This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32017R0807
Commission Implementing Regulation (EU) 2017/807 of 11 May 2017 derogating from Implementing Regulation (EU) No 809/2014 as regards the final date of submission of the single application, aid applications or payment claims, the final date for notification of amendments to the single application or payment claim and the final date for applications for allocation of payment entitlements or the increase of the value of payment entitlements under the basic payment scheme for the year 2017
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/807 tal-11 ta' Mejju 2017 li jidderoga mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 fejn tidħol id-data finali għat-tressiq tal-applikazzjoni unika, tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew tat-talbiet għall-ħlas, id-data finali għan-notifika tal-emendi fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas u d-data finali għal applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament jew iż-żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagament permezz tal-iskema ta' pagament bażiku għas-sena 2017
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/807 tal-11 ta' Mejju 2017 li jidderoga mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 fejn tidħol id-data finali għat-tressiq tal-applikazzjoni unika, tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew tat-talbiet għall-ħlas, id-data finali għan-notifika tal-emendi fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas u d-data finali għal applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament jew iż-żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagament permezz tal-iskema ta' pagament bażiku għas-sena 2017
C/2017/3202
ĠU L 121, 12.5.2017, p. 35–36
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2017
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Derogation | 32014R0809 | artikolu 13 paragrafu 1 L 1 | 12/05/2017 | ||
Derogation | 32014R0809 | artikolu 15 paragrafu 2 | 12/05/2017 | ||
Derogation | 32014R0809 | artikolu 22 paragrafu 1 | 12/05/2017 |
12.5.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 121/35 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/807
tal-11 ta' Mejju 2017
li jidderoga mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 fejn tidħol id-data finali għat-tressiq tal-applikazzjoni unika, tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew tat-talbiet għall-ħlas, id-data finali għan-notifika tal-emendi fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas u d-data finali għal applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament jew iż-żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagament permezz tal-iskema ta' pagament bażiku għas-sena 2017
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b'mod partikolari l-punt (b) tal-ewwel paragrafu u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 78 tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 (2) jistipula d-data finali għat-tressiq tal-applikazzjoni unika, tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew tat-talbiet għall-ħlas, id-data finali għan-notifika tal-emendi fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas u d-data finali għat-tressiq ta' applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament jew iż-żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagament permezz tal-iskema ta' pagament bażiku. |
(2) |
Diversi Stati Membri qegħdin jimplimentaw bidliet fis-sistema amministrattiva tagħhom għall-pagamenti diretti li jinvolvu, inter alia, bidliet strutturali fis-sistema ta' identifikazzjoni tal-irqajja' tal-art tagħhom u riorganizzazzjoni tat-teknoloġija tal-informazzjoni. Dawk il-bidliet jikkoinċidu ma' pass importanti fl-introduzzjoni obbligatorja tal-applikazzjoni għall-għajnuna abbażi ta' strumenti ġeospazjali. B'riżultat ta' dan, kien hemm diffikultajiet amministrattivi f'dawk l-Istati Membri. |
(3) |
Għalhekk ġiet affettwata l-possibbiltà li benefiċjarji jressqu l-applikazzjoni unika, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew it-talbiet għall-ħlas u l-applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament jew iż-żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagament permezz tal-iskema ta' pagament bażiku fil-limiti taż-żmien stipulati fl-Artikoli 13(1) u 22(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014. |
(4) |
Minħabba dak kollu, jixraq li tiġi stipulata deroga mill-Artikoli 13(1) u 22(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 ħalli għall-2017, l-Istati Membri jkunu jistgħu jiffissaw data finali għat-tressiq tal-applikazzjoni unika, tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew tat-talbiet għall-ħlas u data finali għat-tressiq ta' applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament jew iż-żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagament permezz tal-iskema ta' pagament bażiku, u dawn id-dati jkunu aktar tard minn dawk stipulati f'dawk l-Artikoli. Peress li d-dati u l-perjodi msemmija fl-Artikoli 11(4), 15(2) u (2a) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 huma marbuta mad-data finali stipulata fl-Artikolu 13(1) ta' dak ir-Regolament, għandha tiġi stipulata deroga simili għan-notifika tar-riżultati tal-kontrolli preliminari u tal-emendi fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas. |
(5) |
Billi dawn id-derogi jkopru l-applikazzjoni unika, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna u t-talbiet għall-ħlas, l-emendi fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas u l-applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament għas-sena 2017, jixraq li dan ir-Regolament ikun japplika għal applikazzjonijiet u talbiet għall-ħlas li għandhom x'jaqsmu mas-sena 2017. |
(6) |
Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Pagamenti Diretti u l-Kumitat għall-Iżvilupp Rurali, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
B'deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, għas-sena 2017, id-dati finali li għandhom jiffissaw l-Istati Membri għat-tressiq tal-applikazzjoni unika, l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew it-talbiet għall-ħlas ma għandhomx ikunu aktar tard mill-15 ta' Ġunju.
Artikolu 2
B'deroga mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 għas-sena 2017, fl-Istati Membri li jużaw id-deroga stipulata fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament, l-emendi fl-applikazzjoni unika jew fit-talba għall-ħlas skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014 għandhom jiġu nnotifikati lill-awtorità kompetenti sal-15 ta' Ġunju.
Artikolu 3
Id-derogi stipulati fl-Artikoli 1 u 2 għandhom japplikaw ukoll fl-Istati Membri kkonċernati biex jiġu kkalkulati l-perjodi ta' 26 jum, 35 jum u ta' 10 ijiem kalendarji, rispettivament, wara d-data finali għat-tressiq tal-applikazzjoni unika, tal-applikazzjoni għall-għajnuna jew tat-talbiet għall-ħlas u d-data finali għan-notifika tal-emendi kif imsemmija fl-Artikoli 11(4) u 15(2a) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014.
Artikolu 4
B'deroga mill-Artikolu 22(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014, għas-sena 2017, id-data li jridu jiffissaw l-Istati Membri għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament jew iż-żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagament permezz tal-iskema ta' pagament bażiku ma għandhiex tkun aktar tard mill-15 ta' Ġunju.
Artikolu 5
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan japplika għal applikazzjonijiet u talbiet għall-ħlas li għandhom x'jaqsmu mas-sena 2017.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Mejju 2017.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.
(2) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta' amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU L 227, 31.7.2014, p. 69).