Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017L0159

    Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/159 tad-19 ta' Diċembru 2016 li timplimenta l-Ftehim li jikkonċerna l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd, 2007, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol konkluż bejn il-Konfederazzjoni Ġenerali tal-Kooperattivi Agrikoli fl-Unjoni Ewropea (COGECA), il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) u l-Assoċjazzjoni ta' Organizzazzjonijiet Nazzjonali tal-Intrapriżi tas-Sajd fl-Unjoni Ewropea (Europêche) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    ĠU L 25, 31.1.2017, p. 12–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2017/159/oj

    31.1.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 25/12


    DIRETTIVA TAL-KUNSILL (UE) 2017/159

    tad-19 ta' Diċembru 2016

    li timplimenta l-Ftehim li jikkonċerna l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd, 2007, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol konkluż bejn il-Konfederazzjoni Ġenerali tal-Kooperattivi Agrikoli fl-Unjoni Ewropea (COGECA), il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) u l-Assoċjazzjoni ta' Organizzazzjonijiet Nazzjonali tal-Intrapriżi tas-Sajd fl-Unjoni Ewropea (Europêche)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 155(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-maniġment u l-ħaddiema (“l-imsieħba soċjali”) jistgħu, skont l-Artikolu 155(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), jitolbu b'mod konġunt li l-ftehimiet konklużi minnhom fil-livell tal-Unjoni jiġu implimentati permezz ta' deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni.

    (2)

    Fl-14 ta' Ġunju 2007, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) adottat il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd, 2007 (“il-Konvenzjoni”). Il-Konvenzjoni għandha l-għan li toħloq strument uniku u koerenti sabiex tlesti l-istandards internazzjonali għall-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol għal dan is-settur, u tinkorpora standards riveduti u aġġornati mill-konvenzjonijiet u rakkomandazzjonijiet internazzjonali eżistenti applikabbli għas-sajjieda, kif ukoll il-prinċipji fundamentali li jinsabu f'konvenzjonijiet internazzjonali oħrajn rigward ix-xogħol.

    (3)

    Il-Kummissjoni kkonsultat l-imsieħba soċjali, skont l-Artikolu 154(2) TFUE, dwar jekk għandhiex issir promozzjoni tal-applikazzjoni fi ħdan l-Unjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni,.

    (4)

    Fil-21 ta' Mejju 2012, il-Konfederazzjoni Ġenerali tal-Kooperattivi Agrikoli fl-Unjoni Ewropea(COGECA), il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF)u l-Assoċjazzjoni tal-Organizzazzjonijiet Nazzjonali tal-Intrapriżi tas-Sajd fl-Unjoni Ewropea(Europêche), bix-xewqa li jwettqu l-ewwel pass lejn kodifikazzjoni tal-acquis soċjali tal-Unjoni fis-settur tas-sajd fuq il-baħar u sabiex jgħinu fil-ħolqien ta' kundizzjonijiet ugwali fis-settur tas-sajd fuq il-baħar fl-Unjoni, ikkonkludew ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni (“il-Ftehim”).

    (5)

    Fl-10 ta' Mejju 2013, dawk l-organizzazzjonijiet talbu lill-Kummissjoni sabiex timplimenta l-Ftehim permezz ta' deċiżjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 155(2) TFUE.

    (6)

    Għall-finijiet tal-Artikolu 288 TFUE, l-istrument adatt għall-implimentazzjoni tal-Ftehim huwa direttiva.

    (7)

    Il-Kummissjoni fformulat abbozz tal-proposta tagħha għal direttiva, f'konformità mal-Komunikazzjoni tagħha tal-20 ta' Mejju 1998 dwar l-adattament u l-promozzjoni tad-djalogu soċjali fil-livell tal-Komunità, b'kont meħud tal-istatus rappreżentattiv tal-partijiet firmatarji u tal-legalità ta' kull klawżola tal-Ftehim.

    (8)

    Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni eżistenti tal-Unjoni li hija aktar speċifika jew li tagħti livell ogħla ta' protezzjoni lis-sajjieda kollha.

    (9)

    Din id-Direttiva ma għandhiex tintuża biex ikun ġustifikat tnaqqis fil-livell ġenerali ta' protezzjoni tal-ħaddiema fl-oqsma koperti mill-Ftehim.

    (10)

    Din id-Direttiva u l-Ftehim anness magħha jistabbilixxu standards minimi; l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet aktar favorevoli.

    (11)

    Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar segwitu u reviżjoni mill-imsieħba soċjali fil-livell tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u l-Ftehim u għandha twettaq evalwazzjoni.

    (12)

    L-imsieħba soċjali jistennew li l-miżuri nazzjonali li jimplimentaw din id-Direttiva jidħlu fis-seħħ mhux qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni. Għaldaqstant, din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-istess mument tal-Konvenzjoni.

    (13)

    Il-Ftehim japplika għas-sajjieda li jkunu qed jaħdmu fi kwalunkwe kapaċità taħt kuntratt ta' impjieg jew f'relazzjoni ta' impjieg abbord bastimenti tas-sajd involuti fis-sajd fuq il-baħar, li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru jew li jkunu rreġistrati taħt il-ġurisdizzjoni plenarja ta' Stat Membru.

    (14)

    Sabiex jiġu protetti s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol tas-sajjieda li jkunu qed jaħdmu fi kwalunkwe kapaċità taħt kuntratt ta' impjieg jew f'relazzjoni ta' impjieg, il-Ftehim jista' japplika ulterjorment għas-sajjieda l-oħra kollha preżenti abbord l-istess bastiment tas-sajd.

    (15)

    Fir-rigward ta' xi terminu użat fil-Ftehim li mhuwiex iddefinit b'mod speċifiku fih, l-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu dawk it-termini skont il-liġi u l-prattika nazzjonali, bħalma huwa l-każ għal direttivi oħrajn dwar il-politika soċjali li jużaw termini simili, dment li dawk id-definizzjonijiet jirrispettaw il-kontenut tal-Ftehim.

    (16)

    Din id-Direttiva u l-Ftehim anness magħha għandhom jieħdu kont tad-dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni tal-kapaċità tas-sajd kif stipulat fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

    (17)

    L-Istati Membri jistgħu jinkarigaw lill-imsieħba soċjali bl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, fejn l-imsieħba soċjali jitolbu b'mod konġunt li dan isir u sakemm l-Istati Membri jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li fi kwalunkwe ħin jistgħu jiggarantixxu r-riżultati indikati taħt din id-Direttiva.

    (18)

    Il-Kummissjoni infurmat lill-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 155(2) tat-TFUE, billi bagħtet it-test tal-proposta tagħha għal Direttiva li kien jinkludi l-Ftehim.

    (19)

    Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 20, 31 u 32 tagħha.

    (20)

    Peress li l-objettivi ta' din id-Direttiva, jiġifieri t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol u l-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fis-settur tas-sajd fuq il-baħar, li huwa settur transfruntier li jopera taħt il-bnadar ta' Stati Membri differenti, ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi.

    (21)

    F'konformità mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (2), il-fatt li attività msemmija f'direttiva li tkun għadha ma teżistix fi Stat Membru ma jistax jeħles lil dak l-Istat Membru mill-obbligu tiegħu li jadotta liġijiet jew regolamenti sabiex jiżgura li d-dispożizzjonijiet kollha tad-direttiva jiġu trasposti b'mod korrett. Kemm il-prinċipju taċ-ċertezza legali kif ukoll il-ħtieġa li tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tad-direttivi kemm fil-liġi kif ukoll fil-fatt jirrikjedu li l-Istati Membri kollha jirriproduċu r-regoli tad-direttiva konċernata f'qafas ċar, preċiż u trasparenti li jipprevedi dispożizzjonijiet legali obbligatorji. Tali obbligu japplika għall-Istati Membri sabiex tiġi antiċipata kwalunkwe bidla fis-sitwazzjoni eżistenti fihom f'mument partikolari u sabiex jiġi żgurat li l-persuni ġuridiċi kollha fil-Komunità, inklużi dawk fl-Istati Membri fejn attività partikolari msemmija f'direttiva ma teżistix, jistgħu jkunu jafu b'mod ċar u preċiż, liema huma, fiċ-ċirkostanzi kollha, id-drittijiet u l-obbligi tagħhom. Skont il-ġurisprudenza, huwa biss fejn it-traspożizzjoni ta' direttiva tkun għalxejn għal raġunijiet ta' ġeografija li tali traspożizzjoni ma tkunx mandatorja. L-Istati Membri għandhom, f'tali każijiet, jinformaw lill-Kummissjoni b'dan.

    (22)

    F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (3), l-Istati Membri impenjaw irwieħhom li jehmżu, f'każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom ma' dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' Direttiva u l-partijiet korrispondenti ta' strumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali. F'dak li għandu x'jaqsam ma' din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li t-trażmissjoni ta' dawn id-dokumenti hija ġustifikata,

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Din id-Direttiva għandha timplimenta l-Ftehim li jikkonċerna l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd, 2007, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, konkluż fil-21 ta' Mejju 2012 bejn il-maniġment u l-ħaddiema (“l-imsieħba soċjali”) fil-livell tal-Unjoni fis-settur tas-sajd fuq il-baħar, jiġifieri, il-Konfederazzjoni Ġenerali tal-Kooperattivi Agrikoli fl-Unjoni Ewropea (COGECA), il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) u l-Assoċjazzjoni tal-Organizzazzjonijiet Nazzjonali tal-Intrapriżi tas-Sajd fl-Unjoni Ewropea (Europêche), li jikkonċerna l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd, 2007, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol.

    It-test tal-Ftehim huwa stabbilit fl-Anness għal din id-Direttiva.

    Artikolu 2

    1.   L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema fis-settur tas-sajd fuq il-baħar minn dawk stabbiliti f'din id-Direttiva.

    2.   L-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva m'għandha fl-ebda ċirkostanza tikkostitwixxi raġuni suffiċjenti biex tiġġustifika tnaqqis fil-livell ġenerali ta' protezzjoni tal-ħaddiema fl-oqsma koperti minn din id-Direttiva. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-Istati Membri u tal-imsieħba soċjali li jadottaw, fid-dawl tat-tibdil fiċ-ċirkostanzi, liġijiet u regolamenti differenti jew li jagħmlu arranġamenti kuntrattwali differenti minn dawk li jipprevalu fil-mument tal-adozzjoni ta' din id-Direttiva, dejjem diment li r-rekwiżiti minimi stipulati f'din id-Direttiva jiġu rrispettati.

    3.   L-applikazzjoni u l-interpretazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni, drawwa jew prattika tal-Unjoni jew nazzjonali li tipprevedi kundizzjonijiet aktar favorevoli għall-ħaddiema kkonċernati.

    Artikolu 3

    L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw liema penali jkunu applikabbli meta jinkisru d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati bis-saħħa ta' din id-Direttiva. Il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    Artikolu 4

    1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sal-15 ta' Novembru 2019. Huma għandhom immedjatament jinformaw lill-Kummissjoni b'dan.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati mit-tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif għandha ssir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 5

    Il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta mal-Istati Membri u l-imsieħba soċjali fil-livell tal-Unjoni, tippreżenta rapport lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-evalwazzjoni ta' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-15 ta' Novembru 2022.

    Artikolu 6

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, 2007.

    Il-Kummissjoni għandha tippubblika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dik il-Konvenzjoni.

    Artikolu 7

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Diċembru 2016.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    L. SÓLYMOS


    (1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

    (2)  Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Jannar 2010, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Ċeka C-343/08, ECLI:EU:C:2013:423.

    (3)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


    ANNESS

    Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd, 2007, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol

    L-AMMINISTRAZZJONI U L-ĦADDIEMA (“L-IMSIEĦBA SOĊJALI TAL-UE”) FIS-SETTUR TAS-SAJD TAL-BAĦAR,

    (1)

    Il-Konfederazzjoni Ġenerali tal-Kooperattivi Agrikoli fl-Unjoni Ewropea (COGECA)

    (2)

    Il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF); u

    (3)

    L-Assoċjazzjoni ta' Organizzazzjonijiet Nazzjonali tal-Intrapriżi tas-Sajd fl-Unjoni Ewropea (Europêche),

    Wara li kkunsidraw:

    (1)

    It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”), u b'mod partikolari l-Artikoli 153-155 tiegħu.

    (2)

    Il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd, 2007 (“C188” jew “il-Konvenzjoni”) tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (“ILO”).

    (3)

    Ir-Rakkomandazzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd, 2007 (“R199”) tal-ILO.

    (4)

    Ir-Rakkomandazzjoni dwar ir-Relazzjoni tax-Xogħol, 2006 (“R198”) tal-ILO.

    (5)

    Il-Linji gwida għall-uffiċjali tal-kontroll tal-Istat tal-port li jwettqu spezzjonijiet taħt il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd, 2007 (Nru 188), adottati mill-Korp Governattiv tal-ILO fit-309 Sessjoni tiegħu mit-13 sad-19 ta' Novembru, 2010 (“il-Linji gwida PSC-F”)

    (6)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/321/UE tas-7 ta' Ġunju 2010 li tawtorizza lill-Istati Membri biex jirratifikaw, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd, 2007, tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (Konvenzjoni Nru 188).

