Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1905

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1905 tat-18 ta' Ottubru 2017 dwar l-awtorizzazzjoni tal-preparazzjoni tas-Saccharomyces cerevisiae CNCM I-1079 bħala addittiv tal-għalf għat-tiġieġ tas-simna u għal speċijiet minuri ta' tjur imrobbija għas-simna (id-detentur tal-awtorizzazzjoni Danstar Ferment AG irrappreżentat minn Lallemand SAS) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2017/6908

    ĠU L 269, 19.10.2017, p. 30–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/1905/oj

    19.10.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 269/30


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1905

    tat-18 ta' Ottubru 2017

    dwar l-awtorizzazzjoni tal-preparazzjoni tas-Saccharomyces cerevisiae CNCM I-1079 bħala addittiv tal-għalf għat-tiġieġ tas-simna u għal speċijiet minuri ta' tjur imrobbija għas-simna (id-detentur tal-awtorizzazzjoni Danstar Ferment AG irrappreżentat minn Lallemand SAS)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni tal-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta' din l-awtorizzazzjoni.

    (2)

    B'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta' preparazzjoni tas-Saccharomyces cerevisiae CNCM I-1079. Mal-applikazzjoni nhemżu d-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

    (3)

    Dik l-applikazzjoni tikkonċerna l-awtorizzazzjoni tas-Saccharomyces cerevisiae CNCM I-1079 bħala addittiv tal-għalf għat-tiġieġ tas-simna u għal speċijiet minuri ta' tjur imrobbija għas-simna, li għandu jiġi klassifikat fil-kategorija tal-addittivi “addittivi żootekniċi”.

    (4)

    Fl-opinjoni tagħha tas-6 ta' Diċembru 2016 (2) l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li, skont il-kundizzjonijiet tal-użu proposti, il-preparazzjoni tas-Saccharomyces cerevisiae CNCM I-1079 ma għandhiex effett ħażin fuq is-saħħa tal-annimali, is-saħħa tal-bnedmin jew fuq l-ambjent, u meta tintuża fl-għalf tat-tjur, din hi effikaċja biex tnaqqas il-kontaminazzjoni tal-karkassi bis-Salmonella spp. L-Awtorità ma jidhrilhiex li hemm bżonn rekwiżiti speċifiċi għal monitoraġġ wara l-introduzzjoni fis-suq. Din ivverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu tal-analiżi tal-addittiv fl-għalf, fl-għalf li ppreżenta l-Laboratorju ta' Referenza stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

    (5)

    Il-valutazzjoni tal-preparazzjoni tas-Saccharomyces cerevisiae CNCM I-1079 turi li ntlaħqu l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, kif previst fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. Għaldaqstant, l-użu ta' dik il-preparazzjoni jenħtieġ jiġi awtorizzat kif speċifikat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

    (6)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-preparazzjoni speċifikata fl-Anness, li tagħmel parti mill-kategorija tal-addittivi “addittivi żootekniċi” u mill-grupp funzjonali “addittivi żootekniċi oħrajn”, hija awtorizzata bħala addittiv fl-għalf tal-annimali, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dak l-Anness.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Ottubru 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

    (2)  EFSA Journal 2017;15(1):4674.


    ANNESS

    In-numru ta' identifikazzjoni tal-addittiv

    Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni

    L-addittiv

    Il-kompożizzjoni, il-formula kimika, deskrizzjoni, il-metodu analitiku

    L-ispeċi jew il-kategorija tal-annimal

    L-età massima

    Il-kontenut minimu

    Il-kontenut massimu

    Dispożizzjonijiet oħrajn

    Tmiem il-perjodu tal-awtorizzazzjoni

    CFU/kg ta' għalf sħiħ b'kontenut ta' ndewwa ta' 12 %

    Il-kategorija tal-addittivi żootekniċi. Il-grupp funzjonali: addittivi żootekniċi oħrajn (inqas kontaminazzjoni tas-Salmonella fil-karkassi għax jonqos il-feċi)

    4d1703

    Danstar Ferment AG irrappreżentat minn Lallemand SAS

    Saccharomyces cerevisiae CNCM I-1079

    Il-kompożizzjoni tal-addittiv

    Il-preparazzjoni tas-Saccharomyces cerevisiae CNCM I-1079 li fih minimu ta':

    2 × 1010 CFU/g ta' addittiv (b'għamla mhux miksija)

    1 × 1010 CFU/g ta' addittiv (b'għamla miksija)

    Il-karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

    Ċelloli vijabbli tas-Saccharomyces cerevisiae CNCM I-1079

    Il-metodu analitiku  (1)

    Enumerazzjoni: il-metodu tat-treffigħ bl-użu ta' agar magħmul minn glukożju, estratt tal-ħmira u kloramfenikol (EN15789:2009)

    Identifikazzjoni: il-metodu tar-reazzjoni katina bil-polimerażi (PCR).

    Tiġieġ tas-simna

    Speċijiet minuri ta' tjur imrobbija għas-simna

    1 × 109

    1.

    Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel għandhom jiġu indikati l-kundizzjonijiet tal-ħażna u l-istabbiltà waqt it-trattament bis-sħana.

    2.

    Għall-utenti tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, l-operaturi tan-negozji tal-għalf għandhom jistabbilixxu l-proċeduri operazzjonali u l-miżuri organizzazzjonali biex jindirizzaw ir-riskji potenzjali mill-użu. Meta dawn ir-riskji ma jkunux jistgħu jixxejnu jew jitnaqqsu għal minimu b'dawn il-proċeduri u l-miżuri, l-addittiv u t-taħlitiet lesti minn qabel għandhom jintużaw b'tagħmir tal-protezzjoni personali, inkluż il-protezzjoni tan-nifs.

    It-8 ta' Novembru 2027


    (1)  Dettalji dwar il-metodi analitiċi jinsabu f'dan l-indirizz tal-Laboratorju ta' Referenza: https://ec.europa.eu/jrc/en/eurl/feed-additives/evaluation-reports


    Top