat Membru ta' stabbiliment ma għandux jaffettwa d-dritt tal-Istat Membru ta' rifużjoni li jirkupra l-obbligazzjonijiet li dik il-persuna taxxabbli għandha f'dak l-Istat Membru.

    Meta l-obbligazzjonijiet tat-taxxa fl-Istat Membru ta' stabbiliment jiġu kkontestati, it-trasferiment tal-ammonti tar-rifużjoni jistgħu jintużaw mill-Istat Membru ta' stabbiliment bħala miżura ta' żamma, bil-kunsens tal-persuna taxxabbli, sakemm jiġi żgurat eżami ġudizzjarju effettiv f'dak l-Istat Membru.”;

    (15)

    it-titolu tal-Kapitolu XIII huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “RELAZZJONIJIET MAL-KUMMISSJONI U MAL-ISTITUZZJONIJIET, KORPI, UFFIĊĊJI U AĠENZIJI OĦRA TAL-UNJONI”;

    (16)

    fl-Artikolu 49, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “2a.   L-Istati Membri jistgħu jikkomunikaw lill-OLAF, kull informazzjoni rilevanti sabiex ikun jista' jqis azzjoni xierqa skont il-mandat tiegħu. Meta dik l-informazzjoni tkun waslet minn Stat Membru ieħor, dan tal-aħħar jista' jirrikjedi li t-trażmissjoni tal-informazzjoni tkun soġġetta għall-qbil minn qabel min-naħa tiegħu.”;

    (17)

    l-Artikolu 55 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “2.   Il-persuni debitament akkreditati mill-Awtorità ta' Akkreditament ta' Sigurtà tal-Kummissjoni jista' jkollhom aċċess biss għal din l-informazzjoni meta dan ikun meħtieġ għall-kura, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tas-sistemi elettroniċi ospitati mill-Kummissjoni u użati mill-Istati Membri biex jimplimentaw dan ir-Regolament.”;

    (b)

    il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “5.   Kull ħżin, ipproċessar jew skambju ta' informazzjoni msemmi f'dan ir-Regolament huwa soġġett għar-Regolamenti (UE) 2016/679 (*1) u (KE) Nru 45/2001 (*2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Madankollu, għall-fini tal-applikazzjoni korretta ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jirrestrinġu l-kamp ta' applikazzjoni tal-obbligazzjonijiet u d-drittijiet previsti fl-Artikoli 12 sa 15, 17, 21 u 22 tar-Regolament (UE) 2016/679. Tali restrizzjonijiet għandhom jiġu limitati għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jħarsu l-interessi msemmija fil-punt (e) tal-Artikolu 23(1) ta' dak ir-Regolament, b'mod partikolari biex:

    (a)

    l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jkunu jistgħu jissodisfaw il-kompiti tagħhom b'mod tajjeb għall-finijiet ta' dan ir-Regolament; jew

    (b)

    jiġi evitat li l-inkjesti, l-analiżi, l-investigazzjonijiet jew il-proċeduri uffiċjali jew legali jiġu ostakolati għall-finijiet ta' dan ir-Regolament u jkun żgurat li l-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-individwazzjoni tal-evażjoni tat-taxxa u tal-frodi tat-taxxa ma jiġux ipperikolati.

    L-ipproċessar u l-ħażna ta' informazzjoni msemmijin f'dan ir-Regolament għandhom jitwettqu biss għall-finijiet imsemmijin fl-Artikolu 1(1) ta' dan ir-Regolament u l-informazzjoni m'għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment f'mod li huwa inkompatibbli ma' dawk il-finijiet. L-ipproċessar tad-data personali abbażi ta' dan ir-Regolament għal kwalunkwe fini ieħor, bħal finijiet kummerċjali, għandu jkun ipprojbit. Il-perijodu ta' ħżin ta' din l-informazzjoni għandu jkun limitat sal-punt meħtieġ biex jinkisbu dawk il-finijiet. Il-perijodi tal-ħżin tal-informazzjoni msemmijin fl-Artikolu 17 ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu ddeterminati skont il-perijodi ta' limitazzjoni previsti fil-leġislazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat iżda mhux għal aktar minn għaxar snin.

    (*1)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1)."

    (*2)  Ir-Regolament (KE) 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).”;"

    (18)

    fl-Artikolu 58, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*3).

    (*3)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”;"

    (19)

    l-Anness I jitħassar.

    Artikolu 2

    Emendi għar-Regolament (UE) 2017/2454

    L-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2017/2454 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    il-punt 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “(5)

    fl-Artikolu 17, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, id-dettalji tekniċi li jikkonċernaw it-tiftix awtomatizzat tal-informazzjoni msemmija fil-punti (a) sa (f) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 58(2)””;

    (2)

    jitħassar il-punt 8.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Il-punti (3) (a), (b) u (c), il-punti (4) (a), (c) u (e), u l-punti (5), (6) u (14) tal-Artikolu 1 għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2020.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, it-2 ta' Ottubru 2018.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    H. LÖGER


    (1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Lulju 2018 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) .

    (2)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-23 ta' Mejju 2018 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 268, 12.10.2010, p. 1).

    (4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).

    (5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1).

    (6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 12).

    (7)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    (8)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE tat-12 ta' Frar 2008 li tistabbilixxi regoli dettaljati għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, prevista fid-Direttiva 2006/112/KE, għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru ta' rifużjoni iżda stabbiliti fi Stat Membru ieħor (ĠU L 44, 20.2.2008, p. 23).

    (9)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

    (10)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1 ); (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Volum 26, p. 102).

    (11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/2454 tal-5 ta' Diċembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 904/2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 348, 29.12.2017, p. 1).


    Top