    (7)

    Il-Komunikazzjoni COM/2011/0306 finali, datata l-31 ta' Mejju 2011, mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Reviżjoni tal-operat tad-dispożizzjonijiet rigward il-ħaddiema abbord bastimenti tas-sajd tal-baħar fid-Direttiva 2003/88/KE.

    Billi:

    (1)

    Is-96 Sessjoni tal-Konferenza Internazzjonali tax-Xogħol tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) adottat il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd, 2007 (C188) fl-14 ta' Ġunju 2007.

    (2)

    C188 ġiet adottata b'437 vot favur, 2 voti kontra, u 22 astensjoni. Ir-rappreżentanti kollha tal-gvern preżenti (53 vot), ir-rappreżentanti kollha tal-ħaddiema preżenti (25 vot) u r-rappreżentanti kollha tal-impjegaturi preżenti (22 vot) tas-27 Stat Membru preżenti tal-Unjoni Ewropea (“l-Istati Membri”) ivvutaw għall-adozzjoni tal-Konvenzjoni.

    (3)

    Il-globalizzazzjoni għandha impatt profond fuq is-settur tas-sajd u d-drittijiet tas-sajjieda jeħtieġu li jkunu promossi u protetti.

    (4)

    L-ILO tqis is-sajd bħala okkupazzjoni perikoluża meta mqabbla ma' okkupazzjonijiet oħrajn.

    (5)

    L-għan ta' C188 huwa li tiżgura li s-sajjieda jkollhom kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti abbord il-bastimenti tas-sajd fir-rigward tar-rekwiżiti minimi għax-xogħol abbord, il-kundizzjonijiet tas-servizz, l-akkomodazzjoni u l-ikel, is-sikurezza okkupazzjonali u l-protezzjoni tas-saħħa, il-kura medika u s-sigurtà soċjali.

    (6)

    C188 teħtieġ li l-Membri tal-ILO jeżerċitaw, skont il-liġijiet jew ir-regolamenti nazzjonali, il-ġurisdizzjoni u l-kontroll fuq il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bnadar tagħhom billi jistabbilixxu sistema biex jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni.

    (7)

    L-Artikolu 155(2) tat-TFUE jistipula li l-ftehimiet konklużi fil-livell tal-Unjoni Ewropea (“UE”) jistgħu jkunu implimentati fuq it-talba konġunta tal-imsieħba soċjali tal-UE minn deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni Ewropea. Minħabba dan, l-imsieħba soċjali ddeċidew li jidħlu f'negozjati biex jikkonkludu, fil-limitazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 153 tat-TFUE, ftehim li jimplimenta ċerti partijiet ta' C188.

    (8)

    L-imsieħba soċjali tal-UE jqisu din l-inizjattiva bħala importanti ħafna biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jirratifikaw il-Konvenzjoni sabiex jinkisbu kundizzjonijiet ekwi fl-UE u fil-bqija tad-dinja fuq kwistjonijiet relatati mal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-għajxien abbord il-bastimenti tas-sajd.

    (9)

    L-imsieħba soċjali tal-UE jqisu ftehim bħala l-ewwel pass li jikkontribwixxi għall-kodifikazzjoni tal-acquis soċjali fis-settur tas-sajd.

    (10)

    Ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol tal-ħaddiema abbord bastimenti tas-sajd tal-baħar huma kkontrollati fil-preżent mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2003/88/KE. Għalkemm l-Artikoli 13 u 14 ta' C188 b'mod globali joffru lis-sajjieda livell aktar baxx ta' protezzjoni mid-Direttiva, uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni huma ta' livell ta' protezzjoni ogħla. Għal din ir-raġuni, l-imsieħba soċjali tal-UE ftiehmu li jgħaqqdu d-dispożizzjonijiet imsemmija. Ir-riżultat huwa livell ta' protezzjoni ġenerali ogħla. Id-dispożizzjonijiet ikkonċernati huma: konsultazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-imsieħba soċjali tal-UE nazzjonali qabel ma jiġi stabbilit il-livell minimu ta' protezzjoni; l-iskop addizzjonali li tiġi limitata l-għeja; il-mistrieħ kumpensatorju fil-każ ta' eċċezzjonijiet permessi għan-numru minimu ta' sigħat ta' mistrieħ jew in-numru massimu ta' sigħat ta' xogħol; u protezzjoni mtejba wara sitwazzjonijiet ta' diffikultà.

    (11)

    Id-dispożizzjonijiet ta' C188 dwar il-kwalità tal-kura medika, il-faċilitajiet tal-akkomodazzjoni, l-ikel, il-kundizzjonijiet tal-għajxien, il-kumpens fil-każ ta' perikli jew mard, u dwar il-protezzjoni soċjali għandhom jitqiesu li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tas-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol tas-sajjieda b'kunsiderazzjoni tal-ispeċifiċitajiet tax-xogħol abbord bastiment tas-sajd, bħall-iżolament ġeografiku, l-għeja u n-natura, l-aktar fiżika, tax-xogħol li jrid jitwettaq.

    (12)

    C188 japplika għas-sajjieda kollha, definiti fl-Artikolu 1(e) tiegħu bħala “kull persuna impjegata jew impenjata fi kwalunkwe kapaċità jew li twettaq okkupazzjoni abbord kwalunkwe bastiment tas-sajd, inklużi persuni li jaħdmu abbord li huma mħallsin fuq il-bażi ta' sehem tal-qabdiet bl-esklużjoni tal-piloti, il-persunal navali, persuni oħrajn fis-servizz permanenti ta' gvern, persuni bbażati fuq l-art li jwettqu xogħol abbord bastiment tas-sajd u osservaturi tas-sajd”. Minħabba l-limitazzjonijiet stabbiliti fit-TFUE, l-imsieħba soċjali tal-UE ma għandhomx is-setgħa li jaqblu fuq testi, maħsuba biex jiġu implimentati permezz ta' deċiżjoni tal-Kunsill, li jaffettwaw is-sajjieda li la jaħdmu b'kuntratt tax-xogħol u lanqas f'relazzjoni tax-xogħol. Madankollu, l-applikazzjoni ta' standards differenti jew l-ebda applikazzjoni tagħhom għal dawk is-sajjieda waqt li jkunu fuq l-istess bastiment ma' sajjieda li jkunu qed jaħdmu b'kuntratt tax-xogħol jew f'relazzjoni tax-xogħol jista' jkollha impatt fuq is-sikurezza u s-saħħa ġenerali fuq ix-xogħol, inkluż il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol, ta' dawn tal-aħħar. Sabiex jipproteġu s-sajjieda li jaħdmu b'kuntratt tax-xogħol jew f'relazzjoni tax-xogħol, l-imsieħba soċjali tal-UE jikkunsidraw għalhekk ġustifikat li dan il-Ftehim japplika, mhux biss għas-sajjieda li jaħdmu b'kuntratt tax-xogħol jew f'relazzjoni tax-xogħol, iżda wkoll għas-sajjieda l-oħra kollha li huma preżenti fuq l-istess bastiment.

    (13)

    L-istrument xieraq għall-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim huwa Direttiva, skont it-tifsira tal-Artikolu 288 tat-TFUE, li torbot lill-Istati Membri fir-rigward tar-riżultat li jrid jinkiseb, filwaqt li tħalli f'idejn l-awtoritajiet nazzjonali l-għażla tal-forma u l-metodi.

    Dawn jitolbu lill-Istati Membri biex:

    (1)

    Jirratifikaw C188 minħabba l-unanimità tal-Istati Membri meta ġiet adottata l-Konvenzjoni u minħabba d-differenzi importanti bejn il-kamp ta' applikazzjoni kif ukoll l-oqsma koperti mill-Konvenzjoni minn naħa waħda u dan il-Ftehim min-naħa l-oħra.

    (2)

    Jiżviluppaw dokument validu uniformi kif imsemmi fl-Artikolu 41 ta' C188 li jrid jiġi implimentat madwar l-Unjoni Ewropea.

    (3)

    Jiżviluppaw politika armonizzata dwar il-kontroll tal-Istat tal-port tal-bastimenti tas-sajd li huma soġġetti għal C188 biex tiġi implimentata madwar l-Unjoni Ewropea, fuq il-bażi tal-Linji gwida PSC-F.

    Flimkien jitolbu:

    Li dan il-Ftehim jiġi implimentat permezz ta' Direttiva tal-Kunsill.

    QABLU DWAR DAN LI ĠEJ:

    PARTI 1

    DEFINIZZJONIJIET U KAMP TA' APPLIKAZZJONI

    DEFINIZZJONIJIET

    Artikolu 1

    Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim:

    (a)

    operazzjoni tas-sajd tfisser il-qbid, jew il-qbid u l-ipproċessar, ta' ħut jew riżorsi oħra ħajjin tal-baħar;

    (b)

    sajd kummerċjali tfisser l-operazzjonijiet kollha tas-sajd ħlief għal sajd ta' sussistenza u sajd rikreattiv;

    (c)

    awtorità kompetenti tfisser il-Ministru, id-dipartiment tal-gvern jew awtorità oħra maħtura minn Stat Membru li għandha s-setgħa li toħroġ u tinforza regolamenti, ordnijiet jew struzzjonijiet oħrajn li għandhom il-forza tal-liġi rigward is-suġġett tad-dispożizzjoni konċernata;

    (d)

    konsultazzjoni tfisser konsultazzjoni mill-awtorità kompetenti mal-organizzazzjonijiet rispettivi ta' impjegaturi u ħaddiema konċernati, u b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-sidien tal-bastimenti tas-sajd u s-sajjieda, fejn dawn jeżistu;

    (e)

    sid ta' bastiment tas-sajd jew sid tfisser is-sid tal-bastiment tas-sajd jew kwalunkwe organizzazzjoni jew persuna oħra, bħall-maniġer, l-aġent jew in-nolleġġatur tal-bareboat, li jkun assuma r-responsabbiltà għall-operat tal-bastiment mis-sid u li, malli jassumi t-tali responsabbiltà, ikun qabel li jieħu f'idejh id-doveri u r-responsabbiltajiet imposti fuq is-sidien ta' bastiment tas-sajd skont dan il-Ftehim, irrispettivament minn jekk kwalunkwe organizzazzjoni jew persuna oħra tissodisfax uħud mid-doveri jew ir-responsabbiltajiet f'isem is-sid tal-bastiment tas-sajd;

    (f)

    sajjied tfisser kull persuna impjegata jew impenjata jew li taħdem fi kwalunkwe kapaċità abbord kwalunkwe bastiment tas-sajd skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2, iżda minbarra piloti tal-port u persunal tal-art li jwettqu xogħol abbord bastiment tas-sajd fuq il-mollijiet;

    (g)

    ftehim tax-xogħol ta' sajjied tfisser kuntratt tax-xogħol, artikoli ta' ftehim jew arranġamenti oħrajn simili, jew kwalunkwe kuntratt ieħor li jikkontrolla l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol ta' sajjied abbord bastiment tas-sajd;

    (h)

    bastiment tas-sajd jew bastiment ifisser kull vapur jew dgħajsa, li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru jew li jkunu reġistrati taħt il-ġurisdizzjoni plenarja ta' Stat Membru, ta' kwalunkwe natura, irrispettivament mill-forma tas-sjieda, użati jew maħsuba biex jintużaw għal sajd kummerċjali;

    (i)

    tul (L) għandu jitqies bħala 96 fil-mija tat-tul totali fuq linja tal-ilma mill-inqas fi 85 fil-mija tal-fond iffurmat imkejjel mil-linja tal-prim, jew bħala t-tul min-naħa ta' quddiem tar-rota tal-pruwa sal-assi tax-xaft tat-tmun fuq dik il-linja tal-ilma, jekk tkun ikbar; f'bastimenti ddisinjati bi prim angolat, il-linja tal-ilma li fuqha dan it-tul jitkejjel għandha tkun parallela mal-linja tal-ilma disinjata;

    (j)

    tul bejn il-perpendikulari (LBP) ifisser id-distanza bejn il-perpendikurali ta' quddiem u ta' wara; il-perpendikulari ta' quddiem għandhom jikkoinċidu mal-parti ta' quddiem tar-rota tal-pruwa fuq il-linja tal-ilma li fuqha jitkejjel it-tul (L); il-perpendikulari ta' wara għandha tikkoinċidi mal-assi tax-xaft tat-tmun fuq dik il-linja tal-ilma;

    (k)

    kaptan tal-bastiment (skipper) tfisser is-sajjied li jikkmanda bastiment tas-sajd;

    (l)

    servizz ta' reklutaġġ u pjazzament tfisser kull persuna, kumpanija, istituzzjoni, aġenzija jew organizzazzjoni oħra, fis-settur pubbliku jew privat, li hija impenjata fir-reklutaġġ ta' sajjieda f'isem, jew li tpoġġi sajjieda ma', sidien ta' bastimenti tas-sajd;

    (m)

    aġenzija privata tal-impjiegi tfisser kull persuna, kumpanija, istituzzjoni, aġenzija jew organizzazzjoni oħra fis-settur privat impenjata li timpjega jew tinvolvi sajjieda bil-għan li tagħmilhom disponibbli għas-sidien ta' bastimenti tas-sajd li jassenjaw il-kompiti tagħhom u jissorveljaw it-twettiq ta' dawn il-kompiti.

