Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0610

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/610 tal-20 ta' Diċembru 2016 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' tranżizzjoni li jirrigwardaw l-arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2016/8542

    ĠU L 86, 31.3.2017, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/610/oj

    31.3.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 86/3


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/610

    tal-20 ta' Diċembru 2016

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' tranżizzjoni li jirrigwardaw l-arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 85(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-kontropartijiet ċentrali (CCPs) jinterponu lilhom infushom bejn il-kontropartijiet għall-kuntratti nnegozjati f'suq finanzjarju wieħed jew aktar. Ir-riskju ta' kreditu ta' dawk il-kontropartijiet huwa mmitigat permezz tad-depożitar ta' kollateral li huwa kkalkulat biex ikopri kull telf potenzjali f'każ ta' inadempjenza. Is-CCPs jaċċettaw biss assi likwidi ħafna, ġeneralment flus, bħala kollateral biex jissodisfaw l-eżerċitar tal-marġini ta' varjazzjoni (MV) sabiex ikun hemm likwidazzjoni rapida f'każ ta' inadempjenza.

    (2)

    L-Arranġamenti ta' Skemi tal-Pensjonijiet (PSAs) f'ħafna Stati Membri huma parteċipanti attivi fis-swieq tad-derivattivi OTC. Madankollu, il-PSAs ġeneralment jimminimizzaw il-pożizzjonijiet tal-flus tagħhom, u minflok iżommu investimenti li jrendu iktar bħal titoli sabiex jiżguraw redditu għoli għall-pensjonanti. Entitajiet li joperaw arranġamenti għal skemi tal-pensjonijiet, li l-għan primarju tagħhom huwa li jipprovdu benefiċċji mal-irtirar, normalment fil-forma ta' ħlasijiet tul il-ħajja kollha, iżda wkoll fil-forma ta' ħlasijiet li jsiru għal perjodu temporanju jew ta' somma f'daqqa, tipikament jimminimizzaw l-allokazzjoni tagħhom għall-flus sabiex jimmassimizzaw l-effiċjenza u r-rendiment għad-detenturi tal-poloz tagħhom. Għalhekk, li dawn l-entitajiet ikunu meħtieġa jikklerjaw ċentralment il-kuntratti tad-derivattivi OTC jirriżulta fl-iżvestiment ta' proporzjon sinifikanti tal-assi tagħhom fi flus sabiex huma jkunu jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-marġini fis-seħħ tas-CCPs.

    (3)

    L-Artikolu 89(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għalhekk jipprevedi illi, għal tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, l-obbligu ta' kklerjar stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 ma japplikax għall-kuntratti tad-derivattivi OTC li huma oġġettivament miżurabbli bħala li jnaqqsu r-riskji tal-investiment direttament relatati mas-solvenza finanzjarja tal-PSAs. Il-perjodu ta' tranżizzjoni japplika wkoll għall-entitajiet stabbiliti għall-fini li jingħata kumpens lil membri tal-PSAs f'każ ta' inadempjenza.

    (4)

    L-Artikolu 85(2) tar-Regolment (UE) Nru 648/2012 jeħtieġ lill-Kummissjoni tħejji rapport li jivvaluta jekk sarux l-isforzi meħtieġa mis-CCPs biex jiżviluppaw soluzzjonijiet tekniċi xierqa għat-trasferiment ta' kollateral mhux fi flus bħala MV mill-PSAs. Sabiex twettaq il-valutazzjoni, il-Kummissjoni ordnat studju ta' referenza dwar soluzzjonijiet għad-depożitar ta' kollateral mhux fi flus għand kontropartijiet ċentrali minn arranġamenti ta' skemi tal-pensjoni, kif ukoll dwar l-impatt tat-tneħħija tal-eżenzjoni fin-nuqqas ta' soluzzjoni f'termini tat-tnaqqis fl-introjtu tal-irtirar għall-pensjonanti li huma benefiċjarji tal-PSAs milquta. Fit-3 ta' Frar 2015 il-Kummissjoni adottat r-rapport tagħha (2) fuq din il-bażi.