    KAMP TA' APPLIKAZZJONI

    Artikolu 2

    1.   Ħlief jekk ipprovdut mod ieħor fih, dan il-Ftehim japplika:

    (a)

    għas-sajjieda kollha li jaħdmu fi kwalunkwe kapaċità taħt kuntratt tax-xogħol jew f'relazzjoni tax-xogħol fuq il-bastimenti tas-sajd kollha impenjati fis-sajd kummerċjali;

    (b)

    is-sajjieda l-oħrajn kollha li huma preżenti fuq l-istess bastiment mas-sajjieda msemmija f'(a) sabiex jiżguraw il-protezzjoni tas-sikurezza u s-saħħa ġenerali.

    2.   Fil-każ ta' dubju dwar jekk bastiment huwiex impenjat fis-sajd kummerċjali, il-kwistjoni għandha tkun iddeterminata mill-awtorità kompetenti wara konsultazzjoni.

    3.   Kull Stat Membru, wara konsultazzjoni, jista' jestendi, kompletament jew parzjalment, lis-sajjieda li qed jaħdmu fuq bastiment ta' inqas minn 24 metru fit-tul il-protezzjoni mogħtija f'dan il-Ftehim lis-sajjieda li qed jaħdmu fuq bastimenti ta' 24 metru fit-tul u iżjed.

    Artikolu 3

    1.   Meta l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim tqajjem problemi speċjali ta' natura sostanzjali fid-dawl tal-kundizzjonijiet partikolari ta' servizz tas-sajjied jew tal-operazzjonijiet tal-bastimenti tas-sajd konċernati, Stat Membru jista', għal raġunijiet oġġettivi, wara konsultazzjoni, jeskludi kategoriji limitati ta' sajjieda jew bastimenti tas-sajd mir-rekwiżiti ta' dan il-Ftehim jew minn uħud mid-dispożizzjonijiet tiegħu.

    2.   Fil-każ ta' esklużjonijiet skont il-paragrafu preċedenti, l-awtorità kompetenti għandha tieħu miżuri, kif xierqa, biex testendi b'mod progressiv ir-rekwiżiti skont dan il-Ftehim għall-kategoriji kollha ta' sajjieda jew bastimenti tas-sajd konċernati f'perjodu massimu ta' 5 snin mid-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim.

    3.   L-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu fl-ebda ċirkostanza ma għandha tikkostitwixxi raġuni għall-ġustifikazzjoni tat-tnaqqis fil-livell ġenerali ta' protezzjoni tal-ħaddiema fl-oqsma koperti bil-liġi tal-UE fiż-żmien meta jidħol fis-seħħ dan il-Ftehim.

    Artikolu 4

    Xejn f'dan il-Ftehim ma għandu jaffettwa kwalunkwe liġi, sentenza jew tradizzjoni, jew kwalunkwe ftehim ieħor bejn is-sidien tal-bastimenti tas-sajd u s-sajjieda, li jiżgura kundizzjonijiet aktar favorevoli għas-sajjieda minn dawk stipulati f'dan il-Ftehim.

    PARTI 2

    PRINĊIPJI ĠENERALI

    IR-RESPONSABBILTAJIET TAS-SIDIEN TAL-BASTIMENTI TAS-SAJD, TAL-KAPTANI U TAS-SAJJIEDA

    Artikolu 5

    1.   Dan l-Artikolu japplika mingħajr ħsara għad-Direttiva 93/103/KE.

    2.   Is-sid ta' bastiment tas-sajd għandu r-responsabbiltà sħiħa biex jiżgura li l-kaptan ta' bastiment jingħata r-riżorsi u l-faċilitajiet kollha meħtieġa biex jikkonforma mal-obbligi ta' dan il-Ftehim.

    3.   Sabiex tiġi żgurata s-sikurezza tas-sajjieda abbord u l-operat sikur tal-bastiment, ir-responsabbiltajiet tal-kaptan jinkludu, iżda mhumiex limitati:

    (a)

    għall-għoti ta' tali superviżjoni kif ukoll l-iżgurar li, sa fejn possibbli, is-sajjieda jwettqu x-xogħol tagħhom fl-aħjar kundizzjonijiet ta' sikurezza u saħħa;

    (b)

    l-immaniġġjar tas-sajjieda b'mod li jirrispetta s-sikurezza u s-saħħa, inkluż il-prevenzjoni tal-għeja;

    (c)

    l-iffaċilitar ta' taħriġ fl-għarfien dwar is-sikurezza u s-saħħa fuq ix-xogħol abbord; u

    (d)

    l-iżgurar li jkun hemm konformità mal-istandards tas-sikurezza tan-navigazzjoni, tal-għassa u ta' tbaħħir tajjeb assoċjati.

    4.   Il-kaptan tal-bastiment ma għandux ikun limitat mis-sid tal-bastiment tas-sajd milli jieħu kwalunkwe deċiżjoni li, fil-ġudizzju professjonali tal-kaptan, hija meħtieġa għas-sikurezza tas-sajjieda abbord, jew tal-bastiment u n-navigazzjoni sikura u l-operat sikur tiegħu.

    5.   Is-sajjieda għandhom jikkonformaw mal-ordnijiet legali tal-kaptan u l-miżuri applikabbli tas-sikurezza u s-saħħa.

    PARTI 3

    REKWIŻITI MINIMI GĦAX-XOGĦOL FUQ IL-BASTIMENTI TAS-SAJD

    L-ETÀ MINIMA

    Artikolu 6

    1.   Dan l-Artikolu japplika mingħajr ħsara għad-Direttiva 94/33/KE.

    2.   L-età minima għax-xogħol abbord bastiment tas-sajd għandha tkun ta' 16-il sena sakemm żagħżugħ ma jkunx soġġett għal edukazzjoni skolastika full-time obbligatorja bil-liġi nazzjonali. Madankollu, l-awtorità kompetenti tista' tawtorizza età minima ta' 15-il sena għal persuni li ma għadhomx soġġetti għal edukazzjoni skolastika obbligatorja kif stipulat bil-leġiżlazzjoni nazzjonali, u li huma impenjati f'taħriġ vokazzjonali fis-sajd.

    3.   L-awtorità kompetenti, skont il-liġijiet u l-prattika nazzjonali, tista' tawtorizza persuni ta' 15-il sena biex iwettqu xogħol ħafif matul il-vaganzi tal-iskola. F'każijiet bħal dawn, din għandha tiddetermina, wara konsultazzjoni, it-tip ta' xogħol permess u għandha tistipula l-kundizzjonijiet li fihom għandu jitwettaq it-tali xogħol u l-perjodi ta' mistrieħ meħtieġa.

    4.   L-età minima għall-assenjazzjoni għal attivitajiet abbord bastimenti tas-sajd, li bin-natura tagħhom jew iċ-ċirkostanzi li fihom jitwettqu probabbilment jipperikolaw is-saħħa, is-sikurezza, l-iżvilupp fiżiku, mentali jew soċjali, l-edukazzjoni jew il-morali taż-żgħażagħ, ma għandhiex tkun inqas minn 18-il sena.

    5.   It-tipi ta' attivitajiet li għalihom japplika l-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu determinati bil-liġijiet jew ir-regolamenti nazzjonali, jew mill-awtorità kompetenti, wara konsultazzjoni, b'kunsiderazzjoni tar-riskji konċernati u l-istandards internazzjonali applikabbli.

    6.   It-twettiq tal-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu mill-età ta' 16-il sena, sakemm żagħżugħ ma jkunx soġġett għal edukazzjoni skolastika full time obbligatorja skont il-liġi nazzjonali, jista' jkun awtorizzat mil-liġijiet jew ir-regolamenti nazzjonali, jew permezz ta' deċiżjoni tal-awtorità kompetenti, wara konsultazzjoni, sakemm is-saħħa, is-sikurezza, l-iżvilupp fiżiku, mentali u soċjali, l-edukazzjoni u l-morali taż-żgħażagħ konċernati jkunu protetti bis-sħiħ u li ż-żgħażagħ konċernati jkunu rċevew struzzjoni jew taħriġ vokazzjonali speċifiċi xierqa u jkunu kkompletaw it-taħriġ bażiku fis-sikurezza ta' qabel it-tbaħħir. Ir-rekwiżiti skont l-Artikolu 7.3 tad-Direttiva 94/33/KE għandhom ikunu rispettati.

    7.   L-involviment ta' sajjieda taħt l-età ta' 18-il sena għal xogħol ta' billejl għandu jkun ipprojbit. Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, “billejl” għandu jkun iddefinit skont il-liġi u l-prattika nazzjonali. Għandu jkopri perjodu ta' mill-inqas disa' sigħat li jibda mhux iktar tard minn nofsillejl u jispiċċaw mhux qabel il-5 a.m. eċċezzjoni għall-konformità stretta xogħol billejl restrizzjoni tista' ssir mill-awtorità kompetenti, sakemm ir-rekwiżiti taħt l-Artikolu 9 tad-Direttiva 94/33/KE jiġu rrispettati, meta:

    (a)

    it-taħriġ effettiv tas-sajjieda konċernati, skont il-programmi u l-iskedi stabbiliti, ikun affettwat ħażin; jew

    (b)

    in-natura speċifika tad-dover jew il-programm ta' taħriġ rikonoxxut jeħtieġ li s-sajjieda koperti mill-eċċezzjoni jwettqu doveri billejl u l-awtorità tiddetermina, wara konsultazzjoni, li x-xogħol mhux ser ikollu impatt ħażin fuq is-saħħa jew il-benessri.

    8.   Xejn f'dan l-Artikolu ma għandu jaffettwa kwalunkwe obbligi assunti mill-Istat Membru li jirriżultaw mir-ratifka ta' kwalunkwe Konvenzjoni tax-xogħol internazzjonali li tiggarantixxi kundizzjonijiet aktar protettivi għas-sajjieda żgħażagħ konċernati f'dan l-Artikolu.

    L-EŻAMI MEDIKU

    Artikolu 7

    1.   L-ebda sajjied ma għandu jaħdem abbord bastiment tas-sajd mingħajr ċertifikat mediku validu li jattesta l-kapaċità biex iwettaq id-doveri tiegħu.

    2.   L-awtorità kompetenti, wara konsultazzjoni, tista' tagħti eżenzjonijiet mill-applikazzjoni tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, b'kunsiderazzjoni tas-sikurezza u tas-saħħa tas-sajjieda, id-daqs tal-bastiment, id-disponibbiltà tal-għajnuna medika u tal-evakwazzjoni, id-dewmien tal-vjaġġ, iż-żona tal-operazzjoni, u t-tip ta' operazzjoni tas-sajd.

    3.   L-eżenzjonijiet fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu ma għandhomx japplikaw għas-sajjieda li jaħdmu fuq bastiment tas-sajd ta' 24 metru fit-tul u iżjed jew li normalment jibqa' fuq il-baħar għal iżjed minn tliet ijiem. F'każijiet urġenti, l-awtorità kompetenti tista' tippermetti sajjied jaħdem fuq bastiment bħal dan għal perjodu ta' dewmien limitat u speċifikat sakemm ikun jista' jinkiseb ċertifikat mediku, u sakemm is-sajjied ikollu ċertifikat mediku skadut b'data riċenti.

    Artikolu 8

    Kull Stat Membru għandu jadotta liġijiet, regolamenti jew miżuri oħrajn li jagħmlu provvediment:

    (a)

    għan-natura tal-eżamijiet mediċi;

    (b)

    il-forma u l-kontenut taċ-ċertifikati mediċi;

    (c)

    il-ħruġ ta' ċertifikat mediku minn tabib kwalifikat kif dovut jew, fil-każ ta' ċertifikat li jikkonċerna biss il-vista, minn persuna rikonoxxuta mill-awtorità kompetenti bħala kwalifikata biex toħroġ ċertifikat bħal dan; dawn il-persuni għandhom ikunu kompletament indipendenti meta jagħtu l-ġudizzju professjonali tagħhom;

    (d)

    il-frekwenza tal-eżamijiet mediċi u l-perjodu ta' validità taċ-ċertifikati mediċi;

    (e)

    id-dritt għal eżami ieħor vinkolanti minn tabib indipendenti, li jkun ġie maħtur mill-Istat Membru bħala arbitru,

    (i)

    fil-każ li persuna ma tkunx ingħatat ċertifikat jew kellha limitazzjonijiet imposti fuq ix-xogħol li hu jew hi tista' twettaq;

    (ii)

    fil-każ li persuna, matul l-eżami tiegħu jew tagħha, tkun indikat li ssib li mhijiex kapaċi twettaq id-doveri tagħha abbord bastiment tas-sajd, iżda l-eżaminatur mediku joħroġ ċertifikat mediku xorta waħda li jattesta li dik il-persuna hija medikament kapaċi twettaq id-doveri tagħha abbord bastiment tas-sajd;

    (iii)

    fil-każ li persuna ma tkunx ingħatat ċertifikat jew kellha limitazzjonijiet imposti fuq ix-xogħol li hu jew hi tista' twettaq, fil-każ li r-raġunijiet mediċi għat-tali rifjut ma jkunux għadhom preżenti.

    (f)

    rekwiżiti oħrajn rilevanti.

    Artikolu 9

    Minbarra r-rekwiżiti minimi stabbiliti fl-Artikolu 7 u l-Artikolu 8, fuq bastiment tas-sajd ta' 24 metru fit-tul u iżjed, jew fuq bastiment li normalment jibqa' fuq il-baħar għal iżjed minn tliet ijiem:

    (a)

    iċ-ċertifikat mediku ta' sajjied għandu jgħid, tal-anqas, li:

    (i)

    is-smigħ u l-vista tas-sajjied konċernat huma sodisfaċenti għad-doveri tas-sajjied fuq il-bastiment, u

    (ii)

    is-sajjied mhux qed isofri minn xi kundizzjoni medika li tista' taggrava bis-servizz fuq il-baħar jew li tagħmel is-sajjied inkapaċi għat-tali servizz jew li tipperikola s-sikurezza jew is-saħħa ta' persuni oħrajn abbord;

    (b)

    iċ-ċertifikat mediku għandu jkun validu għal perjodu massimu ta' sentejn sakemm is-sajjied ma jkunx taħt l-età ta' 18-il sena, f'liema każ il-perjodu massimu ta' validità għandu jkun ta' sena;

    (c)

    jekk il-perjodu ta' validità ta' ċertifikat jiskadi matul vjaġġ, iċ-ċertifikat għandu jibqa' fis-seħħ sakemm jintemm dak il-vjaġġ.

    PARTI 4

    IL-KUNDIZZJONIJIET TAS-SERVIZZ

    L-EKWIPAĠĠ

    Artikolu 10

    1.   Kull Stat Membru għandu jadotta liġijiet, regolamenti jew miżuri oħrajn li jeħtieġu li s-sidien ta' bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu jew li huma reġistrati taħt il-ġurisdizzjoni plenarja tiegħu għandhom ekwipaġġ biżżejjed u ta' sikurezza minima għan-navigazzjoni u l-operat sikur tal-bastiment u huma taħt il-kontroll ta' kaptan kompetenti.

    2.   Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti għandha, għall-bastimenti tas-sajd ta' 24 metru fit-tul u iżjed, tistabbilixxi livell minimu ta' ekwipaġġ għan-navigazzjoni sikura tal-bastiment, u tispeċifika n-numru u l-kwalifiki tas-sajjieda meħtieġa.

    3.   L-awtorità kompetenti, wara konsultazzjoni, tista' tistabbilixxi rekwiżiti alternattivi għal dawk fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. Madankollu, l-Istat Membru għandu jkun sodisfatt li l-alternattiva:

    (a)

    twassal għall-ilħuq sħiħ tal-għan u l-iskop ġenerali ta' dan l-Artikolu u tal-Artikolu 11 iktar 'il quddiem;

    (b)

    tagħti effett lill-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu; u

    (c)

    ma tipperikolax is-sikurezza u s-saħħa tas-sajjieda.

    IS-SIGĦAT TA' XOGĦOL U S-SIGĦAT TA' MISTRIEĦ

    Artikolu 11

    1.

    (a)

    L-Artikoli 3 sa 6 inklużivi, 8, u 21 tad-Direttiva 2003/88/KE ma għandhomx japplikaw għas-sajjieda koperti skont dan il-Ftehim.

    (b)

    Kull Stat Membru għandu, madankollu, jadotta liġijiet, regolamenti jew miżuri oħrajn li jeħtieġu li s-sidien ta' bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu jiżguraw li s-sajjieda jkunu intitolati għal mistrieħ biżżejjed u li s-sigħat tax-xogħol tas-sajjieda jkunu limitati għal 48 siegħa fil-ġimgħa bħala medja, ikkalkulati fuq perjodu ta' referenza li ma jaqbiżx it-tnax-il xahar.

    2.

    (a)

    Fil-limiti stabbiliti fil-paragrafu 1, is-subparagrafu (b), u l-paragrafi 3 u 4 ta' dan l-Artikolu, kull Stat Membru għandu, wara konsultazzjoni, jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li, b'konformità mal-ħtieġa li jiġu protetti s-sikurezza u s-saħħa tas-sajjieda u sabiex tiġi limitata l-għeja:

    (i)

    is-sigħat tax-xogħol huma limitati għal numru massimu ta' sigħat li ma għandhomx jinqabżu f'perjodu ta' żmien speċifiku; jew

    (ii)

    ikun hemm numru minimu ta' sigħat ta' mistrieħ f'perjodu ta' żmien speċifiku.

    (b)

    In-numru massimu ta' sigħat ta' xogħol jew in-numru minimu ta' sigħat ta' mistrieħ għandhom ikunu speċifikati bil-liġi, bir-regolamenti, bid-dispożizzjonijiet amministrattivi jew permezz ta' ftehimiet kollettivi jew ftehimiet bejn iż-żewġ naħat tal-industrija.

    3.   Il-limiti fuq is-sigħat ta' xogħol jew mistrieħ għandhom ikunu jew:

    (a)

    in-numru massimu ta' sigħat ta' xogħol li ma għandhomx jaqbżu:

    (i)

    l4-il siegħa fi kwalunkwe perjodu ta' 24 siegħa, u

    (ii)

    72 siegħa fi kwalunkwe perjodu ta' sebat ijiem;

    jew

    (b)

    in-numru minimu ta' sigħat ta' mistrieħ li ma għandhomx ikunu inqas minn:

    (i)

    għaxar sigħat fi kwalunkwe perjodu ta' 24 siegħa, u

    (ii)

    77 siegħa fi kwalunkwe perjodu ta' sebat ijiem.

    4.   Is-sigħat ta' mistrieħ ma jistgħux jiġu diviżi f'aktar minn żewġ perjodi, li wieħed minnhom għandu jkun twil mill-inqas sitt sigħat, u l-intervall bejn żewġ perjodi konsekuttivi ta' mistrieħ ma għandux jaqbeż l-14-il siegħa.

    5.   Skont il-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, u għal raġunijiet oġġettivi jew tekniċi jew raġunijiet li jikkonċernaw l-organizzazzjoni tax-xogħol, l-Istati Membri jistgħu jippermettu eċċezzjonijiet, inkluż l-istabbiliment ta' perjodi ta' referenza, għal-limiti stabbiliti fil-paragrafu 1, is-subparagrafu (b), u l-paragrafi 3 u 4. Eċċezzjonijiet bħal dawn għandhom, sa fejn huwa possibbli, jikkonformaw mal-istandards stabbiliti iżda jistgħu jikkunsidraw perjodi ta' liv aktar frekwenti jew itwal jew l-għoti ta' liv kumpensatorju għas-sajjieda.

    Dawn l-eċċezzjonijiet jistgħu jiġu stabbiliti permezz ta':

    (a)

    liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi sakemm ikun hemm konsultazzjoni u jsiru sforzi biex jiġu mħeġġa l-forom kollha rilevanti ta' djalogu soċjali; jew

    (b)

    ftehimiet kollettivi jew ftehimiet bejn iż-żewġ naħat tal-industrija.

    6.   Jekk ikunu permessi eċċezzjonijiet skont il-paragrafu 5 għal-limitazzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3, is-sajjieda konċernati għandhom jirċievu perjodi kumpensatorji ta' mistrieħ malajr kemm jista' jkun prattiku.

    7.   Xejn f'dan l-Artikolu ma għandu jitqies li jaffettwa ħażin id-dritt tal-kaptan ta' bastiment li jeħtieġ li s-sajjieda jwettqu kwalunkwe sigħat ta' xogħol meħtieġa għas-sikurezza immedjata tal-bastiment, tal-persuni abbord jew tal-qabda, jew biex tingħata għajnuna lil dgħajjes jew vapuri oħrajn jew lil persuni f'diffikultà fil-baħar. Għaldaqstant, il-kaptan jista' jissospendi l-iskeda ta' sigħat ta' mistrieħ u jeħtieġ sajjied iwettaq kwalunkwe sigħat ta' xogħol meħtieġa sakemm is-sitwazzjoni terġa' lura għan-normal. Malajr kemm jista' jkun prattiku wara li s-sitwazzjoni terġa' lura għan-normal, il-kaptan għandu jiżgura li kull sajjied li jkun wettaq xogħol f'perjodu ta' mistrieħ skedat ikun ipprovdut b'perjodu ta' mistrieħ xieraq.

    8.   Kull Stat Membru jista' jistipula li s-sajjieda abbord bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tiegħu jew li huma reġistrati taħt il-ġurisdizzjoni plenarja tiegħu li għalihom il-leġiżlazzjoni jew il-prattika nazzjonali tiddetermina li dawn il-bastimenti mhumiex permessi joperaw f'perjodu speċifiku tas-sena kalendarja li jaqbeż xahar, għandhom jieħdu l-liv annwali skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE f'dak il-perjodu.

    IL-LISTA TAL-EKWIPAĠĠ

    Artikolu 12

    Kull bastiment tas-sajd għandu jġorr lista tal-ekwipaġġ, li kopja tagħha għandha tkun ipprovduta lill-persuni awtorizzati fuq l-art qabel it-tluq tal-bastiment, jew ikkomunikata fuq l-art minnufih wara t-tluq tal-bastiment. L-awtorità kompetenti għandha tiddetermina lil min u fejn għandha tingħata din l-informazzjoni u għal liema skop jew skopijiet.

    IL-FTEHIM TAX-XOGĦOL TAS-SAJJIEDA

    Artikolu 13

    L-Artikoli 14 sa 18 inklużivi japplikaw mingħajr ħsara għad-Direttiva 91/533/KEE.

    Artikolu 14

    Kull Stat Membru għandu jadotta liġijiet, regolamenti jew miżuri oħrajn li:

    (a)

    jeħtieġu li s-sajjieda li jaħdmu fuq bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu jew li huma reġistrati taħt il-ġurisdizzjoni plenarja tiegħu jkollhom il-protezzjoni ta' ftehim tax-xogħol tas-sajjieda li jistgħu jifhmu u li huwa konsistenti mad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim; u

    (b)

    jispeċifikaw id-dettalji minimi li jridu jiġu inklużi fil-ftehimiet tax-xogħol tas-sajjieda skont id-dispożizzjonijiet fl-Anness I għal dan il-Ftehim.

    Artikolu 15

    Kull Stat Membru għandu jadotta liġijiet, regolamenti jew miżuri oħrajn dwar:

    (a)

    proċeduri li jiżguraw li sajjied ikollu l-opportunità li jirrevedi u jitlob parir dwar it-termini tal-ftehim tax-xogħol tas-sajjieda qabel jiġi konkluż;

    (b)

    fejn applikabbli, iż-żamma ta' rekords li jikkonċernaw ix-xogħol tas-sajjied skont tali ftehim; u

    (c)

    il-mezzi biex jiġi solvut it-tilwim b'konnessjoni ma' ftehim tax-xogħol tas-sajjieda.

    Artikolu 16

    Il-ftehim tax-xogħol tas-sajjieda, li kopja tiegħu għandha tkun ipprovduta lis-sajjied, għandu jinġarr abbord u jkun disponibbli għas-sajjied u, skont il-liġi u l-prattika nazzjonali, għal partijiet oħra konċernati meta jintalab.

    Artikolu 17

    L-Artikoli 14 sa 16 inklużivi u l-Anness I ta' dan il-Ftehim ma japplikawx għal sid ta' bastiment tas-sajd li qed jopera l-bastiment waħdu.

    Artikolu 18

    Għandha tkun ir-responsabbiltà tas-sid ta' bastiment tas-sajd li jiżgura li kull sajjied ikollu ftehim tax-xogħol tas-sajjieda bil-miktub, li jkun iffirmat mill-partijiet kollha għal dak il-ftehim, u li jipprovdi s-sajjied b'kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien deċenti abbord il-bastiment kif meħtieġ minn dan il-Ftehim.

    IR-RIPATRIJAZZJONI

    Artikolu 19

    1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li s-sajjieda fuq bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera tiegħu jew li huwa reġistrat taħt il-ġurisdizzjoni plenarja tiegħu u li jidħol f'port barrani jkun intitolat għar-ripatrijazzjoni fil-każ li l-ftehim tax-xogħol tas-sajjieda jkun skada jew ikun ġie terminat għal raġunijiet ġustifikati minn waħda jew iktar mill-partijiet għal dak il-ftehim, jew fil-każ li s-sajjied ma jibqax kapaċi jwettaq id-doveri meħtieġa skont il-ftehim tax-xogħol tas-sajjieda jew ma jistax ikun mistenni li jwettaqhom fiċ-ċirkostanzi speċifiċi. Dan japplika wkoll għas-sajjieda minn dak il-bastiment li jiġu trasferiti għall-istess raġunijiet mill-bastiment lejn il-port barrani.

    2.   L-ispejjeż tar-ripatrijazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu tas-sid tal-bastiment tas-sajd, ħlief fejn is-sajjied ikun instab, skont il-liġijiet, ir-regolamenti jew miżuri oħrajn nazzjonali, li jkun f'nuqqas serju tal-obbligi tiegħu jew tagħha taħt il-ftehim tax-xogħol tas-sajjieda.

    3.   L-Istati Membri għandhom jistipulaw, permezz ta' liġijiet, regolamenti jew miżuri oħrajn, iċ-ċirkostanzi preċiżi li jintitolaw sajjied kopert bil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għar-ripatrijazzjoni, id-dewmien massimu tal-perjodi ta' servizz abbord li warajhom is-sajjied ikun intitolat għar-ripatrijazzjoni, u d-destinazzjonijiet li s-sajjied jista' jiġi rimpatrijat lejhom.