    (5)

    Skont is-sejbiet tar-rapport tagħha, il-Kummissjoni qieset li sal-lum għadu ma sarx l-isforz meħtieġ biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet tekniċi xierqa mis-CCPs u li l-effett ħażin jekk il-kuntratti tad-derivattivi OTC jiġu kklerjati ċentralment fuq il-benefiċċji tal-irtirar tal-pensjonanti futuri għadu l-istess. Għaldaqstant ġie adottat ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/1515 (3) li jestendi l-perjodu tranżizzjonali ta' tliet snin imsemmi fl-Artikolu 89(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 b'sentejn.

    (6)

    Minn dak iż-żmien il-Kummissjoni għamlet konsultazzjoni pubblika li għalqet f'Awwissu 2015 biex tħejji rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet, f'konformità mal-Artikolu 85(1) ta' dak ir-Regolament. Il-Kummissjoni kkonsultat lill-pubbliku wkoll dwar Sejħa għall-Evidenza dwar il-qafas regolatorju tal-UE għas-servizzi finanzjarji. L-eżitu tal-konsultazzjoni pubblika dwar ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 u s-sottomissjonijiet għal Sejħa għall-Evidenza kkonfermaw li sal-lum għadu ma sarx l-isforz meħtieġ biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet tekniċi xierqa mis-CCPs u li l-effett ħażin jekk il-kuntratti tad-derivattivi OTC jiġu kklerjati ċentralment fuq il-benefiċċji tal-irtirar tal-pensjonanti futuri baqa' l-istess, l-istess kif jgħid ir-Rapport tal-Kummissjoni.

    (7)

    Il-perjodu ta' tranżizzjoni ta' tliet snin imsemmi fl-Artikolu 89(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jenħtieġ għalhekk li jiġi estiż aktar.

    (8)

    Dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ malajr kemm jista' jkun biex jippermetti li l-estensjoni tal-perjodi tranżizzjonali eżistenti sseħħ qabel l-iskadenza jew malajr kemm jista' jkun warajha. Dħul fis-seħħ iktar tard jista' jwassal għal inċertezza ġuridika għall-arranġamenti ta' skemi tal-pensjonijiet dwar jekk jeħtiġux li jibdew iħejju għall-obbligi tal-ikklerjar,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 89(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Sas-16 ta' Awwissu 2018, l-obbligu ta' kklerjar stabbilit fl-Artikolu 4 ma għandux japplika għall-kuntratti tad-derivattivi OTC li huma oġġettivament miżurabbli bħala li jnaqqsu r-riskji ta' investiment direttament relatati mas-solvenza finanzjarja tal-arranġamenti ta' skemi tal-pensjoni kif definit fl-Artikolu 2(10). Il-perjodu ta' tranżizzjoni japplika wkoll għall-entitajiet stabbiliti għall-fini li jagħtu kumpens lil membri ta' arranġamenti ta' skemi tal-pensjoni f'każ ta' inadempjenza.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmula fi Brussell, l-20 ta' Diċembru 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

    (2)  Rapport tal-Kummissjoni Ewropea lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 85(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-dejta dwar it-tranżazzjonijiet, li jivvaluta l-progress u l-isforz magħmul mis-CCPs fl-iżvilupp ta' soluzzjonijiet tekniċi għat-trasferiment minn arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet ta' kollateral mhux fi flus kontanti bħal marġini ta' varjazzjoni, kif ukoll il-bżonn ta' kull miżura biex tiffaċilita tali soluzzjoni (COM(2015) 39 finali tat-3 ta' Frar 2015).

    (3)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1515 tal-5 ta' Ġunju 2015 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi ta' tranżizzjoni li jirrigwardaw l-arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet (ĠU L 239, 15.9.2015, p. 63).


    Top