    4.   Jekk sid ta' bastiment tas-sajd jonqos milli jipprovdi għar-ripatrijazzjoni msemmija f'dan l-Artikolu, l-Istat Membru li l-bastiment itajjar il-bandiera tiegħu għandu jieħu ħsieb ir-ripatrijazzjoni tas-sajjied konċernat u għandu jkun intitolat li jirkupra l-ispejjeż mis-sid tal-bastiment tas-sajd.

    5.   Il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali ma għandhomx ikunu ta' ħsara għal kwalunkwe dritt tas-sid tal-bastiment tas-sajd li jirkupra l-ispejjeż tar-ripatrijazzjoni skont ftehimiet kuntrattwali ma' partijiet terzi.

    IS-SERVIZZI TAS-SUQ TAX-XOGĦOL PRIVAT

    Artikolu 20

    1.   Dan l-Artikolu japplika mingħajr ħsara għad-Direttiva 2008/104/KE.

    2.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, is-servizzi tas-suq tax-xogħol privat jikkonsistu minn servizzi ta' reklutaġġ u pjazzament fis-settur privat u s-servizzi ta' aġenziji tal-impjieg privati.

    3.   Stat Membru għandu:

    (a)

    jipprojbixxi s-servizzi tas-suq tax-xogħol privat milli jużaw mezzi, mekkaniżmi jew listi maħsuba biex jipprevjenu s-sajjieda milli jsibu xogħol; u

    (b)

    jeħtieġ li l-ebda tariffa jew imposta oħra għas-servizzi tas-suq tax-xogħol privat ma titħallas direttament jew indirettament, kompletament jew parzjalment, mis-sajjied.

    4.   Xejn f'dan l-Artikolu ma għandu jipprevjeni lil kwalunkwe Stat Membru li jkun irratifika C188 milli jeżerċita d-dritt li jista' jkollu li jalloka, fil-limitazzjonijiet stipulati mill-Konvenzjoni, ċertu responsabbiltajiet taħt C188 lil aġenziji tal-impjieg privati.

    PARTI 5

    IS-SIKUREZZA U S-SAĦĦA FUQ IX-XOGĦOL

    L-IKEL U L-AKKOMODAZZJONI

    Artikolu 21

    1.   L-Artikoli 22 sa 25 inklużivi japplikaw mingħajr ħsara għad-Direttiva 93/103/KE.

    2.   Id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw l-Artikoli 22 sa 25 inklużivi għandhom ikunu osservati b'kunsiderazzjoni xierqa għall-iġjene u għal kundizzjonijiet ġenerali sikuri, tajbin għas-saħħa u komdi.

    Artikolu 22

    Kull Stat Membru għandu jadotta liġijiet, regolamenti jew miżuri oħrajn għall-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tiegħu jew li huma rreġistrati taħt il-ġurisdizzjoni plenarja tiegħu fir-rigward tal-akkomodazzjoni, tal-ikel u tal-ilma tajjeb għax-xorb abbord.

    Artikolu 23

    Kull Stat Membru għandu jadotta liġijiet, regolamenti jew miżuri oħrajn li jeħtieġu li l-akkomodazzjoni abbord il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tiegħu jew li huma reġistrati taħt il-ġurisdizzjoni plenarja tiegħu għandhom ikunu ta' daqs u kwalità biżżejjed u mgħammra b'mod xieraq għas-servizz tal-bastiment u t-tul taż-żmien li s-sajjieda jgħixu abbord. B'mod partikolari, miżuri bħal dawn għandhom jindirizzaw, kif xieraq, il-kwistjonijiet li ġejjin:

    (a)

    l-approvazzjoni tal-pjanijiet għall-kostruzzjoni u jew il-modifika tal-bastimenti tas-sajd fir-rigward tal-akkomodazzjoni;

    (b)

    il-manutenzjoni tal-ispazju tal-akkomodazzjoni u tal-kċina;

    (c)

    il-ventilazzjoni, it-tisħin, it-tkessiħ u t-tidwil;

    (d)

    il-mitigazzjoni tal-ħsejjes u l-vibrazzjonijiet eċċessivi;

    (e)

    il-lokazzjoni, id-daqs, il-materjali tal-kostruzzjoni, l-għamara u l-armar tal-kmamar tal-irqad, il-kmamar tal-ikel u spazji oħrajn tal-akkomodazzjoni;

    (f)

    il-faċilitajiet sanitarji, inklużi t-tojlits u l-faċilitajiet tal-ħasil, u l-provvista ta' biżżejjed ilma sħun u kiesaħ; u

    (g)

    il-proċeduri għar-rispons għal ilmenti li jikkonċernaw l-akkomodazzjoni li ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta' dan il-Ftehim.

    Artikolu 24

    Kull Stat Membru għandu jadotta liġijiet, regolamenti jew miżuri oħrajn li jeħtieġu li:

    (a)

    l-ikel li jinġarr u jiġi servut abbord ikun ta' valur nutrittiv biżżejjed, u jkun ta' kwalità u fi kwantitajiet biżżejjed;

    (b)

    l-ilma tax-xorb ikun ta' kwalità u fi kwantitajiet biżżejjed; u

    (c)

    l-ikel u l-ilma għandhom ikunu pprovduti mis-sid tal-bastiment tas-sajd b'xejn lis-sajjied; madankollu, skont il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali, l-ispejjeż jistgħu jiġu rkuprati bħala spiża operattiva jekk il-ftehim kollettiv li jikkontrolla sistema ta' kondiviżjoni jew ftehim tax-xogħol tas-sajjieda jipprovdu hekk.

    Artikolu 25

    Il-liġijiet, ir-regolamenti jew miżuri oħrajn li jridu jiġu adottati mill-Istat Membru skont l-Artikoli 22 sa 24 inklużivi għandhom jagħtu effett sħiħ lill-Anness II għal dan il-Ftehim.

    IL-PROTEZZJONI TAS-SAĦĦA U L-KURA MEDIKA, IL-PROTEZZJONI FIL-KAŻ TA' MARD, KORRIMENT JEW MEWT

    Artikolu 26

    Kull Stat Membru għandu jadotta liġijiet, regolamenti jew miżuri oħrajn li jeħtieġu li sajjied abbord bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera tiegħu jew li huwa reġistrat taħt il-ġurisdizzjoni plenarja tiegħu:

    (a)

    għandu d-dritt għal trattament mediku fuq l-art u d-dritt li jittieħed fuq l-art fil-ħin dovut għal trattament fil-każ ta' korriment jew mard serju li jseħħu lilu;

    (b)

    ikun ipprovdut mis-sid tal-bastiment tas-sajd bil-protezzjoni tas-saħħa u l-kura medika filwaqt li hu jkun

    (i)

    abbord, jew

    (ii)

    niżel f'port barra mill-pajjiż li huwa responsabbli għall-protezzjoni tas-sigurtà soċjali tas-sajjied; u

    (c)

    għandu, fil-każ ta' mard jew korriment relatat max-xogħol, ikollu wkoll aċċess għal kura medika xierqa skont il-liġijiet, ir-regolamenti jew il-prattika nazzjonali tiegħu.

    Artikolu 27

    Kull Stat Membru għandu jadotta liġijiet, regolamenti jew miżuri oħra li jeħtieġu li l-protezzjoni tas-saħħa u l-kura medika msemmija fl-Artikolu 26(b), għandhom:

    (a)

    ikunu soġġetti għad-dispożizzjonijiet applikabbli tad-Direttiva 92/29/KEE u tal-Artikolu 28 minn issa 'l quddiem jekk is-sajjied ikun abbord; u għandhom

    (b)

    jinkludu t-trattament mediku u għajnuna materjali u appoġġ relatati matul it-trattament mediku jekk is-sajjied jinżel f'port barra mill-pajjiż li huwa responsabbli għall-protezzjoni tas-sigurtà soċjali tas-sajjied.

    Artikolu 28

    Kull Stat Membru għandu jadotta liġijiet, regolamenti jew miżuri oħrajn li jeħtieġu li:

    (a)

    minbarra r-rekwiżiti tal-Artikolu 2(1)(b), tad-Direttiva 92/29/KEE, il-prodotti mediċi u t-tagħmir mediku li jridu jinġarru abbord bastiment tas-sajd ukoll għandhom jiddependu fuq iż-żona tal-operat;

    (b)

    minbarra r-rekwiżiti tal-Artikolu 5(3), tad-Direttiva 92/29/KEE, it-taħriġ speċjali tas-sajjieda stipulat għandu jikkunsidra wkoll in-numru ta' sajjieda abbord, iż-żona tal-operat u t-tul tal-vjaġġ;

    (c)

    il-gwidi pprovduti fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 92/29/KEE għandhom ikunu f'lingwa u format li tinftiehem mis-sajjieda mħarrġa msemmija fil-paragrafu (b) ta' dan l-Artikolu;

    (d)

    il-konsultazzjonijiet mediċi msemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 92/29/KEE għandhom ikunu disponibbli wkoll permezz tal-komunikazzjoni bis-satellita u li l-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tiegħu jew li huma reġistrati taħt il-ġurisdizzjoni plenarja tiegħu għandhom, sabiex jiksbu konsultazzjonijiet bħal dawn, ikunu mgħammra għal komunikazzjoni bir-radju jew bis-satellita; u

    (e)

    bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tiegħu jew li huma reġistrati taħt il-ġurisdizzjoni plenarja tiegħu jġorru gwida medika adottata jew approvata mill-awtorità kompetenti, jew l-aħħar edizzjoni tal-International Medical Guide for Ships (il-Gwida Medika Internazzjonali għall-Vapuri).

    Artikolu 29

    Kull Stat Membru għandu jadotta liġijiet, regolamenti jew miżuri oħrajn li jeħtieġu li:

    (a)

    sal-limitu li huwa konsistenti mal-liġi u l-prattika nazzjonali tal-Istat Membru, il-kura medika preskritta fl-Artikolu 26(b) kif ukoll fl-Artikolu 28, għandha tingħata mingħajr ħlas lis-sajjied; u li

    (b)

    sakemm is-sajjied ikun ġie rimpatrijat, is-sid tal-bastiment tas-sajd għandu jħallas l-ispejjeż tal-kura medika li s-sajjied huwa eżentat minnhom skont il-paragrafu (a) ta' dan l-Artikolu sal-limitu li l-pajjiż, li huwa responsabbli għall-protezzjoni tas-sigurtà soċjali tas-sajjied, ma jkoprix l-ispejjeż taħt is-sistema tas-sigurtà soċjali tiegħu; u li

    (c)

    is-sid tal-bastiment tas-sajd għandu jkun responsabbli għall-ħlas tal-ispejjeż tal-kura medika preskritta fl-Artikolu 26(c), sal-limitu li l-pajjiż, responsabbli għall-protezzjoni tas-sigurtà soċjali tas-sajjied, ma jkoprix l-ispejjeż taħt is-sistema tas-sigurtà soċjali tiegħu.

    Artikolu 30

    Il-liġi jew ir-regolamenti nazzjonali jistgħu jippermettu l-esklużjoni tar-responsabblità tas-sid tal-bastiment tas-sajd biex iħallas l-ispejjeż tal-kura medika kif imsemmi fl-Artikolu 29(b) u (c), jekk il-korriment ma jkunx seħħ fis-servizz tal-bastiment tas-sajd jew il-marda jew id-diżabilità tkun inżammet moħbija meta ġie impjegat, jew is-sid tal-bastiment tas-sajd juri li l-korriment jew il-mard huwa minħabba l-kondotta ħażina volontarja tas-sajjied.

    Artikolu 31

    1.   Kull Stat Membru għandu jieħu miżuri biex jipprovdi lis-sajjied bi protezzjoni, skont il-liġijiet, ir-regolamenti jew il-prattika nazzjonali, għal mard, korriment jew mewt relatat max-xogħol.

    2.   Fil-każ ta' korriment minħabba inċident jew mard okkupazzjonali, is-sajjied għandu jkollu aċċess għall-kumpens korrispondenti skont il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali.

    3.   Sal-limitu li l-pajjiż li huwa responsabbli għall-protezzjoni tas-sigurtà soċjali tas-sajjied ma jkoprix il-protezzjoni msemmija fil-paragrafu 1, u konsegwentement 2, ta' dan l-Artikolu taħt is-sistema tiegħu tas-sigurtà soċjali, is-sid tal-bastiment tas-sajd għandu jkun responsabbli għaliha.

    Artikolu 32

    B'kunsiderazzjoni tal-karatteristiċi fis-settur tas-sajd, ir-responsabbiltajiet finanzjarji tas-sid tal-bastiment tas-sajd skont l-Artikoli 29 u 31 jistgħu jkunu żgurati permezz ta':

    (a)

    sistema ta' responsabbiltà tas-sidien ta' bastimenti tas-sajd; jew

    (b)

    skemi ta' assigurazzjoni obbligatorja, ta' kumpens għall-ħaddiema, jew skemi oħrajn.

    IS-SIKUREZZA U S-SAĦĦA FUQ IX-XOGĦOL U L-PREVENZJONI TAL-INĊIDENTI

    Artikolu 33

    L-Artikoli 34 sa 36 inklużivi japplikaw mingħajr ħsara għad-Direttiva 89/391/KEE, id-Direttiva 92/29/KEE u d-Direttiva 93/103/KE.

    Artikolu 34

    Kull Stat Membru għandu jadotta liġijiet, regolamenti jew miżuri oħrajn dwar:

    (a)

    il-prevenzjoni ta' inċidenti okkupazzjonali, mard okkupazzjonali u riskji relatati max-xogħol abbord bastimenti tas-sajd, inkluż evalwazzjoni u ġestjoni tar-riskji, taħriġ u istruzzjoni abbord tas-sajjieda;

    (b)

    taħriġ għas-sajjieda fil-ġestjoni tat-tipi ta' tagħmir tas-sajd li jkunu ser jużaw u fl-għarfien tal-operazzjonijiet tas-sajd li ser ikunu impenjati fihom;

    (c)

    l-obbligi tas-sidien tal-bastimenti tas-sajd, tas-sajjieda u oħrajn ikkonċernati, b'kunsiderazzjoni xierqa tas-sikurezza u s-saħħa tas-sajjieda taħt l-età ta' 18-il sena;

    (d)

    ir-rapportar u l-investigazzjoni ta' inċidenti abbord bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tiegħu jew li huma reġistrati taħt il-ġurisdizzjoni plenarja tiegħu; u

    (e)

    l-istabbiliment ta' kumitati konġunti dwar is-sikurezza u s-saħħa fuq ix-xogħol jew, wara konsultazzjoni, ta' korpi oħrajn xierqa.

    Artikolu 35

    1.   Ir-rekwiżiti ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw għall-bastimenti kollha tas-sajd, b'kunsiderazzjoni tan-numru ta' sajjieda abbord, iż-żona tal-operazzjoni, u d-dewmien tal-vjaġġ.

    2.   L-awtorità kompetenti għandha:

    (a)

    wara konsultazzjoni, teħtieġ li s-sid tal-bastiment tas-sajd, skont il-liġijiet, ir-regolamenti, il-ftehimiet ta' negozjar kollettiv u l-prattika nazzjonali, jistabbilixxi proċeduri abbord għall-prevenzjoni ta' inċidenti, korrimenti u mard okkupazzjonali, b'kunsiderazzjoni tal-perikli u r-riskji speċifiċi fuq il-bastiment tas-sajd konċernat; u

    (b)

    teħtieġ li s-sidien tal-bastimenti tas-sajd, il-kaptani, is-sajjieda u persuni oħrajn rilevanti jkunu pprovduti bi gwida biżżejjed u xierqa, materjal tat-taħriġ, jew informazzjoni oħra xierqa dwar kif jevalwaw u jimmaniġġjaw ir-riskji għas-sikurezza u s-saħħa abbord bastimenti tas-sajd.

    3.   Is-sidien tal-bastimenti tas-sajd għandhom:

    (a)

    jiżguraw li kull sajjied abbord ikun ipprovdut bi ħwejjeġ u tagħmir personali protettiv xieraq;

    (b)

    jiżguraw li kull sajjied abbord ikun irċieva taħriġ bażiku fis-sikurezza approvat mill-awtorità kompetenti; u

    (c)

    jiżguraw li s-sajjieda jkunu familjari biżżejjed u b'mod raġonevoli mat-tagħmir u l-metodi ta' operat tiegħu, inkluż il-miżuri tas-sikurezza rilevanti, qabel jużaw it-tagħmir jew jipparteċipaw fl-operazzjonijiet konċernati.

    Artikolu 36

    L-evalwazzjoni tar-riskji relatata mas-sajd għandha titwettaq bil-parteċipazzjoni tas-sajjieda jew tar-rappreżentanti tagħhom kif xieraq.

    PARTI 6

    EMENDI

    Artikolu 37

    1.   Sussegwentement għal kwalunkwe emenda għal kwalunkwe mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni, u jekk mitluba minn waħda mill-partijiet firmatarji għal dan il-Ftehim, għandha titwettaq reviżjoni tal-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim u l-Annessi tiegħu.

    2.   Sussegwentement għal kull bidla fil-leġiżlazzjoni Ewropea li tista' taffettwa dan il-Ftehim, u jekk mitlub minn kwalunkwe waħda mill-partijiet firmatarji għal dan il-Ftehim, għandhom jitwettqu evalwazzjoni u reviżjoni ta' dan il-Ftehim fi kwalunkwe ħin.

    PARTI 7

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 38

    Il-partijiet firmatarji jagħmlu dan il-Ftehim bil-kundizzjoni li dan ma jidħolx fis-seħħ sad-data li fiha tidħol fis-seħħ il-Konvenzjoni. Il-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ tnax-il xahar wara d-data li fiha r-ratifiki tal-għaxar Stati Membri tal-ILO, li tmienja minnhom huma Stati tal-kosta, jkunu ġew irreġistrati mad-Direttorat Ġenerali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol.

    B'XHIEDA TA' DAN, is-sottoskritti poġġew il-firem tagħhom għal dan il-Ftehim.

    MAGĦMUL F'Gothenburg, l-Iżvezja, dan il-wieħed u għoxrin jum ta' Mejju elfejn u tnax.

    Is-Sur Javier Garat, President ta' Europêche

    Is-Sur Giampaolo Buonfiglio, President tal-Grupp ta' Ħidma għas-Sajd ta' COPA-COGECA

    Is-Sur Eduardo Chagas, Segretarju Ġenerali tal-ETF

    ANNESS I

    IL-FTEHIM TAX-XOGĦOL TAS-SAJJIEDA

    Il-ftehim tax-xogħol tas-sajjieda għandu jkun fih id-dettalji li ġejjin, ħlief sa fejn l-inklużjoni ta' wieħed jew iktar minnhom ma tibqax meħtieġa mill-fatt li l-kwistjoni hija regolata b'mod ieħor mil-liġijiet jew ir-regolamenti nazzjonali jew ftehim ta' negozjar kollettiv fejn applikabbli:

    (a)

    il-kunjom u ismijiet oħrajn, id-data tat-twelid u l-età, u l-post tat-twelid tas-sajjied;

    (b)

    il-post li fih il-ftehim ġie konkluż u d-data;

    (c)

    l-isem tal-bastiment jew bastimenti tas-sajd u n-numru tar-reġistrazzjoni tal-bastiment jew bastimenti li s-sajjied jimpenja ruħu li jaħdem abbord tagħhom;

    (d)

    l-isem tal-impjegatur, jew is-sid tal-bastiment tas-sajd, jew parti oħra għall-ftehim mas-sajjied;

    (e)

    il-vjaġġ jew vjaġġi li jridu jitwettqu, jekk dan jista' jkun iddeterminat fiż-żmien li jsir il-ftehim;

    (f)

    il-kapaċità li fiha jiġi impjegat jew involut is-sajjied;

    (g)

    jekk possibbli, il-post li fih u d-data li fiha s-sajjied ikun meħtieġ jirrapporta abbord għas-servizz;

    (h)

    id-dispożizzjonijiet li jridu jkunu pprovduti lis-sajjied, sakemm ma tkunx ipprovduta sistema alternattiva bil-liġi jew regolamenti nazzjonali;

    (i)

    l-ammont tal-pagi, jew l-ammont tas-sehem u l-metodu ta' kalkolu tat-tali sehem jekk ir-remunerazzjoni ser tkun fuq bażi ta' sehem, jew l-ammont tal-paga u s-sehem u l-metodu tal-kalkolu ta' dan tal-aħħar jekk ir-remunerazzjoni ser tkun fuq bażi kombinata, u kull paga minima li jkun hemm qbil fuqha;

    (j)

    it-terminazzjoni tal-ftehim u l-kundizzjonijiet tagħha; jiġifieri:

    (i)

    jekk il-ftehim ikun sar għal perjodu definittiv, id-data stabbilita għall-iskadenza tiegħu;

    (ii)

    jekk il-ftehim sar għal vjaġġ, il-port tad-destinazzjoni u l-ħin li fih jiskadi wara l-wasla qabel mas-sajjied jiġi rilaxxat;

    (iii)

    jekk il-ftehim ikun sar għal perjodu indefinit, il-kundizzjonijiet li ser jintitolaw kwalunkwe parti biex tirrevokah, kif ukoll il-perjodu meħtieġ ta' notifika għar-revoka, sakemm it-tali perjodu ma jkunx inqas għall-impjegatur, is-sid tal-bastiment tas-sajd jew parti oħra għall-ftehim mas-sajjied;

    (k)

    l-ammont ta' liv imħallas fis-sena jew il-formula użata għall-kalkolu tal-liv, fejn applikabbli;

    (l)

    il-kopertura u l-benefiċċju tas-saħħa u s-sigurtà soċjali li jridu jiġu pprovduti lis-sajjied mill-impjegatur, is-sid tal-bastiment tas-sajd jew parti jew partijiet oħrajn għall-ftehim tax-xogħol tas-sajjieda, kif applikabbli;

    (m)

    l-intitolament tas-sajjied għal ripatrijazzjoni;

    (n)

    referenza għall-ftehim ta' negozjar kollettiv, fejn applikabbli;

    (o)

    il-perjodi minimi ta' mistrieħ, skont il-liġijiet, ir-regolamenti jew miżuri oħra nazzjonali; u

    (p)

    kull dettall ieħor li l-liġi jew ir-regolamenti nazzjonali jistgħu jitolbu.

    ANNESS II

    AKKOMODAZZJONI FUQ IL-BASTIMENT TAS-SAJD

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    1.

    Dan l-Anness japplika mingħajr ħsara għad-Direttiva 92/29/KEE u d-Direttiva 93/103/KE.

    2.

    Għall-fini ta' dan l-Anness:

    (a)

    Ftehim tfisser, Ftehim konkluż bejn il-Konfederazzjoni Ġenerali tal-Kooperattivi Agrikoli fl-Unjoni Ewropea (COGECA), il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF), u l-Assoċjazzjoni ta' Organizzazzjonijiet Nazzjonali tal-Intrapriżi tas-Sajd fl-Unjoni Ewropea (Europêche) tal-21 ta' Mejju 2012 li jikkonċerna l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol fis-Sajd, 2007 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol;

    (b)

    bastiment tas-sajd ġdid tfisser, bastiment li għalih:

    (i)

    kuntratt ta' bini jew konverżjoni maġġuri jkun sar fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim jew warajha; jew

    (ii)

    il-kuntratt ta' bini jew konverżjoni maġġuri jkun sar qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, u dan jiġi kkompletat tliet snin jew iżjed wara dik id-data; jew

    (iii)

    fin-nuqqas ta' kuntratt ta' bini, fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim jew warajha:

    (a)

    jitqiegħed il-prim, jew

    (b)

    tibda l-kostruzzjoni identifikabbli b'bastiment speċifiku, jew

    (c)

    ikun beda l-assemblaġġ li jikkonsisti mill-inqas minn ħamsin tunnellata jew perċentwal wieħed tal-massa stmata tal-materjal kollu strutturali, skont liema huwa l-inqas;

    (c)

    bastiment eżistenti tfisser, bastiment li mhuwiex bastiment ġdid tas-sajd.

    3.

    Dan li ġej għandu japplika għall-bastimenti kollha tas-sajd ġodda bil-gverta, soġġett għall-esklużjonijiet stipulati skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim. L-awtorità kompetenti tista', wara konsultazzjoni, tapplika wkoll ir-rekwiżiti ta' dan il-Ftehim għall-bastimenti eżistenti, meta u sa fejn tiddetermina li dan huwa raġonevoli u prattiku.

    4.

    L-awtorità kompetenti, wara konsultazzjoni, tista' tippermetti varjazzjonijiet lid-dispożizzjonijiet ta' dan l-Anness għall-bastimenti tas-sajd li normalment jibqgħu fuq il-baħar għal inqas minn 24 siegħa u fejn is-sajjieda ma jgħixux abbord il-bastiment fil-port. Fil-każ ta' bastimenti bħal dawn, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li s-sajjieda konċernati jkollhom faċilitajiet xierqa għal skopijiet ta' mistrieħ, ikel u sanità.

    5.

    Ir-rekwiżiti għall-bastimenti ta' 24 metru fit-tul u iżjed jistgħu jiġu applikati għall-bastimenti ta' bejn 15 u 24 metru fit-tul fejn l-awtorità kompetenti tiddetermina, wara konsultazzjoni, li dan huwa raġonevoli u prattiku.

    6.

    Is-sajjieda li jaħdmu abbord bastimenti alimenturi li ma għandhomx faċilitajiet tal-akkomodazzjoni u sanitarji xierqa għandhom ikunu pprovduti b'tali akkomodazzjoni u faċilitajiet abbord il-bastiment ewlieni.

    7.

    L-Istati Membri jistgħu jestendu r-rekwiżiti ta' dan l-Anness rigward il-ħsejjes u l-vibrazzjonijiet, il-ventilazzjoni, u d-dawl għal spazji tax-xogħol magħluqa u spazji użati għall-ħażna jekk, wara konsultazzjoni, tali applikazzjoni titqies xierqa u mhux ser ikollha influwenza negattiva fuq il-funzjoni tal-proċess jew il-kundizzjonijiet tax-xogħol jew il-kwalità tal-qabdiet.

    IPPJANAR U KONTROLL

    8.

    L-awtorità kompetenti għandha tkun sodisfatta li, f'kull okkażjoni meta bastiment jinbena ġdid jew l-akkomodazzjoni tal-ekwipaġġ ta' bastiment tinbena mill-ġdid, tali bastiment jikkonforma mar-rekwiżiti ta' dan il-Ftehim. L-awtorità kompetenti għandha, sa fejn huwa prattiku, teħtieġ il-konformità ma' dan l-Anness meta l-akkomodazzjoni tal-ekwipaġġ ta' bastiment tiġi mibdula b'mod sostanzjali u, għal bastiment li jissostitwixxi l-bandiera li jtajjar mal-bandiera tal-Istat Membru, teħtieġ il-konformità ma' dawk ir-rekwiżiti ta' dan l-Anness li huma applikabbli skont il-paragrafu 3.

    9.

    Għall-okkażjonijiet innotati fil-paragrafu 8, għal bastimenti ta' 24 metru fit-tul u iżjed, il-pjanijiet dettaljati u l-informazzjoni rigward l-akkomodazzjoni ser ikun meħtieġ li jiġu sottomessi għall-approvazzjoni lill-awtorità kompetenti, jew entità awtorizzata minnha.

    10.

    Għal bastimenti ta' 24 metru fit-tul u iżjed, f'kull okkażjoni meta l-akkomodazzjoni tal-ekwipaġġ tal-bastiment tas-sajd tkun ġiet kostruwita mill-ġdid jew mibdula b'mod sostanzjali, l-awtorità kompetenti għandha tispezzjona l-akkomodazzjoni għal konformità mar-rekwiżiti tal-Ftehim, u meta l-bastiment ibiddel il-bandiera li jtajjar mal-bandiera tal-Istat Membru, għal konformità ma' dawk ir-rekwiżiti ta' dan l-Anness li huma applikabbli skont il-paragrafu 3. L-awtorità kompetenti tista' twettaq spezzjonijiet addizzjonali tal-akkomodazzjoni tal-ekwipaġġ fid-diskrezzjoni tagħha.

    11.

    Meta bastiment jissostitwixxi l-bandiera għal bandiera ta' Stat Membru jew huwa reġistrat taħt il-ġurisdizzjoni plenarja ta' Stat Membru, kull rekwiżit alternattiv li l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru mhux tal-UE li l-bandiera tiegħu il-vapur kien itajjar qabel setgħet adottat skont il-paragrafi 15, 39, 47 jew 62 jew tal-Anness III għal C188, ma jibqgħux japplikaw għall-bastiment.

    ID-DISINN U L-KOSTRUZZJONI

    12.

    Għandu jkun hemm biżżejjed spazju għar-ras fl-ispazji kollha tal-akkomodazzjoni. Għall-ispazji fejn is-sajjieda huma mistennija li joqgħodu bilwieqfa għal perjodi twal, l-ispazju għar-ras minimu għandu jkun stipulat mill-awtorità kompetenti.

    13.

    Għal bastimenti ta' 24 metru fit-tul u iżjed, l-ispazju għar-ras minimu permess fl-akkomodazzjoni kollha fejn huwa meħtieġ moviment sħiħ u liberu għandu jkun mill-inqas ta' 200 ċentimetru.

    Fetħiet fl-ispazji tal-akkomodazzjoni u bejniethom

    14.

    Ma għandux ikun hemm fetħiet diretti fil-kmamar tal-irqad mill-kmamar tal-ħut u l-ispazji tal-makkinarju, ħlief għall-iskop ta' ħarġa ta' emerġenza. Meta jkun raġonevoli u prattiku, fetħiet diretti mill-kċejjen, il-kmamar tal-ħżin, il-kmamar tat-tnixxif jew żoni sanitarji komunali għandhom ikunu evitati sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor espressament.

    15.

    Għal bastimenti ta' 24 metru fit-tul u iżjed, ma għandux ikun hemm fetħiet diretti, ħlief għall-iskop ta' ħruġ ta' emerġenza, fi kmamar tal-irqad mill-kmamar tal-ħut u spazji tal-makkinarju, jew minn kċejjen, kmamar tal-ħżin, kmamar tat-tnixxif jew żoni sanitarji komunali; dik il-parti tal-paratija li tissepara spazju bħal dan mill-kmamar tal-irqad u l-paratiji esterni għandha tkun mibnija b'mod effiċjenti mill-azzar jew materjal ieħor approvat u ma jridx ikun jgħaddi ilma u gass minnha. Din id-dispożizzjoni ma teskludix il-possibbiltà li ż-żoni sanitarji jkunu kondiviżi bejn żewġ kabini.

    L-iżolament

    16.

    L-ispazji tal-akkomodazzjoni għandhom ikunu iżolati b'mod xieraq; il-materjali użati għall-kostruzzjoni tal-paratiji interni, il-pannelli u l-pjanċi, u l-pavimenti u l-ġonot għandhom ikunu xierqa għall-iskop u għandhom jiżguraw ambjent tajjeb għas-saħħa. Għandu jkun hemm biżżejjed drenaġġ fl-ispazji kollha tal-akkomodazzjoni.

    17.

    Għandhom jittieħdu l-miżuri kollha prattiċi għall-protezzjoni tal-akkomodazzjoni tal-ekwipaġġ tal-bastimenti tas-sajd kontra dubbien u insetti oħrajn, b'mod partikolari meta l-bastimenti jkunu operati f'żoni infestati bin-nemus.

    18.

    Il-ħarġiet ta' emerġenza mill-ispazji kollha tal-akkomodazzjoni tal-ekwipaġġ għandhom ikunu pprovduti kif meħtieġ.

    IL-ĦSEJJES U L-VIBRAZZJONIJIET

    19.

    Il-paragrafu 20 japplika mingħajr ħsara għad-Direttiva 2003/10/KE u d-Direttiva 2002/44/KE.

    20.

    L-awtorità kompetenti għandha tadotta standards għall-ħsejjes u l-vibrazzjonijiet fl-ispazji tal-akkomodazzjoni li għandhom jiżguraw protezzjoni xierqa lis-sajjieda mill-effetti ta' tali ħsejjes u vibrazzjonijiet, inkluż l-effetti tal-għeja indotta mill-ħsejjes u l-vibrazzjonijiet.

    IL-VENTILAZZJONI

    21.

    L-ispazji tal-akkomodazzjoni għandhom ikunu ventilati, b'kunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet klimatiċi. Is-sistema tal-ventilazzjoni għandha tipprovdi b'mod kostanti arja friska f'kundizzjoni sodisfaċenti kull meta s-sajjieda jkunu abbord.

    22.

    L-arranġamenti tal-ventilazzjoni jew miżuri oħrajn għandhom ikunu tali li jipproteġu persuni li ma jpejpux mid-duħħan tat-tabakk.

    23.

    Bastimenti ta' 24 metru fit-tul u iżjed għandhom ikunu mgħammra b'sistema ta' ventilazzjoni għall-akkomodazzjoni, li għandha tkun ikkontrollata sabiex iżżomm l-arja f'kundizzjoni sodisfaċenti u tiżgura biżżejjed moviment tal-arja fil-kundizzjonijiet tat-temp u l-klimi kollha. Is-sistemi ta' ventilazzjoni għandhom ikunu qed joperaw fil-ħinijiet kollha li s-sajjieda jkunu abbord.

    IT-TISĦIN U L-IKKUNDIZZJONAR TAL-ARJA

    24.

    L-ispazji tal-akkomodazzjoni għandhom ikunu msaħħna b'mod xieraq, b'kunsiderazzjoni tal-kundizzjonijiet klimatiċi.

    25.

    Għal bastimenti ta' 24 metru fit-tul u iżjed, għandha tkun ipprovduta sħana xierqa, ħlief fil-bastimenti tas-sajd li joperaw esklussivament fi klimi tropikali. Is-sistema tat-tisħin għandha tipprovdi sħana fil-kundizzjonijiet kollha, kif meħtieġ, u għandha tkun qed topera meta s-sajjieda jkunu qed jgħixu jew jaħdmu abbord, u meta l-kundizzjonijiet jeħtieġu dan.

    26.

    Għal bastimenti ta' 24 metru fit-tul u iżjed, bl-eċċezzjoni ta' dawk impenjati regolarment f'żoni fejn il-kundizzjonijiet klimatiċi moderati ma jeħtiġux dan, għandu jkun hemm ikkondizzjonar tal-arja fl-ispazji tal-akkomodazzjoni, il-pont, il-kamra tar-radju u kull kamra tal-kontroll tal-makkinarju ċentralizzata.

    IT-TIDWIL

    27.

    L-ispazji kollha tal-akkomodazzjoni għandhom ikunu pprovduti b'dawl xieraq.

    28.

    Kull meta jkun prattiku, l-ispazji tal-akkomodazzjoni għandhom ikunu mdawla b'dawl naturali minbarra d-dawl artifiċjali. Meta l-ispazji tal-irqad ikollhom dawl naturali, għandhom ikunu pprovduti b'mezzi li jimblukkaw id-dawl.

    29.

    Għandu jkun hemm dawl xieraq għall-qari għal kull sodda fissa minbarra d-dawl normali tal-kamra tal-irqad.

    30.

    Għandu jkun hemm dawl ta' emerġenza fil-kmamar tal-irqad.

    31.

    Meta bastiment ma jkunx mgħammar b'dawl ta' emerġenza fil-kmamar tal-ikel, il-passaġġi, u kull spazju ieħor li jintuża jew jista' jintuża għal ħruġ ta' emerġenza, għandu jkollhom dawl ta' billejl permanenti f'dawn l-ispazji.

    32.

    Għal bastimenti ta' 24 metru fit-tul u iżjed, id-dawl fl-ispazji tal-akkomodazzjoni għandu jilħaq standard stabbilit mill-awtorità kompetenti. Fi kwalunkwe parti tal-ispazju tal-akkomodazzjoni disponibbli għal moviment liberu, l-istandard minimu għat-tali dawl għandu jkun tali li jippermetti persuna b'vista normali biex taqra gazzetta ordinarja stampata f'jum mhux imsaħħab.

    IL-KMAMAR TAL-IRQAD

    Ġenerali

    33.

    Meta d-disinn, id-dimensjonijiet jew l-iskop tal-bastiment jippermettu, l-akkomodazzjoni tal-irqad għandha tkun ippożizzjonata fejn jiġu mnaqqsal-effetti tal-moviment u l-aċċellerazzjoni iżda bl-ebda mod ma għandha tkun ippożizzjonata 'l quddiem mill-paratija tal-ħbit.

    L-erja tal-art

    34.

    In-numru ta' persuni għal kull kamra tal-irqad u l-erja tal-art għal kull persuna, minbarra l-ispazju okkupat mis-sodod fissi u l-kaxxarizzi, għandhom ikunu tali li jipprovdu spazju u kumdità xierqa għas-sajjieda abbord, b'kunsiderazzjoni tas-servizz tal-bastiment.

    35.

    Għal bastimenti ta' 24 metru fit-tul u iżjed iżda li huma inqas minn 45 metru fit-tul, l-erja tal-art għal kull persuna tal-kmamar tal-irqad, minbarra l-ispazju okkupat mis-sodod fissi u l-kaxxarizzi, ma għandhiex tkun inqas minn 1,5 metri kwadri.

    36.

    Għal bastimenti ta' 45 metru fit-tul u iżjed, l-erja tal-art għal kull persuna tal-kmamar tal-irqad, minbarra l-ispazju okkupat mis-sodod fissi u l-kaxxarizzi, ma għandhiex tkun inqas minn 2 metri kwadri.

    Persuni f'kull kamra tal-irqad

    37.

    Sakemm ma jkunx espress b'mod ieħor, in-numru ta' persuni permessi li jokkupaw kull kamra tal-irqad ma għandux ikun iżjed minn sitta.

    38.

    Għal bastimenti ta' 24 metru fit-tul u iżjed, in-numru ta' persuni permessi li jokkupaw kull kamra tal-irqad ma għandux ikun iżjed minn erbgħa. L-awtorità kompetenti tista' tippermetti eċċezzjonijiet għal dan ir-rekwiżit f'każijiet partikolari jekk id-daqs, it-tip jew is-servizz maħsub tal-bastimenti jagħmel ir-rekwiżit mhux raġonevoli jew prattiku.

    39.

    Sakemm ma jkunx ipprovdut b'mod ieħor espressament, għandha tkun ipprovduta kamra tal-irqad jew kmamar tal-irqad separati għall-uffiċjali, fejn dan huwa prattiku.

    40.

    Għal bastimenti ta' 24 metru fit-tul u iżjed, il-kmamar tal-irqad għall-uffiċjali għandhom ikunu għal persuna waħda fejn dan huwa possibbli u fl-ebda każ il-kmamar tal-irqad ma għandu jkun fihom iżjed minn żewġ sodod fissi. L-awtorità kompetenti tista' tippermetti eċċezzjonijiet għar-rekwiżiti ta' dan il-paragrafu f'każijiet partikolari jekk id-daqs, it-tip jew is-servizz maħsub tal-bastiment jagħmel ir-rekwiżiti mhux raġonevoli jew prattiċi.

    Oħrajn

    41.

    In-numru massimu ta' persuni li jridu jiġu akkomodati fi kwalunkwe kamra tal-irqad għandu jkun immarkat b'mod leġibbli u li ma jistax jitħassar f'post fil-kamra li huwa faċilment viżibbli.

    42.

    Għandhom ikunu pprovduti sodod fissi individwali ta' dimensjonijiet xierqa. Is-saqqijiet għandhom ikunu ta' materjal adattat. Għandu jkun hemm dawl lokali fejn kull sodda fissa.

    43.

    Għal bastimenti ta' 24 metru fit-tul u iżjed, id-dimensjonijiet interni minimi tas-sodod fissi ma għandhomx ikunu inqas minn 198 bi 80 ċentimetru.

    44.

    Il-kmamar tal-irqad għandhom ikunu ppjanati u mgħammra b'mod li jiżguraw kumdità raġonevoli għall-okkupanti u jiffaċilitaw l-ordni. It-tagħmir ipprovdut għandu jinkludi sodod fissi, kaxxarizzi individwali suffiċjenti għall-ħwejjeġ u oġġetti personali oħrajn, u wiċċ adattat għall-kitba.

    45.

    Għal bastimenti ta' 24 metru fit-tul u iżjed, għandha tkun ipprovduta skrivanija adattata għall-kitba, b'siġġu.

    46.

    L-akkomodazzjoni tal-irqad għandha tkun sitwata jew mgħammra, fejn dan huwa prattiku, sabiex tipprovdi livelli xierqa ta' privatezza għall-irġiel u għan-nisa.

    IL-KMAMAR TAL-IKEL

    47.

    Il-kmamar tal-ikel għandhom ikunu viċin kemm jista' jkun possibbli tal-kċina, iżda qatt ma għandhom ikunu jinsabu 'l quddiem mill-paratija tal-ħbit.

    48.

    Il-bastimenti għandhom ikunu pprovduti bl-akkomodazzjoni tal-kmamar tal-ikel xierqa għas-servizz tagħhom. Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor espressament, l-akkomodazzjoni tal-kmamar tal-ikel għandha tkun separata miż-żoni tal-irqad, meta dan ikun prattiku.

    49.

    Għal bastimenti ta' 24 metru fit-tul u iżjed, l-akkomodazzjoni tal-kmamar tal-ikel għandha tkun separata miż-żoni tal-irqad.

    50.

    Id-dimensjonijiet u t-tagħmir ta' kull kamra tal-ikel għandhom ikunu biżżejjed għan-numru ta' persuni li probabbilment ser jużawha fi kwalunkwe ħin partikolari.

    51.

    Għal bastimenti b'tul bejn il-perpendikulari (LBP) ta' 15-il metru jew iżjed, friġġ ta' biżżejjed kapaċità u faċilitajiet għat-tħejjija ta' xorb kiesaħ u sħun għandhom ikunu disponibbli u aċċessibbli għas-sajjieda fil-ħinijiet kollha.

    IL-BANJIJIET JEW ID-DOĊĊI, IT-TOJLITS U S-SINKIJIET

    52.

    Faċilitajiet sanitarji, li jinkludu tojlits, sinkijiet, u banjijiet u doċċi, għandhom ikunu pprovduti għall-persuni kollha abbord, kif xieraq għas-servizz tal-bastiment. Dawn il-faċilitajiet għandhom jissodisfaw mill-inqas l-istandards minimi tas-saħħa u l-iġjene u standards raġonevoli ta' kwalità.

    53.

    L-akkomodazzjoni sanitarja għandha tkun tali li telimina l-kontaminazzjoni ta' spazji oħrajn. Il-faċilitajiet sanitarji għandhom jippermettu biżżejjed privatezza.

    54.

    Ilma ġieri frisk sħun u kiesaħ għandu jkun disponibbli għas-sajjieda kollha u persuni oħrajn abbord, fi kwantitajiet biżżejjed li jippermettu iġjene xierqa. L-awtorità kompetenti tista' tistabbilixxi, wara konsultazzjoni, l-ammont minimu ta' ilma li għandu jkun ipprovdut.

    55.

    Fejn ikunu pprovduti faċilitajiet sanitarji, dawn għandhom ikunu mgħammra b'ventilazzjoni għall-arja miftuħa, indipendenti minn kwalunkwe parti oħra tal-akkomodazzjoni.

    56.

    L-uċuh kollha fl-akkomodazzjoni sanitarja għandhom ikunu tali li jippermettu t-tindif faċli u effettiv. Il-pavimenti kollha għandhom ikollhom kisi kontra ż-żliq.

    57.

    Fuq bastimenti ta' 24 metru fit-tul u iżjed, għas-sajjieda kollha li ma jokkupawx kmamar li magħhom hemm mehmużin faċilitajiet sanitarji, għandu jkun hemm mill-inqas banju jew doċċa waħda jew it-tnejn li huma, tojlit wieħed, u sink wieħed għal kull erba' persuni jew inqas.

    IL-FAĊILITAJIET TAL-LONDRI

    58.

    Faċilitajiet għall-ħasil u t-tnixxif tal-ħwejjeġ għandhom ikunu pprovduti kif meħtieġ, b'kunsiderazzjoni tas-servizz tal-bastiment, sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor espressament.

    59.

    Għal bastimenti ta' 24 metru fit-tul u iżjed, għandu jkun hemm faċilitajiet xierqa biex taħsel, tnixxef u tgħaddi l-ħwejjeġ.

    60.

    Għal bastimenti ta' 45 metru fit-tul u iżjed, għandhom jiġu pprovduti faċilitajiet xierqa għall-ħasil, tnixxef u mogħdija tal-ħwejjeġ f'kumpartiment separat mill-kmamar tal-irqad, il-kmamar tal-ikel u t-tojlits, u dawn għandhom ikunu vventilati, imsaħħna u mgħammra kif xieraq bi ħbula tal-inxir jew mezzi oħrajn biex tnixxef il-ħwejjeġ.

    FAĊILITAJIET GĦAL SAJJIEDA MORDA U MIDRUBA

    61.

    Minbarra r-rekwiżiti tad-Direttiva 92/29/KEE għandu jkun hemm disponibbli kabina għas-sajjieda li jsofru minn mard jew korriment kull meta jkun meħtieġ.

    62.

    Minflok ir-rekwiżiti stabbilit fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 92/29/KEE għandu japplika dan li ġej: Fuq bastimenti ta' iżjed minn 500 tunnellata gross reġistrata (GRT) li fuqhom hemm impenjati 15-il sajjied jew iktar fuq vjaġġ li jdum iżjed minn tliet ijiem, u fuq bastimenti tas-sajd ta' 45 metru fit-tul jew iżjed, irrispettivament mid-daqs tal-ekwipaġġ u d-dewmien tal-vjaġġ, għandu jkun hemm infermerija separata li fiha jingħata trattament mediku. L-ispazju għandu jkun mgħammar kif xieraq u għandu jinżamm fi stat iġjeniku.

    FAĊILITAJIET OĦRA

    63.

    Post fejn wieħed idendel tagħmir tal-maltemp u tagħmir personali protettiv ieħor għandu jkun ipprovdut barra minn, iżda f'post konvenjenti viċin, il-kmamar tal-irqad.

    IL-BJANKERIJA TAS-SODDA, L-GĦODDA TAL-IKEL U PROVVISTI MIXXELLENJI

    64.

    Għodda xierqa għall-ikel, u bjankerija tas-sodda u bjankerija oħra għandhom jiġu pprovduti lis-sajjieda kollha abbord. Madankollu, l-ispejjeż tal-bjankerija jistgħu jiġu rkuprati bħala spiża operattiva jekk il-ftehim kollettiv jew il-ftehim tax-xogħol ta' sajjied jistipula hekk.

    IL-FAĊILITAJIET RIKREATTIVI

    65.

    Għal bastimenti ta' 24 metru fit-tul u iżjed, għandhom jiġu pprovduti faċilitajiet, kumditajiet u servizzi rikreattivi xierqa għas-sajjieda kollha abbord. Fejn xieraq, il-kmamar tal-ikel jistgħu jintużaw għal attivitajiet rikreattivi.

    IL-FAĊILITAJIET TAL-KOMUNIKAZZJONI

    66.

    Is-sajjieda kollha abbord għandhom jingħataw aċċess raġonevoli għall-faċilitajiet tal-komunikazzjoni, sal-livell prattiku, għal spiża raġonevoli u li ma taqbiżx l-ispiża sħiħa għas-sid tal-bastiment tas-sajd.

    IL-KĊINA U L-FAĊILITAJIET TAL-ĦŻIN TAL-IKEL

    67.

    Għandu jkun hemm tagħmir tat-tisjir abbord. Sakemm mhux espressament stipulat mod ieħor, dan it-tagħmir għandu jkun mgħammar, fejn prattiku, fi kċina separata.

    68.

    Il-kċina, jew iż-żona tat-tisjir fejn ma jkunx hemm kċina separata, għandha tkun ta' daqs adegwat għall-iskop, imdawla u ventilata sew, u mgħammra u miżmuma kif xieraq.

    69.

    Għal bastimenti ta' 24 metru fit-tul u iżjed, għandu jkun hemm kċina separata.

    70.

    Il-kontenituri tal-gass butan jew propan użati għal skopijiet ta' tisjir fi kċina għandhom jinżammu fuq il-gverta miftuħa u f'xelter li huma maħsub għall-protezzjoni tagħhom minn sorsi esterni ta' sħana u minn impatti esterni.

    71.

    Għandu jkun ipprovdut post xieraq għall-provvisti ta' kapaċità adegwata li jistgħu jinżammu xotti, friski u vventilati sew sabiex tiġi evitata d-deterjorazzjoni tal-ħażniet u, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor espressament, għandhom jintużaw friġġijiet jew post tal-ħżin oħrajn b'temperatura baxxa, fejn dan huwa possibbli.

    72.

    Għal bastimenti b'tul bejn il-perpendikulari (LBP) ta' 15-il metru jew iżjed, għandhom jintużaw kamra tal-ħżin għall-provvisti u friġġ u post tal-ħżin ieħor b'temperatura baxxa.

    L-IKEL U L-ILMA TAX-XORB

    73.

    L-ikel u l-ilma tax-xorb għandhom ikunu biżżejjed, meta wieħed iqis in-numru ta' sajjieda, u d-dewmien u n-natura tal-vjaġġ. Barra dan, dawn għandhom ikunu adegwati fir-rigward tal-valur nutrittiv, il-kwalità, il-kwantità u l-varjetà, b'kunsiderazzjoni ukoll tar-rekwiżiti reliġjużi u l-prattiki kulturali tas-sajjieda relatati mal-ikel.

    74.

    L-awtorità kompetenti tista' tistabbilixxi rekwiżiti għall-istandards minimi u l-kwantità ta' ikel u xorb li jridu jinġarru abbord.

    KUNDIZZJONIJIET NODFA U ABITABBLI

    75.

    L-akkomodazzjoni għandha tinżamm f'kundizzjoni nadifa u abitabbli u għandha tinżamm ħielsa minn oġġetti u ħażniet li mhumiex il-proprjetà personali tal-okkupanti jew għas-sikurezza jew is-salvataġġ tagħhom.

    76.

    Il-faċilitajiet tal-kċina u tal-ħżin tal-ikel għandhom jinżammu f'kundizzjoni iġjenika.

    77.

    L-iskart għandu jinżamm f'kontenituri magħluqa u ssiġġillati sew u għandu jitneħħa minn żoni fejn jiġi mmaniġġjat l-ikel kull meta dan ikun meħtieġ.

    L-ISPEZZJONIJIET MILL-KAPTAN JEW TAĦT L-AWTORITÀ TAL-KAPTAN

    78.

    (a)

    Għal bastimenti ta' 24 metru fit-tul u iżjed, l-awtorità kompetenti għandha teħtieġ li jitwettqu spezzjonijiet frekwenti, mill-kaptan jew taħt l-awtorità tiegħu, biex jiġi żgurat li:

    (i)

    l-akkomodazzjoni tkun nadifa, abitabbli b'mod diċenti u sikura, u tinżamm fi stat tajjeb ta' manutenzjoni;

    (ii)

    il-provvisti tal-ikel u x-xorb ikunu suffiċjenti; u

    (iii)

    l-ispazji u t-tagħmir tal-kċina u tal-ħżin tal-ikel ikunu iġjeniċi u fi stat xieraq ta' manutenzjoni.

    (b)

    Ir-riżultati ta' spezzjonijiet bħal dawn, u l-azzjonijiet li jittieħdu biex jindirizzaw kwalunkwe nuqqas li jinstab, għandhom ikunu rreġistrati u disponibbli għal reviżjoni.

    VARJAZZJONIJIET

    79.

    L-awtorità kompetenti, wara konsultazzjoni, tista' tippermetti derogi mid-dispożizzjonijiet f'dan l-Anness biex tikkunsidra, mingħajr diskriminazzjoni, l-interessi tas-sajjieda li għandhom prattiki reliġjużi u soċjali differenti u distintivi, bil-kundizzjoni li derogi bħal dawn ma jirriżultawx f'kundizzjonijiet ġenerali inqas favorevoli minn dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' dan l-Anness.


    Top